EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0537

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
Claudia Wegener vs Royal Air Maroc SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘titjira b’konnessjoni’ – Titjira li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, b’konnessjoni f’ajruport li jinsab fi Stat terz, li d-destinazzjoni finali tagħha tkun ajruport ieħor f’dan l-Istat terz.
Kawża C-537/17.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

31 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘titjira b’konnessjoni’ – Titjira li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, b’konnessjoni f’ajruport li jinsab fi Stat terz, li d-destinazzjoni finali tagħha tkun ajruport ieħor f’dan l-Istat terz”

Fil-Kawża C-537/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Claudia Wegener

vs

Royal Air Maroc SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Wegener, minn F. Puschkarski, Rechtsanwältin,

għal Royal Air Maroc SA, minn D. Ahrens, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Claudia Wegener u Royal Air Maroc SA dwar kumpens mitlub minħabba dewmien twil ta’ titjira.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jinkludi b’mod partikolari d-definizzjoni segwenti:

“(h)

‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; […]”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

(b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

C. Wegener ikkonkludiet, ma’ Royal Air Maroc, kuntratt ta’ trasport bl-ajru fil-forma ta’ riżervazzjoni waħda li kienet tippermettilha tivvjaġġa minn Berlin (il-Ġermanja) lejn Agadir (il-Marokk) u li kienet tipprevedi waqfa f’Casablanca (il-Marokk), b’bidla tal-ajruplan.

6

Wara li kisbet konferma tar-riżervazzjoni tagħha u wara li għamlet iċ-check-in fl-ajruport ta’ Berlin għall-vjaġġ kollu tagħha, C. Wegener telgħat fl-ajruplan ta’ Royal Air Maroc lejn Casablanca, li telaq b’dewmien. Meta waslet Casablanca, hija marret sabiex titla’ fuq l-ajruplan li kien sejjer lejn Agadir iżda Royal Air Maroc ma ħallithiex titla’ fuq l-ajruplan filwaqt li indikatilha li l-post tagħha kien ġie attribwit mill-ġdid lil passiġġier ieħor. Finalment C. Wegener telgħat fuq ajruplan ieħor ta’ Royal Air Maroc u waslet f’Agadir b’dewmien ta’ erba’ sigħat fil-konfront tal-ħin inizjalment previst.

7

C. Wegener għalhekk talbet kumpens għal dan id-dewmien. Madankollu, Royal Air Maroc irrifjutat li tilqa’ t-talba tagħha għar-raġuni li C. Wegener ma setgħetx tinvoka dritt għal kumpens taħt ir-Regolament Nru 261/2004.

8

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ikun hemm titjira fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-[Regolament Nru 261/2004] meta l-operazzjoni ta’ trasport ta’ trasportatur tal-ajru tkun tinkludi interruzzjonijiet ippjanati (waqfiet) barra mit-territorju tal-[Unjoni] Ewropea bi bdil tal-ajruplan?”

Fuq id-domanda preliminari

9

Fid-dawl tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, dan ir-regolament japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

10

It-tieni nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-trasport ta’ passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq, kif indikat fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, fuq il-bażi ta’ riżervazzjoni waħda.

11

Fid-dawl ta’ dan l-element, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għal trasport ta’ passiġġieri imwettaq fuq il-bażi ta’ riżervazzjoni waħda u li jinkludi, bejn it-tluq tiegħu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u l-wasla tiegħu f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz, waqfa ppjanata barra mill-Unjoni, b’bidla tal-ajruplan.

12

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li t-trasport imsemmi fil-punt 5 ta’ din is-sentenza huwa kkostitwit minn żewġ titjiriet bejn, rispettivament, Berlin u Casablanca, u Casablanca u Agadir.

13

It-tieni nett, l-ewwel waħda minn dawn it-titjiriet telqet minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, filwaqt li t-tieni waħda telqet minn u waslet f’ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ Stat terz.

14

Fl-aħħar nett, kienet mal-wasla tat-tieni waħda minn dawn it-titjiriet li ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ dewmien ta’ erba’ sigħat imġarrab mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li, jekk titjira bħal din it-tieni titjira, li twettqet kompletament barra mill-Unjoni, ikollha titqies li hija operazzjoni ta’ trasport separata, din it-titjira ma tkunx taqa’ taħt ir-Regolament Nru 261/2004. Mill-banda l-oħra, jekk trasport bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqies f’daqqa, bil-punt tat-tluq tiegħu fi Stat Membru, dan ir-regolament ikun applikabbli.

16

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-telf ta’ ħin irrimedjabbli li jikkostitwixxi l-inkonvenjent li jagħti lok għad-dritt għal kumpens previst fir-Regolament Nru 261/2004 huwa t-telf ta’ ħin li jimmaterjalizza mal-wasla tal-passiġġier ikkonċernat fid-destinazzjoni finali tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C-11/11, EU:C:2013:106, punti 3233).

17

Issa, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament bħala d-destinazzjoni indikata fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet b’konnessjoni, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira tal-passiġġier ikkonċernat (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C-11/11, EU:C:2013:106, punti 3435).

18

Mit-termini “l-aħħar titjira” jirriżulta li l-kunċett ta’ “titjira b’konnessjoni” għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal żewġ titjiriet jew iktar li jikkostitwixxu vjaġġ wieħed għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst fir-Regolament Nru 261/2004, bħalma kienet it-titjira b’konnessjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punti 1718).

19

Dan ikun il-każ meta żewġ titjiriet jew iktar kienu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda, bħalma kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punt 16).

20

Għaldaqstant, operazzjoni ta’ trasport bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li hija titjira b’konnessjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punti 3538).

21

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju qiegħda tindika, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda tagħha, li t-tieni waħda miż-żewġ titjiriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqet b’ajruplan differenti minn dak użat għall-ewwel titjira.

22

Madankollu, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 ma tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ titjira b’konnessjoni għall-fatt li t-titjiriet kollha li jikkostitwixxu t-titjira b’konnessjoni jitwettqu bl-istess ajruplan.

23

Għaldaqstant, il-bidla tal-ajruplan li jista’ jkun hemm fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni ma għandha ebda impatt fuq din il-klassifikazzjoni.

24

Għalhekk, trasport bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies, meta kkunsidrat fl-intier tiegħu, bħala titjira b’konnessjoni. Għaldaqstant, dan it-trasport għandu jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004.

25

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għal trasport ta’ passiġġieri mwettaq fuq il-bażi ta’ riżervazzjoni waħda u li jinkludi, bejn it-tluq tiegħu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u l-wasla tiegħu f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz, waqfa ppjanata barra mill-Unjoni, b’bidla tal-ajruplan.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għal trasport ta’ passiġġieri mwettaq fuq il-bażi ta’ riżervazzjoni waħda u li jinkludi, bejn it-tluq tiegħu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u l-wasla tiegħu f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz, waqfa ppjanata barra mill-Unjoni Ewropea, b’bidla tal-ajruplan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq