EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0278

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2017.
Proċeduri kriminali kontra Franck Sleutjes.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Aachen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Artikolu 3(1) – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Traduzzjoni ta’ ‘dokumenti essenzjali’ – Kunċett ta’ ‘dokumenti essenzjali’ – Digriet kriminali maħruġ fit-tmiem ta’ proċedura unilaterali ssemplifikata u li jikkundanna lid-destinatarju tiegħu għal multa għal reat żgħir.
Kawża C-278/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:757

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Artikolu 3(1) – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Traduzzjoni ta’ ‘dokumenti essenzjali’ – Kunċett ta’ ‘dokumenti essenzjali’ – Digriet kriminali maħruġ fit-tmiem ta’ proċedura unilaterali ssemplifikata u li jikkundanna lid-destinatarju tiegħu għal multa għal reat żgħir”

Fil-Kawża C‑278/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Aachen (qorti reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

Frank Sleutjes,

fil-preżenza ta’:

Staatsanwaltschaft Aachen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Frank Sleutjes, minn C. Peters, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

għall‑Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra Frank Sleutjes minħabba li illegalment ħarab mix-xena tal-inċident.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 14, 17 u 30 tad-Direttiva 2010/64 jiddikjaraw:

“(14)

Id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni għal dawk li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawk id-drittijiet fil-prattika. Għal dak l-għan, il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tiżgura d-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali bil-ħsieb li tiżgura d-dritt tagħhom għal proċess ġust.

[…]

(17)

Din id-Direttiva għandha tiżgura li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tad-difiża u li tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

[…]

(30)

Is-salvagwardja tal-ġustizzja fil-proċedimenti teħtieġ li d-dokumenti essenzjali, jew tal-anqas il-partijiet rilevanti ta’ tali dokumenti, għandhom jiġu tradotti għall-benefiċċju tal-persuni suspettati jew akkużati b’konformità ma’ din id-Direttiva. Ċerti dokumenti għandhom dejjem jitqiesu bħala dokumenti essenzjali għal dak il-għan u għalhekk għandhom jiġu tradotti, bħal kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad lill-persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, fuq mozzjoni tagħhom stess jew fuq talba tal-persuni suspettati jew akkużati jew tal-avukat tagħhom, liema dokumenti oħra huma essenzjali għas-salvagwardja tal-ġustizzja tal-proċedimenti u li għandhom għalhekk jiġu tradotti wkoll.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi,fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

2.   Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.”

Id-dritt Ġermaniż

Il-GVG

6

L‑Artikolu 187 tal-Gerichtsverfassungsgesetz (liġi dwar is-sistema ġudizzjarja, iktar ’il quddiem il-“GVG”) jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, fir-rigward ta’ persuna akkużata li ma għandhiex kmand tal-lingwa Ġermaniża, hemm lok li jintalab interpretu jew traduttur sa fejn dan ikun neċessarju sabiex il-persuna akkużata teżerċita d-drittijiet tad-difiża kriminali tagħha.

7

Minbarra dan, fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-Artikolu 187 jipprovdi li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża minn persuna akkużata li ma għandhiex kmand tal-lingwa Ġermaniża, bħala prinċipju huwa neċessarju li tiġi stabbilita traduzzjoni bil-miktub ta’ miżuri li jċaħħdu l-libertà kif ukoll atti ta’ akkuża, digrieti kriminali u sentenzi li għadhom ma sarux res judicata.

Is-StPO

8

L‑Artikolu 37(3) tal-iStrafprozessordnung (kodiċi tal-proċeduri kriminali, iktar ’il quddiem is-“StPO”) jipprovdi li, fir-rigward ta’ persuna akkużata li ma għandhiex kmand tal-lingwa Ġermaniża, hija biss is-“sentenza” (Urteil) li għandha tiġi nnotifikata, flimkien mat-traduzzjoni tagħha f’lingwa li tinftiehem mill-persuna akkużata.

9

L-Artikoli 407 et seq tas-StPO jirregolaw id-digrieti kriminali (Strafbefehle).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fit-2 ta’ Novembru 2015, fuq it-talba tal-iStaatsanwaltschaft Aachen (uffiċċju tal-prosekutur ta’ Aachen, il‑Ġermanja), l-Amtsgericht Düren (qorti distrettwali ta’ Düren, il-Ġermanja) ħarġet, skont l-Artikoli 407 et seq tas-StPO, digriet kriminali kontra F. Sleutjes, ċittadin Olandiż, li permezz tiegħu kkundannatu b’mod partikolari għal multa minħabba li illegalment ħarab mix-xena tal-inċident.

11

Dan id-digriet kriminali kien jinkludi informazzjoni relatata mar-rimedji ġudizzjarji, billi indika li dan jibda jieħu effett u jsir eżekuttiv biss jekk, f’terminu ta’ ġimagħtejn li jibdew jiddekorru min-notifika tiegħu, F. Sleutjes ma jkunx ippreżenta oppożizzjoni, fil-lingwa Ġermaniża, quddiem l-Amtsgericht Düren (qorti distrettwali ta’ Düren), bil-miktub jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali rreġistrata fir-Reġistru ta’ din il-qorti.

12

Fit-12 ta’ Novembru 2015, id-digriet kriminali inkwistjoni ġie nnotifikat lil F. Sleutjes. Dan kien redatt fil-lingwa Ġermaniża u kien jinkludi traduzzjoni fil-lingwa Olandiża unikament fir-rigward ta’ informazzjoni relatata mar-rimedji ġudizzjarji.

13

Permezz ta’ messaġġi elettroniċi mibgħuta lill-Amtsgericht Düren (qorti distrettwali ta’ Düren) fl-24 u fis-26 ta’ Novembru 2015, F. Sleutjes ħa pożizzjoni, fil-lingwa Olandiża, dwar id-digriet kriminali maħruġ kontrih. B’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2015, din il-qorti informat lill-persuna akkużata bl-obbligu li tifformula fil-lingwa Ġermaniża kull ittra indirizzata lilha.

14

Fl-istess waqt, l-avukat ta’ F. Sleutjes, permezz ta’ faks tal-1 ta’ Diċembru 2015, ippreżenta oppożizzjoni u talab restawr għall-istatus quo ante. B’digriet tat-28 ta’ Jannar 2016, l-istess qorti ċaħdet bħala inammissibbli, minħabba dekadenza, din l-oppożizzjoni u ċaħdet ukoll it-talba intiża għal restawr għall-istatus quo ante.

15

F. Sleutjes ippreżenta rikors immedjat kontra dan id-digriet li attwalment jinsab pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Aachen (qorti reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja).

16

Din il-qorti tikkunsidra li ż-żewġ messaġġi elettroniċi ta’ F. Sleutes tal-24 u tas-26 ta’ Novembru 2015, minkejja li waslu quddiem l-Amtsgericht Düren (qorti distrettwali ta’ Düren) fit-terminu ta’ oppożizzjoni, ma jikkostitwixxux oppożizzjoni valida. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżuppost li l-messaġġ elettroniku jissodisfa r-rekwiżit formali meħtieġ mid-dritt Ġermaniż li l-oppożizzjoni għandha tiġi fformulata bil-miktub, dawn il-messaġġi, fi kwalunkwe każ, ma kinux ġew ifformulati fil-lingwa Ġermaniża. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan, ma hemmx lok li tiġi ddikjarata ammissibbli l-oppożizzjoni ta’ F. Sleutjes, peress li dan tal-aħħar kien ġie informat, fil-lingwa Olandiża, bl-obbligu li jifformula tali rikors fil-lingwa Ġermaniża.

17

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 37(3) tas-StPO jipprevedi li, meta l-persuna akkużata ma għandhiex kmand tal-lingwa Ġermaniża, is-“sentenza” għandha tiġi nnotifikata lilha, flimkien mat-traduzzjoni tagħha f’lingwa li tinftiehem mill-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 187(2) tal-GVG jipprovdi li bħala prinċipju huwa neċessarju li ssir traduzzjoni bil-miktub, fost l-oħrajn, tad-digrieti kriminali u ta’ sentenzi li ma sarux res judicata.

18

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “sentenza” (Urteil), fis-sens tal-Artikolu 37(3) tas-StPO, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64, għandux jinkludi wkoll id-digrieti kriminali (Strafbefehle). Fl-affermattiv, minn dan jirriżulta li n-notifika tad-digriet kriminali maħruġ kontra F. Sleutjes kienet nulla, sa fejn ma kinitx tinkludi traduzzjoni integrali fil-lingwa Olandiża, b’mod li t-terminu ta’ oppożizzjoni lanqas biss beda jiddekorri.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Aachen (qorti reġjonali ta’ Aachen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2010/64] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘sentenza’ (Urteil) li jidher fl-Artikolu 37(3) tal-[StPO] jinkludi wkoll id-digrieti kriminali (Strafbefehle) fis-sens tal-Artikoli 407 et seq tal-kodiċi tal-[StPO]?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Qabel ma tingħata risposta għad-domanda preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ikkunsidra li, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern applikabbli jiggarantixxu lill-persuna akkużata d-dritt għat-traduzzjoni tad-digriet kriminali u tal-oppożizzjoni mressqa kontra dan id-digriet, b’mod li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma tiddependix mir-risposta għad-domanda magħmula u li din għalhekk ma hijiex rilevanti.

21

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 19, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 27).

22

Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li għalhekk l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, f’dan il-każ, ma jirriżultax b’mod manifest mill-proċess imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-sitwazzjoni tal-kawża tikkorrispondi ma’ waħda minn dawn l-ipoteżijiet. Minbarra dan, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju.

24

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula.

25

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li att, bħal digriet previst mid-dritt nazzjonali sabiex jiġu ssanzjonati reati kriminali żgħar u maħruġ minn qorti fit-tmiem ta’ proċedura unilaterali ssemplifikata, jikkostitwixxi “dokument essenzjali” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fejn traduzzjoni bil-miktub tiegħu għandha, konformement mar-rekwiżiti formali meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, tiġi żgurata lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura kkonċernata sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex għalhekk tiġi ggarantita n-natura ġusta tal-proċedura.

26

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64 jipprevedi d-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-proċeduri kriminali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li dan id-dritt japplika għall-persuni mill-mument meta jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat, sat-tmiem tal-proċedura, li huwa mifhum li jfisser id-determinazzjoni definittiva tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kundanna u d-deċiżjoni mogħtija f’kull appell.

27

Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ persuna, bħal F. Sleutjes, li ppreżentat, kontra digriet kriminali maħruġ skont l-Artikoli 407 et seq tas-StPO li hija kienet id-destinatarja tiegħu, oppożizzjoni li l-ammissibbiltà tagħha hija eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, tidħol manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/64, b’mod li din il-persuna għandha tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni ggarantit minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci, C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 27).

28

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, dan id-dritt jikkonċernax dan id-digriet kriminali, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/64 jipprovdi d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċeduri kriminali kkonċernati li jiksbu t-traduzzjoni bil-miktub tad-“dokumenti […] essenzjali” kollha.

29

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, dan l-artikolu jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, fost dawn id-dokumenti, hemm kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.

30

Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-punti 20 u 60 tas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686), jirriżulta li d-digriet kriminali previst mid-dritt Ġermaniż huwa adottat fuq il-bażi ta’ proċedura ssemplifikata, li skont din, essenzjalment, in-notifika ta’ dan id-digriet, minn naħa, isseħħ biss wara li l-qorti tkun tat deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-akkuża u, min-naħa l-oħra, tirrappreżenta l-ewwel okkażjoni, għall-persuna akkużata, li tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha. Barra minn hekk, meta din il-persuna ma tippreżentax oppożizzjoni f’terminu ta’ ġimagħtejn li jiddekorru min-notifika tiegħu, dan id-digriet isir res judicata u s-sanzjonijiet previsti jsiru eżekuttivi.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali digriet kriminali jirrappreżenta, kemm att ta’ akkuża kif ukoll sentenza, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/64.

32

Fit-tieni lok, bħal ma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta kemm mill-premessi 14, 17 u 30 ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3 tagħha, b’mod partikolari mill-paragrafu 1 tiegħu, li d-dritt għat-traduzzjoni li dan jipprevedi huwa intiż bl-għan li jippermetti lill-persuni kkonċernati jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex jiżgura n-natura xierqa tal-proċedura (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci, C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 43).

33

Issa, meta digriet kriminali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa indirizzat unikament fil-lingwa tal-proċedura kkonċernata lil persuna minkejja li din ma għandhiex kmand ta’ din il-lingwa, din il-persuna ma hijiex fil-pożizzjoni li tifhem dak li hija akkużata bih, u għalhekk ma tistax validament teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, jekk hija ma tibbenefikax minn traduzzjoni ta’ dan id-digriet f’lingwa li hija tifhem.

34

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li att, bħal digriet previst mid-dritt nazzjonali sabiex jissanzjona reati kriminali żgħar u maħruġ minn qorti fi tmiem proċedura unilaterali ssemplifikata, jikkostitwixxi “dokument essenzjali” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fejn traduzzjoni bil-miktub tiegħu għandha, konformement mar-rekwiżiti formali magħmula minn din id-dispożizzjoni, tiġi żgurata lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura kkonċernata sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u għalhekk sabiex tiġi ggarantita n-natura ġusta tal-proċedura.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li att, bħal digriet previst mid-dritt nazzjonali sabiex jissanzjona reati kriminali żgħar u maħruġ minn qorti fi tmiem proċedura unilaterali ssemplifikata, jikkostitwixxi “dokument essenzjali” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fejn traduzzjoni bil-miktub tiegħu għandha, konformement mar-rekwiżiti formali magħmula minn din id-dispożizzjoni, tiġi żgurata lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura kkonċernata sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u għalhekk sabiex tiġi ggarantita n-natura ġusta tal-proċedura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq