EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0039

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2018.
Lubrizol France SAS vs Caisse nationale du Régime social des indépendants (RSI) participations extérieures.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 28 u 30 TFUE – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti – Artikolu 110 TFUE – Taxxa interna – Kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà tal-kumpanniji – Taxxa – Bażi taxxabbli – Dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 17 – Trasferiment ta’ oġġett fi Stat Membru ieħor – Valur tal-oġġett ttrasferit – Inklużjoni fid-dħul mill-bejgħ globali.
Kawża C-39/17.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:438

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 28 u 30 TFUE – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti – Artikolu 110 TFUE – Taxxa interna – Kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà tal-kumpanniji – Taxxa – Bażi taxxabbli – Dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 17 – Trasferiment ta’ oġġett fi Stat Membru ieħor – Valur tal-oġġett ttrasferit – Inklużjoni fid-dħul mill-bejgħ globali”

Fil-Kawża C-39/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Lubrizol France SAS

vs

Caisse nationale du Régime social des indépendants (RSI) participations extérieures,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lubrizol Franza SAS, minn A. Beetschen, avukat,

Għall-Caisse nationale du Régime social des indépendants (RSI) participations extérieures, minn A. Delvolvé, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier, A. Alidière u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u R. Lyal kif ukoll minn F. Clotuche‑Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lubrizol France SAS (iktar ’il quddiem “Lubrizol”) u l-Caisse nationale du Régime social des indépendants (RSI) participations extérieures (iktar ’il quddiem il-“Caisse RSI”) fir-rigward tal-kalkolu tal-bażi tal-kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem is-“C3S”) u l-kontribuzzjoni addizzjonali għaliha (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kontribuzzjonijiet kontenzjużi”) dovuti minn Lubrizol għas-sena 2008.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Bis-saħħa tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), “‘provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti]’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”.

4

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   It–trasferiment ta’ merkanzija li tkun saret minn persuna taxxabbli li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għal Stat Membru ieħor għandha tiġi trattata bħala provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti] bi ħlas.

‘Trasferiment għal Stat Membru ieħor’ għandha tfisser li proprjetà tanġibbli mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-persuna taxxabbli, għall-iskop tan-negozju tagħha, għal destinazzjoni barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà, iżda fil-Komunità.

[…]”

Id-dritt Franċiż

5

L-Artikolu L. 245‑13 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali”) jipprevedi l-istabbiliment, favur il-Caisse nationale de l’assurance maladie des travailleurs salariés (il-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni Sanitarja tal-Ħaddiema Impjegati), tal-kontribuzzjoni addizzjonali għas-C3S, prevista fl-Artikoli L. 651‑1 et seq. ta’ dan il-kodiċi, li hija kkalkolata, miġbura, dovuta u kkontrollata taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli tas-C3S u li r-rata tagħha hija ta’ 0.03 %.

6

L-Artikolu L.651-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi l-istabbiliment favur ir-Régime sociale des Indépendants (ir-Reġim Soċjali tal-Ħaddiema li Jaħdmu għal Rashom, iktar ’il quddiem ir-“RSI”), tal-Fonds de solidarité vieillesse (il-Fond ta’ Solidarjetà għall-Irtirar) u tal-Fonds de réserve pour les retraites (il-Fond ta’ Riżerva għall-Pensjonijiet), ta’ kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà imposta, fost l-oħrajn, fuq il-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u kumpanniji ssemplifikati ta’ responsabbiltà limitata (société par actions simplifiée).

7

L-Artikolu L. 651‑3 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Il-kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà hija dovuta fuq bażi annwali. Ir-rata tagħha għandha tiġi ffissata permezz ta’ digriet, fil-limitu ta’ 0.13 % tad-dħul mill-bejgħ iddefinit fl-Artikolu L. 651‑5. Hija ma tkunx dovuta fejn id-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija jkun inqas minn EUR 760000.

[…]”

8

L-Artikolu L. 651-5 tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali jiddikjara:

“Il-kumpanniji u l-impriżi suġġetti għall-kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà għandhom jindikaw annwalment lill-korp inkarigat mill-ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni l-ammont tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom iddikjarat lill-amministrazzjoni fiskali, maħdum wara li jitnaqqsu t-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ u taxxi ekwivalenti […]”

9

L-Artikolu 256 III, tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KĠT”), jipprovdi:

“It-trasferiment minn persuna taxxabbli ta’ oġġett tal-impriża tiegħu lejn Stat Membru ieħor tal-Komunità Ewropea huwa ekwivalenti għal kunsinna ta’ oġġetti.

L-ispedizzjoni jew it-trasport, minn persuna taxxabbli jew f’isem persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, bl-eċċezzjoni tal-ispedizzjoni jew tat-trasport ta’ oġġett li, fl-Istat Membru tal-wasla, huwa intiż:

a)

li jintuża temporanjament għall-bżonnijiet ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli jew fil-kundizzjonijiet li jagħtuh id-dritt, fil-każ li dan l-oġġett kien importat, li jibbenefika mill-ammissjoni temporanja b’eżenzjoni totali ta’ dazji;

b)

li jkun suġġett għal xogħlijiet bil-kundizzjoni li dan l-oġġett jintbagħat lura jew jiġi ttrasportat lejn Franża lejn id-destinazzjoni ta’ din il-persuna taxxabbli;

c)

li jkun suġġett għal installazzjoni jew li jiġi assemblat;

d)

li jkun suġġett għal kunsinni fuq mezzi ta’ trasport, magħmula mill-persuna taxxabbli, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37 tad-Direttiva [tal-VAT].

[…] għandhom jitqiesu bħala trasferiment fis-sens tad-dispożizzjonijiet preċedenti”.

10

L-Artikolu 262b tal-KĠT jiddikjara:

“I.

Huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud:

1°   Il-kunsinni ta’ oġġetti spediti jew ittrasportati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Komunità Ewoprea lejn persuna taxxabbli oħra jew lejn persuna ġuridika mhux taxxabbli.

[…]

2°   It-trasferimenti ekwivalenti għall-kunsinni msemmija fl-Artikolu 256 III li jkunu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fis-subparagrafu 1° iktar ’il fuq li kieku kienu ddestinati lejn terza persuna taxxabbli.

[…]”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Lubrizol, kumpannija tas-settur tal-industrija kimika, timmanifattura u tbigħ addittivi għal lubrifikanti. Fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija ssemplifikata ta’ responsabbiltà limitata (société par actions simplifiées) stabbilita fi Franza, hija suġġetta għall-kontribuzzjonijiet kontenzjużi.

12

Wara li ġiet ivverifikata l-bażi taxxabbli li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet kontenzjużi dovuti minn Lubrizol għas-sena 2008, il-Caisse RSI ikkonstatat diverġenza fil-bażi taxxabbli bejn id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2007 iddikjarat lill-Caisse RSI u dak ikkomunikat mill-amministrazzjoni fiskali li jikkorrispondi għal tnaqqis imwettaq minn Lubrizol mill-ammont tat-trasferimenti intra-Komunitarji tal-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet.

13

Konsegwentement, fit‑13 ta’ Marzu 2012, il-Caisse RSI nnotifikat lil Lubrizol b’korrezzjoni, segwita minn intimazzjoni. Lubrizol ikkontestat il-fatt li għandha tħallas is-somom mitluba, fejn qieset li l-valur tal-merkanzija li hija kienet ittrasferixxiet lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea ma kienx jaqa’ taħt il-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi li hija kellha tħallas għas-sena 2008. Fil-fehma tagħha, fid-data ta’ dawn it-trasferimenti, hija kienet għadha proprjetarja ta’ din il-merkanzija u kienet għadha ma ttrasferixxiethiex lill-klijenti tagħha fejn għalhekk l-imsemmija trasferimenti ma kinux jikkostitwixxu bejgħ u għaldaqstant dħul mill-bejgħ.

14

Wara li l-azzjoni tagħha ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell, Lubrizol appellat quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), fejn sostniet li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-qorti ta’ appell, il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi għandhom jitqiesu bħala taxxi ta’ effett ekwivalenti ladarba huma inklużi, fil-bażi għall-kalkolu tagħhom, it-trasferimenti ta’ merkanzija lejn Stat Membru ieħor, b’differenza mit-trasferimenti ta’ merkanzija ġewwa t-territorju nazzjonali jew lejn pajjiż terz.

15

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-C3S ġiet stabbilita favur l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-mard u tal-maternità tal-ħaddiema mhux impjegati tal-professjonijiet mhux agrikoli u tal-iskemi ta’ assigurazzjoni tal-irtirar tal-professjonijiet artiġjanali, industrijali u kummerċjali, u liberali. Din il-qorti tenfasizza ulterjorment li, matul is-sena 2008, il-prodott tas-C3S kien essenzjalment allokat lill-Caisse RSI, li tiżgura l-irkupru tiegħu.

16

Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tikkonstata, barra minn hekk, li l-kontribuzzjoni addizzjonali għas-C3S ġiet fis-seħħ bil-Liġi Nru 2004‑810, tat‑13 ta’ Awwissu 2004 u li l-prodott tagħha kien essenzjalment allokat, matul is-sena 2008, lill-Caisse nationale de l’assurance maladie des travailleurs salariés (il-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni Sanitarja tal-Ħaddiema Impjegati), u sussegwentement għall-Fonds de solidarité vieillesse (il-Fond ta’ Solidarjetà għall-Irtirar).

17

Skont il-qorti tar-rinviju, il-bażi għall-kalkolu ta’ dawn iż-żewġ kontribuzzjonijiet, li għandhom, fis-sens tad-dritt intern, in-natura ta’ taxxi ta’ kull forma, hija kkostitwita mid-dħul mill-bejgħ globali minbarra t-taxxa ddikjarat lill-amministrazzjoni fiskali. Il-kunsinni ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT, jidħlu fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi.

18

Issa, dejjem skont din il-qorti, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti f’dan il-każ, u konformement mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-VAT, l-Artikolu 256 III tal-KĠT jekwivali mal-kunsinna ta’ oġġetti t-trasferiment ta’ oġġett mill-impriża tal-istess oġġett imwettqa minn persuna taxxabbli jew f’isem persuna taxxabbli, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Dan it-tip ta’ trasferiment għandu jissemma fid-dikjarazzjoni sottoskritta mill-persuna taxxabbli mal-amministrazzjoni fiskali, filwaqt li għandu jkun eżenti mill-VAT bis-saħħa tal-Artikolu 262b tal-KĠT.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju diġà ddeċidiet li l-valur rappreżentattiv tal-ħażniet ittrasferiti minn impriża, minn Franza lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, jidħol fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi, anki jekk dan it-trasferiment ma jiġġenerax, fih innifsu, dħul mill-bejgħ. Min-naħa l-oħra, it-trasferimenti ġewwa t-territorju nazzjonali u dawk imwettqa lejn Stat terz ma humiex ekwivalenti għal kunsinna ta’ oġġetti, fejn għalhekk il-valur rappreżentattiv tagħhom ma jidħolx fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 28 u 30 [TFUE] jipprekludu li l-valur ta’ oġġetti ttrasferiti minn Franza lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, minn jew f’isem persuna suġġetta għall-[kontribuzzjonijiet kontenzjużi], għall-ħtiġijiet tal-impriża tagħha, jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali li jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet miġbura fuq id-dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji, sa fejn dan tal-aħħar jilħaq jew jeċċedi ċertu ammont, tiġi kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur rappreżentattiv tal-oġġetti ttrasferiti minn persuna taxxabbli jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, minn dan l-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, fejn dan il-valur jittieħed inkunsiderazzjoni sa minn dan it-trasferiment, filwaqt li, meta l-istess oġġetti jiġu ttrasferiti mill-persuna taxxabbli jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-valur tagħhom jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-imsemmija bażi taxxabbli, biss meta jinbiegħu ulterjorment.

22

Skont id-dritt nazzjonali applikabbli, fil-kawża prinċipali, il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi għandhom jinġabru fuq id-dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji, bil-kundizzjoni li dan id-dħul mill-bejgħ ikun, għas-sena finanzjarja kkonċernata, jammonta għal mill-inqas EUR 760000. Minn dan id-dritt nazzjonali jirriżulta wkoll li trasferiment ta’ oġġetti, minn persuna suġġetta għal dawn il-kontribuzzjonijiet jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, minn Franza lejn Stat Membru tal-Unjoni, huwa ekwivalenti, għall-finijiet tal-ġbir tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, għal kunsinna ta’ oġġetti u jinkludi d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija kkonċernata.

23

Il-qorti tar-rinviju tosserva, b’mod iktar partikolari, li l-valur rappreżentattiv tal-merkanzija li tiġi sempliċement ittrasferita, mingħajr telf ta’ proprjetà, lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, jiġi inkluż fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi, filwaqt li dan ma huwiex il-każ meta tali trasferiment iseħħ ġewwa t-territorju Franċiż. Fil-każ tat-trasferimenti mwettqa ġewwa t-territorju Franċiż, huwa biss fid-data tal-bejgħ tal-merkanzija kkonċernata li l-valur ta’ dawn tal-aħħar jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija inkwistjoni u jiġi inkluż fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi. Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk, fid-dawl tal-mod li bih hija kkalkolata l-bażi tal-kontribuzzjonijiet, dawn tal-aħħar jikkostitwixxux taxxi ta’ effett ekwivalenti għad-dazji doganali għall-esportazzjoni kuntrarji għall-Artikoli 28 u 30 TFUE.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull piż pekunjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, irrispettivament minn kif huwa msejjaħ u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam fruntiera, meta dan ma huwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. Min-naħa l-oħra, piż pekunjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni li tinkludi sistematikament skont l-istess kriterji oġġettivi kategoriji ta’ prodotti indipendentement mill-oriġini tagħhom jew mid-destinazzjoni tagħhom jaqa’ taħt l-Artikolu 110 TFUE, li jipprojbixxi t-taxxi interni diskriminatorji (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Petrotel-Lukoil u Georgescu, C‑76/17, EU:C:2018:139, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar it-taxxi ta’ effett ekwivalenti għal dawk relatati mat-taxxi interni diskriminatorji ma humiex applikabbli b’mod kumulattiv, b’tali mod li miżura li taqa’ taħt l-Artikolu 110 TFUE ma tistax, fis-sistema tat-Trattat, tiġi kkwalifikata bħala “taxxa li għandha effett ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Piż pekunjarju jaħrab ukoll mill-kwalifika ta’ “taxxa li għandha effett ekwivalenti” jekk dan jinġabar, taħt ċerti kundizzjonijiet, minħabba kontrolli mwettqa sabiex dan jikkonforma ruħu ma’ obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni jew jekk dan jikkostitwixxi l-korrispettiv għal servizz effettivament ipprovdut lill-operatur li jkollu jħallsu, u li jkun ta’ ammont proporzjonat mal-imsemmi servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1992, Sanders Adour u Guyomarc’h Orthez Nutrition animale, C‑149/91 u C-150/91, punt 17, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani, C‑72/03, EU:C:2004:506, punt 31).

27

Għalhekk, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jissodisfawx id-definizzjoni ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, hekk kif jirriżulta mill-elementi msemmija fil-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza.

28

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu piżijiet pekunjarji imposti b’mod unilaterali minn Stat Membru. Peress li l-għan li fih jiġu imposti tali piżijiet huwa mingħajr effett, ftit jimporta jekk dawn humiex taxxi intiżi li jiffinanzjaw sistema ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C‑441/98 u C‑442/98, EU:C:2000:479, punt 17).

29

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jolqtux il-merkanziji.

30

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taxxa li ma hijiex imposta fuq prodotti bħala tali għandha xorta waħda titqies li tolqot merkanzija meta tinġabar immedjatament fuq il-prezz tal-prodott inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 1977, Schöttle, 20/76, EU:C:1977:26, punt 15, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 43). Jeħtieġ li din il-ġurisprudenza tiġi applikata wkoll fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

31

Fil-kawża prinċipali, il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi huma kkalkolati fuq id-dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji li huma suġġetti għaliha u mhux direttament fuq il-valur rappreżentattiv jew fuq il-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija kkummerċjalizzata minn dawn il-kumpanniji.

32

Madankollu, peress li d-dħul mill-bejgħ annwali ta’ dawn il-kumpanniji jilħaq ammont ta’ mill-inqas EUR 760000, id-dħul mill-bejgħ fl-intier tiegħu jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tat-taxxi inkwistjoni, li r-rata tagħha hija ffissata rispettivament għal 0.13 % u għal 0.03 % tal-imsemmi dħul mill-bejgħ. Sa fejn dan l-istess dħul mill-bejgħ huwa ġġenerat mill-bejgħ fi Franza u t-trasferiment lejn Stat Membru ieħor ta’ prodotti, il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jolqtu lil dawn il-prodotti fihom infushom, minkejja li ma jinġabrux fid-data tal-bejgħ tagħhom jew tat-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor, iżda b’mod globali u annwali.

33

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kontribuzzjonijiet jinfluwenzaw direttament il-prezz ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati, inkwantu kull bejgħ jew kull trasferiment lejn Stat Membru ieħor ta’ wieħed minn dawn il-prodotti neċessarjament jagħti lok għaż-żieda fil-bażi għall-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet li jinġabru fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat, meta dan jilħaq ammont ta’ mill-inqas EUR 760000 fis-sena.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi għandhom jitqiesu li jolqtu l-merkanzija.

35

Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bis-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 1985, Rousseau Wilmot (295/84, EU:C:1985:473), li fil-punt 16 tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kontribuzzjoni bħas-C3S taqa’ taħt il-kunċett ta’ “dazji jew obbligi li ma jistgħux ikunu karatterizzati bħala taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ” li jinsab fl-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), sa fejn, b’mod partikolari, hija kkalkolata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ annwali mingħajr ma tolqot direttament il-prezz tal-oġġetti u tas-servizzi. Fil-fatt, din is-sentenza kienet tirrigwarda speċifikament is-sistema komuni tal-VAT u, b’mod iktar partikolari, l-imsemmi Artikolu 33 li l-għan tiegħu huwa li jipprekludi li l-funzjonament ta’ din is-sistema jiġi kompromess minn miżuri fiskali ta’ Stat Membru li jintaxxaw il-moviment tal-oġġetti u tas-servizzi, u li jolqtu t-tranżazzjonijiet b’mod paragunabbli għal dak li jikkaratterizza l-VAT.

36

Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jolqtux din il-merkanzija minħabba li tinqasam fruntiera jew jekk, għall-kuntrarju, dawn jirriżultawx minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni li tinkludi sistematikament, skont l-istess kriterji oġġettivi, kategoriji ta’ prodotti indipendentement mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tagħhom.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-karatteristika essenzjali ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti, li tiddistingwiha minn taxxa interna ta’ natura ġenerali, tinsab fil-fatt li tal-ewwel tolqot esklużivament il-prodott li jaqsam il-fruntiera inkwantu tali, filwaqt li t-tieni tolqot kemm prodotti importati, esportati u dawk nazzjonali (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 28).

38

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jolqtu, bl-istess rata, kemm il-prodotti ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor kif ukoll il-prodotti mibjugħa fit-territorju nazzjonali.

39

Madankollu, l-ewwel nett, sabiex taqa’ taħt sistema ġenerali ta’ “taxxi interni”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, il-piż fiskali inkwistjoni għandha tolqot lill-prodott intern u lill-prodott esportat identiku bl-istess taxxa fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-fatt taxxabbli għandu, huwa wkoll, ikun identiku għaż-żewġ prodotti (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Issa, il-prezz tal-merkanzija jidħol fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi biss fil-mument tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija, meta din tibqa’ fit-territorju nazzjonali, filwaqt li l-valur rappreżentattiv tal-imsemmija merkanzija, meta din tal-aħħar tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor, tidħol f’dan l-istess bażi taxxabbli mill-mument tal-imsemmi trasferiment.

41

Madankollu din iċ-ċirkustanza ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni li l-piż pekunjarju li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet kontenzjużi japplika fl-istess stadju tal-kummerċjalizzazzjoni sa fejn tirrigwarda, hekk kif enfasizza l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment il-prodott mibjugħ fis-suq nazzjonali u l-prodott ittrasferit lejn Stat Membru ieħor bil-għan li jinbiegħ f’dan tal-aħħar.

42

Fil-fatt, minn naħa, il-bejgħ tal-imsemmi prodott fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment lejn Stat Membru ieħor tal-prodott bil-għan li dan jinbiegħ jistgħu jitqiesu li jirriżultaw, fir-realtà ekonomika, mill-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1992, Sanders Adour u Guyomarc’h Orthez Nutrition animale, C‑149/91 u C‑150/91, EU:C:1992:261, punt 18; tat‑2 ta’ April 1998, Outokumpu, C‑213/96, EU:C:1998:155, punt 25, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 30).

43

Madankollu, ikun mod ieħor li kieku, kif issostni Lubrizol fl-osservazzjonijiet tagħha sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasferiment tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali lejn Stat Membru ieħor kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi meta tali trasferiment ma jirriżultax f’bejgħ sussegwenti tal-imsemmija prodotti f’dan l-Istat Membru l-ieħor. Fil-fatt, tali trasferiment ma jaqax taħt l-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni bħall-bejgħ fis-suq nazzjonali.

44

Kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, il-piż pekunjarju li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet kontenzjużi għandu jitqies li jolqot dawn il-prodotti fi stadji ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti fil-każ li l-valur tal-prodotti ttrasferiti fi Stat Membru ieħor ma jkunx seta’ jitnaqqas mill-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi meta dawn ma jkunux intiżi li jinbiegħu jew ikunu ġew irritornati lejn Franza mingħajr ma jkunu nbiegħu fl-Istat Membru l-ieħor. F’tali ipoteżi, sa fejn il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jiġu kkalkolati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur rappreżentattiv ta’ tali prodotti, dawn għandhom jitqiesu bħala taxxi li għandhom effett ekwivalenti.

45

Barra minn hekk, li kieku l-valur tal-oġġetti ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor kellu jiġi kkontabilizzat, għat-tieni darba, fil-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi, meta jinbiegħu f’dan l-Istat Membru, il-prodotti esportati jkollhom isostnu għal darbtejn il-piż fiskali inkwistjoni, b’differenza tal-prodotti intiżi għas-suq nazzjonali. F’tali ipoteżi, sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkolati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz ta’ bejgħ ta’ dawn l-oġġetti, huma għandhom jitqiesu wkoll bħala taxxa li għandhom effett ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1997, Fricarnes, C‑28/96, EU:C:1997:412, punt 28).

46

It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li filwaqt li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta’ prodott ta’ taxxa, li taqa’ taħt sistema ġenerali ta’ taxxi interni u li tolqot sistematikament il-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fis-suq nazzjonali u dawk esportati, jikkumpensaw bis-sħiħ il-piż sostnut mill-prodott nazzjonali kkummerċjalizzat fis-suq nazzjonali meta dan jitqiegħed fis-suq, din it-tassazzjoni tikkostitwixxi wkoll taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, kuntrarja għall-Artikoli 28 u 30 TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Petrotel‑Lukoil u Georgescu, C‑76/17, EU:C:2018:139, punt 24).

47

F’dan il-każ, madankollu, xejn ma juri li dan ikun l-effett tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prodott ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa intiż li jiffinanzja l-baġit ta’ organi ta’ sigurtà soċjali li s-servizzi tagħhom ma humiex intiżi u li ma jidhrux li huma intiżi li jikkumpensaw b’mod sħiħ il-piż li jirriżulta, fir-rigward tal-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fit-territorju nazzjonali, mill-ġbir tal-imsemmija kontribuzzjonijiet.

48

Fi-raba’ lok, għandu jiġi osservat, li, hekk kif, essenzjalment enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma juri, fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kontribuzzjonijiet kontenzjużi jinġabru minħabba kontrolli mwettqa sabiex persuna tikkonforma ruħha ma’ obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni jew minħabba li jikkostitwixxu l-korrispettiv ta’ servizz effettivament mogħti lill-operatur, għal ammont proporzjonat mal-imsemmi servizz.

49

Għalhekk il-kontribuzzjonijiet kontenzjużi, suġġett għal dak li huwa indikat fil-punti 43 sa 47 ta’ din is-sentenza, jidhru li huma taxxi interni, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

50

Peress li Lubrizol indikat, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kinitx qed tinvoka l-ksur tal-Artikolu 110 TFUE u ma saritx domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk kontribuzzjonijiet bħall-kontribuzzjonijiet kontenzjużi humiex diskriminatorji fis-sens ta’ dan l-Artikolu 110.

51

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-bażi għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet miġbura fuq id-dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jilħaq jew jeċċedi ċertu ammont, jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur rappreżentattiv tal-oġġetti ttrasferiti minn persuna taxxabbli jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, minn dan l-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, fejn dan il-valur jittieħed inkunsiderazzjoni mill-mument li jsir l-imsemmi trasferiment, filwaqt li, meta l-istess oġġetti jiġu ttrasferiti mill-persuna taxxabbli jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-valur tagħhom jittieħed inkunsiderazzjoni fl-imsemmija bażi taxxabbli biss meta jseħħ il-bejgħ ulterjuri tagħhom, suġġett għall-kundizzjoni:

l-ewwel nett, li l-valur ta’ dawn l-oġġetti ma jittiħidx inkunsiderazzjoni darbtejn fl-imsemmija bażi taxxabbli meta jseħħ il-bejgħ ulterjuri f’dan l-Istat Membru,

it-tieni nett, li l-valur jitnaqqas mill-imsemmija bażi taxxabbli meta dawn l-oġġetti ma jkunux intiżi li jinbiegħu fl-Istat Membru l-ieħor jew ikunu ġew irritornati lejn l-Istat Membru ta’ oriġini mingħajr ma jkunu nbiegħu, u

it-tielet nett, li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ma jikkumpensawx għal kollox il-piż sostnut mill-prodott nazzjonali kkummerċjalizzat fis-suq nazzjonali meta jitqiegħed fis-suq, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-bażi għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet miġbura fuq id-dħul mill-bejgħ annwali tal-kumpanniji, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jilħaq jew jeċċedi ċertu ammont, jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur rappreżentattiv tal-oġġetti ttrasferiti minn persuna taxxabbli jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, minn dan l-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fejn dan il-valur jittieħed inkunsiderazzjoni mill-mument li jsir l-imsemmi trasferiment, filwaqt li, meta l-istess oġġetti jiġu ttrasferiti mill-persuna taxxabbli jew f’isimha, għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-valur tagħhom jittieħed inkunsiderazzjoni fl-imsemmija bażi taxxabbli biss meta jseħħ il-bejgħ ulterjuri tagħhom, suġġett għall-kundizzjoni:

 

l-ewwel nett, li l-valur ta’ dawn l-oġġetti ma jittiħidx inkunsiderazzjoni darbtejn fl-imsemmija bażi taxxabbli meta jseħħ il-bejgħ ulterjuri f’dan l-Istat Membru,

 

it-tieni nett, li l-valur jitnaqqas mill-imsemmija bażi taxxabbli meta dawn l-oġġetti ma jkunux intiżi li jinbiegħu fl-Istat Membru l-ieħor jew ikunu ġew irritornati lejn l-Istat Membru ta’ oriġini mingħajr ma jkunu nbiegħu, u

 

it-tielet nett, li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ma jikkumpensawx għal kollox il-piż sostnut mill-prodott nazzjonali kkummerċjalizzat fis-suq nazzjonali meta jitqiegħed fis-suq, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq