Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CC0096

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2018.
    Banco Santander SA vs Mahamadou Demba u Mercedes Godoy Bonet u Rafael Ramón Escobedo Cortés vs Banco de Sabadell SA.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona u mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ kreditu – Kuntratt ta’ self konkluż mal-konsumatur – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji – Konsegwenzi ta’ dan il-karattru.
    Kawżi magħquda C-96/16 u C-94/17.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:216

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    NILS WAHL

    ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2018 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑96/16 u C‑94/17

    Banco Santander SA

    vs

    Mahamadou Demba,

    Mercedes Godoy Bonet

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja))

    u

    Rafael Ramón Escobedo Cortés

    vs

    Banco de Sabadell SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Trasferiment ta’ krediti – Assenza ta’ dritt ta’ rtirar – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa l-interessi moratorji – Konsegwenzi ta’ din in-natura”

    Introduzzjoni

    1.

    Dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, li joriġinaw mill-qrati Spanjoli, it-tnejn li huma tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn ċerti stabbilimenti bankarji u konsumaturi dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ self li kkonkludew flimkien.

    2.

    Dawn il-kawżi jirrigwardaw b’mod partikolari l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ), ta’ linji gwida ġurisprudenzjali nazzjonali li skonthom, minn naħa, il-klawżoli mhux innegozjati tal-kuntratti ta’ self għall-konsum li jiffissaw rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata tal-interessi ordinarji (remuneratorji) b’iktar minn żewġ punti perċentwali huma preżunti li huma inġusti u, min-naħa l-oħra, minn din il-konstatazzjoni għandhom jinsiltu ċerti konsegwenzi kemm għas-self mhux iggarantit kif ukoll għas-self ipotekarju. Din ir-regola ġiet stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) f’diversi sentenzi ( 3 ), li min-naħa tagħhom ingħataw wara s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Aziz ( 4 ) u Unicaja Banco SA ( 5 ).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-“klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

    4.

    L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    […]

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    5.

    Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

    6.

    L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    7.

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    8.

    Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

    9.

    L-Artikolu 8a tal-istess direttiva jistabbilixxi:

    “1.   Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti, b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet:

    […]

    ikun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt li għandhom jitqiesu bħala inġusti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi u l-kummerċjanti, fost affarijiet oħra fuq sit elettroniku apposta.

    […]”

    Id-dritt Spanjol

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-klawżoli inġusti

    10.

    L-Artikolu 82(1) tat-texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (it-Test li Jirriformula l-Liġi Ġenerali għad-Difiża tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Komplementari Oħra), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/2007 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007), tas-16 ta’ Novembru 2007 ( 6 ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, jistabbilixxi:

    “L-istipulazzjonijiet kollha li ma jkunux ġew innegozjati individwalment u l-prattiki kollha li għalihom ma jkunx ingħata kunsens espress li, kuntrarjament għar-rekwiżit ta’ bona fides, jikkawżaw żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur u għall-utent, għandhom jitqiesu li huma klawżoli inġusti.”

    11.

    Skont l-Artikolu 83 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007:

    “1.   Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso iure u jitqiesu li ma nkitbux.

    2.   Il-parti tal-kuntratt li tkun ivvizzjata b’nullità għandha tiġi rrettifikata skont l-Artikolu 1258 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) u l-prinċipju ta’ bona fides oġġettiva.

    Għal dan il-għan, il-qorti li tiddikjara n-nullità tal-imsemmija klawżoli għandha tikkompleta l-kuntratt u għandu jkollha s-setgħa ta’ moderatur fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet, jekk il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ, u fir-rigward tal-konsegwenzi tal-invalidità tiegħu jekk din tal-aħħar tikkawża dannu sinjifikattiv lill-konsumatur u lill-utent. Il-qorti tista’ tiddikjara l-invalidità tal-kuntratt biss jekk il-klawżoli li jibqgħu fis-seħħ iqiegħdu lill-partijiet f’sitwazzjoni mhux ekwa li ma tistax tiġi rrimedjata.”

    Id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ kreditu

    12.

    L-Artikolu 1535 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili), li jirregola d-dritt tad-debitur li jifdi d-dejn tiegħu fil-każ ta’ trasferiment ta’ kreditu, jistabbilixxi:

    “Meta kreditu kontenzjuż jiġi ttrasferit, id-debitur għandu jkollu d-dritt li jaqta’ dan il-kreditu billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-ammont li dan tal-aħħar ikun ħallas kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minnu u l-interessi fuq l-ammont mid-data ta’ dan il-ħlas.

    Kreditu jitqies li huwa kontenzjuż meta l-kawża dwaru tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni.

    Id-debitur jista’ jinvoka d-dritt tiegħu f’terminu ta’ disat ijiem mit-talba għal ħlas imressqa miċ-ċessjonarju.”

    13.

    Is-sostituzzjoni taċ-ċedent ta’ kreditu biċ-ċessjonarju fil-proċeduri ġudizzjarji hija rregolata mill-Artikoli 17 u 540 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), filwaqt li l-imsemmi Artikolu 17 japplika fil-kuntest tal-proċeduri fuq il-mertu u l-Artikolu 540 japplika fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

    Id-dispożizzjonijiet dwar l-iffissar tal-interessi moratorji

    14.

    L-Artikolu 1108 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jistabbilixxi:

    “Jekk l-obbligu jikkonsisti fil-ħlas ta’ somma ta’ flus u jekk id-debitur ikun moruż fil-ħlas, ir-rata ta’ interessi li tapplika għall-kumpens għad-dannu mġarrab, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, għandha tkun ir-rata miftiehma u, fl-assenza ta’ ftehim, għandha tkun ir-rata ta’ interessi legali.”

    15.

    Skont l-Artikolu 114(3) tal-Ley Hipotecaria (il-Liġi Ipotekarja), kif emendata bil-Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (il-Liġi 1/2013 dwar il-miżuri għat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kera soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013 ( 7 ):

    “L-interessi moratorji għas-self jew għall-krediti għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni abitwali, iggarantiti b’ipoteki kkostitwiti fuq l-akkomodazzjoni inkwistjoni, ma jistgħux jeċċedu r-rata ta’ interessi legali b’iktar minn tliet darbiet u jistgħu jinġabru biss fuq l-ammont prinċipali li għandu jitħallas. […]”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Fil-Kawża C‑96/16

    16.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑96/16 jirriżulta li Mercedes Godoy Bonet u Mahamadou Demba kkonkludew żewġ kuntratti ta’ self mal-istabbiliment bankarju Banco Santander SA, fit-2 ta’ Novembru 2009 u fit-22 ta’ Settembru 2011, rispettivament, għal ammont ta’ EUR 30750 bi skadenza fit-2 ta’ Novembru 2014 fir-rigward tal-ewwel wieħed u għal ammont ta’ EUR 32 153.63 bi skadenza fit-22 ta’ Settembru 2019 fir-rigward tat-tieni wieħed.

    17.

    Skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-imsemmija kuntratti, ir-rati tal-interessi ordinarji u moratorji applikabbli kienu ta’ 8.50 % u ta’ 18.50 % għall-ewwel kuntratt, u ta’ 11.20 % u ta’ 23.70 % għat-tieni kuntratt, rispettivament.

    18.

    Peress li M. Demba u M. Godoy Bonet waqfu jħallsu lil Banco Santander il-pagamenti mensili previsti mill-kuntratti ta’ self inkwistjoni, dan l-istabbiliment bankarju ddikjara l-maturità antiċipata ta’ dawn il-kuntratti, skont il-punt 8 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-imsemmija kuntratti, u adixxa lill-qorti tar-rinviju b’talba għall-eżekuzzjoni tal-kreditu miżmum fil-konfront ta’ M. Demba u ta’ M. Godoy Bonet għal ammont totali ta’ EUR 53 664.14.

    19.

    Għalkemm din il-possibbiltà ma hijiex prevista minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, fis-16 ta’ Ġunju 2015, Banco Santander ittrasferixxa dan il-kreditu permezz ta’ att awtentiku lil terz għal ammont stmat għal EUR 3 215.72, billi bbaża ruħu fuq l-Artikoli 1112 u 1255 tal-Kodiċi Ċivili.

    20.

    Dan it-terz għalhekk talab li jissostitwixxi ruħu għal Banco Santander fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mressqa minn dan tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

    21.

    Dik il-qorti tistaqsi dwar l-eventwali dritt ta’ M. Godoy Bonet u ta’ M. Demba li jifdu d-dejn tagħhom, u b’hekk jaqtgħuh, billi jirrimborsaw lill-imsemmi terz l-ammont li dan tal-aħħar ħallas għat-trasferiment inkwistjoni, flimkien mal-interessi u mal-ispejjeż applikabbli (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ fidi”).

    22.

    B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-Direttiva 93/13, ta’ prattika ta’ bejjiegħ jew fornitur li, fl-assenza ta’ klawżola kuntrattwali speċifika f’dan is-sens, jittrasferixxi jew jixtri kreditu bi prezz baxx, mingħajr ma d-debitur jiġi informat minn qabel b’dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu għalih u mingħajr ma tingħatalu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-ammont li dan tal-aħħar ikun ħallas għall-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż anċillari applikabbli.

    23.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kundizzjonijiet ġenerali li jiffissaw ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali natura inġusta.

    24.

    F’dan ir-rigward, dik il-qorti tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li llum hija stabbilita, klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self mhux iggarantit konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji għandha titqies li hija inġusta meta din ir-rata teċċedi r-rata tal-interessi ordinarji miftiehma bejn il-partijiet fil-kuntratt b’iktar minn żewġ punti perċentwali. Skont din il-ġurisprudenza, f’każ bħal dan, l-interessi ordinarji jibqgħu jiddekorru sakemm id-dejn ikun ġie rrimborsat fit-totalità tiegħu.

    25.

    Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali ġurisprudenza mad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, minn naħa, bil-fatt li tiddefinixxi kriterju oġġettiv u awtomatiku għall-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jiffissaw ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli, din il-ġurisprudenza ma tippermettix lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, bil-fatt li tistabbilixxi li l-interessi ordinarji jibqgħu jiddekorru sakemm id-dejn ikun ġie rrimborsat fit-totalità tiegħu meta l-klawżola li tiffissa l-interessi moratorji tkun ġiet iddikjarata inġusta, l-imsemmija ġurisprudenza tobbliga lill-qorti nazzjonali tirrevedi l-kontenut tal-kuntratt.

    26.

    F’dan il-kuntest, il-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1.

    a)

    Il-prattika tan-negozju ta’ trasferiment jew xiri tal-krediti mingħajr ma tingħata l-possibbiltà lill-konsumatur li jaqta’ d-dejn billi jħallas [l-ammont], l-interessi u l-ispejjeż tal-proċess liċ-ċessjonarju, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 38 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] […] u mal-Artikoli 4(2), 12 u 169(1) TFUE?

    b)

    L-imsemmija prattika tan-negozju ta’ xiri tad-dejn tal-konsumatur għal [ammont] baxx mingħajr il-kunsens jew għarfien tiegħu, mingħajr ma tiġi inkluża bħala kundizzjoni ġenerali jew klawżola inġusta imposta fil-kuntratt, u mingħajr ma jingħata l-possibbiltà li jipparteċipa f’dik it-tranżazzjoni billi jixtri u b’hekk jaqta’ d-dejn, hija kompatibbli mal-prinċipji msemmija fid-Direttiva 93/13 u, b’estensjoni, mal-prinċipju ta’ effettività u mal-Artikoli 3(1) u 7[(1)] tagħha?

    2.

    a)

    Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-ġurisprudenza komunitarja li tiżviluppahom, huwa konfomi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva 93/13 u b’mod partikolari mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li jiġi stabbilit bħala kriterju inekwivoku li, fi ftehimiet ta’ self mhux iggarantit konklużi ma’ konsumaturi, klawżola mhux innegozjata li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali, hija inġusta?

    b)

    Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-ġurisprudenza komunitarja li tiżviluppahom, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva 93/13 u b’mod partikolari mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li jiġi stabbilit, konsegwentement, li interessi ordinarji jibqgħu jakkumulaw sakemm id-dejn ikun tħallas fit-totalità tiegħu?”

    Fil-Kawża C‑94/17

    27.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑94/17 jirriżulta li, fil-11 ta’ Jannar 1999, Rafael Ramón Escobedo Cortés ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ Caja de Ahorros del Mediterrráneo, li sar Banco de Sabadell, għal ammont ta’ EUR 17 633.70 għall-akkwist tal-akkomodazzjoni tal-familja tiegħu, li kellu jitħallas permezz ta’ pagamenti mensili. Il-klawżoli 3 u 3a ta’ dan il-kuntratt kienu jipprevedu rata ta’ interessi ordinarji ta’ 5.5 % fis-sena, bla ħsara għal varjazzjoni b’effett mill-ewwel sena. Fil-mument meta seħħew il-fatti rilevanti fil-kawża prinċipali, din ir-rata kienet tammonta għal 4.75 % fis-sena. Il-klawżola 6 tal-imsemmi kuntratt kienet tistipula li r-rata ta’ interessi moratorji kienet ta’ 25 % fis-sena.

    28.

    R. R. Escobedo Cortés, li kien moruż fil-ħlas, ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Spanja) kompetenti għall-annullament, b’mod partikolari, ta’ din il-klawżola tal-aħħar, għar-raġuni li din kienet ta’ natura inġusta.

    29.

    Dik il-qorti ddikjarat li l-imsemmija klawżola kienet inġusta. Konsegwentement, hija qieset li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli kellha titnaqqas sal-limitu previst fl-Artikolu 114(3) tal-Liġi Ipotekarja, li jikkorrispondi għal rata li hija tliet darbiet ogħla mir-rata ta’ interessi legali. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2014 tal-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja).

    30.

    R. R. Escobedo Cortés ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju, għar-raġuni li din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

    31.

    Skont dik l-istess qorti, l-imsemmi appell iqajjem dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jinvoka R. R. Escobedo Cortès u li l-applikazzjoni tagħhom hija indispensabbli sabiex jinqata’ dan l-appell.

    32.

    F’dan il-kuntest, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill [93/13] jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali li tiddikjara li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji li tirrappreżenta żieda ta’ iktar minn żewġ punti perċentwali fuq ir-rata ta’ interessi [ordinarji] annwali stabbilita fil-kuntratt tikkostitwixxi kumpens sproporzjonalment għoli impost fuq il-konsumatur li jkun baqa’ inadempjenti fil-ħlas u hija, konsegwentement, inġusta?

    2)

    L-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness, l-Artikoli 4(1), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva [93/13], jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali li, sabiex tiġi deċiża n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li jistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji, tidentifika bħala suġġett tal-istħarriġ tan-natura inġusta l-ispiża addizzjonali li din ir-rata tirrappreżenta meta mqabbla mar-rata ta’ interessi [ordinarji], sa fejn din tikkostitwixxi ‘kumpens sproporzjonalment għoli impost fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu’ u li tistabbilixxi li l-konsegwenza tal-konstatazzjoni ta’ din in-natura inġusta għandha tkun it-tħassir totali ta’ din l-ispiża addizzjonali, b’tali mod li huma biss l-interessi [ordinarji] li għandhom jibqgħu jiddekorru sar-rimbors tas-self?

    3)

    F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-annullament ta’ klawżola li tistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji minħabba n-nautra inġusta tagħha għandu jkollha effetti oħra sabiex tkun kompatibbli mad-Direttiva [93/13], bħa[t-]tħassir tal-maturazzjoni tal-interessi kollha, kemm [ordinarji] kif ukoll moratorji, meta l-persuna li tissellef tibqa’ inadempjenti fl-obbligu tagħha li tirrimborsa s-self fl-iskadenzi previsti fil-kuntratt jew inkella il-maturazzjoni tal-interessi legali?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    33.

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2016, it-talba tal-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona) sabiex il-Kawża C‑96/16 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

    34.

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2017, it-talba tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sabiex il-Kawża C‑94/17 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

    35.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Banco Santander, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża C‑96/16 u minn Banco de Sabadell, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑94/17.

    36.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2017, il-Kawżi C‑96/16 u C‑94/17 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    37.

    Inżammet seduta fl-10 ta’ Jannar 2018 li fiha pparteċipaw Banco Santander, Banco de Sabadell, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni.

    Analiżi

    38.

    Id-domandi tal-qrati tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, tliet aspetti, li ser nittratta wieħed wara l-ieħor. Fl-ewwel lok, dawk il-qrati jistaqsu dwar il-kompatibbiltà ta’ prattika ta’ bejjiegħ jew fornitur dwar it-trasferiment tal-kreditu miżmum minnu fil-konfront ta’ konsumatur. Fit-tieni lok, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jipprekludix il-ġurisprudenza reċenti tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), sa fejn din tipprovdi li klawżola li tiffissa l-interessi moratorji tkun inġusta meta teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji prevista mill-kuntratt ta’ self b’iktar minn żewġ punti perċentwali. Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kwistjoni jekk, fil-każ li l-klawżola li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tiġi ddikjarata inġusta skont din il-ġurisprudenza, l-interessi ordinarji jistgħux jibqgħu jiddekorru sakemm id-dejn ikun ġie rrimborsat fit-totalità tiegħu.

    Fuq il-punti a) u b) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑96/16: il-kompatibbiltà tal-prattika ta’ trasferiment ta’ kreditu kontenzjuż mad-dritt tal-Unjoni

    39.

    Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑96/16 tistaqsi jekk il-prattika ta’ bejjiegħ jew fornitur li jittrasferixxi jew jixtri kreditu miżmum fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma l-possibbiltà ta’ tali trasferiment tkun prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ dan il-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar jiġi informat minn qabel b’dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu għalih u mingħajr ma tingħatalu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-ammont li dan tal-aħħar ikun ħallas għall-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż anċillari applikabbli, għandhiex titqies li hija kompatibbli ma’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

    40.

    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jidher, kif irrilevaw b’mod partikolari Banco Santander u l-Gvern Spanjol, li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk id-Direttiva 93/13 ( 8 ) tipprekludix id-dispożizzjonijiet nazzjonali Spanjoli li jirregolaw f’dan il-każ it-trasferiment ta’ kreditu, jiġifieri l-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

    41.

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li tista’ tiġi kkontestata l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, filwaqt li jipprevedi dritt ta’ fidi, l-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili madankollu jillimita dan id-dritt għall-krediti msejħa “kontenzjużi”, jiġifieri għal dawk li jkunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni fuq il-mertu fil-kuntest ta’ proċedura dikjaratorja. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jipprevedix il-possibbiltà għad-debitur li jinvoka tali dritt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-kreditu, bħall-proċedura fil-kawża prinċipali, jew ta’ trasferiment extraġudizzjarju, ħaġa li, skont il-qorti tar-rinviju, ma tiggarantixxix protezzjoni suffiċjenti tal-interessi tal-konsumaturi. Skont dik il-qorti, tali protezzjoni lanqas ma hija żgurata permezz tal-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jirregolaw is-sostituzzjoni taċ-ċedent biċ-ċessjonarju fil-proċeduri ġudizzjarji, peress li, b’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux id-dritt ta’ fidi previst fl-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili.

    42.

    Fil-fehma tiegħi, dawn id-domandi kif ifformolati mill-ġdid fil-punt 40 iktar ’il fuq għandhom jingħataw risposta negattiva.

    43.

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha, jirriżulta ċar li din id-direttiva tapplika biss għall-“klawżoli kuntrattwali”, bl-esklużjoni tas-sempliċi prattiki, bħal dik fil-kawża prinċipali ( 9 ). F’dan il-każ u kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju nfisha, it-trasferiment ta’ kreditu kontenzjuż huwa relatat mal-prattika ta’ bejjiegħ jew fornitur u mhux ma’ klawżola kuntrattwali li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur. Tali prattika hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

    44.

    Barra minn hekk, u jekk jitqies, kif jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-realtà jirrigwardaw il-kompatibbiltà mal-imsemmija direttiva tad-dispożizzjonijiet materjali u proċedurali Spanjoli li jirregolaw it-trasferiment ta’ krediti u, b’mod iktar partikolari, id-dritt ta’ fidi mid-debitur tad-dejn tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux lid-debitur jinvoka tali dritt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 10 ), lanqas ma jidhirli li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkritikati mill-perspettiva tad-Direttiva 93/13.

    45.

    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar ma hijiex applikabbli għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi mandatorji bħall-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili ( 11 ) u bħall-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

    46.

    F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li t-trasferiment ta’ kreditu kontenzjuż fil-każ inkwistjoni bl-ebda mod ma jbiddel il-kontenut u l-portata tal-obbligi tad-debitur konsumatur. Tali trasferiment, li jseħħ permezz ta’ kuntratt bejn il-bejjiegħ jew fornitur ċedent u terz ċessjonarju – kuntratt li l-konsumatur ma huwiex parti fih –, ma huwiex tali, kif jeżiġi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, li jikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet, bi ħsara għall-konsumatur.

    47.

    Barra minn hekk, jidher pjuttost evidenti li tali prattika ta’ trasferiment ta’ kreditu, li tikkorrispondi għal possibbiltà magħrufa sewwa fid-dritt ċivili tal-Istati Membri, ma tistax tiġi assimilata mal-klawżoli kuntrattwali msemmija fl-Anness dwar il-“Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)[(f) tad-Direttiva 93/13]”, jiġifieri dawk li għandhom, b’mod partikolari, l-għan jew l-effett li “jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jxolji l-kuntratt fuq bażi diskrezzjonali”. Barra minn hekk, hemm distinzjoni ċara bejn it-trasferiment ta’ kreditu kontenzjuż fil-kawża prinċipali u l-klawżoli msemmija fil-punt (p) ta’ dan l-istess anness, għaliex dan it-trasferiment ma jistax “jservi biex inaqqas il-garanziji għall-konsumatur, mingħajr il-kunsens ta’ dan ta’l-aħħar” ( 12 ). Fil-fatt, dan it-trasferiment ta’ kreditu huwa newtrali mill-perspettiva tad-debitur. Il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li t-trasferiment isir għall-benefiċċju ta’ “fondi opportunistiċi”, li jaġixxu għal finijiet spekulattivi, bi prezz baxx ferm jew saħansitra negliġibbli meta mqabbel mal-kreditu inizjali, ma jaqax fl-ambitu tan-natura nfisha tal-obbligu kuntrattwali li l-konsumatur huwa responsabbli għat-twettiq tiegħu ( 13 ).

    48.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-punti a) u b) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑96/16 għandha tkun li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix prattika ta’ bejjiegħ jew fornitur li jittrasferixxi jew jixtri krediti bħal dik deskritta fil-każ inkwistjoni, li ma toffrix lill-konsumatur il-possibbiltà li jaqta’ d-dejn billi jħallas l-ammont tat-trasferiment kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż liċ-ċessjonarju.

    Fuq il-punt a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17: il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) mad-Direttiva 93/13

    49.

    Permezz tal-punt a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, f’dan il-każ dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li skontha kwalunkwe klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self – mhux iggarantit fil-Kawża C‑96/16 u ipotekarju fil-Kawża C‑94/17 – li tipprevedi rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji prevista minn dan il-kuntratt b’iktar minn żewġ punti perċentwali, għandha tiġi ddikjarata inġusta.

    Fuq l-ammissibbiltà

    50.

    Jidher li huwa opportun li jiġu fformulati xi rimarki preliminari dwar l-ammissibbiltà tad-domandi li jirrigwardaw il-konformità mad-Direttiva 93/13 tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), sa fejn din l-ammissibbiltà ġiet ikkontestata preċiżament minn Banco Santander u mill-Gvern Spanjol fil-Kawża C‑96/16 u minn Banco de Sabadell fil-Kawża C‑94/17, u dan għar-raġuni li l-imsemmija domanda tqajjem kwistjoni ipotetika.

    51.

    Fil-Kawża C‑96/16, fl-opinjoni ta’ Banco Santander u tal-Gvern Spanjol, jidher evidenti li l-qorti tar-rinviju diġà qieset li l-klawżoli li jiffissaw l-interessi moratorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu ddikjarati inġusti (ħaġa li tirrendi d-domanda magħmula superfluwa). Fil-Kawża C‑94/17, Banco de Sabadell iqajjem oġġezzjoni simili ħafna. Huwa jispeċifika li l-appell li bih hija adita l-qorti tar-rinviju ma jirrigwardax il-kwistjoni tal-kriterju li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita n-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża, iżda jirrigwarda biss il-konsegwenzi tal-imsemmija natura. F’dan ir-rigward, huwa jżid li l-qorti tal-appell stabbilixxiet in-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni mingħajr ma għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, peress li dik il-qorti tat deċiżjoni qabel ma ġiet stabbilita din il-ġurisprudenza. Għaldaqstant, anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddikjara li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju ma tistax tannulla s-sentenza mogħtija fl-appell fuq dan il-punt.

    52.

    F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi, għalkemm mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-qrati tar-rinviju jidhru ċar li xaqilbu favur il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li tressqu quddiemhom, dawk il-qrati madankollu għadhom ma qatgħux definittivament il-kwistjoni tan-natura tal-imsemmija klawżoli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kriterju stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fl-iktar ġurisprudenza reċenti tagħha.

    53.

    Id-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kriterju stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) għalhekk jidhru li għadhom attwali għalihom. Fil-fatt, dawn id-domandi jfittxu li jsir magħruf jekk tali kriterju ta’ natura ġurisprudenzjali huwiex konformi mas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, sa fejn l-imsemmi kriterju japplika b’mod awtomatiku, mingħajr ma jippermetti lill-qorti adita tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

    54.

    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rilevanza tad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑94/17, din tal-aħħar indikat, essenzjalment, li l-appell li bih hija kienet adita, għalkemm jirrigwarda konkretament il-konsegwenzi tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iqajjem ukoll dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 relatati mal-konstatazzjoni ta’ din in-natura. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, skont id-dritt proċedurali Spanjol, dik il-qorti tista’ jew għandha teżamina mill-ġdid l-imsemmija natura ex officio fil-kuntest tal-appell pendenti quddiemha u, b’mod iktar partikolari, il-kriterji li fir-rigward tagħhom għandha tiġi stabbilita din in-natura, u dan filwaqt li żżomm f’moħħha li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni jekk klawżola kuntrattwali għandhiex tiġi ddikjarata inġusta għandha tiġi assimilata ma’ kwistjoni ta’ ordni pubbliku ( 14 ).

    55.

    Konsegwentement, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax b’mod manifest li d-domandi dwar il-kriterju stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sabiex tiġi ddeterminata n-natura inġusta ta’ klawżola li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji, li huma domandi li, skont il-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 15 ), huma inammissibbli.

    Fuq il-mertu

    56.

    Fuq il-mertu, tqum il-kwistjoni jekk kriterju inekwivoku, bħal dak stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li skontu klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli tkun inġusta meta din ir-rata teċċedi r-rata tal-interessi ordinarji prevista minn dan il-kuntratt b’iktar minn żewġ punti perċentwali, huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, sa fejn dan il-kriterju jidher li japplika b’mod awtomatiku, mingħajr ma jippermetti lill-qorti adita tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

    57.

    Qabel ma nittratta l-kwistjoni jekk din il-ġurisprudenza hijiex problematika mill-perspettiva tal-effettività tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13, nixtieq nifformula xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest tat-tfassil ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali u dwar il-portata konkreta tagħha għall-qrati nazzjonali li jkollhom jagħtu deċiżjoni, fuq talba jew ex officio, dwar in-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi.

    – Rimarki preliminari dwar il-kuntest tat-tfassil u dwar il-portata tar-regola ġurisprudenzjali stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema)

    58.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13 enfasizzat l-importanza, għall-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, tar-rwol attiv mogħti lill-qrati nazzjonali li jikxfu u li jissanzjonaw il-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, bħalma huma, b’mod partikolari, dawk li jiddeterminaw l-interessi moratorji ( 16 ).

    59.

    Madankollu u kif jidher li huwa stabbilit sewwa, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi preċiżament – u lil hinn mit-tfakkir tal-kriterji ġenerali li jirriżultaw espressament mid-Direttiva 93/13 – it-tip ta’ klawżoli kuntrattwali li għandhom jitqiesu li huma inġusti fis-sens ta’ din id-direttiva. Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, il-qorti nazzjonali hija l-aħjar waħda – jekk mhux l-unika waħda – li tista’ tiddetermina f’liema każijiet klawżola kuntrattwali, bħalma hija dik li tiddefinixxi l-interessi moratorji, għandha tiġi ddikjarata inġusta sa fejn tkun ta’ natura li tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur ( 17 ).

    60.

    Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li qrati superjuri ta’ Stat Membru jingħataw is-setgħa, fl-ambitu tar-rwol tagħhom ta’ armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li jfasslu ċerti linji gwida intiżi li jiggwidaw il-qrati inferjuri fl-evalwazzjoni tagħhom tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jorbtu lill-konsumaturi, sakemm dawn il-linji gwida jkun konformi ma’ dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    61.

    Jidher li dan huwa preċiżament l-għan tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li tirriżulta b’mod partikolari mit-tliet sentenzi tat-22 ta’ April (mogħtija f’seduta plenarja), tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015, imsemmija f’dawn il-kawżi prinċipali.

    62.

    Huwa interessanti li jiġi rrilevat li r-regola ġurisprudenzjali stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) f’dawn is-sentenzi tirrifletti direttament il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164). Fil-fatt, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) irreferiet għall-punt 74 ta’ dik is-sentenza li skontu:

    “[…] fir-rigward tal-klawżola dwar l-iffissar tal-interessi moratorji, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva [93/13], moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) u 4(1) [tal-imsemmija direttiva], il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika b’mod partikolari […] il-livell tar-rata tal-interessi moratorji ffissat, imqabbel mar-rata tal-interessi legali, sabiex jiġi vverifikat li dan il-livell huwa adegwat sabiex jiġi ggarantit li jintlaħqu l-għanijiet li dan il-livell isegwi fl-Istat Membru kkonċernat u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.”

    63.

    F’dan ir-rigward, jiġi osservat li l-istabbilimenti bankarji kkonċernati fil-kawżi prinċipali sostnew, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, li mis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat-22 ta’ April, tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015 ma jirriżultax li l-kriterju li skontu klawżola li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li tkun ogħla mir-rata tal-interessi ordinarji b’iktar minn żewġ punti perċentwali għandha tiġi ddikjarata inġusta japplika b’mod awtomatiku u huwa vinkolanti. Skont dawn l- istabbilimenti, l-imsemmi kriterju jfittex biss li jgħin lill-qorti nazzjonali, li tibqa’ dejjem libera li teskludih jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

    64.

    Ma jidhirlix li din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għat-termini użati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari fis-sentenza tagħha mogħtija fit-22 ta’ April 2015 mill-Pleno de la Sala de lo Civil (is-Seduta Plenarja tal-Awla Ċivili).

    65.

    F’dik is-sentenza, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), qabelxejn, ikkonstatat li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni prevalenti fi Stati Membri oħra, fi Spanja ma kien jeżisti ebda limitu legali fir-rigward tal-iffissar tal-interessi moratorji fil-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi, ħaġa li kienet tobbliga lill-qrati Spanjoli jwettqu kunsiderazzjoni. F’kuntest bħal dan, dik il-qorti qieset li kien neċessarju mhux li tillimita ruħha li tfakkar prinċipji ġenerali, iżda li tistabbilixxi regola iktar preċiża sabiex jiġi evitat li l-qrati inferjuri jistabbilixxu kriterji differenti fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jiddefinixxu r-rata tal-interessi moratorji, sitwazzjoni li toħloq l-arbitrarjetà u l-inċertezza legali. Filwaqt li ispirat ruħha mill-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u minn dawk iddefiniti f’diversi oqsma tal-ordinament ġuridiku Spanjol, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li ż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali prevista fl-Artikolu 576 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili għall-kalkolu tal-interessi ġudizzjarji kien l-iktar kriterju ġuridiku xieraq għall-iffissar tar-rata tal-interessi moratorji fis-self personali mogħti lil konsumaturi. Tali kriterju jippermetti li jiġi evitat li jiġi impost il-ħlas ta’ penalità għolja fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu filwaqt li d-dannu li l-kreditur ikun ġarrab minħabba t-twettiq tardiv tal-obbligu kkonstatat minn qorti jiġi “kkumpensat” b’mod proporzjonat.

    66.

    Għaldaqstant, mit-termini użati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ April 2015 jirriżulta li dik il-qorti stabbilixxiet preżunzjoni inkonfutabbli li klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi b’iktar minn żewġ punti perċentwali r-rata tal-interessi ordinarji stipulata fil-kuntratt ta’ self hija inġusta.

    67.

    Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza hija bla dubju ta’ natura vinkolanti għall-qrati Spanjoli inferjuri, fis-sens li dawn tal-aħħar issa huma obbligati jiddikjaraw li kwalunkwe klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata tal-interessi ordinarji b’iktar minn żewġ punti perċentwali hija inġusta. Għalkemm, kif speċifika l-Gvern Spanjol waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija ġurisprudenza ma għandhiex saħħa ta’ liġi, id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri li jitbiegħdu mil-linji gwida stabbiliti repetutament mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) – li għalhekk għandhom “forza eżemplari” – jiġu kkritikati fil-kuntest ta’ appelli ta’ kassazzjoni.

    68.

    Madankollu u kuntrarjament għal dak li jista’ jissuġġerixxi eżami superfiċjali, ma jidhirlix li t-tfassil ta’ tali ġurisprudenza jista’ jiġi assimilat mal-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13.

    69.

    Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert [mid-Direttiva 93/13], biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur”. B’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw listi ta’ klawżoli inġusti, bil-kundizzjoni li jinformaw lill-Kummissjoni bihom, skont l-Artikolu 8a tal-imsemmija direttiva.

    70.

    Minbarra l-fatt li din il-possibbiltà tqieset li hija rriżervata għal-leġiżlatur nazzjonali jew għall-awtoritajiet regolatorji jew amministrattivi nazzjonali, bl-esklużjoni tal-qrati nazzjonali ( 18 ), jidhirli li dak li huwa inkwistjoni fir-realtà hawnhekk ma huwiex it-tfassil ta’ regola nazzjonali li tfittex li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mogħti mid-Direttiva 93/13 permezz tat-tfassil ta’ “klawżola sewda”, iżda l-ġurisprudenza ta’ qorti superjuri intiża, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-iffissar tar-rata ta’ interessi moratorji, li tipprovdi linji gwida preċiżi lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeterminaw f’liema każijiet klawżola kuntrattwali li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi għandha neċessarjament tiġi ddikjarata inġusta.

    71.

    Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, għalkemm din il-ġurisprudenza tikkompleta d-dritt nazzjonali u għalhekk torbot lill-qrati Spanjoli ( 19 ), hija ma tistax tiġi assimilata mal-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13.

    72.

    Madankollu u kif nipproponi li nispjega fl-argumenti li ġejjin, tkun kemm tkun vinkolanti, din il-ġurisprudenza madankollu ma hijiex problematika mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi li d-Direttiva 93/13 tfittex li tikseb.

    – Eżami tal-kwistjoni jekk il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hijiex problematika mill-perspettiva tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13

    73.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 93/13 tipprekludi t-tfassil ta’ kriterju li jiddefinixxi n-natura inġusta ta’ klawżola fil-każ li jimpedixxi lill-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq klawżola li ma tissodisfax dan il-kriterju milli teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ din il-klawżola u, jekk ikun il-każ, milli teskludiha ( 20 ).

    74.

    Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li din id-direttiva tipprekludi wkoll l-applikazzjoni mill-qrati nazzjonali ta’ tali kriterju sa fejn minnu jirriżulta li kwalunkwe klawżola li tissodisfah għandha awtomatikament tiġi ddikjarata inġusta, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jidher li huwa determinanti għall-effettività tad-Direttiva 93/13 huwa li s-setgħa tal-qrati nazzjonali li jiddikjaraw il-klawżoli kuntrattwali li huma jeżaminaw inġusti ma tiġix kompromessa b’mod negattiv.

    75.

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-klawżoli li jiddefinixxu r-rati tal-interessi moratorji u ordinarji, dak li huwa rilevanti huwa li t-tfassil ta’ tali kriterju ma jċaħħadx lill-qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tiddikjara li klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji miftiehma b’inqas minn żewġ punti perċentwali hija inġusta jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni jirrikjedu li dan isir. Bl-istess mod, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tkun prekluża milli tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li tiddetermina r-rata tal-interessi ordinarji fil-każ li din ir-rata ma tkunx ġiet innegozjata bejn il-partijiet ( 21 ).

    76.

    Issa, f’dan il-każ, il-partijiet kollha jaqblu li l-qrati Spanjoli jistgħu dejjem jiddikjaraw li klawżoli li jiffissaw ir-rata tal-interessi moratorji li ma teċċedix ir-rata tal-interessi ordinarji b’iktar minn żewġ punti perċentwali huma inġusti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma tipprekludix lill-qrati aditi milli jevalwaw in-natura inġusta tar-rata ta’ interessi ordinarji ffissata f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur fil-każ li ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament fil-kuntest tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    77.

    Infakkar li huwa minnu li ma teżistix regola tad-deheb sabiex tiġi evalwata b’mod astratt in-natura inġusta ta’ klawżola li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji ( 22 ). Fi kliem ieħor, ma jeżistux kriterji infallibbli li jippermettu li jiġi konkluż, indipendentement mit-twettiq ta’ eżami taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni, li tali klawżola hija inġusta.

    78.

    Madankollu, għandu jiġi aċċettat li preżunzjoni, saħansitra jekk tkun inkonfutabbli, li skontha hija inġusta klawżola li tiffissa r-rata ta’ interessi moratorji ’l fuq minn ċertu livell hija konformi mal-għan tad-Direttiva 93/13 li, infakkar, jikkonsisti f’li jiġi evitat li jseħħ żbilanċ fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt (ara l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva) bi ħsara għall-konsumaturi u, fl-aħħar mill-aħħar, fil-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-fatt li qorti nazzjonali tkun obbligata tiddikjara li klawżola kuntrattwali li tiffissa r-rata ta’ interessi moratorji f’livell ogħla minn ċertu limitu hija inġusta ma huwiex problematiku mill-perspettiva tal-ilħiq ta’ dawn l-għanijiet, anki jekk dan jista’ jkun problematiku mill-perspettiva tal-bilanċ kuntrattwali globali kkunsidrat b’mod astratt.

    79.

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk klawżola tikkawżax “żbilanċ sinifikanti” fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur, jista’, b’mod partikolari, ikun rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ ftehim tal-partijiet f’dan is-sens. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ ( 23 ).

    80.

    Fil-każ inkwistjoni, il-kriterju li skontu r-rata tal-interessi moratorji ma tistax tirrappreżenta żieda ta’ iktar minn żewġ punti perċentwali fuq ir-rata tal-interessi ordinarji annwali ma jirriżultax direttament mil-leġiżlazzjoni Spanjola, iżda jieħu din il-leġiżlazzjoni inkunsiderazzjoni b’mod indirett. Kif speċifikat it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑94/17, il-kriterju li stabbilixxiet dik il-qorti fir-rigward tal-iffissar tar-rata tal-interessi moratorji huwa ispirat minn dak li jista’ jitqies li huwa raġonevoli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’oqsma oħra.

    81.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-punt a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17 fis-sens li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li skontha klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tipprevedi rata ta’ interessi moratorji li tirrappreżenta żieda ta’ iktar minn żewġ punti perċentwali fuq ir-rata ta’ interessi ordinarji annwali ffissata hija inġusta, sakemm din il-ġurisprudenza ma tippreġudikax il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tevalwa, b’mod awtonomu u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li ma jissodisfawx dan il-kriterju li jkollha tieħu konjizzjoni tagħhom.

    Fuq il-punt b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16, u fuq it-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C‑94/17

    82.

    Permezz tal-punt b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u permezz tat-tieni u tat-tielet domandi fil-Kawża C‑94/17, il-qrati tar-rinviju jfittxu li jsiru jafu jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix is-soluzzjoni stabbilita fis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li skontha l-konsegwenza tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fit-tneħħija ta’ dawn l-interessi tal-aħħar, b’mod li jibqgħu jiddekorru biss l-interessi ordinarji. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistaqsi, fil-Kawża C‑94/17, x’għandha tkun il-konsegwenza ta’ din ir-risposta, b’mod partikolari jekk din il-konsegwenza għandhiex tikkonsisti fl-annullament mhux biss tal-interessi moratorji, iżda wkoll tal-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt, jew fil-produzzjoni ta’ interessi moratorji bir-rata legali.

    83.

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

    84.

    Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut tagħha. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra ħlief għal dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli ( 24 ).

    85.

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li jissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplimentari. Madankollu, din il-possibbiltà ġiet kjarament limitata għall-każijiet li fihom id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk il-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi tali li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat. F’din il-perspettiva, kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tirrigwarda r-rati tal-interessi moratorji ma jistax, bħala prinċipju, ikollu tali konsegwenzi, peress li l-ammont mitlub mill-persuna li ssellef ser ikun neċessarjament iktar baxx fl-assenza ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ( 25 ).

    86.

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix is-soluzzjoni adottata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, sa fejn din is-soluzzjoni timplika li l-qorti nazzjonali, li tkun ikkonstatat in-natura inġusta tal-klawżola ta’ kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji, minn naħa, teskludi purament u sempliċement l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, filwaqt li żżomm il-validità tal-klawżoli l-oħra ta’ dan il-kuntratt, b’mod partikolari dik dwar ir-rati ta’ interessi ordinarji, u, min-naħa l-oħra, ma tissostitwixxix il-klawżola ddikjarata inġusta b’dispożizzjonijiet leġiżlattivi supplimentari, bħalma huma, b’mod partikolari, dawk li jiffissaw ir-rata ta’ interessi moratorji legali applikabbli fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet fil-kuntratt.

    87.

    Jekk klawżola li tiddetermina r-rata tal-interessi moratorji titqies li hija inġusta mill-qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha teskludi l-applikazzjoni tagħha, iżda ma għandhiex tkun awtorizzata tagħżel minflok li tnaqqas l-ammont tal-penalità imposta fuq il-konsumatur. Min-naħa tagħhom, il-klawżoli kuntrattwali l-oħra (inklużi, jekk ikun il-każ, dawk dwar ir-rati ta’ interessi ordinarji) għandhom jinżammu u jkomplu naturalment jipproduċu l-effetti li normalment huma intiżi li jipproduċu.

    88.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-klawżola li tiffissa r-rati ta’ interessi ordinarji, minkejja li ma tkunx ġiet iddikjarata inġusta, tiċċaħħad mill-effetti tagħha, dan imur tabilħaqq lil hinn mill-konsegwenzi relatati mal-effettività tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13.

    89.

    Dan huwa iktar u iktar il-każ billi, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self, għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-klawżoli li jiddefinixxu r-rati ta’ interessi ordinarji u dawk li jiddeterminaw ir-rata ta’ interessi moratorji. Filwaqt li l-interessi ordinarji għandhom funzjoni ta’ korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma ta’ flus mill-persuna li ssellef sakemm din tiġi rrimborsata, l-interessi moratorji jfittxu li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tad-debitur li jwettaq ir-rimbors tas-self fl-iskadenzi miftiehma kuntrattwalment. Il-klawżoli dwar ir-rati ta’ interessi ordinarji għaldaqstant huma fil-qofol ta’ kuntratt ta’ self u għalhekk jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, liema suġġett, bħala prinċipju, ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-qorti abbażi ta’ din id-Direttiva 93/13 ( 26 ).

    90.

    Fl-opinjoni tiegħi, din il-konklużjoni tapplika jkun xi jkun il-mod kif ikunu fformulati l-klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu r-rati ta’ interessi. Kemm jekk il-klawżola li tiddefinixxi r-rati ta’ interessi moratorji tkun distinta minn dik li tirrigwarda r-rati ta’ interessi ordinarji kif ukoll jekk dawn iż-żewġ tipi ta’ klawżoli jikkoinċidu, il-konstatazzjoni li l-klawżola li tirrigwarda r-rati ta’ interessi moratorji hija inġusta ma jistax ikollha impatt fuq l-applikazzjoni tal-interessi ordinarji. Fil-każijiet fejn ir-rata tal-interessi moratorji tkun irrappreżentata permezz ta’ żieda fuq ir-rati ta’ interessi ordinarji, hija biss din iż-żieda li għandha tiġi invalidata. Dan bl-ebda mod ma jista’ jiġi assimilat ma’ “aġġustament” tal-kuntratt li huwa pprojbit mill-ġurisprudenza; dan huwa tabilħaqq esklużjoni tal-unika klawżola li tkun ġiet iddikjarata inġusta.

    91.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għall-punt b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑94/17 għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-klawżola li tiffissa r-rata ta’ interessi ordinarji tibqa’ tapplika sakemm id-dejn ikun tħallas fit-totalità tiegħu.

    92.

    Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑94/17.

    Konklużjoni

    93.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula:

    I.

    Fil-Kawża C‑96/16 mill-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja):

    1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ma tipprekludix prattika ta’ bejjiegħ jew fornitur li jittrasferixxi jew jixtri krediti bħal dak deskritt fil-każ inkwistjoni, li ma toffrix lill-konsumatur il-possibbiltà li jaqta’ d-dejn billi jħallas l-ammont tat-trasferiment kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż liċ-ċessjonarju.

    2)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi bħala kriterju inekwivoku l-fatt li, fil-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi, klawżola mhux innegozjata li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali hija inġusta, sa fejn:

    ma tirrestrinġix is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali fir-rigward tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li ma jissodisfawx dan il-kriterju ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, u

    ma tostakolax lill-qorti adita milli twarrab l-imsemmija klawżola fil-każ li jkollha tikkonkludi li hija ta’ natura “inġusta”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

    3)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-klawżola li tiffissa r-rata ta’ interessi ordinarji tibqa’ tapplika sakemm id-dejn ikun tħallas fit-totalità tiegħu.

    II.

    Fil-Kawża C‑94/17 mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

    1)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi bħala kriterju inekwivoku l-fatt li, fil-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi, klawżola mhux innegozjata li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali hija inġusta, sa fejn:

    ma tirrestrinġix is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali fir-rigward tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li ma jissodisfawx dan il-kriterju ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, u

    ma tostakolax lill-qorti adita milli twarrab l-imsemmija klawżola fil-każ li jkollha tikkonkludi li hija ta’ natura “inġusta”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

    2)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi ordinarji miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-klawżola li tiffissa r-rata ta’ interessi ordinarji tibqa’ tapplika sakemm id-dejn ikun tħallas fit-totalità tiegħu.

    3)

    Ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).

    ( 3 ) F’dak li jirrigwarda s-self mhux iggarantit, dawk is-sentenzi huma tat-22 ta’ April, tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015, rispettivament. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet dwar is-self ipotekarju permezz ta’ sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2015 u tat-18 ta’ Frar u tat-3 ta’ Ġunju 2016.

    ( 4 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164).

    ( 5 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21).

    ( 6 ) BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181.

    ( 7 ) BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373.

    ( 8 ) Sa fejn l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE ċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju jitfittex li jintlaħaq permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, huwa tabilħaqq għal din id-direttiva, applikabbli ratione materiae, li għandu jsir riferiment.

    ( 9 ) Dwar id-distinzjoni neċessarja bejn tilwimiet ta’ dan it-tip u t-tilwimiet pendenti li jirrigwardaw direttament klawżoli kuntrattwali u/jew l-eventwali limitazzjoni tas-setgħat tal-qorti nazzjonali għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punti 38 sa 42). F’dan is-sens ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, b’mod partikolari, li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali ma kellhiex effetti diretti fuq il-kwistjoni jekk kuntratt kienx validu fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 46)).

    ( 10 ) Banco Santander u l-Gvern Spanjol jindikaw li l-qorti tar-rinviju adixxiet ukoll it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) bi kwistjoni ta’ kostituzzjonalità dwar dawn l-istess dispożizzjonijiet, li madankollu ġiet miċħuda skont l-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 11 ) F’dan ir-rigward, ara d-digriet tal-5 ta’ Lulju 2016, Banco Popular Español u PL Salvador (C‑7/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:523, punti 19 sa 27), li kien jirrigwarda preċiżament din id-dispożizzjoni.

    ( 12 ) F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa interessanti wkoll li jsir riferiment għall-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14; fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), u dan minkejja li ma huwiex neċessarjament applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Għalkemm din id-dispożizzjoni teżiġi li d-debitur konsumatur jiġi informat bit-trasferiment ta’ kreditu u li jżomm id-drittijiet u l-garanziji tiegħu fil-konfront tat-terz ċessjonarju, hija, min-naħa l-oħra, ma timponix l-obbligu li jinkiseb il-kunsens tiegħu u inqas u inqas li dan tal-aħħar ikollu dritt ta’ fidi u/jew dritt ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ dan il-kreditu.

    ( 13 ) Skont il-qorti tar-rinviju, ir-raġuni għall-eżistenza tad-dritt ta’ prelazzjoni previst fl-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili fir-rigward tal-krediti “kontenzjużi” tinsab fin-neċessità li jiġu miġġielda t-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment għal finijiet spekulattivi.

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 40, 4144). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 40).

    ( 15 ) Għal tfakkir reċenti tal-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula f’kuntesti simili li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva, isir riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 20).

    ( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349); tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164), u tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punti 2225), u d-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 60). Isir riferiment ukoll għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2014:2299, punt 42).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Biuro podróży Partner (C‑119/15, EU:C:2016:387, punti 53 sa 57), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:552, nota ta’ qiegħ il-paġna 18). Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-premessa 63 tad-Direttiva 2011/83 tirreferi għal “l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi”.

    ( 19 ) Skont l-Artikolu 1(6) tal-Kodiċi Ċivili, il-ġurisprudenza għandha tikkompleta l-ordinament ġuridiku permezz tal-prinċipji stabbiliti b’mod kostanti mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fl-interpretazzjoni tagħha u fl-applikazzjoni tagħha tal-liġi, tal-konswetudni u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Waqt is-seduta, Banco de Sabadell indika, mingħajr ma ġie kkontradett fuq dan il-punt, li l-qrati Spanjoli japplikaw ir-regola stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) b’mod awtomatiku.

    ( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 40).

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 74).

    ( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2014:2299, punt 42).

    ( 23 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 59).

    ( 24 ) Sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco et Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 71).

    ( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punti 28 sa 34).

    ( 26 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:85, punti 56 sa 58). Dan japplika minkejja l-possibbiltà għall-qorti li tistħarreġ klawżoli li ma jkunux ifformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

    Fuq