Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0691

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Bilbaína de Alquitranes, SA et.
    Appell – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet – Regolament (UE) Nru 944/2013 – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja – Kategoriji ta’ tossiċità akwatika akuta (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika (H410) – Obbligu ta’ diliġenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
    Kawża C-691/15 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:882

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    22 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

    “Appell – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet – Regolament (UE) Nru 944/2013 – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja – Kategoriji ta’ tossiċità akwatika akuta (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika (H410) – Obbligu ta’ diliġenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

    Fil-Kawża C-691/15 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-17 ta’ Diċembru 2015,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Talabér-Ritz u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning u N. Lyshøj, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u C. S. Schillemans kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-appell,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Bilbaína de Alquitranes SA, stabbilita f’Luchana-Baracaldo (Spanja),

    Deza a.s., stabbilita f’Valašské Meziříčí (ir-Repubblika Ċeka),

    Industrial Química del Nalón SA, stabbilita f’Oviedo (Spanja),

    Koppers Denmark A/S, stabbilita f’Nyborg (id-Danimarka),

    Koppers UK Ltd, stabbilita f’Scunthorpe (ir-Renju Unit),

    Koppers Netherlands BV, stabbilita f’Uithoorn (il-Pajjiżi l-Baxxi),

    Rütgers basic aromatics GmbH, stabbilita f’Castrop-Rauxel (il-Ġermanja),

    Rütgers Belgium NV, stabbilita f’Zelzate (il-Belġju),

    Rütgers Poland sp. z o.o., stabbilita f’Kędzierzyn-Koźle (il-Polonja),

    Bawtry Carbon International Ltd, stabbilita f’Doncaster (ir-Renju Unit),

    Grupo Ferroatlántica SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

    SGL Carbon GmbH, stabbilita f’Meitingen (il-Ġermanja),

    SGL Carbon GmbH, stabbilita f’Bad Goisern am Hallstättersee (l-Awstrija),

    SGL Carbon, stabbilita f’Passy (Franza),

    SGL Carbon SA, stabbilita f’A Coruña (Spanja),

    SGL Carbon Polska S.A., stabbilita f’Racibórz (il-Polonja),

    ThyssenKrupp Steel Europe AG, stabbilita f’Duisburg (il-Ġermanja),

    Tokai erftcarbon GmbH, stabbilita f’Grevenbroich (il-Ġermanja),

    irrappreżentati minn K. Van Maldegem, C. Mereu u M. Grunchard, avocats, kif ukoll minn P. Sellar, advocate,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn N. Herbatschek u W. Broere kif ukoll minn M. Heikkilä, bħala aġenti,

    GrafTech Iberica SL, stabbilita f’Pamplona (Spanja), irrappreżentata minn C. Mereu, K. Van Maldegem u M. Grunchard, avocats, kif ukoll minn P. Sellar, advocate,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2015 Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T-689/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:767), li biha din annullat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013, tat-2 ta’ Ottubru 2013, li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013 L 261, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dan jikklassifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (KE Nru 266-028-2, iktar ’il quddiem iċ-“CTPHT”) fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta ta’ kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika ta’ kategorija 1 (H410).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008 L 253, p. 1) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 286/2011, tal-10 ta’ Marzu 2011 (ĠU 2011 L 83, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1272/2008”) jipprovdi, fil-premessi 4 sa 8 tiegħu:

    “(4)

    Il-kummerċ f’sustanzi u taħlitiet m’huwiex biss kwistjoni tas-suq intern, iżda anki tas-suq globali. L-intrapriżi għandhom għalhekk jibbenefikaw mill-armonizzazzjoni globali tar-regoli għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar u mill-konsistenza bejn, minn naħa waħda, ir-regoli għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar għall-provvista u l-użu u, min-naħa l-oħra, dawk għat-trasport.

    (5)

    Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji filwaqt li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kriterji armonizzati għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ġew żviluppati bir-reqqa tul perijodu ta’ 12-il sena fi ħdan l-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li rriżultaw fis-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-GHS’).

    (6)

    Dan ir-Regolament isegwi diversi dikjarazzjonijiet li fihom il-Komunità kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni globali tal-kriterji tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar, mhux biss fil-livell tan-NU, iżda anki permezz ta’ l-inkorporazzjoni tal-kriterji tal-GHS miftehma internazzjonalment fid-dritt Komunitarju.

    (7)

    Il-benefiċċji għall-intrapriżi ser jiżdiedu hekk kif aktar pajjiżi fid-dinja jadottaw il-kriterji tal-GHS fil-leġislazzjoni tagħhom. Il-Komunità għandha tkun fuq quddiem ta’ dan il-proċess biex tinkoraġġixxi pajjiżi oħra jsegwu u bil-għan li tipprovdi vantaġġ kompetittiv lill-industrija fil-Komunità.

    (8)

    Għalhekk huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet u l-kriterji għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi, taħlitiet u ċerti oġġetti speċifiċi jkunu armonizzati fi ħdan il-Komunità, b’kont meħud tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni u r-regoli ta’ ttikkettar tal-GHS, iżda anki billi jkompli jsir xogħol fuq l-40 sena ta’ esperjenza miksuba permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenzi dwar is-sustanzi kimiċi u li jinżamm il-livell ta’ protezzjoni miksub permezz tas-sistema ta’ klassifikazzjoni u l-ittikkettar, permezz ta’ klassijiet ta’ periklu Komunitarji li għadhom mhux parti mill-GHS kif ukoll permezz tar-regoli attwali ta’ ttikkettar u imballaġġ.”

    3

    L-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, li b’mod partikolari jippreżenta l-kriterji ta’ klassifikazzjoni fil-klassijiet ta’ perikolu, u d-differenzi bejniethom, huwa kompost minn ħames partijiet. Taħt il-parti 4 ta’ dan l-anness, il-punt 4.1.3, intitolat “Kriterji dwar il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet”, huwa mfassal b’dan il-mod:

    “4.1.3.1.

    Is-sistema ta’ klassifikazzjoni għat-taħlitiet tkopri l-kategoriji kollha ta’ klassifikazzjoni li huma użati għas-sustanzi, jiġifieri l-kategoriji Akuta 1 u Kronika minn 1 sa 4. Sabiex tintuża d-dejta kollha disponibbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt:

    Il-‘komponenti rilevanti’ ta’ taħlita huma dawk li huma kklassifikati bħala ‘Akuti 1’ jew ‘Kroniċi 1’ u huma preżenti f’konċentrazzjoni ta’ 0,1 % (w/w) jew aktar, u dawk li huma kklassifikati ‘Kroniċi 2’, ‘Kroniċi 3’ jew ‘Kroniċi 4’ u huma preżenti f’konċentrazzjoni ta’ 1 % (w/w) jew akbar, sakemm ma jkunx hemm suppożizzjoni [bħal fil-każ ta’ komponenti b’tossiċità għolja (ara t-Taqsima 4.1.3.5.5.5)] li komponent preżenti f’konċentrazzjoni aktar baxxa xorta jista’ jkun rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-taħlita għall-perikli akkwatiċi ambjentali. Ġeneralment, għas-sustanzi kklassifikati bħala ‘Akuta 1’ jew ‘Kronika 1’ il-konċentrazzjoni li għandha titqies hija ta’ (0,1/M) %. (Għal spjegazzjoni tal-fattur M ara t-Taqsima 4.1.3.5.5.5).

    4.1.3.2.

    L-approċċ għall-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi huwa maqsum fi stadji, u jiddependi fuq it-tip ta’ informazzjoni disponibbli għat-taħlita nfisha u għall-komponenti tagħha. Il-Figura 4.1.2 issemmi fil-qosor il-proċess li għandu jiġi segwit.

    L-elementi tal-approċċ fi stadji jinkludu:

    klassifikazzjoni bbażata fuq taħlitiet ittestjati;

    klassifikazzjoni bbażata fuq prinċipji ta’ konnessjoni;

    l-użu tal-‘addizzjoni tal-komponenti kklassifikati’ u/jew ‘formula ta’ addittività’.”

    4

    Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Metodu tal-addizzjoni”, jipprovdi:

    “4.1.3.5.5.1.1.

    Fil-każ tal-kategoriji tal-klassifikazzjoni tas-sustanzi fi Kronika 1 sa Kronika 3, il-kriterji sottostanti tat-tossiċità jvarjaw b’fattur ta’ 10 fit-trasferiment minn kategorija għall-oħra. Is-sustanzi b’klassifikazzjoni f’medda ta’ tossiċità għolja jistgħu għalhekk jikkontribwixxu għall-klassifikazzjoni ta’ taħlita f’medda iżjed baxxa. Il-kalkolu ta’ dawn il-kategoriji ta’ klassifikazzjoni għalhekk għandu jqis il-kontribut ta’ kwalunkwe sustanza kklassifikata bħala Kronika 1, 2 jew 3.

    4.1.3.5.5.1.2.

    Meta taħlita jkun fiha komponenti klassifikati bħala Akuti 1 jew Kroniċi 1, għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li dawk il-komponenti, meta t-tossiċità akuta tagħhom tkun taħt il-1 mg/l u/jew it-tossiċità kronika tkun inqas minn 0,1 mg/l (jekk ma jiddegradawx malajr) u 0,01 mg/l (jekk jiddegradaw malajr) jikkontribwixxu għat-tossiċità tat-taħlita anki f’konċentrazzjoni baxxa. Ingredjenti attivi fil-pestiċidi ħafna drabi jkun fihom dik it-tossiċità akkwatika qawwija iżda wkoll xi sustanzi oħra bħat-taħlitiet organometalliċi. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-applikazzjoni tal-limiti ġeneriċi ta’ konċentrazzjoni normali jistgħu jwasslu għal ‘klassifikazzjoni inqas’ tat-taħlita. Għalhekk, fatturi li jimmultiplikaw għandhom jiġu applikati biex jagħmlu tajjeb għall-komponenti tossiċi ħafna, kif deskritt fit-Taqsima 4.1.3.5.5.5.”

    5

    Fir-rigward tat-taħlitiet ta’ komponenti b’tossiċità għolja, il-punt 4.1.3.5.5.5.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jipprovdi:

    “Komponenti fil-Kategorija Akuti 1 u Kroniċi 1 b’tossiċitajiet inqas minn 1 mg/l u/jew tossiċitajiet kroniċi inqas minn 0,1 mg/l (jekk ma jiddegradawx malajr) u 0,01 mg/l (jekk jiddegradaw malajr) jikkontribwixxu għat-tossiċità tat-taħlita anki f’konċentrazzjoni baxxa u normalment għandhom jingħataw konsiderazzjoni akbar meta jiġi applikat l-approċċ tal-addizzjoni tal-klassifikazzjoni. Meta taħlita jkun fiha l-komponenti kklassifikati bħala Akuti jew Kroniċi 1, wieħed minn dawn li ġejjin għandu jiġi applikat:

    L-approċċ fi stadji deskritt fit-Taqsimiet 4.1.3.5.5.3 u 4.1.3.5.5.4 għandu jiġi applikat billi tintuża somma peżata billi jiġu multiplikati l-konċentrazzjonijiet tal-komponenti Akuti 1 u Kroniċi 1 b’fattur, minflok ma jingħaddu sempliċiment flimkien il-perċentwali. Dan ifisser li l-konċentrazzjoni ta’ ‘Akuti 1’ fil-kolonna tax-xellug tat-Tabella 4.1.1 u l-konċentrazzjoni ta’ ‘Kroniċi 1’ fil-kolonna tax-xellug tat-Tabella 4.1.2 huma multiplikati bil-fattur multiplikanti adattat. […]

    – […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    6

    Mill-fatti li wasslu għall-kawża esposti fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata jirriżulta li ċ-CTPHT huwa residwu tad-distillazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja. Din is-sustanza tifforma parti minn dawk is-sustanzi li għandhom kompożizzjoni li ma hijiex magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi li jirreaġixxu jew materjal bijoloġiku (iktar ’il quddiem is-“sustanzi UVCB”).

    7

    F’Settembru 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl li jipproponi l-klassifikazzjoni taċ-CTPHT fost is-sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 1A (H350), mutaġeniċi tal-kategorija 1B (H340), tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B (H360FD), ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

    8

    Fit-2 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat. Abbażi tal-Artikolu 1(2)(a)(i) u (b)(i) ta’ dan ir-Regolament, moqri flimkien mal-Annessi II u IV tiegħu, iċ-CTPHT ġie b’mod partikolari kklassifikat fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika tal-kategorija 1 (H410). Abbażi tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament, din il-klassifikazzjoni hija applikabbli mill-1 ta’ April 2016.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    9

    Bilbaína de Alquitranes SA, Deza a.s., Industrial Química del Nalón SA, Koppers Denmark A/S, Koppers UK Ltd, Koppers Netherlands BV, Rütgers basic aromatics GmbH, Rütgers Belgium NV, Rütgers Poland sp. z o.o., Bawtry Carbon International Ltd, Grupo Ferroatlántica SA, SGL Carbon GmbH (il-Ġermanja), SGL Carbon GmbH (l-Awstrija), SGL Carbon, SGL Carbon SA, SGL Carbon Polska S.A., ThyssenKrupp Steel Europe AG et Tokai erftcarbon GmbH (iktar ’il quddiem “Bilbaína et”) ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, li insostenn tiegħu dawn invokaw tliet motivi, li t-tieni wieħed minnhom huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta’ tossiċità taċ-CTPHT.

    10

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-Kummissjoni kienet wettqet tali żball sa fejn kienet naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha biex b’hekk tieħu kont b’mod xieraq tar-rata ta’ preżenza ta’ dawn is-16-il kostitwent tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi fiċ-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom.

    11

    B’hekk il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors u annullat ir-regolament ikkontestat sa fejn dan jikklassifika ċ-CTPHT fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400), u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    12

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

    13

    Bilbaína et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell, anki fil-każ li dan tal-aħħar jintlaqa’ parzjalment.

    14

    L-ECHA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

    15

    Il-Gvern Daniż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    16

    Il-Gvern Ġermaniż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

    17

    Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

    18

    B’digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C-691/15 P–R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:597), it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-regolament ikkontestat ippreżentata fl-24 ta’ Marzu 2016 minn Bilbaína et ġiet miċħuda.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    19

    Il-Kummissjoni ssostni li l-motivi esposti fil-punti 31 sa 34 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’nuqqas ta motivazzjoni minħabba n-natura kontradittorja jew ambigwa tagħhom. Din tosserva li dawn il-motivi ma jippermettux li jinftiehem jekk il-Qorti Ġenerali annullatx ir-regolament ikkontestat għaliex il-Kummissjoni użat il-metodu tal-addizzjoni jew għaliex wettqet żball fl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu.

    20

    Fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher li lmentat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-karatteristiċi tal-kostitwenti taċ-CTPHT pjuttost milli fuq il-karatteristiċi ta’ din is-sustanza kkunsidrata b’mod sħiħ, liema ħaġa b’hekk tissuġġerixxi li l-użu tal-metodu tal-addizzjoni kien żbaljat. Min-naħa l-oħra, fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li l-motiv ifformulat minn Bilbaína et kien jikkonċerna l-prinċipju tal-applikazzjoni ta’ dan il-metodu. Barra minn hekk, fil-punti 32 u 33 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà dgħajfa tas-sustanza kkunsidrata b’mod sħiħ meta applikat il-metodu tal-addizzjoni.

    21

    Bilbaína et jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    22

    Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali jimponilha li turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li segwiet, b’mod li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 372, kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Ġunju 2017, Universidad Internacional de la Rioja vs EUIPO, C-50/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:415, punt 12).

    23

    Fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet “li l-Kummissjoni [kienet] wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, meta kklassifikat iċ-CTPHT fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tiegħu, din [kienet] naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi u l-fatti kollha rilevanti sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax-il kostitwent [idrokarburi aromatiċi poliċikliċi] fiċ-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    24

    Mill-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma kienu f’pożizzjoni li jistabbilixxu li “il-Kummissjoni [kienet] ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 1.3, intitolat ‘Proprjetajiet fiżikokimiċi’, tad-dokument ta’ informazzjoni [anness mal-opinjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tar-riskji tal-ECHA] il-kostitwenti taċ-CTPHT setgħu biss jiġu estratti miċ-CTPHT b’mod limitat u li din is-sustanza kellha stabbilità kbira”.

    25

    Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq żewġ elementi. L-ewwel element, espost fil-punt 33 tas-sentenza appellata, huwa marbut mal-fatt li la mill-opinjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tar-riskji tal-ECHA (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-KER” u lanqas mid-dokument ta’ informazzjoni anness ma’ din l-opinjoni ma jirriżulta li ttieħdet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà dgħajfa fl-ilma taċ-CTPHT. It-tieni element, espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, huwa l-konstatazzjoni li l-klassifikazzjoni taċ-CTPHT kienet tistrieħ fuq il-preżunzjoni li tgħid li sittax il-kostitwent li jirrappreżentaw 9.2 % taċ-CTPHT setgħu jiddissolvu fl-ilma, filwaqt li, skont id-dokument ta’ informazzjoni anness mal-opinjoni tal-KER, ir-rata massima ta’ solubbiltà fl-ilma ta’ din is-sustanza hija ta’ 0.0014 %.

    26

    Il-punti 31 sa 34 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq motivazzjoni li turi b’mod ċar u univoku li l-Qorti Ġenerali ma qisitx li l-Kummissjoni, meta adottat ir-regolament ikkontestat, kienet irrikorriet, bi żball, għall-metodu tal-addizzjoni. Meta ddeċidiet, permezz tal-motivi esposti fil-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni, il-Qorti Ġenerali mmotivat id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fil-liġi.

    27

    B’hekk, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1272/2008

    28

    It-tieni aggravju tal-appell jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel parti ta dan l-aggravju hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet użat, bi żball, il-metodu tal-addizzjoni. Madankollu, peress li din il-premessa hija żbaljata, hekk kif ġie deċiż fil-punt 26 tas-sentenza preżenti, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda mill-bidu. B’hekk, għandha tiġi evalwata t-tieni parti tat-tieni aggravju.

    L-argumenti tal-partijiet

    29

    Bit-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkritika l-motivi li bihom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 31 sa 34 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    30

    Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-solubbiltà taċ-CTPHT b’mod sħiħ huwa inkompatibbli mal-metodu tal-addizzjoni li huwa bbażat fuq l-analiżi tal-kostitwenti ta’ din is-sustanza. Din tosserva li l-ipoteżi li tgħid li l-kostitwenti ta’ sustanza jiddissolvu fl-ilma hija inerenti għall-metodu tal-addizzjoni. B’hekk, b’applikazzjoni ta’ dan il-metodu, huwa preżunt li l-kostitwenti huwa kompletament solubbli, għaliex is-solubbiltà tkun diġà integrata qabel l-evalwazzjoni tat-tossiċità tagħhom. Il-fatt li s-sittax-il kostitwent mittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ jirrappreżentaw biss 9.2 % taċ-CTPHT huwa irrilevanti, peress li fl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ma huwiex la meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ kostitwenti u lanqas li l-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni jirrappreżentaw proporzjon kbir tas-sustanza. Għandu jiġi vverifikat biss, bil-metodu tal-addizzjoni, jekk jintlaħqux il-limiti minimi ffissati bir-Regolament Nru 1272/2008, mingħajr ma l-Kummissjoni għandha l-iċken marġini ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkritikat lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi li ma humiex previsti mill-metodu tal-addizzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008.

    31

    Skont Bilbaína et, peress li ċ-CTPHT għandu solubbiltà dgħajfa fl-ilma, il-Qorti Ġenerali staqsiet ruħha, ġustament, dwar il-punt jekk il-metodu tal-addizzjoni kienx jasal għas-soluzzjoni t-tajba. L-idea li tgħid li l-Kummissjoni hija maqbuda fi proċedura li tipprekludiha milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali li jxejnu l-ipoteżi teoretika li din tippersisti li ssegwi tirriskja li twassal għal riżultati assurdi, inġusti u xjentifikament infondati.

    32

    Il-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż japprovaw il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni. Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jeħtieġx li tittieħed inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tat-taħlita b’mod sħiħ, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33

    It-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell tistaqsi jekk il-Kummissjoni, meta applikat il-metodu tal-addizzjoni biex tiddetermina jekk sustanza UVCB tifformax parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta u ta’ tossiċità kronika fil-qasam akwatiku, hijiex marbuta li tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor, jew, b’mod kuntrarju, jekk din għandhiex, abbażi tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, teżamina b’kura u b’imparzjalità elementi oħra li, għalkemm mhux espressament imsemmija mid-dispożizzjonijiet imsemmija, huma madankollu rilevanti.

    34

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, hekk kif essenzjalment iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li, sabiex tkun tista’ twettaq il-klassifikazzjoni ta’ sustanza abbażi tar-Regolament Nru 1272/2008, u b’kunsiderazzjoni tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi kumplessi li għandha twettaq, għandu tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C-326/05 P, EU:C:2007:443, punt 75, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C-15/10, EU:C:2011:504, punt 60).

    35

    L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex madankollu eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. B’mod partikolari, meta parti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament twettaq mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni eżaminatx, b’kura u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ ineżami li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C-326/05 P, EU:C:2007:443, punt 77; tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-405/07 P, EU:C:2008:613, punt 56, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C-77/09, EU:C:2010:803, punt 57). Dan l-obbligu ta’ diliġenza huwa fil-fatt inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal-4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen, C-337/15 P, EU:C:2017:256, punt 34; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C-505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95).

    36

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-klassifikazzjoni ta’ sustanza UVCB fir-rigward tal-perikoli fil-qasam akwatiku li din tippreżenta għandha tiġi stabbilita konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 li jirregolaw il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet. Mill-punt 4.1.3.2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament jirriżulta s-segwenti:

    “L-approċċ għall-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi huwa maqsum fi stadji, u jiddependi fuq it-tip ta’ informazzjoni disponibbli għat-taħlita nfisha u għall-komponenti tagħha. […]

    L-elementi tal-approċċ fi stadji jinkludu:

    klassifikazzjoni bbażata fuq taħlitiet ittestjati;

    klassifikazzjoni bbażata fuq prinċipji ta’ konnessjoni;

    l-użu tal-‘addizzjoni tal-komponenti kklassifikati’ u/jew ‘formula ta’ addittività’.”

    37

    Dan il-punt jistabbilixxi ordni ta’ prijorità dixxendenti bejn dawn it-tliet metodi. B’hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-data disponibbli ma tippermettix li jsir użu mill-ewwel żewġ metodi, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza UVCB għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-metodu tal-addizzjoni, skont il-metodi ddefiniti fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008.

    38

    Għall-kategoriji ta’ tossiċità akuta 1 u ta’ tossiċità kronika 1, dan il-metodu jikkonsisti, essenzjalment, fil-kalkolu tas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti kklassifikati f’dawn il-kategoriji, immultiplikati b’fattur M. Dan il-fattur M jiżdied b’ordni ta’ kobor b’mod proporzjonalment invers għal-livell ta’ tossiċità tas-sustanza inkwistjoni, u dan sabiex jirrifletti l-fatt li s-sustanzi li jidħlu f’dawn il-kategoriji ta’ perikolu “jikkontribwixxu għat-tossiċità tat-taħlita anki f’konċentrazzjoni baxxa u normalment għandhom jingħataw konsiderazzjoni akbar meta jiġi applikat l-approċċ tal-addizzjoni tal-klassifikazzjoni”, skont il-punt 4.1.3.5.5.5.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008. Jekk is-somma tal-konċentrazzjonijiet li tirriżulta mill-fattur M tkun superjuri jew ugwali għal 25 %, is-sustanza kkunsidrata tiġi kklassifikata bħala tossiċità akuta tal-kategorija 1 jew bħala tossiċità kronika tal-kategorija 1.

    39

    Huwa minnu li l-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jipprevedix l-użu ta’ kriterji oħrajn minbarra dawk espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni ma tipprekludi espressament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra li jistgħu jkunu relevanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza UVCB.

    40

    Barra minn hekk, dan il-punt 4.1.3.5.5 għandu jerġa jitqiegħed fil-kuntest tiegħu.

    41

    Skont il-punt 4.1.3.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, l-approċċ segwit għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet, preċedentement deskritti fil-qosor fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, “[s]abiex tintuża d-dejta kollha disponibbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt”. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-espressjonijiet “fejn adatt” (“where appropriate” fil-verżjoni bl-Ingliż ta’ dan il-punt) u “d-dejta kollha disponibbli”, jissuġġerixxi l-interpretazzjoni li tgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni differenti minn dik espressament użata fil-kuntest tal-metodu tal-addizzjoni għandu, f’kull ċirkustanza, jiġi eskluż.

    42

    Barra minn hekk, mill-premessi 4 sa 8 tar-Regolament Nru 1272/2008 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried “[j]ikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni globali tal-kriterji tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar, mhux biss fil-livell tan-NU, iżda anki permezz ta’ l-inkorporazzjoni tal-kriterji tal-GHS miftehma internazzjonalment fid-dritt Komunitarju”. Għal dan il-għan, l-Anness I ta’ dan ir-regolament jirriproduċi b’mod identiku l-kważi totalità tad-dispożizzjonijiet tal-GHS.

    43

    Issa, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, mit-test stess tal-GHS, b’mod partikolari mill-Anness 9 tiegħu, intitolat “Dokument gwida dwar il-perikli fil-qasam akwatiku”, jirriżulta li l-approċċ metodoloġiku indikat għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-perikoli fil-qasam akwatiku ta’ sustanzi huwa delikat, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li “t-terminu sustanza jkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti kimiċi, li numru kbir minnhom huwa diffiċli ħafna li jiġu kklassifikati skont sistema bbażata fuq kriterji riġidi”. B’hekk dan id-dokument jenfasizza “l-problemi ta’ interpretazzjoni kumplessi, anki għal esperti” li tqajjem il-klassifikazzjoni, b’mod partikolari tas-sustanzi msejħa “kumplessi jew multi komponenti” li tagħhom “il-karatteristiċi ta’ bijodegradazzjoni, ta’ bijoakkumulazzjoni, ta’ koeffiċjent ta’ tqassim u ta’ solubbiltà fl-ilma lkoll iqajmu problemi ta’ interpretazzjoni, sa fejn kull komponent tat-taħlita jista’ jaġixxi b’mod differenti”.

    44

    B’hekk, l-awturi ta’ dan id-dokument riedu jattiraw l-attenzjoni fuq il-limiti inerenti għall-kriterji metodoloġiċi, previsti mill-GHS, ta’ klassifikazzjoni tal-perikoli fil-qasam akwatiku, fir-rigward ta’ ċerti sustanzi kkaratterizzati, b’mod partikolari, mill-kumplessità, mill-istabbiltà jew mill-idrosolubbiltà dgħajfa tagħhom.

    45

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni integra d-dispożizzjonijiet tal-GHS fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, mingħajr ma esprima l-intenzjoni tiegħu li jinjora dan l-approċċ. B’hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta integra l-GHS fir-Regolament Nru 1272/2008, ħalla barra dawn il-limitazzjonijiet metodoloġiċi.

    46

    L-applikazzjoni stretta u awtomatika tal-metodu tal-addizzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha tista’ twassal biex tiġi sottovalutata t-tossiċità fil-qasam akwatiku ta’ sustanza UVCB li ftit mill-kostitwenti tagħha jkunu magħrufa. Tali riżultat ma jistax jitqies bħala kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex mir-Regolament Nru 1272/2008.

    47

    B’hekk għandu jitqies li, meta tapplika l-metodu tal-addizzjoni biex tiddetermina jekk sustanza UVCB tifformax parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta u ta’ tossiċità kronika fil-qasam akwatiku, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor. Konformement mal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina b’kura u b’imparzjalità elementi oħra li, għalkemm mhux espressament ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet imsemmija, huma madankollu rilevanti.

    48

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, mill-Gvern Daniż u mill-Gvern Ġermaniż, tosserva li s-solubbiltà dgħajfa taċ-CTPHT hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni. Fil-fatt, din tqis li l-metodu tal-addizzjoni jieħu inkunsiderazzjoni indirettament is-solubbiltà tal-kostitwenti li jifformaw parti mill-kategoriji ta’ perikoli għall-qasam akwatiku “tossiċità akuta” u “tossiċità kronika”.

    49

    Il-punt jekk is-solubbiltà dgħajfa taċ-CTPHT tistax titqies bħala rilevanti u għandhiex, għalhekk, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perikoli għall-qasam akwatiku maħluqa minn din is-sustanza hija kwistjoni ta’ kwalifika legali tal-fatti li tifforma parti mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-appell.

    50

    Il-motiv tas-sentenza appellata li jinsab fil-punt 28 tagħha, li jgħid li, “sabiex jitqies li sustanza tidħol fil-kategoriji ta’ tossiċità akuta jew kronika, hija din is-sustanza, u mhux biss il-kostitwenti tagħha, li għandha tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni”, ma huwiex ikkontestat.

    51

    Il-metodu ta’ klassifikazzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 huwa bbażat fuq l-ipoteżi li tgħid li l-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni huma 100 % solubbli. Abbażi ta’ din l-ipoteżi, dan il-metodu tal-addizzjoni jimplika li jeżisti livell ta’ konċentrazzjoni tal-kostitwenti taħt liema l-limitu minimu ta’ 25 % ma jistax jintlaħaq u b’hekk jikkonsisti fil-kalkolu tas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti li jifformaw parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta jew kronika, meqjusa, kull waħda, mal-fattur M li jikkorrispondi għall-profil ta’ tossiċità tagħhom.

    52

    Huwa madankollu inerenti għal dan il-metodu li dan jitlef l-affidabbiltà f’sitwazzjonijiet fejn is-somma meqjusa tal-kostitwenti teċċedi l-livell ta’ konċentrazzjoni li jikkorrispondi għal-limitu minimu ta’ 25 % fi proporzjon inferjuri għar-rapport bejn ir-rata ta’ solubbiltà osservata fil-livell tas-sustanza kkunsidrata fl-intier tagħha u r-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 %. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, isir b’hekk possibbli li l-metodu tal-addizzjoni jwassal, f’każijiet partikolari, għal riżultat superjuri jew inferjuri għal-livell li jikkorrispondi għal-limitu minimu legali ta’ 25 %, skont jekk titteħidx inkunsiderazzjoni r-rata ta’ solubbiltà ipotetika tal-kostitwenti jew dik tas-sustanza kkunsidrata b’mod sħiħ.

    53

    Huwa stabbilit li mit-tabella 7.6.2 tal-Anness I tar-rapport mehmuż mal-opinjoni tal-KER jirriżulta li, minn naħa, il-metodu tal-addizzjoni jwassal għar-riżultat ta’ 14521 % u li, min-naħa l-oħra, dan ir-riżultat huwa 581 darba superjuri għal-livell minimu meħtieġ biex jintlaħaq il-limitu minimu ta’ 25 %, wara li jitqies il-fattur M. Lanqas ma huwa kkontestat li mill-punt 1.3 ta’ dan id-dokument, intitolat “Proprjetajiet fiżikokimiċi”, jirriżulta barra minn hekk li r-rata massima ta’ solubbiltà fl-ilma taċ-CTPHT kienet ta’ 0.0014 %, jiġifieri rata ta’ madwar 71000 darba inferjuri għar-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 % użata għall-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni.

    54

    Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żnaturament jew żball ta’ kwalifika legali tal-fatti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li “mill-ipoteżi li l-[kostitwenti] kollha jiddissolvu fl-ilma, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-klassifikazzjoni inkwistjoni fuq l-ipoteżi li 9.2 % taċ-CTPHT seta’ jiddissolvi fl-ilma. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni [anness mal-opinjoni tal-KER], tali valur ma huwiex realistiku, peress li r-rata massima hija ta’ 0.0014 %”.

    55

    Wara li kkonstatat, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li “la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma [kienu] f’pożizzjoni li jistabbilixxu […] li […] il-Kummissjoni [kienet] ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 1.3., intitolat “Proprjetajiet fiżikokimiċi”, tad-dokument ta’ informazzjoni [anness mal-opinjoni tal-KER], il-kostitwenti taċ-CTPHT setgħu biss jiġu estratti miċ-CTPHT b’mod limitat u li din is-sustanza kienet tippreżenta stabbilità kbira”, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, iddeċidiet fil-punt 30 tas-sentenza msemmija li “il-Kummissjoni [kienet] wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, meta kklassifikat iċ-CTPHT fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tiegħu, din [kienet] naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax-il kostitwent […] fiċ-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom”.

    56

    Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-limiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju u ta’ żnaturament tal-provi

    57

    Il-Kummissjoni tiddikjara li adottat ir-regolament ikkontestat abbażi ta’ firxa wiesgħa ta’ elementi xjentifiċi. Dawn huma elementi kumplessi ħafna u li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat biss, minn din il-firxa vasta ta’ elementi xjentifiċi u tekniċi, il-frażi li tgħid li 9.2 % taċ-CTPHT seta’ jiddissolvi fl-ilma biex tinvalida l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, dan l-element huwa inerenti għall-metodu tal-addizzjoni. Meta ddeċidiet, f’dan il-punt 34, li r-rata massima ta’ solubbiltà taċ-CTPHT fl-intier tiegħu hija ta’ 0.0014 %, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li abbażi tagħhom ġie adottat ir-regolament ikkontestat.

    58

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan it-tielet aggravju tal-appell huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, ma ssostitwixxietx l-evalwazzjoni tagħha stess tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika minflok dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni. B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita relattiva għall-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju, imfakkra fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq id-data maħruġa mid-dokument ta’ informazzjoni anness mal-opinjoni tal-KER, kienet biss tirrigwarda l-kwistjoni ta’ natura proċedurali li tikkonsisti fid-determinazzjoni jekk il-Kummissjoni, meta wettqet il-klassifikazzjoni taċ-CTPHT, osservatx l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    59

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    60

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    62

    L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    63

    L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li meta intervenjent fl-ewwel istanza jieħu sehem fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li dan ibati l-ispejjeż tiegħu.

    64

    Peress li Bilbaína et talbu għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u peress li din tilfet, din għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk esposti minn Bilbaína et, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji li wasslet għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C-691/15 P–R, mhux ippubblikata, EU:C:2016:597).

    65

    Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, intervenjenti fl-appell, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    66

    L-ECHA, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

    67

    GrafTech Iberica SL, intervenjenti fl-ewwel istanza, li pparteċipat fil-proċedura orali mingħajr ma talbet il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż proprji tagħha, dawk sostnuti minn Bilbaína de Alquitranes SA, Deza a.s., Industrial Química del Nalón SA, Koppers Denmark A/S, Koppers UK Ltd, Koppers Netherlands BV, Rütgers basic aromatics GmbH, Rütgers Belgium NV, Rütgers Poland sp. z o.o., Bawtry Carbon International Ltd, Grupo Ferroatlántica SA, SGL Carbon GmbH (il-Ġermanja), SGL Carbon GmbH (l-Awstrija), SGL Carbon, SGL Carbon SA, SGL Carbon Polska S.A., ThyssenKrupp Steel Europe AG et Tokai erftcarbon GmbH, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji li wasslet għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C-691/15 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:597).

     

    3)

    Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    4)

    GrafTech Iberica SL u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq