Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62016CJ0444
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 15 June 2017.#Immo Chiaradia SPRL and Docteur De Bruyne SPRL v État belge.#References for a preliminary ruling from the Cour d'appel de Mons.#References for a preliminary ruling — Directive 78/660/EEC — Annual accounts of certain types of companies — Principle that a true and fair view must be given — Principle that valuation must be made on a prudent basis — Issuing company of a share option recognising the grant date price of the option in the course of the accounting year in which the option is exercised or at the end of its period of validity.#Joined Cases C-444/16 and C-445/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
Immo Chiaradia SPRL u Docteur De Bruyne SPRL vs État belge.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 78/660/KEE — Kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji — Prinċipju ta’ stampa vera — Prinċipju ta’ prudenza — Kumpannija li toħroġ opzjoni fuq l-azzjonijiet li tirreġistra l-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha.
Kawżi magħquda C-444/16 u C-445/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
Immo Chiaradia SPRL u Docteur De Bruyne SPRL vs État belge.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 78/660/KEE — Kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji — Prinċipju ta’ stampa vera — Prinċipju ta’ prudenza — Kumpannija li toħroġ opzjoni fuq l-azzjonijiet li tirreġistra l-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha.
Kawżi magħquda C-444/16 u C-445/16.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:465
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 78/660/KEE — Kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji — Prinċipju ta’ stampa vera — Prinċipju ta’ prudenza — Kumpannija li toħroġ opzjoni fuq l-azzjonijiet li tirreġistra l-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha”
Fil-Kawżi magħquda C‑444/16 u C‑445/16,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri
Immo Chiaradia SPRL (C‑444/16),
Docteur De Bruyne SPRL (C‑445/16)
vs
État belge,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Immo Chiaradia SPRL u għal Docteur De Bruyne SPRL, minn J.-J. Vandenbroucke, avukat, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u N. Gossement, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 273) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 78/660”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, Immo Chiaradia SPRL u, min-naħa l-oħra, Docteur De Bruyne SPRL, u l-État belge fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, rispettivament, għas-snin taxxabbli 2006 u 2008. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
It-tielet premessa tad-Direttiva 78/660 tiddisponi: “Billi huwa meħtieġ […] li jiġu stabbiliti fil-Komunità il-ħtiġijiet legali minimi u ekwivalenti dwar sa fejn għandha tkun disponibbli l-informazzjoni finanzjarja għall-pubbliku minn kumpanniji li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin.” |
4 |
Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660: “Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta’ l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.” |
5 |
L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 78/660 jipprevedi: “Disposizzjonijiet [provvedimenti] li huma intiżi sabiex ikopru passiv li n-natura tiegħu hija mfissra biċ-ċar u li fid-data li ġġib magħha l-karta ta’ bilanċ aktarx ikunu ntefqu jew żgur li kienu ntefqu imma mhux żgur fuq l-ammont jew fuq id-data ta’ meta seħħew.” |
6 |
L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 78/660 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-entrati kollha murija fil-kontijiet annwali huma valutati skond il-prinċipji ġenerali li ġejjin: […]
[…]” |
Id-dritt Belġjan
7 |
L-Artikolu 41 tal-Loi du 26 Mars 1999 relative au plan d’action belge pour l’emploi 1998 et portant des diverses dispositions (liġi tas-26 ta’ Marzu 1999 dwar il-pjan ta’ azzjoni Belġjan għall-impjieg tal-1998 u li tipprevedi diversi dispożizzjonijiet) (Moniteur belge tal-1 ta’ April 1999, p. 10904), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tas-26 ta’ Marzu 1999”), jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din is-sub sezzjoni:
[…]
|
It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
8 |
Mid-deċiżjoni ta’ rinviju fil-Kawża C‑444/16 jirriżulta li, fil-11 ta’ Frar 2002, Immo Chiaradia ħarġet, favur l-amministratur tagħha, dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet bi ħlas fir-rigward ta’ grupp ta’2 360 azzjoni ta’ impriża oħra fil-kuntest tal-liġi tas-26 ta’ Marzu 1999. Il-prezz tal-opzjoni kien jammonta għal EUR 12942 u kien jikkorrispondi għall-ammont tal-vantaġġ ta’ kull natura, kif iddeterminat f’din il-liġi, jiġifieri 20 % tal-valur tat-titoli li jammonta għal EUR 64709.36. |
9 |
Fis-26 ta’ Awwissu 2005, Immo Chiaradia ħarġet favur l-amministratur tagħha t-tieni dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet bi ħlas fir-rigward ta’ grupp ta’ 18423 azzjoni ta’ impriża oħra fil-kuntest tal-liġi tas-26 ta’ Marzu 1999. Il-prezz tal-opzjoni kien jammonta għal EUR 9996.35 u kien jikkorrispondi għall-ammont tal-vantaġġ ta’ kull natura, kif iddeterminat f’din il-liġi, jiġifieri 20 % tal-valur tat-titoli li jammonta għal EUR 49981.77. |
10 |
Il-prezz tal-opzjonijiet ġie rreġistrat f’kont ta’ regolarizzazzjoni tal-passiv ta’ Immo Chiaradia u għalhekk ma ġiex imdaħħal bħala dħul fil-kont tal-qliegħ jew telf. |
11 |
L-amministratur ta’ Immo Chiaradia eżerċita parzjalment it-tieni dritt ta’ opzjoni mogħti lilu matul s-sena taxxabbli 2006, li fil-kuntest tagħha Immo Chiaradia rreġistrat telf f’kapital ta’ EUR 3265. |
12 |
Fit-13 ta’ Novembru 2008, l-amministrazzjoni fiskali bagħtet avviż ta’ rettifika lil Immo Chiaradia, li permezz tiegħu hija avżatha bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi bl-intaxxar immedjat bħala riżervi moħbija tal-prezzijiet tal-opzjonijiet għas-sena taxxabbli 2006 sal-ammont ta’ EUR 22708.35. |
13 |
Minkejja l-oppożizzjoni ta’ Immo Chiaradia, l-amministrazzjoni fiskali batitilha deċiżjoni ta’ intaxxar, li kienet tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tintaxxa, abbażi tas-sopravalutazzjoni tal-passiv, il-prezz tal-opzjoni mħallas mill-amministratur li kien jikkostitwixxi, skontha, vantaġġ ta’ kull natura li għandu jiġi rreġistrat bħala dħul għas-sena taxxabbli 2006, bilanċ magħluq fil-31 ta’ Diċembru 2005. Għalhekk, fit-23 ta’ Diċembru 2008, l-amministrazzjoni fiskali imponiet imposta addizzjonali fuq Immo Chiaradia għas-sena taxxabbli 2006. |
14 |
L-ilment li Immo Chiaradia ressqet kontra din l-imposta fl-14 ta’ Jannar 2009 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal-24 ta’ Mejju 2012. |
15 |
Fis-6 ta’ Awwissu 2012, Immo Chiaradia ressqet rikors intiż għall-annullament tal-imposta kkontestata quddiem it-tribunal de première instance du Hainaut, division de Mons (qorti tal-prim’istanza ta’ Hainaut, diviżjoni ta’ Mons, il-Belġju), li ġie miċħud b’sentenza tat-3 ta’ April 2014. |
16 |
Immo Chiaradia sussegwentement appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons), fit-30 ta’ Ġunju 2014. Permezz tal-azzjoni tagħha hija titlob l-annullament tal-imposta kkontestata minħabba li ebda dispożizzjoni legali ma tippreskrivi metodu ta’ reġistrazzjoni jew ma tistabbilixxi sistema fiskali speċifika għall-opzjoni inkwistjoni. Hija ssostni li rreġistrat it-tranżazzjoni skont l-Opinjoni 167/1 tal-Kummissjoni des Normes Comptables (CNC) (kummissjoni dwar ir-regoli tal-kontabbiltà) billi għażlet li tqis li l-prezz irċevut minn persuna li toħroġ dritt ta’ opzjoni jikkostitwixxi r-remunerazzjoni tar-riskju li l-persuna li toħroġha tassumi matul il-perijodu kollu tal-opzjoni u li, għalhekk, huwa biss meta din l-opzjoni tiskadi li l-imsemmi prezz huwa ekonomikament immeritat u għandu jiġi rreġistrat bħala qliegħ jew telf. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’diversi mis-sentenzi tagħha, hija qieset li l-amministrazzjoni fiskali ma setgħetx tintaxxa l-prezz tal-opzjoni bħala riżervi moħbija. F’dawn is-sentenzi, hija osservat li, fl-assenza ta’ deroga espliċita prevista mir-regoli fiskali, il-profitti taxxabbli huma ddeterminati skont ir-regoli tal-kontabbiltà. Wara dan hija analizzat tliet opinjonijiet tas-CNC, inkluża l-Opinjoni 167/1. |
18 |
Fl-imsemmija sentenzi, il-qorti tar-rinviju osservat li l-Opinjoni 167/1 tipproponi żewġ approċċi għall-ipproċessar kontabbli tal-prezz irċevut bħala korrispettiv għad-dritt ta’ opzjoni maħruġ. Skont l-ewwel approċċ, il-prezz tad-dritt ta’ opzjoni jitqies immedjatament bħala qliegħ jew telf. Skont it-tieni approċċ, dan il-prezz jitqies bħala dħul iddifferit sal-iskadenza tal-opzjoni u, għalhekk, jiġi rreġistrat bħala dħul pospost. Il-qorti tar-rinviju qieset li t-tieni approċċ kien iġġustifikat, filwaqt li osservat ukoll li dan l-approċċ kien ippreferut mis-CNC b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prudenza. |
19 |
L-État belge għandu dubji dwar kemm dan l-imsemmi tieni approċċ huwa kompatibbli mad-Direttiva 78/660. Huwa b’mod partikolari jistaqsi jekk il-fatt li kumpannija tista’ tirreġistra bħala dħul il-prezz tad-dritt ta’ opzjoni inkwistjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li tassumi l-persuna li toħroġ l-opzjoni bħala riżultat tal-impenn li hija tidħol għalih u mhux matul is-sena li matulha jseħħ it-trasferiment tal-opzjoni u jitħallas definittivament il-prezz tagħha, sa fejn ir-riskju assunt mill-persuna li toħroġ l-opzjoni huwa evalwat separatament permezz tar-reġistrazzjoni ta’ provvediment, huwiex kompatibbli mal-imsemmija direttiva. |
20 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑445/16 jirriżulta li permezz ta’ ftehim tat-12 ta’ Diċembru 2006, Docteur De Bruyne ħarġet, favur l-amministratur tagħha, dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet bi ħlas fir-rigward ta’ 540 azzjoni ta’ impriża oħra fil-kuntest tal-liġi tas-26 ta’ Marzu 1999. Il-prezz tal-opzjoni kien jammonta għal EUR 12550.68 u kien jikkorrispondi għall-ammont tal-vantaġġ ta’ kull natura, kif iddeterminat f’din il-liġi, jiġifieri 20 % tal-valur tat-titoli li jammonta għal EUR 62753.40. |
21 |
Il-prezz tal-opzjoni ġie rreġistrat f’kont ta’ regolarizzazzjoni tal-passiv ta’ Docteur De Bruyne u għalhekk ma ġiex imdaħħal bħala dħul fil-kont tal-qliegħ jew telf. |
22 |
Fis-16 ta’ Novembru 2009, l-amministrazzjoni fiskali bagħtet avviż ta’ rettifika lil Docteur De Bruyne, li permezz tiegħu hija informatha li, f’dak li jirrigwarda s-sena taxxabbli 2008, il-prezz tal-opzjoni ta’ EUR 12550.68 kien jikkostitwixxi dħul definittiv għall-kumpannija u, bħala tali, kellu jiġi rreġistrat fil-kont tad-dħul tas-sena finanzjarja 2007. |
23 |
Minkejja l-oppożizzjoni ta’ Docteur De Bruyne, l-amministrazzjoni fiskali batitilha deċiżjoni ta’ intaxxar tal-21 ta’ Diċembru 2009, li kienet tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tintaxxa l-prezz tal-opzjoni, li kien jikkostitwixxi, skontha, vantaġġ ta’ kull natura li għandu jiġi rreġistrat bħala dħul għas-sena taxxabbli 2008, bilanċ magħluq fil-31 ta’ Diċembru 2007. Għalhekk, fl-14 ta’ Jannar 2010 l-amministrazzjoni fiskali imponiet imposta addizzjonali fuq Docteur De Bruyne għas-sena taxxabbli 2008. |
24 |
L-ilment li Docteur De Bruyne ressqet kontra din l-imposta fil-5 ta’ Marzu 2010 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tas-26 ta’ April 2012. |
25 |
Fit-18 ta’ Lulju 2012, Docteur De Bruyne ressqet rikors intiż għall-annullament tal-imposta kkontestata quddiem it-tribunal de première instance du Hainaut, division de Mons (qorti tal-prim’istanza ta’ Hainaut, diviżjoni ta’ Mons), li ġie miċħud b’sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014. |
26 |
Docteur De Bruyne appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons) fl-4 ta’ Lulju 2014. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons), għal raġunijiet simili fiż-żewġ kawżi, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, domanda li hija identika fiż-żewġ kawżi: “Hu[m]a kompatibbli mar-regoli rigward il-karta tal-bilanċ previsti [fid-Direttiva 78/660], regoli li jipprovdu li:
li kumpannija li toħroġ għażla [opzjoni] fuq l-azzjonijiet tista’ tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment tal-imsemmija għażla matul is-sena finanzjarja meta l-imsemmija għażla tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li ġġarrab il-persuna li toħroġ l-għażla b’riżultat tal-impenn li hija tieħu jew minflok matul is-sena finanzjarja meta t-trasferiment tal-għażla jitwettaq u l-prezz tiegħu jkun definittivament stabbilit, fejn ir-riskju mġarrab mill-persuna li toħroġ l-għażla jkun ivvalutat separatament bir-reġistrazzjoni ta’ provvediment?” |
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2016, il-Kawżi C‑444/16 u C‑445/16 ġew magħqudin għall-finijiet tas-sentenza. |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
29 |
Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari tqajmet kemm mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
30 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali huma ta’ natura fiskali. Issa, id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 78/660, dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji. |
31 |
Għalkemm huwa ċertament minnu li l-għan tad-Direttiva 78/660 ma huwiex dak li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija kontijiet jistgħu jew għandhom iservu bħala bażi għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tal-bażi jew tal-ammont tat-taxxi, bħat-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28). |
32 |
Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma jistax jiġi dedott li d-domanda preliminari hija inammissibbli. Għandu jitfakkar li r-rifjut li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-kontijiet annwali tal-kumpanniji jistgħu jintużaw bħala bażi ta’ riferiment mill-Istati Membri għall-finijiet fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Belġjan, fl-assenza ta’ deroga espliċita prevista mir-regoli fiskali, il-profitti taxxabbli huma ddeterminati skont ir-regoli tal-kontabbiltà u li l-leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar it-teknika ta’ reġistrazzjoni tal-prezz tal-opzjoni. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. |
35 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali essenzjalment jistaqsu jekk l-État belge jistax validament jinvoka d-Direttiva 78/660 fil-kuntest tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, peress li, fl-opinjoni tagħhom, din id-direttiva ma ġietx trasposta b’mod konkret fid-dritt Belġjan. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma rriproduċewx b’mod letterali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660, huwa paċifiku li l-istabbiliment tal-kontijiet annwali tal-kumpanniji jseħħ fl-osservanza tal-għan, tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva tkun vinkolanti għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, EU:C:2003:3, punti 92 u 93). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali rilevanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-każ, tad-Direttiva 78/660 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 18). |
37 |
Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha titqies ammissibbli. |
Fuq il-mertu
38 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ stampa vera u ta’ prudenza previsti rispettivament fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu metodu ta’ reġistrazzjoni li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha. |
39 |
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 78/660, skont it-tielet premessa tagħha, hija intiża biss sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi dwar il-portata tal-informazzjoni finanzjarja li għandha tingħata lill-pubbliku (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera tikkostitwixxi l-għan oriġinali tad-Direttiva 78/660. Skont dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera tal-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan il-prinċipju b’mod flessibbli, billi qieset li dan jeżiġi, minn naħa, li l-kontijiet jirriflettu l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet li huma meqjusa li jiddeskrivu u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni kontabbli tingħata fil-forma meqjusa l-iktar valida u l-iktar waħda xierqa biex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ informazzjoni tat-terzi, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, DE + ES Bauunternehmung, C‑275/97, EU:C:1999:406, punt 27). |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stampa vera għandu jkun iggwidat, sa fejn dan ikun possibbli, mill-prinċipji ġenerali inklużi fl-Artikoli 31 tad-Direttiva 78/660, fosthom il-prinċipju ta’ prudenza stabbilit fl-Artikolu 31(1)(ċ) ta’ din id-direttiva li huwa ta’ importanza partikolari (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ prudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha – profitti magħmula, spejjeż, dħul, riskji u telf – li huma realment marbuta mas-sena inkwistjoni jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Fir-rigward tad-drittijiet ta’ opzjoni fuq azzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-imsemmija direttiva ma tinkludi ebda indikazzjoni speċifika dwar il-metodu li skontu l-prezz ta’ dawn l-opzjonijiet għandu jiġi rreġistrat. Kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, neċessarjament, jeżistu diversi metodi li huma kompatibbli mad-Direttiva 78/660 sakemm dawn josservaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti f’din id-direttiva. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li metodu ta’ reġistrazzjoni, bħal dak inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tista’ tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha, ma josservax l-imsemmija prinċipji. |
46 |
Minn naħa, il-fatt li kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni biss wara li l-opzjoni tiġi eżerċitata jew tiskadi ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ prudenza. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dan il-prezz jikkostitwixxi r-remunerazzjoni tar-riskju li l-kumpannija li toħroġ l-opzjoni tassumi matul il-perijodu kollu tagħha. Għalhekk huwa ġġustifikat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prudenza, li dan il-prezz jiġi rreġistrat bħala dħul biss ladarba jkun possibbli li jiġi ddeterminat b’mod definittiv jekk dan ir-riskju, li huwa marbut strettament miegħu, seħħx jew le. |
47 |
Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż, hekk kif r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta l-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni jiġi rreġistrat bħala dħul matul is-sena li matulha d-dritt ta’ opzjoni jinħareġ u qabel ma jiġi eżerċitat jew, jekk ikun il-każ, qabel ma jiskadi, il-kontabbiltà tal-kumpannija li toħroġ l-opzjoni tirrappreżenta, fis-snin sussegwenti għall-ħruġ tad-dritt ta’ opzjoni, riskju ikbar minn dak li jkun hemm fil-każ ta’ reġistrazzjoni matul is-sena li matulha l-opzjoni tittieħed jew skadiet. Fil-fatt, ir-riskju meħud minħabba l-eventwali żieda fil-valur tat-titoli li huma s-suġġett tal-opzjonijiet jista’ fil-verità jkun imtaffi mill-ammont tal-prezz tat-trasferiment tal-opzjoni, li jikkostitwixxi remunerazzjoni għal dan ir-riskju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, metodu ta’ reġistrazzjoni, bħal dak inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ stampa vera. |
48 |
Għandu jingħad ukoll li, għalkemm id-domanda preliminari tagħmel riferiment għall-Artikolu 20 tad-Direttiva 78/660, dan l-artikolu ma huwiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda li tirrigwarda, essenzjalment, ir-reġistrazzjoni tal-prezz tal-opzjoni u mhux ir-reġistrazzjoni ta’ provvediment biex ikun kopert telf jew dejn li huwa probabbli jew ċert. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipji ta’ stampa vera u ta’ prudenza previsti rispettivament fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux metodu ta’ reġistrazzjoni li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-prinċipji ta’ stampa vera u ta’ prudenza previsti rispettivament fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 31(1)(ċ) tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux metodu ta’ reġistrazzjoni li skontu kumpannija li toħroġ dritt ta’ opzjoni fuq l-azzjonijiet tirreġistra bħala dħul il-prezz tat-trasferiment ta’ din l-opzjoni matul is-sena finanzjarja li matulha l-imsemmija opzjoni tittieħed jew fi tmiem il-perijodu ta’ validità tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.