EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0485

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Verbraucherzentrale Berlin eV vs Unimatic Vertriebs GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 2(9) – Kunċett ta’ ‘post tan-negozju’ – Kriterji – Kuntratt ta’ bejgħ konkluż fl-istand miżmum minn kummerċjant fl-okkażjoni ta’ fiera kummerċjali.
Kawża C-485/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:642

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 2(9) – Kunċett ta’ ‘post tan-negozju’ – Kriterji – Kuntratt ta’ bejgħ konkluż fl-istand miżmum minn kummerċjant fl-okkażjoni ta’ fiera kummerċjali”

Fil-Kawża C‑485/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Verbraucherzentrale Berlin eV

vs

Unimatic Vertriebs GmbH

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verbraucherzentrale Berlin eV, minn R. Jahn, Rechtsanwalt,

għal Unimatic Vertriebs GmbH, minn P. Rau, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J. Van Holm, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verbraucherzentrale Berlin eV, assoċjazzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni”), u Unimatic Vertriebs GmbH (iktar ’il quddiem “Unimatic”) kumpannija ta’ distribuzzjoni, rigward l-informazzjoni li tirrigwarda d-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur fil-kuntest ta’ bejgħ konkluż fl-okkażjoni ta’ fiera kummerċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 5, 7, 21, 22 u 37 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(4)

[…] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)

[…] [A]rmonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern […]

[…]

(7)

| L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. […] Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

[…]

(21)

Kuntratt li jsir lil hinn mill-post tan-negozju għandu jiġi definit bħala kuntratt konkluż mal-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li ma jkunx il-post tan-negozju tal-kummerċjant, pereżempju għand dar il-konsumatur jew fil-post tax-xogħol tiegħu. F’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju, il-konsumatur jista’ jkunu taħt pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi konfrontat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk talbux jew le ż-żjara tal-kummerċjant huma. Id-definizzjoni ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju għandha wkoll tinkludi sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur huwa personalment u individwalment avviċinat f’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju iżda l-kuntratt jiġi konkluż immedjatament wara fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. […] Ix-xiri li jsir matul il-vjaġġ organiżżat mill-kummerċjant li matulu tal-oġġetti akwistati ġew promossi u offerti għal bejħ oġġett għandu jitqies bħala kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju.

(22)

Il-post tan-negozju għandu jinkludi l-post fi kwalunkwe forma (bħalma huma ħwienet, posti tal-monti jew trakkijiet) li jservi bħala post permanenti jew tas-soltu ta’ negozju għall-kummerċjant. Armar tal-monti u tal-fieri għandu jiġi ttrattat bħala post tan-negozju jekk jissodisfaw din il-kundizjoni. Il-postjiet ta’ bejgħ bl-imnut fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attivitajiet tiegħu fuq bażi staġjonali, pereżempju matul l-istaġun turistiku f’post tal-villeġġatura tal-muntanja jew tal-baħar, għandhom jiġu meqjusa bħala postijiet tan-negozju billi l-kummerċjant iwettaq l-attivitajiet tiegħu f’ dak il-post fuq bażi tas-soltu. Spazji aċċessibbli għall-pubbliku, bħat-toroq, ċentri kummerċjali, bajjiet, faċilitajiet sportivi u trasport pubbliku, li l-kummerċjant juża fuq bażi eċċezzjonali għall-attivitajiet ta’ negozju tiegħu kif ukoll djar privati jew postijiet tax-xogħol ma għandhomx jitqiesu bħala postijiet tan-negozju. […]

[…]

(37)

[…] Għal dak li jirrigwarda l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt ta’ reċess minħabba l-element potenzjali ta’ sorpriża u/jew ta’ pressjoni psikoloġika. Ir-reċess mill-kuntratt għandu jittermina l-obbligu tal-partijiet kontraenti li jeżegwixxu l-kuntratt.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

8)

‘kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju’ tfisser kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur:

a)

konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant;

b)

li saret offerta għalih mill-konsumatur f’ċirkostanzi simili kif imsemmi fil-punt (a)

c)

konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant iżda permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament; jew

d)

konkluż waqt vjaġġ promozzjonali organizzat mill-kummerċjant bil-għan u bl-effett li jippromwovi u jbigħ il-oġġetti jew is-servizzi lill-konsumatur;

9)

‘post tan-negozju’ tfisser:

a)

kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti; jew

b)

kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi tas-soltu;

[…]”

5

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva huwa relatat mar-“[r]ekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti li mhumiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju”.

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

h)

f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);

[…]”

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Rekwiżiti formali għal kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur fuq karta jew jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil. Dik l-informazzjoni għandha tkun leġġibbli u ppreżentata b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.”

8

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess” huwa, fil-paragrafu 1 tiegħu, ifformulat kif ġej:

“Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.”

Id-dritt Ġermaniż

9

Id-Direttiva 2011/83 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż mill-Gesetz zur Umsetzung der Verbraucherrechterichtlinie und zur Änderung des Gesetzes zur Regelung der Wohnungsvermittlung (il-liġi li tikkonċerna t-traspożizzjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u l-emenda tal-liġi għar-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ proprjetà immobbli), tal-20 ta’ Settembru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3642).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Unimatic hija kumpannija ta’ distribuzzjoni li tikkummerċjalizza oġġetti b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-fiera Grüne Woche (ġimgħa ħadra) li sseħħ kull sena f’Berlin (il-Ġermanja). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Unimatic tbigħ l-oġġetti tagħha esklużivament fil-kuntest ta’ fieri.

11

Fit-22 ta’ Jannar 2015, klijent ordna fl-istand miżmuma minn Unimatic f’din il-fiera vacuum cleaner li jaħdem bil-fwar għall-prezz ta’ EUR 1600. Unimatic ma informatx lil dan il-klijent bl-eżistenza ta’ dritt ta’ rtirar previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, konformement mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/83.

12

L-assoċjazzjoni kkunsidrat li Unimatic imissha informat lil dan il-klijent bl-eżisenza ta’ dritt ta’ rtirar, peress li l-kuntratt ta’ bejgħ ġie konkluż barra minn post tan-negozju.

13

Konsegwentement, l-assoċjazzjoni ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Freiburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg, il-Ġermanja) intiż sabiex Unimatic tkun ipprojbita milli tbigħ il-prodotti tagħha mingħajr ma tagħti informazzjoni lill-konsumaturi fuq id-dritt ta’ rtirar li jibbenefikaw minnu.

14

It-talba tal-assoċjazzjoni ġiet miċħuda mil-Landgericht Freiburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg), bħal fil-każ tal-appell ippreżentat minnha quddiem l-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja).

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assoċjazzjoni ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 ma tindikax il-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat sa fejn, f’każ konkret, il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu f’post fejn isir il-bejgħ “fuq bażi tas-soltu” fis-sens tal-Artikolu 2(9)(b) ta’ din id-direttiva.

17

F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward b’mod partikolari tal-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83, ikun maħsub li jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li l-kummerċjant juża fuq bażi abitwali ċertu metodu ta’ bejgħ, jiġifieri li jbigħ regolarment, u mhux biss okkażjonalment, il-prodotti tiegħu f’post fejn isir il-bejgħ.

18

Min-naħa l-oħra, dan l-approċċ ikollu bħala konsegwenza li l-konsumatur li jakkwista oġġett propost għall-bejgħ fil-kuntest ta’ fiera minn kummerċjant, li għandu ħanut “fiss” li fih jikkummerċjalizza abitwalment dan l-istess oġġett u okkażjonalment biss fil-fieri, jibbenefika mid-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/83, filwaqt li l-bejgħ imwettaq minn kummerċjant ieħor li jbigħ abitwalment l-oġġetti tiegħu fil-fieri u li ma għandux ħanut fiss ma jitqiesx bħala imwettaq “lil hinn mill-post tan-negozju” u, konsegwentement, ma jinkludix dan id-dritt ta’ rtirar.

19

Skont approċċ ieħor, espost mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex il-mod li bih il-kummerċjant jorganizza l-attività kummerċjali tiegħu li jkun deċiżiv sabiex jiġi evalwat jekk il-kuntratt huwiex konkluż barra mill-“post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83. Din l-evalwazzjoni għandha sseħħ fir-rigward tan-natura tal-oġġett mibjugħ. Jekk dan huwa oġġett li tipikament jinbiegħ fil-fieri, għandu jiġi kkunsidrat li l-konsumatur kellu jistenna, meta jmur fil-fiera inkwistjoni, li tali oġġett jiġi propost lilu għall-bejgħ. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta’ tipi ta’ oġġetti oħra, li ma setax jistenna li jiġi propost bihom f’din il-fiera. Dan l-approġġ huwa bbażat fuq l-iskop tad-dritt ta’ rtirar previst mid-Direttiva 2011/83, li jikkonsisti li l-konsumatur jiġi protett kontra l-konklużjoni mħaffa ta’ kuntratt f’sitwazzjoni ta’ sorpriża jew taħt pressjoni psikoloġika.

20

Fil-kuntest tal-approċċ previst fil-punt preċedenti, ikunu rilevanti l-aspettattivi u l-perċezzjoni tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, minn naħa, ikun possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni aspettattivi tal-konsumatur fil-mument tad-deċiżjoni tiegħu li jmur il-fiera, fejn dawn l-aspettattivi jkunu bbażati fuq l-informazzjoni li tikkonċerna l-oġġetti jew is-servizzi li huma offerti hemmhekk. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83, għandu pjuttost ikun hemm rigward għaċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-kuntratt huwa konkluż fl-okkażjoni ta’ fiera.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Stand li jkun jinsab f’sala ta’ espożizzjoni, li jintuża minn operatur kummerċjali għall-bejgħ tal-prodotti tiegħu f’fiera li tinżamm għal xi jiem kull sena, tikkostitwixxi post tan-negozju immobbli fis-sens tal-Artikolu 2(9)(a) tad-Direttiva 2011/83/UE jew post tan-negozju mobbli fis-sens tal-Artikolu 2(9)(b) tal-imsemmija direttiva?

2.

Fil-każ li dan huwa post tan-negozju mobbli:

għad-domanda dwar jekk operatur kummerċjali jeżerċitax l-attività tiegħu ‘b’mod abitwali’ fl-istands ta’ fiera għandha tingħata risposta fid-dawl,

a)

tal-mod kif l-operatur kummerċjali jorganizza l-attività tiegħu jew

b)

tal-kwistjoni ta’ jekk il-konsumatur għandux jistenna l-konklużjoni ta’ kuntratt relatat mal-prodotti kkonċernati fl-okkażjoni tal-fiera inkwistjoni?

3.

Fil-każ li l-perċezzjoni tal-konsumatur hija deċiżiva għar-risposta għat-tieni domanda (il-punt (b) tat-tieni domanda):

fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-konsumatur għandux jistenna l-konklużjoni ta’ kuntratt relatat mal-prodotti kkonċernati fl-okkażjoni tal-fiera inkwistjoni, għandu jitqies il-mod kif il-fiera hija ppreżentata lill-pubbliku jew il-mod kif il-fiera hija fil-fatt ippreżentata lill-konsumatur fil-mument li jassumi l-impenn kuntrattwali tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li stand, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miżmum minn kummerċjant f’fiera kummerċjali, li fih jeżerċita l-attivitajiet tiegħu xi ġranet fis-sena, huwiex “post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

23

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/83 tiddefinixxi “post tan-negozju”, minn naħa, fl-Artikolu 2(9)(a), bħala kwalunkwe post fejn isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 2(9)(b) bħala kwalunkwe post fejn isir bejgħ bl-imnut mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi abitwali.

24

Il-premessa 22 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-post tan-negozju għandu jinkludi l-post fi kwalunkwe forma (bħalma huma ħwienet, posti jew trakkijiet) li jservi bħala post permanenti jew abitwali ta’ negozju għall-kummerċjant.

25

Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-post tan-negozju jista’ jkun sit kummerċjali kemm immobbli, kif ukoll mobbli, fejn l-attività tal-kummerċjant hija eżerċitata b’mod permanenti jew b’mod abitwali.

26

Id-Direttiva 2011/83 ma tiddefinixxix x’għandu jinftiehem b’attività eżerċitata “fuq bażi permanenti” jew “fuq bażi tas-soltu” u lanqas ma tagħmel riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jikkonċerna s-sens preċiż ta’ dawn it-termini.

27

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jsib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tkun imfittxija billi jitqiesu mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għaldaqstant, il-kunċetti previsti fl-Artikolu 2(9)(a) u (b) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

29

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ kummerċjant eżerċitati fuq stand, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi installat f’fiera għal perijodu ta’ xi ġranet matul sena kalendarja, ma jistgħux jitqiesu bħala eżerċitati “fuq bażi permanenti”, fis-sens abitwali ta’ din l-espressjoni.

30

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-espressjoni “fuq bażi tas-soltu”, għandu jiġi rrilevat li, fis-sens normali tagħha, din l-espressjoni tista’ tinftiehem bħala li tirreferi kemm għal ċerta kostanza fiż-żmien tal-attività inkwistjoni kemm għan-natura normali li l-eżerċizzju ta’ din l-attività għandu fil-post inkwistjoni. Konsegwentement, is-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-lingwaġġ ta’ kuljum ma jippermettix, waħdu, li mal-ewwel tingħata interpretazzjoni univokali tagħha.

31

Xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li kummerċjant jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fuq bażi permanenti jew fuq bażi abitwali fi “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83, jiddetermina l-portata tal-protezzjoni tal-konsumatur prevista minn din id-direttiva.

32

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2011/83 jipprevedu obbligi għal informazzjoni u obbligi formali li jikkonċernaw il-“kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 2(8) ta’ din id-direttiva. Minbarra dan, l-Artikoli 9 sa 16 tagħha jagħtu lill-konsumatur dritt ta’ rtirar wara l-konklużjoni ta’ tali kuntratt u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni tal-“kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju” tirreferi għall-kunċett ta’ “post tan-negozju”, fis-sens tal-Artikolu 2(9) ta’ din id-direttiva.

33

L-għan tad-dispożizzjonijiet previsti fil-punt preċedenti huwa espost b’mod partikolari fil-premessa 21 tad-Direttiva 2011/83, li skont din, meta jinsab barra mill-post tan-negozju tal-kummerċjant, il-konsumatur jista’ jkun suġġett għal pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi kkonfrontat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk talabx jew le ż-żjara tal-kummerċjant. Sa dan il-punt, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu wkoll l-intenzjoni li jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur huwa personalment u individwalment avviċinat f’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju, iżda fejn il-kuntratt jiġi konkluż immedjatament wara, fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod.

34

Isegwi li għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-protezzjoni tal-konsumatur, f’dak li jikkonċerna l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, fil-każ fejn, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur ma jsibx ruħu fi stabbiliment okkupat fuq bażi permanenti jew abitwali mill-kummerċjant, dan huwa għaliex qies li, billi mar spontanjament f’tali post, dan il-konsumatur jista’ jistenna li jiġi avviċinat mill-kummerċjant, b’mod li, skont il-każ, ma jistax jiġi sussegwentement validament sosnut li kien ġie sorpriż bl-offerta ta’ dan il-kummerċjant.

35

Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “post tan-negozju” kien diġà jinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/83.

36

Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 85/577 kienet tistabbilixxi li l-kuntratti konklużi barra mill-postijiet tan-negozju tal-kummerċjant huma kkaratterizzati mill-fatt li l-inizjattiva tan-negozjati normalment tirriżulta mill-kummerċjant u li l-konsumatur bl-ebda mod ma jkun ippreparat għal dawn in-negozjati u jinqabad f’sitwazzjoni li ma jkunx qed jistenna, u li, ta’ spiss, ma jkunx jista’ jqabbel il-kwalità kif ukoll il-prezz tal-offerta ma’ offerti oħra. Din il-premessa kienet tippreċiża wkoll li dan l-element ta’ sorpriża ġeneralment jeżisti mhux biss fil-kuntratti konklużi fuq it-tarġa tal-bieb iżda ukoll f’forom oħra ta’ kuntratti li l-kummerċjant jieħu l-inizjattiva għalihom barra mill-postijiet tan-negozju tiegħu.

37

Huwa b’mod partikolari fir-rigward ta’ din ir-raba’ premessa tad-Direttiva 85/577 li, fil-punti 34 u 37 tas-sentenza tat-22 ta’ April 1999, Travel Vac (C‑423/97, EU:C:1999:197), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “post tan-negozju” fis-sens ta’ din id-direttiva, kien jirreferi għall-postijiet li fihom il-kummerċjant abitwalment jeżerċita l-attivitajiet tiegħu li huma identifikati b’mod ċar bħala postijiet ta’ bejgħ lill-pubbliku.

38

Sa fejn jirriżulta mill-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83 li din hija intiża li tirreferi wkoll, permezz tal-kunċett ta’ “post tan-negozju”, għall-postijiet li fihom il-fatt, għal konsumatur, li jkollu avviċinament kummerċjali ma jikkostitwixxix element ta’ sorpriża, it-tagħlim li joħroġ minn din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/577 jibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan l-istess kunċett, fis-sens tad-Direttiva 2011/83.

39

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u dawk esposti fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-espressjoni “fuq bażi tas-soltu” fis-sens tal-Artikolu 2(9)(b) tad-Direttiva 2011/83 għandha tinftiehem bħala li tirreferi għan-natura li għandu, fil-post ikkonċernat, l-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni.

40

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanza li l-Artikolu 2(9)(a) tad-Direttiva 2011/83 jirreferi, fir-rigward ta’ postijiet immobbli, għall-attivitajiet kummerċjali eżerċitati mhux “fuq bażi tas-soltu” iżda “fuq bażi permanenti” mill-kummerċjant ikkonċernat. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali postijiet, il-fatt stess li l-attività kkonċernata tkun eżerċitata fih b’mod permanenti jimplika neċessarjament li din għandha natura “normali” jew “abitwali” għal konsumatur. Fid-dawl tan-natura permanenti li l-attività eżerċitata f’tali postijiet tan-negozju għandha tissodisfa, il-konsumatur ma jistax jinqabad f’sitwazzjoni li ma jkunx qed jistenna permezz tat-tip ta’ offerta li jirċievi fih.

41

F’dak li jikkonċerna, iktar partikolarment, sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipal, fejn kummerċjant jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’stand ta’ fiera kummerċjali, għandu jitfakkar li, hekk kif tistabbilixxi l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83, il-posti fis-swieq u l-istands fil-fieri għandhom jitqiesu bħala postijiet tan-negozju jekk jissodisfaw din il-kundizzjoni.

42

Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu fuq bażi staġonali, pereżempju matul l-istaġun turistiku f’post tal-villeġġatura tal-muntanja jew tal-baħar, għandhom jiġu kkunsidrati bħala postijiet tan-negozju, peress li dan il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu abitwalment hemmhekk. Min-naħa l-oħra, l-ispazji aċċessibbli għall-pubbliku, bħat-toroq, iċ-ċentri kummerċjali, il-bajjiet, il-faċilitajiet sportivi u t-trasport pubbliku, li dan il-kummerċjant juża eċċezzjonalment għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, kif ukoll djar privati jew il-postijiet tax-xogħol, ma għandhomx jitqisu bħala postijiet tan-negozju.

43

Fid-dawl ta’ dan kollu, sabiex jiġi stabbilit, f’każ partikolari, jekk stand f’fiera għandhiex tiġi kklassifikata bħala “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 2(9) ta’ din id-direttiva, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-dehra konkreta li dan l-istand għandu f’għajnejn il-pubbliku u, iktar partikolarment, jekk, fl-għajnejn konsumatur medju, dan jippreżentax ruħu bħala post fejn il-kummerċjant li jokkupah jeżerċita l-attivitajiet tiegħu, inklużi dawk staġonali, b’mod abitwali, b’tali mod li tali konsumatur jista’ raġonevolemnt jistenna, meta jmur hemmhekk, li jiġi suġġett għal avviċinament kummerċjali.

44

Hija rilevanti, f’dan ir-rigward, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 74; tas-26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark, C‑611/14, EU:C:2016:800, punt 39, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47).

45

F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa d-dehra li l-istand ikkonċernat joffri lill-konsumatur medju, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt li jduru mal-attivitajiet tal-kummerċjant u, b’mod partikolari, informazzjoni mgħoddija fil-post fejn isseħħ il-fiera stess. It-tul tal-fiera inkwistjoni ma huwiex, waħdu, determinanti f’dan ir-rigward, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-premesa 22 tad-Direttiva 2011/83, li l-post fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu fuq bażi staġonali jista’ jikkostitwixxi “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 2(9) ta’ din id-direttiva.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li stand, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miżmum minn kummerċjant f’fiera kummerċjali, li fih jeżerċita l-attivitajiet tiegħu xi ġranet fis-sena, huwa “post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jduru madwar dawn l-attivitajiet, u b’mod partikolari tad-dehra ta’ dan l-istand u tal-informazzjoni mgħoddija fil-post fejn isseħħ il-fiera stess, konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat seta’ raġonevolment jistenna li dan il-kummerċjant jeżerċita fih l-attivitajiet tiegħu u javviċinah sabiex jikkonkludi kuntratt, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li stand, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miżmum minn kummerċjant f’fiera kummerċjali, li fih jeżerċita l-attivitajiet tiegħu xi ġranet fis-sena, huwa “post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jduru madwar dawn l-attivitajiet, u b’mod partikolari tad-dehra ta’ dan l-istand u tal-informazzjoni mgħoddija fil-post fejn isseħħ il-fiera stess, konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat seta’ raġonevolment jistenna li dan il-kummerċjant jeżerċita fih l-attivitajiet tiegħu u javviċinah sabiex jikkonkludi kuntratt, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

Fuq