Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CJ0216
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 19 December 2018.#Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato - Antitrust and Coopservice Soc. coop. arl v Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Vallecamonica - Sebino (ASST) and Others.#Request for a preliminary ruling from the Consiglio di Stato.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2004/18/EC — Article 1(5) — Article 32(2) — Award of public works contracts, public supply contracts and public service contracts — Framework agreements — Clause extending the framework agreement to other contracting authorities — Principles of transparency and equal treatment of economic operators — No determination of the quantity covered by subsequent public procurement contracts or determination by reference to the usual requirements of the contracting authorities that are not signatories to the framework agreement — Prohibition.#Case C-216/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2018.
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato - Antitrust u Coopservice Soc. coop. arl vs Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Vallecamonica - Sebino (ASST) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(5) – Artikolu 32(2) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Ftehimiet qafas – Klawżola ta’ estensjoni tal-ftehim qafas għal awtoritajiet kontraenti oħra – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi – Assenza ta’ determinazzjoni tal-kwantità tal-kuntratti pubbliċi sussegwenti jew determinazzjoni b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tal-awtoritajiet kontraenti li ma humiex firmatarji tal-ftehim qafas – Projbizzjoni.
Kawża C-216/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2018.
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato - Antitrust u Coopservice Soc. coop. arl vs Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Vallecamonica - Sebino (ASST) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(5) – Artikolu 32(2) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Ftehimiet qafas – Klawżola ta’ estensjoni tal-ftehim qafas għal awtoritajiet kontraenti oħra – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi – Assenza ta’ determinazzjoni tal-kwantità tal-kuntratti pubbliċi sussegwenti jew determinazzjoni b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tal-awtoritajiet kontraenti li ma humiex firmatarji tal-ftehim qafas – Projbizzjoni.
Kawża C-216/17.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:1034
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
19 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(5) – Artikolu 32(2) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Ftehimiet qafas – Klawżola ta’ estensjoni tal-ftehim qafas għal awtoritajiet kontraenti oħra – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi – Assenza ta’ determinazzjoni tal-kwantità tal-kuntratti pubbliċi sussegwenti jew determinazzjoni b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tal-awtoritajiet kontraenti li ma humiex firmatarji tal-ftehim qafas – Projbizzjoni”
Fil-Kawża C‑216/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2017, fil-proċedura
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust,
Coopservice Soc. coop. arl
vs
Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Vallecamonica – Sebino (ASST),
Azienda Socio-Sanitaria Territoriale del Garda (ASST),
Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Valcamonica (ASST),
fil-preżenza ta’:
Markas Srl,
ATI – Zanetti Arturo & C. Srl e in proprio,
Regione Lombardia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn J. Malenovský, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Coopservice Soc. coop. arl, minn P. S. Pugliano, avvocato, |
– |
għal Markas Srl, minn F. G. Scoca, P. Adami u I. Tranquilli, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn B. Tidore u P. Palmieri, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif ukoll tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi, li ġew magħquda mill-qorti tar-rinviju, bejn, l-ewwel wieħed, l-Autorità Garante della Concorrenza e del mercato (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Suq — Antitrust, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCM”) u, t-tieni wieħed, Coopservice Soc. coop. arl, u l-Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Vallecamonica – Sebino (is-Servizz tas-Saħħa u Soċjali Territorjali tal-Valcamonica – Sebino, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“ASST Valcamonica”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħat li taderixxi għal kuntratt ta’ titjib tal-ambjent, ta’ ġbir u ta’ rimi ta’ skart (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inizjali”), konkluż matul is-sena 2012 mill-Azienda Socio-Sanitaria Territoriale del Garda (is-Servizz tas-Saħħa u Soċjali Territorjali tal-Garda, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“ASST tal-Garda”) mal-ATI – Zanetti Arturo & C. Srl, grupp temporanju ta’ impriżi kompost minn Markas Srl u Zanetti Arturo (iktar ’il quddiem l-“ATE Markas”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2004/18
3 |
Il-premessi 11 u 15 tad-Direttiva 2004/18 jistipulaw:
[…]
|
4 |
Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi: ‘‘‘Qafas ta’ ftehim [ftehim qafas]’ huwa ftehim bejn wieħed jew aktar mill-awtoritajiet kuntrattwali u wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, fejn l-għan huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw l-kuntratti li jiġu mgħotija f’ċertu perjodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn huma xierqa, il-kwantità prevvista.” |
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”: “L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.” |
6 |
Skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Metodi biex jiġu ikkalkolat il-valur stmat ta’ kuntratti pubbliċi, kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] u sistemi ta’ xiri dinamiku”, jipprevedi: “1. Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku għandu jiġi ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, nett barra l-VAT, kif stmat mill-awtorità kontrattwanti. Dan il-kalkolu għandu jagħti każ ta’ l-ammont totali stmat, inkluż kull forma ta’ għażla u tiġdid tal-kuntratt. […] 3. Ebda proġett ta’ xogħlijiet jew xiri propost ta’ ċerta kwantità ta’ fornimenti u/jew servizzi jistgħu jiġu sotto-diviżi biex jimpedixxu li dawn jaqgħu fl-iskop ta’ din id-Direttiva. […] 7. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista pubbliku jew ta’ servizz li huma regolari fin-natura tagħhom jew li huma intiżi biex jiġu mġedda f’perjodu iffissat, il-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun ibbażat fuq dan li ġej:
L-għażla ta’ metodu użat biex jiġi kkalkolat l-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku ma jistax ikun magħmul bil-għan li jiġi eskluż mill-iskop ta’ din id-Direttiva. […] 9. Fir-rigward ta’ kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] u sistemi ta’ xiri dinamiku, il-valur li għandu jittieħed in konsiderazzjoni għandu jkun il-valur massimu stmat nett barra l-VAT tal-kuntratti kollha previsti għat-terminu totali tal-kwadru ta’ ftehim jew is-sistema ta’ xiri dinamiku.” |
7 |
L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18, li jirrigwarda l-“[k]wadri ta’ ftehim [ftehimiet qafas]”, jipprovdi: “1. Stati Membri jistgħu jipprovdu li awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jikkonkludu kwadri ta’ ftehim [ftehimiet qafas]. 2. Għall-għand [għan] li jiġi konkluż kwadri ta’ ftehim, awtoritajiet kontrattwanti għandhom isegwu r-regoli ta’ proċedura li sar riferiment għalihom f’din id-Direttiva għall-fażijiet kollha sal-għoti tal-kuntratti bbażati fuq dak il-kwadru ta’ ftehim. Il-partijiet f’dan il-kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] għandhom ikunu magħżula billi jiġu applikati l-kriterji mniżżlin skond l-Artikolu 53. Kuntratti ibbażati fuq kwadru ta’ ftehim għandhom ikunu mogħtija skond il-proċeduri imniżżlin fil-paragrafi 3 u 4. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu applikati biss bejn l-awtoritajiet kontrattwanti u l-operaturi ekonomiċi oriġinarjament imsieħba fil-kwadru ta’ ftehim. Meta se jingħataw kuntratti ibbażati fuq kwadru ta’ ftehim, il-partijiet taħt l-ebda ċirkonstanza ma jistgħu jagħmlu tibdiliet sostanzjali fit-termini imniżżlin f’dak il-kwadru ta’ ftehim, partikolarment fil-każ li sar riferiment għalih fil-paragrafu 3. It-terminu ta’ kwadru ta’ ftehim ma jistax jeċċedi l-erba’ snin, għajr f’każi eċċezzjonali ġustifikati b’mod xieraq, partikolarment mis-suġġett tal-kwadru ta’ ftehim. Awtoritajiet kontrattwanti ma jistgħux jużaw kwadri ta’ ftehim b’mod mhux xieraq jew b’tali mod li jimpedixxu, jirrestrinġu jew ifixxklu l-kompetizzjoni. 3. Fejn kwadru ta’ ftehim hu konkluż ma’ operatur ekonomiku wieħed, kuntratti ibbażati fuq dak il-ftehim għandhom ikunu mogħtija fil-limiti tat-termini imniżżlin fil-kwadru ta’ ftehim. Għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti, awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jikkonsultaw bil-miktub man-naħa ta’ l-operatur fil-kwadru ta’ ftehim, jitolbuh jissuplixxi l-offerta tiegħu kif meħtieġ. 4. Fejn kwadru ta’ ftehim hu konkluż ma’ diversi operaturi ekonomiċi, dawn ta’ l-aħħar iridu jkunu mill-inqas tlieta fin-numru, safejn ikun hemm numru biżżejjed ta’ operaturi eknonomiċi biex jissodisfaw l-kriterji ta’ għażla u/jew ta’ offerti ammissibli li huma xierqa għall-kriterji ta’ għotja. Kuntratti ibbażati fuq kwadri ta’ ftehim konklużi ma’ diversi operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu mogħtija jew:
[…]” |
8 |
L-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, intitolat “Avviżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li: “Awtoritajiet kontrattwanti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew ikkonkludew kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] għandhom jibagħtu avviż tar-riżultati tal-proċedura ta’ għotja mhux aktar tard minn 48 ġurnata wara l-għotja tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-kwadru ta’ ftehim. Fil-każ ta’ kwadri ta’ ftehim [ftehimiet qafas] konklużi skond l-Artikolu 32 l-awtoritajiet kontrattwanti mhumiex marbuta li jibagħtu avviż tar-riżultati tal-proċedura ta’ għotja għal kull kuntratt ibbażat fuq dak il-ftehim. […]” |
9 |
L-Anness VII A tal-imsemmija direttiva, dwar l-“Informazzjoni Illi Trid Tkun Inkluża fin-Notifikazzjonijiet ta’ Kuntratti Pubbliċi”, jippreċiża: “[…] Notifiki tal-Kuntratt […]
[…]” |
Id-dritt Taljan
Id-dritt nazzjonali
10 |
L-aħħar parti tal-Artikolu 1(449) tal-Legge n. 296 (il-Liġi Nru 296) tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 244 ippubblikata fil-GURI no 299, tas-27 ta’ Diċembru 2006), tipprovdi: “Il-korpi tas-servizz nazzjonali tas-saħħa huma fi kwalunkwe każ obbligati li jwettqu x-xiri tagħhom permezz ta’ ftehimiet konklużi miċ-ċentrali reġjonali kompetenti, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim reġjonali fis-seħħ, ftehimiet qafas konklużi miċ-ċentrali tax-xiri tal-[amministrazzjoni pubblika Taljana].” |
11 |
Id-Decreto legislativo n. 163 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163), tat-12 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju Nru 107 għall-GURI no 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien b’mod partikolari intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva 2004/18. |
12 |
Skont l-Artikolu 3(13) ta’ dan id-digriet: “Il-‘Ftehim qafas’ huwa ftehim konkluż bejn awtorità jew diversi awtoritajiet kontraenti u operatur jew diversi operaturi ekonomiċi, u li għandu l-għan li jistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw f’perijodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, skont il-każ, tal-kwantità prevvista.” |
13 |
Il-funzjonament ta’ ftehim qafas konkluż ma’ operatur ekonomiku wieħed kien deskritt fl-Artikolu 59 tal-imsemmi digriet. Din id-dispożizzjoni kienet tirriproduċi letteralment, fil-paragrafi (2) sa (4) tagħha, il-kliem tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 32(2) u tal-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2004/18. Min-naħa l-oħra, din naqset milli tittrasponi r-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva li huma intiżi, rispettivament, li jillimitaw it-tul ta’ ftehim qafas għal perijodu ta’ erba’ snin, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati, u li jipprojbixxu lill-awtoritajiet kontraenti milli jużaw il-ftehimiet qafas b’mod abbużiv jew b’mod li jostakola, jillimità jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
14 |
L-Artikolu 1(12) tad-decreto-legge 6 luglio 2012, n. 95, convertito con modificazioni dalla legge 7 agosto 2012, n. 135 (id-Digriet Liġi Nru 95 tas-6 ta’ Lulju 2012(Suppliment Ordinarju Nru 141 għall-GURI no 156 tas-6 ta’ Lulju 2012), kif emendat u kkonvertit f’Liġi Nru 135 tas-7 ta’ Awwissu 2012, Suppliment Ordinarju Nru 173 għall-GURI Nru 189, tal-14 ta’ Awwissu 2012), jippermetti li t-termini ta’ kuntratt pubbliku jiġu emendati matul l-eżekuzzjoni tiegħu sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-kuntratt stabbiliti fil-proċedura inizjali għall-għoti ta’ kuntratt. |
15 |
Skont l-Artikolu 15(13)(b) ta’ dan id-digriet liġi, kuntratt ta’ provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jkun eċċessivament ogħli, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, jista’ jiġi xolt, bil-ħsieb li jiġi konkluż, mingħajr ma tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratti, kuntratt ġdid li jirriproduċi t-termini ta’ kuntratt li qed jiġi eżegwit ma’ impriżi oħra. |
Id-dritt reġjonali
16 |
Fil-Lombardia (l-Italja), l-Artikolu 3(7) tal-legge regionale n. 14 (il-Liġi Nru 14), tad-19 ta’ Mejju 1997, tobbliga lill-amministrazzjoni reġjonali kollha tuża arranġamenti ta’ xiri ċentralizzati, inkluża ċ-ċentrali tax-xiri reġjonali. |
17 |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 2633 tas-6 ta’ Diċembru 2011 tirrepeti l-obbligu li l-ASST jaderixxu għal ordnijiet fi gruppi u li jużaw ċentrali tax-xiri. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
Il-kawża prinċipali oriġinat bid-Digriet Nru 1158/2015, adottat fit-30 ta’ Diċembru 2015 mid-Direttur Ġenerali tal-ASST Valcamonica, sabiex jaderixxu għall-kuntratt inizjali, mingħajr ma tiġi organizzata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2016 u l-15 ta’ Frar 2021. |
19 |
Għal dan il-għan, id-Direttur Ġenerali tal-ASST Valcamonica talab l-estensjoni tal-kuntratt pubbliku inizjalment mogħti lil ATE Markas b’Digriet Nru 828/2011, adottat fl-4 ta’ Novembru 2011 mid-Direttur Ġenerali tal-ASST tal-Garda (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 828/2011”). |
20 |
Dan id-digriet kien jagħti lil ATE Markas is-servizzi ta’ titjib tal-ambjent, ta’ ġbir u ta’ rimi ta’ skart għal perijodu ta’ 108 xhur, jiġifieri disa’ snin, mis-16 ta’ Frar 2012 sal-15 ta’ Frar 2021. Il-punt 5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati ma’ dan il-kuntratt pubbliku kien jinkludi klawżola intitolata “estensjoni tal-kuntratt” (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ estensjoni”) li kienet tippermetti li l-korp jew diversi mill-korpi indikati fl-imsemmija klawżola jitolbu, lill-offerent magħżul, l-estensjoni tal-kuntratt għall-benefiċċju tagħhom u dan, “b’kundizzjonijiet identiċi għal dawk tal-għoti kkonċernat”. Din il-klawżola, li kienet issemmi b’mod partikolari l-ASST Valcamonica, kienet tispeċifika li l-offerent magħżul ma kienx obbligat li jaċċetta t-talba ta’ estensjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-imsemmija klawżola, kienet tinħoloq “relazzjoni kuntrattwali awtonoma”, li tkopri l-bqija tal-perijodu tal-kuntratt previst mill-kuntratt inizjali. |
21 |
Coopservice, li sa dak iż-żmien kienet twettaq it-tindif tal-bini tal-ASST Valcamonica, u l-AGCM ippreżentaw, kull waħda minnhom, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) rikors intiż b’mod partikolari għall-ksib tal-annullament tad-Digriet Nru 1158/2015, tad-Digriet Nru 828/2011, kif ukoll tal-klawżola ta’ estensjoni minħabba li dawn l-atti kienu jippermettu l-għoti ta’ kuntratt ġdid ta’ servizzi bi ksur tar-regoli nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari tal-obbligu li jkun hemm sejħa għal offerti. |
22 |
Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Novembru 2016, it-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia) ċaħdet dawn iż-żewġ rikorsi minħabba li ftehim qafas jista’ jiġi konkluż bejn operatur ekonomiku partikolari u awtorità kontraenti waħda, li taġixxi f’isimha stess, kif ukoll għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti oħra li, għalkemm huma msemmija fil-ftehim, ma humiex direttament partijiet għalih. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li ftehim qafas jindika, espliċitament u sa mill-bidu, il-kwantità tas-servizzi li jistgħu jkunu meħtieġa mill-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jinvokaw il-klawżola ta’ estensjoni, sa fejn din il-kwantità tista’ tiġi prevista b’mod impliċitu billi jittieħdu bħala riferiment il-bżonnijiet ordinarji tagħhom. |
23 |
Coopservice u l-AGCM ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). |
24 |
Quddiem dik il-qorti, Markas, li interveniet insostenn tal-ASST Valcamonica, issostni li l-adeżjoni tagħha għall-kuntratt inizjali kienet konformi mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/24 u titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
25 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel tliet sensiliet ta’ konstatazzjonijiet. |
26 |
Fl-ewwel lok, hija tqis li l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18 huwa applikabbli fil-kawża prinċipali. Madankollu, billi kkonstatat, minn naħa, li din id-direttiva ġiet imħassra b’effett mit-18 ta’ April 2016 bid-Direttiva 2014/24 u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din tal-aħħar sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali huma identiċi għal dawk tad-Direttiva 2004/18, il-qorti tar-rinviju tqis li jkun rilevanti li tingħata interpretazzjoni flimkien tad-Direttivi 2004/18 u 2014/24. |
27 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa xieraq, bħala prinċipju, li l-kuntratt inizjali jiġi kklassifikat bħala “ftehim qafas”, fis-sens tad-Direttivi 2004/18 u 2014/24. |
28 |
Fit-tielet lok, hija tqis li “ftehim qafas”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18 għandu żewġ karatteristiċi prinċipali. Minn naħa, is-sejħa għal offerti titqies li sseħħ fil-bidu, meta jinħatar l-offerent magħżul u għalhekk ma hijiex meħtieġa sabiex jiġi konkluż kull wieħed mill-kuntratti mogħtija b’eżekuzzjoni tal-ftehim qafas lill-operatur ekonomiku magħżul wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li wasslet għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim qafas (iktar ’il quddiem il-“kuntratti sussegwenti”). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-espressjoni “fejn huma xierqa” li tinsab fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18, ftehim qafas ma għandux neċessarjament għalfejn jispeċifika l-kwantitajiet li ser ikun jirrigwarda. |
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-pożizzjoni adottata mit-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia) tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ promozzjoni ta’ proċeduri ta’ xiri fi grupp mogħtija preferenza mill-leġiżlatur Taljan, madankollu tali pożizzjoni ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni. Dik il-qorti tikkonstata, barra minn hekk, l-assenza ta’ ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. |
30 |
F’dan ir-rigward, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-interpretazzjoni tal-espressjoni “fejn huma xierqa” adottata mit-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia) hija wiesgħa wisq. Mill-perspettiva tal-qorti tar-rinviju, il-klawżola ta’ estensjoni għandha tkun doppjament limitata. Mill-aspett suġġettiv, din għandha ssemmi l-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jinvokawh, filwaqt li, mill-aspett oġġettiv, din għandha tipprovdi l-valur ekonomiku tal-eventwali estensjoni, inkluż f’termini ta’ ammont massimu, kif hija kienet iddeċidiet f’diversi sentenzi tagħha. Interpretazzjoni kuntrarja tkun tawtorizza suċċessjoni indefinita ta’ għoti dirett li tkun tikser il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li jipprevedu li l-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u għalhekk tkun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. |
31 |
Il-qorti tar-rinviju iktar ixxaqleb, għaldaqstant, lejn interpretazzjoni restrittiva ta’ din l-espressjoni li skontha l-ftehim qafas jistabbilixxi, “fejn huwa xieraq”, il-kwantità tas-servizzi li ser ikun jirrigwarda. Din l-indikazzjoni speċifika tkun tista’ titħalla barra biss meta s-servizzi, minnhom innifishom, huma stabbiliti jew jistgħu jiġu stabbiliti b’mod ċar u mhux ekwivoku, fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali jew legali li tkun magħrufa mill-partijiet għall-ftehim qafas inkwistjoni, anki jekk huma ma inkludewx dan fil-kontenut ta’ dan tal-aħħar. |
32 |
B’risposta għal talba għal kjarifika li kienet bagħtitilha l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tifhem ir-raġunijiet li wasslu sabiex hija tikklassifika l-kuntratt konkluż bejn l-awtorità kontraenti oriġinali u l-ATE Markas bħala ftehim qafas fis-sens tal-Artikolu 1(5) u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18, minkejja l-fatt li dan il-kuntratt kien ġie konkluż għal perijodu ta’ disa’ snin, il-qorti tar-rinviju spjegat, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2018, li hija marbuta, inkwantu qorti amministrattiva, bl-osservanza tal-prinċipju dispożittiv u li t-tqajjim ex officio huwa ammess biss meta att amministrattiv huwa vvizzjata b’difetti partikolarment serji li jistgħu jwasslu għall-annullament tiegħu. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, “għandu evidentement […] jiġi deċiż li tul li jkun iktar mit-tul massimu previst mil-liġi jikkostitwixxi vizzju tant serju li jiġġustifika n-nullità tal-miżura, li l-qorti tista’, teoretikament, tqajjem ex officio”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu, li huwa dak li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ diversi sptarijiet, il-kuntratt inizjali jista’ jibbenefika mid-deroga prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18. |
33 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
34 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-raġunament tal-qorti tar-rinviju huwa bbażat fuq il-premessa li l-kuntratt inizjali għandu jiġi kklassifikat bħala “ftehim qafas”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18. |
35 |
Coopservice u l-Kummissjoni Ewropea għandhom madankollu dubju fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-premessa. Huma fil-fatt isostnu li l-kuntratt inizjali jikser ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18, li jipprevedi li t-tul ta’ żmien ta’ ftehim qafas ma jistax jaqbeż l-erba’ snin, għajr “f’każi eċċezzjonali ġustifikati b’mod xieraq, partikolarment mis-suġġett tal-kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas]”. Issa, l-ebda spjegazzjoni ma kienet tressqet biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ erba’ snin. Minn dan isegwi li l-imsemmi kuntratt ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ftehim qafas” fis-sens tad-Direttiva 2004/18 u, għaldaqstant, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
36 |
Fil-fatt, billi ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom il-kuntratt inizjali, li ġie konkluż għal perijodu ta’ disa’ snin, jista’ jibbenefika mid-deroga prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18, il-qorti tar-rinviju la ddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li minnu jiffurmaw parti d-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ma tispjega l-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi tagħha, u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tintuża mill-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li minnu jiffurmaw parti d-domandi li hija għamlet jew li, minn tal-inqas, tispjega l-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati dawk id-domandi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, reċentement, fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, id-digriet tal-31 ta’ Mejju 2018, Bán, C-24/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:376, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Dan espost, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu din tal-ewwel tagħti lill-din tal-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 22, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 24). |
39 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, b’tali mod li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, u tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 42). |
40 |
Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom jirrinunzjaw l-passività li huma għandu jkollhom, billi joħorġu mil-limiti tal-kawża hekk kif ġiet delimitata mill-partijiet u billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi oħra barra dawk li fuqhom il-parti li għandha interess fl-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ibbażat it-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 21 u 22). |
41 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwiex possibbli li hija tevalwa jekk it-tul magħżul għall-kuntratt inizjali huwiex kompatibbli mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18, sa fejn il-partijiet fil-kawża prinċipali donnhom invokaw il-punt 6(ċ), intitolat “Kuntratti ta’ servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, taħt it-titolu “Notifiki tal-Kuntratt” tal-Anness VII A ta’ din id-direttiva. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni ssemmi, fost l-informazzjoni li għandha obbligatorjament tkun inkluża fl-avviżi ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, il-valur totali tal-provvisti stmati għat-tul kollu tal-ftehim qafas. |
42 |
Barra minn hekk, bl-ebda mod ma ġie stabbilit li kuntratt pubbliku, bħall-kuntratt inizjali, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ftehim qafas”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18, sempliċement minħabba l-fatt li kien konkluż għal perijodu ta’ iktar minn erba’ snin, mingħajr ma l-awtorità kontraenti tkun debitament iġġustifikat il-qbiż ta’ dan it-tul. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax b’mod partikolari jiġi eskluż li kuntratt, bħall-kuntratt inizjali, jikkostitwixxi ftehim qafas validu fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni matul l-ewwel erba’ snin ta’ applikazzjoni tiegħu u li jiskadi fi tmiem dan il-perijodu. |
43 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
44 |
Fid-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tirreferi fl-istess ħin għad-Direttivi 2004/18 u 2014/24. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttiva applikabbli hija, bħala prinċipju, dik fis-seħħ meta l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni ta’ jekk hemmx bżonn li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Ma humiex applikabbli, minn-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha jkun skada wara dan il-mument (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 31, u tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punt 83). |
46 |
Fil-kawża prinċipali, il-kuntratt inizjali ħa l-forma tad-Digriet Nru 828/2011, adottat fl-4 ta’ Novembru 2011, filwaqt li kien biss b’effett mit-18 ta’ April 2016 li d-Direttiva 2014/24 ħassret id-Direttiva 2004/18. |
47 |
Konsegwentement, fid-data ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2004/18 kienet għadha applikabbli, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi interpretata bħala li hija intiża għall-ksib ta’ intepretazzjoni ta’ din tal-aħħar u mhux tad-Direttiva 2014/24 (ara, b’analoġija, id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Spinosa Costruzioni Generali u Melfi, C‑162/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:870, punt 21). |
48 |
Għaldaqstant, jidher li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu l-konklużjoni ta’ ftehim qafas li fih, minn naħa, awtorità kontraenti taġixxi f’isimha stess u għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti oħra speċifikament indikati, iżda li ma humiex direttament partijiet għal dan il-ftehim qafas u, min-naħa l-oħra, il-kwantità tas-servizzi li tista’ tintalab mill-awtoritajiet kontraenti li ma humiex firmatarji meta huma jikkonkludu l-kuntratti sussegwenti previsti mill-imsemmi ftehim qafas ma hijiex determinata jew hija determinata b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tagħhom. |
Fuq il-possibbiltà li awtorità kontraenti taġixxi f’isimha stess u għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti oħra indikati b’mod ċar, iżda li ma humiex direttament partijiet għal ftehim qafas
49 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti bbażati fuq ftehim qafas għandhom jingħataw skont proċeduri li huma applikabbli biss bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li kienu oriġinarjament partijiet għal dan il-Ftehim. |
50 |
Peress li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit li jkunu oriġinarjament parti għall-ftehim kwadru japplikax kemm għall-awtoritajiet kontraenti u għall-operaturi ekonomiċi jew biss għal dawn tal-aħħar, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12). |
51 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2004/18, moqri fid-dawl tal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, jipprovdi li, fil-każ ta’ ftehim qafas konkluż ma’ diversi offerenti magħżula, il-kuntratti sussegwenti għandhom jiġu konklużi wara li l-partijiet għall-ftehim qafas jintalbu jikkompetu dwar it-termini mhux stabbiliti. Bl-istess mod, il-punt 18 taħt it-titolu “Notifiki tal-Kuntratt” tal-Anness VII A tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas l-obbligu li tindika “n-numru u, fejn xieraq, in-numru massimu propost ta’ operaturi ekonomiċi li se jkunu membri tagħha […]”. |
52 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rekwiżit li parti tkun oriġinarjament parti għall-ftehim qafas tapplika biss għall-operaturi ekonomiċi, peress li ma huwiex possibbli li l-awtoritajiet kontraenti jintalbu jikkompetu bejniethom. |
53 |
Din l-interpretazzjoni tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 1(5) u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18, li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tittejjeb l-effiċjenza tax-xiri pubbliku, billi tiġi mħeġġa, bl-użu tal-ftehimiet qafas, l-aggregazzjoni tax-xiri pubbliku sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala. |
54 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2014/24, li jipprovdi li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti bbażati fuq ftehim qafas jistgħu jiġu applikati biss bejn, minn naħa, l-awtoritajiet kontraenti identifikati b’mod ċar għal dan il-għan fis-sejħa għal offerti jew fl-istedina għall-konferma tal-interess u, min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi li huma parti għall-ftehim qafas kif konkluż. |
55 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18 huwa intiż li jippermetti li awtorità kontraenti tagħti aċċess, lil awtoritajiet kontraenti oħra, għal ftehim qafas li hija tkun fil-proċess li tikkonkludi mal-operaturi ekonomiċi li ser ikunu inizjalment partijiet għalih. |
56 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18 għalhekk ma jeħtieġx li awtorità kontraenti “sekondarja”, bħall-ASST Valcamonica fil-kawża prinċipali, tkun ipparteċipat fl-iffirmar tal-ftehim qafas sabiex tkun tista’, iktar ’il quddiem, tagħti kuntratt sussegwenti. Huwa suffiċjenti li tali awtorità kontraenti tidher bħala benefiċjarja potenzjali ta’ dan il-ftehim qafas mid-data tal-konklużjoni tiegħu, billi tkun indikata b’mod ċar fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti permezz ta’ indikazzjoni espliċita li tkun ta’ natura tali li tgħarraf b’din il-possibbiltà kemm lill-awtorità kontraenti “sekondarja” innifisha kif ukoll lil kwalunkwe operatur interessat. Din l-indikazzjoni tista’ tidher fil-ftehim qafas innifsu jew f’dokument ieħor, bħal klawżola ta’ estensjoni li tidher fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kemm il-darba r-rekwiżiti ta’ pubbliċità u ta’ ċertezza legali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza huma osservati. |
Fuq il-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li ma humiex firmatarji ta’ ftehim qafas li ma jiddeterminawx il-kwantità tas-servizzi li jistgħu jintalbu meta jikkonkludu kuntratti sussegwenti jew li jiddeterminawhom b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tagħhom
57 |
Mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18 jirriżulta li l-għan ta’ ftehim qafas huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu speċifiku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prezz u, fejn xieraq, il-kwantitajiet previsti. |
58 |
Ċertament, mill-espressjoni “fejn huma xierqa” jista’ jiġi dedott li l-indikazzjoni tal-kwantitajiet ta’ serviżżi li ser ikunu s-suġġett tal-ftehim qafas hija biss fakultattiva. |
59 |
Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. |
60 |
L-ewwel nett, minn għadd ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/18 jirriżulta li l-ftehim qafas għandu, sa mill-bidu nett, jiddetermina l-kwantità massimu ta’ provvisti jew servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kuntratti sussegwenti. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(9) ta’ din id-direttiva, li fost l-oħrajn jesponi l-metodi ta’ kalkolu tal-valur stmat tal-ftehimiet qafas, jipprevedi li l-valur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun il-valur massimu stmat, mingħajr il-VAT, tal-kuntratti kollha previsti għat-tul kollu ta’ dawn il-ftehimiet. Fir-rigward tal-punt 6(c), intitolat “Kuntratti ta’ servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, taħt it-titolu “Notifiki tal-Kuntratt” tal-Anness VII A tad-Direttiva 2004/18, dan jeżiġi wkoll li l-avviż tal-kuntratt relatat ma’ tali ftehim għandu jispeċifika l-valur totali tas-servizzi stmat għat-tul kollu tal-ftehim qafas kif ukoll, sa fejn ikun possibbli, il-valur u l-frekwenza tal-kuntratti li għandhom jingħataw. Kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk hija suġġetta biss għal obbligu ta’ mezzi fil-kuntest tal-ispeċifikar tal-valur u tal-frekwenza ta’ kull wieħed mill-kuntratti sussegwenti li għandhom jingħataw, l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas għandha, min-naħa l-oħra, bilfors tispeċifika l-kwantità globali li tista’ tkun involuta fil-kuntratti sussegwenti. |
61 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2004/18, meta ftehim qafas jiġi konkluż ma operatur ekonomiku wieħed, il-kuntratti bbażati fuq dan il-ftehim qafas għandhom jingħataw fil-limiti tat-termini stabbiliti fih. Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti li kienet originalment parti għall-ftehim qafas tista’ timpenja ruħha, f’isimha u għan-nom tal-awtoritajiet kontraenti potenzjali li huma indikati b’mod ċar f’dan il-ftehim, biss sal-limitu ta’ ċerta kwantità u ladarba dan il-limitu jintlaħaq, l-imsemmi ftehim ikun eżawrixxa l-effett tiegħu. |
62 |
It-tielet nett, din l-interpretazzjoni hija ta’ natura li tiżgura l-osservanza tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li huma applikabbli fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim qafas, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, il-ftehim qafas huwa kopert, b’mod ġenerali, mill-kunċett ta’ kuntratt pubbliku sa fejn jagħti unità għad-diversi kuntratti speċifiċi li huwa jirregola (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-79/94, EU:C:1995:120, punt 15; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑119/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:729, punt 43, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 «Spezzino» et, C-113/13, EU:C:2014:2440, punt 36). |
63 |
Issa, kemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, UNIS u Beaudout Père et Fils, C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punt 38) jimplikaw li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti li l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Ingsteel u Metrostav, C-76/16, EU:C:2017:549, punt 34). |
64 |
Fil-fatt, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi interessati fil-konklużjoni tal-ftehim qafas, stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, ikunu affettwati ħażin jekk l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas ma tippreċiżax il-kwantità globali kkonċernata minn tali ftehim. |
65 |
L-obbligu ta’ trasparenza huwa impost iktar u iktar peress li, fil-każ ta’ kuntratt sussegwenti, l-awtoritajiet kontraenti huma, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2004/18, eżentati milli jibagħtu notifika dwar ir-riżultati tal-għoti ta’ kull kuntratt ibbażat fuq il-ftehim qafas. |
66 |
Barra minn hekk, li kieku l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas ma tkunx obbligata li tindika minn qabel il-kwantità u l-ammont massimu ta’ servizzi li għandhom jiġu koperti minn dan il-ftehim, il-konklużjoni tiegħu tista’ sservi għat-tqssim artifiċjali ta’ kuntratt u għalhekk sabiex ma jintlaħqux il-limiti stabbiliti mid-Direttiva 2004/18, li huwa pprojbit mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2004/18. |
67 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tal-awtoritajiet kontraenti indikati b’mod ċar fil-ftehim qafas jista’ jkun espliċitu biżżejjed għal operaturi ekonomiċi nazzjonali, ma jistax jiġi preżunt li dan jgħodd neċessarjament ukoll għal operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru ieħor. |
68 |
Fl-aħħar nett, jekk il-kwantità totali ta’ servizzi li jirrappreżentaw dawn il-bżonnijiet ordinarji hija fatt magħruf, ma għandu jkun hemm l-ebda diffikultà li din tissemma fil-ftehim qafas innifsu jew f’dokument ieħor disponibbli għall-pubbliku, bħall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u, b’dan il-mod, li tiġi żgurata l-osservanza kompleta u sħiħa tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
69 |
Ir-raba’ nett, il-fatt li l-awtorità kontraenti li kienet oriġinarjament parti għall-ftehim qafas tiġi meħtieġa tispeċifika, fil-ftehim qafas, il-kwantità u l-ammont tas-servizzi li ser ikunu koperti minn dan il-ftehim huwa konkretizzazzjoni tal-projbizzjoni, stabbilita fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18, li l-ftehimiet qafas jintużaw b’mod abbużiv jew b’mod li jostakola, jillimità jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
70 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(5) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(5) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.