Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0609

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
    Duravit AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 31 – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-609/13 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:46

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    26 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 31 — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża C‑609/13 P

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-21 ta’ Novembru 2013,

    Duravit AG, stabbilita f’Hornberg (il-Ġermanja),

    Duravit SA, stabbilita f’Bischwiller (Franza),

    Duravit BeLux SPRL/BVBA, stabbilita f’Overijse (il-Belġju),

    irrappreżentati minn U. Soltész u C. von Köckritz, Avukati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u L. Malferrari, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, Avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

    intervenjent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Duravit AG, Duravit SA u Duravit BeLux SPRL/BVBA jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il-Kummissjoni (T‑364/10, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:477), peress li, permezz ta’ din is-sentenza, din ċaħdet parzjalment it-talba tagħhom għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, it-tnaqqas tal-multa li ġiet imposta fuqha b’din id-deċiżjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jistabbilixxi, fl-Artikolu 31 tiegħu:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    3

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

    4

    L-appellanti huma produtturi ta’ oġġetti taċ-ċeramika.

    5

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur li fiha ipparteċipaw 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 inklużi u kien jieħu l-forma ta’ sett ta’ akkordji antikompetittivi jew prattiki miftiehma fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak.

    6

    Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH, li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tal-multi li jistgħu jkunu imposti fuqhom.

    7

    Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Il-Kummissjoni, wara li bagħtet, bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, talbiet għal informazzjoni lill-imsemmija kumpanniji u assoċjazzjonijiet, fosthom l-appellanti, fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata wkoll lil dawn l-appellanti. Matul il-perijodu mill-15 ta’ Novembru 2004 sal-20 ta’ Jannar 2006, għadd ta’ impriżi, li fosthom ma hemmx l-appellanti, talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi jew mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom.

    8

    Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2007, l-appellanti kkomunikaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Marzu 2007.

    9

    Wara seduta li nżammet mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007 u li ntbagħtet fid-9 ta’ Lulju 2009 ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal ċerti provi li hija kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ġunju 2010 adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    10

    Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq fil-Ġermanja u, it-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell ripetut li kien ippruvat li kien l-istess fis-sitt Stati Membri koperti mill-inkjesta tal-Kummissjoni. L-iffissar tal-prezzijiet fis-settur ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali, iktar preċiżament, il-manifatturi allegatament kienu jiffissaw il-livelli tal-prezzijiet tagħhom, li ġeneralment baqgħu fis-seħħ għal sena u kienu jservu ta’ bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti.

    11

    Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-prattiki deskritti iktar ’il fuq kienu parti minn pjan globali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża u kellhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kien ikopri tliet sottogruppi ta’ prodotti, jiġifieri l-viti u l-fittings, il-kompartimenti tad-doċċa u l-aċċessorji kif ukoll l-oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta prodotti”), u kienu jestendu sat-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak. Il-Kummissjoni rrilevat, f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-akkordju, l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jirrigwardaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi Stati Membri differenti u fil-kuntest ta’ korpi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti.

    12

    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur ikkonstatat, l-ewwel nett, il-Kummissjoni innotat li, għalkemm prinċipalment kienu manifatturi ta’ oġġetti taċ-ċeramika matul it-tul tal-ksur, dawn tal-aħħar madankollu kien kienu jafu b’diversi linji ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat kollużivi tal-korp ta’ koordinazzjoni fil-Ġermanja IndustrieForum Sanitär, li qabel kienet Freundeskreis der deutschen Sanitärindustrie (iktar ’il quddiem l-“IFS”), li jkopru t-tliet sottogruppi ta’ prodotti. It-tieni nett, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-akkordju, il-Kummissjoni qieset li matul il-perijodi tal-parteċipazzjoni tagħhom fiha, l-appellanti, peress li kienu membri tal-IFS, tal-Fachverband Sanitärkeramische Industrie, korp ta’ koordinazzjoni tal-assoċjazzjoni speċjalizzata fis-sottogrupp ta’ prodotti taċ-ċeramika fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“FSKI”), tal-Vitreous China-group, assoċjazzjoni speċjalizzata fis-sottogrupp ta’ prodotti taċ-ċeramika fil-Belġju (iktar ’il quddiem il-“VCG”) u tal-Association française des industries de céramique, assoċjazzjoni speċjalizzata fis-sottogrupp ta’ prodotti fiċ-ċeramika fi Franza (iktar ’il quddiem l-“AFICS”), kienu pparteċipaw direttament fil-ksur ikkonstatat fit-territorju Belġjan, Ġermaniż u Franċiż. Hija qieset li diversi indizji oġġettivi kienu juru li l-appellanti kienu raġonevolment setgħu jiddubitaw mill-portata ġeografika tal-ksur ikkonstatat mhux biss dwar it-territorju Belġjan, Ġermaniż u Franċiż, iżda wkoll dak Taljan u Awstrijak. Fir-rigward tat-territorju Olandiż, il-Kummissjoni indikat li hija ma kkonkludietx li kien hemm akkordju mal-Pajjiżi l-Baxxi wara l-1999.

    13

    Sabiex tiġi kkalkolata l-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”). Hija ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa billi ppreċiżat li l-imsemmi kalkolu kien ibbażat, għal kull impriża, fuq il-bejgħ tagħha mill-Istat Membru kkonċernat, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ikkonstatat f’kull Stat Membru u għas-sottogrupp ta’ prodotti kkonċernat, b’tali mod li kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-fatt li ċerti impriżi kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom biss f’ċerti Stati Membri jew biss f’wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

    14

    Rigward il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ffissat il-koeffiċjent għal 15 %, filwaqt li qieset erba’ kriterji għall-evalwazzjoni tal-imsemmi ksur, jiġifieri n-natura tal-aġir ikkritikat, il-partijiet tas-suq ikkombinati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, hija ffissat il-koeffiċjent multiplikatur li għandu jiġi applikat, skont it-tul tal-ksur, għall-ammont bażiku stabbilit għall-appellanti għal 4.33 għall-Ġermanja, għal 3 għall-Belġju u għal 0.66 għal Franza. Fl-aħħar nett, sabiex tiskoraġġixxi l-impriżi inkwistjoni mili jipparteċipaw fil-prattiċi kollużivi, li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija ddeċidiet li żżid l-ammont bażiku tal-multa bl-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ 15 %.

    15

    Wara li ddeterminat l-ammont bażiku, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jistgħu jiġġustifikaw aġġustament ta’ dan l-ammont. Hija qieset li ma kien hemm ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tal-appellanti u, wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, l-ammont tal-multa impost fuq l-appellanti, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien ta’ EUR 29266325.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    16

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Settembru 2002, l-appellanti ppreżentaw azzjoni għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża billi invokaw disa’ motivi.

    17

    L-ewwel sitt motivi kienu intiżi sabiex tiġi annullata parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża u kienu bbażati rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-rekwiżiti fir-rigward tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, it-tieni wieħed, minn naħa, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tal-appellanti f’akkordju dwar diversi prodotti fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tal-appellanti fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur tal-oġġetti taċ-ċeramika fil-Ġermanja, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tal-appellanti fi ftehim dwar il-prezzijiet fil-Belġju u fi Franza, il-ħames wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prattiki inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu, u, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ minħabba t-tul tal-proċedura amministrattiva bejn is-smigħ tal-appellanti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    18

    Is-seba’ motiv kien ibbażat fuq l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-2006 u kien jinkludi żewġ eċċezzjonijiet ta’ illegalità.

    19

    It-tmien u d-disa’ motivi, imqajma b’mod sussidjarju, kienu intiżi sabiex jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa u kienu bbażati rispettivament, fir-rigward tat-tmien wieħed, fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, tan-natura inqas gravi tal-parteċipazzjoni tagħhom, meta mqabbla ma’ dik ta’ parteċipanti oħrajn, fil-ksur ikkonstatat, u, tad-disa’ wieħed, fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont finali tal-multa imposta fuqhom, wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

    20

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 338 tas-sentenza appellata, laqgħet biss parzjalment it-tieni u r-raba’ motivi, eżaminati fid-dawl tal-ewwel motiv, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-appellanti kienu pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat fit-territorju Taljan, Olandiż u Awstrijak. Konsegwentement, fil-punti 352 sa 357 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-talbiet mressqa li, prinċipalment, kienu intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    21

    Fir-rigward tat-talbiet sussidjarji, intiżi sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 376 sa 384 ta’ din is-sentenza, ċaħdet bħala infondati it-tmien u d-disa’ motivi li permezz tagħhom l-appellanti sostnew li l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa ma kienx josserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalità tal-pieni u li l-ammont finali tal-multa imposta fuqhom kien sproporzjonat u mhux ugwali.

    22

    Fit-tieni lok, bil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, din tal-aħħar qieset, fil-punti 385 u 386 tas-sentenza appellata, li ma kienx iġġustifikat li jitnaqqas l-ammont tal-multa ta’ EUR 29266325 imposta fuq l-appellanti u li dan l-ammont kien jikkostitwixxi sanzjoni adegwata fir-rigward tat-tul u tal-gravità tal-ksur inkwistjoni.

    It-talbiet tal-partijiet

    23

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata, sa fejn ir-rikors tagħhom kien miċħud;

    li tiddikjara nulli u bla effett, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 1(1) u l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn dawn jirrigwardawhom;

    sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas kunsiderevolment l-ammont tal-multa;

    b’mod iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din terġa’ tiġi deċiża konformement mal-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    24

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    25

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.

    Fuq l-ewwel aggravju

    26

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti jallegaw ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt għal proċess ġust, iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jirriżulta mir-rifjut li jsir stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    27

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-punti 48, 55, 98, 109, 113, 132, 146, 192, 195, 201, 293 u 308 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 meta rrifjutat li twettaq stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    28

    Dawn iqisu li l-Qorti Ġenerali sempliċement stħarrġet jekk dawn kinux ilmentaw mal-Kummissjoni li wettqet żball ta’ evalwazzjoni. Minn diversi punti tas-sentenza appellata allegatament jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet disposta li tistħarreġ id-deċiżjoni kontenzjuża biss minn perspettiva ġuridika u materjali sa fejn huma fformulati ilmenti konkreti u jkun hemm il-prova, fl-istess ħin, li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni jkunu foloz. Fin-nuqqas ta’ tali prova, il-Qorti Ġenerali allegatament qieset il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni inkwistjoni bħala li ma ġewx ikkontestati anki jekk dawn kienu speċifikament ikkontestati. B’hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq preżunzjoni ta’ eżattezza tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-fondatezza tal-argumenti tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali allegatament, fil-fatt, evitat li twettaq stħarriġ l tal-elementi kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża u rrinunzjat għall-possibbiltà li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet ġuridiċi, b’mod konformi mal-prinċipju iura novit curia, il-Qorti Ġenerali allegatament kienet marbuta li tagħmel klassifikazzjonijiet ġuridiċi hija stess u mhux sempliċiment tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żbalji f’dan ir-rigward.

    29

    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tenfasizza li l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa jirrigwarda biss il-sanzjoni imposta, li fir-rigward tagħhom tikkompleta l-istħarriġ ta’ legalità. L-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma għandux il-funzjoni li jissostitwixxi l-istħarriġ tal-legalità b’tali mod li l-Qorti Ġenerali għandha, fuq talba, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, kemm għall-konstatazzjoni tal-fatti kif ukoll dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Il-Qorti Ġenerali allegatament ikkonstatat, ġustament, li l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jammontax għal stħarriġ ex officio.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    30

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-Qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-argumenti invokati mill-rikorrenti u li għandu jkollha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla l-imsemmija deċiżjoni u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex madankollu ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Huwa r-rikorrent li bħala prinċipju għandu jqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni appellata kollha kemm hi ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

    34

    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tkun eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

    35

    Għandu jiġi rrilevat li l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-eżerċizzju żbaljat tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari r-rifjut ta’ din tal-aħħar li twettaq stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu l-konsegwenza ta’ konklużjonijiet żbaljati f’diversi punti tas-sentenza appellata.

    36

    Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-ġurisdizzjoni sħiħa tirrigwarda biss il-sanzjoni imposta u mhux id-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi u, fit-tieni lok, la l-ġurisdizzjoni sħiħa u lanqas l-istħarriġ tal-legalità ma huma ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u, għaldaqstant, ma jirrikjedux li l-Qorti Ġenerali twettaq istruzzjoni ġdida tal-proċess, indipendentement mill-ilmenti magħmula mill-appellanti.

    37

    Peress li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju huwa bbażat fuq preżunzjoni żbaljata li l-Qorti Ġenerali kienet marbuta li twettaq stħarriġ tad-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha ex officio, din għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    38

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li tirreferi għall-punti 275, 285, 359 u 360 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li eżaminat biss il-konsegwenzi tal-illegalità parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-argumenti invokati dwar il-multa, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni awtonoma u libera billi qieset iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, kif previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li skontu hija marbuta li tieħu deċiżjoni diskrezzjonali awtonoma dwar il-multa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u mingħajr limitazzjoni għall-kontenut tal-każ. Issa, meta ma eżaminatx l-istadji kollha ta’ kalkolu, billi ma mmotivatx ir-riżultat ta’ tali eżami kif ukoll billi la eżaminat il-proporzjonalità tal-multa u lanqas il-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament dwar il-multi imposti fil-proċeduri paralleli, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet ksur tal-obbligu tagħha li tistħarreġ b’ġurisdizzjoni sħiħa kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    39

    Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti jqisu b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara fuq l-aggravji li ma ġewx invokati jew li ma kinux magħmula fil-konkret mill-appellanti. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa, il-fatt biss li l-Qorti Ġenerali kienet ispirat mil-linji gwida tal-2006 u vverifikat l-applikazzjoni tagħhom ma jikkontestax il-fondatezza tas-sentenza appellata.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40

    Huwa paċifiku li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tal-multi ffissati mill-Kummissjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2011:738, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jikkonċerna l-multa, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Madankollu, kif jirriżulta minn ġurisdizzjoni stabbilita, imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Huwa r-rikorrent li bħala prinċipju għandu jqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi.

    43

    Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali għandha mhux twettaq eżami ex officio, indipendentement mill-motivi speċifiċi invokati mir-rikorrenti, u tieħu deċiżjoni diskrezzjonali awtonoma fuq il-multa ffissata mill-Kummissjoni, iżda li tagħti deċiżjoni dwar il-motivi sottomessi lilha mill-rikorrenti.

    44

    Dwar l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva l-eżami tagħha tal-ammont tal-multa imposta fuqhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabel kollox, fil-punt 362 tas-sentenza appellata, li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-ksur fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija ma jistax iwassal għall-modifika tal-imsemmija multa peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija multa, mhux il-bejgħ li sar mill-appellanti fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija, iżda biss dak imwettaq fil-Belġju, fil-Ġermanja u fi Franza.

    45

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 368 sa 376 tas-sentenza appellata, il-motiv ibbażat fuq żbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni waqt il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta, b’mod partikolari dak li tikkonċerna l-iffissar tar-rata ta’ 15 % bħala koeffiċjent dwar il-“gravità tal-ksur”. Din tal-aħħar ikkonkludiet fuq dan li, ladarba l-ksur uniku u kontinwu, imwettaq għal diversi snin fit-territorji tat-tliet Stati Membri kkonċernati u li kien jikkonsisti fl-iffissar ċikliku tal-prezzijiet, jinsab fost l-iktar serji, rata ta’ 15 % bħala l-koeffiċjent relatat mal-“gravità tal-ksur” għandu jitqies bħala ammont xieraq, b’mod partikolari minħabba l-fatt li r-rati proposti għal dan it-tip ta’ ksur jitilgħu bejn 0 %. u 3 %.

    46

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 377 sa 384 tas-sentenza appellata, il-motiv ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata u inugwali tal-multa imposta minħabba l-ammont tagħha, li huwa ekwivalenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-appellanti. Din tal-aħħar ikkonkludiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-ammont massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ma jiksirx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    47

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix l-obbligu fuq il-Qorti Ġenerali li din tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti wieħed wieħed l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, Ġabra p. I‑463, punt 53).

    48

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami fil-fond tal-motivi relatati mal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni u immotivat b’mod suffiċjenti l-eżami tagħha f’dan ir-rigward.

    49

    Barra minn hekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina n-natura xierqa tal-ammont ta’ multa u, fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, sabiex tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur, imwettaq minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju kif ukoll, l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu, huma infondati.

    Fuq it-tieni aggravju

    51

    It-tieni aggravju, li fih żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE u d-dritt għal rimedju effettiv previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba eżami insuffiċjenti tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità u qbiż tal-limiti ta’ dan l-istħarriġ.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    52

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE u d-dritt għal rimedju effettiv fis-sens li imponiet fuqhom, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità, b’mod partikolari fil-punti 98, 146, 195, 293 u 308 tas-sentenza appellata, ta’ rekwiżiti eżaġerati dwar l-oneru tal-allegazzjoni u tal-prova. Din allegatament għandha tistħarreġ jekk il-Kummissjoni interpretatx korrettament il-provi invokati u jekk il-konklużjonijiet misluta minnhom humiex iġġustifikati. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun hemm preżunzjoni tal-eżattezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jew tal-evalwazzjonijiet ġuridiċi ta’ din tal-aħħar. Il-Qorti Ġenerali kienet imponiet l-oneru tal-prova fuq l-appellanti qabel ma għamlet l-evalwazzjoni tagħha tas-serje ta’ indizji. Ma jistax ikun mistenni mingħand rikorrent li jipprovdi provi kuntrarji dwar l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni meta din tal-aħħar ma invokatx provi sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    53

    L-appellanti jikkonkludu li l-Qorti Ġenerali, meta ċaħdet, fil-punti 134, 138, 141, 144, 146, 187, 252, 293 u 308 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħhom billi rreferiet għal allegata oneru tal-prova impost fuqhom, eżerċitat b’mod insuffiċjenti l-istħarriġ ta’ legalità tagħha u b’hekk kisret l-Artikolu 263 TFUE u d-dritt għal rimedju effettiv.

    54

    Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dak li jikkonċerna l-allegata eżistenza ta’ “preżunzjoni ta’ eżattezza”, li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

    55

    Kuntrarjament għall-appellanti, il-Kummissjoni tqis li hija bbażat id-deċiżjoni kontenzjuża b’mod suffiċjenti fid-dritt fuq provi u li kienu l-appellanti li kellhom jidentifikaw l-elementi kkontestati, li jifformulaw l-ilmenti u li jipproduċu l-provi f’dan ir-rigward. Peress li dan ir-rekwiżit proċedurali ma jmurx kontra l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    56

    Hija ġurisprudenza stabbilita li huwa f’idejn il-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ġġib il-prova ta’ dan u hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka d-difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola li minnha hija dedotta l-eċċezzjoni huma ssodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Għalkemm skont dawk il-prinċipji l-oneru tal-prova jaqa’ jew fuq il-Kummissjoni, jew inkella fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-punti ta’ fatt invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ tali natura li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permissibbli li wieħed jikkonkludi li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jkunu ġew issodisfatti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, EU:C:2010:346, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Barra minn hekk, li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jidentifika l-elementi kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u jipproduċi provi, li jistgħu jkunu magħmula minn indizji serji, intiżi sabiex juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 105).

    59

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fl-ewwel lok, il-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”. Fit-tieni lok, din tal-aħħar fakkret, fil-punti 93 sa 108 tal-imsemmija sentenza, ir-regoli ta’ provi applikabbli fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    60

    B’mod iktar preċiż, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li, meta l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi li kienu ta’ natura manifestament antikompetittiva, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma taqleb indebitament l-oneru tal-prova jew tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza, tqis li din l-impriża kellha tipprovdi spjegazzjoni oħra tal-kontenut ta’ dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 98 tal-imsemmija sentenza, li hija l-imsemmija impriża li għandha mhux biss tinvoka ċirkustanza li tikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, iżda li tipproduċi l-prova tal-eżistenza tal-imsemmija ċirkustanza u, ukoll, li tpoġġi inkwistjoni l-valur probatorju tal-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha.

    61

    Peress li l-Qorti Ġenerali stħarrġet, fil-punti 111 sa 147 tas-sentenza appellata, il-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu u, filwaqt li qieset li l-Kummissjoni setgħet, skont il-liġi, tirrikjedi li l-appellanti jipproduċu l-provi taċ-ċirkustanzi li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar din il-klassifikazzjoni, hija ma kisritx ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

    62

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    63

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ ta’ legalità sa fejn għamlet stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa unilaterali għad-detriment tagħhom. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju meta kklassifikat mill-ġdid il-fatti li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat minn perspettiva ġuridika.

    64

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, allegatament ikklassifikat mill-ġdid il-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċerna l-prattika tal-iskambju ta’ informazzjoni u ttrasformatha fi ftehim fuq diversi prodotti. It-tieni nett, din tal-aħħar, fil-punti 261, 311 u 312 tal-imsemmija sentenza, allegatament tat valur għoli lill-parteċipazzjoni tal-appellanti f’laqgħat li ma ġewx eżaminati fid-deċiżjoni kontenzjuża. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 235, 239 u 298 tal-istess sentenza, allegatament qieset, meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li jsostni l-provi ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ ftehimiet konklużi waqt l-avvenimenti kkonċernati, tentattiv ta’ qbil li kien diġà jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. B’hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament telqet mill-prinċipju li “tentattiv ta’ ftehim” diġà jikkostitwixxi prattika miftiehma u qieset dan tal-aħħar għad-detriment tal-appellanti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kklassifikat mill-ġdid il-fatti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-Kummissjoni u qabżet il-limiti tal-istħarriġ ta’ legalità.

    65

    Il-Kummissjoni tenfasizza, qabel kollox, fir-rigward tal-laqgħat ikkontestati, li l-Qorti Ġenerali, fl-ebda mument, ma eżaminat it-tliet laqgħat ikkonċernati. Fir-rigward, insegwitu, il-klassifikazzjoni mill-ġdid allegata tal-iskambju ta’ informazzjoni miftiehem, anki jekk wieħed jassumi li ġie stabbilit, dan l-element ma jistax fih innifsu jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, minħabba l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-laqgħat. Il-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “prattika miftiehma” huma forom ta’ kollużjoni li għandhom l-istess karatteristiċi u li jistgħu biss jiġu distinti mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom. Huwa suffiċjenti, skont din l-istituzzjoni, li tiġi prodotta l-prova ta’ wieħed jew l-ieħor sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Finalment, il-klassifikazzjoni mill-ġdid illegali tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Qorti Ġenerali allegatament għamlet fil-punti 235, 239 u 298 tas-sentenza appellata, hija biss suppożizzjoni tal-appellanti.

    66

    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni aggravju u dan l-aggravju fl-intier tiegħu.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    Qabel kollox, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali allegatament qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità billi kklassifikat mill-ġdid il-fatti li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikklassifikat minn perspettiva legali, jiġifieri li din tal-aħħar ikklassifikat mill-ġdid il-prattiki tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet fi ftehim, għandu jiġi kkonstatat li mill-punti 211 u 212 tas-sentenza appellata jista’ jiġi kjarament dedott, fid-dawl tal-ġurisprudenza fiha ċċitata, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għall-prattika tal-iskambju ta’ informazzjoni bħala prattika miftiehma. Hija ma tistax tiġi kkritikata għal dan, minħabba l-fatt biss li l-kelma “ftehim” li tinsab fil-punt 213 tal-imsemmija sentenza, ikklassifikat mill-ġdid l-aġir ikkritikat tal-appellanti.

    68

    Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “prattika miftiehma” huma, fis-sens tal-Artikolu 101(1)TFUE huma intiżi li jkopru, mill-perspettiva suġġettiva, forom ta’ kollużjoni tal-istess natura li jistgħu jiġu distinti minn xulxin biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom. Huwa suffiċjenti, għaldaqstant, li l-prova tal-elementi li jikkostitwixxu wieħed jew l-ieħor minn dawn il-forom ta’ ksur li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni tkun ġiet stabbilita sabiex, fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    Insegwitu, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali allegatament tat valur probatorju għoli, fil-punti 261, 311 u 312 tas-sentenza appellata, lil ċerti provi dwar il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-laqgħat li ma ġewx eżaminati fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-punti 206 u 264 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għall-listi tal-laqgħat li jinsabu fl-Annessi 1 u 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, rispettivament, u, min-naħa l-oħra, li l-punti 261 u 311 tal-imsemmija sentenza jelenkaw il-laqgħat kollha li jinsabu fl-imsemmija listi. Issa, għalkemm il-Qorti Ġenerali ssemmi l-laqgħat tal-IFS tal-14 ta’ Novembru 2001 u tal-FSKI tat-23 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Lulju 2002, fil-punti 264, 311 u 312 tas-sentenza appellata, din tal-aħħar, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, ma eżaminatx dawn il-laqgħat u ma tatx lill-provi relatati mal-imsemmija laqgħat valur probatorju għoli. Barra minn hekk, għalkemm dawn l-istess laqgħat huma msemmija fil-lista kompleta ta’ laqgħat, li jinsabu fil-punt 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 313 tal-imsemmija sentenza, li l-provi kważi kollha, u mhux il-provi kollha, isostnu l-konklużjoni li l-appellanti pparteċipaw fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali fil-fatt ma bbażatx ruħha fuq il-laqgħat tal-IFS tal-14 ta’ Novembru 2001 u tal-FSKI tat-23 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Lulju 2002 sabiex tqis li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet il-prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur fit-territorju Ġermaniż matul il-perijodu mis-7 ta’ Lulju 2000 sad-9 ta’ Novembru 2004.

    70

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball meta qieset, fil-punti 235, 239 u 298 tas-sentenza appellata, li tentattiv ta’ qbil jikkostitwixxi diġà ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “prattika miftiehma”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma waslet sa ftehim fil-veru sens tal-kelma, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskju tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    B’hekk, il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu “prattika miftiehma”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina awtonomament il-politika li huwa għandu l-intenzjoni jadotta fis-suq komuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    72

    Barra minn hekk, għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew li jantiċipaw il-kompetituri tagħhom, huwa jipprekludi madankollu rigorożament kull kuntatt, dirett jew indirett bejn tali operaturi, tali kemm li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ikkonċernat huwa deċiż li jkollu huwa stess fis-suq jew li jaħseb li ser ikollu, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, minħabba n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, id-daqs u n-numru ta’ impriżi u l-volum tal-imsemmi suq (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    Minn dan jirriżulta, konsegwentement, li l-kuntatt, li jikkonsisti f’tentattiv ta’ ftehim dwar il-prezzijiet, jikkostitwixxi prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 101(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 40).

    74

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju, kif ukoll it-tieni aggravju fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    75

    Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom, li għandu erbatax-il parti li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat, f’diversi drabi, b’mod manifest u determinanti, il-kontenut tal-proċess u, fl-istess ħin, wettqet żbalji ta’ liġi u ksur tal-prinċipji rrikonoxxuti dwar il-produzzjoni tal-prova.

    76

    L-appellanti jqisu li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, it-talbiet għal miżuri istruttorji li jinsabu fil-punt 117 tar-rikors u fil-punt 24 tar-replika, kif ukoll l-ispjegazzjoni tagħhom fis-seduta. It-tieni, nett fil-punt 119 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat ċerti siltiet tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar allegati diskussjonijiet dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-viti u l-fittings fi ħdan il-FSKI. It-tielet nett, fil-punt 130 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-premessa 852 tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-allegata appartenenza tal-appellanti ma diversi assoċjazzjonijiet dwar diversi prodotti. Ir-raba’ nett, fil-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat ċerti siltiet tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-26 ta’ Marzu 2007 relatati mal-ilment ta’ ftehimiet regolari dwar il-prezzijiet fil-kuntest tal-IFS. Il-ħames nett, fil-punt 193 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-ispjegazzjoni tal-appellanti dwar l-ewwel motiv tar-rikors. Is-sitt nett, fil-punt 208 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat it-talba għal miżuri istruttorji li jinsabu fil-punt 46 tar-rikors dwar is-smigħ tax-xhieda Schinle u Kook dwar il-laqgħa tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000. Is-seba’ nett, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-provi u kienet wettqet ksur tal-prinċipji tal-produzzjoni tal-prova b’rabta mal-kontenut tan-noti tal-kollaboratur ta’ Hansgrohe, O. Schinle, dwar il-laqgħa tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000. It-tmien nett, fil-punt 218 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-provi relatati mal-laqgħa tal-IFS tal-20 ta’ Novembru 2002 u injorat talbiet ta’ miżuri istruttorji fil-punt 27 tar-replika. Id-disa’ nett, fil-punt 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat it-talbiet ta’ miżuri istruttorji li jinsabu fil-punti 57, 59 u 61 tar-rikors kif ukoll iż-żieda tal-appellanti dwar l-għoli tal-prezzijiet “fl-okkażjoni ta’ avvenimenti partikolari”. L-għaxar nett, fil-punti 277 sa 282 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-provi, l-argumenti tal-appellanti u t-talba għal miżuri istruttorji li jinsabu fil-punt 90 tar-rikors fir-rigward tal-laqgħa tal-FSKI tas-7 u t-8 ta’ Lulju 2000. Il-ħdax-il nett, fil-punti 299 et seq tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-kontenut tal-minuti tal-laqgħa tal-FSKI tas-17 ta’ Jannar 2003 dwar l-allegat ftehim dwar in-nollijiet tat-toroq u t-talba għal miżuri istruttorji tal-appellanti li jinsabu fil-punt 101 tar-rikors. It-tnax-il nett, fil-punti 312 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-valur probatorju tal-provi relatati mal-laqgħa tal-IFS tal-24 ta’ April 2001 u mal-laqgħat tal-FSKI” tat-23 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Lulju 2002. It-tlettax-il nett, fil-punt 321 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-ispjegazzjoni tal-appellanti fil-punt 110 tar-rikors u fil-punt 43 tar-replika billi qieset, b’mod żbaljat, li l-appellanti ma qajmu ebda argument dwar il-laqgħa tal-VCG tat-30 ta’ Ottubru 2001. L-erbatax-il nett, fil-punt 324 tal-istess sentenza, allegatament żnaturat il-premessi 572 et seq tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-allegata kritika ta’ ftehim dwar il-prezzijiet għall-2005 fi ħdan l-AFICS.

    77

    F’dan ir-rigward, fil-kuntest tas-seba’ u t-tnax-il żnaturament allegati mill-appellanti, dawn tal-aħħar isostnu evalwazzjoni diverġenti, mill-Qorti Ġenerali, tal-istess provi f’din il-kawża u fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Villeroy & Boch Austria et vs Il-Kummissjoni (T‑373/10, T‑374/10, T‑382/10 u T-402/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:455), kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il-Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457), f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kontenut u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti laqgħat li fihom kienu pparteċipaw l-appellanti, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi.

    78

    Skont il-Kummissjoni, għandha tiġi miċħuda kull waħda minn dawn l-allegazzjonijiet ta’ żnaturament, kemm minħabba li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata, kif ukoll minħabba li s-siltiet ikkritikati ta’ din is-sentenza ma kienx hemm segwitu għalihom u ma jistgħux jippreġudikaw il-legalità tal-imsemmija sentenza jew minħabba l-fatt li, parzjalment, l-appellanti jimmiraw, fit-tielet aggravju, fir-realtà, għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti mingħajr ma kien intwera żnaturament manifest tagħhom imwettaq mill-Qorti Ġenerali.

    79

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-iżnaturamenti allegati li jikkonċernaw talbiet għall-investigazzjoni, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-ħtieġa li tiġi kkompletata l-informazzjoni disponibbli għaliha u li l-fatt li t-talba tal-appellanti ma setax ikollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, ġiet miċħuda, ma jfissirx li din it-talba ġiet żnaturata. Barra minn hekk, l-element determinati ma huwiex tant il-fatt dwar jekk it-talba għal miżuri kinitx manifestament żnaturata iżda dak dwar jekk il-prova kinitx, li ma ġiex invokat mill-appellanti. Fi kwalunkwe każ, sa fejn jikkonċerna l-iżnaturament tal-provi, dan għandu jkun manifest.

    80

    Bħala konklużjoni, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, skont il-Kummissjoni, ma eċċedietx il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi u dan huwa konformi ma’ dak li sar fil-punt 133 tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il-Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    81

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-partijiet tat-tielet aggravju dwar il-provi istruttorji, hija ġurisprudenza stabbilita li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi l-ħtieġa li dokument jiġi prodott, skont iċ-ċirkustanzi tat-tilwima, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura applikabbli għall-miżuri istruttorji. Sa fejn jikkonċerna l-Qorti Ġenerali, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 49 u tal-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fil-verżjoni applikabbli fid-data tas-sentenza appellata, jirriżulta li t-talba għall-produzzjoni ta’ kwalunkwe dokument dwar il-kawża hija parti minn miżuri istruttorji li l-Qorti Ġenerali tista’ tordna, f’kull stadju tal-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, EU:C:2003:526, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, EU:C:2003:529, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, C‑198/99 P, EU:C:2003:530, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    Konsegwentement, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tal-appellanti għas-smigħ ta’ xhieda jitqies li l-imsemmija miżuri ma humiex neċessarji, l-ewwel nett, fir-rigward tal-eżami tal-provi li juru l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu fil-punti 109 sa 147 tas-sentenza appellata, it-tieni nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 213 tal-imsemmija sentenza, li skontha n-noti ta’ Hansgrohe kienu suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ aġir illegali matul il-laqgħa tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000, it-tielet nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 218 tal-istess sentenza, li skontha l-minuti tal-laqgħa tal-IFS tal-20 ta’ Novembru 2002 juru l-kuntatt dirett bejn l-operaturi ekonomiċi li jistgħu joħolqu distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-raba’ nett, minħabba l-analiżi tar-responsabbiltà tal-appellanti għall-aġir antikompetittiv fil-kuntest ta’ avvenimenti speċifiċi, li jinsabu fil-punti 231 sa 253 tas-sentenza appellata, il-ħames nett, fir-rigward tal-eżami tal-provi li juru n-natura illegali tal-laqgħat tal-FSKI tat-7 u t-8 ta’ Lulju 2000, li jinsabu fil-punti 275 sa 284 tal-imsemmija sentenza, u s-sitt nett, fir-rigward tal-analiżi li tinsab fil-punti 296 sa 306 tal-istess sentenza, li tirriżulta mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tentattiv ta’ ftehim dwar il-konsegwenzi f’termini ta’ żidiet fil-prezzijiet li jinsilet mill-implementazzjoni ta’ nollijiet tat-toroq fil-Ġermanja matul il-laqgħat tal-FSKI tas-17 ta’ Jannar u l-4 ta’ Lulju 2003 kien muri, hemm lok li tiġi miċħuda s-sitt parti tat-tielet aggravju fl-intier tagħha kif ukoll l-ewwel u t-tmien sal-ħdax il-parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn dawn jikkonċernaw il-miżuri istruttorji.

    83

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-partijiet tat-tielet aggravju dwar l-iżnaturamenti tal-argumenti tal-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dak li jsostnu insostenn tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, jallegaw permezz ta’ dawn il-partijiet mhux li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-motivi mqajma fl-ewwel istanza, iżda li interpretat u ġabret fil-qosor l-argumenti tagħhom b’mod żbaljat.

    84

    Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, sa fejn l-punt l-appellanti ma jallegawx li l-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli teżamina l-motivi invokati fl-ewwel istanza, il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali ġabritx fil-qosor b’mod żbaljat l-argumenti tal-appellanti huwa mingħajr effett fuq is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u, għaldaqstant, il-ħames u l-għaxar partijiet tat-tielet aggravju, fl-intier tagħhom, u l-ewwel u d-disa’ partijiet parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn dawn jikkonċernaw l-iżnaturamenti tal-argumenti tal-appellanti, għandhom jiġu miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 32).

    85

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-tielet parti tat-tielet aggravju, li bih l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet li huma ma qajmu ebda argument dwar il-laqgħa tal-VCG tat-30 ta’ Ottubru 2001, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 316 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma jikkontestawx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali fit-territorju Belġjan u Franċiż, iżda huma jikkontestaw in-natura tal-aġir li seħħ matul l-imsemmija laqgħat. B’hekk, l-appellanti jsostnu li, peress li d-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan kull impriża kienu fil-livell tal-kumpannija omm u r-rappreżentanti tagħhom għal dawn il-laqgħat ma kellhom ebda marġni ta’ negozjati, l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet li seħħew f’dawn l-okkażjonijiet ma jistgħu jitqabblu ma’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet u għaldaqstant ma kellux għaldaqstant għan antikompetittiv. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-appellanti, fil-punt 110 tar-rikors tagħha għall-annullament u fil-punt 43 tar-replika tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, invokati insostenn ta’ dan l-appell formalment ikkontestaw l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet matul il-laqgħa tal-VCG tat-30 ta’ Ottubru 2001, huwa essenzjalment għar-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq. Issa, dawn il-motivi ġew, ġustament, miċħuda mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 318 tas-sentenza appellata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, minkejja l-formulazzjoni li tinsab fil-punt 321 tas-sentenza appellata u li tissuġġerixxi li l-appellanti ma kkontestawx in-natura antikompetittiva tal-laqgħa tat-30 ta’ Ottubru 2001, l-imsemmija formulazzjoni kienet irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet aggravju hija infondata.

    86

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-partijiet tat-tielet aggravju dwar l-iżnaturamenti tal-provi, għandu jitfakkar li żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament b’mod żbaljat. Madankollu, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika b’mod preċiż l-evidenza li allegatament ġiet żnaturata minn din tal-aħħar u jrid juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, allegatament wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 52).

    87

    Madankollu, is-seba’ parti tat-tielet aggravju, fl-intier tagħha, kif ukoll it-tmien, l-għaxar u l-ħdax il-parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn dawn jikkonċernaw l-iżnaturamenti tal-provi, huma bbażati fuq interpretazzjoni frammentarju u żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, l-appellanti jimmiraw, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti u l-provi, li ma taqax fil-kompetenza sabiex tagħmel dan fl-appell. Għaldaqstant, is-seba’, it-tmien, l-għaxar u l-ħdax-il parti tat-tielet aggravju, sa fejn jikkonċernaw l-iżnaturamenti tal-provi, huma inammissibbli.

    88

    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-partijiet tat-tielet aggravju dwar l-iżnaturamenti tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Marzu 2007, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, fir-rigward tat-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan l-aggravju, għalkemm l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali użat formulazzjonijiet impreċiżi, fil-punt 119 tas-sentenza appellata li fihom hija qieset li ż-żidiet fil-prezzijiet fil-qasam tal-viti u l-fittings, u mhux biss id-dħul mill-bejgħ, kienu diskussi waqt iż-żewġ laqgħat tal FSKI u li l-formulazzjoni li tinsab fil-punt 130 tal-imsemmija sentenza tista’ tinftiehem bħala li tindika li huma pparteċipaw f’iktar minn assoċjazzjoni ta’ diversi prodotti, dawn il-formulazzjonijiet, għalkemm impreċiżi, ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni li, qabel kollox, il-kuntatti bilaterali bejn l-impriżi kkonfermaw l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib bejn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, insegwitu l-appellanti kienu jafu bl-aġir kollużiv globali ikkritikat allegat jew setgħu raġonevolment jipprevedu li l-ksur ikkonstatat kien jikkonċerna dawn it-tliet sottogruppi, u, it-tielet nett, l-appellanti pparteċipaw fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-IFS li jikkonċernaw l-imsemmija tliet sottogruppi. Konsegwentement, dawn it-tieni u t-tielet partijiet ma jistgħux jirnexxu.

    89

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda r-raba’ parti tat-tielet aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-qari tal-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata ma jirrileva l-ebda żnaturament manifest tal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Marzu 2007. L-appellanti jimmiraw, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti u l-provi, li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell. Għaldaqstant, din ir-raba’ parti hija inammissibbli.

    90

    It-tielet nett, fir-rigward tat-tnax-il parti tat-tielet aggravju, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-laqgħat tal-IFS tal-14 ta’ Novembru 2001 u tal-FSKI tat-23 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Lulju 2002 u lanqas ibbażat il-konklużjoni tagħha fuq il-ksur ikkritikat ta’ dawn il-laqgħat u, fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar is-soluzzjoni adottata fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Villeroy & Boch Austria et vs Il-Kummissjoni (T‑373/10, T‑374/10, T‑382/10 u T‑402/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:455), kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il-Kummissjoni (T‑379/10 u T-381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457), li tqajjem ukoll fil-kuntest tas-seba’ parti tat-tielet aggravju, hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika s-sentenzi tagħha ma jkunx fil-prinċipju jestendi sabiex jimponi li jiġġustifika s-soluzzjoni adottata f’kawża oħra li għandha quddiemha, għalkemm tirrigwarda l-istess deċiżjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet aggravju fl-intier tagħha u s-seba’ parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn tikkonċerna l-argument dwar is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tas-16 ta’ Settembru 2013,Villeroy & Boch Austria et vs Il-Kummissjoni (T‑373/10, T‑374/10, T‑382/10 u T-402/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:455), u tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il-Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457), huma infondati.

    91

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-punt 324 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-formulazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali tiżnatura l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tal-aġir ikkritikat, jiġifieri ż-żidiet fil-prezzijiet li segwew ċiklu. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija formulazzjoni ma tikkontestax la n-natura antikompetittiva tal-laqgħa tal-AFICS tal-25 ta’ Frar 2004 u lanqas il-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-imsemmija laqgħa. Għaldaqstant, din ir-raba’ parti hija infondata.

    92

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq ir-raba ’ aggravju

    93

    Permezz tal-raba’ aggravju tagħhom, li fih żewġ partijiet, l-appellanti jsostnu żbalji proċedurali u ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-Artikolu 48(2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB, li jirriżultaw mill-ammissjoni ta’ provi li ma jistgħux ikunu preklużi, mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argumenti tardivi tal-Kummissjoni u miċ-ċaħda tat-talbiet għal miżuri istruttorji mingħajr motivazzjoni suffiċjenti.

    Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    94

    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ammettiet u evalwat il-provi kuntrarju essenzjali li ma kinux issemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Marzu 2007 jew fid-deċiżjoni kontenzjuża u li kienu, parzjalment, ġiet introdotti tardivament fil-proċeduri. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, allegatament ħadet inkunsiderazzjoni u użat kontra l-appellanti fis-sentenza appellata argumenti bil-miktub tardivi, invokati mill-Kummissjoni wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u dan, mingħajr ma tagħathom l-opportunità li jwieġbu għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    95

    F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali allegatament, fl-ewwel lok, fil punti 162 sa 167 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti li jirriżultaw mill-użu ta’ noti dwar il-laqgħa tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000 fid-deċiżjoni kontenzjuża u allegatament hija stess, billi awtorizzat u użat din il-prova, kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, din il-parti tas-sentenza appellata allegatament hija bbażata kompletament fuq argumenti tardivi tal-Kummissjoni, sa fejn dawn l-argumenti kienu invokati, għall-ewwel darba, iktar minn sena u nofs wara l-għeluq tas-proċedura bil-miktub. Konsegwentement, sa fejn ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmija argumenti, u mingħajr ma tat lill-appellanti għall-inqas l-opportunità li jwieġbu, għal darb’oħra, bil-miktub, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-dritt għal smigħ tal-appellanti.

    96

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali allegatament, fil-punti 226 et seq tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet b’mod żbaljat, ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti mill-Kummissjoni minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ noti relatati mal-laqgħa tal-IFS tad-9 ta’ April 2003 u, it-tieni nett, meta ħadet inkunsiderazzjoni dawn in-noti u l-ispjegazzjoni tardiva tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li dawn in-noti jinstabu fil-proċess tal-proċedura, hija stess wettqet żball proċedurali u kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

    97

    Fit-tielet lok, is-sentenza appellata allegatament hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-noti dwar il-laqgħat tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2003 imsemmija iktar ’il fuq, sa fejn il-Qorti Ġenerali użat dawn in-noti u ġibdet minnhom konsegwenzi fil-punti 213, 215, 228, 281 u 313 tas-sentenza appellata filwaqt li dawn il-provi ma jistgħux ikunu preklużi.

    98

    Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti kellhom aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li għalihom hija għamlet riferiment għalihom u li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuqhom ma jikkostitwixxix motiv ġdid, iżda kjarifika li intervjeniet fuq talba tal-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, hija sempliċiment wieġbet għall-argumenti mhux preċiżi tal-appellanti u dawn tal-aħħar kellhom l-opportunità li jiddibattu l-kwistjonijiet inkwistjoni matul is-seduta.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    99

    Huwa paċifiku li d-dritt għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni huma mmirat li jiżgura eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, drittijiet li, ladarba, jaqgħu fil-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u huma sanċiti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u li l-ksur ta’ dan id-dritt ta’ aċċess matul il-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jista’, fil-prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni meta jkun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-entenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punti 126127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    F’każ bħal dan, il-ksur li jseħħ ma jiġix irrettifikat mis-sempliċi fatt li l-aċċess għall-proċess sar possibbli matul il-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna rikors eventwali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Meta l-aċċess ġie żgurat f’dan l-istadju, l-impriża kkonċernata għandha turi mhux li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux żvelati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li l-imsemmija dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    101

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tan-noti dwar il-laqgħa tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000, mill-punti 165 sa 167 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fl-ewwel lok, l-imsemmija noti kienu saru disponibbli lill-appellanti qabel il-proċedura ġudizzjarja, it-tieni nett, li huma ssemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Marzu 2007 u, it-tielet nett, li huma kienu s-suġġett ta’ dibattitu quddiem il-Qorti Ġenerali.

    102

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-noti dwar il-laqgħa tal-IFS tad-9 ta’ April 2003, mill-punt 226 tas-sentenza appellata, minn naħa, jirriżulta li l-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn tal-aħħar kienet disponibbli lill-appellanti qabel il-proċedura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kkonfermat, fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Marzu 2013, li l-ewwel paġna ta’ dawn in-noti kienet aċċessibbli mingħajr restrizzjonijiet u li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tieni paġna setgħet tiġi kkonsultata fil-fajl tagħha. L-imsemmija paġni kienu wkoll is-suġġett ta’ dibattitu quddiem il-Qorti Ġenerali.

    103

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tirreferix għall-imsemmija noti fl-intier tagħhom, iżda biss paġna jew anness tagħhom, ma hijiex tali li twassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti huma biżżejjed sabiex jiġi identifikat id-dokument ikkonċernat.

    104

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegati argumenti tardivi tal-Kummissjoni, dwar id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, huma biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punti 29 sa 38 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għamlet il-mistoqsijiet bil-miktub lill-appellanti u li lill-Kummissjoni u li saret seduta fl-20 ta’ Marzu 2013. Għaldaqstant, l-argumenti li saru bil-miktub għat-talba tal-Qorti Ġenerali u li jservu sabiex jiċċaraw xi punti ta’ diskussjoni qabel ma dawn kienu diskussi waqt seduta ma jistgħux jitqiesu bħala tardivi. Barra minn hekk, l-allegata natura tardiva ta’ dawn l-argumenti ma tikkontestax il-fatt li l-appellanti kellhom effettivament aċċess għan-noti dwar il-laqgħat tal-IFS tal-5 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2003.

    105

    F’tali ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u lanqas id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    106

    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tisma x-xhieda kontrihom kiser id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq. Il-Qorti Ġenerali allegatament ma laqgħetx waħda mill-miżuri istruttorji mressqa mill-appellanti. B’hekk, meta ċaħdet sommarjament dawn it-talbiet fil-punti 35, 200, 214, 236, 240, 245, 270, 283 u 305 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret id-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll l-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB.

    107

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-setgħa tal-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa r-rilevanza ta’ talba għal miżuri istruttorji fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima u l-ħtieġa li jinstemgħu ix-xhieda hija rrikonċiljabbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    108

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi fir-rigward tal-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. Il-kwistjoni ta’ jekk il-provi li ġew ippreżentati quddiemha humiex suffiċjenti għandha tiġi eżaminata minnha biss u ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għajr fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-atti tal-proċess (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Deltafina vs Il-Kummissjoni, C‑578/11 P, EU:C:2014:1742, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    109

    Sussegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk talba għas-smigħ ta’ xhieda, magħmula fir-rikors, tindika bi preċiżjoni il-fatti li fuqhom hemm lok li jinstema’ jew jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u l-motivi li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-tilwima u l-ħtieġa li l-xhieda jiġu prodotti fis-seduta (ara s-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C-489/11 P u C-498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 323 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    110

    Finalment, din is-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali hija rrikonċiljabbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB. Fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tirrikonoxxix lill-akkużat dritt assolut li jikseb id-dehra tax-xhieda quddiem qorti u li fil-prinċipju hija l-qorti li tiddeċiedi dwar il-ħtieġa jew l-opportunità li jsejjaħ xhud. L-Artikolu 6(3) tal-KEDB ma timponix is-sejħa ta’ kwalunkwe xhud, iżda hija mmirata lejn opportunitajiet ugwali għall-partijiet li tiżgura li l-proċedura kontenzjuża, meqjusa kollha kemm hi, ipprovdiet lill-akkużat opportunità adegwata u xierqa li jikkontesta s-suspetti kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 324 u 325 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    111

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tar-raba’ aggravju, kif ukoll ir-raba’ aggravju fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq il-ħames aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    112

    Il-ħames aggravju tal-appellanti, li fih żewġ partijiet li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE, sa fejn jikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ ksur uniku u kontinwu u r-responsabbiltà tal-appellanti f’dan ir-rigward.

    113

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, la fil-punti 118 sa 128 tas-sentenza appellata u lanqas f’xi silta oħra ta’ din is-sentenza, ma immotivat biżżejjed il-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ komplimentarjetà bejn il-prattiki kkonstatati, li tikkostitwixxi kundizzjoni għall-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala ksur wieħed.

    114

    Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat, fil-punti 180 et seq tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur uniku u kontinwu, b’mod żbaljat, b’mod partikolari minħabba li ksur uniku u kontinwu jista’ fil-prinċipju jiġi rrikonoxxut biss bejn il-kompetituri u fi kwalunkwe każ, li hija ma setgħetx tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi li jinsabu fil-proċess, li l-appellanti ħadet sehem f’tali ksur.

    115

    Il-Kummissjoni twieġeb li l-Qorti Ġenerali analizzat diversi aġir fil-grupp ta’ impriżi kkonċernati f’ċertu numru ta’ punti tas-sentenza appellata u li hija rreferiet għall-punti rilevanti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari, li l-komplimentarjetà tal-prattiki ma hijiex kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u l-assenza allegata ta’ analiżi f’dan ir-rigward ma tikkostitwixxix għaldaqstant nuqqas ta’ motivazzjoni.

    116

    Rigward it-tieni parti tal-ħames aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE iseħħ ukoll jekk l-aġir ta’ impriża, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, għandu l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, mingħajr ma jkun neċessarju li din l-impriża tkun hija stess attiva f’dan is-suq. Hija żiedet li l-parteċipanti, f’dan il-każ, jaqblu mal-għan ekonomiku uniformi permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat kollużivi. Sabiex timputa lill-appellanti l-aġir illegali implementat minn impriżi oħra, huwa suffiċjenti li huma kienu jafu b’dan l-aġir jew setgħu raġonevolment jipprevedu dan. Il-Qorti Ġenerali, f’diversi okkażjonijiet, eżaminaw il-laqgħat tal-akkordju kkonċernati, filwaqt li stabbiliet li l-informazzjoni rilevanti kienet ġiet ikkomunikata bejn il-manifatturi tat-tliet gruppi ta’ prodotti, li jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-“għarfien jew il-preżunzjoni ta’ għarfien tal-aġir illegali”.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    117

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan generali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    118

    Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba l-aġir tagħha stess, f’għamla ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) KE u li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implementat minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    119

    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk ta’ dan il-ksur kollu kemm hu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu filwaqt li jkollha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur kollu kemm hu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    120

    A contrario, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-għamliet ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir illegali l-ieħor kollu previst jew implementat minn dawn il-parteċipanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet komuni, jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta dan ir-riskju, il-Kummissjoni għandha dritt timputa responsabbiltà fuq din l-impriża biss fir-rigward tal-aġir li fih hija pparteċipat direttament għall-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fil-kisba tal-istess għanijiet tagħha, fejn ikun ġie pprovat li hija kellha għarfien ta’ dan jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, punt 159 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    121

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta, sabiex aġir differenti jiġi kkwalifikat bħala ksur uniku u kontinwat, li tivverifika jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex iwieġeb għal konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ “għan uniku” jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk ma jkunx hemm elementi li jikkaratterizzaw l-aġir differenti li jagħmel parti mill-ksur li jista’ jindika li l-aġir materjalment implementat minn impriżi oħra ma għandux l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u ma jaqax, konsegwentement, fi “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tiegħu ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247248).

    122

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 101(1) KE jikkonċerna biss jew l-impriżi attivi fis-suq affettwat bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew anki fis-swieq upstream, downstream jew qrib tal-imsemmi suq, jew l-impriżi li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 101(1) KE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li, fir-rapporti kemm orizzontali kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”. It-tieni nett, din tal-aħħar fakkret, fil-punti 93 sa 108 tal-imsemmija sentenza, il-ġurisprudenza dwar l-oneru tal-prova. It-tielet nett, din tal-aħħar stħarrġet, fil-punti 111 sa 147 tal-imsemmija sentenza, fil-kuntest tal-eżami tal-aggravju tal-appellanti dwar il-klassifikazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu, jekk il-prattiki u l-aġir illegali humiex parti minn “pjan ġenerali”.

    124

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-prattiki u l-aġir illegali inkwistjoni humiex parti minn “pjan ġenerali” u ladarba r-relazzjoni kompetittiva bejn l-impriżi parteċipanti ma hijiex kundizzjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ aġir antikompetittiv bħala ksur uniku u kontinwu, ma tistax din tal-aħħar tiġi kkritikata talli mmotivat mhux b’mod suffiċjenti l-eżami tal-klassifikazzjoni tal-prattiki u tal-aġir inkwistjoni bħala ksur wieħed u kontinwu.

    125

    B’hekk, meta kkunsidrat li l-appellanti huma, minn naħa, responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni diretta fil-ksur ikkritikat u min-naħa l-oħra, responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni indiretta f’dan tal-aħħar, sa fejn kien jafu bl-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħu raġonevolment jipprevedu dan l-aġir u kienu lesti jaċċettaw ir-riskju, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

    126

    Għaldaqstant, il-ħames aggravju huwa infondat.

    Fuq is-sitt motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    127

    Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, li fih tliet partijiet, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE meta kkunsidrat li d-diskussjonijiet li seħħew matul il-laqgħat differenti għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet intenzjonati fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll meta assumiet li l-appellanti kellhom l-obbligu li jitbiegħdu mid-diskussjonijiet tal-impriżi mhux kompetituri.

    128

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li prattika miftiehma tista’, fil-prinċipju, teżisti biss nżammu bejn impriżi li i jikkompetu ma’ xulxin. Issa, meta qieset, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, li skambju ta’ informazzjoni sensittiva seta’, fih innifsu, ikun antikompetittiv, il-Qorti Ġenerali bbażat fuq kriterju ineżatt u allegatament naqset li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku tad-diskussjonijiet ikkonċernati. Konsegwentement, kien hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    129

    Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 101 TFUE, fil-punti 251 u 252 tas-sentenza appellata, li sabiex teżonera mir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, l-appellanti kellhom jitbiegħdu mid-diskussjonijiet kollha li seħħew fi ħdan l-IFS li għalihom huma pparteċipaw. Issa, ma kien hemm l-ebda preżunzjoni fir-rigward tan-natura antikompetittiva ta’ ftehim bejn impriżi mhux kompetituri. Skont l-appellanti, għaldaqstant, mill-preżenza tagħhom fid-diskussjonijiet dwar suġġetti relatati mas-swieq li fihom huma ma huma ma humiex attivi ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet dwar il-fatt li huma jsostnu inizjattiva illegali.

    130

    Permezz tat-tielet parti tas-sitt aggravju, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE meta qieset, fil-punti 235, 239 u 298 tas-sentenza appellata, li “tentattiv ta’ ftehim” mingħajr provi tal-eżistenza ta’ tali ftehim huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika miftiehma. Skont l-appellanti, “tentattiv ta’ fehim” ta’ impriżi li ma humiex kompetituri ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    131

    Il-Kummissjoni ssostni li r-relazzjoni kompetittiva ġiet stabbilita għal laqgħat tal-akkordju li fihom l-appellanti ma kinux l-uniċi manifatturi tal-oġġetti taċ-ċeramika. Skontha, il-pressjoni allegatament eżerċitata mill-grossisti ma ċaħditx lill-appellanti mill-awtonomija tagħhom. Barra minn hekk, huma mhux biss kellhom l-opportunità li jirreaġixxu individwalment, iżda allegatament għażlu wkoll prattika kollużiva konġunta u allegatament ippruvaw li jaqblu fuq dati għall-introduzzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni tenfasizza li, kuntrarjament għall-argumenti tal-appellanti, l-iskambju ta’ informazzjoni diġà kiser l-Artikolu 101 TFUE sa fejn jikkostitwixxi l-bażi ta’ mekkaniżmu antikompetittiv ieħor.

    132

    Il-Kummissjoni ssostni li d-diskussjoni dwar il-prezzijiet ma tikkonċernax esklużivament swieq terzi. Bl-istess mod, l-obbligi li jitbiegħdu mid-diskussjonijiet li saru fi ħdan l-IFS joriġina min-natura tal-ksur bħala uniku u kontinwu. B’mod partikolari, l-appellanti sostnew ir-responsabbiltà għall-aġir illegali adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sa fejn huma kienu jafu jew kellhom ikunu jafu bl-imsemmi aġir.

    133

    Il-Kummissjoni tfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa biżżejjed li impriża tikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tagħha fit-tħejjija għal ftehim antikompetittiv sabiex tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal Artikolu 101 TFUE. Din l-istituzzjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad is-sitt aggravju fl-intier tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    134

    Qabel kollox, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE jikkostitwixxi l-bażi ta’ mekkaniżmu antikompetittiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 281).

    135

    Insegwitu, il-fatt li sar skambju ta’ informazzjoni kummerċjali bejn il-kompetituri fil-preparazzjoni għal ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li jintwera li dawn il-kompetituri impenjaw ruħhom formalment li jadottaw aġir partikolari jew li jkunu ffissaw bejniethom l-aġir futur tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 40).

    136

    Fl-aħħar nett, l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tkun irrapportata lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur li b’hekk huwa tali li tinvolvi responsabbiltà tal-impriża fil-kuntest ta’ ftehim wieħed. Barra minn hekk, il-fatt li impriża ma tatx segwitu għar-riżultati ta’ laqgħa li jkollha għan antikompetittiv ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi r-responsabbiltà tal-fatt tal-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, sakemm hija ma tkunx pubblikament tbiegħdet mil-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 143144).

    137

    Peress li, kif jirriżulta mill-punt 124 ta’ din is-sentenza, ir-relazzjoni kompetittiva bejn l-impriżi kumpaniji parteċipanti ma hijiex kundizzjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ aġir antikompetittiv, bħal dak inkwistjoni, bħala ksur wieħed u kontinwu, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti jikkunsidraw li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 134 sa 136 ta’ din is-sentenza ma hijiex applikabbli fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwu.

    138

    Fil-fatt, kieku l-argument tal-appellanti kellu jintlaqa’, dan iċaħħad il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu minn parti mis-sens tiegħu, peress li tali interpretazzjoni teżonera lill-impriżi li jipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu minn kwalunkwe responsabbiltà indiretta għall-aġir ta’ impriżi li ma humiex kompetituri li, madankollu, jikkontribwixxi bl-aġir tagħhom fit-twettiq tal-pjan globali li huwa speċifiku għall-ksur uniku u kontinwu.

    139

    Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti jistgħu jinżammu responsabbli kemm għall-parteċipazzjoni tagħhom diretta fl-akkordju inkwistjoni kif ukoll għall-parteċipazzjoni indiretta f’dan tal-aħħar, sa fejn kien jafu tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implementat mill-parteċipanti l-oħra għal dan l-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħu raġonevolment jipprevedu dan l-aġir u kienu lesti jaċċettaw ir-riskju.

    140

    Mill-kunsiderazzjoni preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju huwa infondat.

    141

    Minħabba li l-ebda wieħed mit-tmien aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    142

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    143

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li sar applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu l-kawża, hemm lok li dawn jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Duravit AG, Duravit SA u Duravit BeLux SPRL/BVBA huma kkundannati għall-ispejjeż tal-kawża.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq