Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CD0141

    C-141/18

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:218

    DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Eżami mill-Ġdid)

    19 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

    “Eżami mill-ġdid”

    Fil-Kawża C-141/18 RX,

    li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fit-22 ta’ Frar 2018

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Eżami mill-Ġdid),

    komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    tagħti l-preżenti

    Deċiżjoni

    1

    Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat-23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill (T-639/16 P, EU:T:2018:22). B’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il-Kunsill (F-40/15, EU:F:2016:137), li biha huwa kien ċaħad rikors intiż għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2013. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-fatt, li l-Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kienet tat din l-aħħar sentenza ma kinitx ġiet ikkostitwita b’mod regolari.

    2

    Mill-Artikolu 256(2) TFUE jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni jiġi mittiefes.

    3

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 62 ta’ dan l-istatut jipprevedi li l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista’, meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

    4

    Issa, filwaqt li espona raġunijiet partikolari li wassluh jitlob lill-Awla tal-Eżami mill-Ġdid, l-Avukat Ġenerali Ewlieni qed jindika, fil-proposta ta’ eżami mill-ġdid li biha ressaq it-talba lil din tal-aħħar, li huwa jqis li “s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill (T-639/16 P, EU:T:2018:22), ma tippreżentax, fil-raġunament ġuridiku tagħha, riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”.

    5

    Għaldaqstant, mill-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali ewlieni jirriżulta li l-kundizzjonijiet formali previsti fl-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li għandhom ikunu preżenti sabiex l-Awla tal-Eżami mill-Ġdid tkun tista’ tippronunzja ruħha fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk din is-sentenza tippreżentax riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, jekk hemmx lok li jsir eżami mill-ġdid tagħha, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Eżami mill-Ġdid) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ma hemmx lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat-23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill (T-639/16 P, EU:T:2018:22).

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq