Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CC0595

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati l-5 ta’ Lulju 2018.
    Apple Sales International et vs MJA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (France).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 23 – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt ta’ distribuzzjoni – Kawża għad-danni tad-distributur ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE mill-fornitur.
    Kawża C-595/17.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:541

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    NILS WAHL

    ippreżentati fil‑5 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

    Kawża C‑595/17

    Apple Sales International,

    Apple Inc.,

    Apple retail France EURL

    vs

    MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja ta’ eBizcuss.com (eBizcuss)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt ta’ distribuzzjoni – Kawża għad-danni tad-distributur ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE mill-fornitur”

    Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), dispożizzjoni li tippermetti deroga mir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ddefiniti f’dan l-istess regolament f’każ li l-partijiet, li għall-inqas waħda minnhom ikollha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru, ikollhom ftehim dwar il-kompetenza ta’ qorti jew qrati ta’ Stat Membru għall-konjizzjoni ta’ tilwim li jinħoloq fil-kuntest ta’ relazzjoni legali partikolari.

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpanniji Apple Sales International, Apple Inc. u Apple retail France EURL, ma’ MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja tal-kumpannija eBizcuss.com (iktar ’il quddiem “eBizcuss”), fir-rigward ta’ kawża għad-danni miftuħa minn din l-aħħar kumpannija dwar ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tispeċifika jekk u sa liema punt klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ titwarrab sabiex tiġi aċċertata l-effettività tal-kawżi għal kumpens tad-danni li jirriżultaw mill-aġir tal-impriżi li allegatament jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

    4.

    Il-kawża toffri għalhekk opportunità ġdida, fid-dawl tas-soluzzjoni addottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), li tipprovdi informazzjoni minn naħa lill-operaturi kkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ kittieba tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni u, min-naħa l-oħra lill-persuni li jixtiequ jiftħu kawżi għall-kumpens ta’ danni li allegatament irriżultaw mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 102 TFUE, magħruf b’mod komuni bħala “private enforcement”.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Il-premessi 2, 11 u 14 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

    “(2)

    Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

    […]

    (11)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

    […]

    (14)

    L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn assigurazzjoni, konsumatur jew kuntratt ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament.”

    6.

    L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

    (a)

    bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba, jew

    (b)

    f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

    (ċ)

    f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

    Id-dritt Franċiż

    7.

    Fid-data ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1382 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) kien jipprevedi li “[k]ull azzjoni tal-bniedem, li tikkawża ħsara lil ħaddieħor, tobbliga lil dak li jkun wettaq il-ħsara li jipprovdi kumpens”.

    8.

    L-Artikolu L. 420‑1 tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ) jipprevedi:

    “L-azzjonijiet miftiehma, il-ftehimiet, l-akkordji espressi jew taċiti jew il-koalizzjonijiet għandhom ikunu pprojbiti anki jekk jitwettqu direttament jew indirettament minn kumpannija tal-grupp stabbilita barra minn Franza, meta jkollhom bħala għan jew jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq, b’mod partikolari meta jkunu intiżi li:

    1.

    jillimitaw l-aċċess għas-suq jew l-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni minn impriżi oħra;

    2.

    jostakolaw l-iffissar tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-funzjonament ħieles tas-suq billi jiffavorixxu b’mod artifiċjali ż-żieda jew it-tnaqqis tagħhom;

    3.

    jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni, l-opportunitajiet, l-investimenti jew il-progress tekniku;

    4.

    jaqsam is-swieq jew is-sorsi ta’ forniment.”

    9.

    L-Artikolu L. 420‑2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ huwa fformulat kif ġej:

    “L-operat abbużiv minn impriża jew grupp ta’ impriżi ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew ta’ parti sostanzjali ta’ dan tal-aħħar huwa pprojbit, fil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu L. 420‑1. Dawn l-abbużi jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’rifjut ta’ bejgħ, bejgħ bl-irbit jew kundizzjonijiet ta’ bejgħ diskriminatorji, kif ukoll fil-ksur tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, minħabba l-unika raġuni li s-sieħeb jirrifjuta jissottometti ruħu għal kundizzjonijiet kummerċjali mhux iġġustifikati.

    L-operat abbużiv minn impriża jew grupp ta’ impriżi tal-istat ta’ dipendenza ekonomika li fih tkun tinsab impriża klijent jew fornitur fir-rigward tagħha huwa pprojbit ukoll, meta jista’ jaffettwa l-funzjonament jew l-istruttura tal-kompetizzjoni. Dawn l-abbużi jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’rifjut ta’ bejgħ, bejgħ bl-irbit, jew prattiċi diskriminatorji msemmija taħt il-paragrafu I tal‑Artikolu L 442‑6 jew fil-ftehimiet ta’ ditti kbar.”

    Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    10.

    Fl‑10 ta’ Ottubru 2002, eBizcuss, li issa qed tiġi rrappreżentata mill-kumpannija MJA, ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija tad-dritt Irlandiż Apple Sales International, intitolat “Apple Authorized Reseller Agreement”, li jirrikonoxxilha l-kwalità ta’ rivenditur awtorizzat tad-ditta Apple. Dan il-kuntratt, li permezz tiegħu eBizcuss impenjat ruħha li tiddistribwixxi b’mod kważi esklużiv il-prodotti tal-parti kokontraenti tagħha u li sussegwentement ġie mmodifikat diversi darbi, kien jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur il-qrati Irlandiżi.

    11.

    Din il-klawżola, miktuba bil-lingwa Ingliża, kienet, fl-aħħar verżjoni tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni bid-data tal‑20 ta’ Diċembru 2005, ifformulata hekk:

    “This Agreement and the corresponding relationship between the parties shall be governed by and construed in accordance with the laws of the Republic of Ireland and the parties shall submit to the jurisdiction of the courts of the Republic of Ireland. Apple reserves the right to institute proceedings against Reseller in the courts having jurisdiction in the place where Reseller has its seat or in any jurisdiction where a harm to Apple is occurring.” ( 3 )

    12.

    Matul ix-xahar ta’ April 2012, eBizcuss ressqet rikors quddiem it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi, Franza) għall-kundanna tal-kumpannija Apple Sales International tal-kumpannija Amerikana Apple u tal-kumpannija Franċiża Apple Retail France għall-ħlas ta’ danni li jammontaw għal EUR 62500000. Insostenn tar-rikors tagħha, eBizcuss sostniet essenzjalment li l-kumpanniji konvenuti kienu ħatja ta’ prattiċi antikompetittivi u ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, billi ffavorixxew in-netwerk tagħhom stess għad-detriment tagħha mis-sena 2009 ’il quddiem ( 4 ). F’dan il-kuntest eBizcuss invokat ksur tal-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili (li sar l-Artikolu 1240 tal-Kodiċi Ċivili), tal-Artikolu L 420‑2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u tal-Artikolu 102 TFUE.

    13.

    B’sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi) laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mressqa mill-kumpanniji konvenuti minħabba r-raġuni li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur il-qrati Irlandiżi kienet inkluża fil-kuntratt li jorbot lil Apple Sales International ma’ eBizcuss.

    14.

    B’sentenza tat‑8 ta’ April 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), ċaħdet l-appell imressaq minn eBizcuss kontra din is-sentenza, u b’hekk ikkonfermat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi sabiex jiddeċiedu dwar it-talba għad-danni.

    15.

    B’sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) annulat din is-sentenza minħabba li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kienet kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), peress li kienet qed tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt li jorbot lil eBizcuss ma’ Apple Sales International, meta din ma kinitx tirreferi għal tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    16.

    B’sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2016, il-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza), laqgħet l-appell imressaq minn eBizcuss u bagħtet lura l-kawża quddiem it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi).

    17.

    Apple Sales International, Apple u Apple Retail France ressqu appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li sostnew, essenzjalment, li peress li azzjoni awtonoma, skont id-dritt tal-kompetizzjoni, toriġina mir-relazzjoni kuntrattwali, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-klawżola tal-għażla tal-qorti, anki jekk din il-klawżola ma tirrigwardax espressament tali azzjoni u li l-ebda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma ġie kkonstatat minn qabel minn awtorità nazzjonali jew Ewropea.

    18.

    Il-qorti tar-rinviju esponiet, sadanittant, li ġiet mgħarrfa b’sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) tas‑16 ta’ Frar 2016, Interlog u Taboada vs Apple. Din tikkonċerna wkoll lil Apple Sales International u klawżola ta’ ġurisdizzjoni simili, miktuba b’termini ġenerali. Is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li din il-klawżola kienet tapplika għall-partijiet f’tilwima relattiva għall-istess allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u kkonkludiet li l-qrati Portugiżi kellhom nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

    19.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stabbilita fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet?

    2)

    F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet, anki fil-każ li l-imsemmija klawżola ma tkunx tagħmel riferiment espliċitu għad-diżgwid marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?

    3)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ma tapplikax klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stabbilita fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-każ li l-ebda awtorità nazzjonali jew Ewropea ma tkun ikkonstatat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?”

    20.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Apple Sales International, eBizcuss, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea.

    Analiżi

    21.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest speċifiku tal-kawżi għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, jiġifieri meta abbuż minn pożizzjoni dominanti jiġi allegat kontra dan tal-aħħar.

    22.

    Bħalma juru l-pożizzjonijiet diverġenti sostnuti mill-qrati Franċiżi li kellhom jiddeċiedu fuq il-kawża prinċipali, jidher li hija l-portata eżatta tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335) li qed tiġi diskussa hawnhekk.

    23.

    Tippreżenta ruħha wkoll b’mod iktar konkret il-kwistjoni ta’ jekk, fin-nuqqas li tagħmel referenza speċifika għalihom, klawżola tal-għażla tal-qorti għal kull kawża relatata ma’ kuntratt u r-relazzjonijiet li jirriżultaw minnu – bħal din tal-aħħar li, fil-kawża prinċipali, tagħti kompetenza lill-qrati Irlandiżi – għandha teskludi f’każ tal-ftuħ ta’ kawżi awtonomi għall-kumpens tad-danni li jkollhom bħala sfond allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tispeċifika jekk u sa liema punt klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni maqbula bejn il-partijiet ta’ ftehim (f’dan il-każ ftehim ta’ distribuzzjoni) jista’ jkollha l-effetti tagħha fil-kuntest ta’ kawżi fejn jiġi invokat ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni.

    24.

    Skont l-ewwel interpretazzjoni, li jidher li kienet l-iktar waħda li ġiet adottata, speċjalment mill-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Ottubru 2015, tali klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni ħlief bil-kundizzjoni li tirreferi espressament għal tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    25.

    Skont it-tieni interpretazzjoni, li hija dik li ġiet adottata mill-ewwel qrati aditi bil-kawża prinċipali, iżda wkoll, fil-fehma tar-rikorrenti prinċipali, mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema), fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Frar 2016, Interlog u Taboada vs. Apple ( 5 ), klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni miktuba b’termini ġenerali tapplika għall-partijiet ta’ kawża marbuta ma’ allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

    26.

    Qabel neżaminaw id-domandi preliminari, jidhirli opportun nippreżenta, bħala introduzzjoni, numru ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-portata tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001.

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001

    27.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet mistiedna għal diversi drabi sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, u d-dispożizzjoni ekwivalenti li kienet tippreċediha, jiġifieri l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 6 ).

    28.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem fakkret, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet iktar globali tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri t-tisħiħ taċ-ċertezza legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, li tippermetti kemm lir-rikorrent jidentifika faċilment il-ġurisdizzjoni li għaliha jista’ jirreferi u lill-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik li quddiemha jista’ jitressaq ( 7 ).

    29.

    Fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nr 44/2001, l-Artikolu 23 jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali: hija tesprimi kemm il-prinċipju tas-supremazija tal-awtonomija tar-rieda espressa liberament tal-partijiet (ara l-premessa 14 ta’ dan ir-regolament) u kif ukoll l-eżiġenza ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà (previst fil-premessa 11 tal-istess regolament). L-għan tiegħu huwa li jindika, b’mod ċar u preċiż, qorti ta’ Stat kontraenti li tkun esklużivament kompetenti b’mod konformi mal-ftehim tar-rieda tal-partijiet, espress skont ir-rekwiżiti proċedurali stretti msemmija fih. Iċ-ċertezza legali intiża minn din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem faċilment li kieku waħda mill-partijiet kontraenti kellha s-setgħa li tevita din ir-regola biss permezz tal-allegazzjoni tan-nullità tat-totalità tal-kuntratt għal raġunijiet marbuta mad-dritt materjali applikabbli ( 8 ).

    30.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza qabel, billi huwa jippermetti deroga mir-regoli tal-kompetenza indikati fir-Regolament Nru 44/2001, ir-rekwiżiti, kemm proċedurali u kif ukoll sostantivi, li għalihom l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jissuġġetta l-validità tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, għandhom ikollhom interpretazzjoni stretta ( 9 ). Min-naħa l-oħra, ladarba r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi indikati minn din tal-aħħar jiġu ssodisfatti, il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni għandu jkun applikabbli. Fil-fatt, l-għażla tal-qorti magħżula ma tistax tiġi evalwata jekk mhux fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-eżiġenzi stabbiliti mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nr 44/2001 ( 10 ).

    31.

    F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit bażiku li permezz tiegħu l-attribuzzjoni tal-kompetenza tikkonċerna l-“kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari”, huwa għandu l-għan li jevita li parti tiġi sorpriża bl-attribuzzjoni lil qorti partikolari tat-tilwim kollu li jinħoloq fir-relazzjonijiet li hija jkollha mal-kokontraent tagħha u li jirriżulta minn relazzjonijiet li ma humiex dawk li fir-rigward tagħhom ġiet miftiehma l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni ( 11 ).

    32.

    Fl-ipoteżi fejn l-applikabbiltà ta’ klawżola tal-għażla tal-qorti titqiegħed inkwistjoni fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni sostantiva, huwa biss f’idejn il-qorti li quddiemha tiġi invokata klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tiddeċiedi jekk din tipprevedi jew le l-kontestazzjoni tas-suġġett tat-tilwima ( 12 ).

    33.

    Jekk dan l-eżami, li jeħtieġ b’mod partikolari li l-qorti adita tiddetermina jekk il-kawża inkwistjoni kinitx raġonevolment previdibbli jew le mill-partijiet fil-mument li huma taw il-kunsens tagħhom għall-klawżola msemmija, jista’ biss jitwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ, bosta linji ta’ interpretazzjoni għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu.

    34.

    L-ewwel nett, is-supremazija akkordata lill-awtonomija tal-partijiet, hekk kif hija espressa fil-klawżola li tattribwixxi l-kompetenza miftiehma b’mod validu, timplika li l-kwistjoni importanti hija l-possibbiltà jew le li t-tilwima inkwistjoni – f’dan il-każ, kawża għall-kumpens tad-danni li allegatament ġew sostnuti essenzjalment minħabba aġir antikompetittiv – tiġi marbuta mar-relazzjoni legali partikolari ta’ din il-klawżola, u huwa biss min-natura delittwali jew kuntrattwali ta’ din tal-aħħar fis-sens tar-Regolament Nr 44/2001 u, a fortiori, fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli.

    35.

    B’hekk, tilwima ta’ natura mhux kuntrattwali, iżda li tirriżulta mir-relazzjoni kuntrattwali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, sakemm din it-tilwima toriġina mir-relazzjonijiet kuntrattwali li fihom din il-klawżola ġiet konkluża.

    36.

    Is-saħħa obbligatorja tal-klawżola timplika, sussegwentement, li ma hemmx ħtieġa li l-qorti msemmija mill-klawżola jkollha kwalunkwe rabta ta’ “prossimità” mat-tilwima. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tagħżel qorti magħżula ma għandu l-ebda rabta ta’ konnessjoni mal-interessi jew mar-relazzjoni inkwistjoni u ma jistax ikun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tiegħu ( 13 ).

    37.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tippreżenta, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, karattru asimetriku jew unilaterali, billi parti waħda biss timpenja ruħha li tadixxi qorti preċiża filwaqt li l-oħra tirriżerva d-dritt li tadixxi oħrajn, ma għandux, waħdu, ikun element pertinenti fl-evalwazzjoni tal-validità tal-klawżola msemmija fir-rigward tal-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 14 ), sa fejn din il-klawżola tikkonforma mal-għan tal-prevedibbiltà.

    38.

    Hija timplika, finalment, li d-dritt materjali applikabbli għall-mertu tal-kawża, bħala prinċipju, ma għandux influwenza fuq id-determinazzjoni tal-kompetenza ġuridika. Huwa importanti li nfakkru li hija preċiżament din l-indifferenza tar-regoli tad-dritt materjali fir-rigward tal-konvenzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tikkostitwixxi turija siewja ta’ sigurtà ġuridika u ta’ prevedibbiltà ( 15 ).

    39.

    Ser nitkellem dwar dan iktar ’il quddiem meta nittratta preċiżament il-kwistjoni ta’ kif għandna nifhmu l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-azzjonijiet li għandhom bħala suġġett li jaċċertaw l-effettività tal-protezzjoni mogħtija lill-individwi fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    Fuq l-ewwel domanda: l-applikabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ kawża għall-kumpens tad-danni mressqa minn distributur fir-rigward tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 TFUE

    40.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tfittex li tiddetermina jekk, b’mod ġenerali, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti li tiġi applikata klawżola tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi meta l-kawża għad-danni tkun ibbażata fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija ta’ jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li hemm ostakolu bħala prinċipju għall-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għal kawża bbażata fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

    41.

    F’dan il-każ, il-partijiet intervenjenti kollha jidhru li jaqblu li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti – jew tal-inqas, ma jipprekludix – li l-qorti nazzjonali tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni b’tali konfigurazzjoni.

    42.

    Ma nistgħux ma naqblux ma’ din il-konklużjoni.

    43.

    Fl-estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u minbarra l-materji speċifiċi previsti mir-Regolament Nru 44/2001 ( 16 ), l-effikaċità tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ma għandhiex tiddependi mill-osservanza ta’ rekwiżit sostantiv li ma huwiex l-eżiġenza marbuta mas-suġġett tal-klawżola, li trid tkun tirrinvija għal “relazzjoni legali partikolari”.

    44.

    L-indifferenza tar-regoli ta’ dritt materjali fir-rigward tal-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, li nfakkar li tikkostitwixxi turija importanti tal-osservanza tal-awtonomija tal-partijiet u tal-prevedibbiltà, tgħodd b’mod partikolari fil-każ li, fil-kuntest ta’ tilwima, jiġi invokat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    45.

    Fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika fir-Regolament Nru 44/2001 li tippermetti f’tali ipoteżi d-deroga għas-saħħa obbligatorja ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, din ma għandhiex tiġi eċċepita mill-prinċipju ta’ implimentazzjoni effikaċi tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex tiġi evitata tali klawżola.

    46.

    Ċertament, l-effett utli tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jissopponi li kull persuna tista’ titlob għal kumpens tad-danni li jkun ikkawżalu kuntratt jew aġir li jista’ jillimita jew iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 17 ).

    47.

    Madanakollu u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/16, EU:C:2015:335), il-qorti adita ma tistax, taħt piena li jiġi kkontestat l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni skont il-ħtiġiet tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament minħabba s-sempliċi raġuni li din tqis li l-qorti msemmija minn din il-klawżola ma tiżgurax l-effett sħiħ tal-prinċipju ta’ implimentazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni u ma tippermettix lill-vittma tal-aġir antikompetittiv tal-intrapriżi, issuspettat jew ikkonfermat, li tikseb il-kumpens sħiħ għad-dannu li hija tkun sostniet. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti f’kull Stat Membru, ikkompletata mill-mekkaniżmu tar-rinviju preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, tagħti lill-individwi garanzija suffiċjenti f’dan ir-rigward ( 18 ).

    48.

    Fl-aħħar mill-aħħar, l-eżiġenza ta’ implimentazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti fiha nnifisha ma tmurx kontra l-possibbiltà tal-partijiet li jidderogaw, permezz ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001.

    49.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija, qed jiġi propost li tingħata r-risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 23 tar-Regolament 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ostakoli għall-prinċipju tal-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ kawża ta’ kumpens awtonoma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu minħabba fl-allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

    Fuq it-tieni domanda: rekwiżit ta’ referenza espliċita għal tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

    50.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jostakolax il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li ma tirreferix espressament għal “kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni”.

    51.

    Din id-domanda għandha l-għan li tiddetermina, b’mod definittiv, l-informazzjoni li għandu jkollhom il-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni sabiex jiġu applikati fil-kuntest ta’ kawżi bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni, f’dan il-każ kawża għall-kumpens ta’ dannu allegatament ikkawżat minn ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

    52.

    F’dan ir-rigward, infakkar li, sa fejn l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti lil partijiet jidderogaw mir-regoli ta’ kompetenza ddefiniti minnu bl-unika ħsieb li jipprovdu soluzzjoni għal “kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari”, huma l-partijiet li jiktbu l-klawżola b’mod li tesprimi bl-aħjar mod ir-rieda tagħhom.

    53.

    Id-domanda ta’ jekk din il-klawżola tkoprix azzjoni speċifika jew oħra tiddependi dejjem fil-fatt mill-kitba ta’ din il-klawżola u l-interpretazzjoni eventwali tagħha li tadotta l-qorti adita.

    54.

    Flimkien ma’ dan, ma huwiex possibbli li nagħtu risposta assoluta, jiġifieri mingħajr referenza għall-formulazzjoni stess tal-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni preċiża inkwistjoni, jekk din tibqa’ applikabbli fil-każ ta’ tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-ipoteżi li din il-klawżola ma tirreferix espressament għal kwistjonijiet bħal dawn. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali adita, li f’idejha jaqa’ l-kompitu li tiddetermina l-portata eżatta ta’ din il-klawżola, li tevalwa jekk il-kwistjoni marbuta mar-responsabbiltà tal-kokontraenti mġarrba mill-fatt li ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni rriżulta minn relazzjoni legali li fiha din il-klawżola ġiet konkluża.

    55.

    F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ kawża ta’ kumpens għad-danni sostnuti mill-fatt ta’ aġir antikompetittiv, ma jistax fil-fatt jiġi eskluż li din tiġi inkluża f’kuntest kuntrattwali u li, minħabba dan, il-qorti jkollha twettaqha, b’mod indipendenti mir-referenza espliċita għal “kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni”.

    56.

    Fil-fehma tiegħi, ikun sproporzjonat jekk nitolbu li l-partijiet kollha ta’ kawża għandhom, f’kwalunkwe każ, ikunu speċifikaw b’mod preċiż in-natura tal-azzjonijiet li għandhom joħorġu mill-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, ladarba din il-klawżola tinkiteb f’termini pjuttost ġenerali sabiex tinkludi kull azzjoni li toħroġ mill-qrib jew mill-bogħod mir-relazzjoni kontraenti li fiha din il-klawżola tkun ġiet konkluża.

    57.

    B’adeżjoni għal konvenzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni, il-partijiet ifittxu essenzjalment li jattribwixxu kompetenza ġuridika lil qorti speċifika sabiex tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha marbuta mar-relazzjoni li huma stabbilixxew, mingħajr ma jkunu jistgħu jantiċipaw u jelenkaw in-natura tat-tilwim li jista’ jseħħ bejniethom. Jekk jiġri mod ieħor, il-funzjoni u l-portata ta’ tali klawżola jkunu kompromessi bil-kbir.

    58.

    Din il-konklużjoni tinsab, fil-fehma tiegħi, fl-estensjoni tas-soluzzjoni adottata fil-kawża li wasslet għas-sentenza CDC Hydrogen Peroxide ( 19 ), u b’mod partikolari fil-punt 69 tagħha.

    59.

    F’din is-sentenza għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fakkret li kien f’idejn il-qorti nazzjonali li quddiemha ġiet invokata l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tiddetermina jekk it-tilwim inkwistjoni kienx jaqa’ jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (punt 67 tas-sentenza), waslet, fir-rigward tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jippreskrivu, b’mod ġenerali “kull kwistjoni li tirriżulta jew tkun marbuta ma’ kuntratt”, għal ċerti linji ta’ interpretazzjoni li huma intiżi sabiex jiggwidaw il-qorti nazzjonali (punti 68 sa 71).

    60.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod partikolari li klawżola li tirreferi b’mod astratt għal tilwim li jirriżulta minn relazzjonijiet kuntrattwali ma tkunx tkopri tilwima relatata mar-responsabbiltà delittwali allegatament sostnuta minn parti kokontraenti minħabba l-aġir tagħha skont akkordju illeċitu. Min-naħa l-oħra, klawżola li tagħmel referenza għal “kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà sostnuta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni” tobbliga lill-qorti adita li tirrifjuta l-kompetenza tagħha ( 20 ).

    61.

    Madanakollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li wasslu għal din is-sentenza, jidhirli li din il-kunsiderazzjoni tal-aħħar għandha titqiegħed fil-kuntest.

    62.

    L-ewwel nett, jidher li t-tilwim inkwistjoni f’din il-kawża kien marbut ma’ azzjoni kollettiva, imwettqa mill-kumpannija CDC li kellha bħala għan l-irkupru, b’mod ġudizzjarju u extraġudizzjarju, ta’ djun kumpensatorji. Din l-azzjoni kienet ibbażata fuq allegazzjoni ta’ akkordju illeċitu mwettaq minn diversi impriżi stabbiliti f’diversi Stati Membri u li kien jagħmel użu minn klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni f’ċerti kuntratti ta’ bejgħ li jorbtuhom ma’ impriżi li huma allegatament vittmi tal-akkordju kkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 21 ).

    63.

    Is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja kellha f’dan il-kuntest il-vantaġġ li tevita frammentazzjoni tal-litigazzjoni dwar id-danni bejn diversi qrati/ġurisdizzjonijiet li kienet tirriżulta f’interpretazzjoni estensiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li kienu jinsabu f’kuntratti, li fil-fehma tiegħi, huma barranin għall-akkordju illeċitu konkluż bejn waħda mill-partijiet ta’ dawn il-kuntratti u terzi. Fil-fatt, il-kawża għad-danni mressqa minn CDC kontra il-konvenuti prinċipali kienet tolqot lil impriżi li kienu stabbiliti f’ħames Stati Membri minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    64.

    It-tieni nett u fuq kollox, l-akkordju inkwistjoni kien ta’ natura sigrieta u għalhekk ma kienx jagħmel parti mill-kuntratti ta’ bejgħ li fihom il-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni kienu konklużi. F’tali konfigurazzjoni, l-għan tal-prevedibbiltà li jiġġustifika l-infurzabbiltà tal-klawżoli li jattribwixxi ġurisdizzjoni – u l-korollarju tiegħu li parti ma għandhiex tkun “sorpriża” bl-attribuzzjoni għal qorti li toriġina minn relazzjonijiet oħra minbarra dawk li fihom il-klawżola ġiet konvenuta (ara l-punt 68 ta’ din is-sentenza CDC) – kien qed jaħdem favur it-tneħħija tal-klawżola attributtiva kkontestata.

    65.

    Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ referenza espliċita għal “kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà sostnuta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni” jidher biss rilevanti għall-kawżi li, b’mod evidenti, ma joriġinawx minn relazzjoni legali li fiha tkun ġiet konkluża l-konvenzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

    66.

    L-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom għalhekk jinftiehmu fis-sens li għandhom l-għan li jfakkru li t-tilwim inkwistjoni għandu effettivament joriġina minn relazzjonijiet kuntrattwali li jorbtu l-partijiet għall-kuntratt inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, punt 70 tal-istess sentenza). Min-naħa l-oħra, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tippreċiża l-kwistjonijiet kollha ta’ natura delittwali li jistgħu jseħħu bejn il-partijiet.

    67.

    F’dan ir-rigward, ma jistax, pereżempju, jiġi eskluż li ċertu aġir li allegatament jikkostitwixxi akkordju jew abbuż minn pożizzjoni dominanti, bħal dak li jista’ jintuża fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jista’ jkun marbut ma’ kuntratt ta’ distribuzzjoni u jappartjeni għal klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni mdaħħla f’tali kuntratt li nkiteb b’termini ġenerali, mingħajr ma speċifika espressament l-azzjonijiet possibbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

    68.

    Peress li l-aġir allegat jittratta kundizzjonijiet ta’ natura tariffarja jew ta’ provvista imposti b’mod diskriminatorju, hekk kif jidher li hu l-każ fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi eskluż li t-tilwima toriġina mir-relazzjoni legali li torbot il-fornitur mad-distributur tiegħu. Il-qorti nazzjonali adita tista’ għalhekk, fil-każ ta’ azzjoni bbażata fuq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tikkunsidra li l-fatti invokati huma marbuta mar-relazzjoni kuntrattwali li fiha ġiet konkluża klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, anki jekk inkitbet f’termini ġenerali.

    69.

    Timponi ruħha speċifikazzjoni importanti. Mhux qegħdin napplikaw b’mod differenti l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 – u iktar speċifikament mhux qegħdin nifhmu b’mod differenti l-applikabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – skont liema qed jitqiegħed inkwistjoni l-ksur tal-projbizzjoni tal-akkordji (Artikolu 101 TFUE) jew ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (Artikolu 102 TFUE).

    70.

    Mill-aspett proċedurali u ta’ kompetenza ġuridika, ma hemm l-ebda raġuni bħala prinċipju sabiex nittrattaw dan il-ksur b’mod differenti. F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-kunsiderazzjoni skont liema l-akkordji pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE jipproduċu dejjem l-effetti dannużi barra minn kull relazzjoni kuntrattwali, filwaqt li l-aġir li jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE joriġina neċessarjament minn kuntratt konkluż bejn il-vittma tal-aġir allegat u l-awtur ta’ tali abbuż.

    71.

    Għandu jiġi stabbilit f’kull każ, u għalhekk b’mod indipendenti mill-bażi ġuridika tal-kawża, jekk l-aġir li minnu oriġina t-tilwim ikun marbut mar-relazzjoni kuntrattwali li fiha ġiet konkluża l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

    72.

    Sa fejn it-tilwima toriġina minn din ir-relazzjoni, hija suxxettibbli li tidħol fil-kamp tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni miktuba b’termini ġenerali mingħajr referenza espliċita għall-bażijiet eventwali tal-kawżi li jistgħu jinfetħu.

    73.

    Għalhekk, kawża għad-danni li għandha bħala bażi l-ksur allegat tal-Artikolu 102 TFUE tista’ tibbenefika minn estensjoni tal-ġurisdizzjoni, sakemm toriġina mill-kuntratt, fis-sens li jkun hemm il-ħtieġa li l-imsemmija azzjoni tissemma espressament fil-klawżola kkontestata.

    74.

    Din tidher li kienet il-pożizzjoni li kienet preċiżament adottata mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Frar 2016, Interlog u Taboada vs Apple. Din il-ġurisdizzjoni qieset, fil-fatt, li t-talba li biha kienet adita, avvolja kienet tirrigwarda kondotta antikompetittiva, kienet tikkonċerna “diskrepanza fl-aġir fir-rigward tal-bilanċ (jew programm) tal-kuntratt [ikkontestat]”. L-imsemmija qorti kkonkludiet li l-kawża li biha kienet adita kienet tassew toriġina minn rapport legali li fil-kuntest tiegħu kienet ġiet konkluża l-klawżola. Minn dan irriżulta li l-klawżola kienet applikabbli b’mod sħiħ għall-fatti tal-kawża.

    75.

    Bl-istess mod, jista’ jiġi kkunsidrat li talba għall-kumpens li, din id-darba, għandha bħala bażi l-Artikolu 101 TFUE tista’, f’ċerti ċirkustanzi, toriġina minn relazzjoni legali li fiha ġiet konkluża din il-klawżola. Dan jista’ jkun il-każ ta’ azzjoni li għandha l-għan li tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-aġir ta’ fornitur, kap ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew esklużiva, fir-rigward tad-distributuri tiegħu.

    76.

    Bħala konklużjoni, id-domanda dwar jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija jew ma hijiex applikabbli f’każ li ma tkunx qed tirreferi espressament għal tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tiddependi mill-kunsiderazzjonijiet li tagħmel il-qorti nazzjonali li quddiemha l-klawżola tiġi invokata fid-dawl tal-kitba tagħha u r-rieda tal-partijiet.

    77.

    Jekk jirriżulta li l-partijiet, li ma setgħux jipprevedu l-eventwalità ta’ tilwima speċifika, ma kellhomx l-intenzjoni li jinkluduha fil-qasam ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fformulata b’mod astratt, din tal-aħħar ma għandhiex tkun tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ tali tilwima. Dan japplika partikolarment fil-każ ta’ tilwim li jikkonsisti fl-involviment tar-responsabbiltà ta’ waħda mill-partijiet mill-fatt tal-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju ma’ impriżi terzi barranin għar-relazzjoni kuntrattwali.

    78.

    Min-naħa l-oħra, meta l-kawża, anki jekk tkun ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, tirrelata mal-kuntest kuntrattwali, u tkun tittratta b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li għalihom il-partijiet ikunu qablu fil-kuntratt, din tkun ta’ natura li tappartjeni għall-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni. Dan jista’ pereżempju jkun il-każ tal-azzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 102 TFUE li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tariffarji u ta’ provvista maqbula f’kuntratt ta’ distribuzzjoni li fih klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

    79.

    Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jien tal-fehma li għandna nirrispondu għat-tieni domanda li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 102 TFUE, li tapplika l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, meta t-tilwima inkwistjoni toriġina mir-relazzjoni legali li fiha ġiet konkluża din il-klawżola. Huwa għalhekk f’idejn il-qorti nazzjonali adita li tiddetermina f’kull każ jekk it-tilwim inkwistjoni huwa ta’ natura li ġejja minn tali klawżola, anki meta tkun miktuba b’termini ġenerali, fil-kuntest ta’ tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    Fuq it-tielet domanda: rekwiżit ta’ konstatazzjoni minn qabel ta’ awtorità inkarigata mill-kompetizzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-applikabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni

    80.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma ġiex ikkonstatat minn qabel minn awtorità nazzjonali jew Ewropea inkarigata mill-kompetizzjoni jippermettix li ma tiġix applikata klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

    81.

    Fi kliem ieħor, tqum il-kwistjoni dwar jekk, għalkemm ma tidher l-ebda indikazzjoni f’dan is-sens fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), iċ-ċirkustanza li l-azzjoni għad-danni inkwistjoni għall-ksur tal-kompetizzjoni hija awtonoma (azzjoni msejħa “stand-alone”, li tiddistingwi ruħha minn azzjoni “follow-on” bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza), hijiex ta’ natura li tiġġustifika li ma tiġix applikata l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

    82.

    Jien nipproponi, fl-estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati hawn fuq, li tingħata risposta negattiva.

    83.

    Fil-fehma tiegħi, in-natura tal-kawża għad-danni (“follow-on” jew “stand-alone”) li biha l-qorti hija adita ma hijiex parametru rilevanti fl-evalwazzjoni tal-applikabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni. Fil-fatt, l-assenza jew il-preżenza ta’ konstatazzjoni minn qabel minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni hija kunsiderazzjoni totalment barranija għal dawk li jridu jintużaw sabiex tiġi konkluża l-applikazzjoni – jew, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi eskluża – klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għal tilwim speċifiku u b’mod partikolari, għal kawża għall-kumpens tad-danni allegatament mġarrba b’riżultat ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    84.

    Għandna nfakkru li, hekk kif ifakkru l-premessi 3, 12 u 13 tad-Direttiva 2014/104/UE ( 22 ), l-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom effetti diretti fuq ir-relazzjoni bejn l-individwi u jistabbilixxu, għall-persuni kkonċernati, drittijiet u obbligi li għandhom jiġu osservati mill-qrati nazzjonali. Għalhekk, kull persuna li tħossha leża minn ksur tad-drittijiet tal-kompetizzjoni tista’ titlob kumpens għad-dannu mġarrab, u dan b’mod indipendenti mill-konstatazzjoni minn qabel mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ tali ksur ( 23 ).

    85.

    Barra minn hekk, huwa magħruf li, għad-differenza tal-kawżi li jittrattaw is-sanzjonijiet imposti minn awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju tas-setgħat regolamentari tagħha li jaqgħu taħt il-“qasam amministrattiv”, kawża intiża għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn ksur allegat tad-dritt tal-kompetizzjoni hija ta’ natura ċivili u kummerċjali fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001 u taqa’ għalhekk taħtu ( 24 ).

    86.

    Issa, l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-partijiet jidderogaw mhux biss mill-kompetenza ġenerali, iżda wkoll mill-kompetenzi speċjali li huwa jipprevedi bil-konklużjoni ta’ ftehim tal-għażla ta’ qorti. Il-qorti adita tista’ għalhekk, bħala prinċipju, tkun marbuta minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tidderoga mill-kompetenzi ġenerali u speċjali previsti minn dan ir-regolament ( 25 ).

    87.

    Bl-istess mod li din il-possibbiltà ma tistax titqiegħed inkwistjoni mid-dritt materjali applikabbli għall-mertu tal-kawża ( 26 ), hija ma tistax tkun tributarja taċ-ċirkustanza li l-azzjoni ta’ litigazzjoni hija intiża li tippenalizza ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li kien ikkonstatat minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti. Għandu jitfakkar fil-fatt li hija l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet li tiġġustifika s-supremazija mogħtija lill-għażla tal-ġurisdizzjoni li ma hijiex dik li kienet eventwalment tkun kompetenti skont ir-Regolament Nru 44/2001 ( 27 ).

    88.

    Fl-aħħar nett, jidhirli li distinzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’tilwima, bejn l-azzjonijiet “stand-alone” u “follow-on” kienet tmur direttament kontra l-għan ta’ prevedibbiltà previst mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, fis-sens li din l-applikazzjoni kieku ssir funzjoni tal-konstatazzjoni ta’ wara ksur minn awtorità inkarigata mid-dritt tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, kif tali konstatazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi kundizzjoni sabiex tkun tista’ tiġi eskluża klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, ma għandniex nillimitaw ruħna billi ngħidu li t-tilwima inkwistjoni tirrelata ma’ azzjoni awtonoma (“stand-alone”) sabiex nevitaw li nfixklu tali klawżola, b’mod indipendenti mill-eżami konkret ta’ din u tar-relazzjoni legali li fiha ġiet konkluża.

    89.

    Nipproponi għalhekk li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 102 TFUE ma jippermettix waħdu li tiġi applikata jew, bil-kontra, li tiġi eskluża klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’kawża għad-danni abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Konklużjoni

    90.

    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, Franza) kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ostakoli għall-prinċipju tal-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ kawża ta’ kumpens awtonoma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu minħabba fl-allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

    2)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 102 TFUE, li tapplika l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stipulata f’kuntratt, meta t-tilwima inkwistjoni toriġina mir-relazzjoni legali li fiha ġiet konkluża din il-klawżola. Huwa għalhekk f’idejn il-qorti nazzjonali adita li tiddetermina f’kull każ jekk it-tilwim inkwistjoni huwa ta’ natura li ġejja minn tali klawżola, anki meta tkun miktuba b’termini ġenerali, fil-kuntest ta’ tilwim marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    3)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 102 TFUE ma jippermettix waħdu li tiġi applikata jew, bil-kontra, li tiġi eskluża klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’kawża għad-danni abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 3 ) Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar it-traduzzjoni fil-lingwa Franċiża tat-test fil-korsiv, u jittraduċuh sew bħala “et la relation correspondante” (u r-relazzjoni korrispondenti) (traduzzjoni tar-rikorrenti), sew bħala “et les relations en découlant” (u r-relazzjonijiet li jirriżultaw minnu) (traduzzjoni tal-konvenuta). Minkejja din id-differenza, il-klawżola tista’ tiġi tradotta fil-lingwa Franċiża kif ġej: “Le présent contrat et la relation correspondante (traduction de la requérante)/et les relations en découlant (traduction de la défenderesse) entre les parties seront régis par et interprétés conformément au droit de l’Irlande et les parties se soumettent à la compétence des tribunaux de l’Irlande. Apple se réserve le droit d’engager des poursuites à l’encontre du revendeur devant les tribunaux dans le ressort duquel est situé le siège du revendeur ou dans tout pays dans lequel Apple subit un préjudice” (Il-kuntratt preżenti u r-relazzjoni korrispondenti (traduzzjoni tar-rikorrenti)/u r-relazzjonijiet li jirriżultaw minnu (traduzzjoni tal-konvenuta) bejn il-partijiet għandhom ikunu rregolati u interpretati b’konformità mad-dritt Irlandiż u l-partijiet jissottomettu ruħhom għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Irlanda. Apple tirriżerva d-dritt li tiftaħ proċeduri kontra r-rivenditur quddiem qrati fil-post fejn tkun tinsab is-sede tar-rivenditur jew f’kwalunkwe pajjiż li fih Apple ssostni dannu.”

    ( 4 ) Jirriżulta mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikorrenti – li, bl-adeżjoni tagħha fil-programm “Apple premium Reseller”, saret distributur kważi esklużiv ta’ prodotti tal-Apple – kienet tagħmel użu b’mod partikolari minn prattiċi diskriminatorji, meta mqabbel ma’ dawk segwiti mill-Apple Stores, kemm f’dak li jirrigwarda l-provvista tal-prodotti Apple kif ukoll it-tariffi applikati.

    ( 5 ) Jidher fil-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq l-interpretazzjoni u l-portata eżatta ta’ din is-sentenza. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, eBizcuss għalhekk indikat li, jekk is-soluzzjonijiet ineżami tas-sentenzi mogħtija rispettivament mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) u mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) huma differenti, bil-maqlub, ma hemm l-ebda differenzi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001. Din il-kumpannija rrilevat b’mod partikolari li l-qrati Portugiżi kienu ddikjaraw il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tat-tilwima applikabbli għall-każ ineżami biss wara li evalwaw b’mod awtorevoli li l-fatti tal-kawża li kienu jikkonċernaw “ksur ta’ programm kuntrattwali u/jew kumpens li jista’ jintalab mill-implimentazzjoni ta’ kuntratt u mhux b’rabta ‘mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni’”.

    ( 6 ) Jeħtieġ li jitfakkar li sa fejn ir-Regolament Nr 44/2001 jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi marbuta mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussel”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti, bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nr 44/2001 li ssostitwixxa l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2017, Leventis u Vafeias, C‑436/16, EU:C:2017:497, punt 31).

    ( 7 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 29).

    ( 9 ) Ara, bħala anoloġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1976, Estasis Saloti di Colzani (24/76, EU:C:1976:177, punti 67), u tat‑28 ta’ Ġunju 2017, Leventis u Vafeias (C‑436/16, EU:C:2017:497, punt 39).

    ( 10 ) Ara, bħala analoġija, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 49).

    ( 11 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn (C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 31), u tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 68).

    ( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 46 et seq. kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fejn jiġi mfakkar li l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huwa ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, ma jinkludi ebda element oġġettiv ta’ konnessjoni bejn ir-relazzjoni inkwistjoni u l-qorti magħżula. Ara, bħala analoġija, dwar is-suġġett tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh (150/80, EU:C:1981:148, punt 27), skont liema l-leġiżlazzjoni ta’ Stat kontraenti ma tistax tkun ta’ ostakolu għall-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni bl-unika raġuni li l-lingwa użata mill-partijiet ma hijiex dik użata minn din il-leġiżlazzjoni.

    ( 14 ) F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 tikkuntrasta ma’ dik tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li kien jipprevedi espressament li “jekk konvenzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni ma ġietx stipulata favur waħda mill-partijiet, din iżżomm id-dritt li tressaqha quddiem kwalunkwe qorti kompetenti”. Huwa jiddistingwi ruħu wkoll mill-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), applikabbli għall-proċeduri ġudizzjarji miftuħa wara l‑10 ta’ Jannar 2015. Fit-termini ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kompetenza tal-qrati msemmija minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija esklużiva “sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

    ( 15 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punti 2729).

    ( 16 ) Dan jirrigwarda l-każijiet ta’ kompetenza esklużiva li jipprevedu fir-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, il-kawżi marbuta mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni (Taqsima 3), il-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (Taqsima 4) u l-kuntratti individwali ta’ impjieg u, min-naħa l-oħra, il-materji msemmija fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

    ( 17 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 63).

    ( 19 ) Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 6971).

    ( 21 ) F’dan il-każ, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/903/CE tat‑3 ta’ Mejju 2006 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (ĠU 2006, L 353, p. 54).

    ( 22 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).

    ( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punti 2829 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:607, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Ara, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 5961 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Ara, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 6263 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2016, Hőszig (C‑222/15, EU:C:2016:525, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑28 ta’ Ġunju 2017, Leventis u Vafeias (C‑436/16, EU:C:2017:497, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq