EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0367

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Jannar 2018.
Dawid Piotrowski.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja – Artikolu 3(3) – Minuri – Ħtieġa ta’ verifika tal-età minima għar-responsabbiltà kriminali jew evalwazzjoni każ b’każ tal-kundizzjonijiet addizzjonali previsti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-prosekuzzjoni jew kundanna ta’ minuri b’mod konkret.
Kawża C-367/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:27

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja – Artikolu 3(3) – Minuri – Ħtieġa ta’ verifika tal-età minima għar-responsabbiltà kriminali jew evalwazzjoni każ b’każ tal-kundizzjonijiet addizzjonali previsti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-prosekuzzjoni jew kundanna ta’ minuri b’mod konkret”

Fil-Kawża C-367/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Dawid Piotrowski

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, J. Malenovský, E. Levits, C.G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J. ‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Y. Bot,

Reġistratur: M. ‑A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck, C. Van Lul u N. Cloosen, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn J. Fitzgerald, BL,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Ventrella, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn R. Mangu, M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, fil-Belġju, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-17 ta’ Lulju 2014 mis-Sąd Okręgowy w Białymstoku (il-Qorti Reġjonali ta’ Białystok, il-Polonja) kontra Dawid Piotrowski.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdu:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem “l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni”) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

3)

jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

5

L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

6

Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2016/800”) tipprovdi fil-premessa 8 tagħha:

“Meta t-tfal huma suspettati jew persuni akkużati fi proċedimenti kriminali jew ikunu soġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru […] 2002/584/ĠAI (persuni rikjesti) ikunu tfal, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tifel dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti drittijiet ta’ tfal li huma:

a)

suspettati jew persuni akkużati fi proċediment,

b)

soġġetti għall-proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI […].”

8

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, il-kelma “tifel” tfisser kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena.

9

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/800 intitolat “Proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6 u 8, l-Artikoli 10 sa 15 u l-Artikolu 18 japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ tfal li huma persuni rikjesti fil-mument tal-arrest tagħhom skont dawk il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.”

Id-dritt Belġjan

10

L-Artikolu 4(3) tal-wet betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) tad-19 ta’ Diċembru 2003 (Belgisch Staatsblad, tat-22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew”), jipprovdi li “[l]-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata […] jekk il-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew għadha ma tistax, skont id-dritt Belġjan, tinżamm kriminalment responsabbli għall-fatti li fuqhom huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew minħabba l-età tagħha.”

11

L-Artikolu 36 tal-wet betreffende de jeugdbescherming, het ten laste nemen van minderjarigen die een als misdrijf omschreven feit hebben gepleegd en het herstel van de door dit feit veroorzaakte schade (il-Liġi dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ, it-teħid ta’ responsabbiltà għal minuri li wettqu fatt li jikklassifika bħala reat u għall-kumpens tad-dannu kkawżat minħabba dan), tat-8 ta’ April 1965 (Belgisch Staatsblad, tal-15 ta’ April 1965, p. 4014), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ”), huwa fformulat kif ġej:

“Il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) għandha ġurisdizzjoni:

[…]

fir-rigward ta’ azzjonijiet tal-prosekutur pubbliku fir-rigward tal-persuni mixlija abbażi ta’ fatt li jikklassifika bħala reat imwettaq qabel ma jagħlqu l-età ta’ 18-il sena.

[…]”

12

L-Artikolu 57a ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Jekk il-persuna mressqa quddiem il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) minħabba fatt ikklassifikat bħala reat, kellha l-età ta’ 16-il sena jew iktar fil-mument li twettaq dan ir-reat u l-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tqis bħala inadwegata miżura ta’ kustodja, ta’ protezzjoni jew ta’ edukazzjoni, hija tista’, permezz ta’ deċiżjoni motivata, tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha, u tirrinvija l-kawża quddiem il-Prosekutur Pubbliku, għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, jew quddiem awla speċifika, fi ħdan il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) li tapplika d-dritt kriminali komuni u l-proċeduri kriminali komuni, jekk ikun il-każ, f’każ li l-persuna kkonċernata hija ssuspettata li wettqet reat inqas gravi (wanbedrijf) jew reat gravi li jista’ jiġi punit b’miżuri korrezzjonali [fil-preżenza ta’ ċirkustanzi attenwanti] (correctionaliseerbare misdaad), jew inkella quddiem qorti tal-assiżi komposta skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 119 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, jekk ikun il-każ, f’każ li l-persuna kkonċernata hija ssuspettata li wettqet reat mhux punibbli b’miżuri korrezzjonali. Il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tista’, madankollu, tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha biss, barra minn hekk, jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

il-persuna kkonċernata kienet diġà suġġetta għal waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 37(2), (2a), jew 2(b) jew għal offerta ta’ ġustizzja restorattiva hekk kif prevista fl-Artikoli 37a sa 37d;

jekk huwa reat previst mill-Artikoli 373, 375, 393 sa 397, 400, 401, 417b, 417c, 471 sa 475 tal-Kodiċi Kriminali jew ta’ attentat sabiex jitwettaq reat previst mill-Artikoli 393 sa 397 tal-Kodiċi Kriminali.

Il-motivazzjoni hija bbażata fuq il-personalità tal-persuna kkonċernata u tal-persuni assoċjati magħha, kif ukoll fuq il-grad ta’ maturità tal-persuna kkonċernata.

Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata anki meta l-persuna kkonċernata tkun għalqet l-età ta’ 18-il sena fil-mument tad-deċiżjoni. F’dan il-każ, hija għandha titqies bħal minuri għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 36a, il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tista’ tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni fuq kawża bl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu biss wara li tkun wettqet studju soċjali u eżami mediku-psikoloġiku previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 50.

L-eżami mediku-psikoloġiku għandu bħala għan li jevalwa s-sitwazzjoni fir-rigward tal-personalità tal-persuna kkonċernata u tal-persuni assoċjati magħha, kif ukoll tal-grad ta’ maturità tal-persuna kkonċernata. L-għan, in-natura, il-frekwenza u l-gravità tal-fatti attribwiti lilha jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn dawn huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-personalità tagħha. Il-Gvern għandu jistabbilixxi l-modalitajiet li abbażi tagħhom għandu jitwettaq l-eżami mediku-psikoloġiku.

Madankollu,

il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tista’ tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha f’kawża mingħajr il-ħtieġa tar-rapport tal-eżami mediku-psikoloġiku, meta hija tikkonstata li l-persuna kkonċernata taħrab minn dan l-eżami jew tirrifjuta li tissottometti ruħha għalih;

il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tista’ tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha f’kawża mingħajr ma jkollha twettaq studju soċjali u mingħajr ma jkollha titlob eżami mediku-psikoloġiku, meta tkun diġà ġiet adottata miżura permezz ta’ sentenza fir-rigward ta’ persuna taħt l-età ta’ 18-il sena li tkun wettqet wieħed jew iktar mir-reati msemmija fl-Artikoli 323, 373 sa 378, 392 sa 394, 401 u 468 sa 476 tal-Kodiċi Kriminali, wara li tkun għalqet l-età ta’ 16-il sena, u meta din il-persuna tkun mill-ġdid suġġetta għal prosekuzzjoni għal wieħed jew iktar minn dawn ir-reati mwettqa wara l-ewwel kundanna. L-atti tal-proċess preċedenti għandhom jingħaqdu ma’ dawk tal-proċedura l-ġdida;

il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) għandha tiddeċiedi taħt l-istess kundizzjonijiet għal talba għal rinunzja tal-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ persuna ta’ inqas minn 18-il sena li tkun wettqet fatt ikklassifikat bħala reat punibbli b’piena ikbar mill-priġunerija ta’ 20 sena, imwettaq wara li tkun għalqet l-età ta’ 16-il sena u li tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni biss wara li tkun għalqet l-età ta’ 18-il sena.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

D. Piotrowski huwa ċittadin Pollakk, imwieled fil-11 ta’ Awwissu 1993 f’Lapy (il-Polonja).

14

Fis-17 ta’ Lulju 2014, is-Sąd Okręgowy w Białymstoku (il-Qorti Reġjonali ta’ Białystok, il-Polonja) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra D. Piotrowski, bil-ħsieb tal-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-pieni deċiżi minn żewġ sentenzi mogħtija minn din il-qorti. L-ewwel sentenza, mogħtija fil-15 ta’ Settembru 2011, ikkundannat lill-persuna kkonċernata għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur, għas-serq ta’ rota. It-tieni sentenza, mogħtija fl-10 ta’ Settembru 2012, ikkundannat lill-persuna kkonċernata għal piena ta’ priġunerija, ta’ sentejn u sitt xhur, minħabba l-fatt li pprovda informazzjoni falza relatata ma’ attentat gravi.

15

Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Ġunju 2016, l-onderzoekrechter van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (l-Imħallef Istruttorju tal-Qorti tal-Prim’Istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju) ordna t-tpoġġija taħt detenzjoni ta’ D. Piotrowski bil-ħsieb li dan jiġi kkonsenjat lill-Istat Membru emittenti, ir-Repubblika tal-Polonja, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2012.

16

F’dan id-digriet, dan l-imħallef, ikkunsidra, għall-kuntrarju li, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, dak maħruġ mis-Sąd Okręgowy w Białymstoku (il-Qorti Reġjonali ta’ Bialystok, il-Polonja) ma setax jiġi eżegwit f’dak li jikkonċerna s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, peress li l-persuna kkonċernata kellha 17-il sena meta wettqet ir-reat attribwit lilha u li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti fil-Belġju għall-prosekuzzjoni ta’ persuna minuri li tkun għalqet is-16-il sena ma kinux issodisfatti fil-mument meta seħħew il-fatti.

17

Fis-7 ta’ Ġunju 2016, il-procureur des Konings (il-Prosekutur Pubbliku, il-Belġju), appella mill-imsemmi digriet, sa fejn dan jiċħad b’mod parzjali l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussel, il-Belġju).

18

F’dan ir-rigward, il-procureur des Konings (il-Prosekutur Pubbliku) isostni li, skont il-Liġi dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ, għalkemm l-età minima għar-responsabbiltà kriminali ġiet stabbilita għal 18-il sena, minuri ta’ iktar minn 16-il sena jista’ madankollu jinżamm kriminalment responsabbli meta jikser regoli tat-traffiku, jew jekk il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha fil-konfront tiegħu fil-każijiet imsemmija u skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi. F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut imsemmi fl-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, huwa suffiċjenti li titwettaq evalwazzjoni in abstracto tal-kriterju tal-età minima neċessarja sabiex il-minuri kkonċernat ikun jista’ jinżamm kriminalment responsabbli. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li titwettaq evalwazzjoni in concreto tal-kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom ikunu ssodisfatti, skont id-dritt Belġjan, sabiex jiġu mnedija proċeduri kriminali kontra tali minuri.

19

Wara dan l-appell, il-proċess relatat mal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni ġie maqsum f’żewġ partijiet.

20

Fil-21 ta’ Ġunju 2016, fl-analiżi tal-parti ta’ dan il-mandat ta’ arrest li tirrigwarda s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2012, ir-raadkamer van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussel, il-Belġju) laqgħet it-talba għall-konsenja ta’ D. Piotrowski lir-Repubblika tal-Polonja, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

21

Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussel, il-Belġju) tikkonstata, bħall-procureur des Konings (il-Prosekutur Pubbliku), li, fid-dritt Belġjan, minbarra l-każijiet ta’ ksur tar-regoli tat-traffiku, minuri ta’ età ta’ iktar minn 16-il sena jista’ jinżamm kriminalment responsabbli biss jekk il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tiegħu u tirrinvija l-każ quddiem il-Prosekutur Pubbliku għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni jew quddiem awla speċifika fi ħdan din il-qorti, jew quddiem qorti tal-assiżi, skont ir-reat li jkun twettaq.

22

Skont l-Artikolu 57a(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ, il-jeugdrechtbank (il-Qorti tal-Minorenni) tista’, madankollu, tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfatta, jiġifieri jekk il-persuna kkonċernata diġà kienet suġġetta għal waħda jew iktar mill-miżuri previsti ta’ kustodja, ta’ protezzjoni jew ta’ edukazzjoni, jew għal offerta ta’ ġustizzja restorattiva ta’ medjazzjoni u djalogu, jew fil-każ tat-twettiq jew attentat ta’ twettiq ta’ wieħed mir-reati serji msemmija fl-artikoli tal-Kodiċi Kriminali espressament indikati. Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni tipprevedi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinunzja għall-ġurisdizzjoni meħuda minn din il-qorti għandha tirrigwarda l-personalità tal-persuna kkonċernata u tal-persuni assoċjati magħha, kif ukoll il-grad ta’ maturità ta’ din il-persuna. Skont l-Artikolu 57a(2) ta’ din il-liġi, l-imsemmija qorti tista’, bħala prinċipju, tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha biss wara li tkun wettqet studju soċjali u eżami mediku-psikoloġiku tal-imsemmija persuna.

23

F’dan il-kuntest leġiżlattiv, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussel, il-Belġju) tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) ma hijiex inekwivoka fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

24

Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut imsemmija minn din id-dispożizzjoni, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Frar 2013, it-Tieni Awla, bil-lingwa Franċiża, tal-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) iddeċidiet, essenzjalment, li, sa fejn il-proċedura ta’ rinunzja għall-ġurisdizzjoni ma hijiex applikabbli għal persuna taħt prosekuzzjoni mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor minbarra tar-Renju tal-Belġju, il-konsenja ta’ persuna minuri fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tirrikjedi evalwazzjoni in concreto tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-prosekuzzjoni jew għall-kundanna ta’ din il-persuna fil-Belġju, bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għall-kuntrarju, permezz ta’ sentenza tat-11 ta’ Ġunju 2013, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), b’deċiżjoni f’seduta plenarja, qieset, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimplika li l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tissuġġetta l-konsenja ta’ persuna minuri msemmija f’mandat ta’ arrest Ewropew għal deċiżjoni ta’ rinunzja speċifika għall-ġurisdizzjoni, peress li din il-qorti għandha, għall-finijiet ta’ tali konsenja eventwali, twettaq biss sempliċi evalwazzjoni in abstracto tal-kriterju tal-età tar-responsabbiltà kriminali ta’ din il-persuna minuri.

25

Fid-dawl ta’ din l-inċertezza ġurisprudenzjali u tal-fatt li r-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew tikkostitwixxi t-traspożizzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussel, il-Belġju) qieset neċessarju li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja dettalji dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tkun żgurata interpretazzjoni tad-dritt Belġjan b’mod konformi mat-test u mal-għan tiegħu.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussel, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas 2002/584] għandu jiġi interpretat biss fis-sens li tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja ta’ persuni kkunsidrati li laħqu l-età maġġuri taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tippermetti wkoll lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jawtorizza l-konsenja ta’ minuri li, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali, jistgħu jinżammu kriminalment responsabbli minn età speċifika (u kemm jekk ċerti kundizzjonijiet ġew osservati jew le)?

2)

Fil-każ li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas ma jipprojbixxix il-konsenja ta’ minuri, din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata:

a)

fis-sens li l-eżistenza fid-dritt nazzjonali, ta’ possibbiltà (teoretika) li tissanzjona kriminalment il-minuri minn età speċifika hija kriterju suffiċjenti sabiex tiġi awtorizzata l-konsenja (fi kliem ieħor, hija biżżejjed evalwazzjoni in abstracto abbażi tal-kriterju tal-età li minnha persuna tista’ tinżamm kriminalment responsabbli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet supplimentari oħra possibbli)? jew

b)

fis-sens li la l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] u lanqas l-Artikolu 3(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jipprekludi lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli jagħmel evalwazzjoni in concreto, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, li taf tirrikjedi li fir-rigward tal-persuna rikjesta għall-konsenja, l-osservanza tal-istess kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà kriminali bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età tagħhom fil-mument tal-fatti u n-natura tar-reat kkontestat, kif ukoll interventi ġudizzjarji preċedenti fl-Istat Membru emittenti li wasslu għal miżura ta’ natura edukattiva, anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jeżistux fl-Istat Membru emittenti?

3)

Għaldaqstant, jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jagħmel evalwazzjoni in concreto, ma jaqbilx, sabiex tiġi evitata l-impunità, li ssir distinzjoni bejn konsenja għall-finijiet tat-tmexxija tal-proċeduri kriminali u konsenja għall-eżekuzzjoni ta’ piena?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l-konsenja ta’ kull persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li hija kkunsidrata bħala minuri skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew għandhiex tirrifjuta biss dik tal-persuni minuri li, skont dan id-dritt, ma għandhomx l-età meħtieġa sabiex jinżammu kriminalment responsabbli għall-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jekk il-persuna li hija s-suġġett tiegħu ma tistax, minħabba l-età tagħha, tinżamm “kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni”.

29

Jirriżulta għalhekk mill-kliem tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża għall-persuni minuri b’mod ġenerali iżda tirreferi biss għal dawk li ma jkunux laħqu l-età meħtieġa, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex jinżammu kriminalment responsabbli tal-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom.

30

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għaldaqstant jeskludi mill-konsenja, mhux il-persuni minuri kollha, iżda l-persuni biss li, minħabba l-età tagħhom, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ebda prosekuzzjoni jew kundanna kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-fatti kkonċernati, filwaqt li dan l-istess Stat Membru, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, għandu l-kompetenza sabiex jistabbilixxi l-età minima neċessarja sabiex persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tinżamm kriminalment responsabbli għal tali fatti.

31

Minn dan isegwi li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, bħala prinċipju, lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jirrifjutaw il-konsenja tal-persuni minuri, suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew, li jkunu laħqu l-età minima neċessarja sabiex dawn ikunu jistgħu jinżammu kriminalment responsabbli, taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom.

32

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, ix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni jsostni tali interpretazzjoni.

33

Fil-fatt, wara l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (COM(2001) 522 finali) (ĠU 2001, C 332E, p. 305), il-Parlament Ewropew, fir-rapport tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2001 li jinkludi l-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva bl-indikazzjoni tal-emendi għal din il-proposta (A5-0397/2001), issuġġerixxa l-introduzzjoni fl-Artikolu 30a ta’ raġuni għal rifjut fakultattiv ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ persuna li hija kkunsidrata li ma tkunx laħqet “l-età tar-responsabbiltà kriminali” taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

34

Għalhekk kien jidher li, permezz ta’ tali emenda, li fuq il-bażi tagħha ġiet fl-aħħar inkluża fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3(3) tagħha, il-Parlament Ewropew ried jintroduċi eċċezzjoni speċifika għall-implementazzjoni tas-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew intiża sabiex ikunu jistgħu jiġu esklużi mill-konsenja mhux, b’mod ġenerali, il-persuni minuri kollha, iżda l-persuni biss li, minħabba l-età tagħhom, ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda proċedura jew ebda kundanna kriminali, taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom.

35

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tinsab fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, fl-aħħar nett, hija wkoll ikkorroborata mill-kuntest normattiv li fih tinsab din id-deċiżjoni qafas.

36

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, sabiex b’mod partikolari tippromwovi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minuri ggarantiti mill-Karta u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, id-Direttiva 2016/800 tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(b) tagħha, regoli minimi komuni b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tat-tfal, jiġifieri tal-persuni taħt l-età ta’ 18-il sena, li huma s-suġġett ta’ proċedura relatata mal-mandat ta’ arrest Ewropew taħt id-Deċiżjoni Qafas 2002/584. B’mod partikolari, l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprovdi li diversi drittijiet irrikonoxxuti lit-tfal li huma ssuspettati jew li huma persuni taħt prosekuzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali nazzjonali għandhom japplikaw, mutatis mutandis, fir-rigward tat-tfal suġġetti għal tali mandat ta’ arrest, mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

37

Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/800 jikkonfermaw li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jipprekludux, bħala prinċipju, lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni milli jipproċedu bil-konsenja ta’ minuri li jkunu laħqu l-età tar-responsabbiltà kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Din id-direttiva tobbliga madankollu lil tali awtoritajiet, sabiex jiżguraw fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, waqt l-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ir-rispett ta’ ċerti drittijiet proċedurali speċifiċi ggarantiti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali nazzjonali, b’tali mod li jiġi żgurat, kif tindika l-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, li l-aħjar interessi tat-tfal li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha biss tirrifjuta l-konsenja ta’ persuni minuri li huma s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ma għandhomx l-età meħtieġa sabiex jinżammu kriminalment responsabbli għall-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna minuri li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika biss jekk il-persuna kkonċernata tkunx laħqet l-età minima sabiex tinżamm kriminalment responsabbli, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-fatti li fuqhom huwa bbażat tali mandat, jew fis-sens li din l-awtorità tista’ wkoll tevalwa jekk humiex f’dan il-każ issodisfatti l-kundizzjonijiet addizzjonali għal evalwazzjoni individwali, li għalihom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jissuġġetta konkretament il-prosekuzzjoni jew il-kundanna ta’ persuna minuri,.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2017, Grundza, C-289/15, EU:C:2017:4, punt 32, u tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, EU:C:2017:39, punt 30).

41

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi rrilevat li din hija fformulata fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jekk il-persuna msemmija “ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli”, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, “għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest”.

42

Għalhekk mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna minuri suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha biss tiżgura ruħha li din il-persuna ma tkunx laħqet l-età minima li tippermetti l-prosekuzzjoni jew il-kundanna kriminali tagħha taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-istess fatti bħal dawk li fuqhom huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

43

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jipprevedix il-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tieħu wkoll inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna kkonċernata, il-kundizzjonijiet addizzjonali li jirrigwardaw evalwazzjoni individwali, li għalihom id-dritt tal-Istat Membru tiegħu jissuġġetta konkretament il-prosekuzzjoni jew il-kundanna eventwali ta’ persuna minuri, bħal dawk imsemmija f’dan il-każ fl-Artikolu 57a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ. Hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tapplika r-regoli speċifiċi relatati mar-ripressjoni kriminali tal-fatti mwettqa minn minuri fl-Istat Membru tiegħu.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment espliċitu f’dan is-sens, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tippermettix interpretazzjoni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna minuri suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ din il-persuna u tal-fatti li fuqhom huwa bbażat il-mandat kontriha, fid-dawl tal-kundizzjonijiet addizzjonali relatati ma’ evalwazzjoni individwali, li għalihom hija ssubordinata b’mod konkret ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna minuri, għal tali fatti, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

45

Din il-konklużjoni hija kkorroborata, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kuntest u mill-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

46

Fir-rigward tal-kuntest u tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, din id-deċiżjoni qafas għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, liema sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C-261/09, EU:C:2010:683, punt 35; tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 75, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 25).

47

Għalhekk, fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li skontu l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jew dawk ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a ta’ din id-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat huwa mfassal bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, EU:C:2017:503, punt 19, kif ukoll tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 50 u 51).

49

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li f’ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din tal-aħħar ma għandhiex bħala effett li tibdel l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti, b’mod partikolari, mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 82 u 83), u, f’dan il-każ, b’mod partikolari mill-Artikolu 24 tagħha, dwar id-drittijiet tat-tfal, li għandhom jiġu rrispettati mill-Istati Membri matul l-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas.

50

Madankollu, fir-rigward ta’ proċedura relatata ma’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanzija ta’ dawn id-drittijiet hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, li huwa preżunt li huwa jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Dan premess, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, bħala eċċezzjoni għar-regola ta’ prinċipju tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li timplementa tali mandat abbażi ta’ analiżi mhux espressament prevista minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn regoli oħra ta’ din id-deċiżjoni qafas, bħal dik li tikkonsisti fl-evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ dwar jekk humiex f’dan il-każ issodisfatti l-kundizzjonijiet addizzjonali għal evalwazzjoni individwali, li għalihom id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta konkretament il-prosekuzzjoni jew il-kundanna ta’ persuna minuri.

52

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li tali evalwazzjoni tista’ tirrigwarda elementi li, bħal fil-kawża prinċipali, huma ta’ natura suġġettiva, bħall-personalità tal-persuna minuri kkonċernata, il-persuni assoċjati magħha u l-grad ta’ maturità tagħha, jew ta’ natura oġġettiva, bħar-reċidiva u l-eżistenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni taż-żgħażagħ li diġà ttieħdu, fatt li fir-realtà jwassal, fil-fatt, għat-twettiq ta’ eżami mill-ġdid fuq il-mertu tal-analiżi diġà mwettqa fil-kuntest tad-deċiżjoni ġudizzjarja adottata fl-Istat Membru emittenti, li hija l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali eżami mill-ġdid jikser u jċaħħad minn kull effett utli l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jimplika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri oħra, minkejja li l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti, u ma tippermettix għalhekk lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna minuri msemmija f’mandat ta’ arrest Ewropew għal dik diġà mwettqa, fl-Istat Membru emittenti, fil-kuntest tad-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha huwa bbażat dan il-mandat.

53

Tali possibbiltà hija, barra minn hekk, inkompatibbli mal-għan li tiġi ffaċilitata u titħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja mfittxija mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, EU:C:2017:39, punt 31).

54

Fil-fatt, huwa paċifiku li din id-deċiżjoni qafas stabbilixxiet sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ssemplifikata u iktar effettiva ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, West, C-192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 53, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 40), li tippermetti li jitneħħew, kif jirriżulta mill-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il-kumplessità u r-riskji ta’ dewmien inerenti fil-proċeduri ta’ estradizzjoni, li kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tagħha (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F, C-168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 57).

55

Tali għan iservi bħala bażi b’mod partikolari għat-trattament tat-termini ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F, C-168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 58), li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, EU:C:2017:39, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li l-importanza tagħhom hija espressa f’diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi li dan tal-aħħar għandu jiġi ttrattat u eżegwit b’urġenza. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxu termini speċifiċi, rispettivament, ta’ għaxar jew ta’ sittin ġurnata sabiex tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat, skont jekk il-persuna rikjesta tagħtix jew le l-kunsens tagħha għall-konsenja. Huwa biss f’każijiet speċifiċi, fejn il-mandat ta’ arrest ma jkunx jista’ jiġi eżegwit f’dawn it-termini, li l-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu jippermetti l-estensjoni tagħhom bi tletin ġurnata addizzjonali, filwaqt li jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti billi tindika r-raġunijiet għal dan id-dewmien. Barra minn dawn il-każijiet speċifiċi, huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jippermettu lil Stat Membru, skont il-paragrafu 7 tal-istess artikolu, li ma josservawx l-imsemmija termini, b’dan l-Istat Membru jkollu wkoll jinforma lil Eurojust billi jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien.

57

Sabiex tiġi ssemplifikata u titħaffef il-proċedura ta’ konsenja b’osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-Deciżjoni Qafas 2002/584, din tipprevedi, fl-anness, formola speċifika li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti għandhom jimlew bl-indikazzjoni tal-informazzjoni speċifikament mitluba.

58

Skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din l-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta, l-indikazzjoni tal-eżistenza ta’ sentenza eżegwibbli, ta’ mandat ta’ arrest jew ta’ kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli oħra li għandha l-istess effett li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi tat-twettiq tar-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni tal-persuna rikjesta fir-reat, il-piena diġà imposta jew l-iskala ta’ pieni prevista għar-reat fl-Istat Membru emittenti kif ukoll, sa fejn ikun possibbli, il-konsegwenzi l-oħra tar-reat.

59

Jidher għalhekk li l-imsemmija informazzjoni hija intiża sabiex tipprovdi d-dettalji formali minimi, neċessarji sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jkunu jistgħu jipproċessaw malajr il-mandat ta’ arrest Ewropew, billi jaddottaw b’urġenza d-deciżjoni tagħhom dwar il-konsenja. Il-formola prevista fl-anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludi l-ebda informazzjoni speċifika li tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jevalwaw, jekk ikun il-każ, is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna minuri kkonċernata fid-dawl tal-kundizzjonijiet suġġettivi u oġġettivi, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 57a, paragrafi 1 u 2, tal-Liġi dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ, li għalihom hija ssubordinata b’mod konkret il-possibbiltà ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kundanna ta’ persuna minuri taħt il-liġi kriminali tal-Istat Membru tagħha.

60

Huwa minnu, kif jargumentaw il-Gvern Taljan u l-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ esekuzzjoni jikkunsidraw li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti ma hijiex suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jadottaw deċiżjoni dwar il-konsenja, huma għandhom il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jitolbu l-provvista b’urġenza ta’ informazzjoni addizzjonali meħtieġa, sabiex jiksbu provi oħra prodotti quddiem l-awtorità ġudizzjarja emittenti.

61

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-possibbiltà tibqa’ soluzzjoni tal-aħħar grad, għal każijiet eċċezzjonali biss li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li ma għandhiex l-elementi formali kollha meħtieġa għall-finijiet ta’ adozzjoni b’urġenza tad-deċiżjoni tagħha fuq il-konsenja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prattika ta’ Stat Membru li tikkonsisti fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ persuna minuri msemmija f’mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor, tista’ tobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex sistematikament titlob informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, sabiex taċċerta ruħha li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet addizzjonali dwar evalwazzjoni individwali li jippermettu b’mod konkret il-prosekuzzjoni jew il-kundanna ta’ persuna minuri fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li ċċaħħad minn kull effett utli l-għan ta’ simplifikazzjoni u li tiġi żgurata l-ħeffa tal-konsenja.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ persuna minuri li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika biss jekk il-persuna kkonċernata laħqitx l-età minima sabiex tinżamm kriminalment responsabbli, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-fatti li fuqhom huwa bbażat tali mandat, mingħajr ma għandha tieħu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet addizzjonali relatati ma’ evalwazzjoni individwali, li għalihom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jissuġġetta b’mod konkret il-prosekuzzjoni jew il-kundanna ta’ persuna minuri għal tali fatti.

Fuq it-tielet domanda

63

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha biss tirrifjuta l-konsenja ta’ persuni minuri li huma s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ma għandhomx l-età meħtieġa sabiex jinżammu kriminalment responsabbli għall-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom.

 

2)

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ persuna minuri li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika biss jekk il-persuna kkonċernata laħqitx l-età minima sabiex tinżamm kriminalment responsabbli, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-fatti li fuqhom huwa bbażat tali mandat, mingħajr ma għandha tieħu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet addizzjonali relatati ma’ evalwazzjoni individwali, li għalihom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jissuġġetta b’mod konkret il-prosekuzzjoni jew il-kundanna ta’ persuna minuri għal tali fatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq