EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0244

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Marzu 2018.
Industrias Químicas del Vallés SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/408 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni – Inklużjoni tas-sustanza attiva metalaxyl f’din il-lista – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Persuna kkonċernata individwalment.
Kawża C-244/16 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:177

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Appell – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/408 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni – Inklużjoni tas-sustanza attiva metalaxyl f’din il-lista – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Persuna kkonċernata individwalment”

Fil-Kawża C‑244/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ April 2016,

Industrias Químicas del Vallés SA, stabbilita f’Mollet del Vallés (Spanja), irrappreżentata minn C. Fernández Vicién, C. Vila Gisbert u I. Moreno-Tapia Rivas, abogadas,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Galindo Martín u P. Ondrůšek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti, Industrias Químicas del Vallés SA, titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2016, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (T‑296/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:79), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU 2015, L 67, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 91/414

2

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/34/UE tat-8 ta’ Marzu 2011 (ĠU 2011, L 62, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/414”), kienet tipprevedi, fl-Anness I tagħha, lista ta’ sustanzi attivi li l-inklużjoni tagħhom kienet awtorizzata fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

3

Skont l-Artikolu 1 u l-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/28/UE tat-23 ta’ April 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-metalaxyl bħala sustanza attiva (ĠU 2010, L 104, p. 57), il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ġiet emendata sabiex fiha tiżdied din is-sustanza.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009

4

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) jipprevedi, fl-Artikolu 14 tiegħu, intitolat “Tiġdid tal-approvazzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 3, intitolata “Tiġdid u reviżjoni”, tat-Taqsima 1, intitolata “Sustanzi attivi”, tal-Kapitolu II, intitolat “Sustanzi attivi, aġenti protettivi, sinerġisti u ko-formulanti”, ta’ dan ir-regolament:

“1.   Mal-applikazzjoni, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva għandha tiġi mġedda fejn jiġi stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 ġew sodisfatti.

[…]

2.   It-tiġdid tal-approvazzjoni għandu jkun għal perijodu ta’ mhux iktar minn ħmistax-il sena. […]”

5

L-Artikolu 20, intitolat “Regolament ta’ Tiġdid”, li jinsab fl-imsemmija Subtaqsima 3 tar-Regolament Nru 1107/2009, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għandu jiġi adottat Regolament skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), li jipprovdi li:

(a)

l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva tiġġedded, soġġett għall-kondizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet fejn xieraq; jew

(b)

l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tiġix imġedda.

[…]”

6

L-Artikolu 24, intitolat “Kandidati għal sostituzzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 4, intitolata “Derogi”, tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1107/2009, jistabbilixxi li:

“1.   […] B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-approvazzjoni tista’ tiġġedded darba jew iżjed għal perijodi li ma jisbqux is-seba’ snin.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 21. Il-kandidati għal sostituzzjoni għandhom jiġu elenkati separatament fir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 13(4).”

7

L-Artikolu 41, intitolat “Awtorizzazzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 3, intitolata “Rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet”, tat-Taqsima 1, intitolata “Awtorizzazzjoni”, tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, jipprevedi dan li ġej:

“1.   L-Istat Membru li lilu tiġi ppreżentata applikazzjoni skont l-Artikolu 40 għandu, wara li jeżamina l-applikazzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawha msemmija fl-Artikolu 42(1), kif inhu xieraq b’rigward għaċ-ċirkostanzi fit-territorju tiegħu, jawtorizza il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni, ħlief meta japplika l-Artikolu 36(3).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru jista’ jawtorizza l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fejn:

[…]

(b)

fih kandidat għal sostituzzjoni;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 50, intitolat “Valutazzjoni [evalwazzjoni] komparattiva ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kandidati għal sostituzzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 5, intitolata “Każijiet speċjali”, tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament:

“1.   Valutazzjoni [ewalvazzjoni] komparattiva għandha titwettaq mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin jevalwaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih sustanza attiva approvata bħala kandidat għal sostituzzjoni. L-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw jew għandhom jirrestrinġu l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-użu fuq uċuħ partikolari tar-raba’ li jkun fih kandidat għas-sostituzzjoni fejn il-valutazzjoni komparattiva li tiżen ir-riskji u l-benefiċċji, kif imniżżel fl-Anness IV, turi li:

[…]

4.   Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kandidat għal sostituzzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-valutazzjoni komparattiva prevista fil-paragrafu 1 regolarment u mhux aktar tard minn meta l-awtorizzazzjoni tiġi mġedda jew emendata.

Abbażi tar-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni komparattiva, l-Istati Membri għandhom iżommu, jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjoni.

[…]”

9

L-Artikolu 80, intitolat “Miżuri tranżitorji”, li jinsab fil-Kapitolu XI tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji u finali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 7 tiegħu li:

“Sal-14 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ sustanzi inklużi fl-Anness I għad-Direttiva [91/414] li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II għal dan ir-Regolament u li għalihom għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament.”

Ir-regolamenti ta’ implementazzjoni

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 540/2011

10

Skont il-premessa 1 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament [Nru 1107/2009] f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1), is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament Nru 1107/2009.

Ir-regolament kontenzjuż

11

L-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż, intitolat “Kandidati għas-sostituzzjoni”, jipprevedi dan li ġej:

“Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva [91/414] li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament [Nru 1107/2009] għandhom ikunu kif stabbilit fil-lista fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

12

Il-lista li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-regolament tinkludi l-metalaxyl.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 6 tad-digriet appellat, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

14

L-appellanti hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Spanjol li l-attivitajiet tagħha jinkludu l-produzzjoni, il-bejgħ, id-distribuzzjoni, ir-rappreżentazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ta’ prodotti tal-ikel tal-annimali u ta’ prodotti kimiċi oħra. Hija timporta b’mod partikolari sustanza kimika attiva, il-metalaxyl, fi Spanja u tikkumerċjalizza f’diversi Stati Membri prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva.

15

Fix-xahar ta’ April 1995, l-appellanti u kumpannija oħra ppreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Portugiża talba għall-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

16

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/308/KE tat-2 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u t-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 495), il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba u stiednet lill-Istati Membri sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl u ma jibqgħux jagħtu awtorizzazzjonijiet ġodda.

17

Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (T‑158/03, EU:T:2005:253), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti, li kien indirizzat kontra d-Deċiżjoni 2003/308.

18

Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-appell ippreżentat mill-appellanti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2005, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (T‑158/03, EU:T:2005:253), u annullat din tal-aħħar. Billi qieset li l-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża, hija ddeċidiet, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fuq il-mertu tal-kawża u annullat id-Deċiżjoni 2003/308.

19

Fit-23 ta’ April 2010, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva 2010/28 bil-ħsieb li l-metalaxyl jiġi inkluż fil-lista ta’ sustanzi attivi li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

20

Permezz tar-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni inkludiet il-metalaxyl fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, annessa ma’ dan ir-regolament, għar-raġuni li din is-sustanza kellha kontenut kunsiderevoli ta’ isomeri mhux attivi, fis-sens tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

21

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2015, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tar-regolament kontenzjuż.

22

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli, għar-raġuni li, minn naħa, l-appellanti ma kinitx ikkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament kien att regolatorju li kien jinvolvi fil-konfront tal-appellanti miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-appellanti li jgħid li, fil-każ li r-rikors tagħha jiġi miċħud bħala inammissibbli, hija tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

It-talbiet tal-partijiet

23

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat kontra r-regolament kontenzjuż;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

24

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

25

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-punti 39 sa 41, 43 sa 46, 48 sa 50, 58 u 59 tad-digriet appellat u tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-regolament kontenzjuż jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

26

Skont l-appellanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment, minn naħa, għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tar-rikors. F’dan ir-rigward, fil-każ fejn l-appellanti titlob biss l-annullament parzjali ta’ att, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali miżuri ta’ implementazzjoni tal-parti tal-att li tagħha tkun qiegħda tintalab l-annullament.

27

Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-pożizzjoni tal-appellanti, din tal-aħħar hija l-proprjetarja tar-reġistrazzjoni Ewropea tal-metalaxyl u tar-reġistrazzjonijiet nazzjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza.

28

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti tfakkar li hija talbet l-annullament parzjali tar-regolament kontenzjuż peress li dan jikklassifika l-metalaxyl bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni, b’tali mod li jissuġġettah għas-sistema applikabbli għal tali sustanzi stabbilita mir-Regolament Nru 1107/2009. L-appellanti qajmet ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità kontra ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament.

29

Skont l-appellanti, id-digriet appellat, b’mod partikolari fil-punti 23, 35 u 36 tiegħu, fih deskrizzjoni qasira wisq tas-suġġett tal-imsemmi rikors ibbażat fuq deskrizzjoni daqstant limitat tar-regolament kontenzjuż. L-għan ta’ dan tal-aħħar ma huwiex biss li tiġi stabbilita lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, iżda wkoll li dawn is-sustanzi jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet sostantivi li jinsabu fir-Regolament Nru 1107/2009, liema fatt jikkostitwixxi effett immedjat u dirett tal-applikazzjoni tar-regolament kontenzjuż, li ma teħtieġ ebda miżura ta’ implementazzjoni. Fi kliem ieħor, dan ir-regolament jipproduċi huwa stess, b’mod ċert u attwali, effetti konkreti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

30

F’dan ir-rigward, l-appellanti tosserva, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 41 tad-digriet appellat, huwa minnu li t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-metalaxyl, skont ir-Regolament Nru 1107/2009, ser iseħħ fil-futur u li l-Kummissjoni ser ikollha tadotta att ġdid wara t-talba għal tiġdid li ser tippreżenta l-appellanti. Hija ssostni, madankollu, li dan l-att ser jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni mhux tar-regolament kontenzjuż, iżda tal-Artikoli 14 et seq. tar-Regolament Nru 1107/2009, li jirregolaw il-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva.

31

L-appellanti tenfasizza li l-imsemmi att ma huwa ser ikollu l-ebda effett ta’ natura li jissupplimenta jew li jiżviluppa l-istatus ġuridiku tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni u mhux ser jikkontribwixxi sabiex jiġu ddefiniti jew iċċarati r-regoli sostantivi applikabbli għalihom.

32

L-appellanti tenfasizza wkoll il-fatt li r-regolament kontenzjuż għandu bħala effett li jissuġġetta l-metalaxyl għall-approvazzjoni mill-inqas kull seba’ snin, u mhux kull ħmistax-il sena bħal fil-każ tas-sustanzi attivi kandidati għas-sostituzzjoni.

33

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni nazzjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl u li huma l-proprjetà tal-appellanti, ir-regolament kontenzjuż għandu l-effett immedjat li jissuġġetta dawn il-prodotti u l-użu tagħhom għall-evalwazzjoni komparattiva msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 45 tad-digriet appellat, l-Istati Membri jġiegħlu lill-impriżi kkonċernati jħallsu mhux biss l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva, iżda wkoll għat-twettiq fih innifsu tal-evalwazzjoni, billi l-awtoritajiet nazzjonali jillimitaw ruħhom li jadottaw deċiżjoni fuq it-talba għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat. Għaldaqstant, l-appellanti hija obbligata tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-evalwazzjoni komparattiva, indipendentement mir-riżultat finali ta’ din l-evalwazzjoni.

34

Meta kkonstatat, fil-punt 43 tad-digriet appellat, li t-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva ma għandux effett fuq il-fatt li l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq huma mogħtija jew irrifjutati, imġedda, irtirati jew emendati mill-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li l-effett tar-regolament kontenzjuż huwa indipendenti minn kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 50(4) tar-Regolament Nru 1107/2009 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jwettqu evalwazzjoni komparattiva b’mod regolari u mhux iktar tard minn meta l-awtorizzazzjoni tiġi mġedda jew emendata. Għaldaqstant, l-ebda talba għal awtorizzazzjoni jew għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ma hija neċessarja sabiex l-Istat Membru kkonċernat iwettaq evalwazzjoni komparattiva tal-metalaxyl, liema fatt huwa r-riżultat dirett tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

35

It-tielet nett, fil-fehma tal-appellanti, għandha tintlaħaq konklużjoni simili fir-rigward tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-fatt, minħabba l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodott li fih sustanza kandidata għas-sostituzzjoni ma huwiex awtomatiku, kif inhu, għall-kuntrarju, fil-każ ta’ kull sustanza attiva oħra.

36

Ir-raba’ nett, bħal fil-każ tal-att tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-metalaxyl, il-miżuri adottati mill-Istati Membri dwar talba għal rikonoxximent reċiproku jew għal awtorizzazzjoni nazzjonali ma għandhom l-ebda effett la fuq il-klassifikazzjoni tal-metalaxyl bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni u lanqas fuq is-sistema applikabbli għalih skont ir-Regolament Nru 1107/2009.

37

L-appellanti żżid li, l-istess bħall-atti li ser jiġu adottati mill-Kummissjoni, dawk li ser jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jimplementaw ir-regoli speċjali applikabbli għall-metalaxyl ser ikunu miżuri ta’ implementazzjoni mhux tar-regolament kontenzjuż, iżda tar-Regolament Nru 1107/2009.

38

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 5991).

40

Fil-kuntest tal-eżami tat-tieni każ ipotetiku, li sar fil-punti 30 sa 49 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 31 sa 33 ta’ dan id-digriet, li r-regolament kontenzjuż għandu n-natura ta’ att regolatorju fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kuntest ta’ dan l-appell.

41

Għalhekk, il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija dwar jekk, kif issostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 34 sa 49 tad-digriet appellat, li r-regolament kontenzjuż jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fil-konfront tal-appellanti.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qrati. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma kellhiex rimedju ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontriha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Meta l-implementazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni. Meta din l-implementazzjoni tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn tal-aħħar sabiex jagħmlu rinviju, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat il-punt jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, jeħtieġ li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors u, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi li għandhom, skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk dawn il-miżuri għandhomx jew le natura awtomatika (sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 4142, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 46).

48

F’dan il-każ, għandu, fl-ewwel lok, jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett is-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha, b’mod partikolari l-fatt li dan ir-rikors kien intiż għall-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn jissuġġetta l-metalaxyl għal ċerti regoli sostantivi previsti mir-Regolament Nru 1107/2009.

49

Fil-fatt, mill-punti 35 sa 38 tad-digriet appellat jirriżulta li, wara li fakkret li r-regolament kontenzjuż għandu l-għan li jistabbilixxi l-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, il-Qorti Ġenerali osservat li r-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi l-applikazzjoni, għal dawn is-sustanzi, ta’ regoli speċjali, li jidderogaw minn dawk applikabbli għal sustanzi attivi oħra. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 38 tad-digriet appellat, li dawn ir-regoli speċjali jikkonċernaw, l-ewwel nett, l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni kif ukoll it-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni, it-tieni nett, l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi kif ukoll it-tiġdid u l-modifika ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u, it-tielet nett, ir-rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

50

Mill-punti 39 sa 49 tad-digriet appellat jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami fid-dettall ta’ dawn ir-regoli speċjali u kkonkludiet li dawn kienu ta’ natura li jipproduċu l-effetti tagħhom fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti biss permezz ta’ atti adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri.

51

Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li att regolatorju tal-Unjoni jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li ċerti effetti legali tal-imsemmi regolament jimmaterjalizzaw biss permezz ta’ dawn il-miżuri, ma jeskludix li dan ir-regolament jipproduċi, fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, effetti legali oħra, li ma jkunux jiddependu mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

53

F’dan il-każ, għandhom għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tliet kategoriji ta’ regoli speċjali applikabbli għall-metalaxyl imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza u li fuqhom ibbażat ruħha l-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regolament kontenzjuż, minħabba l-fatt li huwa ssuġġetta l-metalaxyl għal dawn ir-regoli, jipproduċix, fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, effetti li ma jiddependux minn kwalunkwe miżura ta’ implementazzjoni.

54

Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-regoli dwar l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni u t-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 39 tad-digriet appellat, li l-metalaxyl kien is-suġġett ta’ approvazzjoni qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-data ta’ skadenza ta’ din l-approvazzjoni ma ġietx affettwata mir-regolament kontenzjuż.

55

Minn dan isegwi, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll fil-punt 39 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, kif prevista fir-Regolament Nru 1107/2009, hija rilevanti fir-rigward tal-appellanti.

56

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 39 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti, l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza kandidata għas-sostituzzjoni tista’ tiġġedded għal massimu ta’ seba’ snin, għad-differenza tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi oħra, li tista’ tiġġedded għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena, skont l-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, minħabba l-inklużjoni tal-metalaxyl fil-lista annessa mar-regolament kontenzjuż, bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni, it-tiġdid tal-approvazzjoni tiegħu tista’ tingħata biss għal perijodu massimu ta’ seba’ snin, u mhux għal perijodu itwal, kif kien ikun il-każ li kieku din is-sustanza ma kinitx ġiet inkluża fl-imsemmija lista.

57

Madankollu, l-effetti legali tar-regolament kontenzjuż relatati mal-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-metalaxyl ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront tal-appellanti, biss permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

58

Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009, b’mod partikolari mill-Artikolu 24(2) tiegħu, jirriżulta li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest tal-appell, il-klassifikazzjoni tal-metalaxyl bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni, mir-regolament kontenzjuż, hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza. Issa, din il-proċedura timplika, l-istess bħall-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva li ma hijiex inkluża fil-lista annessa mar-regolament kontenzjuż, l-adozzjoni ta’ regolament mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

59

Minn dan isegwi, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 41 tad-digriet appellat, li l-effetti tar-regolament kontenzjuż dwar il-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-metalaxyl ser iseħħu fil-konfront tal-appellanti biss permezz tal-adozzjoni eventwali, abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li għalih jirreferi l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ regolament li jġedded għal perijodu massimu ta’ seba’ snin l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza.

60

Għalhekk, jekk l-eventwali piż addizzjonali impost fuq l-appellanti u marbut mal-ħtieġa li l-approvazzjoni tal-metalaxyl tiġġedded iktar spiss jista’ jitqies li huwa effett tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, dan l-effett ser jimmaterjalizza mhux bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda bl-adozzjoni, jekk ikun il-każ, mill-Kummissjoni, ta’ regolament li jġedded l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza.

61

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li regolament tal-Kummissjoni li jġedded l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, bħall-metalaxyl, jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tar-regolament kontenzjuż, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

62

It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni kif ukoll dwar it-tiġdid u l-modifika ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, huwa minnu, kif tosserva l-appellanti, li r-regolament kontenzjuż għandu bħala effett li jissuġġetta l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl għall-proċedura ta’ evalwazzjoni komparattiva, prevista fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009, li fil-kuntest tagħha r-riskji għas-saħħa jew għall-ambjent tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat jiġu mqabbla ma’ riskji simili marbuta ma’ prodott ta’ sostituzzjoni jew ma’ metodu mhux kimiku ta’ prevenzjoni jew ta’ kontroll kontra l-organiżmi ta’ ħsara.

63

Madankollu, l-appellanti ma tistax issostni validament li hija responsabbli li twettaq din l-evalwazzjoni komparattiva u li ġġarrab l-ispejjeż eventwali relatati mat-twettiq tal-imsemmija evalwazzjoni, sabiex b’hekk turi li l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż kellu effetti fil-konfront tagħha, indipendentement mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 42 tad-digriet appellat, mill-Artikolu 50(1) u (4) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għat-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva.

64

Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li jgħid li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri jirrikjedu li d-detenturi ta’ reġistrazzjonijiet nazzjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl jipprovdulhom evalwazzjoni komparattiva, dan ma huwa ta’ ebda sostenn għall-argument tagħha li jgħid li r-regolament kontenzjuż jipproduċi, fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, effetti li ma jiddependux minn miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, l-obbligi li jaqgħu allegatament fuq l-imsemmija detenturi ma jirriżultawx mir-regolament kontenzjuż iżda minn deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

65

Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 43 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti, it-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009 “ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 36(2), l-Artikolu 43(1), l-Artikolu 44(3) u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi huma, jekk ikun il-każ, mogħtija jew irrifjutati, imġedda, irtirati jew emendati rispettivament mill-Istati Membri”.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 44 ta’ dan id-digriet, li l-effetti tar-regolament kontenzjuż relatati mat-twettiq, mill-Istati Membri, ta’ evalwazzjoni komparattiva tar-riskji għas-saħħa jew għall-ambjent tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl meta mqabbla ma’ prodott ta’ sostituzzjoni jew metodu mhux kimiku ta’ prevenzjoni jew ta’ kontroll kontra l-organiżmi ta’ ħsara “ser iseħħu fil-konfront tal-appellanti biss permezz ta’ atti adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” u li “[t]ali atti jikkostitwixxu, għaldaqstant, miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE”.

67

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda r-regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, huwa minnu li l-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li Stat Membru li jirċievi, taħt il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, talba għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza kandidata għas-sostituzzjoni jista’ jawtorizza dawn il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li, barra mill-ipoteżijiet l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 41(2) u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru huwa obbligat, skont l-Artikolu 41(1) tal-imsemmi regolament, joħroġ tali awtorizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

68

Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż għandha l-effett li tnaqqas il-probabbiltà li Stat Membru jilqa’ b’mod favorevoli talba għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-metalaxyl taħt il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru li quddiemu titressaq tali talba għandu jieħu deċiżjoni fuqha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, li huwa irrilevanti jekk tali deċiżjoni għandhiex jew le natura awtomatika.

69

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li l-effetti tar-regolament kontenzjuż relatati mal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza kandidata għas-sostituzzjoni “jikkonċernaw biss il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu fuq talba f’dan is-sens” u li “tali effetti ser iseħħu, jekk ikun il-każ, fil-konfront tal-appellanti biss permezz ta’ atti tal-awtoritajiet nazzjonali li jiddeċiedu dwar it-talbiet għar-rikonoxximent reċiproku mressqa mir-rikorrenti”.

70

Fid-dawl tal-punti 52 sa 69 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li, għalkemm huwa minnu li permezz tal-inklużjoni tal-metalaxyl fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, ir-regolament kontenzjuż issuġġetta din is-sustanza għar-regoli speċjali esposti fil-punt 49 ta’ din is-sentenza u għalhekk ipproduċa effetti legali billi emenda s-sistema legali tal-Unjoni applikabbli għall-metalaxyl, xorta jibqa’ l-fatt li l-appellanti ma wrietx li din l-emenda kellha, fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, effetti li ma jiddependux mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li l-appellanti ma kellhiex locus standi fuq din il-bażi.

71

Din il-konklużjoni ma titqegħidx inkwistjoni mill-argument tal-appellanti, espost fil-punti 30 u 37 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-atti adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għall-metalaxyl, b’mod partikolari, l-att li bih il-Kummissjoni ser twettaq it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza, ma humiex miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament kontenzjuż, iżda tar-Regolament Nru 1107/2009.

72

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-appellanti donnu tissuġġerixxi fl-argument tagħha, l-aħħar frażi tar-raba’ paragafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tirrikjedix, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ implementazzjoni ta’ att regolatorju, li dan l-att jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din il-miżura. L-istess miżura tista’ tkun miżura ta’ implementazzjoni kemm tal-att li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu l-bażi legali tagħha kif ukoll ta’ att separat, bħal f’dan il-każ ir-regolament kontenzjuż, meta l-effetti legali kollha jew parti minnhom ta’ dan l-att tal-aħħar ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront tal-appellanti, biss permezz ta’ din il-miżura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 40).

73

F’din il-kawża, mill-punti 54 sa 70 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-atti li ser jiġu adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għall-metalaxyl, previsti mir-Regolament Nru 1107/2009, ser jipproduċu l-effetti legali tar-regolament kontenzjuż fil-konfront tal-appellanti u ser jikkostitwixxu għalhekk miżuri ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

74

Il-konklużjoni mnissla fil-punt 70 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija invalidata mill-argument, espost fil-punti 31 u 36 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-miżuri adottati eventwalment mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri sabiex irendu effettiva l-applikazzjoni, għall-metalaxyl, ta’ regoli speċjali esposti fil-punt 49 ta’ din is-sentenza ma huwa ser ikollhom l-ebda effett la fuq il-klassifikazzjoni tal-metalaxyl bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni u lanqas fuq is-sistema legali applikabbli għal din is-sustanza stabbilita mir-Regolament Nru 1107/2009.

75

Fil-fatt, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jwarrab il-konstatazzjoni li l-effetti tal-applikazzjoni għall-metalaxyl tar-regoli speċjali mir-Regolament Nru 1107/2009 ser jimmaterjalizzaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tal-appellanti, biss permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament kontenzjuż.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet, fil-punt 49 tad-digriet appellat, li r-regolament kontenzjuż jinkludi, fil-konfront tal-appellanti, miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

77

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 28 u 29 tad-digriet appellat, li hija ma kinitx ikkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż.

79

L-appellanti ssostni li hija kienet l-unika awtur tan-notifika, lill-Kummissjoni, intiża li tinkiseb l-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Hija ressqet ukoll azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li wasslu għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni u għall-adozzjoni tad-Direttiva 2010/28 li permezz tagħha l-metalaxyl ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

80

L-appellanti tallega li, billi kienet l-unika impriża li talbet l-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u, għaldaqstant, l-unika persuna responsabbli għall-imsemmija reġistrazzjoni, li minnha jiddependu, barra minn hekk, ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali kollha eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl, hija kkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż. Dan il-fatt jikkarratterizzaha, fir-rigward tal-metalaxyl, meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra.

81

L-appellanti żżid li mill-premessa 4 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta li dan ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ rapporti ta’ reviżjoni dwar is-sustanzi attivi u li wieħed minn dawn ir-rapporti jsemmi l-fatt li hija kienet l-uniku awtur tan-notifika msemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, hija kkonċernata individwalment minn dan ir-regolament.

82

L-appellanti tqis li d-digriet appellat għandu, għaldaqstant, jiġi annullat u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tistħarreġ jekk hijiex, barra minn hekk, ikkonċernata direttament mir-regolament kontenzjuż.

83

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-issuġġettar tal-metalaxyl għad-dispożizzjonijiet sostantivi previsti mir-Regolament Nru 1107/2009 jimplika l-applikazzjoni, għal din is-sustanza, ta’ kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli għas-sustanzi attivi li ma humiex kandidati għas-sostituzzjoni. Hija tosserva, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza tirriżulta direttament mir-regolament kontenzjuż u li la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali ma jiddisponu, fl-adozzjoni ta’ miżuri li jimplementaw ir-regoli speċjali applikabbli għall-metalaxyl, minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-metalaxyl bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

84

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli, peress li l-appellanti tillimita ruħha li tfakkar li hija ressqet it-talba li wasslet għall-inklużjoni tal-metalaxyl fil-lista tas-sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. L-appellanti ma tqajjimx argumenti li jistgħu juru li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li din iċ-ċirkustanza ma kinitx, waħedha, ta’ natura li tindividwalizzaha u ma tikkontestax speċifikament il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-intervent ta’ persuna fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li tindividwalizzaha fir-rigward tal-att inkwistjoni biss meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tagħtiha ċerti garanziji proċedurali.

85

Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86

Mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argument żviluppat mill-appellanti, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, sabiex turi li hija kkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż, dan l-argument għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat.

87

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 25 tad-digriet appellat, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief jekk din id-deċiżjoni tkun taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93).

88

F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tad-digriet appellat, li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit iktar jew inqas preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm din l-applikazzjoni ssir bis-saħħa ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Il-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew il-Kummissjoni għandhom l-obbligu, skont dispożizzjonijiet speċifiċi, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-att li jkollhom l-intenzjoni jadottaw fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti individwi jista’ jkun ta’ natura li jindividwalizza lil dawn tal-aħħar, meta jintwera li dawn huma affettwati minn dan l-att minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C‑142/00 P, EU:C:2003:217, punti 71 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

F’dan il-każ, is-sempliċi fatt, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, li l-appellanti pparteċipat fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kif espost fil-punti 79 sa 81 ta’ din is-sentenza, ma huwiex ta’ natura li jindividwalizzaha fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 87 sa 89 ta’ din is-sentenza, għal dak li jirrigwarda r-regolament kontenzjuż.

91

B’mod partikolari, l-appellanti bl-ebda mod ma wriet li din il-parteċipazzjoni hija ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 28 tad-digriet appellat, li tgħid li hija kkonċernata mir-regolament kontenzjuż biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħha ta’ importatur ta’ metalaxyl u ta’ bejjiegħ ta’ prodotti li fihom din is-sustanza, l-istess bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fl-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, l-inklużjoni tal-metalaxyl fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni ġiet deċiża mhux billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet partikolari tal-appellanti, iżda, kif jirriżulta mill-punt 9 ta’ dan id-digriet, għar-raġuni li din is-sustanza kellha kontenut kunsiderevoli ta’ isomeri mhux attivi, fis-sens tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 66).

92

Minn dan isegwi li l-argumenti tal-appellanti, imressqa fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, ma juru l-ebda żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fil-punt 29 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kinitx ikkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż.

93

Fl-aħħar nett, peress li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx ikkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet marbuta mal-fatt li persuna għandha tkun kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernata mill-att regolatorju tal-Unjoni li tiegħu jkun qiegħed jintalab l-annullament huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 76), l-argumenti esposti fil-punti 82 u 83 ta’ din is-sentenza, dwar jekk l-appellanti hijiex ikkonċernata direttament mir-regolament kontenzjuż, huma ineffettivi u għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

94

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

95

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 50 sa 58 tad-digriet appellat, li ċ-ċaħda tar-rikors tagħha bħala inammissibbli ma kinitx ċaħditha minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

96

L-appellanti ssostni li hija la ma tista’ tikkontesta miżura ta’ implementazzjoni nazzjonali tar-regolament kontenzjuż u lanqas tqiegħed inkwistjoni l-effetti ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, sakemm is-sostituzzjoni tal-metalaxyl ma tiġix deċiża minn awtorità nazzjonali, din is-sustanza għandha tkun suġġetta għal evalwazzjonijiet komparattivi perijodiċi li l-appellanti ma tkunx tista’ tikkontesta minħabba nuqqas ta’ interess leġittimu f’li jiġi kkontestat att li jkun favorevoli għaliha. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) u t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) qiesu wkoll li rikorrent la ma kellu interess ġuridiku u lanqas locus standi, meta d-deċiżjoni li huwa jikkontesta ma tikkawżalux preġudizzju.

97

Għaldaqstant, l-appellanti hija obbligata tikkawża l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex tkun tista’ tressaq rikors kontra din id-deċiżjoni u tikkontesta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-klassifikazzjoni tal-metalaxyl bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

98

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli peress li l-appellanti tikkuntenta ruħha li tirrepeti l-argumenti tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza li jgħidu li hija ġiet imċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma tikkritika t-tweġiba tal-Qorti Ġenerali għal dawn l-argumenti, kif esposta fil-punti 50 sa 59 tad-digriet appellat.

99

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, hemm lok, fi kwalunkwe każ, li dan jiġi miċħud bħala infondat.

101

B’mod partikolari, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat FUE (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

102

Madankollu, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, it-Trattat FUE stabbilixxa, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

103

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-individwi għandhom, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, billi jeċċepixxu l-invalidità ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104

Minn dan isegwi li r-rinviju għal evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta qorti nazzjonali tqis li motiv wieħed jew iktar ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, ikunu fondati, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106

Fir-rigward tal-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107

Dan l-obbligu tal-Istati Membri ġie kkonfermat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li dawn “għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. Tali obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda mill-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 48 sa 76 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata ġustament li r-regolament kontenzjuż jinkludi fil-konfront tal-appellanti miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

109

Konsegwentement, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 101 sa 107 ta’ din is-sentenza u esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 51 sa 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 58 ta’ dan id-digriet, li kellu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li jgħid li ċ-ċaħda, bħala inammissibbli, tar-rikors tagħha għal annullament kontra r-regolament kontenzjuż tippreġudika d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, għalkemm, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-appellanti tista’ biss tikkontesta direttament ir-regolament kontenzjuż quddiem il-qorti tal-Unjoni, hija tista’, għall-kuntrarju, issostni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali kontra att ta’ Stat Membru li jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tal-imsemmi regolament, l-invalidità ta’ dan tal-aħħar u twassal lil din il-qorti sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, permezz ta’ domandi preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 59).

110

Barra minn hekk, l-appellanti tista’, jekk ikun il-każ, tikkontesta regolament tal-Kummissjoni li jġedded l-approvazzjoni tal-metalaxyl quddiem il-qrati tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tikkontesta l-validità tar-regolament kontenzjuż permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra dan tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, sabiex, b’mod partikolari, tqiegħed inkwistjoni l-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-metalaxyl.

111

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

113

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

114

Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Industrias Químicas del Vallés SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq