Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0306

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
    António Fernando Maio Marques da Rosa vs Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação, SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 5 – Perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tal-inqas jum ta’ mistrieħ għal kull perijodu ta’ sebat ijiem – Perijodu ta’ iktar minn sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi.
    Kawża C-306/16.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:844

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 5 – Perijodu ta’ mistrieħ fil‑ġimgħa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tal-inqas jum ta’ mistrieħ għal kull perijodu ta’ sebat ijiem – Perijodu ta’ iktar minn sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi”

    Fil-Kawża C‑306/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

    António Fernando Maio Marques da Rosa

    vs

    Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação, SA

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal A. F. Maio Marques da Rosa, minn J. Carvalho, avukat,

    għal Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação SA, minn C. Santos Silva u N. Guedes Vaz, avukati,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u L. C. Oliveira, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn A. Pálfy, M.Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

    għall-Gvern Svediż minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, U. Persson, N. Otte Widgren u F. Bergius, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Braga da Cruz kif ukoll minn P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/104”), tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Antonio Fernando Maio Marques de Rosa u Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação SA (iktar ’il quddiem “Varzim Sol”) fir-rigward tal-għoti lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem, ta’ jum ta’ mistrieħ obbligatorju fil-ġimgħa għal kull perijodu ta’ sebat ijiem.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 93/104

    3

    Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104, intitolat “Perjodu ta’ serħan tal‑ġimgħa”:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw illi, għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, kull ħaddiem huwa intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan mhux interrott ta’ 24 siegħa minbarra l-11-il siegħa ta’ serħan kuljum li għalihom jirreferi l-Artikolu 3.

    […]”

    4

    Id-Direttiva 93/104 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/88, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2004.

    Id-Direttiva 2003/88

    5

    Il-premessa 15 tad-Direttiva 2003/88 hija fformulata kif ġej:

    “In vista tal-kwestjonijiet imqajjma mill-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fi ħdan impriża, jidher li huwa mixtieq li jkun hemm provvediment għal flessibiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, waqt li jassiguraw konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.”

    6

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.   ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

    2.   ‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

    […]

    5.   ‘xogħol bis-shift’ ifisser kwalunkwe metodu ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol bix-shift li permezz tagħha ħaddiema jkomplu wara xulxin fl-istess stazzjonijiet tax-xogħol skond ċerti tendenzi, inklużi t-tendenzi tar-rotazzjoni, u li jistgħu jkunu kontinwi jew mhux-kontinwi, li jinvolvi għall-ħaddiema li jaħdmu f’ħinijiet differenti matul perjodu partikolari ta’ jiem jew ġimgħat;

    6.   ‘ħaddiem bix-shift’ ifisser kwalunkwe ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tiegħu hija parti minn xogħol bix-shift;

    […]

    9.   ‘serħan adekwat’ ifisser li l-ħaddiema jkollhom perjodi regolari ta’ serħan, li t-tul tagħhom huwa espress f’unitajiet ta’ ħin u li huma suffiċjentement twal u kontinwi li jassiguraw li, bħala riżultat ta’ għajja jew tendenzi oħrajn irregolari tax-xogħol, li ma joħolqux xi korriment għalihom, għal ħaddiema sħabhom jew għal oħrajn u li ma jkunux ta’ ħsara għal saħħithom, la f’terminu qasir u l-anqas f’terminu fit-tul.”

    7

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jiddisponi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa.”

    8

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perijodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perijodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

    Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perijodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħha jista jkun applikat.”

    9

    Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skont il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

    […]

    (b)

    il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

    10

    L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

    “Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

    11

    Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Perjodu ta’ referenza”:

    “L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu:

    (a)

    għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 (perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa), perjodu ta’ referenza li ma jeċċedix 14-il jum;

    (b)

    għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 (perjodu massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa), perjodu ta’ referenza li ma jeċċedix erba’ xhur.

    […]”

    12

    L-Artikolu 17 tal-istess direttiva jiddisponi:

    “[…]

    2.   Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industria, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perijodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perijodi bħal dawn ta’ serħan obligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.

    […]

    4.   B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu isiru mill-Artikoli 3 u 5:

    (a)

    fil-każ ta’ l-attivitajiet ta’ ħaddiema bix-shift, kull darba li l-ħaddiem jibdel ix-shift u ma jistgħax jieħu l-perijodi ta’ serħan ta’ kull jum jew ta’ kull ġimgħa bejn it-tmiem ta’ shift wieħed u l-bidu tax-shift li jmiss;

    […]”

    13

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi:

    “Derogi jistgħu isiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali, jew b’konformità mar-regoli stabbiliti minhom, permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fil-livell l-aktar baxx.

    L-Istati Membri li fihom ma jkunx hemm sistema statutorja li tassigura l-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industria f’livell nazzjonali jew reġjonali, dwar il-materja koperta b’din id-Direttiva, jew dawk l-Istati Membri li fihom ma hemmx qafas leġislattiv speċifiku għal dan l-iskop u fi ħdan il-limiti tiegħu, jista, b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika, jippermetti derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industria fil-livell kollettiv xieraq.

    Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jitħallew bil-kondizzjoni li perijodi ta’ serħan ekwivalenti kompensatorji jkunu mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati jew, f’każi eċċezzjonali meta dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jingħataw perijodi bħal dawn, li l-ħaddiema kkonċernati jkollhom il-protezzjoni xierqa.

    […]”

    14

    Skont l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva:

    “Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

    (a)

    li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perijodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perijodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

    […]”

    Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

    15

    L-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi:

    “Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

    […]

    (c)

    espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

    Id-dritt Portugiż

    Il-kodiċi tax-xogħol tal-2003

    16

    Il-Código do Trabalho 2003 (kodiċi tax-xogħol tal-2003), adottat permezz tal-Liġi Nru 99/2003, tas-27 ta’ Awwissu 2003, intiż għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/104, jiddisponi, fl-Artikolu 205(1) tiegħu:

    “Il-ħaddiem għandu dritt tal-inqas għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.”

    17

    Skont l-Artikolu 207(1) ta’ dan il-kodiċi:

    “Mal-ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, għandu jiżdied perijodu ta’ ħdax-il siegħa, li jikkorrispondi għal perijodu minimu ta’ mistrieħ kuljum previst fl-Artikolu 176.”

    Il-kodiċi tax-xogħol tal-2009

    18

    Il-Código do Trabalho 2009 (kodiċi tax-xogħol tal-2009), adottat permezz tal-Liġi Nru 7/2009, tat-12 ta’ Frar 2009, intiż għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/88, jipprevedi, fl-Artikolu 221 tiegħu, intitolat “Organizzazzjoni tax-xogħol bix-shift”:

    “[…]

    5.   Ix-xogħol bix-shift imwettaq taħt sistema ta’ xogħol kontinwa u l-ħaddiema li jiżguraw servizzi li ma jistgħux jiġu interrotti, jiġifieri l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 207(2)(d) u (e), għandhom ikunu organizzati f’tali mod li kull ħaddiem bix-shift għandu jkollu mill-inqas jum ta’ mistrieħ għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, bla ħsara għall-eċċess tal-perijodu ta’ mistrieħ li għalih il-ħaddiem huwa intitolat.”

    19

    L-Artikolu 232 tal-kodiċi tax-xogħol jiddisponi:

    “1.   Il-ħaddiem għandu dritt tal-inqas għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.

    2.   Minbarra każijiet oħra koperti minn leġislazzjoni speċifika, il-jum ta’ mistrieħ obbligatorju jista’ ma jkunx il-Ħadd jekk il-ħaddiem iwettaq l-attività tiegħu:

    (a)

    f’impriża jew f’settur ta’ impriżi eżenti mill-għeluq jew mis-sospensjoni tan-negozju għal ġurnata sħiħa fil-ġimgħa, jew jekk l-għeluq jew is-sospensjoni tan-negozju hija obbligatorja f’jum ieħor minbarra l-Ħadd;

    […]

    3.   Test li jirriżulta minn negozjar kollettiv jew minn kuntratt ta’ xogħol jista’ jipprevedi mistrieħ fil-ġimgħa addizzjonali, kontinwu jew le, kull ġimgħa jew f’ġimgħat tas-sena.”

    Il-ftehimiet ta’ impriża

    20

    Il-klawżola 36 tal-ftehim ta’ impriża bejn Varzim Sol u s-Sindicato dos Profissionais de Banca de Casinos e outros (sindakat professjonali ta’ banek ta’ kasinòs u oħrajn, il-Portugall), ippubblikat fil-Boletim do Trabalho e do Emprego Nru 22 tal-2002, jiddisponi:

    “1.   Il-ħaddiema kollha koperti minn dan il-ftehim ta’ impriża huma intitolati għal jumejn konsekuttivi ta’ mistrieħ.

    […]

    5.   Fid-dipartimenti/taqsimiet li jkunu għażlu jew ser jagħżlu ħinijiet bil-mistrieħ ikun fuq bażi ta’ rotazzjoni, dawn għandhom jikkoinċidu, perijodikament, mill-inqas kull erba’ ġimgħat, mas-Sibt u/jew il-Ħadd, ħlief għal eċċezzjoni li tikkorrispondi għal bżonn urġenti tal-impriża u/jew immotivata kif jixraq.

    […]”

    21

    Il-ftehim ta’ impriża bejn Varzim Sol u s-sindakat professjonali ta’ banek ta’ kasinòs u oħrajn, ippubblikat fil-Boletim do Trabalho e do Emprego Nru 29 tal-2003, kif emendat u bit-test ikkonsolidat ippubblikat fil-Boletim do Trabalho e do Emprego Nru 31 tal-2007, jiddisponi, fil-klawżola 36(1) tiegħu:

    “Il-ħaddiema kollha koperti minn dan il-ftehim ta’ impriża huma intitolati għal jumejn konsekuttivi ta’ mistrieħ.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, A. F. Maio Marques da Rosa, kien impjegat mill-1991 sal-2014 minn Varzim Sol, kumpannija sid ta’ każinò f’Póvoa de Varzim (il-Portugall). Dan il-każinò huwa miftuħ kuljum, ħlief fl-24 ta’ Diċembru, mit-15.00 sat-3.00 ta’ filgħodu mill-Ħadd sal-Ħamis u mill-16.00 sal-4.00 ta’ filgħodu fil-jiem l-oħra.

    23

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li x-xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kien organizzat fuq il-bażi ta’ rotazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol u ta’ mistrieħ, li matulhom l-impjegati kienu jokkupaw suċċessivament l-istess pożizzjonijiet skont ċertu progressjoni stabbilita minn qabel. Il-qorti tar-rinviju tesponi li, matul is-snin 2008 u 2009, A. F. Maio Marques da Rosa ħadem xi kultant matul sebat ijiem konsekuttivi. Hija tindika wkoll li l-impjegati ta’ Varzim Sol li jaħdmu fis-swali tal-logħob tal-azzard, kienu intitolati mill-1988 għal jumejn konsekuttivi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, l-ewwel jum taħt il-kodiċi tax-xogħol u t-tieni jum, komplementari, skont il-ftehimiet ta’ impriża bejn is-sindakat professjonali ta’ banek ta’ kasinòs u oħrajn u Varzim Sol.

    24

    Barra minn hekk, b’effett mill-2010, Varzim Sol biddlet l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, sabiex l-impjegati ma baqgħux jaħdmu iktar minn sitt ijiem konsekuttivi.

    25

    Il-kuntratt tax-xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali intemm fis-16 ta’ Marzu 2014, insegwitu għal proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

    26

    Għaldaqstant, dan tal-aħħar ippreżenta rikors intiż sabiex Varzim Sol tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 18602 bħala danni, peress li s-seba’ jum ta’ xogħol kellu jitħallas bħala sigħat addizzjonali u li ma ngħatax mistrieħ kumpensatorju. Huwa talab ukoll il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 7679, għar-raġuni li t-tieni jum ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mhux dejjem ingħatalu fil-ħin, flimkien mal-interessi.

    27

    Peress li r-rikors tiegħu ġie miċħud, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto).

    28

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni, insostenn tal-appell tiegħu, li l-Artikoli 221 u 232 tal-kodiċi tax-xogħol Portugiż tal-2009, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Konvenzjonijiet Nri 14 u 106 tal-Organizzazzjoni internazzjonali tax-xogħol, fis-sens li jrid jingħata jum ta’ mistrieħ mhux iktar tard minn sitt ijiem konsekuttivi ta’ xogħol.

    29

    Skont Varzim Sol, barra minn dan, la d-dritt tal-Unjoni u lanqas il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jeħtieġu limitazzjoni tal-jiem konsekuttivi ta’ xogħol, sakemm l-impjegat jibbenefika minn perijodu ta’ mistrieħ għal kull perijodu ta’ sebat ijiem ta’ xogħol. Għalhekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 ma jeħtieġx li d-dritt għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa jingħata lil ħaddiem wara sitt ijiem konsekuttivi ta’ xogħol, jiġifieri fis-seba’ jum. Barra minn hekk, ikun impossibbli fil-prattika li l-ħaddiema jingħataw jiem ta’ mistrieħ kull seba’ u tmien jum.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall), li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104 u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Fid-dawl tal-Artikoli 5 tad-[Direttiva 93/104 u tad-Direttiva 2003/88] kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-[Karta], fil-każ ta’ ħaddiema li ħadmu bix-shift u bi ġranet ta’ mistrieħ b’rotazzjoni, fi stabbiliment li jopera fil-ġranet kollha tal-ġimgħa iżda li ma joperax b’mod kontinwu matul 24 siegħa kuljum, il-ġurnata ta’ mistrieh obbligatorju li għaliha l-ħaddiem għandu dritt għandha tiġi permessa neċessarjament f’kull perijodu ta’ seba ġranet, jiġifieri, mill-inqas fis-seba’ ġurnata sussegwenti għas-sitt ġranet ta’ xogħol konsekuttivi?

    2)

    L-interpretazzjoni li fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema il-persuna li timpjega għandha libertà li tagħżel il-ġranet fejn tagħti lill-ħaddiem, ta’ kull ġimgħa, il-mistrieħ li għalih dan għandu dritt, fejn jista’ jirriżulta li l-ħaddiem ikun obbligat, mingħajr remunerazzjoni għal xogħol supplimentari, li jaħdem għal għaxar ġranet konsekuttivi (pereżempju, bejn nhar ta’ Erbgħa ta’ ġimgħa, ippreċedut b’mistrieh nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Tlieta, sa nhar ta’ Ġimgħa tal-ġimgħa ta’ wara, segwit b’mistrieħ nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd), hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet?

    3)

    Interpretazzjoni fis-sens li l-perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni jista’ jseħħ fi kwalunkwe ġurnata kalendarja ta’ perijodu speċifiku ta’ seba’ ġranet kalendarji u l-perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni (li magħhom għandhom jingħaddu 11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum) sussegwenti jista’ jseħħ ukoll fi kwalunkwe ġurnata kalendarja tal-perijodu ta’ seba’ ġranet kalendarji immedjatament sussegwenti għal dak preċedenti, hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet?

    4)

    L-interpretazzjoni fis-sens li minflok ħaddiem igawdi minn perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni (li magħhom għandhom jingħaddu 11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum) għal kull perijodu ta’ seba’ ġranet, jista’ jgawdi minn żewġ perijodi konsekuttivi, jew mhux konsekuttivi, ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni fi kwalunkwe ġurnata mill-4 ġranet kalendarji ta’ perijodu speċifiku ta’ referenza ta’ 14-il ġurnata kalendarja, hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet, anki fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva [2003/88]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

    31

    Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 31 tal-Karta, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeħtieġu li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa li ħaddiem għandu dritt għalihom għandux jingħata mhux iktar tard mis-seba’ jum wara perijodu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi.

    32

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti tal-kawża prinċipali, li seħħew bejn Jannar 2004 u Jannar 2010, jaqgħu, parzjalment, taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104, li kienet fis-seħħ sal-1 ta’ Awwissu 2004, u, parzjalment, taħt dawk tad-Direttiva 2003/88, li wasslet, b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2004, għall-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104. Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi għall-kawża prinċipali ġew redatti b’termini essenzjalment identiċi u peress li r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma, minħabba din l-identiċità, l-istess tkun xi tkun id-direttiva applikabbli, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi għandu jsir riferiment biss għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 32).

    33

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perijodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perijodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3”.

    34

    Din id-Direttiva fiha wkoll dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-progress tax-xogħol. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(4)(a) ta’ din id-direttiva jiddisponi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 5 ta’ din għax-xogħol bix-shift, kull darba li l-ħaddiem jibdel ix-shift u ma jkunx jista’ jibbenefika bejn it-tmiem ta’ shift u l-bidu tax-shift segwenti perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Bl-istess mod, l-Artikolu 18 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi li jista’ jkun hemm deroga għal dan l-Artikolu 5 permezz ta’ ftehimiet kollettivi. L-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/88, madankollu, jeħtieġu mistrieħ kumpensatorju jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, protezzjoni xierqa oħra.

    35

    Madankollu, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat fuq dan il-punt mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, li r-Repubblika Portugiża ma għamlitx użu mill-fakultà mogħtija lilha mill-Artikolu 17(4)(a) tad-Direttiva 2003/88, li tagħmel deroga għar-regoli dwar il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva għal xogħol bix-shift. Barra minn hekk, ma jidhirx minn dan il-proċess li l-ftehimiet ta’ impriża, iċċitati fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, fihom dispożizzjonijiet li jidderogaw minn dan l-Artikolu 5.

    36

    Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li jipprovdu għall-possibbiltà ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 fil-kuntest ta’ xogħol bix-shift ma humiex rilevanti f’din il-kawża.

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu biss jiġi interpretat l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 u b’mod partikolari t-termini tiegħu “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem”.

    38

    Peress li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 ma jagħmel l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, l-espressjoni “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem” użata f’din, għandha titqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi interpretata b’mod uniformi fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, irrispettivament mill-kwalifiki użati fl-Istati Membri, b’kont meħud tat-termini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2017, J. D., C‑4/16, EU:C:2017:153, punti 2325, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2014:359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ifformular tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, jirriżulta minn dan li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji ħalli jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika, “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem”, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ 24 siegħa flimkien ma’ 11-il siegħa serħan ta’ kuljum kif previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, Madankollu, dan l-artikolu ma jippreċiżax il-mument li fih irid ikun hemm dan il-perijodu minimu ta’ mistrieħ u għalhekk jagħti lill-Istati Membri ċertu flessibbiltà fl-għażla ta’ dan il-mument.

    40

    Hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu hija msaħħa permezz tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk, fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-artikolu, li fosthom hemm inklużi l-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Portugiż, huwa previst li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni għandu jingħata “għal” kull perijodu ta’ sebat ijiem. Verżjonijiet oħra ta’ dan l-artikolu huma eqreb tal-verżjoni Franċiża, li tistabbilixxi li l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jingħata “matul” kull perijodu ta’ sebat ijiem.

    41

    Għaldaqstant, jirriżulta mill-istess termini tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva li dan jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika, matul perijodu ta’ sebat ijiem, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, li magħhom jiżdiedu il-11-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, mingħajr madankollu jiġi speċifikat il-mument li fih dan il-perijodu minimu ta’ mistrieħ għandu jingħata.

    42

    It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih jiddaħħlu t-termini inkwistjoni, dan jikkonferma din l-interpretazzjoni testwali. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li f’diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 il-leġiżlatur tal-Unjoni uża t-termini “perjodu ta’ referenza” sabiex jiffissa t-terminu li fih perijodu minimu ta’ mistrieħ għandu jingħata. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fl-Artikolu 16(a) ta’ din id-direttiva li jiddisponi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodu ta’ referenza li ma jaqbiżx l-14-il jum għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tiegħu. Għalkemm mhux espressament imsejjaħ bħala tali, dan il-perijodu ta’ sebat ijiem imsemmi f’dan l-aħħar artikolu jista’, madankollu, jitqies ukoll bħala perijodu ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 62).

    43

    Issa, perijodu ta’ referenza jista’, f’dan il-kuntest, jiġi ddefinit bħala perijodu fiss li fih ċertu numru ta’ sigħat konsekuttivi ta’ mistrieħ għandhom jingħataw, irrispettivament minn meta jingħataw dawn is-sigħat ta’ mistrieħ. Din id-definizzjoni hija kkorroborata, mutatis mutandis, minn qari flimkien tal-Artikoli 16(b) u 22(1)(a) tad-Direttiva 2003/88. Skont l-ewwel dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, perijodu ta’ referenza li ma jeċċedix erba’ xhur. It-tieni dispożizzjoni tipprevedi li l-ebda persuna li timpjega ma tkun teħtieġ li ħaddiem jaħdem iktar minn tmienja u erbgħin siegħa matul perijodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perijodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b). Għalhekk, ma hemmx bżonn ta’ distribuzzjoni indaqs tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol.

    44

    Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, li magħhom għandhom jiżdiedu l-ħdax-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jista’ jingħata fi kwalunkwe mument f’kull perijodu ta’ sebat ijiem, huma msaħħaħ permezz ta’ analiżi sistematika ta’ din id-direttiva.

    45

    It-tielet nett, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar għandu l-għan li jipproteġi b’mod effettiv is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Minħabba f’dan l-għan essenzjali, kull ħaddiem għandu, b’mod partikolari, jibbenefika minn perijodi adegwati ta’ mistrieħ (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 82, u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑180/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:840, punt 51). Għal dan il-għan, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, għal perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mingħajr interruzzjoni għall-benefiċċju ta’ kull ħaddiem.

    46

    Madankollu, jirriżulta minn din id-direttiva, b’mod partikolari mill-premessa 15 tagħha, li hija tippermetti wkoll ċertu grad ta’ flessibbiltà fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din. Għalhekk fiha diversi dispożizzjonijiet, bħal dawk speċifikati fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li jippermettu derogi, permezz ta’ miżuri kumpensatorji, għall-perijodi minimi ta’ mistrieħ meħtieġa, b’mod partikolari għax-xogħol bix-shift jew għall-attivitajiet ikkaratterizzati mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2003/88 jiddisponi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodu ta’ referenza itwal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tiegħu, dwar il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Barra minn hekk, l-għan imfittex minn din id-direttiva, li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiem waqt li fl-istess ħin jitħalla lill-Istati Membri ċertu flessibilità fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hija tipprevedi, jirriżulta wkoll mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 5, hekk kif ġie espost fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

    47

    Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5 x’aktarx tibbenefika mhux biss lill-persuna li timpjega, iżda wkoll lill-ħaddiem u tippermetti li jingħataw diversi jiem konsekuttivi ta’ mistrieħ lill-ħaddiem ikkonċernat, fit-tmiem ta’ perijodu ta’ referenza u fil-bidu ta’ dak li jmiss. Barra minn hekk, fil-każ ta’ impriża miftuħa sebat ijiem fil-ġimgħa, bħal Varzim Sol, l-obbligu ta’ jiem ta’ mistrieħ fissi, skont il-qorti tar-rinviju, jaf ikollu bħala konsegwenza l-effett li jċaħħad xi ħaddiema mill-possibbiltà li jingħataw dawn il-jiem ta’ mistrieħ matul tmiem il-ġimgħa. Skont din il-qorti, din hija r-raġuni għaliex l-impjegati ta’ Varzim Sol qatt ma applikaw għal jiem ta’ mistrieħ fissi.

    48

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, peress li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, li magħhom jiżdiedu il-ħdax-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, f’perijodu ta’ sebat ijiem, mingħajr madankollu jiġi speċifikat il-mument li fih dan il-perijodu minimu għandu jingħata, jagħtihom f’dan ir-rigward ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. La ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix lil ħaddiem li jibbenefika minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mhux iktar tard mis-seba’ jum wara s-sitt ijiem konsekuttivi ta’ xogħol, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ħaddiem ma jibbenefikax f’kull ċirkustanza mill-protezzjoni prevista fid-Direttiva 2003/88 dwar mistrieħ ta’ kuljum u t-tul massimu tax-xogħol ta’ kull ġimgħa.

    49

    Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Fil-fatt, skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva l-Istati Membri huma awtorizzati li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat tal-industrija li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, u sa fejn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali tipprevedi tali protezzjoni iktar wiesgħa.

    50

    Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 31(2) tal-Karta, li l-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li tinterpreta, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li kull ħaddiem huwa intitolat għal limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol massimu u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, kif ukoll għal perijodu annwali ta’ leave imħallas. Issa, mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17), jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq id-Direttiva 93/104, kif ukoll fuq l-Artikolu 2 tal-Karta soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 u rriveduta fi Strasbourg fit-3 ta’ Mejju 1996, u fuq il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema, adottata matul il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989. L-Artikolu 2(5) tal-Karta Soċjali Ewropea, fuq il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa, jirreferi wkoll għad-Direttivi 93/104 u 2003/88. Hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jżidx elementi utli ġodda għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88.

    51

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda hija li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeħtiġux li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, li ħaddiem għandu dritt għalihom, għandu jingħata mhux iktar tard mill-jum wara perijodu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi, iżda jimponu li dan għandu jingħata f’kull perijodu ta’ sebat ijiem.

    Fuq ir-raba’ domanda

    52

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2003/88 għandux ikun interpretat fis-sens li l-jumejn ta’ leave msemmija minn dan l-artikolu jistgħux jittieħdu fi kwalunkwe ġurnata matul il-perijodu ta’ referenza ta’ erbatax-il jum.

    53

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax jekk il-leġiżlatur Portugiż ittrasponix dik id-dispożizzjoni, li tippermetti li jiġi previst perijodu itwal ta’ referenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, kemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni indikaw li l-Portugall ma għamilx użu minn din il-possibbiltà.

    54

    Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-intepretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Barra minn hekk, dawn ir-rekwiżiti jidhru wkoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar il-ftuħ ta’ proċeduri dwar talbiet għal deċiżjonijiet preliminari (ĠU 2016, C 439, p. 1) (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 121).

    56

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ domanda ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punti preċedenti, peress li l-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet għalfejn l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2003/88 hija rilevanti għall-kawża pendenti quddiemha.

    57

    Minn dan isegwi li r-raba’ domanda hija inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeħtiġux li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, li ħaddiem għandu dritt għalihom, għandu jingħata mhux iktar tard mill-jum wara perijodu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi, iżda jimponu li dan għandu jingħata f’kull perijodu ta’ sebat ijiem.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Fuq