EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0270

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Jannar 2018.
Carlos Enrique Ruiz Conejero vs Ferroser Servicios Auxiliares SA u Ministerio Fiscal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social de Cuenca.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(i) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki meta dawn ikunu ġġustifikati – Assenzi ta’ impjegat dovuta għal mard imputabbli għal diżabbiltà tiegħu – Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol – Natura xierqa – Proporzjonalità.
Kawża C-270/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:17

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(i) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki meta dawn ikunu ġġustifikati – Assenzi ta’ impjegat dovuta għal mard imputabbli għal diżabbiltà tiegħu – Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol – Natura xierqa – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-270/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 1 de Cuenca (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Cuenca, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Carlos Enrique Ruiz Conejero

vs

Ferroser Servicios Auxiliares SA,

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ruiz Conejero, minn J. Martínez Guijarro u M. de la Rocha Rubí, abogados,

għal Ferroser Servicios Auxiliares SA, minn J. A. Gallardo Cubero, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Carlos Enrique Ruiz Conejero u Ferroser Servicios Auxiliares SA u Ministerio Fiscal (il-Ministeru Pubbliku, Spanja) dwar il-legalità tat-tkeċċija tiegħu li saret wara assenzi ġġustifikati mix-xogħol.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 11, 12, 16, 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78:

“(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, disabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti it-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, disabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom jkunu pprojbiti fil-Komunità kollha.[…]

[…]

(16)

Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

(17)

Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu provduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

[…]

(20)

Għandhom jiġu provduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-disposizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

(21)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri in kwistjoni jikkawżawx piż sproprzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistabbilixxi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn disposizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

6

L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

Id-dritt Spanjol

7

Skont l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni:

“Iċ-ċittadini Spanjoli huma ugwali quddiem il-liġi u ma tista’ tiġi ammessa l-ebda diskriminazzjoni abbażi tat-twelid, tar-razza, tas-sess, tar-reliġjoni, l-opinjoni jew fuq xi kundizzjoni jew ċirkustanza oħra personali jew soċjali.”

8

L-Artikolu 4 tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“istatut tal-ħaddiema”), jistabbilixxi dan li ġej fil-paragrafu 2(c) tiegħu:

“Fir-relazzjoni lavorattiva, l-impjegati għandhom dritt:

[…]

ċ)

li ma jiġux iddiskriminati direttament jew indirettament waqt ir-reklutaġġ, jew fil-kors tal-impjieg tagħhom, minħabba s-sess, l-istat ċivili, l-età fil-limiti stabbiliti minn din il-liġi, ir-razza jew l-oriġini etnika, l-istatus soċjali, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjonijiet politiċi, l-orjentament sesswali, is-sħubija jew in-nuqqas ta’ sħubija f’sindakat, kif ukoll minħabba l-lingwa tagħhom, fit-territorju Spanjol.

Il-ħaddiema lanqas ma għandhom jiġu ddiskriminati minħabba d-diżabbiltà tagħhom, sakemm ikollhom il-kapaċità li jwettqu x-xogħol jew l-impjieg inkwistjoni.”

9

L-Artikolu 52 tal-istatut tal-ħaddiema, dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt għal raġunijiet oġġettivi, jipprovdi, fil-punt (d) tiegħu:

“Il-kuntratt jista’ jiġi tterminat:

[…]

d)

Għal assenzi mix-xogħol, għalkemm iġġustifikati imma intermittenti, li jammontaw għal 20 % tas-sigħat ta’ xogħol f’żewġ xhur konsekuttivi sakemm l-assenzi totali fit-12-il xahar preċedenti jammontaw għal 5 % tas-sigħat tax-xogħol jew 25 % tas-sigħat ta’ xogħol f’erba’ xhur mhux konsekuttivi f’perijodu ta’ 12-il xahar.

Dawn li ġejjin ma għandhomx jgħoddu bħala assenzi mix-xogħol għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti: assenzi minħabba azzjoni industrijali għat-tul ta’ dik l-azzjoni, min jaġixxi bħala rappreżentant tal-ħaddiema, inċident fuq il-post tax-xogħol, maternità, riskju matul it-tqala u treddigħ, mard ikkawżat mit-tqala, twelid jew treddigħ, paternità, leave u festi, leave tal-mard jew minħabba inċident li ma jirriżultax mix-xogħol fejn l-assenza tkun miftiehma mis-servizzi tas-saħħa uffiċjali u ddum iktar minn 20 jum konsekuttiv jew fejn l-assenza hija kkawżata mis-sitwazzjoni fiżika jew psikoloġika li tirriżulta minn vjolenza bbażata fuq differenza fis-sess, iċċertifikata mis-servizzi tal-kura soċjali jew is-servizzi tas-saħħa, skont il-każ,

Lanqas ma għandhom jgħoddu l-assenzi għal kura medika għall-kanċer jew marda gravi.”

10

L-Artikolu 2 tar-Real Decreto Legislativo 1/2013, por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2013, li jirriformula l-liġi ġenerali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-integrazzjoni soċjali tagħhom), tad-29 ta’ Novembru 2013 (BOE Nru 289, tat-3 ta’ Diċembru 2013, p. 95635), tinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament:

a)

‘diżabbiltà’ tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom inkapaċitajiet ta’ natura dewwiema li flimkien ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

[…]

d)

diskriminazzjoni indiretta: teżisti d-diskriminazzjoni indiretta jekk dispożizzjoni legali jew regolatorja, klawżola fi ftehim jew f’kuntratt, ftehim individwali, deċiżjoni unilaterali, kriterju jew prattika, jew l-ambjent, prodott jew servizz, apparentement newtrali, jistgħu joħolqu żvantaġġ partikolari għal persuna waħda meta mqabbla ma’ oħrajn, abbażi ta’ jew minħabba d-diżabbiltà tagħha, iżda dawn ma għandhomx jissodisfaw, oġġettivament, għan leġittimu u li l-mezzi użati sabiex jintlaħaq dak l-għan ma humiex xierqa u meħtieġa.”

11

L-Artikolu 40 ta’ din id-digriet, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu jew sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi okkażjonati mid-diżabbiltà bħala garanzija tal-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol, jipprovdi:

“1.   Sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jostakolax iż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi maħsuba sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi okkażjonati mid-diżabbiltà.

2.   Il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jadattaw il-post tax-xogħol u jtejbu l-aċċessibilità tal-post tax-xogħol wara li jikkunsidraw il-ħtiġijiet li jinqalgħu f’kull każ individwali sabiex il-persuni b’diżabbiltà jitħallew ikollhom aċċess għall-impjieg, biex iwettqu x-xogħol tagħhom, biex jiġu promossi u li jkollhom aċċess għat-taħriġ, sakemm dawn il-miżuri ma jpoġġux piż eċċessiv fuq il-persuna li timpjega.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-piż huwiex eċċessiv, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwiex ristrett sa livell suffiċjenti mill-miżuri, l-assistenza u s-sussidji li japplikaw għal persuni b’diżabbiltà u biex jitqiesu l-ispejjeż finanzjarji u spejjeż oħra marbuta ma’ dawk il-miżuri u l-iskala tal-impriża jew l-organizzazzjoni u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fit-2 ta’ Lulju 1993, C. Ruiz Conejero ġie impjegat bħala fattiga fl-isptar ta’ Cuenca (Spanja), li taqa’ taħt ir-reġjun ta’ Castille-la Manche (Spanja). Huwa kien impjegat l-aħħar f’dan il-post mill-impriża tat-tindif Ferroser Servicios Auxiliares.

13

C. Ruiz Conejero ħadem mingħajr diffikultajiet kemm għal din l-impriża kif ukoll għal dawk li impjegawh preċedentment. Huwa la qatt iffaċċja problemi fuq ix-xogħol u lanqas ma ġie suġġett għal xi sanzjoni.

14

Mill-kliem stess tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2014, id-delegación de Cuenca de la Consejería de Salud y Asuntos Sociales de la Junta de Comunidades de Castilla-La Mancha (l-Uffiċċju Lokali tal-Ministeru reġjonali għas-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali tal-Gvern ta’ Castilla-La Mancha) ikkonstata li C. Ruiz Conejero kien sofra minn diżabbiltà. Ir-rata ta’ invalidità tiegħu kienet dik ta’ 37 %, li minnha 32 % kienet diżabbiltà fiżika ikkaratterizzata minn marda li tolqot is-sistema endokrino-metabolika (obeżità) u minn limitazzjoni funzjonali tas-sinsla tad-dahru, filwaqt li r-rimanenti 5 % jikkostitwixxu d-diżabbiltà tiegħu li tirriżulta minn fatturi soċjali annessi.

15

Bejn is-sena 2014 u s-sena 2015, C. Ruiz Conejero sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità fis-segwenti perijodi:

mill-1 sas-17 ta’ Marzu 2014 minħabba uġigħ akut li kien jeħtieġ li jiddaħħal fl-isptar mis-26 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2014;

mis-26 sal-31 ta’ Marzu 2014 minħabba sturdament/dardir;

mis-26 ta’ Ġunju sal-11 ta’ Lulju 2014 minħabba lumbaġni;

mid-9 sat-12 ta’ Marzu 2015 minħabba lumbaġni;

mill-24 ta’ Marzu sas-7 ta’ April 2015 minħabba lumbaġni; u

mill-20 sat-23 ta’ April 2015 minħabba sturdament/dardir.

16

Skont id-dijanjożi magħmula mis-Servicios Médicos de la Sanidad Pública (dipartimenti mediċi tas-saħħa pubblika, Spanja), dawn il-problemi tas-saħħa ġew ikkawżati minn mard tal-ġogi deġenerattiv u l-polijartrożi, aggravat bl-obeżità ta’ C. Ruiz Conejero. Minn dan dawn id-dipartimenti kkonkludew li l-imsemmija problemi kienu joriġinaw mill-patoloġiji li wasslu għar-rikonoxximent tad-diżabbiltà ta’ C. Ruiz Conejero.

17

Dan tal-aħħar avvża lill persuna li timpjegah bil- waqfiet kollha tiegħu minħabba l-mard imsemmija fil-punt 15 tas-sentenza odjerna b’osservanza tat-termini u l-forom rikjesti, permezz ta’ ċertifikati mediċi li jispeċifikaw ir-raġuni għal dawn il-waqfiet kif ukoll it-tul tagħhom.

18

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2015, Ferroser Servicios Auxiliares informat lil C. Ruiz Conejero bit-tkeċċija tiegħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, peress li t-tul tal-assenzi akkumulati tiegħu, anki jekk iġġustfikati, kienu eċċedew il-massimu previst minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri 20 % tal-jiem ta’ xogħol matul ix-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2015, u għaldaqstant li t-total tal-assenzi ta’ dan tal-aħħar matul it-tnax-il xahar preċedenti kienu eċċedew il-5 % ta’ jiem ta’ xogħol.

19

C. Ruiz Conejero ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Cuenca (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Cuenca).

20

C. Ruiz Conejero ma jikkontestax il-veraċità u l-eżattezza tal-informazzjoni marbuta mal-assenzi tiegħu, u lanqas il-perċentwali li dawn jirrappreżentaw, iżda jeċepixxi l-fatt li teżisti rabta diretta bejn l-imsemmija assenzi u s-sitwazzjoni tiegħu ta’ persuna b’diżabbiltà. Huwa jitlob l-annullament tat-tkeċċija tiegħu peress li din tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li C. Ruiz Conejero rrinunzja minn jeddu għall-eżamijiet mediċi perjodiċi organizzati mill-kumpannija tal-assigurazzjoni tal-persuna li tħaddmu, b’tali mod li din tal-aħħar ma kinitx taf li C. Ruiz Conejero kien isofri minn diżabbiltà fid-data li fiha huwa tkeċċa.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, l-impjegati b’diżabbiltà, meta mqabbla ma’ impjegati oħra, huma iktar esposti għar-riskju li jiġi applikat fil-konfront tagħhom l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, irrispettivament mill-fatt dwar jekk il-persuna li tħaddimhom tkunx konxja jew le minn din is-sitwazzjoni ta’ diżabbiltà. B’hekk kienet teżisti inugwaljanza fit-trattament li tinvolvi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, u din l-inugwaljanza fit-trattament ma tistax tiġi oġġettivament iġġustfikata minn għan leġittimu, kif rikjest mill-punt i) ta’ din id-dispożizzjoni.

23

Il-Qorti tar-rinviju tindika li hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 minħabba l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222). Hija tenfasizza li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Daniża kienet taqa’ taħt politika ta’ integrazzjoni tal-impjegati b’diżabbiltà u kellha l-għan li tħeġġeġ lill-persuni li jħaddmu sabiex jirreklutaw impjegati li jkunu suġġetti għal riskju partikolari li jkollhom jieħdu leave tal-mard b’mod ripetut. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, li fiha ma jeżisti l-ebda għan oġġettiv leġiżlattiv għall-integrazzjoni ta’ impjegati b’diżabbiltà. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema ma huwiex konformi mad-Direttiva 2000/78, u li din id-dispożizzjoni kellha, konsegwentement, tinbidel sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ diżabbiltà.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 1 de Cuenca (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Cuenca, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża għandha d-dritt tkeċċi lil ħaddiem għal raġunijiet oġġettivi, minħabba nuqqas[ijiet] ta’ preżenza fil-post tax-xogħol, anki jekk ġustifikati, iżda [intermittenti], li jammonta[w] għal 20 % tal-ġranet ta’ xogħol f’xahrejn konsekuttivi meta t-total tan-nuqqasijiet ta’ preżenza fit-tnax-il xahar preċedenti jammonta għal 5 % tal-ġranet tax-xogħol, jew għal 25 % f’erba’ xhur mhux konsekuttivi fuq perijodu ta’ tnax-il xahar, fil-każ ta’ ħaddiem li għandu jitqies li huwa diżabbli fis-sens tad-Direttiva meta l-assenza mix-xogħol tkun ġiet ikkawżata mid-diżabbiltà?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li tħaddem tista’ tkeċċi impjegat fuq il-bażi ta’ assenzi intermittenti mix-xogħol anki jekk dawn ikunu ġġustifikati, inkluż fis-sitwazzjoni li fiha l-assenzi jkunu kkaġunati minn mard imputabbli għad-diżabbiltà li jkun ibati minnha dan l-impjegat.

26

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl tas-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222), u, għaldaqstant, fuq il-konformità tal-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema mad-dritt tal-Unjoni.

27

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda, f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom hemm id-diżabbiltà. Konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, għall-persuni kollha, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

28

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal limitazzjoni fil-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi durabbli, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali b’mod ugwali bħall-ħaddiema l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C-406/15, EU:C:2017:198, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, fil-każ li, f’ċirkustanzi partikolari, l-istat tal-obeżità ta’ impjegat partikolari jwassal għal limitazzjoni tal-kapaċità bħal dik prevista fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tali stat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C-354/13, EU:C:2014:2463, punt 59).

30

Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-obeżità tal-persuna impjegata tkun tostakola l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-ħajja professjonali b’mod ugwali bħall-ħaddiema l-oħra minħabba mobilità mnaqqsa jew il-preżenza, f’din il-persuna, ta’ patoloġiji li jostakolaw it-twettiq tax-xagħol tagħha jew li jwasslu għal ostakolu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C-354/13, EU:C:2014:2463, punt 60).

31

Fil-każ odjern, il-qorti tar-rinviju tindika li C. Ruiz Conejero ġie rikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-dritt nazzjonali, qabel it-tkeċċija tiegħu. F’dan ir-rigward, l-istess qorti tesponi li C. Ruiz Conejero jsofri minn marda li tolqot is-sistema endokrino-metabolika, jiġifieri obeżità, u minn limitazzjoni funzjonali tas-sinsla tad-dahru.

32

Madankollu, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-fatt li C. Ruiz Conejero ġie rrikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-dritt nazzjonali, ma jfissirx dritt li huwa jsofri minn diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

33

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni li jinsab fiha C. Ruiz Conejero taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar għandhiex tiġi kklassifikata bħala diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-direttiva, skont kif dan ġie ddefinit fil-punt 28 tas-sentenza odjerna.

34

Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jinftiehem bħala “li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1”.

35

F’dan il-każ, l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jistabbilixxi li kuntratt ta’ impjieg jista’ jiġi rexiss għar-raġuni bbażata fuq assenzi intermittenti mix-xogħol, anki jekk dawn ikunu ġġustifikati, li jkunu jirrappreżentaw 20 % tal-jiem ta’ xogħol matul xahrejn konsekuttivi, meta t-total tal-assenzi matul it-tnax-il xahar preċedenti jammonta għal 5 % tal-jiem tax-xogħol jew 25 % matul erba’ xhur mhux konsekuttivi fuq perijodu ta’ tnax-il xahar.

36

Jeħtieġ li jitfakkar li trattament żvantaġġuż ibbażat fuq diżabbiltà ma jmurx kontra l-protezzjoni prevista fid-Direttiva 2000/78 sa fejn din tikkostitwixxi diskriminazzjoni skont l-Artikolu 2(1) tagħha. Fil-fatt, il-ħaddiem b’diżabbiltà li huwa kopert minn din id-direttiva għandu jkun protett minn kull diskriminazzjoni b’paragun ma’ ħaddiem li ma għandux diżabbiltà. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħetx tipproduċi diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 71).

37

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema japplika b’mod identiku għall-persuni b’diżabbiltà u għall persuni mhux b’diżabbiltà li jkunu assenti mix-xogħol. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni toħloq inugwaljanza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, sa fejn din hija bbażata fuq kriterju li ma huwiex marbut inseparabbilment mad-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punti 7274, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C-406/15, EU:C:2017:198, punt 42).

38

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jistax iwassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-jiem ta’ assenza minħabba mard marbut mad-diżabbiltà fil-kalkolu tal-jiem ta’ assenza minħabba mard iwassal għall-assimilazzjoni ta’ marda marbuta ma’ diżabbiltà mal-kunċett ġenerali tal-mard. Issa, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 44 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C-13/05, EU:C:2006:456), assimilazzjoni pura u sempliċi tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” ma’ dak ta’ “mard” hija eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 75).

39

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li impjegat b’diżabbiltà, meta mqabbel ma’ impjegat mingħajr diżabbiltà, huwa iktar espost għar-riskju li jiġi applikat fil-konfront tiegħu l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema. Fil-fatt, b’paragun ma’ ħaddiem mingħajr diżabbiltà, ħaddiem b’diżabbiltà huwa espost għal riskju addizzjonali ta’ marda marbuta mad-diżabbiltà tiegħu. B’dan il-mod huwa espost għal riskju ikbar li jakkumula l-jiem ta’ assenza minħabba mard u, għaldaqstant, li jilħaq il-limiti previsti fl-Artikolu 5(2)(d) tal-istatut tal-ħaddiema. Jidher għalhekk li r-regola prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiżvantaġġa lill-ħaddiema b’diżabbiltà u għalhekk twassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 76).

40

Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-impjegati b’diżabbiltà u l-impjegati mhux b’diżabbiltà li tirriżulta mill-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema hijiex oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu, jekk il-mezzi implementati sabiex jitwettaq dan l-għan humiex adegwati u jekk jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-leġiżlatur Spanjol.

41

Fir-rigward tal-għan previst fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, il-gvern Spanjol jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, bil-ħsieb li tiżdied il-produttività u l-effikaċja fix-xogħol, l-assenteiżmu mix-xogħol, li jammanifesta ruħu f’leave tal-mard intermittenti ta’ tul qasir, ilu żmien twil jitqies mil-leġiżlatur Spanjol bħala kawża tal-estinsjoni tar-relazzjoni lavorattiva, u dan sabiex tiġi evitata żieda indebita tal-ispiża tax-xogħol għall-impriżi.

42

F’dan ir-rigward, skont il-Gvern Spanjol, b’konsegwenza ta’ din l-excesiva morbilidad intermitente (morbidità intermittenti eċċessiva), l-impriżi jkollhom jerfgħu mhux biss l-ispejjeż diretti tal-assenza mix-xogħol, bil-ħlas ta’ allowance tas-sigurtà soċjali għall-inkapaċità temporanja matul l-ewwel ħmistax-il jum ta’ inattività mingħajr il-possibbiltà li titlob ir-rimbors tagħha mit-teżorerija ġenerali tas-sigurtà soċjali, li magħhom jiżdied l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni, iżda wkoll l-ispiża indiretta, ikkostitwita mid-diffikultà partikolari sabiex jinstabu supplenti għal assenzi ta’ żmien qasir.

43

Għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li l-ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol tista’ titqies bħala għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i), tad-Direttiva 2000/78, peress li din hija miżura li taqa’ taħt il-politika tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 82).

45

Madankollu, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-mezzi implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jitwettaq dan l-għan humiex adegwati u jekk dawn jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

46

F’dan ir-rigward, minn naħa, fl-eżami tan-natura adegwata tal-mezzi implementati, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-figuri previsti fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema humiex effettivament iddiżinjati sabiex jindirizzaw l-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol, mingħajr ma jkopru assenzi li huma sempliċiment okkażjonali u sporadiċi.

47

Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi l-l-oħra kollha li huma rilevanti għal din il-verifika, b’mod partikolari l-ispejjeż diretti u indiretti li għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi minħabba l-assenteiżmu mix-xogħol.

48

Huwa wkoll kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, billi jipprovdi għad-dritt ta’ tkeċċija tal-impjegati li jkunu assenti mix-xogħol b’mod intermittenti minħabba mard matul ċertu numru ta’ jiem, għandux, fir-rigward tal-persuni li jħaddmu, effett li jinkoraġġixxi r-reklutaġġ jew iż-żamma fis-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 88).

49

Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi eżaminat jekk il-mezzi previsti fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti, din id-dispożizzjoni għandha tiġi sostitwita fil-kuntest li fih hija tinsab u li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu li hija tista’ toħloq lill-persuni intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlatur Spanjol naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-impjegati b’diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 90).

51

Fl-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-mezzi previsti mill-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, jeħtieġ ukoll li ma jitħalliex barra r-riskju sostnut mill-persuna milquta minn diżabbiltà, li b’mod ġenerali jiffaċċjaw iktar diffikultajiet mill-impjegati li ma humiex hekk milquta minn diżabbiltà sabiex jirrintegraw fis-suq tax-xogħol u għandhom bżonnijiet speċifiċi marbuta mal-protezzjoni li jirrikjedi l-istat tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 91).

52

Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, ma humiex meqjusa bħala assenzi intermittenti mix-xogħol li abbażi tagħhom jista’ jiġi xolt il-kuntratt ta’ xogħol, b’mod partikolari, il-leave tal-mard jew minħabba inċidenti li ma jirriżultawx mix-xogħol meta l-leave ikun ingħata mid-dipartimenti tas-saħħa offiċjali u jkun għal perijodu li ma jeċċedix għoxrin jum konsekuttiv. Lanqas ma huma meqjusa bħala assenzi dawk li jkunu konsegwenza ta’ trattament mediku ta’ kanċer jew ta’ mard gravi.

53

Skont il-Gvern Spanjol, il-leġiżlatur nazzjonali b’hekk kellu l-intenzjoni li jżomm bilanċ bejn l-interessi tal-impriżi u l-protezzjoni u s-sigurtà tal-impjegati, billi jevita li din il-miżura tipproduċi sitwazzjonijiet inġusti jew effeti kuntrarji. Din hija r-raġuni għalfejn ċerti assenzi, bħal dawk dovuti għal mard deskritt fil-punt preċedenti tas-sentenza odjerna, ma setgħux iservu bħala bażi għal deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi ta’ assenzi intermittenti mix-xogħol. Matul is-sena 2012, il-leġiżlatur Spanjol żied mal-lista ta’ assenzi li ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni għal tkeċċija dawk li jirriżultaw bħala konsegwenza ta’ trattament mediku għal kanċer jew mard gravi ieħor. Issa, l-impjegati b’diżabbiltà normalment ġeneralment isibu ruħhom f’ċerti minn dawn il-każijiet, b’tali mod li, f’tali każijiet, l-assenzi imputabbli għal diżabbiltà ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tkeċċija minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol.

54

Hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jipprovdi li ċerti assenzi ma jistgħux jitqiesu bħala assenzi intermittenti mix-xogħol li abbażi tagħhom il-kuntratt jista’ jiġi xolt, l-assenzi mix-xogħol li huma dovuti għal mard tal-impjegat ma jkoprux is-sitwazzjonijiet kollha ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

55

Kif irrileva l-Gvern Spanjol, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzoni fl-evalwazzjoni msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, hemm inkluża l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, ta’ dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jipproteġu b’mod speċifiku il-persuni b’diżabbiltà, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 40 tad-digriet leġiżlattiv 1/2013, iċċitat fil-punt 11 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet jistgħu jipprevjenu jew jagħmlu tajjeb għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mid-diżabbiltà, inkluż il-preżenza ta’ mard marbut mad-diżabbiltà.

56

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, jekk il-mezzi previsti fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li tħaddem tista’ tkeċċi impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki jew dawn ikunu ġġustifikati, fis-sitwazzjoni li dawn l-assenzi jkunu l-konsegwenza ta’ mard imputabbli lid-diżabbiltà li tkun tolqot lil dan l-impjegat, dment li din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li ssegwi l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li tħaddem tista’ tkeċċi impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki jew dawn ikunu ġġustifikati, fis-sitwazzjoni li dawn l-assenzi jkunu l-konsegwenza ta’ mard imputabbli lid-diżabbiltà li tkun tolqot lil dan l-impjegat, dment li din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li ssegwi l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq