Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CC0018

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-26 ta’ April 2018.
Danieli & C. Officine Meccaniche SpA et vs Regionale Geschäftsstelle Leoben des Arbeitsmarktservice.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Repubblika tal-Kroazja – Miżuri tranżitorji – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema – Kollokament ta’ ċittadini Kroati u ta’ Stati terzi fl-Awstrija permezz ta’ impriża stabbilita fl-Italja.
Kawża C-18/17.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:288

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-26 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C-18/17

Danieli & C. Officine Meccaniche SpA

Dragan Panic

Ivan Arnautov

Jakov Mandic

Miroslav Brnjac

Nicolai Dorassevitch

Alen Mihovic

fil-preżenza ta’:

Arbeitsmarktservice Leoben

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda — Il‑Kroazja — Miżuri tranżitorji — Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikoli 56 u 57 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 96/71/KE — Kollokament ta’ ħaddiema — Kamp ta’ applikazzjoni — Kollokament ta’ ċittadini Kroati u ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi lejn l-Awstrija permezz ta’ impriża stabbilita fl-Italja — Artikolu 1(3) — Kollokament — Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema”

1. 

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk ir-Repubblika tal-Awstrija tistax teżiġi li ħaddiema ttrasferiti ma’ impriża Taljana li tipprovdi servizz fl-Awstrija jkollhom permess ta’ impjieg fil-każ li (i) dawk il-ħaddiema jkunu ċittadini Kroati impjegati ma’ impriża Kroata, jew (ii) dawk il-ħaddiema jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati b’mod legali ma’ impriża oħra Taljana.

2. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega għalfejn, bħala prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ teżiġi, skont l‑Artikoli 56 u 57 TFUE, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2012 ( 2 ), li ċittadini Kroati ttrasferiti ma’ impriża Taljana li tipprovdi servizz fl-Awstrija jkollhom permess ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, ma tistax tagħmel l-istess, abbażi tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ttrasferiti ma’ impriża Taljana li tipprovdi servizz fl-Awstrija, peress li dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma impjegati b’mod legali fl-Italja.

I. Il-qafas legali

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. L-Att ta’ Adeżjoni tal-2012

3.

Il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal‑Unjoni Ewropea huma stabbiliti fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2012. L‑Artikolu 18 ta’ dak l-att jipprevedi li l-miżuri elenkati fl-Anness V għandhom jiġu applikati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l‑Anness.

4.

L-Anness V mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 huwa intitolat “Lista msemmija fl-Artikolu 18 tal-Att tal-Adeżjoni: miżuri transitorji”. Il‑Kapitolu 2 tiegħu jikkonċerna miżuri tranżitorji fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni. Huwa jipprevedi li:

“1.   L-Artikolu 45 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tat-TFUE għandhom japplikaw fl-intier biss, fir-rigward tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu l-moviment temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl‑Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE, bejn il-Kroazja minn naħa waħda u kull wieħed mill-Istati Membri attwali min-naħa l-oħra, soġġett għad-dispożizzjonijiet transitorji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13.

2.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u sal-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data tal-adeżjoni, l-Istati Membri attwali ser japplikaw il-miżuri nazzjonali, jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali, sabiex jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Kroati. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sal-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-adeżjoni.

Ċittadini Kroati li jkunu jaħdmu legalment f’xi Stat Membru [eżistenti] fid-data tal-adeżjoni u ammessi fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ 12-il xahar jew aktar għandhom igawdu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru iżda mhux għas-suq tax-xogħol ta’ Stati Membri oħra li japplikaw il-miżuri nazzjonali.

Ċittadini Kroati ammessi fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru [eżistenti] wara l-adeżjoni għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ 12-il xahar jew aktar għandhom ukoll igawdu l-istess drittijiet.

Iċ-ċittadini Kroati msemmijin fit-tieni u t-tielet subparagrafi għandhom jitilfu d-drittijiet li imsemmija f’dawk is-subparagrafi jekk huma jitilqu volontarjament mis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru attwali inkwistjoni.

Ċittadini Kroati li jkunu jaħdmu legalment fi Stat Membru [eżistenti] fid‑data tal-adeżjoni, jew matul perijodu li fih ikunu applikati miżuri nazzjonali, u li kienu ammessi fis-suq tax-xogħol ta’ dak l‑Istat Membru għal perijodu ta’ inqas minn 12-il xahar m’għandhomx igawdu mid-drittijiet imsemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafi.

[…]

12.   Sabiex jiġu indirizzati disturbi serji jew it-theddida tagħhom f’setturi sensittivi u speċifiċi ta’ servizzi fis-swieq tax-xogħol tal‑Ġermanja u tal-Awstrija, li jistgħu jirriżultaw f’ċerti reġjuni mill-provvista transnazzjonali ta’ servizzi, kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE, u dment li huma japplikaw bis-saħħa tad‑dispożizzjonijiet ta’ transizzjoni stabbiliti hawn fuq, il-miżuri nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali dwar il‑libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema Kroati, il-Ġermanja u l‑Awstrija jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jidderogaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tat-TFUE bil‑ħsieb li jillimitaw fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn kumpanniji stabbiliti fil-Kroazja, il-moviment temporanju ta’ ħaddiema li d-dritt tagħhom li jiksbu xogħol fil-Ġermanja u fl‑Awstrija jkun soġġett għal miżuri nazzjonali.”

5.

Il-lista tas-setturi tas-servizzi li jistgħu jkunu koperti mid-deroga stabbilita fil-paragrafu 12 tinkludi, fost l-oħrajn, attivitajiet ta’ kostruzzjoni kif iddefiniti f’dik id-dispożizzjoni.

2. Id-Direttiva 96/71/KE ( 3 )

6.

Id-Direttiva 96/71 tirregola l-kollokament ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ forniment ta’ servizzi.

7.

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-għan tad-direttiva. Huwa jipprevedi li:

“(1)   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[…]

(3)   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil‑paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)

jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal‑kollokazzjoni; jew

b)

jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l‑ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament; jew

c)

billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.”

8.

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l‑impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg, skont il-liġi jew, jekk ikun il-każ, skont ftehim kollettivi, dwar il-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ; it-tul minimu tal‑vaganzi annwali mħallsa; ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni ta’ ħaddiema; is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol; miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ; it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar nondiskriminazzjoni.

B.   Id-dritt nazzjonali

9.

Il-paragrafu 18 tal-Ausländerbeschäftigungsgesetz (il-Liġi dwar l‑Impjieg ta’ Ċittadini Barranin) ( 4 ) jipprevedi:

“Ċittadini barranin ikkollokati

Kundizzjonijiet tal-impjieg; permess ta’ kollokament

(1)

Għal ċittadini barranin li huma impjegati ma’ persuna li timpjega barranija li ma hijiex stabbilita fl-Awstrija, huwa meħtieġ permess ta’ impjieg, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti hawn taħt. Jekk tali impjieg ma jeċċedix is-sitt xhur, ċittadini barranin għandhom bżonn permess ta’ kollokament, li jista’ jingħata għal perijodu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur.

[…]

(12)

Ċittadini barranin li huma kkollokati fl-Awstrija minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jaħdmu b’mod temporanju ma għandhomx bżonn permess ta’ impjieg jew permess ta’ kollokament jekk:

1.

Huma debitament awtorizzati, għal perijodu li jeċċedi l‑perijodu tal-kollokament fl-Awstrija, jaħdmu fl-Istat fejn l-impriża hija stabbilita u huma impjegati b’mod legali fl‑impriża li tikkollokahom, u jekk

2.

Il-kundizzjonijiet tal-paga u tax-xogħol Awstrijaki u d-dispożizzjonijiet legali relatati mal-assigurazzjoni għas‑sigurtà soċjali huma ssodisfatti.

L-Uffiċċju ċentrali ta’ koordinazzjoni għall-kontroll ta’ impjiegi illegali, tal-Ministeru Federali tal-Finanzi, għandu jittrasmetti mill-iktar fis possibbli, lill-awtoritajiet reġjonali kompetenti, notifika tal-impjieg ta’ ċittadini barranin ikkollokati fl-Awstrija. Wara tali notifika, l-uffiċċju reġjonali tal-impjiegi għandu jinforma lill-impriża u lill-persuna li timpjega li jużaw is-servizzi li, jew ir-rekwiżiti kollha ġew issodisfatti (‘Konferma ta’ Kollokament-UE’), jew li l‑kollokament ser jiġi rrifjutat jekk dawk ir-rekwiżiti ma ġewx issodisfatti.”

10.

Il-paragrafu 32a tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Ċittadini Barranin li jirrigwarda dispożizzjonijiet tranżitorji dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea jipprevedi:

“(1)   Ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni li saru membri tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, abbażi tat-Trattat li jirrigwarda l‑adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea ma għandhomx id-dritt ta’ moviment liberu tal‑ħaddiema sakemm ma humiex familjari ta’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE bi dritt legali li jirrisjedu taħt id-dritt tal-Unjoni.

[…]

(11)   Abbażi tal-[Att ta’ Adeżjoni tal-2012], it-taqsima 1 sat-taqsima 9 japplikaw mutatis mutandis b’effett mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja u għall‑persuni li jimpjegaw stabbiliti fir-Repubblika tal-Kroazja.”

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

11.

Din il-kawża tirrigwarda kwistjoni bejn Danieli & C. Officine Meccaniche SpA (iktar ’il quddiem “Danieli”) u erba’ ċittadini Kroati u ċittadin Russu u ieħor Bjelorussu minn naħa, u l-Arbeitsmarktservice Leoben (l-Uffiċċju Reġjonali tas-Servizz tal-Impjiegi ta’ Leoben, l-Awstrija), min‑naħa l-oħra.

12.

Danieli, impriża stabbilita fl-Italja, aċċettat kuntratt minn impriża Awstrijaka għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl-Awstrija. Danieli hija parti mill-grupp ta’ kumpanniji li jinkludi lil DS d.o.o. stabbilita fil-Kroazja (“il-persuna li timpjega tal-Kroazja”) u DA‑S.p.A. stabbilita fl-Italja (“il-persuna li timpjega tal-Italja”). Sabiex tlesti l-proġett ta’ kostruzzjoni, Danieli xtaqet tikkolloka ħaddiema ttrasferiti mill‑persuna li timpjega tal-Kroazja u mill-persuna li timpjega tal-Italja.

13.

B’mod iktar speċifiku, Danieli xtaqet tikkolloka erba’ ċittadini Kroati, li huma impjegati mal-persuna li timpjega tal-Kroazja u għandhom kopertura ta’ sigurtà soċjali fil-Kroazja. Xtaqet tibgħat ukoll żewġ ċittadini minn pajjiżi terzi, ċittadin Russu u ieħor Belarussu, li huma impjegati mal-persuna li timpjega tal-Italja u li għandhom kopertura ta’ sigurtà soċjali fl-Italja.

14.

Fit-18 ta’ Jannar 2016, Danieli rreġistrat lill-imsemmija impjegati mal-awtorità kompetenti u applikat għall-konferma tal-kollokament tagħhom fl-UE.

15.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Danieli kienet speċifikat li l-impjegati inkwistjoni ma kinux impjegati ma’ Danieli, iżda li ser jiġu ttrasferiti magħha mill-persuna li timpjega tal-Kroazja u minn dik tal-Italja, rispettivament, sabiex tkun tista’ tlesti l-proġett fl-Awstrija.

16.

L-Uffiċċju Reġjonali tas-Servizz tal-Impjiegi ta’ Leoben ċaħad l‑applikazzjonijiet għall-konferma tal-kollokament ta’ ċittadini barranin fiż-ŻEE skont il-paragrafu 18(12) tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Ċittadini Barranin u pprojbixxa l-kollokament.

17.

Sussegwentement, ġew ippreżentati appelli minn din id-deċiżjoni. Dawn l-appelli ġew miċħuda bħala infondati mill‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l‑Awstrija). Skont din il-qorti, il-kollokamenti ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71. Skont din il-qorti, id-direttiva ma kinitx applikabbli peress li ma kienx hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn Danieli u l-impjegati li hija xtaqet tikkolloka sabiex jitwettaq il-proġett fl‑Awstrija.

18.

Sussegwentement, ġew ippreżentati appelli minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l‑Awstrija). Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE, id-Direttiva [96/71], [u l-punti 2 u 12 tal‑Kapitolu 2, [intitolat] Moviment liberu tal-persuni], tal‑Anness V [tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Awstrija tista’, billi tirrikjedi permess ta’ impjieg, tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema impjegati minn kumpannija stabbilita fil-Kroazja f’sitwazzjoni fejn dan il‑kollokament isir permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal kumpannija stabbilita fl-Italja bl-iskop li din il‑kumpannija Taljana tipprovdi servizz fl-Awstrija u fejn l-attività tal-ħaddiema Kroati għall-kumpannija Taljana, fil-kuntest tal‑kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl‑Awstrija, tkun limitata għall-provvista ta’ dan is-servizz fl‑Awstrija, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn dawn il-ħaddiema u l-kumpannija Taljana?

2)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE u d-Direttiva [96/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Awstrija tista’, billi tirrikjedi permess ta’ impjieg, tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema Russi u Bjelorussi impjegati minn kumpannija stabbilita fl-Italja f’sitwazzjoni fejn dan il-kollokament isir permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal kumpannija oħra stabbilita fl-Italja bl-iskop li din il‑kumpannija l-oħra tipprovdi servizz fl-Awstrija u fejn l-attività tal-ħaddiema Russi jew Bjelorussi għall-kumpannija l-oħra tkun limitata għall-provvista tas-servizz ta’ din il-kumpannija l-oħra fl‑Awstrija, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn dawn il-ħaddiema u din il-kumpannija l-oħra?”

19.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti u mill‑Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet kollha, ħlief il-Gvern tal-Pajjiżi l‑Baxxi, ippreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit‑28 ta’ Frar 2018.

III. Analiżi

20.

Qabel ma niddiskuti d-domandi preliminari magħmula, ser nagħmel numru ta’ osservazzjonijiet preliminari relatati, b’mod partikolari, mal‑qafas legali li jirregola d-dritt ta’ impriżi li jipprovdu servizzi fl‑Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, ser nispjega wkoll li l-arranġament li permezz tiegħu Danieli, sabiex tipprovdi servizz fl-Awstrija, tuża ċittadini mill-Kroazja u minn pajjiżi terzi li huma impjegati b’mod legali, rispettivament, minn persuna li timpjega tal-Kroazja u minn persuna li timpjega tal-Italja f’dawk l‑Istati (iktar ’il quddiem “l-arranġment inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) għandu jitqies bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif ser jintwera, din il-kwistjoni għandha effett dirett fuq l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-ewwel domanda magħmula.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

21.

Fl-Awstrija, ċittadini barranin impjegati ma’ persuna li timpjega barranija li ma hijiex stabbilita fl-Awstrija għandhom ikollhom permess ta’ impjieg. Madankollu, fil-każ ta’ dak li jissejjaħ kollokament fl-UE, jiġifieri, meta ċ-ċittadini barranin huma kkollokati fl-Awstrija minn impriża stabbilita fi Stat Membru (ŻEE) sabiex taħdem b’mod temporanju, dak ir-rekwiżit ma huwiex applikabbli. Dan huwa l-każ meta dawk il-ħaddiema, fost l-oħrajn, huma debitament awtorizzati, għal perijodu li jeċċedi l-perijodu tal-kollokament fl-Awstrija, jaħdmu fi Stat fejn huwa stabbilit il-post tan-negozju u huma impjegati b’mod legali fl-impriża li tikkollokahom. Madankollu, matul perijodu tranżitorju li jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2018, huwa meħtieġ permess ta’ impjieg għal ċittadini Kroati skont ir-regoli nazzjonali rilevanti (paragrafi 18 u 32a tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Ċittadini Barranin).

22.

F’dan il-każ, Danieli, impriża Taljana, applikat għal kollokament fl-UE mingħajr permess ta’ impjieg fir-rigward ta’ ċittadini Kroati u ta’ pajjiżi terzi li kellha l-intenzjoni tikkolloka sabiex jaħdmu fil-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl-Awstrija. Din it-talba ġiet miċħuda għar-raġuni li għal dawk il-ħaddiema huwa meħtieġ permess ta’ impjieg.

23.

Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk dan ir-rekwiżit huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bil-konsapevolezza li ċ-ċittadini Kroati u ta’ pajjiżi terzi ġew ittrasferiti b’mod temporanju ma’ impriża Taljana (Danieli) li tipprovdi servizz fl-Awstrija. Iċ-ċittadini Kroati ġew ittrasferiti ma’ Danieli minn impriża Kroata u ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi ġew ittrasferiti minn impriża Taljana.

1. Il-qafas legali: il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l‑kollokament tal-ħaddiema

24.

Qabelxejn għandu jitfakkar li l-kompatibbiltà mad-dritt tal‑Unjoni ta’ rekwiżit għal permess ta’ impjieg f’dan il-każ partikolari hija rregolata mir-regoli tat-Trattat rilevanti dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stipulati fl-Artikoli 56 u 57 TFUE ( 5 ). Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari taċ-ċittadini Kroati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli speċjali li l-leġiżlatur stabbilixxa dak il-limitu, f’perijodu tranżizzjonali wara l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar‑Repubblika tal-Kroazja, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi li jinvolvu l-moviment temporanju ta’ ħaddiema, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71. Dawk ir-regoli jinsabu fil-Kapitolu 2 tal-Anness V mal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2012.

25.

Għall-kuntrarju, id-Direttiva 96/71, ma għandha l-ebda sinjifikat dirett hawnhekk. Kuntrarjament għal dak li jistgħu jissuġġerixxu d-domandi magħmula u l-attenzjoni mogħtija lid-direttiva waqt is-seduta, id‑Direttiva 96/71 ftit għandha importanza sabiex tiġi evalwata l‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit għal permess ta’ impjieg inkwistjoni f’din il-kawża.

26.

Id-Direttiva 96/71 hija intiża sabiex tipproteġi l-ħaddiema billi tagħti ċerti drittijiet minimi lill-ħaddiema kkollokati fil-kuntest partikolari tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali. Hija tistabblixxi “nukleu ta’ regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima” — relatati fost l-oħrajn ma’ paga minima u vaganzi — li għandhom jiġu osservati fil‑pajjiż ospitanti mill-persuna li timpjega li tikkolloka ħaddiema biex jagħmlu xogħol temporanju hemm ( 6 ). B’mod iktar speċifiku, l-Istat Membru ospitanti għandu, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, jiżgura li impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu jkunu konformi mat‑termini u mal-kundizzjonijiet minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni.

27.

Id-Direttiva 96/71 ma fihiex regoli dwar ir-rekwiżiti amministrattivi li fornitur ta’ servizz (barrani) jista’ jiġi mitlub jikkonforma ruħu magħhom fl-Istat Membru ospitanti. Il-limiti għal tali rekwiżiti huma stabbiliti bl-Artikoli 56 u 57 TFUE (u, fejn applikabbli, fid-dispożizzjonijiet tranżitorji annessi mal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2012).

28.

Kif imsemmi hawn fuq, id-Direttiva 96/71 madankollu hija rilevanti għad-deċiżjoni ta’ din il-kawża għal raġunijiet oħra. Fil-fatt, kif ser jintwera f’iktar dettall hawn taħt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn tipi differenti ta’ kollokament: skont jekk impriża li tipprovdi servizz fl-Istat Membru ospitanti tagħmilx dan billi tikkolloka lill-ħaddiema tagħha stess fl-Istati Membri ospitanti (kollokament tradizzjonali fis-sens tal‑Artikolu 1(3)(a) tad‑Direttiva 96/71), jew jekk impriża tipprovdix ħaddiema lil impriża fl‑Istati Membri ospitanti (tagħmel il-ħaddiema disponibbli lil impriża oħra fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad‑Direttiva 96/71), peress li l‑evalwazzjoni tal-arranġament, mill-perspettiva tar-regoli li jirregolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-dispożizzjonijiet tranżitorji rilevanti, għandha loġika differenti.

29.

B’mod iktar speċifiku, ħaddiema ttrasferiti lejn l-Istat Membru ospitanti, kemm jekk fil-kuntest ta’ kollokazzjoni tradizzjonali kif ukoll ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, għad-differenza ta’ ħaddiema kkollokati mill-persuna li timpjegahom fis-sens tal‑Artikolu 1(3)(a) tad-direttiva, ħaddiema li ġew ittrasferiti għall-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-direttiva jitqiesu li tqiegħdu għad-dispożizzjoni, u għalhekk jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ( 7 ).

30.

Dik id-differenza għandha sinjifikat partikolari fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-paragrafi 2 u 12 tal‑Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2012. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom iktar flessibbiltà sabiex japplikaw regoli nazzjonali matul il-perijodu tranżitorju fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema.

31.

Permezz tal-paragrafu 2, Stat Membru jista’ jillimita l-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema (Kroati) billi japplika miżuri nazzjonali matul il‑perijodu tranżitorju. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-moviment liberu tal-ħaddiema jinkludi kemm is-sitwazzjoni fejn ħaddiem ifittex aċċess dirett għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll fejn ħaddiem ikun sar disponibbli fis-suq tax-xgoħol ta’ dak l-Istat fis-sens tal‑Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 ( 8 ). Min-naħa l-oħra, taħt il‑paragrafu 12 jista’ jkun hemm deroga mill-Artikolu 56 TFUE u restrizzjoni għall-kollokament tradizzjonali fis-sens tal‑Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi. Madankollu, dik il-possibbiltà hija disponibbli biss f’ċerti setturi sensittivi, bħall-kostruzzjoni, minn impriżi stabbiliti fil-Kroazja ( 9 ).

32.

Huwa għalhekk li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, bħala punt preliminari, kif l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi ddefinit bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

2. Kif għandu jinftiehem l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni?

33.

Fir-rigward tal-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, punt li għandu jiġi enfasizzat mill-bidu huwa li l-ħaddiema kkonċernati ma humiex impjegati direttament minn Danieli iżda minn impriżi oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ impriżi: filwaqt li ċ-ċittadini Kroati għandhom kuntratt ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega Kroata u għandhom kopertura ta’ sigurtà soċjali fil-Kroazja, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom kuntratt ta’ impjieg mal-persuna li timpjega Taljana u huma koperti bis-sigurtà soċjali fl-Italja.

34.

Il-ħaddiema kellhom jiġu ttrasferiti ma’ Danieli sabiex l-impriża tkun tista’ tlesti l-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl-Awstrija, proġett ta’ kostruzzjoni li fih Danieli tidher li kienet l‑kuntrattur prinċipali. Matul il-kollokament tagħhom fl-Awstrija, il‑ħaddiema kellhom iwettqu xogħolhom taħt il-kontroll ta’ Danieli. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-ħaddiema ma kinux ħadmu għal Danieli fl-Italja, iżda ġew ittrasferiti direttament lejn l-Awstrija mill-persuni li jimpjegawhom. Fi kliem ieħor, iċ-ċittadini Kroati ma kinux attivi fis-suq tax-xogħol fl-Italja. Min-naħa l-oħra, iċ‑ċittadini tal-pajjiżi terzi kienu impjegati b’mod legali fl-Italja u kienu ħadmu b’mod konsistenti mal-persuna li timpjega tal-Italja.

35.

F’dan l-isfond, kif għandu jinftiehem l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni?

36.

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/71, id-direttiva għandha tapplika għal impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas tal-provvista ta’ servizzi transnazzjonali, jikkollokaw ħaddiema, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, fit-territorju ta’ Stat Membru.

37.

Abbażi tal-Artikolu 1(3)(a), id-direttiva tapplika meta impriża tibgħat ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru f’isimha stess u taħt il‑kontroll tagħha, fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn dik l-impriża li tikkolloka u d-destinatarju tas-servizzi, li jopera f’dak l-Istat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tikkolloka u l-ħaddiem matul il-perijodu ta’ kollokament.

38.

Kif diġà ssemma iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(3) tad-direttiva jirreferi wkoll għat-trasferiment tal-ħaddiema minn impriża għal oħra. Hawnhekk għandu rilevanza partikolari l-Artikolu 1(3)(c) ( 10 ).

39.

Id-direttiva tapplika wkoll fejn, skont l-Artikolu 1(3)(c), impriża li tipprovdi impjiegi temporanji jew aġenzija tax-xogħol temporanju, tipprovdi ħaddiem lil impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l‑impriża li tipprovdi impjiegi temporanji jew aġenzija tax-xogħol temporanju u l-ħaddiem matul il-perijodu ta’ kollokament.

40.

Fi kliem ieħor, id-direttiva tapplika għal firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet ta’ kollokament fejn ħaddiema huma ttrasferiti minn Stat Membru wieħed għal ieħor f’kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali.

41.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li huwiex kopert daqstant faċilment bis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (c). Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li l-partijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet ma jaqblux dwar jekk l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71, u għal liema raġunijiet.

42.

Madankollu, ħarsa mill-qrib turi li, bil-kundizzjoni li jsiru l‑verifiki neċessarji mill-qorti tar-rinviju dwar iċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża, l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad‑direttiva.

43.

Fil-kawża Vicoplus et, ( 11 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Daniża li kienet teżiġi li ċittadini Pollakki jkollhom permess ta’ impjieg fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema Pollakki fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi wara li l‑Polonja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja intalbet ukoll tagħti gwida dwar il-kriterji li għandhom jintużaw sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema skont l‑Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71.

44.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kollokament ta’ ħaddiema huwa provvista ta’ servizz magħmula bi ħlas li għaliha l‑ħaddiem ikkollokat jibqa’ fis-servizz tal-impriża li tipprovdi s-servizz, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntatt tax-xogħol mal-impriża utenti (l‑ewwel kundizzjoni). Barra minn hekk, il-provvista ta’ servizzi hija kkaratterizzata mill-fatt li t-trasferiment tal-ħaddiem għall-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi magħmula mill-impriża li tipprovdi s-servizz (it-tieni kundizzjoni) u li dan il-ħaddiem iwettaq xogħlu taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti (it-tielet kundizzjoni) ( 12 ).

45.

Fil-kawża Martin Meat, ( 13 ) il-Qorti tal-Ġustizzja tat iktar gwida b’mod partikolari fuq it-tieni kundizzjoni msemmija hawn fuq. Hija kkjarifikat l-elementi li jistgħu jindikaw li s-servizz (transkonfinali) ipprovdut kien jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, minflok kollokament fis-sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kwalunkwe evidenza li l-fornitur ta’ servizzi ma għandux ibati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li ma huwiex konformi mal-provvista ta’ servizzi stipulati fil-kuntratt. B’mod iktar speċifiku, jekk il-fornitur tas-servizzi huwa obbligat jeżegwixxi s-servizzi stipulati fil-kuntratt kif meħtieġ, huwa, prinċipalment, inqas probabbli li jkun hemm tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jekk il-fornitur tas-servizz ma jkunx obbligat ibati l‑konsegwenzi tal-eżekuzzjoni li ma hijiex konformi mal-imsemmija provvista ( 14 ).

46.

Dawn il-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-ġurisprudenza fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema huma ssodisfatti bl-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 15 ).

47.

L-ewwel nett, huwa stabbilit li l-ħaddiema Kroati u mill-pajjiżi terzi jibqgħu impjegati mal-impriżi li bagħtuhom l-Awstrija, jiġifieri, l-persuna li timpjega tal-Awstrija u l-persuna li timpjega tal-Italja (l-ewwel kundizzjoni). Dan japplika irrispettivament mill-fatt li Danieli u l-impriżi li jimpjegaw jappartjenu għall-istess grupp ta’ impriżi.

48.

It-tieni nett, fir-rigward tat-trasferiment innifsu, fis-seduta kien spjegat li t-trasferiment tal-ħaddiema lejn l-Awstrija jikkostitwixxi l‑għan stess tal-arranġament bejn Danieli u l-persuna li timpjega tal-Kroazja u l-persuna li timpjega tal-Italja (it-tieni kundizzjoni). Il-fatt li l-ħaddiema inkwistjoni ma kinux jaħdmu taħt il-kontroll ta’ Danieli fl-Italja bħala parti mill-persunal tiegħu hemm jattesta dan il-fatt ukoll. Barra minn hekk, skont il-gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Martin Meat, mill‑osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jidher li minflok il-persuna li timpjega tal-Kroazja u l-persuna li timpjega tal-Italja, Danieli hija obbligata teżegwixxi l‑obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mis-servizz ipprovdut fl-Awstrija.

49.

It-tielet nett, waqt li kienu ttrasferiti fl-Awstrija, il-ħaddiema kellhom jeżegwixxu xogħolhom taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal‑impriża utenti, jiġifieri, Danieli (it-tielet kundizzjoni).

50.

Fil-verità, jista’ jiġi kkontestat li l-persuna li timpjega tal-Kroazja u l-persuna li timpjega tal-Italja ma humiex impriżi ta’ impjieg temporanju jew aġenziji ta’ impjieg temporanju msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) tad-direttiva. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tantx tat importanza lil dan l-aspett fil-ġurisprudenza. Fil-fehma tiegħi, dan huwa ġġustifikat.

51.

Kif diġà msemmi, id-Direttiva 96/71 hija intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema billi tagħtihom ċerti drittijiet minimi fil-kuntest partikolari tal-provvista transnazzjonali ta’ servizzi. Sabiex jipproteġi lil dawn il-ħaddiema, l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura li l-impriżi li jikkollokaw jew jqiegħdu għad-dispożizzjoni ħaddiema jiżguraw li ċerti drittijiet minimi jiġu osservati ( 16 ).

52.

F’dan ir-rigward, mill-preambolu tad-direttiva jidher li l-kunċett ta’ kollokament għandu jinftiehem f’sens wiesgħa: id-direttiva tapplika irrispettivament minn jekk il-provvista ta’ servizzi tieħu l-forma ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħol minn impriża f’isimha u taħt id-direzzjoni tagħha, taħt kuntratt konkluż bejn dik l-impriża u l-parti li għaliha huma intiżi s-servizzi, jew il-provvista ta’ ħaddiema għall-użu minn impriża fil-qafas ta’ kuntratt pubbliku jew privat ( 17 ).

53.

L-għan li jiġi żgurat ċertu livell minimu ta’ protezzjoni għall‑ħaddiema fl-opinjoni tiegħi jiġi kompromess jekk arranġament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 96/71 sempliċement għaliex l-impriża li tqiegħed għad-dispożizzjoni l‑ħaddiema inkwistjoni ma għandhiex bħala l-attività prinċipali tagħha t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema lil impriżi oħra.

54.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li hija impriża Taljana li tixtieq tipprovdi servizz fl-Awstrija billi tuża ħaddiema li ġew ittrasferiti magħha minn impriżi stabbiliti rispettivament fil-Kroazja u fl-Italja ma għandux ifixkel l-evalwazzjoni taħt id-Direttiva 96/71. Mill-perspettiva tad-direttiva, dak li huwa rilevanti huwa li l-ħaddiema inkwistjoni ġew ittrasferiti minn Stat membru lil impriża utenti stabbilita jew li topera fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri, l-Awstrija, fil-qafas ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali ( 18 ). Huwa ċar li dan huwa l-każ hawnhekk.

55.

Fil-fatt, mill-perspettiva tad-Direttiva 96/71, l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-istess bħal sitwazzjoni fejn il-kuntrattur prinċipali għall-proġett fl-Awstrija huwa, minflok Danieli, impriża Awstrijaka li tikri direttament is-servizzi ta’ ħaddiema mill-Kroazja (fir-rigward taċ-ċittadini Kroati) u mill-Italja (fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi). Fi kliem ieħor, dan l-arranġament jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71.

56.

Madankollu, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni b’mod partikolari jsostnu li peress li l-impriżi li jimpjegaw u Danieli jappartjenu għall-istess grupp ta’ impriżi, l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies bħala kollokament fis-sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad‑Direttiva 96/71. B’mod iktar speċifiku, huma jargumentaw favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “relazzjoni ta’ impjieg” li tissemma f’dik id-dispożizzjoni, peress li din id-dispożizzjoni tista’ tintuża biss fejn hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema kkonċernati.

57.

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, ma hemmx tali relazzjoni ta’ impjieg bejn Danieli u l-ħaddiema kkonċernati. L‑interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti u l-Kummissjoni għalhekk tkun timplika interpretazzjoni estensiva ferm tal-Artikolu 1(3)(a).

58.

Jiena ma naqbilx ma’ tali approċċ. L-ewwel nett, tali interpretazzjoni ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-bżonn li l-ħaddiema kkonċernati jiġu protetti, li huwa l-għan prinċipali tad-direttiva. Dan għaliex irrispettivament minn jekk l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt l-Artikolu 1(3)(a) jew l-Artikolu 1(3)(c) tad‑direttiva, il-ħaddiema inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttiva. It-tieni nett, tnaqqas ukoll id-distinzjoni li saret fil‑ġurisprudenza dwar il-kollokament u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, distinzjoni li hija ta’ importanza partikolari fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

59.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser nissokta billi neżamina l-ewwel domana magħmula.

B.   L-ewwel domanda magħmula: il-kompatibbiltà mad-dritt tal‑Unjoni tar-rekwiżit għal permess ta’ impjieg fir-rigward taċ‑ċittadini Kroati

60.

L-ewwel domanda essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikoli 56 u 57 TFUE, moqrija flimkien mal-paragrafi 2 u 12 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ titlob li ċittadini Kroati, li jintużaw minn impriża Taljana sabiex tipprovdi servizz fl-Awstrija, ikollhom permess ta’ impjieg.

61.

Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda għandha titwieġeb fl-affermattiv.

62.

L-ewwel nett, kif spjegat iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li hemm differenza netta bejn il-kollokament ta’ ħaddiema u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema. Huwa għalhekk li għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti taħt id-dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli.

63.

Din il-kwistjoni diġà ġiet deċiża fil-kawża Rush Portuguesa ( 19 ), li tikkonċerna ħaddiema Portugiżi mibgħuta fi Franza minn impriża Portugiża wara l-adeżjoni tal-Portugal ma’ (dik li kienet) il-Komunità Ewropea. Fir-rigward b’mod speċifiku tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, li jikkostitwixxi servizz fis-sens tal‑Artikolu 57 TFUE skont il-ġurisprudenza tall-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din hija attività li tagħti l-opportunità lill-ħaddiema li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, li jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti. F’tali każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru ospitanti jista’, bħala regola, jillimita, sa fejn id‑dispożizzjonijiet tranżitorji rilevanti jipprevedu l-aċċess ta’ tali ħaddiema għas-suq tax-xogħol tiegħu ( 21 ).

64.

Din id-dikjarazzjoni ġiet applikata iktar reċentement mill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest tar-regoli tranżitorji applikabbli wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea fl-2004. Din il-ġurisprudenza hija ta’ rilevanza partikolari hawnhekk peress li r-regoli tranżitorji rilevanti f’din il-kawża għandhom kontenut identiku.

65.

Fil-kawża Vicoplus et, ( 22 ) il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tenniet id‑dikjarazzjoni li għamlet fil-kawża Rush Portuguesa billi ddeċidiet li ħaddiem li tqiegħed għad-dispożizzjoni skont l-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 normalment jiġi assenjat, matul il-perijodu li fih jiġi pprovdut, pożizzjoni fi ħdan l-impriża utenti li kieku kienet tiġi okkupata minn impjegat tagħha ( 23 ). Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r‑rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg impost mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi f’dak il-każ kellu jitqies bħala miżura li tirregola l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas‑suq tax-xogħol tal-Istat ospitanti fis-sens tal-paragrafu 2 tal‑Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ( 24 ) kompatibbli mal-Artikoli 56 u 57 TFUE ( 25 ).

66.

Fi kliem ieħor, Stati Membri qodma setgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni, waqt perijodu tranżitorju, sabiex jeżiġu li ħaddiema li ġew ipprovduti minn Stat Membru ġdid ikollhom permess ta’ impjieg. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi mal-paragrafu 2 tal‑Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012.

67.

F’dan ir-rigward, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar jekk id‑dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ tistax tiġi trasposta għall-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li joriġinaw mill‑partikolarità tal-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali; jiġifieri, li l-ħaddiema Kroati huma kkollokati ma’ impriża Taljana li tipprovdi servizz fl-Awstrija.

68.

Hawnhekk, għandu jitfakkar li bħad-dispożizzjoni tranżitorja rilevanti fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal‑Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 jirregola l-aċċess tal-ħaddiema Kroati għas-suq tax-xogħol ta’ Stati Membri oħra matul perijodu tranżitorju. Fil-kuntest tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea tal-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni kien li jiġi,evitat wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, disturb fis-suq tax-xogħol ta’ Stati Membri eżistenzi minħabba l-wasla immedjata ta’ numru kbir ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ dawk l-Istati ġodda ( 26 ). Sabiex jevitaw tali disturb, id-dispożizzjonijiet tranżitorji jippermettu lill‑Istati Membri jillimitaw il-moviment tal-ħaddiema minn Stati Membri ġodda.

69.

Kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun artifiċjali li ssir distinzjoni skont jekk ħaddiema daħlux fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jew b’mod dirett u indipendenti ( 27 ). F’dan ir‑rigward, huwa wkoll irrilevanti jekk il-ħaddiema li ġew tqiegħdu għad-dispożizzjoni fl-Istat Membru ospitanti jixtiqux, fil-verità, jibqgħu hemm wara li x‑xogħol għall-impriża utenti jkun tlesta jew jekk jirritornawx għall-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom direttament wara l-kollokament. Minflok, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dak li huwa importanti huwa li l-ħaddiema pprovduti lill-Istat Membru ospitanti jingħataw pożizzjoni li kieku kienet tiġi okkupata minn ħaddiem impjegat fl-Istat Membru ospitanti ( 28 ).

70.

Fl-opinjoni tiegħi, ikun daqstant artifiċjali li ssir distinzjoni bejn sitwazzjoni li fiha impriża Awstrijaka li tixtieq tuża ħaddiema Kroati mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-persuna li timpjega tal-Kroazja sabiex jitlesta proġett fl‑Awstrija, u sitwazzjoni li fiha, bħal f’dan il-każ, l-impriża utenti li tixtieq tipprovdi servizz fl-Awstrija hija stabbilita fi Stat Membru ieħor li, inċidentalment, ma għażilx li jestendi l-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tranżitorji. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-ħaddiema Kroati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

71.

Fil-fatt, tali distinzjoni tista’ tneħħi ħafna mill-effettività tad‑dispożizzjonijiet tranżitorji li jirregolaw il-moviment liberu tal‑ħaddiema. Fil-fatt, għandu jitfakkar li f’din il-kawża, il-ħaddiema Kroati huma assenjati, matul il-perijodu li fih huma jitqiegħdu għad‑dispożizzjoni, f’kariga fl-Awstrija taħt il-kontroll ta’ Danieli, kariga li setgħet tiġi okkupata, tal-inqas potenzjalment, minn persuna impjegata minn dik l-impriża fl-Awstrija.

72.

Dan il-fatt jiddistingwi wkoll lil din il-kawża mis-sitwazzjoni li saret riferiment għaliha fil-kawża Rush Portuguesa, u mtennija fl‑Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 96/71, fejn fornitur ta’ servizz jittrasferixxi ruħu bil-ħaddiema tiegħu fl-Istat Membru ospitanti sakemm jitlesta x-xogħol. Li kieku kien hekk, tali arranġament, bħala regola, ikun kopert bil-paragrafu 12 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012.

73.

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 56 u 57 TFUE u l-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal‑Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema impjegati ma’ impriża stabbilita fil-Kroazja billi teżiġi permess ta’ impjieg, meta dan il-kollokament isir permezz ta’ trasferiment ta’ dawn il-ħaddiema lil impriża stabbilita fl-Italja għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizz minn din l-impriża Taljana fl-Awstrija.

C.   It-tieni domanda magħmula: il-kompatibbiltà mad-dritt tal‑Unjoni tar-rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

74.

It-tieni domanda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 57 TFUE (u d-Direttiva 96/71) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r‑Repubblika tal-Awstrija tista’ teżiġi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ittrasferiti minn impriża Taljana għal impriża oħra Taljana li tixtieq tipprovdi servizz fl-Awstrija, għandhom ikollhom permess ta’ impjieg.

75.

Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

76.

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma legalment impjegati fl-Italja mill-impriża Taljana u koperti bis-sistema tas-sigurtà soċjali Taljana.

77.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, din id-dispożizzjoni tkopri biss is-sitwazzjoni ta’ persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru għajr dak li fih il-persuna li tirċievi s-servizz hija stabbilita. Madankollu, is-sitwazzjoni tat-tieni domanda tirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema minn impriża Taljana lil Danieli, impriża oħra Taljana, li min-naħa tagħha tipprovdi servizz fl-Awstrija.

78.

Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-Artikolu 56 TFUE huwa li jabolixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn persuni li ma humiex stabbiliti fl-Istat li fih għandu jiġi pprovdut is-servizz ( 29 ). Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ dik id-dispożizzjoni: huwa biss meta l‑elementi rilevanti kollha tal-attività inkwistjoni huma limitati fi Stat Membru wieħed li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizz ma jistgħux japplikaw ( 30 ). Għall-kuntrarju, mill‑ġurisprudenza jidher li r-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom japplikaw fil-każijiet kollha fejn persuna li tipprovdi servizzi toffri dawk is-servizzi fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih hija stabbilita, irrispettivament minn fejn huma stabbiliti l-persuni li ser jirċievu dawk is-servizzi ( 31 ).

79.

Sabiex japplika l-Artikolu 56 TFUE, huwa biżżejjed li s-servizz innifsu jiġi ttrasferit minn Stat Membru għal ieħor ( 32 ).

80.

Fid-dawl tal-fatt li l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-provvista transkonfinali ta’ servizz (f’dan il-każ: it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema u, bħala konsegwenza, is-servizz ipprovdut minn Danieli fl-Awstrija) fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih il-persuna li tipprovdi s-servizz hija stabbilita, l‑Artikolu 56 TFUE għandu japplika fir-rigward tas-sitwazzjoni li fuqha hija bbażata t-tieni domanda magħmula ( 33 ).

81.

Wara li kkjarifikajt dan, nixtieq nenfasizza li hija ġurisprudenza stabbilita li miżura nazzjonali, li tissuġġetta l-kollokament ta’ ħaddiema għal Stat Membru ospitanti għal rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg, tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE ( 34 ). Il‑Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, ir-rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati f-Istat Membru ospitanti sabiex jipprovdu servizzi transkonfinali jista’, minħabba l-formalitajiet u d-dewmien proċedurali inerenti fis-sistema, irendi inqas attraenti l-użu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stati Membri permezz ta’ kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 35 ).

82.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg, jista’, bħala regola, jiġi ġġustifikat meta jissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u meta dan l-interess ma jkunx diġà ssalvagwardjat permezz tar-regoli li għalihom hija suġġetta l-persuna li tipprovdi s‑servizz fl-Istat Membru li fih hija stabbilita, u sa fejn hija adegwata sabiex jintlaħaq tali għan segwit minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan ( 36 ).

83.

Minkejja din l-eċċezzjoni, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment ikkunsidrat rekwiżiti li jmorru lil hinn minn sempliċi dikjarazzjoni preċedenti sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li jiżguraw, pereżempju, l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti jew il-protezzjoni tal-ħaddiema u għalhekk kuntrarji għar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 37 ).

84.

Reċentament, għamlet hekk ukoll fil-kuntest speċifiku ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema skont l-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71.

85.

Fil-kawża Essent, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit għal permess ta’ impjieg f’ċirkustanzi fejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi tqiegħdu għad-dispożizzjoni minn impriża stabbilita fi Stat Membru (il-Ġermanja) lil impriża utenti stabbilita fl-Istat Membru ospitanti (il-Pajjiżi l-Baxxi). F’dak il-każ, il‑Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, minkejja x-xewqa li jiġi evitat disturb fis-suq tax-xogħol tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru u li ġew ipprovduti lil impriża fi Stat Membru ieħor bil-għan li jipprovdu servizzi fih ma jippretendux li jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dan it-tieni Stat, peress li, bħala regola, huma jirritornaw fil‑pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom wara li jtemmu x-xogħol tagħhom ( 38 ). Ċertament, kuntrarjament għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jistgħu jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat ospitanti meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bħala ħaddiema għaliex dawn iċ-ċittadini jgawdu, fil-prinċipju, id-dritt ta’ moviment liberu, ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx moviment liberu fl-Unjoni Ewropea.

86.

F’dan l-istess kuntest, u mingħajr dubju għaliex ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx dritt għal moviment liberu, il-Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat li l-Istat Membru ospitanti jista’ jieħu ċerti miżuri sabiex jiżgura li l-impriża li tinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tkunx qiegħda tagħmel hekk għal raġuni oħra u jivverifika li s‑sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati hija legali u li qegħdin jeżerċitaw l‑attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi servizzi ( 39 ). Madankollu, hija ddikjarat li dawn il-verifiki għandhom josservaw il-limiti li jimponi d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ma tistax issir fittizja u li l-eżerċizzju tagħha ma jistax jiġi ssuġġettat għad‑diskrezzjoni tal-awtoritajiet ( 40 ).

87.

L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ verifika, fi kliem ieħor, ma jippermettix lill-Istat Membru ospitanti jeżiġi rekwiżiti sproporzjonati.

88.

Ta’ sinjifikat partikolari għal din il-kawża huwa l-punt li fil‑kawża Essent, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddikjarat li ż‑żamma fis-seħħ, b’mod permanenti, minn Stat Membru, ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitqiegħdu għad‑dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita f’dan l-Istat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol ( 41 ).

89.

Fil-kawża Essent, id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati li huma impjegati ma’ impriża li tipprovdi servizz transkonfinali fl-Istat Membru ospitanti ġew espliċitament estiżi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema.

90.

Ma nara l-ebda raġuni konvinċenti għaliex dawn id‑dikjarazzjonijiet ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal‑arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali wkoll: fil-fatt, kif spjegat hawn fuq, l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi, bħal fil-kawża Essent, tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema skont l‑Artikolu 1(3)(c) tad-direttiva.

91.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat il-punt li l-ewwel u t-tieni domanda jirrigwardaw żewġ sitwazzjonijiet totalment differenti.

92.

Kif diġà spjegat hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil‑kuntest tal-applikazzjoni ta’ miżuri tranżitorji, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, jikkostitwixxi forma ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru ospitanti. Din hija r-raġuni għaliex it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jista’ jiġi suġġett għar-rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg għal perijodu tranżitorju wara l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ Stati Membri ġodda, perijodu kkaratterizzat minn riskju ibar ta’ disturb immedjat u sostanzjali tas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ( 42 ). Sabiex jiġi evitat tali disturb, il-leġiżlatur ħejja dispożizzjonijiet tranżitorji speċifiċi li jippermettu lill-Istati Membri jillimitaw, fejn meħtieġ, il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fit-Trattati għal perijodu limitat ta’ żmien. Din hija s-sitwazzjoni li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda magħmula.

93.

Għall-kuntrarju, l-ebda riskju simili ma jista’ jiġi identifikat fir‑rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dan għaliex ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx id-dritt ta’ moviment liberu u bħala regola, għandu jkollhom permess ta’ impjieg (u jkunu legalment impjegati) fl-Istat Membru ta’ residenza. Ċertament, għandu jitfakkar li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema tista’ tagħti biss, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, aċċess temporanju għas-suq tax-xogħol tal‑Istat Membru fejn huma kkollokati. F’tali ċirkustanzi, ikun verament sproporzjonat, mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tintalab l-osservanza tar-rekwiżiti kollha li jirregolaw l-aċċess dirett għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti jew l-osservanza ta’ rekwiżiti oħra marbuta mal-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kwistjoni li ma ġietx armonizzata f’livell tal-Unjoni. Ċertament, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għall-ħaddiema minn Stati Membri ġodda, ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu konformi mal-formalitajiet relatati mal-immigrazzjoni u l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ta’ residenza wkoll. Rekwiżiti addizjonali imposti minn Stat Membru ospitanti għalhekk jostakolaw b’mod kunsiderevoli l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istat Membru ospitanti billi jsir rikors għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal dawk fil-każ preżenti għal dik ir-raġuni.

94.

B’mod partikolari, għandu jitfakkar li f’dan il-każ, iċ-ċittadini tal‑pajjiżi terzi huma legalment impjegati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom li fih ser jirritornaw wara li jitlesta x-xogħol fl-Istat Membru ospitanti. F’sitwazzjoni bħal din, huwa diffiċli li jiġi mifhum kif ir-rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg għal ċittadini minn terzi pajjiżi mibgħuta fl-Istat Membru ospitanti minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor jinżamm b’mod permanenti jista’ jitqies bħala miżura neċessarja sabiex tiġi protetta l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti.

95.

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Stati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni mill-impriża li tipprovdi s-servizz li turi li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati hija legali fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal residenza, permess ta’ impjieg u kopertura ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru fejn huma impjegati dawk il-ħaddiema ( 43 ). Fil-fatt, tali rekwiżit iżomm bilanċ adegwat bejn l-interessi leġittimi tal‑Istat Membru ospitanti u dawk tal-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li tixtieq tipprovdi servizz transkonfinali billi tibgħat ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru ospitanti. Ċertament tali miżura tipprovdi garanziji biżżejjed lill-Istat Membru ospitanti dwar il-legalità tas‑sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li qegħdin jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża li tipprovdi s-servizz mingħajr ma tillimita b’mod eċċessiv il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fit-Trattat FUE ( 44 ).

96.

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r‑Repubblika tal-Awstrija ma tistax tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema Russi u Bjelorussi li huma legalment impjegati ma’ impriża stabbilita fl‑Italja billi teżiġi permess ta’ impjieg, meta dan il-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema jseħħ permezz ta’ trasferiment ma’ impriża oħra fl-Italja sabiex din tal-aħħar tipprovdi servizz fl-Awstrija.

IV. Konklużjoni

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-segwenti risposti għad-domandi magħmula mill‑Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija):

1)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE, moqrija flimkien mal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ April 2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema impjegati ma’ impriża stabbilita fil-Kroazja billi teżiġi permess ta’ impjieg, meta dan il-kollokament isir permezz ta’ trasferiment ta’ dawn il-ħaddiema lil impriża stabbilita fl-Italja għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizz minn din l-impriża Taljana fl-Awstrija.

2)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r‑Repubblika tal-Awstrija ma tistax tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema Russi u Bjelorussi li huma legalment impjegati ma’ impriża stabbilita fl‑Italja billi teżiġi permess ta’ impjieg, meta dan il-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema jseħħ permezz ta’ trasferiment ma’ impriża oħra fl-Italja sabiex din tal-aħħar tipprovdi servizz fl-Awstrija.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ April 2012 (ĠU 2012, L 112, p. 21; “l-Att ta’ Adeżjoni tal-2012”).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l‑impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).

( 4 ) BGBl. 218/1975, kif emendat bil-BGBl. I 72/2013.

( 5 ) Bħala regola ġenerali, meta jkun hemm inkwistjoni l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, id‑Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36) tista’ tkun rilevanti wkoll. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, dik id-direttiva ma tapplikax, skont l-Artikolu 1(6) tagħha, għal kwistjonijiet relatati mal‑liġi tal-impjieg. Ara l-Kawża C-33/17, Cepelnik, pendenti quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, dwar l-eċċezzjoni tal-liġi tal-impjieg.

( 6 ) Premessa 13 tad-Direttiva 96/71.

( 7 ) Sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa, C-113/89, EU:C:1990:142, punt 16, u tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punti 3031. Ara wkoll, bl-istess effett, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Martin Meat, C-586/13, EU:C:2015:405, punt 28.

( 8 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 35.

( 9 ) Il-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ Danieli fl-Awstrija (l-installazzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers li tirrikjedi ħiliet ta’ teknoloġija mill-ħaddiema impjegati għall-installazzjoni) koperta fil-punt 12 — kwistjoni diskussa fit-tul fis‑seduta b’mod partikolari minn Danieli — hija rilevanti biss f’każ li l-arranġament inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat li jikkostitwixxi kollokament fis‑sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71.

( 10 ) Mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tad-Direttiva 96/71 (Proposta għal direttiva tal‑Kunsill dwar il-kollokament ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi, COM(91) 231 finali, p. 14) jirriżulta li b’kuntrast mal-Artikoli 1(3)(a) u 1(3)(c), l‑Artikolu 1(3)(b) huwa intiż sabiex impriżi ma jevitawx l-applikazzjoni tad‑direttiva. Dan iseħħ billi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ġiet inkluża dik li tissejjaħ mobbiltà fl-istess grupp. B’mod speċifiku, kif ġie spjegat fil-litteratura, id‑dispożizzjoni hija intiża li tipprevjeni impriża milli tiftaħ sussidjarja fi Stat Membru ieħor sempliċement sabiex tpoġġi uħud mill-ħaddiema tagħha hemm għal xogħol temporanju u b’hekk sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tad-direttiva. Ara Barnard, C., EU Employment Law, ir-4 edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2012, p. 218. Ara wkoll, b’mod impliċitu, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto, C-396/13, EU:C:2015:86, punti 311 sa 13.

( 11 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64.

( 12 ) Idem, punt 51.

( 13 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Martin Meat, C-586/13, EU:C:2015:405.

( 14 ) Idem, punt 35 et seq.

( 15 ) Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(c) tippresupponi li s-servizz, jiġifieri, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, jiġi pprovdut b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni. L-għamla ta’ din ir-remunerazzjoni tista’, naturalment, tkun differenti u tiddependi, pereżempju, fuq ir-relazzjoni bejn il-fornitur tas-servizz u l-impriża utent.

( 16 ) B’mod partikolari l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71.

( 17 ) Premessa 4 tad-Direttiva 96/71.

( 18 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 39.

( 19 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa, C-113/89, EU:C:1990:142.

( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb, 279/80, EU:C:1981:314, punt 9, tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 27; u tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 37.

( 21 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa, C-113/89, EU:C:1990:142, punt 16.

( 22 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64.

( 23 ) Idem, punt 31.

( 24 ) L-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir‑Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003 L 236, p. 33).

( 25 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punti 4041.

( 26 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 34.

( 27 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 35.

( 28 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64, punt 31.

( 29 ) Sentenzi tal-10 ta’ Frar 1982, Transporoute et travaux, 76/81, EU:C:1982:49, punt 14, u tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Franza, C-154/89, EU:C:1991:76, punt 9.

( 30 ) Sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1980, Debauve et, 52/79, EU:C:1980:83, punt 9, u tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Franza, C-154/89, EU:C:1991:76, punt 9.

( 31 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs FranzaIl-Kummissjoni vs Franza, C-154/89, EU:C:1991:76, punt 10.

( 32 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 1993, Hubbard, C-20/92, EU:C:1993:280, punt 12. Ara wkoll, dwar dan il-punt, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C-341/05, EU:C:2007:809, punt 114.

( 33 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:312, punti 66 sa 78, dwar min jista’ juża l-Artikolu 56 TFUE.

( 34 ) Sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst, C-43/93, EU:C:1994:310, punt 15.

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, EU:C:2004:655, punti 3041.

( 36 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 37 ) Sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, EU:C:2004:655, punt 50, tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑244/04, EU:C:2006:49, punt 64, tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-168/04, EU:C:2006:595, punt 68; u tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punti 58 sa 60.

( 38 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 39 ) Idem, punti 52 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 40 ) Idem, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 41 ) Idem, punt 56.

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:312, punt 118.

( 43 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 57.

( 44 ) Dwar dan il-punt, ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, EU:C:2004:655, punt 46, tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-244/04, EU:C:2006:49, punt 41, tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-168/04, EU:C:2006:595, punt 57; u tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 57.

Fuq