EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0185

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-22 ta’ Frar 2018.
Mitnitsa Varna vs "SAKSA" ООD.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad - Varna.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Standard armonizzat Ewropew EN 590:2013 – Subintestatura 2710 19 43 tan-Nomenklatura Magħquda – Kriterji rilevanti fid-dawl tal-klassifikazzjoni ta’ merkanzija bħala żjut tal-gass.
Kawża C-185/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:108

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

22 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Standard armonizzat Ewropew EN 590:2013 – Subintestatura 2710 19 43 tan-Nomenklatura Magħquda – Kriterji rilevanti fid-dawl tal-klassifikazzjoni ta’ merkanzija bħala żjut tal-gass”

Fil-Kawża C‑185/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad - Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), b’deciżjoni tat-30 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ April 2017, fil-proċedura

Mitnitsa Varna

vs

“SAKSA” ООD,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Varna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mitnitsa Varna, minn G. Kostov, bħala aġent,

għal “SAKSA” ООD, minn S. Zhelyazkova, адвокат,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caerios kif ukoll minn Y.G. Marinova u P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nota g tat-tabella 3 tal-istandard armonizzat EN 590, fil-verżjoni tiegħu ta’ Settembru 2013, intitolata “Karburanti għal karozzi – Karburanti għal magna diżil (żjut tal-gass) – rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar” (iktar ’il quddiem l-“istandard EN 590:2013”), kif ukoll tan-nota addizzjonali 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e) tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mitnitsa Varna (Dwana ta’ Varna, il-Bulgarija) u “SAKSA” OOD dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ żejt minerali fi ħdan in-NM iddikjarat minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

In-NM

3

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanzija, ippreparata mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u ta’ Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel parti, Titolu I, Taqsima A tagħha, jipprovdu b’mod partikolari:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]”

5

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima V, li fiha hemm b’mod partikolari l-Kapitolu 27 intitolat “Karburanti minerali, żjut minerali u prodotti tad-distillazzjoni tagħhom; sustanzi bituminużi; xemgħat minerali”.

6

Il-Kapitolu 27 tan-NM jinkludi l-intestatura 2710, li hija fformulata kif ġej:

“2710

Żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, ħlief dawk mhux raffinati […]”

7

Dan il-Kapitolu 27 jinkludi wkoll is-subintestaturi li ġejjin:

“2710 12

– – Żjut u preparazzjonijiet ħfief

[…]

[…]

2710 19

- - Oħrajn:

 

- - - Zjut medji:

[…]

[…]

 

- - - - Għal għanijiet oħrajn

 

- - - - - Pitrolju:

2710 19 21

- - - - - - Karburant tal-ġett

2710 19 25

- - - - - - Oħrajn

[…]

[…]

 

- - - Żjut ħoxnin:

 

- - - - - - Żjut tal-gass:

[…]

[…]

 

- - - - Għal għanijiet oħrajn

2710 19 43

B’kontenut ta’ kubrit mhux ogħla minn 0,001 % tal-piż”

8

In-nota addizzjonali 2 tal-Kapitolu 27 tan-NM tipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ titlu 2710:

[…]

(c)

“żjut medji” (subtitli 2710 19 11 sa 2710 19 29) jfissru żjut u preparazzjonijiet li minnhom inqas minn 90 % tal-volum (inkluż telf) jiddistilla f’210°Ċ u 65 % jew iktar tal-volum (inkluż telf) jiddistilla f’250 Ċ bil-metodu ISO 3405 (ekwivalenti għall-metodu ASTM D 86);

(d)

“żjut ħoxnin” (subtitli 2710 19 31 sa 2710 19 99 u 2710 20 11 sa 2710 20 90) ifissru żjut u preparazzjonijiet li minnhom inqas minn 65 % tal-volum (inkluż telf) jiddistilla f’250 Ċ bil-metodu ISO 3405 (ekwivalenti għall-metodu ASTM D 86) jew li minnhom il-perċentwali ta’ distillazzjoni f’250 Ċ ma tistax tkun stabbilita b’dak il-metodu;

(e)

“żjut tal-gass” (subtitli 2710 19 31 sa 2710 19 48 u 2710 20 11 sa 2710 20 19) ifissru żjut ħoxnin kif speċifikat f’paragrafu (d) fuq li minnhom 85 % jew aktar tal-volum (inkluż telf) jiddistilla fi 350°Ċ bil-metodu ISO 3405 (ekwivalenti għall-metodu ASTM D 86);

[…]”

Id-Direttiva 98/70

9

Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/77/UE tal-10 ta’ Ġunju 2014 (ĠU 2014, L 170, p. 62) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/70”), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi, fir-rigward tal-vetturi tat-triq […]:

a)

speċifikazzjonijiet tekniċi minħabba raġunijiet ambjentali u ta’ saħħa għal karburanti biex jintużaw għal magni ‘positive ignition’ u magni ‘compression ignition’, waqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tekniċi ta’ dawn il-magni; u

b)

mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja.”

10

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Karburant tad-diżil”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-karburant tad-diżil jista’ jitqiegħed fis-suq ġewwa t-territorju tagħhom biss jekk iħares l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

[…]”

11

L-Anness II tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet ambjentali applikabbli għall-karburanti ta’ tip diżil fis-suq intiż għall-vetturi mgħammra b’magna ‘compression ignition’. Skont in-nota 1 ta’ dan l-anness:

“Il-metodi tal-ittestjar għandhom ikunu dawk speċifikati f’EN 590:2013. L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-metodu analitiku speċifikat minflok l-istandard EN 590:2013 jekk ikun jista’ jintwera li jipprovdi għall-inqas l-istess eżattezza u għall-inqas l-istess livell ta’ preċiżjoni bħall-metodu analitiku li jkun qed jissostitwixxi.”

L-istandard EN 590:2013

12

L-istandard EN 590:2013 ġie stabbilit mill-Kumitat Tekniku CEN/TC 19 “Karburanti u kombustibbli tal-gass u likwidi, żjut tal-lubrikazzjoni u prodotti relatati, tal-petrolju, sintetiċi u bijoloġiċi” u approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), fis-26 ta’ Lulju 2013, skont mandat tal-Kummissjoni Ewropea, mogħti fit-13 ta’ Novembru 2006 (M 394 – Mandat indirizzat liċ-CEN għar-reviżjoni tal-istandard EN 590 sabiex il-konċentrazzjoni ta’ FAME u ta’ FAEE tiżdied sa 10 % fil-volum).

13

Fid-daħla ta’ dan l-istandard huwa speċifikat:

“Dan l-Istandard Ewropew għandu jingħata l-istatus ta’ standard nazzjonali […], u l-istandards nazzjonali kunfliġġenti kollha għandhom jiġu rtirati sa mhux iktar tard minn Marzu 2014.

[…]

Dan id-dokument tfassal fuq mandat mogħti liċ-CEN mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

[…]

Ir-rekwiżiti tad-[Direttiva 98/70] […], inkluż dawk tal-Emendi […], jittieħdu inkunsiderazzjoni. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Il-punt 1 tal-imsemmi standard jgħid:

“Dan l-Istandard Ewropew jistabbilixxi rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar għall-karburant ta’ magna diżil (żjut tal-gass) li jkun tqiegħed fis-suq u li ġie kkunsinnat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Il-punt 5.6.1 tal-istandard EN 590:2013 huwa fformulat kif ġej:

“Għar-rekwiżiti li jiddependu minn kundizzjonijiet klimatiċi, diversi għażliet huma previsti sabiex karatteristiċi staġunali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-pjan nazzjonali. L-opzjonijiet huma komposti minn sitt karatteristiċi li jirrigwardaw il-punt fejn jitwaħħal il-filtru kiesaħ (TLF) għall-klimi moderati u ħames klassijiet differenti għall-klimi artiċi jew kundizzjonijiet xitwin qliel. Ir-rekwiżiti li jiddependu minn kundizzjonijiet klimatiċi huma indikati fit-tabella 2 (klimi moderati) u fit-tabella 3 (klimi artiċi jew kundizzjonijiet xitwin qliel). Meta jiġi ttestjat skont il-metodi ta’ ttestjar indikati fit-Tabelli 2 u 3, il-karburant għall-magna diżil (żjut tal-gass) għandu jkun konformi mal-limiti previsti f’dawn it-tabelli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

It-tabella 3 ta’ dan l-istandard, initolata “Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar relatati mal-kundizzjonijiet klimatiċi – klimi artiċi jew kundizzjonijiet xitwin qliel”, jinkludi dan li ġej:

“Proprjetajiet

Unità

Limiti

Metodi ta’ ttestjar

Klassi 0

Klassi 1

Klassi 2

Klassi 3

Klassi 4

[…]

Distillazzjoni g), h)

 

 

 

 

 

 

EN ISO 3405 i)

EN ISO 3924

Irkuprat f’180°C

% (V/V) massimu.

10.0

10.0

10.0

10.0

10.0

Irreġistrat f’340°C

% (V/V) minimu.

95.0

95.0

95.0

95.0

95.0

[…]

g)

Id-definizzjoni mogħtija fit-tariffa doganali komuni tal-UE tista’ ma tkunx applikabbli għall-klassijiet stabbiliti għall-klimi artiċi jew għall-kundizzjonijiet xitwin qliel.

[…]”

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Bulgaru

Il-Kodiċi Doganali

17

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 234(1) taż-Zakon za mitnitsite (il-Kodiċi Doganali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kull min jevita jew jipprova jevita parzjalment jew kompletament il-ħlas ta’ dazji doganali jkun qiegħed iwettaq frodi doganali.

18

Mill-punt 1 tal-Artikolu 234(3) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li l-frodi doganali li għandha bħala għan merkanzija suġġetta għal dazji tas-sisa hija ssanzjonata, għall-persuni ġuridiċi, b’sanzjoni pekunjarja ta’ 150 sa 250 % tal-ammont tad-dazji mhux imħallsa.

L-Istandard BDS EN 590:2014

19

L-istandard EN 590:2013 ġie ttraspost fil-Bulgarija mill-Istitut Bulgaru għall-Istandardizzazzjoni permezz tal-istandard BDS EN 590:2014.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fl-10 ta’ Awwissu 2015, it-tanker taż-żejt Cosmo wasal fil-port ta’ Varna, mgħobbi b’piż gross totali taħt vakwu ta’ 4384630 kg ta’ żejt minerali. SAKSA identifikat ruħha bħala d-destinatarja tal-merkanzija u ddikjaratha, deskritta bħala “żjut tal-gass 10PPM idrotrattat, b’kontenut ta’ kubrit ta’ mhux iktar minn 0.001 %, għaż-żoni klimatiċi artiċi, klassi 4 skont l-istandard EN 590, 1236742 kg taħt vakwu, 1235100 kg fil-miftuħ, 1517660 litri, b’densità ta’ 15°Celsius 816.1 kg/m3, f’24 vaguni tal-ferrovija, skont l-inventarju anness”, fl-uffiċċju doganali tal-port ta’ Varna taħt is-subintestatura tariffarja 2710 19 43 tan-NM, għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera.

21

B’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2015, is-servizz doganali ta’ Varna bagħat, għall-analiżi, lil-laboratorju reġjonali doganali ta’ Ruse (il-Bulgarija), żewġ kampjuni tal-merkanzija ddikjarata, sabiex tiġi stabbilita n-natura tagħha u għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha. Dan il-laboratorju qies li l-kampjun studjat kien kompost minn żejt minerali (petroleum) miżjud bil-paraffina u b’idrokarburi nafteniċi. L-indikaturi ta’ distillazzjoni u l-indikaturi ddeterminati oħrajn rrivelaw li dan il-kampjun kellu l-karatteristiċi proprji taż-“zjut medji”, kif jirriżultaw min-nota addizzjonali 2(c) tal-Kapitolu 27 tan-NM. Fuq il-bażi tar-riżultati miksuba, il-kampjun ġie kkunsidrat bħala prodott tat-trasformazzjoni tal-petrolju, iktar preċiżament il-kerosin.

22

Peress li l-merkanzija inkwistjoni ma ġietx mibjugħa għal magni bil-ġett, is-servizz doganali kkunsidra li din kellha tiġi kklassifikata taħt kodiċi tariffarja oħra li ma kinitx dik li ġiet iddikjarata fl-10 ta’ Awwissu 2015, jiġifieri li din kellha tiġi iskritta taħt is-subintestatura 2710 19 25 tan-NM, suġġetta għal dazji doganali ta’ 4.7 % fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Konsegwentement, id-direttur tad-dwana ta’ Varna, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2015, irrettifika l-kodiċi tariffarju u impona ħlas addizzjonali ta’ dazji doganali, għal ammont ta’ 53 864.18 leva Bulgaru (BGN) (madwar EUR 27560), u taxxa fuq il-valur miżjud għal ammont ta’ BGN 10 772.83 (madwar EUR 5500).

23

Barra minn hekk, is-servizz doganali kkunsidra li r-responsabbiltà kriminali ta’ natura amministrattiva ta’ SAKSA, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 234(1) tal-Kodiċi Doganali, kellha tiġi attribwita. Konsegwentement, fit-18 ta’ Frar 2016, id-direttur tad-dwana ta’ Varna imponielha sanzjoni pekunjarja għal ammont ta’ BGN 96 955.52 (madwar EUR 49600) fuq il-bażi tal-punt 1 tal-Artikolu 234(3) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 234(1) ta’ dan il-kodiċi.

24

SAKSA ppreżentat rikors kontra din is-sanzjoni quddiem il-Varnenski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Varna, il-Bulgarija). B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2016, din il-qorti annullat is-sanzjoni, peress li kkonstatat, fuq il-bażi ta’ perizja kimika ordnata fuq it-talba ta’ SAKSA, li ż-żejt minerali kontenzjuż kien jikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ karburant għal magna diżil, intiż għall-klimi artiċi jew għal kundizzjonijiet xitwin qliel, klassi 4, li l-karatteristiċi tiegħu huma stabbiliti mill-istandard “EN 590:2014”.

25

Is-servizz doganali appella fil-kassazzjoni kontra din id-deciżjoni quddiem l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija). Huwa jsostni li l-istandard EN 590, invokat minn SAKSA, li jistabbilixxi rekwiżiti u metodi ta’ eżami tal-karburanti diżil fis-suq, ma huwiex determinanti għall-istabbiliment tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-karburanti.

26

Skont l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna), kien jidher neċessarju li tingħata interpretazzjoni tan-nota inkluża fl-istandard EN 590 li tipprovdi “[i]d-definizzjoni [ta’ żjut tal-gass] mogħtija fit-tariffa doganali komuni tal-[Unjoni Ewropea] tista’ ma tkunx applikabbli għall-klassijiet stabbiliti għall-klimi artiċi jew għall-kundizzjonijiet xitwin qliel” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, id-definizzjoni li għandu jsir riferiment għaliha fir-rigward ta’ dan il-karburant ma tirriżultax b’mod ċar minn din in-nota u ma tippermettix li titfassal is-setgħa diskrezzjonali tas-servizz doganali kompetenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-rabta bejn ir-rekwiżiti u l-metodi ta’ eżami tal-imsemmi standard, minn naħa, u l-klassifikazzjoni tariffarja tal-karburanti, min-naħa l-oħra, ma hijiex indikata.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regola li tinsab fl-ispjegazzjonijiet tat-tabella 3 tal-istandard EN 590 (li issa sar l-istandard EN 590:2014), li tipprovdi li “huwa possibbli li d-definizzjoni [ta’ żjut tal-gass] fis-sens tat-tariffa doganali tal-[Unjoni Ewropea] ma tiġix applikata għall-klassijiet intiżi li jintużaw fi klima artika jew f’kundizzjonijiet xitwin qliel”, tfisser li, għal dan it-tip ta’ karburant, huwa possibbli li ma jiġux applikati r-regoli ġenerali tan-nota komplementari 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e), [tan-NM] għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jekk jiġi stabbilit li l-merkanzija suġġetta għal dazji doganali tikkorrispondi għad-definizzjoni tal-“karburant diżil intiż sabiex jintuża fi klima artika jew f’kundizzjonijiet xitwien qliel”, konformement mal-kriterji tal-istandard EN 590, din il-merkanzija għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi tariffarju 2710 19 43 tan-[NM], li tikkorrispondi għall-“żjut tal-gass” jew inkella għandhom jiġu applikati r-regoli ġenerali tan-nota komplementari 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e) tan-[NM]?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat meta tapplika d-definizzjoni taż-żjut tal-gass skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni Ewropea u meta jkun meħtieġ li jintużaw ir-rekwiżiti u l-metodi ta’ eżami tal-istandard EN 590 għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija?

4)

Il-metodi u l-indikaturi ta’ analiżi li jinsabu fin-nota komplementari 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e) [tan-NM] huma suffiċjenti sabiex merkanzija tiġi kkaratterizzata kompletament u preċiżament bħala “żjut tal-gass” jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikaturi kimiċi kollha li huma karatteristiċi tal-imsemmija merkanzija?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Aramex Nederland, C‑145/16, EU:C:2017:130, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-istandard EN “590:2014”, il-verżjoni tal-istandard EN 590 applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali hija dik ta’ Settembru 2013, li ġiet indikata miċ-CEN bħala l-istandard EN 590:2013 u li għadha fis-seħħ.

30

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li żejt minerali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jiġi kklassifikat bħala żjut tal-gass taħt is-subintestatura 2710 19 43 tan-NM, meta dan kien jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-istandard EN 590:2013 dwar żjut tal-gass intiżi għal klimi artiċi jew għal kundizzjonijiet xitwin qliel.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi tagħha u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu (sentenza tat-19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-karatterestiċi u dawn il-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tal-isdoganament (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Latvijas propāna gāze, C‑286/15, EU:C:2016:363, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li s-subintestatura 2710 19 43 tan-NM, li l-formulazzjoni tagħha tinkludi żjut tal-gass b’kontenut bħala piż ta’ kubrit mhux ogħla minn 0.001 %, tifforma parti mill-intestatura 2710 tan-NM, li tirrigwarda ż-żjut minerali (petroleum) jew ta’ minerali bituminużi, minbarra ż-żjut mhux raffinati. Għall-applikazzjoni ta’ din l-intestatura, fil-punt e) tagħha, in-nota addizzjonali 2 tal-Kapitolu 27 tan-NM tagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ “żjut tal-gass”.

33

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt e), moqri flimkien mal-punt d) ta’ din in-nota addizzjonali, jirriżulta li jitqiesu bħala “żjut tal-gass”, b’mod partikolari, iż-żjut u l-preparazzjonijiet li minnhom inqas minn 65 % tal-volum, inkluż it-telf, jiddistilla f’250°Celsius u 85 % jew iktar f’350°Celsius, bil-metodu ISO 3405.

34

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess ta’ dawn il-punti jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija bħala żjut tal-gass, hija biss ir-rata ta’ distillazzjoni fit-temperaturi indikati, bil-metodu ISO 3405, li hija determinanti fil-kuntest tal-intestatura 2710 tan-NM.

35

Konsegwentement, peress li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet għall-proċedura prinċipali li ż-żejt minerali inkwistjoni jiddistilla, bil-metodu ISO 3405, iktar minn 65 % f’250 Celsius, dan ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “żjut tal-gass”, skont in-nota addizzjonali 2(e) tal-Kapitolu 27 tan-NM, u ma jistax jiġi kklassifikat taħt is-subintestaturi relatati mal-prodotti li jaqgħu taħt din id-definizzjoni.

36

Barra minn hekk, għalkemm SAKSA ssostni li l-prodott inkwistjoni nbiegħ, wara li ġie importat, bħala żjut tal-gass (karburant diżil), għandu jitfakkar li d-destinazzjoni ta’ prodott hija kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni ma tistax titwettaq biss fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Aramex Nederland, C‑145/16, EU:C:2017:130, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li mill-karatteristiċi ta’ distillazzjoni ta’ dan il-prodott jirriżulta preċiżament li dan ma jaqax, għall-applikazzjoni tal-intestatura 2710 tan-NM, taħt id-definizzjoni taż-żjut tal-gass, fis-sens ta’ din in-nota addizzjonali 2(e).

37

Il-fatt li SAKSA rreferiet għan-nota g tat-tabella 3 tal-istandard EN 590:2013, li skontha d-definizzjoni ta’ “żjut tal-gass” mogħtija fin-NM “tista’ ma tiġix applikata għall-klassijiet intiżi li jintużaw fi klima artika jew f’kundizzjonijiet xitwin qliel” ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

38

Fil-fatt, l-istandard EN 590:2013 ma ġiex adottat minn korp tal-Unjoni, iżda miċ-CEN, organu rregolat mid-dritt privat.

39

Ċertament, jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li standard armonizzat, imfassal minn organu rregolat mid-dritt privat, jista’ jiġi kkunsidrat li jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni meta dan l-istandard ikun ġie kkonċepit fuq l-inizjattiva u taħt id-direzzjoni kif ukoll taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, u meta jipproduċi effetti legali vinkolanti wara l-pubblikazzjoni tar-riferimenti tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction, C‑613/14, EU:C:2016:821, punti 40, 43 u 44).

40

Barra minn hekk, huwa minnu li l-istandard EN 590:2013 tfassal miċ-CEN fuq il-bażi tal-mandat M 394, mogħti mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Novembru 2006. Barra minn hekk, wara li ċ-CEN stabbilixxa dan l-istandard, permezz tad-Direttiva 2014/77, il-Kummissjoni aġġornat ir-riferiment għal dan l-istandard fin-nota 1 tal-Anness II tad-Direttiva 98/70.

41

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-riferiment għall-istandard EN 590:2013 b’applikazzjoni tan-nota 1 ta’ dan l-Anness II jirrigwarda biss il-metodi ta’ ttestjar imsemmija f’dan l-istandard.

42

Peress li n-nota g tat-tabella 3 tal-istandard EN 590:2013 ma tinkludi l-ebda metodu ta’ ttestjar, hija ma tistax tiġi kkunsidrata li tifforma parti mid-dritt tal-Unjoni u ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li żejt minerali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax, minħabba l-karatteristiċi ta’ distillazzjoni tiegħu, jiġi kklassifikat bħala żjut tal-gass taħt is-subintestatura 2710 19 43 tan-NM, anki meta dan iż-żejt kien jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-istandard EN 590:2013 dwar żjut tal-gass intiżi għal klimi artiċi jew għal kundizzjonijiet xitwin qliel.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġuni, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li żejt minerali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax, minħabba l-karatteristiċi ta’ distillazzjoni tiegħu, jiġi kklassifikat bħala żjut tal-gass taħt is-subintestatura 2710 19 43 ta’ din in-nomenklatura, anki meta dan iż-żejt kien jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-istandard armonizzat EN 590, fil-verżjoni tiegħu ta’ Settembru 2013, dwar żjut tal-gass intiżi għal klimi artiċi jew għal kundizzjonijiet xitwin qliel.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq