Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62016CJ0467
Judgment of the Court (Second Chamber) of 20 December 2017.#Brigitte Schlömp v Landratsamt Schwäbisch Hall.#Request for a preliminary ruling from the Amtsgericht Stuttgart.#Reference for a preliminary ruling — Area of Freedom, Security and Justice — Judicial cooperation in civil matters — Jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters — Lugano II Convention — Lis pendens — Concept of ‘court’ — Arbitration authority under Swiss law, responsible for the conciliation procedure prior to all substantive proceedings.#Case C-467/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Brigitte Schlömp vs Landratsamt Schwäbisch Hall.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Stuttgart.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Lis pendens – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru, responsabbli mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel kull proċedura fuq il-mertu.
Kawża C-467/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Brigitte Schlömp vs Landratsamt Schwäbisch Hall.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Stuttgart.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Lis pendens – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru, responsabbli mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel kull proċedura fuq il-mertu.
Kawża C-467/16.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:993
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Lis pendens – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru, responsabbli mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel kull proċedura fuq il-mertu”
Fil-Kawża C‑467/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Stuttgart (il-Qorti Distrettwali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura
Brigitte Schlömp
vs
Landratsamt Schwäbisch Hall,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal B. Schlömp, minn D. Adam, Rechtsanwalt, |
– |
għal-Landratsamt Schwäbisch Hall, minn D. Vollmer, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll u R. Rodriguez, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Brigitte Schlömp u l-Landratsamt Schwäbisch Hall (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Schwäbisch Hall, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Amministrattiva”) dwar talba, imressqa minn B. Schlömp, għal konstatazzjoni negattiva ta’ obbligu ta’ manteniment (iktar ’il quddiem it-“talba għal konstatazzjoni negattiva”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II
3 |
It-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi, fit-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, l-Artikolu 5(2) li jipprevedi li: “Persuna domiċiljata fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni tista’, fi Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni, tiġi mħarrka: […]
|
4 |
It-Taqsima 9, intitolata “Lis pendens – kawżi relatati”, tat-Titolu II ta’ din il-konvenzjoni, tinkludi l-Artikoli 27 sa 30 tagħha. Skont l-Artikolu 27 tal-imsemmija konvenzjoni: “1. Fejn il-proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu fil-qrati ta’ Stati differenti marbuta b’din il-Konvenzjoni, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, għandha twaqqaf il-proċedimenti ex officio sa meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti. 2. Fejn tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, kwalunkwe qorti barra l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.” |
5 |
L-Artikolu 30 tal-istess konvenzjoni jipprevedi li: “Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, qorti għandha tiġi kkunsidrata bħala li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti:
|
6 |
It-Titolu V, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 62 ta’ din il-konvenzjoni li jipprevedi li: “Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-espressjoni ‘il-qorti’ għandha tinkludi kwalunkwe awtoritajiet indikati, minn Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, bħala li għandhom ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni.” |
7 |
Taħt it-Titolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolat “Relazzjoni mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 u Strumenti Oħra”, l-Artikolu 64 ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi li: “1. Din il-Konvenzjoni m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)), kif ukoll kwalunkwe emendi ta’ l-istess, tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968, u tal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta’ dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Ġunju 1971, kif emendati mill-Konvenzjonijiet ta’ l-Adeżjoni ma’ l-imsemmija Konvenzjoni u l-imsemmi Protokoll mill-Istati li jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 t’ Ottubru 2005. 2. Madankollu, din il-Konvenzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi applikata:
[…]” |
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 44/2001
8 |
Is-Sezzjoni 9, intitolata “Lis pendens — azzjonijiet relatati”, tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tinkludi l-Artikoli 27 sa 30 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament: “1. Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata. 2. Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.” |
9 |
Skont l-Artikolu 30 tal-istess regolament: “Għall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata [adita]:
|
Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012
10 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), li ħassar ir-Regolament Nru 44/2001, huwa, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet, applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015. |
11 |
L-Artikolu 29(1) u (2) u l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament jirriproduċu, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001. |
Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009
12 |
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1): “Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:
[…]” |
13 |
Skont l-Artikolu 68(1) ta’ dan ir-regolament: “Soġġett għall-Artikolu 75, dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 u jissosstitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament applikabbli fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.” |
Id-dritt Svizzeru
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
14 |
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (iktar ’il quddiem il-“KPĊ” jipprevedi, fl-Artikolu 62, intitolat “Bidu tal-lis pendens”, li jaqa’ taħt it-Titolu 4, intitolat “Lis pendens u rinunzja għall-atti”, tal-Parti 1 ta’ dan il-kodiċi: “1 Kawża titressaq permezz tal-preżentata ta’ talba għal konċiljazzjoni, azzjoni, rikors jew talba konġunta għal divorzju. […]” |
15 |
Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni hija rregolata mill-Artikoli 197 sa 212 tat-Titolu 1 tal-Parti 2 tal-KPĊ. Skont l-Artikolu 197 tal-KPĊ, intitolat “Prinċipju”: “Il-proċedura fuq il-mertu għandha tiġi ppreċeduta minn tentattiv ta’ konċiljazzjoni quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni.” |
16 |
L-Artikolu 198 tal-KPĊ jelenka l-eċċezzjonijiet li fihom il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma sseħħx. |
17 |
Il-Kapitolu 2, intitolat “Proċedura ta’ konċiljazzjoni”, tat-Titolu 1 tal-Parti 2 tal-KPĊ jinkludi l-Artikoli 202 sa 207. L-Artikolu 202 tal-KPĊ, intitolat “Bidu tal-proċedura”, jipprevedi li: “1 Il-proċedura tinbeda permezz ta’ talba għal konċiljazzjoni. […] 2 It-talba għal konċiljazzjoni għandha tidentifika l-kontroparti u tinkludi t-talbiet u d-deskrizzjoni tas-suġġett tat-tilwima. 3 L-awtorità ta’ konċiljazzjoni għandha tinnotifika mingħajr dewmien it-talba lill-kontroparti u ssejjaħ simultanjament il-partijiet għas-seduta. […]” |
18 |
Il-Kapitolu 3, intitolat “Konċiljazzjoni u awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża”, tat-Titolu 1 tal-Parti 2 tal-KPĊ jinkludi l-Artikoli 208 u 209. Skont l-Artikolu 208 tal-KPĊ, intitolat “Konċiljazzjoni”: “1 Jekk jintlaħaq ftehim, l-awtorità ta’ konċiljazzjoni għandha tniżżel it-termini tal-ftehim, l-aċċettazzjoni tat-talba jew ir-rinunzja inkundizzjonata għall-atti fil-proċess verbal, li sussegwentement għandu jiġi ffirmat mill-partijiet. Kull parti għandha tirċievi kopja tal-proċess verbal. 2 Il-ftehim, l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja għall-atti għandhom ikollhom l-effett ta’ deċiżjoni vinkolanti.” |
19 |
Skont l-Artikolu 209 tal-KPĊ, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża”: “1 Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-awtorità ta’ konċiljazzjoni tirreġistra dan il-fatt fil-proċess verbal u tagħti awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża: […]
[…] 3 L-attur huwa intitolat iressaq kawża fil-qorti f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tingħata awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża. […]” |
20 |
Bit-titolu “Proposta ta’ sentenza u deċiżjoni”, il-Kapitolu 4 tat-Titolu 1 tal-Parti 2 tal-KPĊ jinkludi l-Artikoli 210 sa 212. L-Artikolu 210 tal-KPĊ, intitolat “Proposta ta’ sentenza” jipprevedi li: “1 L-awtorità ta’ konċiljazzjoni tista’ tissottometti lill-partijiet proposta ta’ sentenza: […]
[…]” |
21 |
L-Artikolu 211 tal-KPĊ, intitolat “Effetti”, jistabbilixxi li: “1 Il-proposta ta’ sentenza tkun ġiet aċċettata u tipproduċi l-effetti ta’ deċiżjoni vinkolanti meta l-ebda waħda mill-partijiet ma topponi għaliha f’terminu ta’ 20 jum mill-ġurnata li din tkun ġiet ikkomunikata bil-miktub lill-partijiet. L-oppożizzjoni ma għandhiex tkun motivata. 2 Wara r-riċezzjoni tal-oppożizzjoni, l-awtorità ta’ konċiljazzjoni għandha tagħti l-awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża: […]” |
22 |
Skont l-Artikolu 212 tal-KPĊ, intitolat “Deċiżjoni”, “[l]-awtorità ta’ konċiljazzjoni tista’, fuq talba tal-attur, tiddeċiedi fuq il-mertu f’tilwimiet patrimonjali fejn il-valur kontenzjuż ma jeċċedix [CHF] 2000 (madwar EUR 1740)]” u “il-proċedura għandha tkun orali.” |
Il-Liġi Federali dwar id-Dritt Internazzjonali Privat
23 |
Il-Liġi Federali dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, intitolat “Lis pendens”, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni”: “1 Meta azzjoni li jkollha l-istess suġġett tkun diġà pendenti bejn l-istess partijiet f’pajjiż barrani, il-qorti Svizzera għandha tissospendi l-kawża jekk huwa mistenni li qorti barranija ser tieħu, fi żmien raġonevoli, deċiżjoni li tista’ tiġi rikonoxxuta fl-Isvizzera. 2 Sabiex jiġi stabbilit meta azzjoni tkun ġiet imressqa fl-Isvizzera, id-data tal-ewwel att neċessarju sabiex titressaq kawża hija deċiżiva. It-taħrika għal konċiljazzjoni hija suffiċjenti. 3 Il-qorti Svizzera għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha meta deċiżjoni barranija li tista’ tiġi rrikonoxxuta fl-Isvizzera tiġi ppreżentata quddiemha.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
24 |
B. Schlömp, iddomiċiljata fl-Isvizzera, hija t-tifla b’konsangwinità tas-Sinjura H. S. li, minħabba l-istat ta’ dipendenza tagħha, tinsab f’ospizju fil-Ġermanja u tirċievi benefiċċji ta’ għajnuna soċjali komplementari mħallsa mill-Awtorità Amministrattiva. |
25 |
Skont id-dritt Ġermaniż, il-benefiċċji mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi jiġu trasferiti lill-organu li jipprovdi s-servizz, li għandu d-dritt jitlob, permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru, ir-rimbors min-naħa tal-ulied b’konsangwinità li jkollhom kapaċità kontributtiva suffiċjenti. |
26 |
Fis-16 ta’ Ottubru 2015, l-Awtorità Amministrattiva ressqet talba għal konċiljazzjoni quddiem il-Friedensrichteramt des Kreises Reiat, Kanton Schaffhausen (il-Qorti Konċiljatorja tad-Distrett ta’ Reiat, Kanton ta’ Schaffhausen, l-Isvizzera), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità ta’ konċiljazzjoni, u talbet minn B. Schlömp il-ħlas ta’ ammont minimu ta’ EUR 5000, bil-possibbiltà li temenda dan l-ammont wara l-komunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba lilha. |
27 |
Peress li ma ntlaħaqx ftehim, il-Friedensrichteramt des Kreises Reiat (il-Qorti Konċiljatorja tad-Distrett ta’ Reiat) tat, fil-25 ta’ Jannar 2016, “awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża”, li ġiet innotifikata lill-Awtorità Amministrattiva fis-26 ta’ Jannar 2016. |
28 |
Fil-11 ta’ Mejju 2016 il-Kantonsgericht Schaffhausen (il-Qorti Kantonali ta’ Schaffhausen, l-Isvizzera) ġiet adita, mill-Awtorità Amministrattiva, b’rikors ippreżentat kontra B. Schlömp, intiż għall-ħlas, bħala pensjoni tal-manteniment, tal-ammont minimu msemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, bil-possibbiltà li dan l-ammont jiżdied skont l-informazzjoni supplimentari eventwali dwar il-kapaċità kontributtiva ta’ din tal-aħħar. |
29 |
Wara t-tressiq tat-talba għal konċiljazzjoni iżda qabel ma ġiet adita l-Kantonsgericht Schaffhausen (il-Qorti Kantonali ta’ Schaffhausen), B. Schlömp ressqet talba għal konstatazzjoni negattiva, abbażi tal-Artikolu 3(a) jew (b) tar-Regolament Nru 4/2009, quddiem l-Amtsgericht (Familiengericht) Schwäbisch Hall (il-Qorti tal-Familja tal-Qorti Distrettwali ta’ Schwäbisch Hall, il-Ġermanja), permezz ta’ nota tad-19 ta’ Frar 2016, li waslet f’din il-qorti fit-22 ta’ Frar 2016. |
30 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2016, din il-qorti ddikjarat li ma kellhiex il-ġurisdizzjoni territorjali sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u bagħtitha lura quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Amtsgericht Stuttgart (il-Qorti Distrettwali ta’ Stuttgart), li ġiet adita bil-kawża fil-21 ta’ Marzu 2016. |
31 |
Wara li t-talba għal konstatazzjoni negattiva ġiet innotifikata lill-Awtorità Amministrattiva fis-26 ta’ April 2016, din l-awtorità qajmet, fis-17 ta’ Mejju 2016, eċċezzjoni ta’ lis pendens peress li kien hemm proċedura pendenti fl-Isvizzera, liema fatt kellu jwassal sabiex il-qorti tar-rinviju tissospendi l-proċeduri quddiemha, konformement mal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. B. Schlömp talbet li din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda, billi sostniet li l-awtorità ta’ konċiljazzjoni ma kinitx “qorti”, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma kinux applikabbli. |
32 |
Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528), u tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400), il-qorti tar-rinviju tqis li l-azzjoni għal ħlas, flimkien ma’ talba għal informazzjoni, imressqa fl-Isvizzera mill-Awtorità Amministrattiva kif ukoll it-talba għal konstatazzjoni negattiva mressqa fil-Ġermanja huma bbażati t-tnejn li huma fuq il-kwistjoni dwar jekk B. Schlömp għandhiex, permezz ta’ surroga legali, obbligu ta’ manteniment. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li mid-dispożizzjonijiet tal-KPĊ, b’mod partikolari mill-Artikolu 62(1) tiegħu moqri flimkien mal-Artikolu 202(1) tiegħu, li, fid-dritt Svizzeru, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet li ma humiex applikabbli f’dan il-każ, il-kawża għandha titressaq neċessarjament permezz tal-preżentata ta’ talba għal konċiljazzjoni. Konsegwentement, din il-qorti tqis li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni u l-proċedura ġudizzjarja sussegwenti jikkostitwixxu unità proċedurali waħda. |
34 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-awtorità ta’ konċiljazzjoni, li quddiemha titressaq it-talba għal konċiljazzjoni, tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Stuttgart) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Awtorità ta’ arbitraġġ [konċiljazzjoni] taħt il-liġi Svizzera tidħol ukoll fil-kunċett ta’ ‘qorti’ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano [II]?” |
Fuq id-domanda preliminari
36 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ lis pendens, id-data li fiha nbdiet proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru tikkostitwixxi d-data li fiha “qorti” titqies li ġiet adita. |
Fuq l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II
37 |
Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II daħlet fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fl-1 ta’ Jannar 2011 (ĠU 2011, L 138, p. 1). Skont l-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni, it-tilwimiet dwar l-obbligi ta’ manteniment jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
38 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 64 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II li jirregola r-relazzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni mar-Regolament Nru 44/2001, il-Konvenzjoni ta’ Lugano II tistax tapplika għall-kawża prinċipali. |
39 |
Skont l-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, din tal-aħħar ma tippreġudikax, b’mod partikolari, l-applikazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament Nru 44/2001 u ta’ kwalunkwe emenda għalih. Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 64(2)(b) ta’ din il-konvenzjoni, din tapplika, fi kwalunkwe każ, in konnessjoni ma’ lis pendens fejn proċeduri jiġu istitwiti fi Stat fejn tapplika l-Konvenzjoni, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 64 – bħall-Konfederazzjoni Svizzera –, u fi Stat fejn tapplika din il-Konvenzjoni kif ukoll wieħed mill-istrumenti msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 – bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
40 |
Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar mir-Regolament Nru 1215/2012, fejn dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, huwa applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015. |
41 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 4/2009, dan ir-regolament jemenda r-Regolament Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li japplikaw fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 4/2009, l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent, is-saħħa eżekuttiva u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet kif ukoll dwar l-għajnuna legali, minflok dawk tar-Regolament Nru 44/2001. Fost id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, hemm l-Artikolu 3(a) tiegħu. |
42 |
Sa fejn l-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirreferi għal kwalunkwe emenda għar-Regolament Nru 44/2001, din ir-referenza għandha tinftiehem bħala li tinkludi r-Regolamenti Nri 4/2009 u 1215/2012. |
43 |
Konsegwentement, skont l-Artikolu 64(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, din hija applikabbli fil-kawża prinċipali. |
Fuq il-mertu
44 |
Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, sitwazzjoni ta’ lis pendens tibda teżisti minn meta talbiet li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawżali jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati differenti. |
45 |
L-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jiddefinixxi d-data li fiha qorti titqies li ġiet adita għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 9 tat-Titolu II ta’ dik il-konvenzjoni bħala d-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, bil-kundizzjoni li l-attur ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi nnotifikat lill-konvenut, jew, jekk l-att għandu jiġi nnotifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, fid-data li fiha dan huwa riċevut mill-awtorità responsabbli għan-notifika, bil-kundizzjoni li l-attur ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi ppreżentat lill-qorti. |
46 |
Qabelxejn, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II huma fformulati f’termini kważi identiċi għall-artikoli korrispondenti tar-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012. |
47 |
Kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll ta’ kwalunkwe emenda għalih jirriżulta, b’mod partikolari, mill-aħħar premessa tal-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni u dwar il-kumitat permanenti (ĠU 2007, L 339, p. 27) kif ukoll mill-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll, li jipprovdu li l-qrati msejħa sabiex japplikaw u jinterpretaw din il-konvenzjoni huma obbligati li jiżguraw interpretazzjoni konverġenti tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-imsemmija istrumenti. |
48 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll l-identiċità ta’ għanijiet u ta’ formulazzjoni bejn ir-Regolament Nru 44/2001 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II li tiggarantixxi l-koerenza bejn iż-żewġ sistemi legali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/03 (il-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida), tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punti 152 u 153). |
49 |
Sussegwentement, fid-dawl tal-paralleliżmu li jeżisti bejn il-mekkaniżmi sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II u mir-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012 u fid-dawl tal-għan ta’ interpretazzjoni uniformi, kif iddikjarat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu natura oġġettiva u awtomatika u huwa bbażat fuq l-ordni kronoloġika li fiha jkunu ġew aditi l-qrati inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts, C‑29/16, EU:C:2017:343, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dan il-kuntest, kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jiddefinixxi b’mod uniformi u awtonomu d-data li fiha qorti titqies li ġiet adita għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 9 tat-Titolu II ta’ din il-konvenzjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 27 tagħha, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ proċeduri paralleli li jkunu qegħdin jiżvolġu f’diversi Stati kontraenti. |
51 |
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, dwar l-identiċità tal-partijiet, tal-kawżali u tas-suġġett tat-talbiet mressqa quddiem qrati ta’ Stati differenti, jeħtieġ li jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jirriżulta li talba intiża sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu għandha l-istess kawżali u l-istess għan bħal azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ta’ dan il-konvenut intiża sabiex jiġi deċiż li huwa ma huwiex responsabbli għall-imsemmi dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, NIPPONKOA Insurance, C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
F’dan il-każ, hekk kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, teżisti sitwazzjoni ta’ lis pendens bejn il-kawża pendenti quddiemha u dik li biha hija adita l-Kantonsgericht Schaffhausen (il-Qorti Kantonali ta’ Schaffhausen) sa fejn dawn iż-żewġ kawżi huma bbażati t-tnejn li huma fuq il-kwistjoni dwar jekk B. Schlömp għandhiex, permezz ta’ surroga legali, obbligu ta’ manteniment. |
53 |
Mill-KPĊ jirriżulta li, fid-dritt Svizzeru, kawża titressaq permezz tal-preżentata ta’ talba għal konċiljazzjoni, azzjoni, rikors jew talba konġunta għal divorzju. Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni hija prevista mil-liġi, suġġetta għall-prinċipju ta’ kontradittorju u, bħala prinċipju, obbligatorja. L-inosservanza tagħha twassal għall-inammissibbiltà ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja sussegwenti. Din il-proċedura tista’ twassal għal sentenza vinkolanti, għat-tilwimiet li l-valur tagħhom ma jaqbiżx CHF 2000 (madwar EUR 1740), jew għal proposta ta’ deċiżjoni li tista’ tikseb l-awtorità ta’ res judicata fl-assenza ta’ kontestazzjoni, għat-tilwimiet li l-valur tagħhom ma jaqbiżx CHF 5000 (madwar EUR 4350), jew għar-ratifika ta’ konċiljazzjoni jew għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża. F’dan l-aħħar każ, l-attur huwa intitolat iressaq kawża fil-qorti f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tingħata awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 9 tal-Liġi Federali dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jipprevedi li, fil-każ ta’ lis pendens, sabiex jiġi stabbilit meta azzjoni tkun tressqet fl-Isvizzera, id-data tal-ewwel att neċessarju għall-preżentata tal-kawża hija deċiżiva, fejn it-taħrika għal konċiljazzjoni hija suffiċjenti. |
54 |
Barra minn hekk, kif osserva l-Gvern Svizzeru fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, l-awtoritajiet ta’ konċiljazzjoni, minn naħa, huma suġġetti għall-garanziji previsti mill-KPĊ fil-qasam tar-rikuża tal-qrati konċiljatorji li jiffurmaw dawn l-awtoritajiet u, min-naħa l-oħra, jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod awtonomu. |
55 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom mill-KPĊ, l-awtoritajiet ta’ konċiljazzjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. |
56 |
Fil-fatt, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-kelma “qorti” għandha tinkludi kull awtorità indikata minn Stat marbut b’din il-konvenzjoni bħala li għandha ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
57 |
Kif ġie enfasizzat fir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar l-imsemmija konvenzjoni, redatt minn Fausto Pocar u approvat mill-Kunsill (ĠU 2009, C 319, p. 1), il-formulazzjoni tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jistabbilixxi approċċ funzjonali li jipprevedi li awtorità tiġi kklassifikata bħala qorti permezz tal-funzjonijiet li hija teżerċita iktar milli permezz tal-klassifikazzjoni formali li għaliha hija tappartjeni skont id-dritt nazzjonali. |
58 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ lis pendens, id-data li fiha nbdiet proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru tikkostitwixxi d-data li fiha “qorti” titqies li ġiet adita. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ lis pendens, id-data li fiha nbdiet proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru tikkostitwixxi d-data li fiha “qorti” titqies li ġiet adita. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.