Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0267

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Jannar 2018.
    Albert Buhagiar et vs Minister for Justice.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court of Gibraltar.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Portata territorjali tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 355(3) TFUE – Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati – Artikolu 29 – Anness I, Taqsima I, punt 4 – Esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea – Portata – Direttiva 91/477/KEE – Artikolu 1(4) – Artikolu 12(2) – Anness II – Pass Ewropew tal-armi tan-nar – Attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sparar sportiv – Applikabbiltà għat-territorju ta’ Ġibiltà – Obbligu ta’ traspożizzjoni – Assenza – Validità.
    Kawża C-267/16.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:26

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    23 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Portata territorjali tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 355(3) TFUE – Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati – Artikolu 29 – Anness I, Taqsima I, punt 4 – Esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea – Portata – Direttiva 91/477/KEE – Artikolu 1(4) – Artikolu 12(2) – Anness II – Pass Ewropew tal-armi tan-nar – Attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sparar sportiv – Applikabbiltà għat-territorju ta’ Ġibiltà – Obbligu ta’ traspożizzjoni – Assenza – Validità”

    Fil-Kawża C‑267/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of Gibraltar (il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

    The Queen, fuq talba ta’:

    Albert Buhagiar et,

    vs

    Minister for Justice,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn M. K. Lenaerts, President, M. A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič (Relatur), A. Rosas u C.G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, E. Jarašiūnas u M. Vilaras, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal A. Buhagiar et, minn L. Baglietto, QC u C. Bonfante, barrister,

    għall-Minister for Justice, minn M. Llamas, QC, u Y. Sanguinetti, barrister,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn M. Demetriou, QC, u minn M. Birdling, barrister,

    għall-Parlament Ewropew, minn P. Schonard u R. van de Westelaken kif ukoll minn I. McDowell, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Petrova u E. Moro kif ukoll minn I. Lai, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve, K. Mifsud-Bonnici, E. White u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-1972”), moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tal-imsemmi att, kif ukoll l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess tal-armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, L 179, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/477”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Albert Buhagiar u sitt rikorrenti oħra (iktar ’il quddiem “A. Buhagiar et”) minn naħa u l-Minister for Justice, (il-Ministru tal-Ġustizzja, Ġibiltà, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) min-naħa l-oħra, dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talba ta’ A. Buhagiar et intiża għall-kisba ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar (iktar ’il quddiem il-“pass”).

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 28 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 jipprovdi:

    “L-atti tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] dwar il-prodotti elenkati fl Anness II li jinsab mat-Trattat tal-KEE u l-prodotti suġġetti, mal-importazzjoni tagħhom fil-Komunità, għal regoli speċifiċi bħala riżultat tal-implementazzjoni tal-Politika Agrikola Komunitarja, kif ukoll l-atti dwar l-armonizzazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat, ma japplikawx għal Ġibiltà, sakemm il-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, ma jipprovdix xorta oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    Skont l-Artikolu 29 ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni “[l]-atti mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan l-att għandhom ikunu adattati kif speċifikat fl-imsemmi anness”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-Anness I tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni, li jinkludi l-lista msemmija fil-punt preċedenti, jinkludi Taqsima I, intitolata “Leġiżlazzjoni doganali”. Il-punt 4 ta’ din it-taqsima jindika l-bidliet imwettqa lir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1496/68 tas-27 ta’ Settembru 1968 fuq id-definizzjoni tat-territorju doganali tal-[Unjoni] (ĠU 1968, L 238, p. 1). L-Artikolu 1 ta’ dan l-aħħar regolament ġie għalhekk issostitwit bit-test li ġej:

    “It-territorju doganali [tal-Unjoni] ikopri t-territorji li ġejjin:

    […]

    It-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll taċ-Channel Islands u l-Isle of Man.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    It-Taqsima VIII tal-Anness I, intitolata “Politika kummerċjali”, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 issostitwixxiet il-lista tal-pajjiżi inkluża fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1025/70 tal-25 ta’ Mejju 1970 li jistabbilixxi regoli komuni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (ĠU 1970, L 124, p. 6), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1984/70, tad-29 ta’ Settembru 1970 (ĠU 1970, L 218, p. 1), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 724/71, tat-30 ta’ Marzu 1971 (ĠU 1971, L 80, p. 3), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1080/71, tal-25 ta’ Mejju 1971 (ĠU 1971, L 116, p. 8), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1429/71, tat-2 ta’ Lulju 1971 (ĠU 1971, L 151, p. 8) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2384/71, tat-8 ta’ Novembru 1971 (ĠU 1971, L 249, p. 1), permezz ta’ lista ġdida li teskludi Ġibiltà minnha.

    7

    It-Taqsima VI tal-Anness II, intitolata wkoll “Politika kummerċjali”, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 tipprovdi fir-rigward tar-Regolament Nru 1025/70:

    “Il-problema li tirriżulta mit-tneħħija ta’ Ġibiltà mill-Anness II għandha tiġi solvuta b’tali mod li tiżgura li Ġibiltà titqiegħed fl-istess sitwazzjoni li kienet fiha qabel l-adeżjoni f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ liberalizzazzjoni tal-importazzjoni [fl-Unjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8

    Il-verżjoni tad-Direttiva 91/477, applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, hija dik li tirriżulta mill-emendi mwettqa lit-test bażiku ta’ din id-direttiva bid-Direttiva 2008/51, sussegwentement għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokoll kontra l-Fabrikazzjoni u t-Traffikar Illeċiti tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, anness għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottat permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 55/255 tat-8 ta’ Ġunju 2001. Id-Direttiva 2008/51 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95(1) KE, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak tal-Artikolu 100A(1) tat-Trattat KEE, li fuqu hija bbażata d-Direttiva 91/477, kif ukoll għal dak tal-Artikolu 114(1) TFUE, attwalment fis-seħħ.

    9

    It-tieni sar-raba’ premessi tad-Direttiva 91/477 jipprovdu:

    “Billi, fil-laqgħa ta’ Fontainbleau fil-25 u 26 ta’ Ġunju 1984, il-Kunsill Ewropew espressament iddeċida li jabolixxi l-formalitajiet tal-pulizija u tad-dwana fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunità;

    Billi […] fil-white paper tagħha ‘Sabiex jitkompla s-suq intern’ il-Kummissjoni qalet illi l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà ta’ l-oġġetti ttrasportati u fuq il-persuni teħtieġ fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi;

    Billi l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess ta’ l-armi fil-fruntieri interni tal-Kommunità tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor […]

    Billi l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; billi għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni;

    Billi in prinċipju m’għandux ikun permess li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma; billi deroga minn dan hija biss aċċettabli jekk tiġi adottata proċedura li biha l-Istati Membri jiġu nnotifikati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom;

    Billi, madanakollu, għandhom jiġu adottati regoli aktar flessibli dwar il-kaċċa u l-isparar fuq bersalji sabiex jiġi evitat t-tfixkil aktar minn dak li hemm bżonn għall-moviment liberu tal-persuni”.

    10

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

    “1.   “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-taqsima III ta’ l-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-taqsima II ta’ l-Anness I.

    […]

    1d.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘traċċar’ tfisser l-ittraċċar sistematiku ta’ l-armi tan-nar u, fejn possibbli, tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom mill-manifattur sax-xerrej […]

    […]

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘negozjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti […] fil-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar, tal-partijiet tagħhom u tal-munizzjon tagħhom.

    […]

    4.   Il-[pass] għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil persuna li b’mod legali tikseb pussess ta’ arma tan-nar u tużaha. Għandu jkun validu għal perijodu massimu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M’għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass użati minnu in konnessjoni miegħu. Irid dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla fil-pussess jew fil-karatteristiċi ta’ l-armi tan-nar, kif ukoll is-serq jew it-telf tagħhom, għandhom jiġu indikati fuq il-Pass.”

    11

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arma tan-nar jew komponent essenzjali tagħha li titqiegħed fis-suq tkun immarkata u rreġistrata konformement ma’ din id-Direttiva, jew li tkun ġiet diżattivata.

    […]

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw […] l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema kompjuterizzata tal-fajling tad-data […] li tiggarantixxi aċċess lill-awtoritajiet awtorizzati għas-sistemi tal-fajling tad-data li fihom kull arma tan-nar suġġetta għal din id-Direttiva tkun irreġistrata. […]

    […]

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-armi tan-nar kollha jkunu jistgħu jiġu assoċjati mas-sidien attwali tagħhom. […]”.

    12

    Skont l-Artikolu 4a tad-Direttiva 91/477:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar minn persuni li jkunu ngħataw liċenzja jew, fir-rigward tal-kategoriji C jew D, li jkunu speċifikament awtorizzati li jakkwistaw u jkollhom pussess ta’ tali armi tan-nar jagħmlu dan konformement mal-liġi nazzjonali.”

    13

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li:

    (a)

    ikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief fil-każ ta’ l-akkwist, b’mod ieħor milli permezz tax-xiri, u l-pussess ta’ armi tan-nar għal kaċċa u sparar fuq bersall, bil-kondizzjoni li f’dak il-każ persuni li jkollhom inqas minn 18-il sena jkollhom il-permess tal-ġenituri […];

    (b)

    mhux probabbli li jkunu ta’ periklu għalihom infushom, għall-ordni pubblika jew għas-sikurezza pubblika. Il-fatt li wieħed ikun instab ħati ta’ reat intenzjonat vjolenti jitqies bħala indikattiv ta’ tali periklu.

    L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-awtorizzazzjoni għall-pussess ta’ arma tan-nar jekk kwalunkwe kondizzjoni li fuq il-bażi tagħha tkun inħarġet ma tibqax issodisfata.

    […]”

    14

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u tal-munizzjoni kklassifikata fil-kategorija A. […]

    […]”

    15

    Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

    “1.   Ħadd ma jista’ jakkwista arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru.

    […]

    2.   Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru. Jekk huwa residenti ta’ Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat b’dan.

    […]”

    16

    L-Artikolu 8 ta’ l-istess direttiva jipprevedi:

    “1.   Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija Ċ sakemm ma jkunx iddikjaraha lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru fejn dik l-arma tan-nar tinżamm.

    […]

    3.   Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B, Ċ jew D, fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f’dan is-sens f’kull [pass] li huma joħorġu għal din l-arma tan-nar, taħt l-Artikolu 12(2).”

    17

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 91/477 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skond il-proċedura stabbilit fil-paragrafi li ġejjin. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għat-trasferimenti ta’armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta’ ordni bil-posta.

    […]

    3.   Fil-każ ta’ trasferiment ta’ l-armi tan-nar, […] kull Stat Membru jista’ jagħti lill-kummerċjanti d-dritt li jagħmlu trasferimenti ta’ l-armi tan-nar mit-territorju tagħhom lill-kummerċjant stabbilit fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Għal dan l-għan kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tkun valida għal mhux aktar minn tliet snin, u li tista’ tiġi sospiża jew ikkanċellata f’ kull ħin permezz ta’ deċiżjoni li tagħti r-raġunijiet għal dan. […]

    […]”

    18

    Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva:

    “1.   Kemm-il darba l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 ma tiġix segwita, il-pussess ta’ l-arma tan-nar matul il-vjaġġ bejn żewġ Stati Membri jew aktar, m’ għandux jitħalla sakemm il-persuna interessata ma tkunx ġabet l-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri kollha.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni għal vjaġġ wieħed jew aktar għal żmien massimu ta’ sena, bil-possibilità ta’ tiġdid. Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-[pass] ta’ l-armi tan-nar, li l-vjaġġatur għandu jippreżenta kull meta hekk rikjest mill-awtoritatjiet ta’ l-Istati Membri.”.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-kaċċaturi, fil-każ tal-kategoriji C u D, u t-tiraturi, fil-każ tal-kategoriji B, C u D, jistgħu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ikunu fil-pussess ta’ arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ minn ġewwa żewġ Stati Membri jew aktar bil-għan li jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom, sakemm ikunu fil-pussess ta’ [pass] li fuqu jkunu mniżżlin tali arma jew armi u sakemm ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet tal-vjaġġ tagħhom, b’mod partikulari billi jippreżentaw invit jew prova oħra ta’ l-attivitajiet tagħhom tal-kaċċa jew ta’ l-isparar fuq bersall fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

    L-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-aċċettazzjoni ta’ [pass] fuq kondizzjoni ta’ pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas.

    Madankollu din id-deroga ma tapplikax għal vjaġġi lejn Stat Membru li jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess ta’ l-arma tan-nar in kwistjoni jew li taħt l-Artikolu 8(3), jirrekjedi awtorizzazzjoni; f’dan il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-[pass].

    […]”

    19

    It-Taqsima IIA tal-Anness I tal-imsemmija direttiva tinkludi lista ta’ oġġetti, imqassmin fil-kategoriji li ġejjin: “Kategorija A - Armi tan-nar ipprojbiti”, “Kategorija B - armi tan-nar suġġetti għall-awtorizzazzjoni”, “Kategorija Ċ - armi tan-nar suġġetti għal dikjarazzjoni”, u “Kategorija D - Armi tan-nar oħra”, u li għalhekk għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala “armi tan-nar”, fis-sens tal-istess direttiva.

    20

    L-Anness II tad-Direttiva 91/477 jispeċifika l-informazzjoni li għandu jinkludi l-pass u l-fatt li dan għandu jsemmi dan li ġej:

    “Id-dritt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor b’arma tan-nar jew aktar tal-kategoriji B, Ċ jew D msemmija f’ dan il-pass huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Din jew dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu fuq il-pass.

    Fil-prinċipju m’hemmx bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b’arma tan-nar fil-kategorija Ċ jew D bi ħsieb li jipprattika l-kaċċa jew b’arma tan-nar tal-kategorija B, Ċ jew D sabiex jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu [pass] u jista’ jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.

    Fejn Stat Membru jinforma lill-Istati Membri l-oħra skond l-Artikolu 8(3) [ta’ din id-direttiva], li l-pussess ta’ ċerti armi tan-nar tal-kategoriji B, Ċ jew D huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandu jagħmel ukoll waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

    ‘Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa pprojbit.’

    ‘Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni’”

    21

    Il-premessa 1 tad-Direttiva 2008/51 tipprovdi:

    “Id-Direttiva [91/477] stabbilixxiet miżura ta’ akkumpanjament għas-suq intern. Stabbilixxiet bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal ċerti armi tan-nar fi ħdan [l-Unjoni] u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li din il-libertà tiġi rregolata permezz ta’ ċerti garanziji ta’ sigurtà, adatti għal dan it-tip ta’ prodott.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22

    A. Buhagiar et huma membri tal-assoċjazzjoni tal-isparar sportiv Gibraltar Target Shooting Association. Fid-19 ta’ Mejju 2015, A. Buhagiar, bħala President tal-imsemmija assoċjazzjoni, bagħat ittra lill-Ministru, sabiex jitolbu joħroġ pass għal kull rikorrent fil-kawża prinċipali.

    23

    Fit-2 ta’ Ġunju 2015, il-Ministru wieġeb li, minħabba l-pożizzjoni kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Gvern tar-Renju Unit, li d-Direttiva 91/477 ma tapplikax fit-territorju ta’ Ġibiltà minħabba li din hija intiża tiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija, il-Gvern ta’ Ġibiltà ddeċieda li ma jittrasponihiex. Konsegwentement, il-Ministru wieġeb li ma setax joħroġ il-passes mitluba. Fid-dawl ta’ dan ir-rifjut, A. Buhagiar et ressqu kawża quddiem is-Supreme Court of Gibraltar (il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà).

    24

    Skont din il-qorti, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli b’mod sħiħ fit-territorju ta’ Ġibiltà, fuq il-bażi tal-Artikolu 355(3) TFUE, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28 sa 30 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972. Skont l-Artikolu 29 ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tiegħu, Ġibiltà hija eskluża mit-territorju doganali tal-Unjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tad-direttivi li għandhom bħala bażi legali l-Artikolu 114 jew l-Artikolu 115 TFUE, u li għandhom bħala għan prinċipali l-moviment liberu tal-merkanzija, hija eskluża fit-territorju ta’ Ġibiltà.

    25

    Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, qabelxejn, li, fid-dawl tal-għan tal-esklużjonijiet previsti fl-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, il-miżuri tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija li ma jikkompromettux l-għan ta’ dawn l-esklużjonijiet għandhom japplikaw fit-territorju ta’ Ġibiltà. L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass, u intiżi sabiex minnhom jibbenefikaw il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar sportiv, peress li tali dokument jinħareġ għall-finijiet esklużivi ta’ vjaġġi lejn u mill-Istati Membri, għall-parteċipazzjoni ta’ dawn il-persuni f’avvenimenti sportivi. Il-ħruġ tal-pass, ma huwiex relatat mat-tranżazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw il-merkanzija li huwa jirrigwarda, jiġifieri l-armi tan-nar.

    26

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, sussegwentement, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass huma intiżi sabiex tiġi ffaċilitata l-libertà li jiġu pprovduti u rċevuti servizzi mill-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar sportiv bejn l-Istati Membri. Għal dan il-għan, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà, li jimplika l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jittrasponuhom f’att ta’ dritt nazzjonali applikabbli f’dan ir-territorju. In-nuqqas ta’ tali traspożizzjoni joħloq diskriminazzjoni fir-rigward tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv residenti f’Ġibiltà, li għandhom ibatu spejjeż addizzjonali u jġarrbu dewmien amministrattivi meta jivvjaġġaw fl-Unjoni bl-armi tan-nar tagħhom sabiex jipparteċipaw fl-avvenimenti u fil-kompetizzjonijiet tal-kaċċa jew ta’ sparar sportiv, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 56 TFUE. L-armi tan-nar użati f’dan il-kuntest ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma merkanzija fil-kuntest kummerċjali, iżda għandhom jiġu kkunsidrati bħala tagħmir sportiv neċessarju għall-avvenimenti jew kompetizzjonijiet bħal dawn.

    27

    Fl-aħħar nett, A. Buhagiar et jallegaw li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass jikkonċernaw il-moviment liberu tal-persuni, kif ikkonfermat mis-seba’ premessa ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, peress li l-imsemmija direttiva ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 100A(1) tat-Trattat KEE, din hija bbażata fuq bażi legali żbaljata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 100A(2) tat-Trattat KEE, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak tal-Artikolu 95(2) KE, u għal dak tal-Artikolu 114(2) TFUE, il-proċedura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafi 1 rispettivi ta’ dawn l-artikoli ma tistax tiġi segwita għall-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass, jew saħansitra ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of Gibraltar (il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Jekk id-dispożizzjonijiet tal-[pass] fid-[Direttiva 91/477] jikkonċernaw biss il-moviment liberu tal-merkanzija, jistgħu, madankollu, japplikaw [fit-territorju ta’] Ġibiltà fuq il-bażi li ma humiex tranżazzjonijiet kummerċjali jew tan-negozju u, għalhekk, jaqgħu barra mill-[kamp ta’ applikazzjoni] tad-derogi mogħtija lil Ġibiltà taħt l-Att ta’ Adeżjoni tal-1972?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [91/477] dwar il-[pass], fir-rigward ta’ kaċċaturi u tiraturi fuq bersalji, għandhom japplikaw [fit-territorju ta’] Ġibiltà minħabba li jikkonċernaw il-moviment liberu tas-servizzi?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [91/477] dwar il-[pass], fir-rigward ta’ kaċċaturi u tiraturi fuq bersalji, huma invalidi minħabba li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-persuni u, għalhekk, ġew adottati fuq il-bażi legali żbaljata?”

    Fuq id-domandi preliminari

    29

    Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika l-portata tal-esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, moqri flimkien mal-punt 4, tat-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan l-att, u sabiex teżamina, f’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-applikabbiltà, fit-territorju ta’ Ġibiltà, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass, sa fejn dawn jirrigwardaw kaċċaturi u dilettanti tal-isparar sportiv.

    30

    Qabelxejn, fl-ewwel lok, għandu jiġi speċifikat, li, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-rifjut tat-talba ta’ A. Buhagiar et għall-ħruġ ta’ pass sabiex dan jintuża fil-kuntest tal-proċedura semplifikata ta’ trasferiment tal-armi tan-nar bejn l-Istati Membri mill-kaċċaturi u mid-dilettanti tal-isparar sportiv, id-dispożizzjoni tad-Direttiva 91/477 li kellha, fl-opinjoni tagħhom, tiġi ttrasposta fit-territorju ta’ Ġibiltà, hija dik li tirrigwarda l-użu tal-pass f’tali kuntest, jiġifieri l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet rispettivament jiddefinixxu l-kunċett tal-imsemmi pass u l-kontenut tiegħu.

    31

    Fit-tieni lok, għalkemm id-dritt tal-Unjoni japplika, bħala prinċipju, fit-territorju ta’ Ġibiltà bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE, l-applikabbiltà ta’ ċerti atti tal-Unjoni hija madankollu eskluża, skont l-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, minħabba s-sitwazzjoni legali speċjali u, b’mod partikolari, minħabba l-istatus ta’ port ħieles ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑349/03, EU:C:2005:488, punt 41, kif ukoll tat-13 ta’ Ġunju 2017, The Gibraltar Betting and Gaming Association, C‑591/15, EU:C:2017:449, punti 2930).

    32

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 59 tas-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489), l-esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan l-att, jimplika li la r-regoli tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal merkanzija u lanqas dawk tad-dritt sekondarju tal-Unjoni intiżi, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, li jiżguraw approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, skont l-Artikoli 94 u 95 tat-Trattat KE, li saru l-Artikoli 114 u 115 TFUE, ma huma applikabbli.

    33

    Din il-konklużjoni ma ġietx invalidata mill-fatt li d-direttivi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li kienet prinċipalment intiża għat-tneħħija tal-ostakoli għall-iskambju tal-merkanzija u kienet ibbażata fuq l-imsemmija Artikoli 94 u 95, kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent, qasam li fih ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni japplikaw, bħala prinċipju, fit-territorju ta’ Ġibiltà (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punti 6162).

    34

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat f’dan ir-rigward li, ċertament, in-nuqqas ta’ applikazzjoni, fit-territorju ta’ Ġibiltà, ta’ tali direttivi jista’ jipperikola l-koerenza ta’ politiki oħra tal-Unjoni meta dawn id-direttivi jsegwu wkoll, b’mod anċillari, għanijiet marbuta ma’ dawn il-politiki l-oħra, bħalma hija l-politika tal-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali riskju ma tistax twassal għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn id-direttivi intiżi, b’mod prinċipali, sabiex jintlaħqu għanijiet marbuta mal-moviment liberu tal-merkanzija, lil hinn mil-limiti imposti mit-Trattati u mill-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 63).

    35

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, minn naħa, meta att tal-Unjoni huwa intiż, b’mod prinċipali, jiżgura approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, skont l-Artikoli 114 u 115 TFUE, huwa ma jistax jiġi applikat fit-territorju ta’ Ġibiltà, anki jekk dan l-att ifittex, b’mod anċillari, wieħed jew iktar mill-għanijiet marbuta ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

    36

    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qed isostnu A. Buhagiar et, u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżami tal-għan prinċipali ta’ att tal-Unjoni huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-att huwiex applikabbli f’territorju eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari.

    37

    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati d-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    38

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, japplika fit-territorju ta’ Ġibiltà, jew minħabba li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-moviment liberu tal-persuni, jew minħabba li, għalkemm jikkonċerna l-moviment liberu tal-merkanzija, huwa la jirrigwarda l-kummerċ u lanqas it-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-armi tan-nar.

    39

    Jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-għan imfittex minnu huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-validità tal-imsemmija dispożizzjoni, saħansitra tad-Direttiva 91/477 fl-intier tagħha, peress li l-għażla tal-bażi legali tagħha hija żbaljata, sa fejn din id-direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 100A(1) tat-Trattat KEE, li sar l-Artikolu 95(1) KE, li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata d-Direttiva 2008/51 li emendat id-Direttiva 91/477, u li sar sussegwentement l‑Artikolu 114(1) TFUE, filwaqt li l-Artikolu 100A(2) tat-Trattat KEE, li sar l-Artikolu 95(2) KE u sussegwentement l-Artikolu 114(2) TFUE, jeskludi l-adozzjoni, fuq il-bażi tal-paragrafu 1 rispettiv tal-imsemmija artikoli, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni.

    40

    F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, huwiex applikabbli għal Ġibiltà minħabba li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-moviment liberu tal-persuni, għandu jiġi eżaminat l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    41

    Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-għażla tal-bażi legali li fuqha hija bbażata d-Direttiva 91/477, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, inklużi l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami tal-att ikkonċernat juri li dan għandu żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss sekondarju, dan l-att għandu jiġi bbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi identifikat l-għan ewlieni tad-Direttiva 91/477 u għandu jiġi eżaminat il-kontenut tagħha.

    43

    Fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva, mit-tieni sar-raba’ premessi tagħha jirriżulta li din ġiet adottata bil-għan li tistabbilixxi s-suq intern u li, f’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-kontrolli fuq is-sigurtà tal-oġġetti ttrasportati kif ukoll fuq il-persuni teħtieġ, fost affarijiet oħra, approssimazzjoni tal-liġijiet permezz ta’ leġiżlazzjoni effettiva dwar l-armi tan-nar, intiża għall-kontroll, fl-Istati Membri, tal-akkwist, tal-pussess u tat-trasferiment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman, C‑543/12, EU:C:2014:2143, punti 4243). Tali leġiżlazzjoni, parzjalment armonizzata, toħloq, skont il-ħames premessa ta’ din id-direttiva, iktar fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni.

    44

    Is-sitt premessa tal-imsemmija direttiva tgħid li huwa pprojbit li wieħed imur minn Stat Membru għal ieħor meta jkollu fuqu arma u li derogi minn dan il-prinċipju huma aċċettabbli biss jekk tkun teżisti proċedura li biha l-Istati Membri jiġu informati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom. Is-seba’ premessa tgħid li regoli iktar flessibbli fil-qasam tal-kaċċa u tal-isparar fuq bersalji għandhom madankollu jiġu adottati, sabiex jiġi evitat it-tfixkil iktar minn dak li huwa neċessarju għall-moviment liberu tal-persuni.

    45

    Fir-rigward tal-kontenut tad-Direttiva 91/477, għandu jiġi osservat li l‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt il-Kapitolu 1 tagħha, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiddefinixxi diversi kunċetti użati fiha, bħal dawk ta’ “arma tan-nar” u ta’ “negozjant”, kif ukoll ta’ “pass”, iddefinit fil-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, essenzjalment, bħala dokument maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fuq talba ta’ persuna li b’mod legali jkollha l-pussess ta’ u l-użu ta’ arma tan-nar. Huwa jispeċifika wkoll li l-pass huwa dokument personali li jindika l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar miżmuma u użati mill-proprjetarju tiegħu li għandu dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tuża l-arma tan-nar, filwaqt li l-kontenut tiegħu huwa ddefinit ukoll fl-Anness II tal-imsemmija direttiva.

    46

    Il-Kapitolu 2 tad-Direttiva 91/477, intitolat “Armonizzazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw l-armi tan-nar”, jinkludi dispożizzjonijiet li jipprevedu armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-pussess u l-akkwist tal-armi tan-nar.

    47

    Fil-Kapitolu 3 tagħha, initolat “Formalitajiet dwar il-moviment ta’ armi [fl-Unjoni]”, id-Direttiva 91/477 tipprevedi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tat-trasferiment tal-armi tan-nar minn Stat Membru għal ieħor, minbarra meta tiġi segwita l-proċedura indikata fl-Artikolu 11 tagħha, li tipprevedi n-neċessità ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, mill-Istat Membru li fih jinsabu l-armi, tat-trasferiment previst, wara eżami minn dan l-Istat Membru tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà ta’ dan it-trasferiment. L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, sakemm ma tkunx ġiet segwita l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tagħha, il-pussess ta’ arma matul vjaġġ li jinvolvi l-qsim ta’ żewġ Stati Membri jew iktar huwa permess biss jekk il-persuna kkonċernata tkun kisbet l-awtorizzazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, liema awtorizzazzjoni għandha tkun indikata fuq il-pass.

    48

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, b’deroga għall-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, il-kaċċaturi, taħt il-kategoriji Ċ u D, u d-dilettanti tal-isparar sportiv taħt il-kategoriji B, Ċ u D, jistgħu mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel iżommu fil-pussess tagħhom waħda jew iktar armi tan-nar matul vjaġġ bejn żewġ Stati Membri jew iktar, bil-ħsieb li jipprattikaw l-attività tagħhom, sakemm ikollhom fil-pussess tagħhom il-pass li jsemmi din l-arma jew dawn l-armi u sakemm huma jistgħu jagħtu raġunijiet għall-vjaġġ tagħhom.

    49

    Minn dawn l-elementi tad-Direttiva 91/477, kif ikkonfermat mill-premessa 1 tad-Direttiva 2008/51, jirriżulta li din tal-aħħar ġiet adottata bħala “miżura ta’ akkumpanjament għas-suq intern” li, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej, tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippermettu t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri bejn l-Istati Membri permezz tal-istabbiliment ta’ qafas minimu armonizzat relatat mal-akkwist u mal-pussess tal-armi tan-nar għal użu ċivili, kif ukoll mat-trasferiment tagħhom bejn l-Istati Membri.

    50

    Jirriżulta b’mod partikolari mill-kontenut tagħha li l-imsemmija direttiva hija intiża, minn naħa, għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu akkwistati u miżmuma armi tan-nar ta’ kategoriji differenti, filwaqt li tipprevedi, għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, li l-akkwist ta’ ċerti tipi ta’ armi tan-nar għandu jkun ipprojbit.

    51

    Min-naħa l-oħra, din id-direttiva tinkludi regoli intiżi għall-armonizzazzjoni tal-miżuri amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-moviment tal-armi tan-nar għal użu ċivili, peress li l-prinċipju ta’ bażi, dejjem bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà pubblika, huwa l-projbizzjoni ta’ moviment tal-armi, sakemm ma jiġux segwiti l-proċeduri previsti għal dan il-għan mill-imsemmija direttiva.

    52

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 91/477 tikkostitwixxi miżura intiża sabiex tiżgura, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri tal-armi tan-nar għal użu ċivili, approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrestrinġi din il-libertà permezz ta’ garanziji ta’ sigurtà adattati għan-natura ta’ din il-merkanzija.

    53

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata bl-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, huwa intiż sabiex jiffaċilita jew il-libertà li jiġu pprovduti u rċevuti servizzi minn kaċċaturi u dilettanti tal-isparar sportiv jew il-moviment liberu tal-persuni.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tar-riskju għas-sigurtà tal-persuni li għandhom l-armi tan-nar, il-moviment liberu tagħhom ma setax jintlaħaq ħlief permezz ta’ regolament strett tal-kundizzjonijiet ta’ trasferiment tagħhom bejn l-Istati Membri, inkluż il-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-Istati Membri kkonċernati minn trasferiment ta’ tali merkanzija.

    55

    Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li ċerti trasferimenti ta’ armi tan-nar ma jkunux neċessarjament is-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni, peress li jista’ jiġi stabbilit li dawn jippreżentaw riskju iktar baxx għas-sigurtà pubblika. Dawn it-trasferimenti jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 91/477, imwettqa minn ċerti negozjanti. Il-benefiċċju ta’ din l-iskema huwa suġġett għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni speċifika, minbarra l-kontrolli rigorużi tal-attività ta’ dawn tal-aħħar previsti fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, it-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva jitwettqu minn kaċċaturi u dilettanti tal-isparar sportiv, jew kategorija ta’ persuni fil-pussess ta’ armi tan-nar li fir-rigward tagħhom huwa meqjus, minħabba l-attivitajiet rispettivi tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-pass li għandhom ikollhom b’mod obbligatorju, li jkollhom raġunijiet leġittimi u faċilment verifikabbli li jwettqu t-trasferiment ta’ armi tan-nar.

    56

    Għaldaqstant, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda kundizzjonijiet iktar flessibbli fir-rigward tat-trasferimenti ta’ armi tan-nar intiżi għall-prattika tal-kaċċa u għall-kompetizzjonijiet sportivi, sa fejn, kif jirriżulta mis-seba’ premessa tad-Direttiva 91/477, il-qafas armonizzat stabbilit minnha jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali oħra minn persuni li jixtiequ jittrasferixxu l-armi tan-nar tagħhom għal finijiet leġittimi.

    57

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-għan tal-pass huwa li jippermetti l-moviment liberu tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv flimkien mal-armi fil-pussess tagħhom minn Stat Membru għal ieħor, filwaqt li speċifikat li l-Artikolu 1(4), moqri flimkien mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, huwa intiż prinċipalment sabiex jiffaċilita l-moviment tal-armi għal finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew ta’ attivitajiet sportivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman, C‑543/12, EU:C:2014:2143, punti 395257).

    58

    Għaldaqstant, għalkemm proċedura semplifikata ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar, bħal dik prevista fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, li tinvolvi l-pass, jista’ jkollha impatt pożittiv fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-persuni fil-qasam tal-kaċċa u tal-isparar sportiv, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi għall-għan prinċipali ta’ din id-direttiva li ma huwiex li jiffaċilita dawn il-libertajiet, iżda li jiġi rregolat l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar għal użu ċivili kif ukoll il-moviment liberu ta’ dawn l-armi fl-Unjoni.

    59

    Għalhekk ma jistax jitqies li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, japplika għal Ġibiltà minħabba li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija.

    60

    Bl-istess mod, l-analiżi ta’ din id-direttiva li tikkonsisti, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, fl-identifikazzjoni tal-għan prinċipali tagħha u fl-eżami tal-kontenut tagħha ma rrilevat l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tagħha, minħabba l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-imsemmija direttiva tiġi bbażata fuq l-Artikolu 100A(1) tat-Trattat KEE, u, fir-rigward tad-Direttiva 2008/51, fuq l-Artikolu 95(1) KE.

    61

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, huwiex applikabbli għal Ġibiltà minħabba li, għalkemm jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, la jirrigwarda l-kummerċ u lanqas it-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-armi tan-nar, għandu jiġi speċifikat li l-qorti tar-rinviju taderixxi, ċertament, mal-premessa li l-esklużjoni ta’ Ġibiltà previst fl-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tiegħu, jimplika, bħala prinċipju, li l-atti tal-Unjoni intiżi, prinċipalment, sabiex jiżguraw, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri ma japplikawx fit-territorju ta’ Ġibiltà, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489).

    62

    Madankollu, hija għandha dubju dwar x’deċiżjoni għandha tittieħed dwar l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-prinċipju ġenerali tal-interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjonijiet trendi dispożizzjonijiet, bħall-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, applikabbli f’dan it-territorju, minħabba li huma ma jikkonċernawx il-moviment liberu tal-merkanzija f’kuntest kummerċjali u, għaldaqstant, jaqgħu f’kategorija ta’ miżuri relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija li ma jippreġudikax l-interessi, speċifikati fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li din l-esklużjoni hija intiża tippreżerva.

    63

    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola, prevista fl-Artikolu 355(3) TFUE, li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għal Ġibiltà, peress li din l-eċċezzjoni għandha, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 43 u 51 tas-sentenza tat-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑349/03, EU:C:2005:488), tiġi interpretata b’mod restrittiv, fis-sens li l-portata tagħha hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati interessi li hija tippermetti lil Ġibiltà li żżomm.

    64

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tiddeċiedi dwar l-istatus ta’ atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-merkanzija fid-dawl tal-imsemmija eċċezzjoni, u dan kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489).

    65

    Minn dan isegwi li n-neċessità, imfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 jiġi interpretat b’mod restrittiv ma tfissirx li jeżistu regoli tal-Unjoni li, għalkemm jikkontribwixxu għall-għan ewlieni ta’ att intiż sabiex jiżgura, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri, huma applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà, kif jidher li jikkunsidraw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    66

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 28(1) TFUE, inkluż fit-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Unjoni doganali tkopri l-iskambji kollha tal-merkanzija. Din l-unjoni timplika neċessarjament li jkun żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri u, b’mod iktar ġenerali, ġewwa l-Unjoni doganali stess (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 53).

    67

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “merkanzija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tfisser il-prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. Issa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom japplikaw, bħala prinċipju, għall-merkanzija li tgħaddi bejn il-fruntieri għal skop ta’ bejgħ jew bejgħ mill-ġdid, jew inkella għal użu jew konsum personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1989, Schumacher, 215/87, EU:C:1989:111, punt 22, kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 2015, Pfotenhilfe-Ungarn, C‑301/14, EU:C:2015:793, punt 47).

    68

    Għaldaqstant, sa fejn id-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu, bħala prinċipju, l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal dak tat-trattati nnifishom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑132/14 sa C‑136/14, EU:C:2015:813, punt 77), u fejn l-interpretazzjoni stretta tal-esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali komuni tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, twassal għall-interpretazzjoni li l-moviment liberu tal-merkanzija għandu, fir-relazzjonijiet ma’ Ġibiltà, portata iktar limitata minn dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar it-trasferiment ta’ armi tan-nar għal użu ċivili għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, kemm jekk dawn it-trasferimenti jitwettqu f’kuntest kummerċjali, inkluż permezz tan-negozjanti jew fil-kuntest ta’ bejgħ b’korrispondenza, jew lil hinn minn tali kuntest, jiġifieri minn individwi, b’mod partikolari minn kaċċaturi u dilettanti tal-isparar sportiv għall-finijiet tal-użu tagħhom fil-kuntest tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

    69

    Konsegwentement, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u mal-Anness II tagħha, ma huwiex applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà, għalkemm din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni la tirrigwarda l-kummerċ u lanqas it-tranżazzjonijiet kummerċjali dwar l-armi tan-nar.

    70

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-applikabbiltà tal-atti tal-Unjoni li jarmonizzaw dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-moviment liberu tal-merkanzija fit-territorju ta’ Ġibiltà ma tistax tiddependi fuq ir-raġunijiet għat-trasferiment tal-merkanzija inkwistjoni. Jekk dan ikun il-każ, kif irrilevaw il-Gvern ta’ Ġibiltà u l-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà, li jkun ukoll jista’ jippreġudika l-interessi li s-sistema rrikonoxxuta lil Ġibiltà permezz tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 hija intiża tipproteġi.

    71

    Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 ma tistax titqies barra mill-kuntest leġiżlattiv parzjalment armonizzat dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, stabbilit minn din id-direttiva.

    72

    Min-naħa l-oħra, it-traspożizzjoni, fit-territorju ta’ Ġibiltà, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 neċessarji sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv u affidabbli tal-pass fil-kuntest tal-imsemmija proċedura u sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-persuni teżiġi li għandhom jiġu ttrasposti numru sinjifikattiv ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, li indebitament jestendi il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni.

    73

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, ma huwiex applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà. L-eżami tad-domandi ma rrileva l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ din id-direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    74

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 29 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tal-imsemmi att, għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess tal-armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, ma huwiex applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà.

     

    2)

    L-eżami tad-domandi preliminari ma rrileva l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq