EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0651

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-7 ta’ Marzu 2018.
DW vs Valsts sociālās apdrošināšanas aģentūra.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Allowance tal-maternità – Kalkolu tal-ammont fuq il-bażi tad-dħul tal-persuna assigurata matul perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il xahar – Persuna li kienet, matul dan il-perijodu, fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar tal-ammont inkwistjoni għal 70 % tal-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni – Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
Kawża C-651/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:162

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

7 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Allowance tal-maternità – Kalkolu tal-ammont fuq il-bażi tad-dħul tal-persuna assigurata matul perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il xahar – Persuna li kienet, matul dan il-perijodu, fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar tal-ammont inkwistjoni għal 70 % tal-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni – Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑651/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-9 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-19 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

DW

vs

Valsts sociālās apdrošināšanas aģentūra,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DW, minnha nnifisha,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u A. Bogdanova, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Naglis u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DW u l-Valsts sociālās apdrošināšanas aģentūra’ (l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, il-Latvja), fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-allowance tal-maternità li kellha tagħtiha.

Il-kuntest ġuridiku

3

L‑Artikolu 31 tal-Likums “Par maternitātes un slimības apdrošināšanu” (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 182, p. 465) tipprevedi, fil-paragrafi 1, 6 u 7 tagħha:

“1)   Il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali mħallas mill-Istat għandha tiġi stabbilita skont il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ persuna relatata mal-perijodu ta’ 12-il xahar tal-kalendarju li jintemm 2 xhur tal-kalendarju qabel ix-xahar li matulu jseħħ ir-riskju assigurat […]

[…]

6)   Jekk, matul parti mill-perijodu meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 […], il-persuna assigurata ma kinitx ġiet irreġistrata inkwantu affiljata mas-sigurtà soċjali nazzjonali jew fil-fatt kienet ħadet leave mingħajr ħlas, […] il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni relatata ma’ din il-parti ta’ perijodu, kif ukoll mal-parti ta’ perijodu li matulu l-persuna ma kellhiex bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni minħabba leave mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni tal-leave mingħajr ħlas mogħti sabiex tieħu ħsieb minuri, hija ugwali, għall-kalkolu tal-allowance tal-maternità jew tal-paternità, għal 70 % tal-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni fix-xahar stabbilita fl-Istat.

7)   Jekk, matul parti mill-perijodu meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 […], il-persuna assigurata ma kellhiex bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni minħabba inkapaċità għax-xogħol, minħabba leave tat-tqala u tal-maternità, minħabba leave tal-paternità, minħabba leave mingħajr ħlas, mogħti sabiex tieħu ħsieb minuri, jew minħabba leave parentali, il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni hija ugwali għal dik tal-perijodu ta’ referenza mnaqqas bi ġranet ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, b’leave tat-tqala jew tal-maternità, b’leave parentali, b’leave mingħajr ħlas mogħti sabiex tieħu ħsieb minuri u b’leave parentali.”

4

Skont l‑Artikolu 7 tal-Ministru Kabineta noteikumi Nr. 270 “Vidējās apdrošināšanas iemaksu algas aprēķināšanas kārtība un valsts sociālās apdrošināšanas pabalstu piešķiršanas, aprēķināšanas un izmaksas kārtība” (id-Digriet Nru 270 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar il-Modalitajiet għall-Kalkolu tal-Bażi Medja ta’ Kontribuzzjoni ta’ Assigurazzjoni u dwar il-Modalitajiet għall-Għoti, għall-Kalkolu u għall-Ħlas tal-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali Nazzjonali), tas-27 ta’ Lulju 1998 (Latvijas Vēstnesis 1998, Nru 223/224, p. 1284):

“7.   Biex tiġi kkalkolata l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni ta’ ħaddiem impjegat, tiġi inkluża fil-bażi ta’ kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni l-bażi ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni kollha li l-ħaddiem impjegat ikun irċieva matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard:

7.1.

inkwantu ħaddiem impjegat

7.1.1.

minn persuna li timpjegah li magħha, fil-jum meta jseħħ ir-riskju assigurat, il-persuna impjegata kienet tinsab f’waħda mir-relazzjonijiet legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-liġi dwar is-sigurità soċjali li jiġġustifikaw il-ġbir ta’ bażi ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni.”

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“Il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet hija kkalkolata skont il-formula li ġejja:

Vd = (A1 + A2 + … + A12)/D, li fiha

Vd = il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għal kull jum tal-kalendarju […]

A1, A2 … = l-ammont tal-bażi ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ attività bħala persuna impjegata tax-xahar korrispondenti tal-perijodu ta’ 12-il xahar imsemmi fl-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard, bl-esklużjoni ta’ primjums, bonuses, allowances u forom ta’ remunerazzjonijiet oħra li l-persuna li timpjega tkun ħallset lill-persuna konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv jew ta’ kuntratt ta’ xogħol matul inkapaċità temporanja għax-xogħol, leave tat-tqala u tal-maternità, leave parentali jew leave mingħajr ħlas mogħti sabiex tieħu ħsieb minuri;

D = in-numru ta’ jiem tal-kalendarju tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard, bl-esklużjoni ta’ jiem tal-kalendarju ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol li kienet tat lok għall-ħlas ta’ benefiċċju tal-mard, ta’ leave tat-tqala u tal-maternità, ta’ leave parentali, ta’ leave mingħajr ħlas mogħti sabiex tieħu il-persuna ħsieb minuri u leave parentali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Fit-2 ta’ Jannar 2014, DW talbet lill-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali l-għoti ta’ allowance tal-maternità matul il-leave tat-tqala tagħha. Fit-2 ta’ April 2014, hija talbet ukoll il-benefiċċju ta’ din l-allowance għat-tul tal-leave tal-maternità tagħha.

7

L-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali tat l-imsemmija allowance għall-perijodi, rispettivament, mit-2 ta’ Jannar sal-12 ta’ Marzu 2014 u mit-13 ta’ Marzu sal-21 ta’ Mejju 2014. L-allowance tal-maternità ġiet stabbilita sa limitu ta’ 80 % tal-bażi medja ta’ kontribuzzjoni kkalkolata għal kull jum kalendarju, stabbilita skont dħul miksub minn DW matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar tal-kalendarju mill-1 ta’ Novembru 2012 sal-31 ta’ Ottubru 2013 u n-numru ta’ jiem tal-kalendarju ta’ dan il-perijodu. Peress li, fuq il-perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il xahar, DW ħadmet matul ħdax‑il xahar ma’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ma kinitx ġiet irreġistrata bħala ħaddiema impjegata fil-Latvja, l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, skont l-Artikolu 31(6) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard, stabbilixxiet il-bażi ta’ kontribuzzjoni għal kull wieħed minn dawn ix-xhur għal 70 % tal-bażi medja ta’ kontribuzzjoni stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri għal EUR 395.70. Min-naħa l-oħra, għax-xahar meta DW kienet irreġistrata bħala ħaddiema impjegata u kienet ħallset il-kontribuzzjonijiet fil-Latvja, ittieħdet inkunsiderazzjoni bażi medja ta’ kontribuzzjoni effettiva ta’ dan ix-xahar, jiġifieri EUR 1 849.73.

8

DW ressqet talba quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) intiża sabiex jinkiseb kalkolu ġdid tal-ammont tal-allowance tagħha. Din il-qorti laqgħet din it-talba billi bbażat ruħha kemm fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) kif ukoll fuq dawk tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

9

L-appell ippreżentat mill-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ntlaqa’ mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja). Din il-qorti qieset li r-Regolament Nru 883/2004, fejn jingħaddu flimkien il-perijodi kollha mwettaq għall-kisba ta’ dritt, ma japplikax f’dan il-każ, peress li d-dritt Latvjan ma jeżiġix, għall-għoti tad-dritt għall-allowance tal-maternità, perijodu minn qabel ta’ affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali Latvjana. Minn dan hija ddeduċiet li l-kalkolu ta’ din l-allowance kien seħħ korrettament unikament fir-rigward tad-dritt Latvjan.

10

DW ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Augstākā tiesa (il‑Qorti Suprema, il-Latvja) billi sostniet li l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din l-allowance kienu jiksru l-Artikoli 45 sa 48 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107). Skont DW, jeħtieġ, fil-kalkolu tal-benefiċċju li għandu jiġi allokat, li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni u li jiżdied l-ammont tal-benefiċċju ma’ dak li hija kienet tirċievi kieku hija kienet ħadmet fil-Latvja matul il-perijodu ta’ referenza kollu. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tal-benefiċċju inkwistjoni, jiġifieri titjieb l-allowance tal-maternità tal-persuni li jkunu eżerċitaw impjieg filwaqt li jiġi ggarantit dħul minimu lill-persuni mingħajr xogħol.

11

L‑Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, min-naħa tagħha, tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għadd flimkien tal-perijodi ta’ attività sabiex jiġi stabbilit id-dritt għall-allowances parentali ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni tal-każ, dwar il-kalkolu tal-ammont tal-allowance tal-maternità.

12

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan dwar il-kalkolu tal-ammont tal-allowance tal-maternità humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li DW tinsab żvantaġġata wara li eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha billi marret taħdem ma’ istituzzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-bażi ta’ kontribuzzjoni medja adottata mid-dritt Latvjan fuq il-ħdax-il xahar li matulhom DW kienet fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni hija kunsiderevolment iżgħar minn dik adottata għax-xahar li kien jifdal ta’ xogħol imwettaq minn DW fil-Latvja. Skont il-qorti tar-rinviju, il-metodu ta’ kalkolu applikat għad-determinazzjoni tal-allowance tal-maternità jwassal, fir-realtà, li l-ammont ta’ din l-allowance jiġi suġġett għat-tul tal-perijodu ta’ attività tal-ħaddiem ikkonċernat fil-Latvja.

13

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li tali leġiżlazzjoni tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ipprojbita mill-Artikolu 45 TFUE. Din il-leġiżlazzjoni lanqas ma tista’ tiġi ammessa fir-rigward tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri u li jissarraf fl-obbligu previst fl-Artikolu 4(3) TUE (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C‑293/03, EU:C:2004:821, punti 45 sa 48; tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punti 1617, kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2015, Melchior, C‑647/13, EU:C:2015:54, punti 2627).

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il‑Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 45(1) u (2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma teskludix mill-perijodu ta’ 12-il xahar li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkulata l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni li tintuża sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-allowance tal-maternità, ix-xhur li matulhom persuna ħadmet f’istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u kienet koperta mill-iskema komuni ta’ assigurazzjoni tal-[Unjoni], iżda li, billi tqis li matul dan il-perijodu l-persuna ma kinitx koperta mis-sigurtà soċjali Latvjana, tekwivali d-dħul tagħha għall-bażi medja ta’ kontribuzzjoni fl-Istat, fatt li jista’ jnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-allowance tal-maternità riċveuta minnha meta mqabbel mal-ammont possibbli tal-allowance li hija setgħet tikseb li kieku, matul il-perijodu tal-kalkolu, hija ma kinitx daħlet taħdem f’istituzzjoni tal-Unjoni […] iżda kienet taħdem fil-Latvja?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 45 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tiġi stabbilita l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni li sservi sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-allowance tal-maternità, tassimila x-xhur tal-perijodu ta’ referenza li matulhom il-persuna kkonċernata ħadmet ma’ istituzzjoni tal-Unjoni u li matulhom hija ma kinitx affiljata mal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ma’ perijodu ta’ nuqqas ta’ impjieg u tapplika għalihom il-bażi medja ta’ kontribuzzjoni stabbilita f’dan l-Istat Membru, li jkollu bħala effett li jitnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-allowance tal-maternità mogħtija lil dik il-persuna meta mqabbel ma’ dak li din tal-aħħar setgħet titlob kieku kienet eżerċitat attività professjonali unikament f’dan l-istess Stat Membru.

16

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jamministraw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, billi jiddeterminaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji fil-qasam ta’ sigurtà soċjali, madankollu, huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 43; tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 38, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et, C‑466/15, EU:C:2016:749, punt 22).

17

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema humiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, fl-affermattiv, jekk dan l-ostakolu jistax jiġi oġġettivament iġġustifikat.

18

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u ta’ nazzjonalità tiegħu, li eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru għajr dak fejn oriġina, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 14, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Barra minn hekk, ċittadin tal-Unjoni li jaħdem fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ oriġini tiegħu u li jkun aċċetta impjieg f’organizzazzjoni internazzjonali wkoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler,C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 15; tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 25). Fil-fatt, tali ċittadin ma jitlifx l-istatus tiegħu bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE minħabba l-fatt li jokkupa impjieg ma’ organizzazzjoni internazzjonali (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 26).

20

Isegwi li s-sitwazzjoni ta’ DW taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

21

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx għal ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju kollu tal-Unjoni, u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 17; tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-1 ta’ April 2008, Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 44, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 39).

22

Għalhekk, dispożizzjonijiet li jipprekludu jew jiddisswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 18, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fil-fatt, l-Artikolu 45 TFUE għandu bħala għan b’mod partikolari li jiġi evitat li ħaddiem li, billi jagħmel użu mid-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, ikun okkupa impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed jiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn dak li wettaq il-karriera tiegħu kollha fi Stat Membru wieħed (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1991, Masgio, C‑10/90, EU:C:1991:107, punt 17, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 42).

24

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-ħaddiema li ma tkunx ġiet irreġistrata bħala affiljata mas-sigurtà soċjali nazzjonali matul il-perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il xahar minħabba l-fatt li hija ħadmet fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni hija assimilata ma’ persuna mingħajr attività professjonali u tiġi allokata allowance tal-maternità għal ammont minimu, iddeterminat fuq il-bażi medja ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li l-allowance tal-maternità tal-ħaddiema li eżerċitat il-karriera professjonali tagħha kollha f’dan l-Istat Membru hija ddeterminata abbażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni mħallsa fis-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ referenza.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tagħmilx, inkwantu tali, l-għoti tad-dritt għall-allowance tal-maternità suġġett għall-kundizzjoni li persuna kienet affiljata mas-sigurtà soċjali nazzjonali matul il-perijodu ta’ referenza, xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-allowance inkwistjoni twassal għal riżultat simili, peress li l-ammont tal-benefiċċju allokat lil ħaddiema li kienet fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni huwa sostanzjalment inqas minn dak li hija setgħet titlob kieku hija kienet ħadmet fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ sigurtà soċjali tiegħu.

26

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ allowances parentali, il-perijodi ta’ attività mwettqa taħt l-Iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Unjoni tista’ tiddisswadi ċ-ċittadini ta’ Stat Membru milli jitilqu minn dan l-Istat sabiex jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor peress illi, billi jaċċettaw impjieg ma’ tali istituzzjoni, huma jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw, taħt l-iskema nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard, minn benefiċċju tal-familja li huma kien ikollhom dritt għalih kieku ma kinux aċċettaw dan l-impjieg (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 19, u tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 16).

27

Isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola u, għaldaqstant, tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali barra mill-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk fi Stat Membru ieħor jew fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra, sa fejn, billi taċċetta tali impjieg, ħaddiema li ġiet preċedentement jew sussegwentement affiljata mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru kkonċernat tibbenefika, taħt din l-iskema, minn benefiċċju għal ammont sostanzjalment inqas minn dak li kien ikollha dritt għalih kieku ma għamlitx użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħha.

28

Għalhekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 45 TFUE.

29

Din il-konstatazzjoni ma hija bl-ebda mod ikkontestata mill-argument imressaq mill-Gvern Latvjan li benefiċċji temporanji, bħal allowance tal-maternità, ma jistgħux joħolqu xkiel kbir fit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ ħaddiem sabiex jaċċetta pożizzjoni fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma ssirx fir-rigward tal-kontinwità tal-benefiċċju inkwistjoni. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Unjoni u li kwalunkwe ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-libertà huwa pprojbit (sentenza tal-15 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑34/98, EU:C:2000:84, punt 49).

30

Bil-għan li tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi analizzata, fit-tielet lok, l-eżistenza ta’ eventwali ġustifikazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

31

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura li tirrestrinġi libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk issegwi għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li tali miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija ssegwi u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 22, u tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 19 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-Gvern Latvjan isostni, f’dan il-kuntest, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq raġunijiet ta’ interess ġenerali u li l-allowance tal-maternità, ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, twaqqfet sabiex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Din is-sistema, li l-awtofinanzjament tagħha huwa ggarantit skont rabta diretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa u l-ammont tal-allowance tal-maternità mogħti, tiffavorixxi t-titjib tas-sitwazzjoni demografika.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ madankollu tikkostitwixxi ostakolu ġġustifikat għal libertà fundamentali meta tkun stipulata minn motivi ta’ natura ekonomika li jsegwu għan ta’ interess ġenerali. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ ksur gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika li jsir ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tas-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, li għandhom jipprovaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom b’hekk jinkludu provi xierqa jew analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li l-argumenti tiegħu jiġu sostanzjati. Huwa meħtieġ li tali analiżi oġġettiva, iddettaljata u li tinkludi figuri tkun tista’ turi, bl-għajnuna ta’ informazzjoni affidabbli, konverġenti u ta’ natura probatorja, li effettivament jeżistu riskji għall-bilanċ tas-sistema ta’ sigurtà soċjali (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 54).

35

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, tali analiżi hija żbaljata. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Latvjan illimita ruħu li jsostni affermazzjonijiet ferm ġenerali, mingħajr madankollu ma pprovda provi preċiżi li kienu jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu bbażat fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali. F’dak li jirrigwarda l-allegata ġustifikazzjoni bbażata fuq ir-rabta diretta eżistenti bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa u l-ammont tal-allowance mogħtija, din ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-għoti tal-allowance stess ma huwa suġġett għal ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni.

36

Konsegwentement, u fid-dawl tal-elementi inklużi fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi ġġustifikat.

37

Peress li ġie kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et, C‑466/15, EU:C:2016:749, punt 37).

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni li sservi għall-kalkolu tal-ammont tal-allowance tal-maternità, tassimila x-xhur tal-perijodu ta’ referenza li matulhom il-persuna kkonċernata ħadmet ma’ istituzzjoni tal-Unjoni u li matulhom ma kinitx ġiet affiljata mal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, ma’ perijodu ta’ nuqqas ta’ impjieg u għalihom tapplika bażi medja ta’ kontribuzzjonijiet stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, li jkollu bħala effett li jitnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-allowance tal-maternità mogħtija lil din il-persuna meta mqabbel ma’ dak li din tal-aħħar setgħet titlob kieku kienet eżerċitat attività professjonali unikament f’dan l-istess Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-bażi medja ta’ kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni li sservi għall-kalkolu tal-ammont tal-allowance tal-maternità, tassimila x-xhur tal-perijodu ta’ referenza li matulhom il-persuna kkonċernata ħadmet ma’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u li matulhom ma kinitx ġiet affiljata mal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, ma’ perijodu ta’ nuqqas ta’ impjieg u għalihom tapplika bażi medja ta’ kontribuzzjoni stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, li jkollu bħala effett li jitnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-allowance tal-maternità mogħtija lil din il-persuna meta mqabbel ma’ dak li din tal-aħħar setgħet titlob kieku kienet eżerċitat attività professjonali unikament f’dan l-istess Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq