EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CC0159

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018.
André Moens vs Ryanair Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport.
Kawża C-159/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:1040

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018 ( 1 )

Kawża C-159/18

André Moens

vs

Ryanair Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi (il-Qorti Konċiljatorja tat-Tielet Kanton ta’ Charleroi, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament ‘KE’ Nru 261/2004 – Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Dritt għal kumpens – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Għeluq tal-pista minħabba t-tixrid ta’ fjuwil”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi (il-Qorti Konċiljatorja tat-Tielet Kanton ta’ Charleroi, il-Belġju) tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja talba ġdida sabiex tikkjarifika l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ), f’dan il-każ fir-rigward ta’ tixrid tal-fjuwil fuq pista li kkawża l-għeluq ta’ din il-pista. Ittrattajt dan il-kunċett f’ċertu dettall fil-konklużjonijiet reċenti tiegħi f’Germanwings (C-501/17, EU:C:2018:945, punti 26 sa 87). Peress li l-kwistjonijiet imqajma f’dan il-każ huma tkomplija ta’ dawk diskussi f’Germanwings, sabiex tiġi evitata repetizzjoni mhux meħtieġa, ser nibbaża ruħi fuq l-analiżi li tinsab f’dawk il-konklużjonijiet u ser nillimita ruħi li nindirizza l-kwistjonijiet li huma speċifiċi għall-każ preżenti.

I. Il-kuntest ġuridiku

2.

Għall-istess raġunijiet, nirreferi għad-dispożizzjonijiet legali rilevanti tar-regolament imsemmi hawn fuq (li huma identiċi hawnhekk) kif imsemmi fil-punti 4 sa 7 tal-konklużjonijiet f’Germanwings.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3.

André Moens irriżerva titjira ma’ Ryanair Ltd minn Venezja (Treviso, l-Italja) għal Charleroi skedata għall-21 ta’ Diċembru 2015. L-ajruplan kien mistenni jitlaq fil-17.00 u jillandja fis-18.40. It-titjira waslet f’Charleroi 4 sigħat u 23 minuta tard. Minħabba dan id-dewmien, il-kumpannija CLAIMIT, debitament ordnata minn A. Moens, bagħtet talba għall-ħlas tal-kumpens ta’ EUR 250 pagabbli taħt ir-Regolament Nru 261/2004. Sussegwentement, ir-rappreżentant legali ta’ A. Moens bagħat avviż formali ta’ ħlas lil Ryanair. Il-kumpannija rrifjutat li tikkumpensa lis-Sur Moens, u sostniet li l-avveniment kien “ċirkustanza straordinarja”. Il-kuntest fattwali bażiku huwa li tixrid ta’ fjuwil fuq il-pista tat-tlugħ ikkawża l-għeluq tal-pista għal iktar minn sagħtejn, u dan l-għeluq wassal għad-dewmien tat-tluq tat-titjira ta’ A. Moens.

4.

Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar il-klassifikazzjoni tal-avveniment ta’ hawn fuq bħala “ċirkustanza straordinarja” u għalhekk iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)

Il-fatt inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway [iktar ’il quddiem “l-avveniment inkwistjoni”], jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “avveniment” fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771), jew taħt dak ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-premessa 14 [tar-Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru], kif interpretat mis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, EU:C:2013:43), jew dawn iż-żewġ kunċetti huma l-istess ħaġa?

2)

L-Artikolu 5(3) [ta’ dan ir-Regolament], għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, għandu jitqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru u, konsegwentement, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li tista’ teżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan?

3)

Jekk l-avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, minn dan għandu jiġi dedott li għat-trasportatur bl-ajru dan jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” li ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha?

III. Analiżi

A.   L-ewwel domanda

1. Sunt fil-qosor tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

5.

A. Moens isostni li t-tixrid ta’ fjuwil fuq pista li kkawża l-għeluq tal-pista għandu jiġi kklassifikat taħt il-kunċett ta’ “avveniment”; avveniment jikkwalifika bħala “ċirkustanza straordinarja” jekk jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ryanair tqis li l-premessa 14 tar-Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru tista’ ma titqiesx li timponi kriterju legali supplimentari, li jipprovdi li ċirkustanza għandha wkoll titqies li tikkostitwixxi “avveniment” skont din il-premessa. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Polonja jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tindirizza l-ewwel domanda. Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-avveniment inkwistjoni ma jikkostitwixxix fih innifsu “ċirkustanza straordinarja” u, għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-fatti kollha tal-kwistjoni.

2. Evalwazzjoni

6.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta jekk it-tixrid ta’ fjuwil petrol fuq pista li kkawża l-għeluq tal-pista jikkostitwixxix: (a) “avveniment” (li jista’ jagħti lok għal “ċirkustanza straordinarja”) jew (b) “ċirkustanza straordinarja” jew (ċ) it-tnejn fl-istess ħin (jekk dawn il-kunċetti għandhomx jiġu kkombinati).

7.

Fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771, punt 22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[m]inn din l-indikazzjoni fil-[premessa 14] tar-[Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru] jirriżulta li l-leġiżlatur [tal-UE] ma kienx qed isostni li dawn l-avvenimenti, li wara kollox huma elenkati biss [f’din il-premessa] bħala indikazzjoni, jikkostitwixxu fihom infushom ċirkustanzi straordinarji, iżda sempliċement li jistgħu jipproduċu t-tali ċirkustanzi. Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanzi kollha madwar dawn l-avvenimenti mhumiex neċessarjament każijiet għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament.” (enfasi miżjuda) – u għalhekk jeħtieġu evalwazzjoni każ b’każ.

8.

Fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-Qorti kkaratterizzat bħala “ċirkustanzi straordinarji” dawk iċ-ċirkustanzi“relatati ma’ avveniment li, skont dawk elenkati fil-premessa 14 tar-[Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru], mhuwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu” (enfasi miżjuda).

9.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta – u dan ma huwiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – li kien it-tixrid ta’ fjuwil fuq il-pista li kkawża l-għeluq tal-pista għal iktar minn sagħtejn. Dan l-għeluq wassal sabiex l-awtoritajiet tal-ajruport jieħdu deċiżjonijiet sabiex jiskedaw it-tluq tal-ajruplani u jattribwixxu slots ta’ ħin ġodda għalihom. Dan l-iskedar mill-ġdid ikkawża d-dewmien tat-titjira ta’ A. Moens.

10.

Fuq il-bażi tal-kwotazzjoni ta’ hawn fuq mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “avveniment” u “ċirkustanza straordinarja”, kif invokati mill-qorti tar-rinviju, huma marbuta mill-qrib, iżda ma għandhomx jiġu kkombinati.

11.

Kif tosserva l-Kummissjoni, huwa ċar li ma jista’ jkun hemm ebda ċirkustanza straordinarja mingħajr l-okkorrenza ta’ avveniment li jagħti lok għaliha. Madankollu, l-oppost ma huwiex dejjem minnu. Fil-fatt, l-għeluq ta’ pista tat-tluq mhux bilfors iwassal għal “ċirkustanza straordinarja”: pereżempju, f’sitwazzjoni fejn l-ajruport għandu għad-dispożizzjoni tiegħu pisti oħra li jistgħu jintużaw sabiex jiġi mmitigat l-għeluq. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din il-kwistjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-fatti ta’ dan il-każ.

12.

Dan il-qari huwa impliċitament ikkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342, punt 17) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal domanda prattikament identika. L-ewwel domanda li saret f’din il-kawża u d-domandi magħmula fil-kawża Pešková u Peška, iżda wkoll fil-kawża van der Lans ( 3 ), juru li l-qrati nazzjonali jikkumbattu bil-kliem tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru kif ukoll bil-premessa 14 tiegħu. Għalhekk, inqis – kuntrarjament għall-Gvern Ġermaniż – li l-ewwel domanda ma hijiex sempliċement akkademika u teħtieġ risposta ċara mill-Qorti tal-Ġustizzja.

13.

Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal din il-kwistjoni sempliċement impliċitament, meta ddikjarat li “jistgħu jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-[Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru], l-avvenimenti li, minn natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar” (punt 22 ta’ Pešková u Peška, enfasi miżjuda minni).

14.

Kuntrarjament, “ma tikkostitwixxix ċirkustanza straordinarja l-ħsara qabel il-waqt ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, peress li tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan. Fil-fatt, dan l-avveniment mhux mistenni, ma jaħrabx mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru, peress li huwa għandu jiżgura ż-żamma u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplani li huwa juża għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu” (punt 23 ta’ Pešková u Peška, enfasi miżjuda minni).

15.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l-Artikolu 5(3) tar-[Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru], moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni” (punt 26 tas-sentenza Pešková u Peška).

16.

Meta wieħed japplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata hawn fuq għall-kawża preżenti, isegwi li l-avveniment li jikkonsisti fit-tixrid ta’ fjuwil fuq pista li kkawża l-għeluq ta’ din il-pista ma jikkostitwixxix per se “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru. Għalhekk, sabiex dan l-avveniment jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”, huwa neċessarju li l-qorti tar-rinviju teżamina l-fatti kollha tal-kawża quddiemha.

B.   It-tieni u t-tielet domanda

1. Sunt fil-qosor tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

17.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-partijiet kollha (ħlief għal A. Moens) jaqblu li t-tixrid ta’ fjuwil fuq pista li kkawża l-għeluq ta’ din il-pista u dewmien sinjifikattiv ta’ titjira jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”. Madankollu, il-motivazzjoni ta’ din il-konklużjoni tvarja skont il-partijiet.

18.

Ryanair tqis li l-kundizzjoni ta’ inerenza fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru la hija adatta u lanqas neċessarja: ma hijiex inkluża fir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru u toħloq inċertezza. Ryanair tindika l-klassifikazzjoni problematika mill-qrati nazzjonali ta’ avvenimenti bħal sajjetti jew kolliżjonijiet ma’ għasafar. Hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tabbanduna dan il-kriterju suġġettiv u inċert, u tillimita ruħha għall-kriterju ta’ “ċirkustanzi li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni essenzjalment jargumentaw li ċ-ċirkustanza rilevanti hawn ma hijiex it-tixrid ta’ fjuwil fuq il-pista, iżda d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet tal-ajruport li jagħlqu dik il-pista. Il-Gvern Pollakk iqis li d-dewmien kien ikkawżat minn żewġ ċirkustanzi marbuta mill-qrib: malfunzjonament ta’ ajruplan differenti mill-ajruplan ta’ Ryanair li kellu jwettaq it-titjira kkonċernata u deċiżjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li tingħalaq il-pista, it-tnejn jikkostitwixxu “ċirkustanzi straordinarji”. Kuntrarjament, A. Moens iqis li t-tixrid ta’ fjuwil fuq pista huwa min-natura tiegħu inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru: huwa avveniment normali fl-avjazzjoni minħabba li l-ajruplani huma għammra b’valvi intiżi sabiex tiġi evitata pressjoni eċċessiva ta’ fjuwil fit-tankijiet. Barra minn hekk, tali tixrid ma jmurx lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru sa fejn ħafna drabi jkun hemm kwistjoni teknika li tirriżulta minn manutenzjoni insuffiċjenti, minn falliment prematur ta’ dawn il-valvi jew minn manipulazzjoni żbaljata. A. Moens iżid li probabbilment it-tixrid tal-fjuwil inkwistjoni huwa dovut għal ajruplan ieħor li jappartjeni lil Ryanair, li jikkonferma li t-trasportatur bl-ajru kellu kontroll fuq is-sitwazzjoni.

19.

Fir-rigward tat-tielet domanda, A. Moens kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Pollakk essenzjalment iqisu li l-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” jimplika li l-avveniment inkwistjoni għandu jkun imprevist. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni ma jarawx liema miżuri setgħet possibbilment ħadet Ryanair sabiex tevita d-dewmien. Ryanair tqis li, fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, huwa biżżejjed li jiġi evalwat jekk iċ-ċirkustanzi setgħux jiġu evitati li kieku t-trasportatur ħa l-mezzi raġonevoli kollha – madankollu din hija evalwazzjoni fattwali li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

2. Evalwazzjoni

20.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk avveniment li jikkonsisti fit-tixrid ta’ fjuwil fuq pista li jkun implika l-għeluq ta’ dik il-pista għandux jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li tista’ teżonera lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien sinjifikattiv ta’ titjira operata minn dak it-trasportatur.

21.

Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Germanwings (C-501/17, EU:C:2018:945, punt 48), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ċirkustanzi straordinarji skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru stabbilixxiet test b’żewġ partijiet: (i) il-problema trid tkun attribwita lill-avveniment – bħal dawk l-avvenimenti msemmija fil-premessa 14 tal-imsemmi regolament – li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (l-ewwel parti); u (ii) minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu, imur lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru (it-tieni parti). Għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ partijiet (kundizzjonijiet): (i) natura inerenti u (ii) kontroll, għandhom jiġu evalwati każ b’każ u huma kumulattivi. Jien ser nindirizzahom wara xulxin hawn taħt.

a) Natura inerenti

22.

L-ewwel nett, liema avveniment kawżali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest: it-tixrid tal-fjuwil jew id-deċiżjoni li tingħalaq il-pista jew it-tnejn?

23.

Jidhirli (kif jagħmlu l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni) li ċ-ċirkustanza rilevanti hawnhekk ma hijiex it-tixrid tal-fjuwil fuq il-pista, iżda d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet tal-ajruport li jagħlqu dik il-pista, u ma huwiex rilevanti li tiġi stabbilita r-raġuni għal dik id-deċiżjoni, sa fejn l-għeluq ma kienx prevedibbli, ippjanat jew imħabbar bil-quddiem.

24.

L-istess bħall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, li jistgħu jipprevjenu t-twettiq ta’ titjira ppjanata, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-ajruporti jistgħu jinfluwenzaw ukoll b’“mod estranju” (jiġifieri minn barra) it-twettiq ta’ titjira ppjanata.

25.

Kif ġie rrilevat mill-Gvern Ġermaniż, dawn id-deċiżjonijiet ma jiffurmawx parti mill-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat fil-kuntest tat-twettiq tat-trasport bl-ajru; huma jaqgħu taħt l-attivitajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-ajruport, li għandhom ikunu distinti minn dawk tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

26.

Ma huwiex neċessarju li jkun magħruf liema raġunijiet wasslu lill-awtoritajiet tal-ajruporti jordnaw l-għeluq ta’ pista, sa fejn hija biss dik id-deċiżjoni nnifisha li għandha impatt negattiv fuq it-twettiq tat-titjira ppjanata kkonċernata, filwaqt li t-trasportatur tal-ajru ma għandu ebda influwenza fuqha. Jekk id-deċiżjoni timplika dewmien jew kanċellazzjonijiet, hija f’din id-deċiżjoni li hemm “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru. Jista’ jiġi argumentat li abbażi tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, huwa wkoll possibbli li l-mod kif id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-ajruport kienet immotivata ma huwiex rilevanti. Din il-premessa espliċitament tinkludi bħala “ċirkustanza straordinarji” deċiżjoni ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ ajruplan partikolari li jimplika dewmien twil jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira jew iktar ta’ dan l-ajruplan.

27.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ċ-ċirkustanzi li ġejjin ma jikkostitwixxux avvenimenti li huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat: l-għeluq ta’ (parti minn) spazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull, dan l-avveniment estranju jaqa’ barra mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, EU:C:2013:43)); ħabta bejn ajruplan u għasfur, kif ukoll il-ħsara kkawżata minnha, sakemm dawn ma jkunux intrinsikament marbuta mas-sistema operattiva tal-ajruplan u ma jkunux min-natura jew mill-oriġini tagħhom inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, u barra minn hekk, jaqgħu barra mill-kontroll effettiv tiegħu (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C-315/15, EU:C:2017:342); difett moħbi tal-manifattura li jaffettwa s-sigurtà tat-titjira jew il-ħsara lill-ajruplan minħabba sabotaġġ jew terroriżmu (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, EU:C:2008:771); u fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Germanwings (C-501/17, EU:C:2018:945) jiena qist li ħsara ta’ tajer ta’ ajruplan ikkawżata minn viti fuq il-pista tat-tluq jew tal-inżul taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”.

28.

Jekk wieħed japplika l-ġurisprudenza ta’ hawn fuq għall-kawża preżenti, huwa ċar li l-għeluq ta’ pista li la kien previst u lanqas imħabbar jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar- Regolament tad-Drittijiet tal-Passiġġieri, sa fejn huwa “estranju” għat-trasportatur tal-ajru kkonċernat – la huwa marbut mal-manutenzjoni u lanqas mal-funzjonament tajjeb tal-ajruplan tiegħu.

29.

Barra minn hekk, naqbel mal-Gvern Ġermaniż li, anki jekk ir-raġuni għall-għeluq kellha tittieħed inkunsiderazzjoni (quod non), dan ma jeskludix il-konklużjoni li hemm “ċirkustanza straordinarja”. Dan huwa l-każ minħabba li t-tixrid tal-fjuwil inkwistjoni huwa, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, attribwibbli għal trasportatur tal-ajru differenti minn dak inkwistjoni ineżami u għalhekk ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu (bl-istess mod bħad-deċiżjoni li tingħalaq il-pista) u mid-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma jirriżulta li kienet ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jnaddaf din il-pista ( 4 ).

30.

L-analiżi preċedenti hija sostnuta wkoll mill-proposta tal-Kummissjoni COM(2013) 130 finali għal regolament ġdid li jemenda r-Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru ( 5 ) li issa jipprovdi espressament għal dan il-għan: l-għeluq imprevist ta’ ajruport għandu jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja”. ( 6 )

31.

Finalment, nirrimarka li l-ġurisprudenza Ġermaniża hija partikolarment rikka f’dan il-kuntest u tidher li tmur fl-istess direzzjoni bħal dik li qiegħed nipproponi ( 7 ).

b) Kontroll

32.

Fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771, punti 39 sa 41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-leġiżlatur [UE] ma kellux l-intenzjoni li jipprovdi għal eżenzjoni mill-obbligu li jiġu kkumpensati l-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mhux fiċ-ċirkustanzi straordinarji kollha, iżda biss f’dawk iċ-ċirkustanzi li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.” Għalhekk, “peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha kienu jagħtu lok għal eżenzjoni, huwa min jixtieq jinvoka ċ-ċirkustanzi straordinarji bħala difiża li għandu l-oneru li jistabbilixxi, barra minn hekk, li f’kull każ dawn ma setgħux jiġu evitati permezz ta’ miżuri adatta għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ dawk il-miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw b’mod partikolari kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.” Dan tal-aħħar għandu jistabbilixxi li, “anki li kieku kellu juża l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, evidentement xorta ma kienx jista’ mingħajr ma jbati minn sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument ikkonċernat, jevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kien qed jiffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira.”

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 5(3) tar-[Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru] ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi, skont miżuri raġonevoli, li tiġi ppjanata, b’mod ġenerali u indifferenzjat, riżerva ta’ żmien minima applikabbli indistintivament għat-trasportaturi tal-ajru kollha fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom seħħew ċirkustanzi straordinarji” (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks, C-294/10, EU:C:2011:303, punt 31).

34.

Barra minn hekk, “[h]ija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, it-trasportatur tal-ajru kkonċernat ħax il-miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri dawk li, fil-mument meta seħħew iċ-ċirkustanzi straordinarji kkonstatati, kienu jissodisfaw, b’mod partikolari, kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għal dan it-trasportatur” (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann,C-549/07, EU:C:2008:771, punt 42).

35.

Naqbel mal-Gvern Ġermaniż li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-trasportatur tal-ajru kkonċernat kellu informazzjoni minn qabel jew indikazzjonijiet dwar l-għeluq tal-pista, li kienet tippermettilu jieħu miżuri preventivi. Barra minn hekk, anki jekk it-trasportatur tal-ajru kellu għad-dispożizzjoni tiegħu dik l-informazzjoni, ma huwiex ċar liema miżuri seta’ effettivament ħa sabiex jevita ċ-ċirkustanza straordinarja. Fil-każ ineżami, it-trasportatur tal-ajru kien f’sitwazzjoni li kienet esklużivament passiva u kien obbligat isegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tal-ajruport. Jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-trasportatur tal-ajru nnifsu ma kellu ebda awtorità neċessarja li tippermettilu jieħu miżuri korrettivi fuq inizjattiva tiegħu stess - u dan la b’mod preventiv (pereżempju, permezz ta’ tluq qabel l-għeluq tal-pista) u lanqas a posteriori, ladarba ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tingħalaq il-pista. Lanqas ma kien obbligat jew seta’ jieħu miżuri attivi sabiex jikseb spazju ta’ ħin ġdid kemm jista’ jkun malajr fil-kuntest tal-iskedar mill-ġdid tat-tlugħ ippjanat mill-awtoritajiet tal-ajruporti.

36.

Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, it-trasportatur tal-ajru ma jiksibx informazzjoni immedjata dwar l-okkorrenza tal-avveniment, ma jipparteċipax fid-deċiżjoni dwar l-għeluq tal-pista, ma jistax ifittex fuq inizjattiva tiegħu soluzzjonijiet alternattivi u huwa obbligat isegwi l-istruzzjonijiet maħruġa mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

37.

Kif ġie rrilevat mill-Gvern Pollakk, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-għeluq tal-pista, id-dritt tal-Unjoni nnifsu jeżiġi dan l-għeluq għat-tul tat-tindif ( 8 ), filwaqt li t-trasportatur tal-ajru m’għandu ebda influwenza fuq dik id-deċiżjoni (jew fuq il-ħeffa tal-operazzjoni tat-tindif).

38.

Għandu jiġi osservat f’dan il-kuntest li, waqt l-evalwazzjoni tal-miżuri raġonevoli li għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-trasportatur tal-ajru, “għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri li jistgħu effettivament jiġu attribwiti lilu, minbarra dawk li huma kompetenza ta’ terzi, bħal, b’mod partikolari, it-tmexxija tal-ajruporti u l-kontrolluri tat-traffiku kompetenti” (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C-315/15, EU:C:2017:342, punt 43).

39.

Fl-aħħar, inqis (kif tagħmel il-Kummissjoni) li s-sitwazzjoni f’din il-kawża tirrifletti sa ċertu punt il-premessa 15 tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru ( 9 ) li tirrikonoxxi n-natura straordinarja ta’ ipoteżi li tista’ titqabbel ma’ dik inkwistjoni hawnhekk: sitwazzjoni fejn deċiżjoni dwar l-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ ajruplan partikolari f’ġurnata partikolari timplika dewmien twil.

40.

Konsegwentement, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-Drittijiet ta’ Passiġġieri tal-Ajru, li tipprovdi li ċ-ċirkustanzi straordinarji u l-konsegwenzi tagħhom, “ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin” hija ssodisfatta fil-każ preżenti. Sa fejn it-trasportatur tal-ajru la seta’ jipprevedi l-għeluq temporanju tal-pista insegwitu tat-tixrid tal-fjuwil fuqha, la jqassar il-perijodu ta’ żmien ta’ dan l-għeluq u lanqas jirrikorri għal soluzzjonijiet alternattivi, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-ajruport kienet tmur lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru u ma setgħetx tiġi evitata.

IV. Konklużjoni

41.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi (il-Qorti Konċiljatorja tat-Tielet Kanton ta’ Charleroi, il-Belġju) kif ġej:

(1)

L-avveniment li jikkonsisti fit-tixrid ta’ fjuwil fuq pista ta’ tlugħ li kkawża l-għeluq tal-pista ma jikkostitwixxix fih innifsu “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91. Sabiex dan l-avveniment jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”, huwa meħtieġ li l-qorti tar-rinviju teżamina l-fatti kollha tal-kawża prinċipali.

(2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tixrid ta’ fjuwil fuq pista ta’ tlugħ li kkawża l-għeluq tal-pista għal iktar minn sagħtejn u li implika d-dewmien tat-titjira kkonċernata jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan l-avveniment ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jmur lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306).

( 3 ) Ara d-domandi magħmula fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C 257/14, EU:C:2015:618, punt 18). Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet dawn id-domandi impliċitament b’mod simili għall-motivazzjoni tagħha fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342) li hija diskussa hawn taħt.

( 4 ) Fil-fatt, pereżempju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-qrati qiesu li falliment tekniku, bħat-tixrid ta’ fjuwil, għandu jitqies bħala kwistjoni ta’ sikurezza u kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”. Ara r-Rikorrenti vs KLM Royal Dutch Airlines, rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi il-Baxxi), 9 ta’ Mejju 2007, 791233 CV Expl 06-19812; NAS a.O. vs Transavia, rechtbank Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Utrecht, il-Pajjiżi il-Baxxi), 27 ta’ Ġunju 2007, LJN BE9027; rechtbank Haarlem, (il-Qorti Distrettwali ta’ Haarlem, il-Pajjiżi il-Baxxi) 29 ta’ Ottubru 2009, LJN BG2720; rechtbank Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), 3 ta’ Ottubru 2007, LJN AZ5828.

( 5 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom.

( 6 ) Il-kitba legali akkademika qieset ukoll li skont is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771) wieħed jista’ jikklassifika bħala “ċirkustanzi straordinarji” l-għeluq temporanju jew restrizzjonijiet operattivi ta’ ajruport (Bartlik, M., ‘Der „außergewöhnliche Umstand” nach dem Urteil des Europäischen Gerichtshofs in der Rechtssache Wallentin-He[r]mann gegen Alitalia’, RRa, 2009, p. 278, Balfour, J., The ‘Extraordinary Circumstances’ Defence in EC Regulation 261/2004 after Wallentin-Hermann v Alitalia’, Zeitschrift für Luft- und Weltraumrecht, 58, 2009, p. 224 u 230).

( 7 ) Ara s-sentenza tal-Amtsgericht Erding (il-Qorti Distrettwali ta’ Erding, il-Ġermanja) tat-18 ta’ April 2011, Kawża 2 C-1053/11. Ara wkoll sentenzi rilevanti oħra ta’: Amtsgericht Wedding (il-Qorti Distrettwali ta’ Wedding, il-Ġermanja) tat-28 ta’ Ottubru 2010, Kawża 2 C-115/10, Amtsgericht Geldern (il-Qorti Distrettwali ta’ Geldern, il-Ġermanja) tat-3 ta’ Awwissu 2011, Kawża 4 C-242/09, Amtsgericht Königs Wusterhausen (il-Qorti Distrettwali ta’ Königs Wusterhausen, il-Ġermanja) tat-8 ta’ Ġunju 2011, Kawża 9 C-113/11, Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tat-30 ta’ Jannar 2014, Kawża 32 C-3328/13, Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tal-1 ta’ Awwissu 2014, Kawża 30 C-2922/13.

( 8 ) Ara l-Anness IV, taħt ADR.OPS.C.010 “Bankini, uċuħ tal-art oħrajn u drenaġġ”, taħt (a) u (b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 44, p. 1).

( 9 ) Ara wkoll il-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Fuq