Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0076

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Marzu 2018.
    SC Petrotel-Lukoil SA u Maria Magdalena Georgescu vs Ministerul Economiei et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali – Artikolu 30 TFUE – Taxxa interna – Artikolu 110 TFUE – Taxxa applikata għall-prodotti petroliferi esportati – Nuqqas ta’ riperkussjoni tat-taxxa fuq il-konsumatur – Piż tat-taxxa sostnut mill-persuna taxxabbli – Rimbors tas-somom imħallsa mill-persuna taxxabbli.
    Kawża C-76/17.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:139

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    1 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali – Artikolu 30 TFUE – Taxxa interna – Artikolu 110 TFUE – Taxxa applikata għall-prodotti petroliferi esportati – Nuqqas ta’ riperkussjoni tat-taxxa fuq il-konsumatur – Piż tat-taxxa sostnut mill-persuna taxxabbli – Rimbors tas-somom imħallsa mill-persuna taxxabbli”

    Fil-Kawża C‑76/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

    SC Petrotel-Lukoil SA,

    Maria Magdalena Georgescu

    vs

    Ministerul Economiei,

    Ministerul Energiei,

    Ministerul Finanţelor Publice,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal SC Petrotel-Lukoil SA, minn C. Vasile, M. Strîmbei u A. Barbu, avocați,

    għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn L. Liţu u R. Mangu, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Petrotel-Lukoil SA (iktar ’il quddiem “Lukoil”) u Maria Magdalena Georgescu minn naħa u l-Ministerul Economiei (il-Ministeru għall-Ekonomija, ir-Rumanija), il-Ministerul Energiei (il-Ministeru għall-Enerġija, ir-Rumanija) u l-Ministerul Finanţelor Publice (il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, ir-Rumanija) min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut tal-Ministeru għall-Ekonomija li jirrimborsa s-sommom f’daqqa mħallsa minn Lukoil għall-Fond Speċjali għall-prodotti petroliferi, stabbilit għall-irkupru ta’ dejn ta’ dik li kienet Compania Română de Petrol (il-Kumpannija Petrolifera Rumena, iktar ’il quddiem iċ-“CRP”).

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 249/2000 privind constituirea şi utilizarea Fondului special pentru produse petroliere (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 249/2000 dwar l-istabbiliment u l-użu tal-Fond Speċjali għall-prodotti petroliferi, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 647, tat-12 ta’ Diċembru 2000), kif emendat bil-Legea nr. 142/2006 pentru aprobarea Ordonanţei Guvernului nr. 53/2005 privind reglementarea unor măsuri financiare în domeniul bugetar şi al contabilităţii publice (il-Liġi Nru 142/2006 li tapprova d-Digriet tal-Gvern Nru 53/2005 dwar miżuri finanzjarji fil-qasam baġitarju u l-kontabbiltà pubblika) (iktar ’il quddiem l-OUG Nru 249/2000”), ħoloq il-Fond Speċjali għall-prodotti petroliferi sabiex iħallas l-obbligi finanzjarji kollha ta’ dik li kienet CRP.

    4

    L-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000 huwa fformulat kif ġej:

    “Il-Fond Speċjali għall-prodotti petroliferi huwa stabbilit billi tiġi inkluża somma f’daqqa f’[leu Rumen (RON)], ekwivalenti għal [dollari Amerikani (USD) 0.01 għal kull litru] bir-rata tal-kambju fis-seħħ fl-aħħar jum tax-xahar ta’ qabel il-kunsinna, fil-prezz tal-prodotti petroliferi kkunsinnati fis-swieq nazzjonali u barranin, petrol u diżil, miksuba minn produtturi jew iġġenerati minn proċess.”

    5

    Skont l-Artikolu 2 tal-OUG Nru 249/2000:

    “Il-Fond Speċjali għall-prodotti petroliferi, stabbilit skont l-Artikolu 1, huwa amministrat mill-Ministerul Industriei şi Comerţului [il-Ministeru għall-Industrija u għall-Kummerċ, ir-Rumanija] u għandu jintuża sabiex jitħallsu l-obbligi finanzjarji kollha ta’ dik li kienet [CRP].”

    6

    L-Artikolu 5 tal-OUG Nru 249/2000 jipprovdi li:

    “L-obbligazzjoni li jiġu kkalkolati u mħallsa s-somom li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1 huwa tal-produtturi u r-raffinaturi li huma persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Rumanija, indipendentement mill-forma tal-organizzazzjoni tagħhom, min-natura tal-kapital tagħhom u mid-destinazzjoni tal-prodotti tagħhom, li jikkorrespondu għall-kategorija ta’ użu u għat-tip ta’ utenti tal-prodott ikkonċernat.”

    7

    L-Artikolu 7 tal-OUG Nru 249/2000 jipprevedi:

    “Is-somma f’daqqa inkluża fil-prezz tal-prodotti petroliferi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet tirrappreżenta piż fiskali li jista’ jitnaqqas.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Lukoil talbet lill-Ministeru għall-Ekonomija r-rimbors tas-somom li hija kienet ħallset fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti petroliferi, skont l-OUG Nru 249/2000, bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Marzu 2010.

    9

    Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2010, il-Ministeru għall-Ekonomija rrifjuta li jirrimborsa s-somom mitluba minn Lukoil.

    10

    Għalhekk, Lukoil ippreżentat rikors quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Din il-kumpannija essenzjalment sostniet li l-imsemmija somom ma kellhomx jitħallsu mill-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, fl‑1 ta’ Jannar 2007, sa fejn il-ħlas tagħhom kien imur kontra l-Artikolu 30 TFUE peress li kienu jikkostitwixxu taxxa ta’ natura fiskali imposta unilateralment minn Stat Membru u miġbura fuq il-merkanzija li taqsam fruntiera.

    11

    Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2011, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ċaħdet ir-rikors ta’ Lukoil. Din il-qorti ddeċidiet, fost oħrajn, li s-somma ta’ USD 0.01 għal kull litru inkluża fil-prezz tal-prodotti petroliferi kienet ikkalkolata għall-prodotti kkunsinnati kemm fir-Rumanija kif ukoll barra minn dan l-Istat Membru, b’tali mod li peress li s-somma ma kinitx dovuta fuq il-bażi tal-fatt li l-merkanzija taqsam il-fruntiera, it-taxxa inkwistjoni la kienet tikkostitwixxi dazju doganali fuq l-esportazzjoni u lanqas taxxa li għandha effett ekwivalenti, iżda kienet tikkostitwixxi taxxa interna. Hija żiedet tgħid li, anki jekk jiġi preżunt li t-taxxa stabbilita mill-OUG Nru 249/2000 tikkostitwixxi dazju doganali pprojbit mill-Artikolu 30 TFUE, it-talba ta’ Lukoil intiża sabiex din it-taxxa tiġi rrimborsata lilha hija infondata, fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, kif applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et (C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12). Fil-fatt, skont il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), is-somma inkwistjoni kienet inkluża, skont l-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000, fil-prezz tal-petrol u tad-diżil ikkunsinnati barra mir-Rumanija u għaldaqstant ma kinitx sostnuta mill-persuna li tikkunsinna l-prodotti petroliferi, iżda mix-xerrej.

    12

    Lukoil appellat minn din is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2011 quddiem l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija). Din il-qorti annullat l-imsemmija sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Jannar 2016, din il-qorti tal-aħħar ċaħdet ir-rikors ta’ Lukoil.

    13

    F’din is-sentenza, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) qieset, abbażi ta’ perizja tal-kontabbiltà, li minkejja li kkalkolat u ħallset it-taxxa inkwistjoni lill-Istat, Lukoil ma kinitx żiedet is-somma f’daqqa ta’USD 0.01 għal kull litru mal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti petroliferi li hija biegħet bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Marzu 2010, iżda kienet applikat tali somma għar-riżorsi tagħha stess. Minkejja din il-konstatazzjoni, din il-qorti ddeċidiet, madankollu, li Lukoil ma kinitx ipprovat li l-ħlas tal-imsemmija taxxa kien ikkawżalha preġudizzju. Fil-fatt, Lukoil kienet stabbilixxiet, fuq l-inizjattiva tagħha stess, sistema ta’ pagament li la kienet imputabbli lill-awtorità konvenuta u lanqas ma kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 249/2000. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti ddeċidiet li Lukoil ma kellhiex dritt għar-rimbors mitlub, peress li t-taxxa kontenzjuża kienet tħallset abbażi, mhux ta’ dispożizzjonijiet li huma definittivament iddikkjarati illegali minħabba li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda ta’ mekkaniżmu li Lukoil innifisha kienet stabbilixxiet u li ma kienx previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    14

    Lukoil appellat mis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2016 quddiem l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja). Din il-qorti tirrileva li t-taxxa kontenzjuża hija taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, peress li għandha natura pekunjarja, hija imposta unilateralment mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u tolqot il-merkanzija fuq il-bażi tal-fatt li din taqsam il-fruntiera. Hija tindika li Lukoil talbet ir-rimbors tat-taxxi li hija ħallset bil-fondi tagħha stess bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Marzu 2010. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 30 TFUE, dwar il-kwistjoni jekk, fil-każ li l-persuna taxxabbli tkun effettivament ħallset taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, hija tistax titlob ir-rimbors tas-somom imħallsa, anki jekk il-makkaniżmu ta’ ħlas tat-taxxa jkun ġie kkonċepit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod li l-imsemmija taxxa tgħaddi fuq il-konsumatur.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 TFUE jipprekludu interpretazzjoni fis-sens li, fil-każ li l-persuna taxxabbli tkun effettivament ħallset it-taxxa b’effett ekwivalenti, din tkun tista’ titlob il-ħlas lura tas-somom imħallsa f’dan is-sens anki jekk il-mekkaniżmu ta’ ħlas tat-taxxa jkun ġie kkonċepit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod li t-taxxa tgħaddi fuq il-konsumatur Ewropew?

    2)

    Il-ħlas lura tas-somom imħallsa bħala taxxa b’effett ekwivalenti, fil-każ li dawn ikunu effettivament tħallsu mill-persuna taxxabbli (u ma jkunux ġew ittrasferiti fuq il-konsumatur), huwa kompatibbli mad-dritt Komuitarju?”

    Fuq id-domandi preliminari

    16

    Permezz taż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 30 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna taxxabbli, li effettivament ħallset taxxa li għandha effett ekwivalenti u li tmur kontra dan l-artikolu, għandha tkun tista’ tikseb ir-rimbors tas-somom li ħallset abbażi ta’ dan, anki f’sitwazzjoni fejn il-mekkaniżmu ta’ ħlas tat-taxxa jkun ġie kkonċepit, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’tali mod li din it-taxxa tgħaddi fuq il-konsumatur.

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    17

    Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-informazzjoni kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660 punt 81, u tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43).

    18

    Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tindika li t-taxxa prevista mill-OUG Nru 249/2000 hija taxxa li għandha effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’risposta għat-talba ta’ rimbors minn Lukoil, il-Ministeru għall-Ekonomija kien allega li din it-taxxa la kienet dazju doganali u lanqas taxxa li għandha effett ekwivalenti, iżda taxxa interna, u l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu fil-kawża prinċipali, ikkonfermat din il-konklużjoni fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2011.

    19

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea jqisu wkoll li t-taxxa prevista mill-OUG Nru 249/2000 tikkostitwixxi taxxa interna, fis-sens tal‑Artikolu 110 TFUE.

    20

    Fir-rigward ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, din il-qorti għandha tiġi pprovduta għaldaqstant bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li huma utli dwar il-klassifikazzjoni legali tal-imsemmija taxxa taħt id-dritt tal-Unjoni.

    21

    Kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, irrispettivament minn kif huwa msejjaħ u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam fruntiera, meta dan ma huwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, piż finanzjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxa interna li tinkludi sistematikament, skont l-istess kriterji oġġettivi, kategoriji ta’ prodotti irrispettivament mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tagħhom jaqa’ taħt l-Artikolu 110 TFUE li jipprojbixxi t-taxxi interni li huma diskriminatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punti 515556, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 4041).

    22

    Taxxa li tolqot, abbażi ta’ kriterji identiċi, lill-prodotti nazzjonali li huma kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali u dawk li huma esportati tista, madankollu tiġi pprojbita mit-Trattat FUE meta d-dħul minn din it-taxxa huwa intiż sabiex jiffinanzja attivitajiet li jibbenefikaw b’mod partikolari lill-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali.

    23

    Fil-fatt, f’tali każ, tista’ tirriżulta diskriminazzjoni kontra l-prodotti esportati, sa fejn il-piż fiskali li jolqot il-prodotti kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali huwa nnewtralizzat minn vantaġġi li huwa jservi sabiex jiffinanzja, filwaqt li dak li jolqot il-prodotti esportati jirrappreżenta piż nett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 22, u tat‑8 ta’ Ġunju 2006, Koornstra, C‑517/04, EU:C:2006:375, punt 18).

    24

    F’dan ir-rigward, jekk il-vantaġġi li jirriżultaw mill-użu tad-dħul mit-taxxa, li tagħmel parti minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni u li tolqot sistematikament lill-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali u dawk esportati, jikkumpensaw totalment għall-piż sostnut mill-prodott nazzjonali kkummerċjalizzat fuq is-suq nazzjonali matul t-tqegħid fis-suq tiegħu, din it-taxxa tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, li tmur kontra l-Artikoli 28 u 30 TFUE. Min-naħa l-oħra, tali taxxi tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 110 TFUE jekk il-vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan id-dħul mit-taxxa fuq il-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali jikkumpensaw parzjalment biss il-piż sostnut minnhom. F’dan il-każ, it-taxxa miġbura fuq il-prodotti nazzjonali esportati, li bħala prinċipju hija legali, għandha tkun ipprojbita sa fejn hija tikkumpensa għall-imsemmi piż u għandha titnaqqas b’mod proporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Koornstra, C‑517/04, EU:C:2006:375, punti 1920 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Sabiex ikun applikat b’mod utli u korrett, il-kriterju ta’ kumpens jippresupponi li tkun ivverifikata, matul perijodu ta’ referenza, l-ekwivalenza finanzjarja bejn l-ammonti globalment miġbura fuq il-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali abbażi tat-taxxa inkwistjoni u l-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw dan il-prodotti b’mod esklużiv. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali ma jkollhomx, de facto, profitt esklużiv jew proporzjonalment ikbar mill-prodotti nazzjonali esportati, mid-dħul tat-taxxa kontenzjuża, li jista’ jikkumpensa totalment jew parzjalment il-piż li tikkostitwixxi din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Koornstra, C‑517/04, EU:C:2006:375, punti 2122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-OUG Nru 249/2000 stabbilixxiet il-Fond Speċjali għall-prodotti petroliferi, maħluq għall-irkupru tad-dejn ta’ dik li kienet CRP u ffinanzjat mill-kontribuzzjoni tal-produtturi u r-raffinaturi kollha tal-prodotti petroliferi (petrol u diżil) stabbiliti fir-Rumanija. Konformement mal-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000, dawn il-persuni taxxabbli huma obbligati jinkludu, fil-prezz tal-prodotti li huma jikkunsinnaw kemm fuq is-suq nazzjonali kif ukoll barra mir-Rumanija, somma f’daqqa ta’ USD 0.01 għal kull litru ta’ prodott petroliferu kkummerċjalizzat. Skont l-Artikolu 5 tal-OUG Nru 249/2000, l-obbligu li jiġu kkalkolati u mħallsa s-somom li jirriżultaw minn dan, huwa tal-produtturi u tar-raffinaturi li huma persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Rumanija, indipendentement mid-destinazzjoni tal-prodotti tagħhom.

    27

    Issa, jekk it-taxxa prevista fl-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000 fil-fatt tikkostitwixxi piż finanzjarju, impost unilateralment, u li jolqot il-merkanzija, hija madankollu ma tidhirx, fid-dawl tal-provi prodotti fil-punt preċedenti, li tkun dovuta abbażi tal-qsim ta’ fruntiera. Fil-fatt, din it-taxxa tapplika bl-istess mod, bl-istess rata u fl-istess stadju kemm fuq il-prodotti petroliferi kkunsinnati fis-suq Rumen kif ukoll fuq dawn ikkunsinnati fi Stat Membru ieħor. Il-fatt li jagħti lok għat-taxxa prevista fl-imsemmi Artikolu 1 jidher għaldaqstant li huwa l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti petroliferi, sew jekk dan iseħħ ġewwa r-Rumanija u sew jekk fi Stat Membru ieħor. Din it-taxxa tapplika għaldaqstant, indipendentement mill-fatt li l-prodotti petroliferi kkonċernati jaqsmu l-fruntiera Rumena.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija taxxa tista’ tikkostitwixxi taxxa interna mhux diskriminatorja, li hija kumpatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    29

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha xorta tivverifika jekk l-użu tad-dħul minn din l-istess taxxa ma jiffavorixxix lill-prodotti petroliferi nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali, peress li d-deċiżjoni tagħha ma tinkludi ebda prova dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, il-fatt li t-taxxa prevista fl-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000 isservi sabiex jitħallas id-dejn ta’ dik li kienet CRP ma jistax, waħdu, jipperemetti li tiġi eliminata b’mod definittiv l-ipoteżi li d-dħul minn din it-taxxa huwa intiż sabiex jiffinanzja attivitajiet li jibbenefikaw esklużivament jew parzjalment lil dawn il-prodotti għad-detriment tal-prodotti nazzjonali esportati lejn Stati Membri oħrajn li ma humiex ir-Rumanija.

    30

    Jekk minn dawn il-verifiki jirriżulta li d-dħul mit-taxxa prevsita fl-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000 ma jagħtix vantaġġ lill-prodotti nazzjonali kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali, din it-taxxa tkun tista’ tikkostitwixxi taxxa interna legali. Jekk jirriżulta li huwa jagħtihom vantaġġ parzjali jew sal-punt li jikkumpensa totalment għall-piż, dan jista’ jkun jew, fl-ewwel każ, taxxa interna diskriminatorja li tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE, jew, fit-tieni każ, taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali li tmur kontra l-Artikolu 30 TFUE. Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina n-natura tat-taxxa prevista fl-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000 u l-kumpatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

    31

    Wara li saru dawn il-kjarifiki, fil-każ li din hija taxxa li għandha effett ekwivalenti, li tmur kontra l-Artikolu 30 TFUE, hemm lok li tingħata risposta għall-kwistjoni tad-dritt għal rimbors kif ifformulata mill-ġdid fil-punt 16 tas-sentenza preżenti.

    Fuq id-dritt għal rimbors

    32

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li jinkiseb rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u żieda mad-drittijiet mogħtija lill-persuni taxxabbli mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, Stat Membru huwa, fil-prinċipju, obbligat jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 12; tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punt 20, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 30).

    33

    Madankollu, b’eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rimbors ta’ taxxi li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-ħlas lura ta’ taxxa indebitament miġbura tista’ tiġi rrifjutata meta din twassal għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża. Il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti f’dan il-qasam mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma titlobx ir-rimbors ta’ imposti, dazji u taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta jiġi stabbilit li l-persuna meħtieġa li tħallas dawn id-dazji effettivament għaddiethom fuq persuni oħra (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 13; tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punt 21, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et, C‑398/09, EU:C:2011:540, punt 18).

    34

    Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, il-ħlas tat-taxxa indebitament miġbura ma kienx sostnut mill-operatur iżda mix-xerrej li fuqu ġiet ittrasferita t-taxxa. Għaldaqstant, ir-rimbors lill-operatur tal-ammont tat-taxxa li huwa diġà ġabar mix-xerrej, ikun ekwivalenti għal ħlas doppju għall-imsemmi operatur li jista’ jiġi kklassifikat bħala arrikkiment indebitu mingħajr madankollu ma jkunu rrimedjati l-konsegwenzi tal-illegalità tat-taxxa għax-xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punt 22, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et, C‑398/09, EU:C:2011:540, punt 19).

    35

    Peress li tali rifjut għal rimbors ta’ taxxa imposta fuq il-bejgħ ta’ prodotti huwa limitazzjoni għal dritt suġġettiv li jirriżulta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għaldaqstant, ir-riperkussjoni diretta tat-taxxa li ma kinitx dovuta fuq ix-xerrej tikkostitwixxi l-unika eċċezzjoni għad-dritt għal rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et, C‑398/09, EU:C:2011:540, punt 20).

    36

    Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li, bil-kontra ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000, Lukoil ma għaddietx it-taxxa prevista f’dan l-artikolu fuq il-konsumatur tal-prodotti petroliferi li hija tikkummerċjalizza. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk f’sitwazzjoni fejn il-mekkaniżmu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa jkun ġie kkonċepit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’tali mod li l-imsemmija taxxa tiġi mgħoddija fuq il-konsumatur, Lukoil tistax xorta waħda jkollha dritt għal rimbors tas-somom li hija ħallset.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn Lukoil ħallset l-ammont tat-taxxa prevista fl-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000, ir-rimbors ta’ dan l-ammont ma jinvolvi ebda arrikkiment indebitu ta’ din il-kumpannija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-unika eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ rimbors tat-taxxi li huma inkompatibbli mad-dirtt tal-Unjoni aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex preżenti fil-każ ineżami, Lukoil hija intitolata għar-rimbors tat-taxxa li hija ħallset, jekk din tiġi kklassifikata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. Il-ksur possibbli tal-obbligu, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li t-taxxa inkwistjoni tgħaddi fuq il-prezz finali tal-prodott ikkonċernat huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, id-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa, li toriġina mid-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi rrifjutat għal raġuni bbażata fuq id-dritt nazzjonali.

    38

    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li Lukoil għandha wkoll dritt għal rimbors, anki jekk parzjali, tat-taxxa li hija ħallset taħt l-Artikolu 1 tal-OUG Nru 249/2000 fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 21 sa 25 tas-sentenza preżenti, li t-taxxa prevista f’dan l-artikolu hija taxxa interna diskriminatorja li tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE. F’dan il-każ, dan id-dritt għal rimbors jikkonċerna d-differenza bejn il-piż tat-taxxa sostnut mill-prodotti kkummerċjalizzati fuq is-suq tal-Unjoni u l-piż tat-taxxa sostnut mill-prodotti kkummerċjalizzati fuq is-suq nazzjonali, fejn it-taxxa tal-aħħar tieħu debitament kont tal-vantaġġi li dawn il-prodotti bbenefikaw minnhom b’mod esklużiv.

    39

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 30 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna taxxabbli, li effettivament ħallset it-taxxa li għandha effett ekwivalenti u li tmur kontra dan l-artikolu, għandha tkun tista’ tikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa minnha f’dan is-sens anki f’sitwazzjoni fejn il-mekkaniżmu ta’ ħlas tat-taxxa kien ikkonċepit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’tali mod li t-taxxa tgħaddi fuq il-konsumatur.

    Fuq l-ispejjeż

    40

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 30 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna taxxabbli, li effettivament ħallset it-taxxa li għandha effett ekwivalenti u li tmur kontra dan l-artikolu, għandha tkun tista’ tikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa minnha f’dan is-sens anki f’sitwazzjoni fejn il-mekkaniżmu ta’ ħlas tat-taxxa kien ikkonċepit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’tali mod li t-taxxa tgħaddi fuq il-konsumatur.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Fuq