EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0361

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Settembru 2017.
Easy Sanitary Solutions BV u L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea vs Group Nivelles.
Appell – Proprjetà Intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 5 – Novità – Artikolu 6 – Karattru individwali – Artikolu 7 – Żvelar lill-pubbliku – Artikolu 63 – Kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-prova – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti – Disinn li jirrappreżenta drejn tal-ilma tad-doċċa – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Bord tal-Appell.
Kawżi magħquda C-361/15 P u C-405/15 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:720

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Settembru 2017 ( *1 ) ( 1 )

“Appell – Proprjetà Intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 5 – Novità – Artikolu 6 – Karattru individwali – Artikolu 7 – Żvelar lill-pubbliku – Artikolu 63 – Kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-prova – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti – Disinn li jirrappreżenta drejn tal-ilma tad-doċċa – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Bord tal-Appell”

Fil-Kawżi magħquda C-361/15 P u C-405/15 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati rispettivament fil-11 ta’ Lulju 2015 u fl-24 ta’ Lulju 2015,

Easy Sanitary Solutions BV, stabbilita f’Oldenzaal (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn F. Eijsvogels, avukat (C-361/15 P),

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Bonne u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti (C-405/15 P),

rikorrenti,

sostnut minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Kraehling u C. R. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, barrister (C-405/15 P),

intervenjent fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Group Nivelles NV, stabbilita f’Gingelom (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Jonkhout, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Easy Sanitary Solutions BV (iktar ’il quddiem “ESS”) u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitairy Solutions (drejn tal-ilma tad-doċċa) (T-15/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:281), li fiha din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tar-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Ottubru 2012 (Każ R 2004/2010-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn I-Drain BVBA u ESS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont il-premessa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), “[i]l-protezzjoni ma għandhiex tiġi mifruxa fuq dawk il-partijiet komponenti li ma jidhrux matul l-użu normali ta’ prodott, lanqas għal dawk il-karatteristiċi ta’ din il-parti li ma jidhrux meta l-parti tiġi mmuntata, jew li fihom infushom ma jwettqux il-ħtiġiet rigward in-novità u l-karattru individwali. B’konsegwenza ta’ dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal-protezzjoni.”

3

Skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002, l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk teżistix differenza ċara bejn l-impressjoni ġenerali prodotta fil-ħsieb tal-utent informat li jara d-disinn, u dik prodotta fil-ħsieb tiegħu mill-assjem tad-disinn eżistenti, filwaqt li jittieħed kont tan-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew inkorporat, u b’mod partikolari tas-settur industrijali li jaqa’ fih u tal-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

4

L-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolment:

a)

‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu.”

5

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jipprovdi:

“Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.”

6

Taħt it-titolu “Novità”, l-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

a)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

b)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2.   Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”

7

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Karattru individwali”, jipprovdi:

“1.   Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

a)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

b)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2.   Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.”

8

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Żvelar”, jipprovdi:

“Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-kondizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.”

9

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat.

2.   Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.”

10

Taħt it-titolu “Effetti tad-disinn Komunitarju”, l-Artikolu 19(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

11

Skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, “[d]isinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss: […] jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 4 sa 9”.

12

L-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet li għandhom iħarsu l-applikanti”, fil-paragrafi 2 u 6 tiegħu jipprovdi:

“2.   L-applikazzjoni għandu barra minn hekk ikun fiha indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat.

[…]

6.   It-tagħrif li jkun jinsab fl-elementi msemmija fil-paragrafu 2 [...] ma għandux jaffettwa l-iskop tal-protezzjoni tad-disinn bħala ta’ hekk.”

13

L-Artikolu 52(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 25(2) sa (5), kull persuna fiżika jew legali, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa għal dan l-iskop, jistgħu jippreżentaw quddiem l-EUIPO applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat.

14

Skont l-Artikolu 53(1) tal-istess regolament, li jikkonċerna l-eżami talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jekk l-EUIPO jiddeċiedi li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija ammissibbli, huwa għandu jeżamina jekk ir-raġunijiet għall-invalidità previsti fl-Artikolu 25 jipprekludux iż-żamma fis-seħħ tad-disinn Komunitarju rreġistrat. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 53, matul l-eżami tat-talba, li għandu jitwettaq skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), l-EUIPO għandu jistieden lill-partijiet, kemm il-darba jkun meħtieġ, sabiex jressqu, fit-terminu stabbilit għalihom, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-komunikazzjonijiet li jirriżultaw minn partijiet oħra jew li huma indirizzati lilhom.

15

L-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi:

“1.   Jistgħu jitressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-appelli.

2.   Il-kawża tista’ titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla jew tibdel deċiżjoni kkontestata.

[…]

6.   L-[EUIPO] għandu jkun meħtieġ illi jieħu l-passi meħtieġa sabiex jikkonforma mal-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

16

Skont l-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament “[f]il-proċeduri quddiemu, l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f’din l-eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet u bir-rimedju mfittex.”

17

L-Artikolu 65(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-EUIPO jista’, fil-proċedimenti kollha, jadotta miżuri struttorji u, b’mod partikolari, jisma’ lill-partijiet u lix-xhieda, jitlob informazzjoni kif ukoll il-produzzjoni ta’ dokumenti u ta’ provi, jew anki jitlob perizja.

18

L-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002 jipprovdi:

“1.   Applikazzjoni lill-[EUIPO] għal dikjarazzjoni ta’ invalidità in segwitu ta’ l-Artikolu 52 tar-Regolament [Nru 6/2002] trid Tigbor:

[…]

b)

għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li fuqhom issir l-applikazzjoni:

[…]

v)

fejn il-bażi tal-invalidita hija li d-disinn Komunitarju reġistrat ma’ jissodisfax il-ħtiġijiet li jinstabu fl-Artikolu 5 jew 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti li jistgħu jkunu ostaklu għall-ħaġa ġdida jew karattru ndividwali tad-disinn komunitarju reġistrat, kif ukoll dokumenti li juru l-eżistenza ta’ dawk id-disinnji preċedenti;

vi)

indikazzjoni tal-fatti, provi u argumenti ppreżentati insostnenn ta’ dawk it-talbiet”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

19

Fit-28 ta’ Novembru 2003, ESS ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-EUIPO, u dan skont ir-Regolament Nru 6/2002. Is-suġġett ta’ din l-applikazzjoni kien id-disinn li huwa rrappreżentat kif ġej:

Image

20

Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat bħala disinn Komunitarju bin-numru 000107834-0025 u ġie ppubblikat fil-Bulettin tad-disinni Komunitarji Nru 19/2004, tad-9 ta’ Marzu 2004. Huwa jikkonsisti, skont din ir-reġistrazzjoni, “drejn tal-ilma tad-doċċa (shower drain)”.

21

Fil-31 ta’ Marzu 2009, ġiet imġedda r-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat. Dan it-tiġdid ġie ppubblikat fil-Bulettin tad-disinni Komunitarji Nru 61/2009, tat-2 ta’ April 2009.

22

Fit-3 ta’ Settembru 2009, I-Drain, li hija s-suċċessur ta’ Group Nivelles NV, ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002. Insostenn ta’ din it-talba, hija invokat ir-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li dan id-disinn ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament. Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, dawn il-kundizzjonijiet jirrelataw, b’mod partikolari, man-novità, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u mal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, tad-disinn ikkonċernat, evalwati fid-data tal-iżvelar tiegħu lill-pubbliku, iddeterminata skont l-Artikolu 7 tal-istess regolament.

23

Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, I-Drain ipproduċiet, b’mod partikolari, estratti minn żewġ katalogi ta’ prodotti tal-kumpannija Blücher (iktar ’il quddiem il-“katalogi Blücher”). Il-katalogi Blücher kien jinkludu, b’mod partikolari, l-illustrazzjoni li ġejja:

Image

24

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddikjarat id-disinn ikkontestat bħala invalidu, u b’hekk f’dan is-sens, laqgħet it-talba li kienet tressqet quddiemha minn I-Drain.

25

Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO indikat fil-punt 3 ta’ din id-deċiżjoni, li mill-argumenti ta’ I-Drain kien jirriżulta b’mod ċar li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-allegata assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn Komunitarju kkontestat. Fil-punt 15 tal-imsemmija deċiżjoni, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ikkunsidrat li dan id-disinn kien jirrappreżenta pjanċa, reċipjent u sifun tad-doċċa, strictu sensu, u li l-unika karatteristika viżibbli ta’ dan id-disinn kienet il-parti ta’ fuq tal-imsemmija pjanċa. Issa, skont il-punt 19 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, din il-pjanċa kienet identika għal dik li tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza u d-disinn ikkontestat huwa nieqes minn kull novità meta mqabbel mad-disinn inkluż f’dan id-dokument. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, fil-punt 20 tad-deċiżjoni tagħha, ċaħdet bħala irrilevanti l-argument ta’ ESS li l-pjanċa li tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza kienet tintuża f’ambjent differenti minn dak li fih kien intiż li jintuża l-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, peress li l-użu tal-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn ma huwiex element tad-dehra tiegħu u li, konsegwentement, id-differenza ma tinċidix fuq il-paragun taż-żewġ disinni kunfliġġenti.

26

Fil-15 ta’ Ottubru 2010, ESS appellat, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO.

27

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO tat-23 ta’ Settembru 2010. Essenzjalment, fil-punti 31 sa 33 tal-deċiżjoni kontenzjuża, hija qieset, għall-kuntrarju tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, li d-disinn Komunitarju kkontestat kien jippreżenta karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn ma kienx identiku għall-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, iżda kien jippreżenta, fir-rigward tagħha, differenzi li la kienu “minimi” u lanqas “diffiċli sabiex jiġu evalwati b’mod oġġettiv” u li, konsegwentement, ma setgħux jitqiesu li huma insinjifikattivi. Hija bagħtet lura l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO “biex terġa tikkusidra t-talba għal annullament bbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien ma[l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6]” tar-Regolament Nru 6/2002.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

28

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2013, Group Nivelles fetħet kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

29

Permezz tar-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2013, ESS, fil-kwalità tagħha ta’ intervenjenti, talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta’ punt li ma ssemmiex fir-rikors.

30

Insostenn tar-rikors tagħha, Group Nivelles invokat motiv wieħed, ibbażat fuq żball imwettaq mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO waqt il-paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti li hija kienet invokat insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fehma tagħha, dan l-iżball wassal lit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO għall-konklużjoni żbaljata li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

31

Fit-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta’ raġuni li ma hijiex waħda min dawk invokati minn Group Nivelles, ESS sostniet li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kiser forom proċedurali sostanzjali meta kkonkluda, fil-punt 31 ta’ din id-deċiżjoni, li l-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza kienet tiżvela drejn tal-ilma tad-doċċa rettangolari sempliċi ħafna kkostitwit minn pjanċa li sservi bħala għatu b’toqba fiha. Fil-fehma ta’ ESS, din il-konklużjoni tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI u ma kinitx immotivata, fatt li jirrendi d-deċiżjoni kkontestata insuffiċjentement komprensibbli.

32

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet kemm l-uniku motiv ta’ Group Nivelles kif ukoll il-motiv inċidentali ta’ ESS, u konsegwentement annullat id-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal riforma ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentata minn Group Nivelles.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-361/15 P, ESS titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment, is-sentenza appellata;

tikkundanna lill-parti telliefa għall-ispejjeż tal-kawża.

34

Fir-risposta tagħha fil-Kawża C-361/15 P, l-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnu.

35

Fir-risposta tagħha fil-Kawża C-361/15 P, Group Nivelles titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha.

36

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-405/15 P, l-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna Group Nivelles u lil ESS għall-ispejjeż sostnuti minnu.

37

Fir-risposta tagħha fil-Kawża C-405/15 P, ESS titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ aggravji tal-EUIPO u tikkundanna lil Group Nivelles għall-ispejjeż tal-EUIPO, u

tiċħad l-appell għal dak li jirrigwarda t-tielet aggravju tal-EUIPO u tikkundanna lil dan tal-aħħar għall-ispejjeż sostnuti minnha inkonnessjoni ma’ dan l-aggravju.

38

Fir-risposta tagħha fil-Kawża C-405/15 P, Group Nivelles titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti minnha.

39

Fin-nota ta’ intervent tagħha fil-Kawża C-405/15 P, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

li tikkundannaha għall-ispejjeż tagħha.

40

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2016, il-Kawżi C-361/15 P u C-405/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l-appelli

Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju tal-EUIPO, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 63(1), u tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament

41

Fid-dawl tal-konnessjoni ta’ bejniethom, jeħtieġ li l-ewwel u t-tieni aggravju tal-EUIPO jiġu eżaminati flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

42

Fl-ewwel lok, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 u 79 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, b’mod partikolari, il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest ta’ kawża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, billi rrikjediet lill-EUIPO jirrikostruwixxi d-disinn preċedenti abbażi tal-estratti differenti mill-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

43

Dan l-Artikolu 63(1) huwa bbażat fuq tqassim ċar tar-rwoli rispettivi tal-EUIPO u tal-persuna li titlob l-invalidità fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, fatt li huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mit-termini tal-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002.

44

B’hekk, il-persuna li titlob l-invalidità hija obbligata li tidentifika bil-preċiż liema huma d-disinni preċedenti rilevanti billi tipproduċi r-riproduzzjonijiet ta’ dawn id-disinni kif ukoll prova tal-eżistenza tagħhom. Barra minn hekk hija għandha tipproduċi l-prova tal-iżvelar ta’ dawn id-disinni preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan ir-rigward, l-EUIPO jista’ jeżamina t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità biss abbażi ta’ fatti, provi, argumenti u osservazzjonijiet ppreżentati mill-persuna li titlob l-invalidità, mingħajr ma jista’ jissostitwixxi lil din tal-aħħar għall-amministrazzjoni tal-prova u lanqas ifittex liema disinn preċedenti jista’ jkun rilevanti fost dawk kollha rrappreżentati fid-dokumenti prodotti.

45

Issa, l-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 74 u 84 tas-sentenza appellata, li ma kienx identifika b’mod korrett id-disinn preċedenti invokat u li dan id-disinn huwa kkostitwit “[mill-]istrument [kollu kemm hu] ta’ evakwazzjoni tal-ilma ta’ likwidi, propost mill-impriża Blücher u invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”.

46

Skont l-EUIPO, mill-proċedimenti marbuta mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll mill-osservazzjonijiet ta’ Group Nivelles quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li din il-kumpannija kienet tinvoka, bħala disinn preċedenti, mhux l-istrument kollu kemm hu ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, iżda biss il-pjanċa li sservi bħala għatu żvelata kemm mill-impriża Blücher kif ukoll minn impriżi oħra. Kien biss fl-istadju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’hekk intempestivament, li Group Nivelles invokat l-istrument kollu kemm hu ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi.

47

B’hekk, billi imponiet fuq l-EUIPO, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, l-obbligu li jipparaguna d-disinn ikkontestat mal-istrument kollu kemm hu ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, kif propost mill-impriża Blücher, il-Qorti Ġenerali, fuq inizjattiva tagħha stess, fittxet, fil-katalogi prodotti minn Group Nivelles, il-preċedenza li hija qieset bħala l-iktar rilevanti, u b’hekk kisret l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

48

Fit-tieni lok, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, kisret ir-regoli li għandhom jirregolaw l-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, billi ħolqot fir-rigward tiegħu l-obbligu li jgħaqqad flimkien il-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat.

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C-345/13, EU:C:2014:2013, punt 26), li, fir-rigward tal-eżami tal-karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn, dan tal-aħħar jista’ jitqabbel mhux ma’ ġabra ta’ elementi speċifiċi jew partijiet ta’ disinni preċedenti, iżda ma disinni preċedenti individwalizzati u ddeterminati. Tali interpretazzjoni tiswa wkoll għall-eżami tan-novità ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

50

Iċ-ċirkustanza li l-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat, ikunu intiżi li jintużaw flimkien ma tbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-ġabra ta’ dawn il-komponenti differenti tista’ tagħti lok għal dehra preżunta iżda ipotetika jew, f’kull każ, suġġetta għal approssimazzjonijiet kbar, fatt li jostakola l-eżami kumparattiv tan-novità, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. L-EUIPO iqis li, fil-kawża odjerna, il-karatteristiċi differenti tad-disinn preċedenti ma jistgħux jiġu ddeterminati bi preċiżjoni suffiċjenti u li l-konglomerazzjoni ta’ komponenti differenti maħsuba sabiex jintużaw flimkien tirrikjedi sforz ta’ kostruttiv u tagħti lok għal amalgamazzjoni ipotetika.

51

L-EUIPO iżid li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 68 u 76 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti tiegħu peress li huma bbażati fuq il-premessa li l-partijiet ma pproduċew ebda stampa li tgħaqqad flimkien il-pjanċa li sservi bħala għatu u d-drejn, liema premessa, skont il-Qorti Ġenerali, hija waħda żbaljata. Madankollu, l-EUIPO jikkunsidra li din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq żnaturament tal-fatti, liema kunsiderazzjoni hija kkonfermata minn paragun bejn l-illustrazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għalihom fis-sentenza appellata.

52

ESS ikkondividiet l-argumenti invokati mill-EUIPO u tqis li l-ewwel u t-tieni aggravju huma fondati.

53

Għall-kuntrarju, Group Nivelles tikkontesta l-argument tal-EUIPO għaldaqstant tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravju bħala infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Permezz tal-ewwel u tieni aggravju, l-EUIPO essenzjalment jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali mwettqa fil-punti 77 sa 79 u 84 tas-sentenza appellata.

55

L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret, minn naħa, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, u, b’mod partikolari, il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat. Min-naħa l-oħra, huwa jqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, ir-regoli li għandhom jirregolaw l-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju, billi rrikjedietu li jamalgama l-elementi differenti ta’ disinn wieħed jew iktar, żvelati lill-pubbliku b’mod separat f’estratti separati minn katalogi mehmuża mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bil-għan li jikseb id-dehra sħiħa tad-disinn preċedenti.

56

Fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova, jeħtieġ li jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li, matul il-proċedimenti, l-EUIPO għandu jwettaq eżami ex officio tal-fatti. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tispeċifika li, f’azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-eżami għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet.

57

F’dan il-każ, mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li Group Nivelles ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, billi invokat ir-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

58

Issa, minn naħa, skont l-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002, meta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat tkun ibbażata fuq il-fatt li dan id-disinn ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tkun tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li jistgħu jostakolaw n-novità jew il-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, kif ukoll id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn id-disinni preċedenti.

59

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ibbażata fuq l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 6/2002, mill-Artikolu 52(1) u (2) kif ukoll mill-Artikolu 53(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-EUIPO jew tal-Qorti Ġenerali, iżda dak biss dak tar-rikorrenti li tinvoka r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament, li għandha tipproduċi l-elementi li huma ta’ natura li juru r-realtà ta’ din ir-raġuni (ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, Kastenholz vs UASI, C-435/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2124, punt 55).

60

Għaldaqstant, meta il-persuna li titlob l-invalidità tinvoka r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista l-Artikolu 25(1)(b) tal-istess regolament, din tkun obbligata tipproduċi elementi li huma ta’ natura li juru li d-disinn ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-regolament inkwistjoni.

61

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, jeħtieġ li jiżdied li, billi tirrikjedi, sabiex disinn jitqies bħala ġdid, li “l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku”, din id-dispożizzjoni timplika li l-evalwazzjoni tal-karattru ġdid ta’ disinn għandha ssir inkonnessjoni ma’ disinn preċiż, individwalizzat, iddeterminat u identifikat wieħed jew iktar fost l-assjem ta’ disinni żvelati lill-pubbliku preċedentement (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C-345/13, EU:C:2014:2013, punt 25).

62

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, disinn huwa ddefinit bħala “dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu.” Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi l-element determinanti ta’ disinn.

63

Għaldaqstant, il-fatt li karatteristika ta’ disinn tkun viżibbli jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għal din il-protezzjoni. Kif huwa indikat fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 li l-protezzjoni tad-disinni ma għandhiex tkopri l-partijiet li ma jkunux viżibbli waqt użu normali ta’ prodott, u lanqas il-karatteristiċi ta’ parti li ma jkunux viżibbli meta dan ikun armat u li dawn il-karatteristiċi ma għandhomx, konsegwentement, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk karatteristiċi oħra ta’ dan id-disinn jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali, fil-punti 147 u 149 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa essenzjali li l-istanzi tal-EUIPO ikollhom stampa ta’ disinn preċedenti, li għandha tkun tippermetti li tirrifletti d-dehra tal-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn u li jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex ikunu jistgħu jipproċedu, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, bl-evalwazzjoni tal-karattru ġdid u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u għall-paragun li din tinvolvi bejn id-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami dwar jekk id-disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes minn novità jew minn karattru individwali jirrikjedi d-dispożizzjoni ta’ disinn preċedenti preċiż u ddeterminat.

65

Minn dan isegwi, fid-dawl ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 58 sa 64 ta’ din is-sentenza, li hija l-parti promotriċi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-EUIPO l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiżi u sħaħ tad-disinn li tkun allegat l-prijorità tiegħu, bil-għan li jintwera li d-disinn ikkontestat ma jistax jiġi rreġistrat b’mod validu.

66

Fil-kawżi odjerni, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 64, 65 u 79 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġie allegat żnaturament f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-appelli odjerni, li Group Nivelles, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-istanzi tal-EUIPO, ma ppreżentat l-ebda riproduzzjoni sħiħa tad-disinn li ġiet allegata l-prijorità tiegħu.

67

Madankollu, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-katalogi Blücher li l-pjanċa li sservi bħala għatu tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza kienet maħsuba li tiġi magħquda mad-drejns u s-sifuni proposti mill-impriża Blücher u li jidhru wkoll f’dawn il-katalogi, sabiex jikkostitwixxu strument sħiħ ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, huwa l-kompitu tal-EUIPO, li jevalwa n-novità tad-disinn ikkontestat, li jipparagunah, b’mod partikolari, ma’ evakwazzjoni ta’ likwidi kkostitwita mill-pjanċa inkwistjoni li sservi bħala għatu, magħquda mal-elementi l-oħra ta’ strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi proposti mill-impriża Blücher.

68

Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali obbligat lill-EUIPO, fil-kuntest tal-paragun li dan l-uffiċċju għandu jwettaq bejn id-disinni kkonċernati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, li jgħaqqad l-elementi differenti ta’ disinni preċedenti wieħed jew iktar bil-għan li jikseb id-dehra sħiħa ta’ dan id-disinn, minkejja li l-persuna li talbet l-invalidità ma rriproduċietx dan l-aħħar imsemmi disinn fl-intier tiegħu.

69

Issa, ma jistax jiġi rikjest mill-EUIPO li dan iwettaq, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, għall-ġbir flimkien tal-elementi differenti tad-disinn preċedenti, peress li hija l-persuna li titlob l-invalidità li għandha tipproduċi rappreżentazzjoni sħiħa ta’ dan id-disinn preċedenti. Barra minn hekk, kull ġabra possibbli tkun tinkludi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 152 tal-konklużjonijiet tiegħu, imperfezzjonijiet sa fejn din timplika neċessarjament xi approssimazzjonijiet.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġustament isostni l-EUIPO u għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata, iċ-ċirkustanza li d-disinn ikkontestat jikkonsisti biss f’ġabra ta’ disinni diġà żvelati lill-pubbliku u li fir-rigward tagħhom diġà ġie indikat li dawn kienu maħsuba li jintużaw flimkien, ma tistax, fl-assenza ta’ indikazzjoni u ta’ riproduzzjoni sħiħa tad-disinn li hija allegata l-prijorità tiegħu, tkun rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

71

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiżdied li ċ-ċirkustanza, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li ESS, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ipproduċiet estratti minn katalogu tal-impriża Blücher, li huma differenti minn dawk prodotti minn Group Nivelles fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li kienu jinkludu stampa ta’ pjanċa li sservi bħala għatu bħal dik li tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, impoġġija fuq drejn li jinkludi, fil-parti t’isfel, sifun tal-evakwazzjoni, ma tistax tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ indikazzjoni u ta’ riproduzzjoni preċiżi tad-disinn preċedenti invokat minn Group Nivelles. Għalkemm tali ċirkustanza setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-EUIPO bil-għan li jadotta miżuri istruttorji, abbażi tal-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-kuntrarju, ma kienx il-kompitu tiegħu li jgħaqqad flimkien l-elementi differenti ta’ disinn wieħed jew iktar żvelati lill-pubbliku separatament f’estratti differenti minn katalogi mehmuża mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sabiex jikseb id-dehra sħiħa tad-disinn preċedenti invokat. Fil-fatt, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-argument tal-EUIPO, li l-punti 68 u 76 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żnaturament tal-fatti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, f’din is-sentenza, bl-ebda mod ma tikkonferma li l-istampa prodotta minn ESS tikkostitwixxi stampa sħiħa tad-disinn preċiż preċedenti li ġiet allegata l-preċedenza tiegħu minn Group Nivelles.

72

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi żball ta’ liġi, fil-punti 77 sa 79 u 84 tas-sentenza appellata, billi rrikjediet li l-EUIPO jirrikostitwixxi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, id-disinn preċedenti abbażi tal-estratti differenti mill-katalogi Blücher mehmuża mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

73

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, FIFA vs Il-Kummissjoni, C-204/11 P, EU:C:2013:477, punt 43, u tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il-Kummissjoni, C-44/16 P, EU:C:2017:357, punt 55).

74

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li d-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa fondata sa fejn dan jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 67 tas-sentenza appellata li d-disinn li hija invokata l-prijorità tiegħu minn Group Nivelles quddiem l-EUIPO kien strument sħiħ ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, propost mill-impriża Blücher. Sa fejn l-EUIPO ma jallega l-ebda żnaturament f’dan ir-rigward, l-argument tiegħu li Group Nivelles invokat tali strument sħiħ għall-ewwel darba fl-istadju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax jintlaqa’.

75

Issa, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, mill-punti 64, 65 u 79 tas-sentenza appellata jirriżulta li Group Nivelles ma pproduċietx, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-istanzi tal-EUIPO, riproduzzjoni sħiħa tal-imsemmi disinn.

76

Minkejja dan, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, fid-deċiżjoni kontenzjuża, wettaq eżami tan-novità tad-disinn ikkontestat billi pparagunah mal-pjanċa li sservi bħala għatu, prodotta minn Group Nivelles insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza. Din il-pjanċa li sservi bħala għatu ma tikkostitwixxix id-disinn li ġiet invokata l-prijorità tiegħu minn Group Nivelles. Minn dan isegwi li, billi kkonferma, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li “[i]d-disinn preċedenti (D1) huwa kkostitwit minn drejn tad-doċċa sempliċi u rettangolari komnpst minn pjanċa li sservi bħala għatu b’toqba fiha”, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO bbaża d-deċiżjoni kontenzjuża fuq motivi mhux preċiżi, fatt li huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tannulla din id-deċiżjoni.

77

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, kif ikkonstatat fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, ma jirriżultax li huwa ta’ natura li jinvalida s-sentenza appellata, peress li d-dispożittiv ta’ din tal-aħħar, sa fejn jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, jidher li huwa fondat minn raġunijiet oħra. Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni motiv tal-EUIPO għandhom jinċaħdu bħala ineffettivi.

Fuq l-ewwel aggravju ta’ ESS, ibbażat fuq ksur, fil-punti 115 sa 123 tas-sentenza appellata, tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-Artikoli 10 u 19 u tal-Artikolu 36(6) tal-imsemmi regolament

L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ESS issostni, qabel xejn, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, billi kkunsidrat, minn naħa, li disinn preċedenti inkorporat fi prodott differenti min dak ikkonċernat minn disinn sussegwenti jew applikat għal tali prodott kien, bħala prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità ta’ dan l-aħħar imsemmi disinn, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, li l-kliem ta’ dan l-aħħar imsemmi artikolu kien jeskludi li disinn jista’ jitqies bħala ġdid jekk disinn identiku kien, preċedentement, ġie żvelat lill-pubbliku, irrispettivament minn jekk il-prodott li fih dak id-disinn preċedenti kien maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa kien maħsub li jiġi applikat.

79

ESS tqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, ir-regoli stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 7 jikkonċernaw biss in-novità u l-karattru individwali tal-prodotti li jappartjenu għall-istess settur, jew prodotti tal-istess natura u maħsuba għall-istess użu.

80

ESS tikkunsidra li la x-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), u lanqas dawk tar-Regolament Nru 6/2002, ma jippermettu li jiġi konkluż li l-ipoteżi tal-użu ta’ disinn li jista’ jiġi applikat għal diversi prodotti li kull wieħed minnhom ikollu funzjoni utilitarja differenti kellha rwol fl-iżvilupp tal-imsemmi regolament. B’hekk, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li s-“settur ikkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex limitat għal dak li jaqa’ fih il-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat. Fil-fatt, f’tali każ, l-imsemmi disinn jista’ jiġbor fih is-setturi kollha li fihom huwa jista’ jiġi applikat, anki jekk dawn ma jkollhom l-ebda rabta mas-settur li fih il-parti li titlob il-protezzjoni abbażi tad-disinni tkun tixtieq li tapplikah.

81

Issa, ESS issostni li sabiex ikun jista’ jitqies bħala “ikkonċernat”, għandha tkun teżisti rabta bejn id-disinn u l-prodott jew il-prodotti li għalihom id-disinn inkwistjoni huwa intiż li jiġi applikat, rabta li hija kkostitwita mill-prodotti indikati fit-talba ta’ reġistrazzjoni tad-disinn Komunitarju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

82

L-interpretazzjoni wiesa’ li l-Qorti Ġenerali tagħti lis-“settur ikkonċernat” twassal għall-konsegwenza li l-kategorija ta’ “ċirkoli speċjalizzati” li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tinkludi persuni li suppost jafu mhux biss is-settur li jaqa’ fih il-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat, iżda wkoll setturi oħra li jaqgħu taħthom prodotti li fihom id-disinn jista’ wkoll jiġi inkorporat jew li għalihom dan jista’ wkoll jiġi applikat. Issa, ma huwiex realist li jiġi preżunt li dawn il-persuni jkollhom tali livell ta’ konoxxenzi.

83

Sussegwentement, ESS tqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, billi qieset, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, li disinn Komunitarju ma jistax jitqies bħala ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1), jekk disinn identiku jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-dati speċifikati f’din id-dispożizzjoni, minkejja li dan id-disinn preċedenti jkun maħsub li jiġi inkorporat fi prodott ieħor minbarra dak jew dawk indikati fit-talba għar-reġistrazzjoni jew li jiġi applikat għal dan il-prodott l-ieħor, skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

84

Fl-aħħar, ESS issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikoli 10 u 19, u l-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002.

85

ESS tqis li sabiex jiġi evalwat hekk disinn jipproduċix impressjoni viżiva globali differenti, fis-sens tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-punt tat-tluq għandu jkun “l-utent informat”. Issa, il-konoxxenza tal-utent informat hija limitata, fatt li jinċidi fuq l-evalwazzjoni tal-karattru individwali u tal-portata tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat.

86

F’dan ir-rigward, ESS tirrileva kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni inkluża fil-punt 115 tas-sentenza appellata u dik li saret fil-punt 132 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi, fl-imsemmi punt 132, li l-konoxxenza tal-utent informat hija limitata u li, għalkemm l-utent informat ta’ prodott, b’kont meħud tal-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat li fih id-disinn huwa inkorporat jew li għalih huwa applikat, ma għandux konoxxenza tal-prodott preċedenti li fih id-disinn preċedenti ġie inkorporat jew li għalih ġie applikat, dan id-disinn preċedenti ma jistax jostakola r-rikonoxximent ta’ karattru individwali fir-rigward tad-disinn sussegwenti. Issa, minn naħa, il-karattru individwali u l-portata tal-protezzjoni ta’ disinn huwa żewġ faċċati tal-istess medalja, u, min-naħa l-oħra, anki jekk l-utent informat għandu konoxxenza tal-prodott preċedenti, dan ma jimplikax neċessarjament li din il-konoxxenza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn li, skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa maħsuba li jiġi inkorporat fi prodott ieħor jew li jiġi applikat għal prodott ieħor.

87

Group Nivelles u l-EUIPO iqisu li l-ewwel aggravju ta’ ESS għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Fil-punt 115 sa 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li n-natura tal-prodott li fih id-disinn preċedenti huwa inkorporat jew li għalih huwa applikat ma tinċidix fuq l-eżami tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li s-“settur ikkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat.

89

Mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li disinn huwa meqjus bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data li fiha tiddaħħal l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

90

Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirrendix il-karattru ġdid ta’ disinn dipendenti fuq il-prodotti li fihom dan jista’ jiġi inkorporat jew li għalihom jista’ jiġi applikat.

91

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju testendi għal “kull disinn” li ma jħallix impressjoni viżiva ġenerali differenti fuq l-utent informat.

92

B’hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li kieku kellha tintlaqa’ l-pożizzjoni ta’ ESS, li l-protezzjoni ta’ disinn tiddependi fuq in-natura tal-prodott li fih dan id-disinn ikun inkorporat jew li għalih jiġi applikat, tali protezzjoni tkun limitata biss għal dawk id-disinni li jappartjenu lil settur partikolari. Għaldaqstant, tali pożizzjoni ma tistax tintlaqa’.

93

Barra minn hekk, kif qieset ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, kemm mill-Artikolu 36(6) kif ukoll mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jirriżulta li disinn Komunitarju rreġistrat jagħti lill-proprjetarju tiegħu, id-dritt esklużiv li juża id-disinn kkonċernat fuq kull tip ta’ prodott, u mhux biss fuq il-prodott indikat fuq it-talba għal reġistrazzjoni.

94

Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 36(6), l-informazzjoni msemmija, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, ma tippreġudikax il-portata tal-protezzjoni tad-disinn bħala tali. Konsegwentement, din l-informazzjoni, li tikkonsisti fl-indikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat, ma tistax tillimita l-protezzjoni ta’ dan id-disinn, kif kienet prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002.

95

Fir-rigward tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, ir-riferiment għal “prodott” li fih id-disinn huwa inkorporat jew li għalih japplika dan tal-aħħar, ma jippermettix li jitqies li l-portata tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju hija limitata għall-prodott li fih dan id-disinn huwa inkorporat jew li japplika għalih.

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 19 kif ukoll tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju ma jistax jitqies bħala ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament, jekk disinn identiku jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-dati speċifikati f’dik id-dispożizzjoni, minkejja li dan id-disinn preċedenti jkun maħsub li jiġi inkorporat fi prodott differenti jew li jiġi applikat għal dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-fatt li l-protezzjoni kkonferita lil disinn ma hijiex limitata għall-prodotti biss li fihom huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huma maħsuba li jiġi applikat jimplika neċessarjament li l-evalwazzjoni tal-karattru ġdida ta’ disinn lanqas ma għandha tkun limitata għal dawk il-prodotti biss. Fl-ipoteżi inversa, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fl-istess punt, ir-reġistrazzjoni ulterjuri ta’ disinn Komunitarju, li tkun inkisbet minkejja l-iżvelar preċedenti ta’ disinn identiku maħsub li jiġi inkorporat fi prodott differenti jew li jiġi applikat għal tali prodott, tkun tippermetti lill-proprjetarju ta’ din ir-reġistrazzjoni ulterjuri li jipprojbixxi l-użu tal-imsemmi disinn anki għall-prodott suġġett għall-iżvelar preċedenti, liema riżultat ikun assurd.

97

Għall-kuntrarji ta’ dak li tallega ESS, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

98

Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu 7(1), għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew eżebit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament, skont kif ikun il-każ, għajr meta dawn il-fatti ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni.

99

B’hekk, mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrendi l-eżistenza ta’ żvelar lill-pubbliku dipendenti biss fuq il-modalitajiet fattwali ta’ dan l-iżvelar u mhux fuq il-prodott li fih dan id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat.

100

Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi r-regola li l-okkorrenza ta’ xi wieħed mill-fatti li huma elenkati fiha tikkostitwixxi żvelar lill-pubbliku ta’ disinn, liema regola tirrikonoxxi eċċezzjoni, meta, fil-kors normali tan-negozju, il-fatti invokati sabiex jiġi sostnut li kien hemm żvelar ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-kliem “ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat” jidhru biss fil-kuntest ta’ eċċezzjoni u għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

101

Sabiex tiġi identifikata l-portata ta’ din l-eċċezzjoni, hemm lok li jsir riferiment, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, għall-opinjoni tal-kumitat ekonomiku u soċjali dwar il-proposta ta’ regolament tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji (ĠU 1994, C 388, p. 9), li l-proposta inkluża fiha fil-punt 3.1.4 ġiet riprodotta fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002. Il-punt 3.1.2 tal-imsemmija opinjoni jindika li d-dispożizzjoni marbuta mal-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju, kif redatta, ma tidher li hija diffiċilment applikabbli f’diversi oqsma u speċjalment fl-industrija tat-tessuti. Dan l-istess punt iżid li jiġri spiss li bejjiegħa ta’ prodotti ffalsifikati jipproduċu dikjarazzjonijiet li jistabbilixxu b’mod falz li d-disinn ikkontestat kien diġà inħoloq qabel f’pajjiż terz. Il-punt 3.1.3 tal-istess opinjoni ikkonkluda li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan għandu jkun l-iżvelar liċ-ċirkoli kkonċernati fil-Komunità Ewropea qabel id-data ta’ riferiment.

102

Mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, li tikkonċerna l-każijiet li fihom il-fatti li din id-dispożizzjoni telenka ma jistgħux jikkostitwixxu żvelar lill-pubbliku hija intiża li teskludi l-possibbiltà li jkun jistgħu jikkostitwixxu tali żvelar, fatti li huma diffiċilment verifikabbli li allegatament mmaterjalizzaw f’pajjiż terz, u mhux sabiex li tiddistingwi bejn is-setturi differenti ta’ attività fi ħdan l-Unjoni u li teskludi l-possibbiltà li jkunu jistgħu jikkostitwixxu żvelar lill-pubbliku, fatti li jikkonċernaw settur ta’ attività li ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċirkoli speċjalizzati ta’ settur ieħor, li joperaw fl-Unjoni.

103

B’hekk huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li s-“settur interessat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huma maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat.

104

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball meta ddeċidiet, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li disinn preċedenti inkorporat fi prodott differenti minn dak ikkonċernat minn disinn sussegwenti jew applikat għal dan il-prodott huwa, bħala prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ dan id-disinn sussegwenti. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif indikat il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt, dan l-aħħar artikolu jeskludi l-possibbiltà li disinn jista’ jitqies bħala ġdid jekk preċedentement ikun ġie żvelat lill-pubbliku disinn identiku, ikun xi jkun il-prodott li fin dan id-disinn preċedenti jkun maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat.

105

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ ESS għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002

106

Permezz tat-tieni aggravju, ESS tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità u b’hekk kisret l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 billi ddikjarat fl-aħħar parti tal-punt 137 tas-sentenza appellata, li “għall-kuntrarju ta’ dak li donnu [tippreżumi ESS], [il-fatt li l-pjanċi li jservu bħala għotjien għandhom użu industrijali] ma jfissirx li [dawn] ma jistgħux jintużaw ukoll f’postijiet oħra, b’mod partikolari f’doċċa, fejn [dawn] normalment ikollhom funzjonijiet inqas importanti”.

107

Issa, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ddeċidiex la fuq il-klassi tal-funzjoni li tinsab fil-katalogi Blücher jew is-sinjifikat tagħhom, u lanqas fuq ir-rilevanza ta’ dawn tal-aħħar għall-evalwazzjoni tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn. ESS iżżid lil-aħħar sentenza tal-punt 137 tas-sentenza appellata kienet inutli għall-wasla tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, u dan kien jirriżulta mill-punt 138 ta’ din is-sentenza, li tibda bil-kliem “[x]orta waħda jibqa’ l-fatt li”.

108

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-punt 138 tas-sentenza appellata, li tinkludi l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-iżball imwettaq mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, huwa introdott bil-kliem “[x]orta waħda jibqa’ l-fatt li”, fatt li juri li l-evalwazzjoni inkluża fil-punt 137 in fine tal-sentenza appellata hija superfluwa, kif barra minn hekk, tammetti wkoll ESS fl-atti tagħha.

109

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li din l-aħħar imsemmija evalwazzjoni bl-ebda mod ma tista’ titqies bħala l-bażi tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punti 138 u 139 ta’ din is-sentenza, li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO wettaq żball billi kklassifika l-pjanċa li sservi bħala għatu li tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza ta’ “drejn tad-doċċa”.

110

Għaldaqstant, it-tieni aggravju ta’ ESS għandu jiġi miċħud ukoll.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament

L-argumenti tal-partijiet

111

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-EUIPO jikkonferma, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, in-natura tal-prodotti kkonċernati mid-disinni pparagunati kienet tinċidi fuq il-possibbiltà, li l-utent informat rilevanti, jagħraf id-disinn preċedenti.

112

L-EUIPO iqis, qabel xejn, li ladarba disinn preċedenti jiġi żvelat, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002, dan għandu jiġi pparagunat mad-disinn disinn sussegwenti. Il-fatt li l-eżami tal-iżvelar ikun jintervjeni iċ-“ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat” ma jinċidix fuq din il-konklużjoni. L-EUIPO tikkonferma li dan l-Artikolu 7 jadopera finzjoni legali li permezz tagħha kull disinn “magħmul disponibbli għall-pubbliku” huwa preżunt magħruf kemm mill-pubbliku professjonali tas-settur ikkonċernat mid-disinn preċedenti kif ukoll mill-pubbliku tal-utenti informati tat-tip ta’ prodott kkonċernat mid-disinn ikkontestat. Tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-ġeneralità tal-kliem “magħmul disponibbli għall-pubbliku”, użat fl-imsemmi Artikolu 7(1).

113

Ir-riferiment għaċ-“ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat” huwa rilevanti biss fil-kuntest tad-deroga mir-regola li kull att ta’ żvelar lill-pubbliku tikkostitwixxi żvelar validu. B’hekk, l-iżvelar ta’ disinn preċedenti jkun ineffettiv jekk ikun intwera li n-negozjant fis-settur ikkonċernat ma kellu l-ebda opportunità raġonevoli ta’ aċċess għal tali żvelar. Ir-riferiment għaċ-“ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat” ikun iservi biss sabiex jenfasizza l-karattru eċċezzjonali ta’ żvelar li fir-rigward tiegħu ma jkun rrikonoxxut l-ebda effett legali.

114

Sussegwentement, l-approċċ propost mill-Qorti Ġenerali jwassal sabiex il-persuna li titlob l-invalidità tiġi rikjesta tipprovdi l-prova ta’ żewġ istanzi ta’ żvelar, l-ewwel waħda fi ħdan il-pubbliku ta’ “ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat” u t-tieni waħda fi ħdan il-pubbliku tal-utenti tat-tip ta’ prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat. Tali rekwiżit iżid kundizzjoni li la hija prevista mill-kliem u lanqas mill-ispirtu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, l-EUIPO iqis li l-persuna li titlob l-invalidità għandha sempliċiment tipprova l-iżvelar ta’ disinn lill-pubbliku u mhux li n-negozjanti kienu kisbu konoxxenza effettiva ta’ dan l-iżvelar, jew li l-pubbliku tal-utenti informati kienu familjari mal-prodotti kkonċernati mid-disinn preċedenti.

115

Fl-aħħar, l-EUIPO isostni lil-kunċett ta’ “żvelar”, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi interpretat bl-istess mod skont jekk ikunx qiegħed jiġi applikat l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar il-kriterju ta’ novità, jew tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, dwar il-karattru individwali. Il-fatt li tiġi rikjesta l-prova addizzjonali tal-konoxxenza tad-disinn preċedenti mill-pubbliku informat ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi Artikolu 6, jista’ jkollu l-konsegwenza li disinn jista’ jiġi rikonoxxut li għandu karattru individwali filwaqt li ma jkollux novità, liema konsegwenza tagħti lok għal riżultat mhux koerenti.

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-EUIPO jirrileva li l-Qorti Ġenerali ma tistax, f’dan il-każ, tagħti istruzzjoni lit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO sabiex tivverifika jekk l-utenti ta’ “drejns tad-doċċa” jistgħux jagħrfu id-drejn ta’ evakwazzjoni tal-impriża Blücher.

117

Group Nivelles jitlob iċ-ċaħda tat-tielet aggravju tal-EUIPO.

118

Ir-Renju Unit, li intervjena fil-kuntest tal-Kawża C-405/15 P insostenn tal-EUIPO, iqis li t-tielet aggravju tal-EUIPO huwa fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119

Fir-rigward tar-rilevanza tal-identifikazzjoni tal-prodott li fih id-disinn huwa inkorporat jew li għalih huwa applikat għall-finijiet tal-eżami tal-karattru individwali ta’ dan id-disinn, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-utent li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-utent ta’ prodott li fih dan id-disinn huwa inkorporat jew li għalih dan tal-aħħar japplika. Fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma jistax jiġi eskluż li l-utent informat tal-prodott li fih disinn partikolari ikun ġie inkorporat jew li għalih ikun ġiet applikat ikun jaf ukoll bil-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw prodotti differenti, għalkemm tali għarfien lanqas jista’ jiġi awtomatikament preżunt.

120

Konsegwentement, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-identifikazzjoni tal-prodott li fih disinn preċedenti jkun ġie inkorporat jew li għalih ikun ġie applikat, invokat sabiex jiġi kkontestat il-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn sussegwenti, hija rilevanti għal din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, huwa permezz tal-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat li jista’ jiġi ddeterminat jekk l-utent informat tal-prodott li fih id-disinn preċedenti jkun ġie inkorporat jew li għalih ikun ġie applikat ikunx jaf id-disinn preċedenti. Fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali indikat, li huwa biss jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar tkun issodisfatta li dan id-disinn preċedenti jkun jista’ jipprekludi r-rikonoxximent ta’ karattru individwali fid-disinn sussegwenti.

121

Fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li jekk l-identifikazzjoni tal-prodott speċifikat li fih id-disinn preċedenti, invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kien ġie inkorporat jew li għalih ġie applikat ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ikkontestat, kellhiex, xorta waħda, rilevanza għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, ta’ dan id-disinn tal-aħħar.

122

F’dan ir-rigward, l-EUIPO ma tikkontestax li d-differenza fil-karattru tal-prodott li fih id-disinni pparagunati huma inkorporati jew li għalih dawn tal-aħħar huma applikati tista’ taffettwa l-impressjoni globali li dawn jipproduċu fuq l-utent informat tad-disinn ikkontestat. B’mod partikolari, l-EUIPO tikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-użu tal-prodotti kkonċernati mid-disinni pparagunati huma rilevanti u jistgħu, fejn applikabbli, jinċidu fuq l-impressjoni globali inflitta fuq l-utent informat.

123

Madankollu, l-EUIPO iqis li l-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi billi qieset, fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, li l-karattru tal-prodotti li fihom id-disinni pparagunati huma inkorporati jew li għalihom dawn tal-aħħar japplikaw jinċidi fuq il-possibbiltà, tal-utent informat tal-prodott li fih id-disinn sussegwenti huwa inkorporat jew li għalih dan jiġi applikat, li jagħraf id-disinn preċedenti u li huwa biss jekk tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni ta’ konoxxenza li dan l-aħħar imsemmi disinn jkun jista’ jostakola r-rikonoxximent ta’ karattru individwali fir-rigward tad-disinn sussegwenti.

124

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, disinn jitqies bħala li għandu karattru individwali jekk l-impressjoni globali li huwa jipproduċi fi ħdan l-utent informat tkun differenti minn dik prodotta fi ħdan tali utent minn kull disinn żvelat lill-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ utent informat, li ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament, jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C-281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).

125

Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C-281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59).

126

Madankollu, il-kunċett ta’ utent informat ma jistax jiġi interpretat fis-sens huwa biss jekk dan l-utent ikun jaf bid-disinn preċedenti li dan id-disinn preċedenti jkun jostakola ir-rikonoxximent ta’ karattru individwali ta’ disinn sussegwenti. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002.

127

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ikun hemm lok ta’ paragun bejn disinn u ieħor sabiex jiġi kkonstatat il-karattru ġdid kif ukoll il-karattru individwali tal-ewwel wieħed, biss jekk it-tieni wieħed ikun ġie żvelat lill-pubbliku.

128

Meta disinn jitqies bħala li ġie żvelat lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tali żvelar ikun jgħodd kemm għall-eżami tal-karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, tad-disinn li miegħu jiġi pparagunat id-disinn żvelat, kif ukoll għal dak tal-karattru individwali ta’ dan l-ewwel disinn, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament.

129

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 98 sa 103 ta’ din is-sentenza, is-“settur interessat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat.

130

Issa, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, twassal sabiex, għall-finijiet tal-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jiġi rikjest li d-disinn preċedenti, li l-iżvelar tiegħu lill-pubbliku jkun diġà ġie pprovat, fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li dan ikun magħruf mill-utent informat tad-disinn ikkontestat.

131

Madankollu, xejn fl-imsemmi Artikolu 7(1), ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa neċessarju li l-utent informat tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa inkorporat jew li għalih huwa applikat ikun jaf id-disinn preċedenti, meta dal tal-aħħar ikun inkorporat fi prodott ta’ settur industrijali differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jew huwa applikat għal tali prodott.

132

Li kieku kellha tiġi segwita l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-persuna li titlob l-invalidità tad-disinn ikkontestat ikollha tipprova mhux biss li d-disinn preċedenti ġie żvelat lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, iżda wkoll li l-pubbliku informat tad-disinn li l-validità tiegħu hija kkontestata kien jaf b’dan id-disinn preċedenti.

133

Fil-fatt, dan ikun jirrikjedi l-prova ta’ żewġ istanzi ta’ żvelar, l-ewwel waħda fir-rigward tal-pubbliku ta’ “ċirkoli speċjalizzati tas-settur interessat” u t-tieni waħda fir-rigward tal-pubbliku tal-utenti tat-tip ta’ prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat. Tali rekwiżit, minbarra li huwa inkompatibbli mal-interpretazzjoni tal-kliem “settur interessat” imfakkar fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, iżid kundizzjoni li la hija prevista mill-kliem u lanqas mill-ispirtu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u ma hijiex konċiljabbli mal-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi li l-protezzjoni kkonferita mid-disinn Komunitarju tkopri “kull disinn” li ma jipproduċix fi ħdan l-utent informat impressjoni viżwali globali differenti.

134

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrikjediet, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-utent informat tad-disinn ikkontestat għandu jkun jaf il-prodott li fih id-disinn preċedenti huwa inkorporat jew li għalih dan jiġi applikat.

135

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn il-kunsiderazzjonijiet, inklużi fil-punt 132 tas-sentenza appellata, jifformaw parti minn analiżi li minnu l-Qorti Ġenerali tislet il-konklużjoni, fil-punti 124 u 133 tal-imsemmija sentenza, li s-settur ikkonċernat huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn. Issa, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-EUIPO fil-kuntest tal-appell tiegħu.

136

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

137

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-appelli ta’ ESS kif ukoll tal-EUIPO.

Fuq l-ispejjeż

138

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

139

F’dan il-każ, fir-rigward tal-Kawża C-361/15 P, peress li Group Nivelles u l-EUIPO talbu li ESS tiġi kkundannata għall-ispejjeż u li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Group Nivelles u mill-EUIPO.

140

Fir-rigward tal-Kawża C-405/15 P, peress li Group Nivelles talbet li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż u li dan tal-aħħar tilef, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Group Nivelles. Barra minn hekk, peress li ESS talbet il-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż biss marbuta mat-tielet aggravju u li dan tal-aħħar tilef, jeħtieġ li huwa jiġi kkundannat għal terz mill-ispejjeż sostnuti minn ESS fil-Kawża C-405/15 P.

141

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

142

F’dan il-każ, fir-rigward tal-Kawża C-405/15 P, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli fil-Kawżi C-361/15 P u C-405/15 P huma miċħuda.

 

2)

Easy Sanitary Solutions BV għandha tbati l-ispejjeż sostnuti minn Group Nivelles NV u mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-Kawża C-361/15 P.

 

3)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż sostnuti minn Group Nivelles NV fil-Kawża C-405/15 P kif ukoll terz minn dawk sostnuti minn Easy Sanitary Solutions BV fil-Kawża C-405/15 P.

 

4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż proprji tiegħu fil-Kawża C-405/15 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( 1 ) Fil-punti 43, 44, 60, 68, 69, 114 u 132 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

Fuq