Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0431

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-15 ta’ Marzu 2018.
Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) vs José Blanco Marqués.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 12, 46a sa 46ċ – Benefiċċji tal-istess natura – Kunċett – Regola antikumulu – Kunċett – Kundizzjonijiet – Regola nazzjonali li tipprevedi suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali għall-ħaddiema tal-età ta’ 55 sena jew inqas – Sospensjoni tas-suppliment fil-każ ta’ impjieg jew ta’ kisba ta’ pensjoni tal-irtirar.
Kawża C-431/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

15 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 12, 46a sa 46ċ – Benefiċċji tal-istess natura – Kunċett – Regola antikumulu – Kunċett – Kundizzjonijiet – Regola nazzjonali li tipprevedi suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permananti totali għall-ħaddiema tal-età ta’ 55 sena jew inqas – Sospensjoni tas-suppliment fil-każ ta’ impjieg jew ta’ kisba ta’ pensjoni tal-irtirar”

Fil-Kawża C‑431/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja), b’deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

vs

José Blanco Marqués,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u għat-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn A. Trillo García u M. Baró Pazos, letrados,

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 12 u 46a sa 46ċ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 177, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikoli 3, 10 u 53 sa 55 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżor Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja, iktar ’il quddiem it-“TGSS”), minn naħa, u José Blanco Marqués, min-naħa l-oħra, dwar id-deċiżjoni tal-INSS li jissospendi l-ħlas tas-suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali tiegħu minħabba li jirċievi pensjoni tal-irtirar Svizzera.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-wieħed u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 1408/71, huwa meħtieġ, “biex ikunu protetti l-ħaddiema migranti u s-superstiti tagħhom kontra l-applikazzjoni strinġenti eċċessivament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw it-tnaqqis, is-sospensjoni u t-tneħħija, […] li jkunu inklużi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli stretti għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet”.

4

Il-kelma “leġislazzjoni” hija ddefinita mill-Artikolu 1(j) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, bħala “ir-Regolamenti u dispożizzjonijiet oħra u l-miżuri l-oħra kollha implimentati, preżenti u futuri, marbutin mal-friegħi ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali”.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Materji koperti [Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)

il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)

il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

ċ)

il-benefiċċji tax-xjuħija;

d)

il-benefiċċji tas-superstiti;

e)

benefiċċji fejn jidħlu inċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali;

f)

għotjiet tal-mewt;

g)

benefiċċji tad-disimpjieg;

h)

benefiċċji tal-familja.”

6

L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Prevenzjoni ta’ taħwid tal-benefiċċji [Nuqqas ta’ kumulu ta’ benefiċċji]”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu ta’ assigurazzjoni. Biss, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-benefiċċji fejn jidħlu, l-invalidità, ix-xjuħija, il-mewt (pensjonijiet) jew il-mard okkupazzjonali li jingħataw mill-istituzzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 41, 43 2. u (3), 46, 50 u 51 jew l-Artikolu 60(1)(b).

2.   Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjonijiet ta’ Stat Membru li jikkontrollaw ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija tal-benefiċċji f’każijiet ta’ taħwid ma’ benefiċċji [f’każijiet ta’ kumulu ta’ benefiċċji] tas-sigurtà soċjali oħra jew kwalunkwe forma ta’ dħul jistgħu jinvokaw anke fejn tali benefiċċji kienu akkwistati taħt leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew fejn tali dħul kien akkwistat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għar-riduzzjoni, sospensjoni jew irtirar tal-benefiċċju f’każ ta’ persuna li tirċievi benefiċċji ta’ invalidità jew benefiċċji tax-xjuħija antiċipati waqt li jsegwi attività professjonali jew kummerċjali jistgħu jkunu invokati kontra tali persuna anke jekk tkun qiegħda twettaq din l-attività fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

[…]”

7

L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi:

“1.   Fejn il-kondizzjonijiet meħtieġa mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar tal-benefiċċji jkunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkollu jkun applikat l-Artikolu 45 jew l-Artikolu 40(3), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont tal-benefiċċji li jkunu dovuti:

i)

fuq naħa waħda, taħt id-dispożizzjonijiet biss tal-leġislazzjoni li hija tamministra;

ii)

fuq in-naħa l-oħra, insegwitu għall-paragrafu 2;

[…]”

8

L-Artikolu 46a ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali rigward it-tnaqqis, is-sospensjoni u t-tneħħija applikabbli għall-benefiċċji fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) [kumulu] ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip ikollhom it-tifsira segwenti: l-irkib (overlapping) tal-benefiċċji rigward l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti kkalkulat jew ipprovdut abażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza mwettqa minn waieħed u l-istess persuna.

2.   Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) ta’ benefiċċji ta’ tipi differenti tfisser kull irkib (overlapping) ta’ benefiċċji li majistgħux ikunu meqjusa ta’ l-istess tip fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 1.

3.   Ir-regoli segwenti jkunu applikabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u t-tneħħija stipulati mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-każ ta’ irkib (overlapping) ta’ benefiċċju fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija jew is-superstiti ma benefiċċju ta’ l-istess tip jew benefiċċju ta’ tip differenti jew ma dħul ieħor:

(a)

għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ dħul ieħor akkwistat fi Stat Membru ieħor biss fejn il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tipprovdi għat-teħid inkonsiderazzjoni ta’ benefiċċji jew dħul akkwistat barra l-pajjiż;

b)

għandha tittieħed konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji li se jingħataw minn Stat Membru ieħor qabel it-tnaqqis tat-taxxi, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u taxxi u tnaqqis individwali ieħor;

ċ)

m’għandha tittieħed ebda konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li jingħataw abażi ta’ assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata;

d)

Fejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija huma applikabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tirċievi benefiċċji ta’ tip simili jew differenti pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra jew dħul ieħor akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, il-benefiċċju pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru jista’ jkun imnaqqas biss fil-limiti ta’ l-ammont tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjoni jew id-dħul akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.”

9

Skont l-Artikolu 46b tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli fil-każ ta’ rkib (overlapping) [kumulu] ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri”:

“1.   Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija stipulati bil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ma jkunux applikabbli għall-benefiċċju kkalkulat skond l-Artikolu 46(2).

2.   Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u [jew] it-tnaqqis stipulati mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jkunu japplikaw għall-benefiċċju kkalkulat skond l-Artikolu 46(1)(a)(i) biss jekk il-benefiċċju kkonċernat huwa:

a)

jew benefiċċju, li hemm riferenza għalih fl-Anness IV, il-Parti D, li l-ammont tiegħu ma jiddependix fuq it-tul tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa,

jew

[…]

Il-benefiċċji li għaihom saret riferenza f’(a) u (b) u l-ftehim imsemmi fl-Anness IV, il-Parti D.”

10

Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, skont l-Artikolu 90(1) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-Regolament Nru 1408/71 baqa’ fis-seħħ u l-effetti legali tiegħu ġew ippreżervati għall-finijiet “tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)], u tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa waħda, u l-Konfiderazzjoni ta’ l-Isvizzera, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu ta’ persuni [iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 u approvat fl-isem tal-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”)], u ftehim oħra li fihom referenza għar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, sakemm dawn il-ftehim ma kienux modifikati fid-dawl ta’ dan ir-Regolament.”

11

L-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera, jipprovdi:

“B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

(a)

jiġi żgurat trattament ugwali;

(b)

tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

(c)

tinħoloq aggregazzjoni, sabiex jiġi miksub u miżmum id-dritt għall-benefiċċji, u jiġu kkalkolati tali benefiċċji, b’kont meħud, mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, tal-perjodi kollha;

(d)

jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

(e)

titrawwem assistenza u koperazzjoni amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.”

12

L-Artikolu 20 tal-Ftehim KE-Svizzera jipprovdi:

“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor taħt l-Anness II, il-ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jiġu sospiżi mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, safejn dan tal-aħħar ikopri l-istess suġġett.”

13

L-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   [It-termini] ‘Stat membru(i)’ fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14

It-Taqsima A tal-imsemmi anness tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 1408/71.

15

L-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera ġie aġġornat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal-31 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 103, p. 51).

16

L-Anness II, kif emendat, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012, jagħmel riferiment għar-Regolament Nru 883/2004, iżda wkoll għar-Regolament Nru 1408/71 “meta [r-Regolament Nru 883/2004] ssir referenza għalih […] jew meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat.”

Id-dritt Spanjol

17

L-Artikoli 136 u 137 tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni tagħha kkonsolidata approvata mir-Real Decreto Legislativo 1/1994 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1994), tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658), kif applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LGSS”), jipprevedu, għall-finijiet tal-protezzjoni soċjali fil-każ ta’ inkapaċità permanenti totali li tiġi eżerċitata l-professjoni abitwali, pensjoni għall-ħajja intiża għall-protezzjoni tal-bżonnijiet tal-ħaddiema li, wara marda jew inċident professjonali jew le, jitilfu l-abbiltà li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom iżda jistgħu jeżerċitaw professjonijiet oħrajn.

18

Skont l-Artikolu 139(2) tal-LGSS:

“Il-benefiċċju finanzjarju li jikkorrispondi għal inkapaċità permanenti totali jikkonsisti f’pensjoni għall-ħajja, li tista’ tiġi ssostitwita b’mod eċċezzjonali minn kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa meta l-benefiċċjarju jkollu inqas minn sittin sena.

Il-ħaddiema ddikjarati li għandhom inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom jirċievu l-pensjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, miżjuda b’perċentwali ddeterminat skont il-leġiżlazzjoni applikabbli meta l-età tagħhom, in-nuqqas ta’ kompetenzi ġenerali jew speċifiċi tagħhom u l-ambjent soċjali u professjonali tal-post ta’ residenza tagħhom jindikaw diffikultajiet li jsibu impjieg f’qasam differenti mill-professjoni abitwali preċedenti tagħhom.

[…]”

19

Mill-Artikolu 6(1) sa (3) tar-Real Decreto 1646/1972 para la aplicación de la ley 24/1972, de 21 de junio, en materia de prestaciones del Régimen General de la Seguridad Social (id-Digriet Irjali 1646/1972 li jimplementa l-Liġi 24/1972, tal-21 ta’ Ġunju 1972, dwar il-benefiċċji tas-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali), tat-23 ta’ Ġunju 1972 (iktar ’il quddiem id-“Digriet 1646/1972”), jirriżulta li l-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali għall-eżerċizzju tal-professjoni abitwali għandha tiżdied b’suppliment ekwivalenti għal 20 % tal-bażi ta’ kalkolu li jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tal-pensjoni (iktar ’il quddiem is-“suppliment ta’ 20 %”), meta l-ħaddiem ikollu 55 sena jew inqas.

20

Madankollu, peress li l-bażi ta’ dan is-suppliment tikkonsisti fil-preżunzjoni li huwa partikolarment diffiċli, għall-persuni li jkollhom inqas minn 55 sena, li jsibu impjieg fi professjoni differenti minn dik li huma kienu jeżerċitaw u li għaliha huma ġew irrikonoxxuti li għandhom inkapaċità permanenti totali, skont l-Artikolu 6(4) tad-Digriet 1646/1972, l-imsemmi suppliment “huwa sospiż għall-perijodu li matulu l-ħaddiem ikollu impjieg”.

21

Għall-kuntrarju, il-ġbir tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali bħala tali huwa kompatibbli mal-eżerċizzju ta’ professjoni oħra.

22

Skont l-Artikolu 143(4) tal-LGSS, meta l-benefiċjarju ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti jilħaq l-età ta’ 65 sena, din il-pensjoni tinbidel f’pensjoni tal-irtirar. Dan it-tibdil fl-isem ma jaffettwax madankollu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-benefiċċju.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

J. Blanco Marqués, imwieled fit-3 ta’ Frar 1943, jibbenefika minn pensjoni Spanjola għall-inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni ta’ elettriċista kkwalifikat li jaħdem f’qiegħ mina, minħabba marda li ma hijiex ikkaġunata mix-xogħol, liema status ġie rrikonoxxut lilu b’deċiżjoni ġudizzjarja tat-3 ta’ Ġunju 1998, b’effett mit-13 ta’ Jannar 1998. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt li jirċievi din il-pensjoni kif ukoll għall-kalkolu tal-ammont tagħha, ittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kontribuzzjonijiet imħallsa fis-sistema ta’ sigurtà soċjali Spanjola. Peress li l-persuna kkonċernata kellha, fid-data effettiva ta’ din id-deċiżjoni, iktar minn 55 sena, hija ngħatat, skont l-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Digriet 1646/1972, is-suppliment ta’ 20 %.

24

Meta laħaq l-età ta’ 65 sena, J. Blanco Marqués kiseb, b’effett mill-1 ta’ Marzu 2008, pensjoni tal-irtirar tas-sigurtà soċjali Svizzera. Din il-pensjoni tal-irtirar ingħatatlu b’teħid inkunsiderazzjoni esklużivament tal-kontribuzzjonijiet soċjali li huwa kien ħallas fil-kuntest tas-sistema obbligatorja Svizzera.

25

B’deciżjoni tal-24 ta’ Frar 2015, mill-1 ta’ Frar 2015 l-INSS neħħa s-suppliment ta’ 20 % li J. Blanco Marqués kien jirċievi, minħabba li dan is-suppliment kien inkompatibbli mal-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar, u talab ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 17 340.95, ekwivalenti għall-ammonti mħallsa bħala l-imsemmi suppliment bejn l-1 ta’ Frar 2011 u l-31 ta’ Jannar 2015, li ma humiex koperti mill-preskrizzjoni.

26

J. Blanco Marqués ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Ponferrada (il-Qorti Industrjali Nru 1 ta’ Ponferrada, Spanja). B’sentenza tat-28 ta’ Settembru 2015 din il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni, billi kkunsidrat li s-suppliment ta’ 20 % ma kienx inkompatibbli mal-ġbir ta’ pensjoni tal-irtirar Svizzera, peress li, skont l-Artikolu 46a(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jew l-Artikolu 53(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, tista’ tirriżulta inkompatibbiltà biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, għall-finijiet tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji u tad-dħul miksuba barra mill-pajjiż. Issa, regola bħal din ma teżistix fid-dritt Spanjol.

27

L-INSS appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja), billi sostna li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), is-suppliment ta’ 20 % jiġi sospiż mhux biss fil-każ espliċitament indikat fl-Artikolu 6(4) tad-Digriet 1646/1972, jiġifieri meta l-benefiċjarju jkollu impjieg, iżda wkoll fil-każ fejn dan tal-aħħar jirċievi pensjoni tal-irtirar fi Stat Membru ieħor jew fl-Isvizzera, sakemm tali pensjoni tal-irtirar tikkostitwixxi dħul li jissostitwixxi d-dħul li ġej minn xogħol.

28

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Dispożizzjoni legali nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(4) tad-[Digriet 1646/1972], li jistipula li s-suppliment ekwivalenti għal 20 % tal-ammont bażiku mogħti lil persuni ta’ iktar minn ħamsa u ħamsin sena li jirċievu pensjoni għall-inkapaċità permananti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, “huwa sospiż għall-perijodu li matulu l-ħaddiem ikollu impjieg” tikkostitwixxi regola antikumulu fis-sens tal-Artikoli 12 [u] 46a [sa] 46ċ tar-Regolament [Nru 1408/71] u tal-Artikoli 5 [u] 53 [sa] 55 tar-Regolament [Nru 883/2004], fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Suprema Spanjola ddeċidiet li l-inkopatibbiltà stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt intern ma tapplikax biss għal eżerċizzju ta’ impjieg iżda anki għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 46[a](3)(a) tar-Regolament [Nru 1408/71] u l-Artikolu 53(3)(a) tar-Regolament [Nru 883/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li regola antikumulu tista’ tiġi applikata biss meta tkun teżisti dispożizzjoni legali tad-dritt nazzjonali li għanda l-istatus ta’ Liġi li tistabbilixxi espliċitament l-inkompatibbiltà bejn il-benefiċċju Spanjol inkwistjoni u l-benefiċċji jew id-dħul miksub barra mill-pajjiż mill-benefiċċjarju? jew inkella fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita, iżda meta l-ġurisprudenza nazzjonali adottat interpretazzjoni li timplika li l-benefiċċju inkwistjoni ma huwiex kompatibbli ma pensjoni tal-irtirar, ir-regola antikumulu tista’ tiġi applikata għall-pensjonijiet ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew tal-Isvizzera, b’mod konformi mal-Artikolu 12 tar-Regolament [Nru 1408/71] u mal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 883/2004]?

3)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun favorevoli għall-applikazzjoni, fil-każ preżenti, tar-regola antikumulu Spanjola (kif interpretata b’mod wiesgħa fil-ġurisprudenza), minkejja l-assenza ta’ leġiżlazzjoni espliċita li tirrigwarda l-benefiċċji jew id-dħul miksub minn pajjiż barrani, is-suppliment ta’ 20 % li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola tas-sigurtà soċjali, għandu jingħata lil ħaddiema ta’ iktar minn ħamsa u ħamsin sena li lilhom tiġi rrikonoxxuta inkapaċità permananti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, kif deskritt, għandu jitqies li huwa benefiċċju tal-istess natura bħal pensjoni tal-irtirar tas-sistema tas-sigurtà soċjali Svizzera jew inkella li dan huwa ta’ natura differenti? Id-definizjoni tad-diversi friegħi tas-sigurtà soċjali prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 1408/71] u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 883/2004] hija ta’ portata Komunitarja jew inkella għandha tiġi segwita d-definizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti għal kull benefiċċju speċifiku? Fil-każ li d-definizjoni hija ta’ portata Komunitarja, is-suppliment ta’ 20 % tal-bażi taxxabbli tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali li hija s-suġġett ta’ din il-kawża għandu jitqies li huwa benefiċċju tal-invalidità jew inkella benefiċċju tal-qagħad, fid-dawl tal-fatt li dan jissupplimenta l-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali għall-eżerċizzju tal-professjoni abitwali minħabba d-diffikulta li jinsab xogħol ieħor fil-każ ta’ persuni li għandhom iktar minn ħamsa u ħamsin sena, b’tali mod li l-ħlas ta’ dan is-suppliment jiġi sospiż jekk il-benefiċjarju jsib xogħol?

4)

Jekk jitqies li ż-żewġ benefiċċji huma tal-istess natura u peress li l-perijodi ta’ kontribuzzjoni fi Stat separat la ttieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tal-pensjoni għall-inkapaċità Spanjola u lanqas għas-suppliment tagħha, is-suppliment ta’ 20 % tal-bażi taxxabbli tal-pensjoni Spanjola għall-inkapaċità permanenti totali huwa benefiċċju li fir-rigward tiegħu japplikaw ir-regoli antikumulu, inkwantu l-ammont tiegħu għandu jitqies indipendenti mit-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew tar-residenza, fis-sens tal-Artikolu 46[b(2)(a)] tar-Regolament [Nru 1408/71] u tal-Artikolu 54(2)(a) tar-Regolament [Nru 883/2004]? Ir-regola antikumulu tista’ tiġi applikata anki jekk l-imsemmi benefiċċju la huwa elenkat fil-Parti D tal-Anness IV tar-Regolament [Nru 1408/71] u lanqas fl-Anness IX tar-Regolament [Nru 883/2004]?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 46a(3)(d) tar-Regolament [Nru 1408/71] u fl-Artikolu 53(3)[d] tar-Regolament [Nru 883/2004], li tgħid li l-benefiċċju tas-sigurtà soċjali Spanjola jista’ jitnaqqas biss “[…] fil-limiti ta’ l-ammont tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjoni” tal-Istat l-ieħor, f’dan il-każ l-Isvizzera, [hija applikabbli]?

6)

Jekk jitqies li ż-żewġ benefiċċji huma ta’ natura differenti u peress li ma jidhirx li l-Isvizzera tapplika xi regola antikumulu, abbażi tal-Artikolu 46ċ tar-Regolament [Nru 1408/71] u tal-Artikolu 55 tar-Regolament [Nru 883/2004], it-tnaqqis għas-suppliment ta’ 20 % tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali Spanjola għandu jiġi applikat integralment jew inkella għandu jitqassam pro rata? F’kull każ għandu jiġi applikat il-limitu li jirriżulta mill-Artikolu 46a(3)(d) tar-Regolament [Nru 1408/71] u mill-Artikolu 53(3)(d) tar-Regolament [Nru 883/2004], li jgħidu li l-benefiċċju tas-sigurtà soċjali Spanjola jista’ jitnaqqas biss “[…] fil-limiti ta’ l-ammont tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjoni” tal-Istat l-ieħor, f’dan il-każ l-Isvizzera?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

29

Peress li l-qorti tar-rinviju tirreferi fid-domandi preliminari tagħha kemm għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll għal dawk tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi stabbilit, qabelxejn, liema regolament japplika rationae temporis għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

30

F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni tal-għoti tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali Spanjola u dik tal-għoti tal-pensjoni tal-irtirar Svizzera ttieħdu, rispettivament, fis-sena 1998 u fis-sena 2008. Peress li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, li huma l-avvenimenti li taw lok għall-pensjonijiet inkwistjoni, ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 biss huma rilevanti fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regola Spanjola li tinsab fl-Artikolu 6(4) tad-Digriet 1646/1972, kif interpretata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li abbażi tagħha s-suppliment ta’ 20 % huwa sospiż għall-perijodu li matulu l-ħaddiem ikollu impjieg jew jirċievi pensjoni tal-irtirar, tikkostitwixxix klawżola ta’ tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71.

32

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali, bħas-suppliment ta’ 20 %, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71.

33

Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(b) tiegħu, dan ir-regolament għandu japplika għall-“benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ”.

34

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(t) tal-imsemmi regolament, il-kliem “benefiċċji”, “pensjonijiet” u “dħul” għandhom jiġu interpretati bl-iktar mod wiesa’, fis-sens li jinkludu l-benefiċċji, pensjonijiet u dħul kollu, inklużi l-elementi kollha li jitħallsu mill-fondi pubbliċi, żidiet ta’ rivalutazzjoni u allowances supplementari.

35

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “klawżola ta’ tnaqqis” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regola nazzjonali għandha tiġi kklassifikata bħala tali meta l-kalkolu li hija timponi għandu l-effett li jnaqqas l-ammont tal-pensjoni li l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka minħabba l-fatt li hija tirċievi benefiċċju fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, Insalaca, C‑107/00, EU:C:2002:147, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Marzu 2013, van den Booren, C‑127/11, EU:C:2013:140, punt 28).

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 6(4) tad-Digriet 1646/1972, kif interpretat mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), is-suppliment ta’ 20 % jiġi sospiż mhux biss meta l-benefiċjarju jirċievi dħul minn xogħol iżda wkoll meta jirċievi pensjoni tal-irtirar, peress li din hija fil-fatt ikkunsidrata bħala dħul li jissostitwixxi d-dħul li jirriżulta mix-xogħol. Barra minn hekk, skont din l-istess ġurisprudenza, ma għandhiex issir distinzjoni bejn pensjonijiet tal-irtirar nazzjonali u pensjonijiet li jingħataw fi Stat Membru ieħor jew fl-Isvizzera, b’tali mod li t-tnejn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

37

Minn dan isegwi li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala intiża għall-benefiċċji li l-persuna kkonċernata tirċievi fi Stat Membru ieħor jew fl-Isvizzera, peress li, fir-rigward ta’ dan l-aħħar Stat, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, tiġi assimilata għal Stat Membru tal-Unjoni (sentenza tat 18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti, C‑247/09, EU:C:2010:698, punt 31).

38

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-applikazzjoni ta’ din ir-regola nazzjonali għandha bħala effett li tnaqqas l-ammont totali tal-benefiċċji li l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka.

39

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li regola nazzjonali li tipprevedi li s-suppliment miżjud mal-pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar li persuna kkonċernata tista’ tinvoka abbażi ta’ sistema ta’ Stat Membru ieħor tikkostitwixxi klawżola ta’ tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Conti, C‑143/97, EU:C:1998:501, punt 30).

40

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-argument imressaq mill-INSS u mit-TGSS, li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 minħabba l-fatt li kulma din tagħmel huwa li tistabbilixxi sempliċi regola ta’ inkompatibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li wieħed ma jistax ineħħi klawżoli ta’ tnaqqis nazzjonali mill-kundizzjonijiet u mil-limiti ta’ applikazzjoni imposti mir-Regolament Nru 1408/71 billi jikklassifikahom bħala klawżoli ta’ kalkolu jew regoli ta’ prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1998, Conti, C‑143/97, EU:C:1998:501, punt 24, u tat-18 ta’ Novembru 1999, Van Coile, C‑442/97, EU:C:1999:560, punt 27).

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha s-suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali huwa sospiż għall-perijodu li matulu l-benefiċjarju ta’ din il-pensjoni jirċievi pensjoni tal-irtirar fi Stat Membru ieħor jew fl-Isvizzera, tikkostitwixxi klawżola ta’ tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46a(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru” inkluż fih għandux jiġi interpretat fis-sens strett tal-kelma jew jekk dan jinkludix ukoll l-interpretazzjoni mwettqa minn qorti nazzjonali suprema.

43

Skont din id-dispożizzjoni “għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ dħul ieħor akkwistat fi Stat Membru ieħor biss fejn il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tipprovdi għat-teħid inkonsiderazzjoni ta’ benefiċċji jew dħul akkwistat barra l-pajjiż”.

44

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71, il-kelma “leġislazzjoni”, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, hija ddefinita bħala li tinkludi l-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet statutorji u l-miżuri l-oħra kollha ta’ implementazzjoni, preżenti u futuri, li jirrigwardaw il-friegħi u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

45

Issa kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Digriet 1646/1972 sempliċement tipprevedi s-sospensjoni tas-suppliment ta’ 20 % fil-każ fejn il-benefiċjarju tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti jkollu impjieg, il-ġurisprudenza nazzjonali interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li s-sospensjoni li hija tipprevedi testendi wkoll għall-każ fejn huwa jirċievi pensjoni tal-irtirar, indipendentement minn jekk din titħallasx mis-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali jew minn dik ta’ Stat Membru ieħor jew tal-Isvizzera.

46

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-interpretazzjoni mwettqa minn qorti suprema ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva għandhiex tiġi kklassifikata bħala leġiżlazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitfakkar li l-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali (is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑382/92, EU:C:1994:233, punt 36).

47

Filwaqt li deċiżjonijiet ġudizzjarji iżolati jew minoritarji ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, dan ma japplikax fil-każ ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali kkonfermata mill-qorti suprema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kumissjoni vs L-Italja, C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 32).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 46a(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru” inkluż fih għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali mwettqa minn qorti nazzjonali suprema.

Fuq it-tielet domanda

49

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-suppliment ta’ 20 % mogħti lill-ħaddiem li jirċievi pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali skont il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-pensjoni tal-irtirar li jirċievi dan l-istess ħaddiem fl-Isvizzera għandhomx jiġu kkunsidrati bħala tal-istess natura jew ta’ natura differenti fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

50

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jitqiesu li huma tal-istess natura meta l-għan u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi ta’ kalkolu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom ikunu identiċi. Għall-kuntrarju, karatteristiċi li huma purament formali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kriterji rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini, 171/82, EU:C:1983:189, punt 13; tal-11 ta’ Awwissu 1995, Schmidt, C‑98/94, EU:C:1995:273, punti 2431, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 25).

51

F’dan il-każ, fir-rigward tal-għan u tal-iskop tas-suppliment ta’ 20 %, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa intiż għall-protezzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ persuni li huma partikolarment vulnerabbli, jiġifieri l-ħaddiema li għandhom bejn 55 u 65 sena, li ġiet irrikonoxxuta lilhom inkapaċità permanenti totali u li għalihom huwa diffiċli li jsibu impjieg f’professjoni differenti minn dik li huma kienu jeżerċitaw preċedentement.

52

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, dawn il-ħaddiema jingħataw suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali, li l-ammont tiegħu jiġi stabbilit skont il-bażi ta’ kalkolu li jkun ittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din il-pensjoni għall-inkapaċità.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-suppliment ta’ 20 % kif ukoll il-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali li dan huwa awtomatikament anċillari għaliha għandu karatteristiċi analogi għal dawk tal-benefiċċji tax-xjuħija, sa fejn dawn huma intiżi jiggarantixxu mezzi ta’ għajxien għall-ħaddiema li tiġi rrikonoxxuta lilhom inkapaċità permanenti totali sabiex jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom u li, peress li jkunu laħqu ċerta età, ikollhom ukoll diffikultajiet sabiex isibu impjieg f’qasam differenti mill-professjoni abitwali tagħhom.

54

Huwa barra minn hekk f’dan is-sens li l-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali u s-suppliment ta’ 20 % ivarjaw minn benefiċċju tal-qgħad, li huwa intiż ikopri r-riskju marbut mat-telf ta’ dħul sostnut mill-ħaddiem wara t-telf tal-impjieg tiegħu, filwaqt li huwa jkun għadu kapaċi jaħdem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 27).

55

Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ benefiċċju tal-qgħad, li għandu bħala għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata tibqa’ fis-suq tax-xogħol matul il-perijodu ta’ nuqqas ta’ impjieg, il-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali u s-suppliment ta’ 20 % huma intiżi li jipprovdu lill-benefiċjarju tiegħu l-mezzi finanzjarji sabiex ilaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu matul il-perijodu bejn il-konstatazzjoni tal-inkapaċità permanenti totali u l-età tal-irtirar.

56

Għalhekk, fil-każ fejn il-benefiċjarju ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali jirnexxielu jintegra mill-ġdid is-suq tax-xogħol permezz ta’ impjieg differenti minn dak li kellu preċedentement, l-għoti tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali bħala tali jibqa’ żgurat lilu u huwa biss il-ħlas tas-suppliment ta’ 20 % li jiġi sospiż minħabba dan l-impjieg ġdid li jippermettilu jagħmel tajjeb għal parti mid-dħul professjonali nieqes.

57

Konsegwentement, is-sospensjoni tas-suppliment ta’ 20 % hija intiża biss sabiex il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali jiġu adattati għas-sitwazzjoni tal-benefiċjarju u ma tistax għalhekk tagħti lil dan il-benefiċċju natura differenti minn dik ikkonstatata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

58

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni Spanjola tassimila b’mod fittizju, meta tintlaħaq l-età tal-irtirar, il-pensjoni għall-inkapaċità permanenti ma’ pensjoni tal-irtirar.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta ħaddiem jibbenefika minn benefiċċji ta’ invalidità li jiġu kkonvertiti f’pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u minn benefiċċji ta’ invalidità li jkunu għadhom ma ġewx ikkonvertiti f’pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, il-pensjoni tax-xjuħija u l-benefiċċji ta’ invalidità għandhom jitqiesu li huma tal-istess natura (sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1981, Celestre et, 116/80, 117/80 u 119/80 sa 121/80, EU:C:1981:159, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ April 1989, Di Felice, 128/88, EU:C:1989:153, punt 13).

60

Minn dan isegwi li suppliment ta’ 20 % mogħti lill-ħaddiem li jirċievi pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali skont il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-pensjoni tal-irtirar miksuba minn dan l-istess ħaddiem fl-Isvizzera għandhom jitqiesu li huma tal-istess natura, u dan kemm matul il-perijodu bejn il-konstatazzjoni tal-inkapaċità permanenti totali ta’ ħamsa u ħamsin sena sal-età tal-irtirar, kif ukoll ladarba tintlaħaq l-età tal-irtirar.

61

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali mogħti lil ħaddiem skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u pensjoni tal-irtirar miksuba minn dan l-istess ħaddiem fl-Isvizzera għandhom jiġu kkunsidrati li huma tal-istess natura fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

62

Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ fejn iż-żewġ benefiċċji inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati li huma tal-istess natura, liema dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament Nru 1408/71 fil-qasam ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-istess natura għandhom jiġu applikati.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-klawżoli antikumulu previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jistgħu, sakemm ma huwiex ipprovdut mod ieħor f’dan ir-regolament, jiġu invokati kontra l-persuni li jibbenefikaw minn benefiċċju mingħand dan l-Istat Membru meta dawn jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċji tas-sigurtà soċjali oħra, u dan minkejja li dawn il-benefiċċji jinkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, Insalaca, C‑107/00, EU:C:2002:147, punt 22, u tas-7 ta’ Marzu 2013, van den Booren, C‑127/11, EU:C:2013:140, punt 29).

64

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-benefiċċji ta’ invalidità, tax-xjuħija jew tas-superstiti, l-Artikolu 46b(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li l-klawżoli antikumulu previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali huma applikabbli għal benefiċċju kkalkolat skont l-Artikolu 46(1)(a)(i) ta’ dan ir-regolament biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi jkunu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, meta l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa u, it-tieni nett, meta l-benefiċċju jkun indikat fil-Parti D tal-Anness IV, tal-imsemmi regolament.

65

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kriterju stabbilit mill-Artikolu 46(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li ż-żewġ benefiċċji ġew ikkalkolati mill-istituzzjonijiet nazzjonali rispettivi skont id-dispożizzjonijiet biss tal-leġiżlazzjoni li huma japplikaw, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi applikat mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni jew ta’ kalkolu pro rata.

66

Fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, minkejja li l-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma jaqblux bejniethom dwar il-kwistjoni jekk l-ammont tas-suppliment ta’ 20 % jiddependix fuq il-perijodu ta’ assigurazzjoni kopert, b’tali mod li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq verifika f’dan ir-rigward, huwa madankollu paċifiku li benefiċċju ta’ din in-natura ma huwiex espliċitament imsemmi fil-Parti D tal-Anness IV tar-Regolament Nru 1408/71.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 46b(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li regola nazzjonali antikumulu, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Digriet 1646/1972, ma tapplikax għal benefiċċju kkalkolat skont l-Artikolu 46(1)(a)(i) tal-imsemmi regolament meta dan il-benefiċċju ma jkunx indikat fil-Parti D tal-Anness IV tal-istess regolament.

Fuq is-sitt domanda

68

Fid-dawl tar-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt domanda.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha s-suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali huwa sospiż għall-perijodu li matulu l-benefiċjarju ta’ din il-pensjoni jirċievi pensjoni tal-irtirar fi Stat Membru ieħor jew fl-Isvizzera, tikkostitwixxi klawżola ta’ tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008.

 

2)

L-Artikolu 46a(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 592/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru” għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali mwettqa minn qorti nazzjonali suprema.

 

3)

Suppliment ta’ pensjoni għall-inkapaċità permanenti totali mogħti lil ħaddiem skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u pensjoni tal-irtirar miksuba minn dan l-istess ħaddiem fl-Isvizzera għandhom jiġu kkunsidrati li huma tal-istess natura fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 592/2008.

 

4)

L-Artikolu 46b(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 592/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li regola nazzjonali antikumulu, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Decreto 1646/1972 para la aplicación de la ley 24/1972, de 21 de junio, en materia de prestaciones del Régimen General de la Seguridad Social (id-Digriet 1646/1972 li jimplementa l-Liġi 24/1972, tal-21 ta’ Ġunju 1972, dwar il-benefiċċji tas-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali), tat-23 ta’ Ġunju 1972, ma tapplikax għal benefiċċju kkalkolat skont l-Artikolu 46(1)(a)(i) tal-imsemmi regolament meta dan il-benefiċċju ma jkunx indikat fil-Parti D tal-Anness IV tal-istess regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq