EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0556

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
Lutz GmbH vs Hauptzollamt Hannover.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Subintestatura 6212 20 00 (Ċinet ta’ qliezet ta’ taħt) – Noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda – Noti ta’ spjega tas-sistema armonizzata.
Kawża C-556/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:777

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Subintestatura 6212 20 00 (Ċinet ta’ qliezet ta’ taħt – Noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda – Noti ta’ spjega tas-sistema armonizzata”

Fil-Kawża C‑556/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

Lutz GmbH

vs

Hauptzollamt Hannover

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lutz GmbH, minn T. Lutz,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 6212 20 00 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad‑9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lutz GmbH u l-Hauptzollamt Hannover (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Hannover, il-Ġermanja), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-qliezet ta’ taħt li għandhom funzjoni ta’ panċiera (sculpting underwear).

Il-kuntest ġuridiku

In-Nomenklatura Magħquda

3

It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi Taqsima XI, relattiva għal “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitoli 61 u 62.

4

Fil-Kapitolu 61 tan-NM intitolat “Oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted)”, tinsab in-nota 2(a) skont liema dan il-kapitolu ma jinkludix l-oġġetti fl-intestatura 6212.

5

Is-subintestatura 6108 22 00 tan-NM hija dwar “Ilbiesi ta’ taħt, dbielet ta’ taħt, briefs, qliezet ta’ taħt, ilbiesi tas-sodda, piġami, négligés, ġagagi tal-banju, blużi ta’ ġewwa u oġġetti simili tan-nisa jew tal-bniet, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ – Briefs u qliezet ta’ taħt ta’ fibri magħmulin mill-bniedem”.

6

Din is-subintestatura tipprevedi rata ta’ dwana konvenzjonali ta’ 12 %.

7

Fil-Kapitolu 62 tan-NM intitolat “Oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ġanċ (crocheted)” tidher in-nota 1 skont liema dan il-kapitolu japplika biss għal oġġetti mmanifatturati minn kull drapp ta’ tessuti li ma huwiex artab (wadding), ħlief oġġetti maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted) (ħlief dawk tal-intestatura 6212).

8

L-intestatura 6212 tan-NM hija dwar “Riċipettijiet, ċinet, kurpetti, ċineg, suspenders, takkalji u oġġetti simili u partijiet tagħhom, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ jew le”.

9

L-intestatura 6212 20 00 tan-NM hija dwar “Riċipettijiet, ċinet, kurpetti, ċineg, suspenders, takkalji u oġġetti simili u partijiet tagħhom, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ jew le – Ċinet u ċinet tal-qliezet ta’ taħt”.

10

Is-subintestatura 6212 90 00 tan-NM hija dwar riċipettijiet, ċinet, kurpetti, ċineg, suspenders, takkalji u oġġetti simili u partijiet tagħhom, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ jew le, minbarra r-riċipettijiet, iċ-ċinet u ċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt (panty girdles) kif ukoll is-settijiet.

11

Ir-rata ta’ dwana konvenzjonali applikabbli għall-intestatura 6212 kollha hija ta’ 6.5 %.

Noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda

12

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tan-NM”).

13

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huma rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali n-noti ta’ spjega għan-NM, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 76, p. 1). In-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 6212 20 00 hija fformulata kif ġej:

“Ċinet u ċinet tal-qliezet ta’ taħt

Dan is-subtitlu jkopri ċinet ta’ qliezet ta’ taħt, kemm jekk maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, maqtugħin fil-forma ta’ briefs bis-saqajn jew le jew briefs tal-qadd għoli bis-saqajn jew le.

Huma għandhom ikollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

a)

ikunu mal-qadd u l-ġnub u jkollhom pannell mal-ġenb ta’ 8 ċm jew aktar għoli (imkejjel mis-sieq sa fuq);

b)

elastiċita’ vertikali u elastiċita’ orizzontali ristretta. Rinforzi bħal daħliet fuq l-istonku, anki b’lazz, ċfuf, trimmjaturi u affarjiiet simili applikati, huma aċċettabbli jekk l-elastiċita’ tibqa’ vertikali;

(ċ)

ikunu magħmulin mill-materjali ta’ tessut li ġejjin:

taħlit ta’ qoton b’kontenut ta’ ħjut elastomeriku ta’ għallinqas 15 %, jew

taħlit ta’ fibri magħmulin mill-bniedem b’kontenut ta’ ħjut elastomeriku ta’ għallinqas 10 %, jew

taħlit ta’ qoton (mhux aktar minn 50 %) u bi proporzjoni ta’ fibri magħmulin mill-bniedem b’kontenut ta’ ħjut elastomeriku ta’ għallinqas 10 %.”

In-noti ta’ spjega tas-sistema armonizzata

14

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

15

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni, kumitat imsemmi “Kumitat tas-Sistema Armonizzata”, kompost mir-rappreżentanti ta’ kull parti kontraenti, ġie stabbilit fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u f’li jifformula noti ta’ spjega (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega tas-SA”), opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.

16

Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 6212, din l-intestatura tirreferi għall-oġġetti maħsuba sabiex jappoġġjaw ċerti partijiet tal-ġisem u oġġetti diversi ta’ ħwejjeġ u l-partijiet tagħhom u dawn l-oġġetti jistgħu jiġu mmanifatturati fi drappijiet ta’ kull tip, elastiċi jew le, inklużi maħdumin bil-labar jew bil-ganċ.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Lutz talbet, fix-xahar ta’ Ottubru 2013, informazzjoni tariffarja vinkolanti għal qalziet ta’ taħt b’funzjoni ta’ panċiera u, fit-talba tagħha, hija pproponiet li dan il-qalziet ta’ taħt jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6212 90 00 tan-NM.

18

L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi pprovdew informazzjoni tariffarja vinkolanti skont liema l-imsemmi qalziet ta’ taħt kellu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6108 22 00 tan-NM.

19

Peress li qieset li din il-klassifika kienet żbaljata, Lutz ippreżentat ilment, mingħajr suċċess, imbagħad ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja).

20

Din il-qorti tindika li l-oġġett inkwistjoni huwa qalziet ta’ taħt b’funzjoni ta’ panċiera magħmul bħala briefs, maħdumin bi drapp maħdum bil-labar, elastiku kemm fis-sens vertikali kif ukoll orizzontali. Hija tispeċifika li jekk dawn il-briefs jiġġebdu bl-idejn, jiġġebdu inqas fis-sens orizzontali milli fis-sens vertikali u li l-punt li wieħed ikun jaf sa fejn jiġġebbed l-inqas fis-sens orizzontali jista’ jkun is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet differenti, skont il-perċezzjonijiet individwali. Il-qorti tar-rinviju tosserva li dan l-oġġett ma fihx elementi mhux elastiċi partikolari inkorporati fis-sens orizzontali.

21

Skont l-imsemmija qorti, l-istandards li huma importanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali huma s-subintestaturi 6108 22 00 u 6212 20 00 tan-NM, kif ukoll in-noti ta’ spjega ta’ din tal-aħħar, dwar l-imsemmija subintestaturi.

22

Hija tqis li, jekk l-oġġett inkwistjoni għandu jikkostitwixxi ċinet tal-qliezet ta’ taħt fis-sens tas-subintestatura 6212 20 00 (Ċinet u ċinet tal-qliezet ta’ taħt), huwa għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 6212, li hija, fir-rigward tal-intestatura 6108, l-intestatura l-iktar speċifika.

23

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, min-naħa l-oħra, dan l-oġġett ma għandux jikkostitwixxi ċinet tal-qliezet ta’ taħt fis-sens tas-subintestatura 6212 20 00, huwa għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 6108 u, ġewwa din l-intestatura, fis-subintestatura 6108 22 00 (Briefs u qliezet ta’ taħt ta’ fibri magħmulin mill-bniedem).

24

Din il-qorti żżid tgħid li n-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 6212 20 00 tiddefinixxi b’mod iktar preċiż iċ-“ċinet tal-qliezet ta’ taħt” fis-sens ta’ din is-subintestatura, u li huwa stabbilit li l-oġġett inkwistjoni jippreżenta l-karatteristiċi li huma deskritti fil-punti (a) u (ċ) ta’ din in-nota ta’ spjega.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont din il-qorti, il-kwistjoni determinanti hija, f’dan il-każ, li jiġi stabbilit jekk, minbarra dawn il-karatteristiċi, l-imsemmi oġġett jippreżenta wkoll il-karatteristika deskritta fl-ewwel sentenza tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-imsemmija nota ta’ spjega, jiġifieri li għandu elastiċità vertikali ristretta fis-sens orizzontali.

26

Madankollu, hija tqis, li l-kliem li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-istess nota ta’ spjega, jiġifieri għandhom “elastiċità vertikali u elastiċità orizzontali ristretta” ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed.

27

Għalhekk, permezz tad-domandi tagħha, l-imsemmija qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-ewwel sentenza tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tan-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 6212 20 00.

28

Fl-ewwel lok, il-qorti ta’ rinviju, li titlaq mill-premessa li ċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt għandhom dejjem ikollhom elastiċità orizzontali, tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-paragun li għandu jsir bejn din l-elastiċità u l-elastiċità vertikali. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-elastiċità orizzontali għandha tkun nettament iktar ristretta mill-elastiċità vertikali, peress li elastiċità orizzontali li tkun iktar ristretta mill-elastiċità vertikali biss fi proporzjon minimu ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmija nota ta’ spjega.

29

Fit-tieni lok, din il-qorti tirrileva li l-karatteristika kklassifikata bħala “ristretta” tista’ wkoll tkopri restrizzjoni assoluta tal-elastiċità orizzontali, fis-sens li l-elastiċità orizzontali taċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt, permezz ta’ restrizzjonijiet addizzjonali, ikollha restrizzjoni stabbilita, li twaqqaf l-elastiċità orizzontali f’punt iddeterminat tal-estensjoni tagħha. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tan-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 6212 20 00 tista’ tissuġġerixxi li din it-tip ta’ restrizzjoni tal-elastiċità hija koperta.

30

Skont l-imsemmija qorti, tqum ukoll il-kwistjoni dwar x’inhuma l-kriterji oġġettivi abbażi ta’ liema għandu jiġi mwettaq jew il-paragun bejn l-elastiċità vertikali u l-elastiċità orizzontali, jew jekk teżisti restrizzjoni assoluta ta’ din l-elastiċità tal-aħħar, il-karatterizzazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni. Għal dak li jikkonċerna l-ipoteżi bbażata fuq paragun bejn l-elastiċità vertikali u l-elastiċità orizzontali, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni eżami purament sensorju permezz ta’ tiġbid manwali tal-materjal jew l-użu ta’ miżuri tekniċi li jipprovdu data dwar l-estensjoni tal-materjal użat.

31

Fl-aħħar nett, il-qorti ta’ rinviju tosserva li, sa fejn l-ewwel sentenza tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tan-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 6212 20 00 ma tippermettix li jiġu ddefiniti l-karatteristiċi u l-proprjetajiet taċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt inkwistjoni li huma rilevanti għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni, għandna nibbażaw ruħna, fir-rigward tar-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfatti mill-elastiċità orizzontali u, fir-rigward tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 6212, biss fuq l-eżistenza ta’ funzjoni demonstrabbli ta’ appoġġ ta’ ċerti partijiet tal-ġisem.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

a)

In-Noti ta’ spjega tan-[NM] rigward is-subintestatura 6212 20 00 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għal ċinet ta’ qlieżet ta’ taħt (“panty girdles”), l-elastiċità hija “orizzontali ristretta [ristretta fis-sens orrizontali]” meta l-elastiċità orizzontali tkun inqas minn dik vertikali?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1(a):

Abbażi ta’ liema kriterji oġġettivi għandu jsir dan il-paragun bejn elastiċità vertikali u elastiċità orizzontali?

2)

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1(a):

a)

In-Noti ta’ Spjega għan-[NM] rigward is-subintestatura 6212 20 00 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għal ċinet ta’ qlieżet ta’ taħt, l-elastiċità hija “ristretta fis-sens orrizontali” biss meta l-elastiċità orizzontali tkun manifestament inqas minn dik vertikali?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

Abbażi ta’ liema kriterji oġġettivi għandu jsir dan il-paragun bejn elastiċità vertikali u elastiċità orizzontali u skont liema kriterju ta’ evalwazzjoni?

3)

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 2(a):

a)

In-Noti ta’ Spjega għan-[NM] rigward is-subintestatura 6212 20 00, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjoni tal-elastiċità orizzontali għal ċinet ta’ qlieżet ta’ taħt ma hijiex iddefinita permezz ta’ paragun bejn elastiċità vertikali u dik orizzontali, iżda tfisser restrizzjoni assoluta tal-elastiċità orizzontali?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

Abbażi ta’ liema kriterji oġġettivi għandu jiġi eżaminat jekk l-elastiċità ta’ ċinet ta’ qliezet ta’ taħt fis-sens orrizontali hija ristretta fis-sens imsemmi fil-punt (a) ta’ din id-domanda?”

Fuq id-domandi preliminari

33

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti ta’ rinviju titlob, essenzjalment, sa fejn qalziet ta’ taħt għandu jkun elastiku fis-sens orizzontali sabiex jaqa’ taħt l-intestatura 6212 20 00 tan-NM.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-kliem li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-punt (b) tat-tieni paragrafu tan-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 6212 20 00, il-qliezet ta’ taħt għandhom ikollhom “elastiċità vertikali u elastiċità orizzontali ristretta” sabiex jiġu kklassifikati fl-imsemmija subintestatura.

35

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tan-noti ta’ spjega tan-NM, li, għalkemm dawn jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, huma ma għandhomx saħħa vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, MIS, C‑288/15, EU:C:2016:424, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mit-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda” tat-Titolu I intitolat “Regoli ġenerali”, fl-ewwel parti tan-NM intitolata “Dispożizzjonijet preliminari” li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija hija ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli hija meqjusa bħala li għandha biss valur indikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punt 35).

37

Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi proprji u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu (sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punt 36, u tas-16 ta’ Frar 2017, Aramex Nederland, C‑145/16, EU:C:2017:130, punt 22).

38

Għandu jitfakkar li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġi speċifikat il-kontenut tal-intestaturi tat-tariffi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett partikolari. Madankollu s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1)(a), (b), (d), u (e) tar-Regolament Nru 2658/87, bħala l-istabbiliment ta’ noti addizzjonali, ma tawtorizzahiex temenda l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-SA, li fiha l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, li ma tibdilx il-portata tagħha (ara, s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Raytek u Fluke Europe, C‑134/13, EU:C:2015:82, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Mill-formulazzjoni tal-intestatura 6212 tan-NM jirriżulta li din l-intestatura tinkludi “Riċipettijiet, ċinet, kurpetti, ċineg, suspenders, takkalji u oġġetti simili u partijiet tagħhom, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ jew le”. Barra minn hekk, is-subintestatura 6212 20 00 tan-NM issemmi speċifikament, fil-kuntest tal-intestatura 6212 ta’ din tal-aħħar “Ċinet u ċinet tal-qliezet ta’ taħt”.

40

F’dak li jirrigwarda n-noti ta’ spjega tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-fatt li dawn ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi ta’ valur għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Sonos Europe, C‑84/15, EU:C:2016:184, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għandu jitfakkar li, skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 6212, din l-intestatura tirreferi għal oġġetti maħsuba sabiex jappoġġjaw ċerti partijiet tal-ġisem u oġġetti diversi ta’ ħwejjeġ, kif ukoll għal partijiet minnhom, u li dawn l-oġġetti jistgħu jiġu mmanifatturati bi drappijiet ta’ kull tip, elastiċi jew le, inklużi dawk maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted).

42

Mill-kliem ġeneriċi “ċinet”, “ċinet tal-qliezet ta’ taħt” u “kurpett”, sostnuti bir-riferimenti li jinsabu fl-anness tal-osservazzjonijiet miktuba sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-oġġetti li jikkorrispondu għal dawn il-kliem jipproduċu effett ta’ appoġġ u ta’ skultura tal-ġisem uman, li jinkiseb billi tiġi eżerċitata azzjoni ta’ tensjoni fuq dan tal-aħħar.

43

Issa, tali effett huwa possibbli biss sa fejn l-elastiċità orizzontali ta’ dawn l-oġġetti hija mnaqqsa kunsiderevolment.

44

Il-Kummissjoni ssostni li tali elastiċità orizzontali għandha tippreżenta restrizzjoni assoluta, u dan jeżiġi li materjali mhux elastiċi jiġu użati jew li elementi komposti minn tali materjali jkunu speċjalment imdaħħlin fiċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt.

45

Għalkemm hemm lok li tiġi ammessa n-neċessità ta’ restrizzjoni kunsiderevoli tal-elastiċità orizzontali, ma jidhirx obbligatorju li ċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt ikollhom materjali jew elementi mhux elastiċi.

46

Fil-fatt, jidher teknikament possibbli li, fiċ-ċinet u ċ-ċinet tal-qliezet ta’ taħt tubulari maħduma bil-labar, żoni li jraqqu jiġu integrati waqt li jsir ix-xogħol bil-labar.

47

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu intiż tal-prodott fil-kawża prinċipali, peress li dan l-użu jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward tal-użu tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikklassifikat bħala “qalziet ta’ taħt b’funzjoni ta’ panċiera” mill-qorti tar-rinviju u bħala “seamless shapewear” mill-uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hanover, jidher li, permezz tal-azzjoni tiegħu dan huwa intiż sabiex jipproduċi effett ta’ appoġġ u ta’ skultura tal-ġisem uman. Għalhekk, dan il-prodott għandu, b’riżerva tal-verifikazzjoni mill-qorti tar-rinviju, il-karatteristika essenzjali ta’ elastiċità kunsiderevolment ristretta fis-sens orizzontali sabiex jappoġġja l-ġisem uman sabiex joħloq effett oġġettiv li jraqqaq is-siluwett.

49

F’dan ir-rigward, Lutz tallega, essenzjalment li, kuntrarju għall-kurpetti u ċ-ċinet klassiċi, li fihom l-effetti ta’ appoġġ u skultura tal-ġisem uman huma mwettqa minn parti ventrali riġida u minn partijiet laterali elastiċi, li jimplika assemblaġġ ta’ partijiet differenti permezz ta’ magna tal-ħjata, is-sistema ġdida ta’ ċinturini ta’ appoġġ maħduma bil-labar ċirkulari preżenti f’dan l-ilbies ta’ taħt, li jikkostitwixxi innovazzjoni teknika bi privattiva, jintegra ż-żoni ta’ kontroll li jraqqu awtomatikament ġo fihom, b’tali mod li effett ta’ kurpett huwa inkorporat.

50

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċinet jew ċinet tal-qliezet ta’ taħt inkwistjoni jistgħu jiġu distinti mill-ilbies ta’ taħt ordinarji permezz tal-elastiċità orizzontali ristretta kunsiderevolment, sabiex jappoġġja l-ġisem uman u sabiex jiżgura siluwett iktar irqiq.

51

Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tan-NM imfakkra fil-punti 13 u 34 ta’ din is-sentenza, ma jippretendux li jikkundizzjonaw il-klassifikazzjoni ta’ ċinet jew ta’ ċinet ta’ qliezet ta’ taħt fis-subintestatura 6212 20 00 tan-NM għal assenza assoluta ta’ elastiċità fis-sens orizzontali.

52

Għaldaqstant, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet objettivi tal-qlieziet ta’ taħt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li dawn jistgħu jaqgħu taħt l-intestatura 6212 20 00 tan-NM.

53

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-allegazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali dwar dawn.

54

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li qalziet ta’ taħt ikkaratterizzat minn elastiċità ristretta fis-sens orizzontali, li madankollu ma jinkludix elementi mhux elastiċi f’dan is-sens, jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6212 20 00 tan-NM jekk eżami tiegħu juri li dan għandu elastiċità orizzontali kunsiderevolment ristretta sabiex jappoġġja l-ġisem uman bl-għan li joħloq effett ta’ siluwett irqaq.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad‑9 ta’ Ottubru 2012, għandha tiġi interpretata fis-sens li qalziet ta’ taħt ikkaratterizzat minn elastiċità ristretta fis-sens orizzontali, li madankollu ma jinkludix elementi mhux elastiċi f’dan is-sens, jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6212 20 00 tan-Nomenklatura Magħquda jekk eżami tiegħu juri li dan għandu elastiċità orizzontali kunsiderevolment ristretta sabiex jappoġġja l-ġisem uman bl-għan li joħloq effett ta’ siluwett irqaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq