EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CC0467

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2017.
Brigitte Schlömp vs Landratsamt Schwäbisch Hall.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Stuttgart.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Lis pendens – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru, responsabbli mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel kull proċedura fuq il-mertu.
Kawża C-467/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:768

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2017 ( 1 )

Kawża C-467/16

Brigitte Schlömp

vs

Landratsamt Schwäbisch Hall

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Stuttgart (qorti distrettwali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja))

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Konvenzjoni ta’ Lugano II — Artikoli 27 u 30 — Lis pendens — Kunċett ta’ ‘qorti’”

1. 

Il-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża hija ċara: jekk, għall-finijiet ta’ lis pendens skont il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”), tiġix adita “qorti” meta tiġi ppreżentata talba fir-rigward ta’ obbligi ta’ manteniment quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni, kif meħtieġ tassattivament mid-dritt proċedurali nazzjonali? Din id-domanda għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht Stuttgart (qorti distrettwali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) għandha tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità rari biex tinterpreta dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2.

Skont l-Artikolu 5 fit-Taqsima 2 (“Ġurisdizzjoni speċjali”) tat-Titolu II (“Ġurisdizzjoni”) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II:

“Persuna domiċiljata fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni tista’, fi Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni, tiġi mħarrka:

[…]

2.

f’materji relatati ma’ manteniment:

(a)

fil-qrati tal-post fejn il-kreditur tal-manteniment ikun domiċiljat jew jirrisjedi abitwalment; […]”

3.

It-Taqsima 9 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija ddedikata lil “Lis pendens – kawżi relatati” u tinkludi l-Artikoli 27 sa 30 ta’ din il-konvenzjoni.

4.

L-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jgħid dan li ġej:

“1.   Fejn il-proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu fil-qrati ta’ Stati differenti marbuta b’din il-Konvenzjoni, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, għandha twaqqaf il-proċedimenti ex officio sa meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti.

2.   Fejn tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, kwalunkwe qorti barra l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

5.

Skont l-Artikolu 30 tal-istess konvenzjoni:

“Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, qorti għandha tiġi kkunsidrata bħala li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti:

1.

fil-ħin meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi preżentat fil-qorti, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex jinnotifika lill-konvenut[;] jew

2.

jekk id-dokument irid jiġi notifikat qabel jiġi preżentat fil-qorti, fil-ħin li tirċevih l-awtorità responsabbli għan-notifika, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex id-dokument jiġi preżentat fil-qorti.”

6.

L-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, li jinsab fit-Titolu V (“Dispożizzjonijiet ġenerali”), jistipula li:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-espressjoni ‘il-qorti’ għandha tinkludi kwalunkwe awtoritajiet indikati, minn Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, bħala li għandhom ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni.”

7.

It-Titolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bit-titolu “Relazzjoni mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 ( 2 ) u strumenti oħra” jinkludi l-Artikolu 64, li jgħid dan li ġej:

“1.   Din il-Konvenzjoni m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 44/2001] dwar il-ġuriżdizjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll kwalunkwe emendi ta’ l-istess, tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968, u tal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta’ dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Ġunju 1971, kif emendati mill-Konvenzjonijiet ta’ l-Adeżjoni ma’ l-imsemmija Konvenzjoni u l-imsemmi Protokoll mill-Istati li jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 t’ Ottubru 2005.

2.   Madankollu, din il-Konvenzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi applikata:

(a)

f’materji ta’ ġurisdizzjoni, meta l-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat fejn tapplika din il-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew fejn l-Artikoli 22 jew 23 ta’ din il-Konvenzjoni jikkonferixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ tali Stat;

(b)

in konnessjoni ma’ lis pendens jew ma’ kawżi relatati kif previst fl-Artikoli 27 u 28, fejn proċedimenti jiġu istitwiti fi Stat fejn tapplika l-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fi Stat fejn din il-Konvenzjoni kif ukoll strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu japplikaw;

[…]”

Il-kodiċi tal-proċedura ċivili Svizzeru

8.

L-Artikolu 62(1) tal-iSchweizer Zivilprozessordnung (kodiċi tal-proċedura ċivili Svizzeru, iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-proċedura ċivili”) ( 3 ) jittratta dwar il-bidu ta’ lis pendens u huwa fformulat kif ġej:

“Kawża titressaq pendenti permezz tal-preżentata ta’ talba għal konċiljazzjoni, azzjoni, rikors jew talba konġunta għal divorzju.”

9.

Skont l-Artikolu 197 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili ( 4 ):

“Il-proċedura fuq il-mertu għandha tiġi ppreċeduta minn sforz għal tentattiv ta’ konċiljazzjoni quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni.”

10.

L-Artikolu 209 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, bit-titolu “Awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża” jgħid dan li ġej:

“(1)   Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-awtorità ta’ konċiljazzjoni tirreġistra dan il-fatt fil-proċess verbal u tagħti awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża:

[…]

(b)

lill-attur

[…]

(3)   L-attur huwa intitolat iressaq kawża fil-qorti f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tingħata awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża.”

Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

11.

B. Schlömp, li tirrisjedi fl-Isvizzera, hija bint is-Sinjura H. S., li tirċievi assistenza soċjali supplimentari mil-Landratsamt Schwäbisch Hall (awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Schwäbisch Hall) fil-Ġermanja minħabba il-bżonnijiet ta’ kura tagħha.

12.

Skont id-dritt Ġermaniż, benefiċċji approvati uffiċjalment għandhom jingħataw mill-korpi responsabbli għall-ħarsien soċjali, li jistgħu jitolbu, permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru, ir-rimbors ta’ dawk il-benefiċċji mingħand id-dixxendenti tal-benefiċjarji li għandhom kapaċità kontributtiva suffiċjenti.

13.

Sabiex tasserixxi dritt għal irkupru, il-Landratsamt Schwäbisch Hall ressqet talba għal konċiljazzjoni fir-rigward ta’ B. Schlömp mal-awtorità ta’ konċiljazzjoni (iktar ’il quddiem l-“iSchlichtungsbehörde”), kompetenti skont il-liġi Svizzera, tal-Friedensrichteramt des Kreises Reiat, Kanton Schaffhausen (qorti konċiljatorja tad-distrett ta’ Reiat, Kanton ta’ Schaffhausen, l-Isvizzera, iktar ’il quddiem il-“Friedensrichteramt”), fis-16 ta’ Ottubru 2015. Fit-talba għal konċiljazzjoni intalbet kontribuzzjoni minima ta’ EUR 5000, suġġetta għal emenda korrispondenti tat-talba fil-każ li tingħata informazzjoni sħiħa minn B. Schlömp.

14.

Peress li l-partijiet f’dawk il-proċeduri ma setgħux jilħqu ftehim, fil-25 ta’ Jannar 2016 il-Friedensrichteramt ta awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża li ġiet innotifikata lir-rappreżentanti legali tal-Landratsamt Schwäbisch Hall fis-26 ta’ Jannar 2016.

15.

Fil-11 ta’ Mejju 2016, it-talba kontra B. Schlömp għal ħlas ta’ ammont minimu ta’ manteniment u biex tingħata informazzjoni addizzjonali tressqet quddiem il-Kantonsgericht Schaffhausen (qorti kantonali ta’ Schaffhausen, l-Isvizzera).

16.

Fil-frattemp, jiġifieri wara li kienet inbdiet il-proċedura ta’ konċiljazzjoni iżda qabel ma l-kawża tressqet quddiem il-Kantonsgericht Schaffhausen (qorti kantonali ta’ Schaffhausen), permezz ta’ nota tad-19 ta’ Frar 2016, li waslet fl-Amtsgericht (Familiengericht) Schwäbisch Hall [qorti distrettwali (qorti tal-familja) ta’ Schwäbisch Hall, il-Ġermanja] fit-22 ta’ Frar 2016, B. Schlömp ippreżentat rikors għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà għal obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn drittijiet ittrasferiti.

17.

Il-Familiengericht Schwäbisch Hall (qorti tal-familja ta’ Schwäbisch Hall), adita bis-saħħa tal-Artikolu 3(a) u/jew (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 ( 5 ), iddikjarat permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Marzu 2016 li ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali u bagħtet il-kawża quddiem l-Amtsgericht (Familiengericht) Stuttgart [qorti distrettwali (qorti tal-familja) ta’ Stuttgart, il-Ġermanja], li rċeviet l-imsemmi digriet fil-21 ta’ Marzu 2016.

18.

Wara in-notifika tar-rikors lil-Landratsamt Schwäbisch Hall fis-26 ta’ April 2016, din tal-aħħar talbet, fis-17 ta’ Mejju 2016, li r-rikors jiġi miċħud peress li s-sitwazzjoni ta’ lis pendens fil-proċeduri mressqa fl-Isvizzera ma kinitx tippermetti li r-rikors jiġi eżaminat mill-Amtsgericht (Familiengericht) Stuttgart [qorti distrettwali (qorti tal-familja) ta’ Stuttgart], u għalhekk il-qorti Ġermaniża kellha tissospendi l-proċeduri skont l-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

19.

B. Schlömp topponi kull sospensjoni tal-proċeduri għar-raġuni li l-iSchlichtungsbehörde ma hijiex “qorti” skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

20.

Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li, permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Awwissu 2016, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2016, l-Amtsgericht Stuttgart (qorti distrettwali ta’ Stuttgart) għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

“Awtorità ta’ arbitraġġ [konċiljazzjoni] taħt il-liġi Svizzera tidħol ukoll fil-kunċett ta’ ‘qorti’ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 27 u 30 tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II]?”

21.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, kif għamlu l-Gvern tal-Isvizzera u l-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, B. Schlömp, il-Gvern tal-Isvizzera u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017.

Analiżi

22.

Permezz tad-domanda tagħha dwar jekk l-iSchlichtungsbehörde skont id-dritt Svizzeru hijiex koperta mit-terminu “qorti” fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ġietx adita qorti fis-sens tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

Osservazzjonijiet preliminari

23.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sistema ta’ Lugano hija daqsxejn skarsa ( 6 ), minħabba li ma kienx hemm ġurisdizzjoni fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988 ( 7 ) u li kien hemm biss ftit kawżi minn meta l-Konvenzjoni ta’ Lugano II kienet daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 ( 8 ). Sa fejn l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II huwa t-tisħiħ tal-kooperazzjoni legali u ekonomika billi l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001 ( 9 ) jiġu estiżi għall-partijiet kontraenti, din il-konvenzjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ interazzjoni kostanti bejn is-sistema ta’ Brussell u s-sistema ta’ Lugano.

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, diġà ddeċidiet li l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II huwa l-istess bħal dak tar-Regolament Nru 44/2001. Id-dispożizzjonijiet tagħhom jimplementaw l-istess sistema, b’mod partikolari billi jużaw l-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni li tiżgura konsistenza bejn iż-żewġ strumenti legali ( 10 ).

25.

Peress li r-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 11 ), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni hija valida wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti ( 12 ). L-istess japplika għar-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012 ( 13 ).

26.

Fil-fehma tiegħi l-istess paralleliżmu ta’ interpretazzjoni għandu wkoll, bħala prinċipju, japplika bejn “is-sistema ta’ Brussell”, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012, u l-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Jiena konxju sew tal-fatt li, kuntrarjament għas-sistema ta’ Brussell, il-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma torbotx biss l-Istati Membri tal-Unjoni. Madankollu, minħabba li l-loġika u s-suġġett iddefinit b’mod ċar tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jikkonverġu manifestament ma’ dawk tas-sistema ta’ Brussell ( 14 ), ma narax kif wieħed ma jistax, bħala prinċipju, jislet analoġiji bejn dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u r-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012.

27.

Minbarra dan, l-Artikolu 1 tal-Protokoll 2 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II dwar l-interpretazzjoni uniformi ta’ din il-Konvenzjoni u dwar il-kumitat permanenti ( 15 ) jgħid li kull qorti li tapplika u tinterpreta din il-konvenzjoni għandha tagħti l-kunsiderazzjoni mistħoqqa lill-prinċipji stabbiliti f’kull deċiżjoni rilevanti li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet jew kull dispożizzjoni simili tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988 u l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, mogħtija mill-qrati tal-Istati marbuta b’din il-konvenzjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirreferi għar-Regolament Nru 44/2001. Minn dan nifhem li hemm obbligu legali li l-qrati konċernati, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, jaraw li jkun hemm interpretazzjoni konverġenti ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti ( 16 ).

Applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II

28.

Skont l-Artikolu 64(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, din il-konvenzjoni għandha f’kull każ tiġi applikata b’rabta ma’ lis pendens jew ma’ kawżi relatati kif previst mill-Artikoli 27 u 28, meta jinbdew proċeduri fi Stat li fih tkun tapplika din il-konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fl-Artikolu 64(1) ta’ din il-konvenzjoni, u fi Stat li fih ikunu japplikaw din il-konvenzjoni kif ukoll strument imsemmi fl-Artikolu 64(1) ta’ din il-konvenzjoni.

29.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirreferi għar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll għal kull emenda tiegħu.

30.

Fiż-żmien meta kienet qed tiġi abbozzata u sussegwentement meta kienet qed tiġi adottata l-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ir-Regolament Nru 44/2001 kien ikopri obbligi ta’ manteniment. Il-fatt li r-Regolament Nru 4/2009, li ġie adottat sussegwentement ( 17 ) ma huwiex imsemmi fl-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ma huwiex, għalhekk, rilevanti ( 18 ).

Lis pendens

31.

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, iż-żewġ proċeduri huma identiċi minħabba li jinvolvu l-istess kawża u l-istess oġġett tal-azzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Il-kawża tal-azzjoni tinkludi l-fatti u d-dispożizzjoni legali invokati mill-partijiet bħala l-bażi tal-azzjoni ( 19 ) u l-oġġett tal-azzjoni jfisser l-għan previst mill-azzjoni ( 20 ). Ikun biżżejjed li l-azzjonijiet essenzjalment ikollhom l-istess suġġett, u ma hemmx ħtieġa li t-talbiet ikunu għalkollox identiċi ( 21 ). Is-sitwazzjoni opposta li fiha titressaq azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà u sussegwentement azzjoni għad-danni kienet ukoll is-suġġett ta’ deċiżjoni ( 22 ). F’dan ir-rigward, it-tieni azzjoni għandha l-istess għan bħall-ewwel waħda minħabba li l-kwistjoni tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ responsabbiltà hija l-qofol tal-proċeduri. Il-fatt li t-talbiet tal-partijiet huma differenti ma jfissirx li ż-żewġ azzjonijiet legali jkollhom għanijiet differenti ( 23 ).

32.

Konsegwentement, kemm it-talba fl-Isvizzera għal ħlas u l-għoti ta’ informazzjoni kif ukoll ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà fil-Ġermanja huma bbażati fuq l-istess sitwazzjoni fattwali, jiġifieri l-istess obbligu ta’ manteniment li jirriżulta minn relazzjoni konkreta ta’ parentela, li tinvolvi l-kwistjoni jekk u sa fejn B. Schlömp għandha obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn drittijiet ittrasferiti.

33.

Apparti l-Konvenzjoni ta’ Lugano II, skont id-dritt Svizzeru ġiet adita qorti fil-kawża inkwistjoni, u għalhekk huwa ċar li hemm sitwazzjoni ta’ lis pendens. Skont l-Artikolu 62(1) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, kawża tkun pendenti inter alia meta titressaq talba għal konċiljazzjoni jew kawża. L-Artikolu 9(2) tal-kodiċi federali Svizzeru dwar id-dritt internazzjonali privat jgħid ukoll li biex jiġi ddeterminat meta qorti fl-Isvizzera tiġi adita, id-data tal-ewwel att meħtieġ biex tiġi istitwita l-azzjoni għandha tkun deċiżiva u li huwa biżżejjed li jinbdew il-proċeduri ta’ konċiljazzjoni.

34.

Iżda xi ngħidu dwar id-dispożizzjonijiet dwar lis pendens tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II?

35.

Il-ħsieb wara dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati sentenzi irrikonċiljabbli li jkunu joriġinaw minn Stati kontraenti differenti ( 24 ). Għal dan l-għan, fil-Konvenzjoni ta’ Lugano II hemm mekkaniżmu biex jiġi limitat ir-riskju li jkun hemm proċeduri paralleli fi Stati kontraenti differenti.

36.

Skont l-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, meta proċeduri li jkollhom x’jaqsmu mal-istess kawża ta’ azzjoni u jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu fil-qrati ta’ Stati differenti li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni, kull qorti minbarra l-qorti adita l-ewwel għandha ex officio tissospendi l-proċeduri quddiemha sa dak iż-żmien li fih tkun ġiet stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel. L-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II imbagħad tistipula li meta tkun ġiet stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel, kull qorti minbarra l-qorti adita l-ewwel għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

37.

Għalhekk, l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu sistema ta’ “preċedenza” favur il-qorti adita l-ewwel. Din id-dispożizzjoni timponi fuq il-qorti li ma tkunx ġiet adita l-ewwel l-obbligu li tissospendi l-proċeduri.

38.

Il-kwistjoni ta’ meta qorti tiġi adita l-ewwel hija ttrattata fl-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

39.

Din id-dispożizzjoni tistipula fil-punt 1 tagħha li qorti titqies bħala adita fil-ħin meta d-dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas milli jieħu l-passi li huwa jkun intalab jieħu biex il-konvenut jiġi nnotifikat.

40.

Is-sistema ta’ qabel li kienet tistabbilixxi lis pendens skont il-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988 ma kellhiex dispożizzjoni li kienet komparabbli mal-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Ma kienx hemm definizzjoni indipendenti ta’ meta azzjoni kellha titqies li kienet pendenti quddiem qorti. Bħala konsegwenza, kien għad-dritt nazzjonali li kellu jiddetermina meta qorti kellha titqies bħala adita b’kawża ( 25 ).

41.

Fil-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 26 ) issa għandna definizzjoni awtonoma ta’ meta qorti tiġi adita l-ewwel.

Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni

42.

Madankollu, la l-Artikolu 27 u lanqas l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma għandhom xi indikazzjoni dwar x’għandu jsir f’sitwazzjoni fejn liġi nazzjonali titlob li qabel proċedura ġudizzjarja jkun hemm proċedura ta’ konċiljazzjoni.

43.

Filwaqt li l-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (“qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti” u “jiġi preżentat fil-qorti”) jistgħu jidhru ċari, jiena naħseb li wieħed ma għandux jikkonċentra b’mod skematiku fuq il-kelma “qorti”, iżda pjuttost għandu jinterpreta l-proċedura li hija stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet b’mod funzjonali.

44.

F’sitwazzjoni bħal din ma naħsibx li wieħed għandu jaħseb li huwa biss għad-dritt nazzjonali li jiddetermina jekk ikunx hemm lis pendens. Kif intwera bl-introduzzjoni tal-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, hemm tendenza biex id-dispożizzjonijiet dwar lis pendens ikunu “awtonomizzati” iktar. Li mmorru lura għad-dritt nazzjonali dwar kwistjonijiet li għadhom sospiżi jmur kontra tali tendenza.

45.

Lanqas ma naħseb li wieħed għandu jagħti interpretazzjoni formalista u statika tal-kelma “qorti” fl-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bir-riżultat li jeskludi awtomatikament proċeduri quddiem awtoritajiet li ma jikkwalifikawx bħala “qorti” fis-sens astratt tal-kelma.

46.

It-tweġiba għall-problema tinsab, fil-fehma tiegħi, f’kompromess bejn iż-żewġ possibbiltajiet estremi deskritti iktar ’il fuq. Għandha tiġi adottata interpretazzjoni funzjonali.

47.

Wieħed għandu, għalhekk, jaċċetta sitwazzjoni ta’ lis pendens fejn, bħal fil-kawża inkwistjoni, proċedura ta’ konċiljazzjoni tkun l-ewwel stadju obbligatorju li jkollu jiġi segwi qabel ma titressaq kawża quddiem qorti u fejn proċedura ta’ konċiljazzjoni u proċedura sussegwenti quddiem qorti jitqiesu bħala li jagħmlu parti minn żewġ partijiet separati tal-proċedura ġudizzjarja. Dan, fil-fehma tiegħi, huwa l-uniku mod li jirrispetta l-loġika tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II dwar lis pendens, li hija li l-qorti adita l-ewwel għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

48.

Għalhekk nissottometti li huwa irrilevanti jekk l-iSchlichtungsbehörde fiha nnifisha tikkostitwixxix jew le “qorti” fis-sens astratt tal-kelma. F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, meta din l-awtorità tagħti awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża, dak li huwa kruċjali huwa li l-proċedura quddiemha tkun tikkostitwixxi parti integrali tal-proċeduri quddiem qorti (ordinarja). Għaldaqstant, il-fatt li ġiet adita l-iSchlichtungsbehörde huwa ekwivalenti għal meta tiġi adita qorti fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

49.

Hekk kif għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, nixtieq, madankollu, inżid kriterju ieħor: jekk ma jintlaħaqx ftehim quddiem l-iSchlichtungsbehörde u din tal-aħħar tagħti awtorizzazzjoni lill-attur biex iressaq kawża, li tagħtih id-dritt iressaq il-kawża quddiem qorti fi żmien tliet xhur, ikun hemm lis pendens biss jekk dak l-attur ikun ħa l-passi kollha meħtieġa imposti fuqu biex ikompli l-proċedura quddiem qorti.

50.

Għandi nżid ukoll li l-prattika u l-letteratura legali Svizzeri jsegwu b’mod predominanti l-metodu funzjonali propost li jqis il-mument li fih tiġi adita l-iSchlichtungsbehörde bħala l-mument determinanti skont l-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 27 ). Barra minn hekk, il-High Court of Justice of England and Wales (Chancery Division) [qorti għolja tal-ġustizzja (Ingilterra u Wales), sezzjoni tal-ekwità] segwiet ukoll dan il-metodu f’kawża li kienet tinvolvi lill-iSchlichtungsbehörde ( 28 ).

51.

Bħala konklużjoni, għalhekk, tiġi adita qorti, fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, meta f’ċirkustanzi bħal dawk quddiem il-qorti tar-rinviju, tiġi adita l-iSchlichtungsbehörde. Approċċ ieħor iqiegħed b’mod sistematiku fi żvantaġġ parti li tkun trid tibda proċeduri f’pajjiż b’sistema bħal dik fil-kawża inkwistjoni. Dan jista’ joħloq problema fir-rigward tal-opportunitajiet ugwali għaż-żewġ partijiet.

52.

Ir-risposta li nipproponi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, għalhekk, hija li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn proċedura ta’ konċiljazzjoni hija stadju obbligatorju li għandu jiġi segwit qabel ma tkun tista’ titressaq kawża quddiem qorti u fejn proċedura ta’ konċiljazzjoni u proċedura sussegwenti quddiem qorti jitqiesu li jikkostitwixxu żewġ partijiet separati tal-proċedura ġudizzjarja, qorti tkun ġiet adita fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II fil-mument li fih l-awtorità ta’ konċiljazzjoni tiġi adita, bil-kundizzjoni li l-attur ikun ħa l-passi kollha meħtieġa imposti fuqu biex ikompli l-proċedura quddiem qorti.

L-iSchlichtungsbehörde bħala “qorti”?

53.

Bħala konsegwenza, ma hemmx ħtieġa li jiġi analizzat jekk l-iSchlichtungsbehörde, kif stabbilita mid-dritt proċedurali ċivili Svizzera, tikkwalifikax bħala qorti fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. L-analiżi li ġejja hija, għalhekk, fuq bażi ipotetika biss.

54.

Filwaqt li B. Schlömp tqis li l-iSchlichtungsbehörde ma tikkostitwixxix “qorti” fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-Gvern Svizzeru jqis li dan huwa l-każ. Għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, din l-istituzzjoni ma tagħtix risposta għal din id-domanda f’termini astratti, peress li tiffoka l-intervent tagħha biss fuq il-kwistjoni dwar jekk hemmx jew le sitwazzjoni ta’ lis pendens.

55.

Jeħtieġ f’dan l-istadju li nagħtu ħarsa mill-qrib lejn il-kompetenzi u t-tipi ta’ deċiżjonijiet tal-iSchlichtungsbehörde. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Svizzeru, jista’ jkun hemm erba’ modi biex tintemm proċedura ta’ konċiljazzjoni ( 29 ): l-ewwel, ftehim milħuq bejn il-partijiet ( 30 ) għandu l-effett ta’ deċiżjoni vinkolanti ( 31 ). It-tieni – bħal fil-każ inkwistjoni – jekk ma jkunx intlaħaq ftehim bejn il-partijiet, l-iSchlichtungsbehörde tirreġistra dan il-fatt u tagħti awtorizzazzjoni għat-tressiq ta’ kawża ( 32 ). It-tielet, għal talbiet li ma jkunux jaqbżu 2000 frank Svizzeru (CHF), l-iSchlichtungsbehörde tagħti sentenza vinkolanti fl-ewwel istanza ( 33 ). U r-raba’, għal talbiet li ma jkunux jaqbżu, b’mod ġenerali, CHF 5000 (jiġifieri għal każijiet bħal dan inkwistjoni), l-iSchlichtungsbehörde tagħti sentenza proposta lill-partijiet, li ssir sentenza vinkolanti jekk il-partijiet ma jressqux kontestazzjoni fi żmien 20 jum.

56.

Mingħajr ma hemm ħtieġa li tiġi ddefinita l-kelma “qorti” fl-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II b’mod astratt, ikun diffiċli, naħseb, li awtorità bħall-iSchlichtungsbehörde tiġi mċaħħda minn tali kwalifika, għas-sempliċi raġuni li tali awtorità, li hija għalkollox irregolata mill-kodiċi tal-proċedura ċivili, tagħti deċiżjonijiet vinkolanti ( 34 ).

57.

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma għandhiex definizzjoni pożittiva ta’ x’jikkostitwixxi “qorti”, għaliex, fl-opinjoni tiegħi, huwa kważi impossibbli li tingħata f’test leġiżlattiv konċiż. Lanqas ma huwa hekk fir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012.

58.

Madankollu l-kunċett ta’ “qorti” fil-Konvenzjoni ta’ Lugano II huwa differenti minn dak tar-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012, minħabba li din il-konvenzjoni fiha artikolu li ma hemmx ieħor bħalu f’dawn l-aħħar żewġ strumenti: l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jgħid li l-kelma “qorti” għandha tinkludi kwalunkwe awtoritajiet indikati minn Stat marbut b’din il-Konvenzjoni bħala li għandhom ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni. Skont ir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Professur Pocar dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 35 ), il-formulazzjoni tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija intiża li tagħti tifsira usa’ tal-kelma “qorti” minn dik tad-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988 ( 36 ). Fil-fatt, l-Artikolu Va tal-Protokoll 1 ( 37 ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988 kien inkluda espressament l-awtoritajiet amministrattivi Daniżi, Islandiżi u Norveġiżi taħt il-kelma “qorti”. Kif jispeċifika r-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Professur Pocar dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano II, “[b]’differenza mid-dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu Va tal-Protokoll 1 – u d-dispożizzjoni parallela fl-Artikolu 62 tar-Regolament Brussell I – l-Artikolu 62 il-ġdid għandu karattru ġenerali li ser ikopri wkoll awtoritajiet amministrattivi apparti dawk li jeżistu attwalment” ( 38 ).

59.

Konsegwentement, issa, taħt il-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-“qrati” li għandhom japplikaw il-konvenzjoni huma identifikati mill-funzjoni li jwettqu, iktar milli mill-klassifikazzjoni formali tagħhom fid-dritt nazzjonali ( 39 ). Għalkemm jidhirli li l-loġika tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II huwa li jkunu inklużi fil-kelma “qorti” dawk il-korpi li, f’xi Stati, huma għalkollox barra mis-sistema ġudizzjarja ( 40 ), ma hemmx dubju li din id-dispożizzjoni kienet intiża li tiġi interpretata b’mod wiesa’, u l-Istati Membri huma intitolati jindikaw awtoritajiet bħala li jkollhom ġurisdizzjoni fil-materja li tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 41 ).

60.

Konsegwentement, nqis li awtorità mogħtija il-kompetenzi tal-iSchlichtungsbehörde u li tkun ġiet inkarigata minn Stat Membru biex twettaq funzjonijiet ġudizzjarji, tabilħaqq tikkostitwixxi “qorti” fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

Konklużjoni

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domanda tal-Amtsgericht Stuttgart (qorti distrettwali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja):

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn proċedura ta’ konċiljazzjoni hija stadju obbligatorju li għandu jiġi segwit qabel ma tkun tista’ titressaq kawża quddiem qorti u fejn proċedura ta’ konċiljazzjoni u proċedura sussegwenti quddiem qorti jitqiesu li jikkostitwixxu żewġ partijiet separati tal-proċedura ġudizzjarja, qorti tkun ġiet adita fis-sens tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li kienet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008, fil-mument li fih l-awtorità ta’ konċiljazzjoni tiġi adita, bil-kundizzjoni li l-attur ikun ħa l-passi kollha meħtieġa imposti fuqu biex ikompli l-proċedura quddiem qorti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 3 ) Jinsab fil-Parti 1 (“Dispożizzjonijiet Ġenerali”), Titolu 4 (“Il-Pendenza u l-Effetti tal-Irtirar tal-Kawża”) ta’ dan il-kodiċi.

( 4 ) Jinsab fil-Parti 2 (“Dispożizzjonijiet Speċjali”), Titolu 1 (“Konċiljazzjoni”), Kapitolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni u l-awtorità ta’ konċiljazzjoni”) ta’ dan il-kodiċi.

( 5 ) Regolament tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1).

( 6 ) Fl-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II kienet taqa’ kompletament taħt il-kompetenza esklużiva ta’ (dak iż-żmien) il-Komunità Ewropea. Fis-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, H (C‑295/13, EU:C:2014:2410, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat id-delimitazzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) minn naħa, u tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Konvenzjoni ta’ Lugano II, min-naħa l-oħra, u ddeċidiet li, fir-rigward ta’ din id-delimitazzjoni, dawn l-aħħar żewġ strumenti għandhom ikunu interpretati bl-istess mod.

( 7 ) Konvenzjoni tas-16 ta’ Settembru 1988 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (88/592/KEE) (ĠU 1988, L 319, p. 9).

( 8 ) Għandu jiġi speċifikat li l-Konvenzjoni ta’ Lugano II daħlet fis-seħħ għall-Unjoni Ewropea, għad-Danimarka (li hija parti fil-kwalità proprja tagħha minħabba li kellha għażla li ma tkunx parti f’materji ċivili) u għan-Norveġja f’dik id-data. Għal dak li jirrigwarda l-Isvizzera, id-dħul fis-seħħ kien sena wara fl-1 ta’ Jannar 2011. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-Islanda, il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011.

( 9 ) Li fil-frattemp ġie ssostitwit mir-Regolament (EU) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 10 ) Ara l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 152). Dan huwa wkoll rifless fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2009, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II (2009/430/KE) (ĠU 2009, L 147, p. 1) fejn jingħad li fid-dawl tal-paralleliżmu bejn is-sistemi tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Lugano, ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Lugano għandhom jiġu allinjati mar-regoli tar-Regolament Nru 44/2001 biex jinkiseb l-istess livell ta’ ċirkulazzjoni ta’ sentenzi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA konċernati.

( 11 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi bl-adeżjoni ta’ membri ġodda għal dik il-konvenzjoni.

( 12 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt (C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26).

( 14 ) Barra minn dan, it-tliet Stati mhux membri tal-Unjoni li huma marbuta minn din il-konvenzjoni lkoll għandhom rabta mas-suq intern tal-Unjoni, jew bħala membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Islanda u n-Norveġja) jew permezz ta’ ftehimiet bilaterali estensivi (l-Isvizzera).

( 15 ) ĠU 2007, L 339, p. 27.

( 16 ) Dan huwa rifless ukoll fl-aħħar premessa tal-Protokoll 2, li tgħid li l-partijiet kontraenti għolja jixtiequ jevitaw interpretazzjonijiet diverġenti u li jaslu għal interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Nru 44/2001 li huma riprodotti sostanzjalment fil-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

( 17 ) Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 4/2009, fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti tal-post fejn il-konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

( 18 ) Ir-referenza għar-Regolament Nru 44/2001 għandha, għalhekk, tinftiehem bħala li tkopri wkoll ir-Regolament Nru 4/2009, minħabba li l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jistipula li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li japplikaw għal kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Dan huwa rifless ukoll fil-premessa 44 tar-Regolament Nru 4/2009, li tgħid li r-Regolament Nru 4/2009 għandu jemenda r-Regolament Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li japplikaw għal obbligi ta’ manteniment u, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 4/2009, l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent, is-saħħa eżekuttiva u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet kif ukoll dwar l-għajnuna legali, minflok dawk tar-Regolament Nru 44/2001 mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009.

( 19 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punt 39). Għandu jiġi nnutat li la l-verżjoni bl-Ingliż u lanqas dik bil-Ġermaniż tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma jagħmlu differenza, kif jagħmlu xi verżjonijiet bil-lingwi l-oħra, bejn il-“kawża” u l-“oġġett” ta’ azzjoni. Il-verżjoni bl-Ingliż tillimita lilha nnifisha għall-“cause”, filwaqt li l-verżjoni bil-Ġermaniż titkellem dwar l-istess “Anspruch”.

( 20 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punt 41).

( 21 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 17). Għalhekk, abbażi ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li kien hemm talbiet identiċi fejn l-ewwel talba kienet saret biex jiġi eżegwit kuntratt u t-tieni talba, għall-kuntrarju, saret biex jitħassar jew jiġi eżegwit dan il-kuntratt: ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 16).

( 22 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punt 43).

( 23 ) Ibid.

( 24 ) Ara Mabillard, R., fi Oetiker, Chr., Weibel, Th. (edituri), Basler Kommentar Lugano-Übereinkommen, it-tieni edizzjoni, Helbing Lichtenhahn Verlag, Basel, 2016, Art. 27, punt 1.

( 25 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1984, Zelger (129/83, EU:C:1984:215, punt 15).

( 26 ) Li inċidentalment f’dan ir-rigward tirriproduċi l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001. Dwar din id-dispożizzjoni, ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts (C‑29/16, EU:C:2017:343, punt 30), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li din id-dispożizzjoni hija intiża biex jitnaqqsu l-inċertezzi ġuridiċi kkawżati mill-varjetà kbira ta’ liġijiet li kienu jeżistu fl-Istati Membri biex tiġi ddeterminata d-data ta’ meta tressqet kawża quddiem qorti, permezz ta’ regola sostantiva li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din id-data b’mod sempliċi u uniformi.

( 27 ) Ara Kren Kostkiewicz, J., LugÜ (Kommentar), orell füssli Verlag, Zürich, 2015, Art. 30, punt 3; Bucher, A., f’Bucher, A. (ed), Convention de Lugano, Basel, 2011, Art. 30, punt 4; Dasser, F., f’Dasser, F., Oberhammer, P. (edituri), Lugano-Übereinkommen (LugÜ), it-tieni edizzjoni, Stämpfli Verlag AG, Bern, 2011, Art. 27, punt 21; Mabillard, R., op. cit., Art. 30, punt 11. Dwar l-ekwivalenti funzjonali tar-Regolament Nru 1215/2012, ara Fentiman, R., f’Magnus, U., Mankowski, P. (edituri), Brussels I bis Regulation, Verlag Otto Schmidt, Cologne, 2016, Art. 32, punt 6. Il-kwistjoni rilevanti tħalliet miftuħa minn Leible, S., f’Rauscher, Th., Rauscher (ed), Brüssel Ia-VO, ir-raba’ edizzjoni, Verlag Otto Schmidt, Cologne, 2016, Art. 29, punt 6.

( 28 ) Sentenza tas-6 ta’ Awwissu 2014, Lehman Brothers Finance AG v Klaus Tschira Stiftung GmbH & Anor [2014] EWHC 2782 (Ch).

( 29 ) Ara l-Artikoli 208 sa 212 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili.

( 30 ) F’forma ta’ ftehim bonarju, aċċettazzjoni jew irtirar inkundizzjonat tal-kawża, ara l-Artikolu 208(1) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili.

( 31 ) Ara l-Artikolu 208(2) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili.

( 32 ) Ara l-Artikolu 209 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili.

( 33 ) Ara l-Artikolu 212(1) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili.

( 34 ) Ċertament fl-ewwel u fit-tielet sitwazzjoni deskritti fil-paragrafu preċedenti, jiġifieri (1) meta jintlaħaq ftehim: ftehim bonarju, aċċettazzjoni jew irtirar inkundizzjonat tal-kawża, li bis-saħħa tal-Artikolu 208(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jkun vinkolanti jew (2) meta t-talbiet ma jaqbżux CHF 2000.

( 35 ) Ovvjament dan ir-rapport huwa ta’ natura spjegattiva u ma huwiex vinkolanti legalment. Madankollu, qiegħed jissemma insostenn ta’ argument f’deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub (C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 34) jew minn Avukati Ġenerali, ara, bħala eżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2014:2443, nota ta’ qiegħ il-paġna 115).

( 36 ) Ara r-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Professur Pocar dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2009, C 319, p. 1, punt 175).

( 37 ) Dwar ċerti kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, proċedura u eżekuzzjoni.

( 38 ) Ara r-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Professur Pocar, op. cit.

( 39 ) Ibid.

( 40 ) U ma humiex, bħal fil-każ tal-iSchlichtungsbehörde, integrati b’xi mod jew ieħor fis-sistema ġudizzjarja.

( 41 ) Konsegwentement, ma huwiex impossibbli li korp li ma jikkwalifikax bħala “qorti” skont is-sistema ta’ Brussell, ikun jikkwalifika bħala tali skont il-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Dwar il-kunċett ta’ “qorti” skont ir-Regolament Nru 1215/2012, ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 68 et seq).

Fuq