EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0689

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2017.
W. F. Gözze Frottierweberei GmbH u Wolfgang Gözze vs Verein Bremer Baumwollbörse.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikoli 9 u 15 – Preżentazzjoni tas-sinjal fjura tal-qoton minn assoċjazzjoni – Reġistrazzjoni inkwantu trade mark individwali – Konċessjoni ta’ liċenzji ta’ użu ta’ din it-trade mark lill-produtturi ta’ tessuti tal-qoton affiljati ma’ din l-assoċjazzjoni – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ta’ revoka – Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ – Funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini.
Kawża C-689/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:434

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

8 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikoli 9 u 15 — Preżentazzjoni tas-sinjal fjura tal-qoton minn assoċjazzjoni — Reġistrazzjoni inkwantu trade mark individwali — Konċessjoni ta’ liċenzji ta’ użu ta’ din it-trade mark lill-produtturi ta’ tessuti tal-qoton affiljati ma’ din l-assoċjazzjoni — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ta’ revoka — Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ — Funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini”

Fil-Kawża C‑689/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

W. F. Gözze Frottierweberei GmbH,

Wolfgang Gözze

vs

Verein Bremer Baumwollbörse,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal W. F. Gözze Frottierweberei GmbH u W. Gözze, minn M. Hermans u I. Heß, avukati,

għal Verein Bremer Baumwollbörse, minn C. Opatz, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann, T. Henze u J. Techert, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn W. F. Gözze Frottierweberei GmbH (iktar ’il quddiem “Gözze”) u Wolfgang Gözze u l-Verein Bremer Baumwollbörse (iktar ’il quddiem il-“VBB”) rigward, minn naħa, l-użu minn Gözze ta’ sinjal li jixbah trade mark tal-Unjoni Ewropea li l-VBB hija proprjetarja tagħha u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ użu ġenwin ta’ din it-trade mark.

Il-kuntest ġuridiku

3

Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa eżaminat fir-rigward tar-Regolament Nru 207/2009 kif kien fis-seħħ qabel din l-emenda.

4

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

5

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

a)

sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4;

b)

trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

d)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[…]

g)

trade marks li huma ta’ natura li tista’ tqarraq bil-pubbliku, per eżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi,

[…]”.

6

Skont l-Artikolu 9(1) tal-istess regolament:

“It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

[…]”

7

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

“1.   Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin [fl-Unjoni] mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

[…]

2.   L-użu ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju.”

8

L-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tista’ tiġi liċenzjata fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, jew fir-rigward ta’ kollha, għall-[Unjoni] kollha jew għal parti minnha. […]”

9

Skont l-Artikolu 51(1) tal-imsemmi regolament:

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark [fl-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu […];

b)

jekk, bħala konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, it-trade mark tkun saret l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew servizz li għalih tkun reġistrata;

c)

jekk, bħala konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, it-trade mark aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew tal-oriġini ġeografika ta’ dawk il-prodotti jew servizzi.”

10

L-Artikolu 52(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

a)

meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

[…]”

11

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 jiddisponi:

“1.   Marka kollettiva [tal-Unjoni Ewropea] hija trade mark [tal-Unjoni Ewropea] li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. […]

2.   B’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki kollettivi [tal-Unjoni Ewropea] skont it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din il-marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal marki kolletivi Komunitarji, sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprovdux mod ieħor.”

12

L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   L-applikant għal marka kollettiva [tal-Unjoni Ewropea] għandu jissottometti regolamenti li jirregolaw l-użu tagħha fi żmien il-perjodu preskritt.

2.   Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-kundizzjonijiet għal adeżjoni fl-assoċjazzjoni u, fejn dawn jeżistu, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet. Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka msemmija fl-Artikolu 66(2) għandhom jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew servizzi tagħha joriġinaw miz-zona ġeografika in kwistjoni sabiex din issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tal-marka.

[…]”

13

L-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-proprjetarju ta’ marka kollettiva [tal-Unjoni Ewropea] għandu jissottometti lill-[EUIPO] kull regolamenti emendati li jirregolaw l-użu.

2.   L-emenda m’għandhiex tissemma fir-Reġistru jekk ir-regolamenti emendati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 67 jew jinvolvu waħda mir-raġunijiet għal ċaħda […]

[…]”

14

Skont l-Artikolu 73 tal-istess regolament:

“Minbarra r-raġunijiet għal revoka msemmija fl-Artikolu 51, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ marka [tal-Unjoni Ewropea] kollettiva għandhom jiġu revokati fuq applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, jekk:

a)

il-proprjetarju ma jieħux passi raġonevoli sabiex jipprevjeni li l-marka tintuża b’mod li huwa inkumpatibbli mal-kundizzjonijiet tal-użu, jekk dawn ikunu jeżistu, li jinsabu fir-regolamenti li jirregolaw l-użu, u l-emendi ta’ liem, fejn dan huwa approprjat, huma msemmija fir-Reġistru;

[…]

c)

tkun saret referenza fir-Reġistru għal emenda tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka, u dana bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71(2), sakemm il-proprjetarju tal-marka ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jemenda ulterjorment ir-regolamenti li jirregolaw l-użu.”

15

Il-verżjoni tar-Regolament Nru 207/2009 li tirriżulta mir-Regolament 2015/2424 tinkludi taqsima ġdida, intitolata “Marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE”, komposta mill-Artikoli 74a sa 74K tar-Regolament Nru 207/2009.

16

Skond l-Artikolu 74a:

“1.   Il-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għandha tkun trademark tal-UE li tkun deskritta bħala tali meta l-marka ssir l-applikazzjoni għaliha u tkun kapaċi tiddistingwi l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi, bl-eċċezzjoni tal-oriġini ġeografika, minn oġġetti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod.

2.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi istituzzjonijiet, awtoritajiet u korpi rregolati mid-dritt pubbliku, tista’ tapplika għal marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE dment li tali persuna ma twettaqx negozju li jinvolvi l-forniment ta’ oġġetti jew servizzi tat-tip iċċertifikat.

[…]”

17

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2015/2424, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 15 u 16 ta’ din is-sentenza ser japplikaw, essenzjalment, mill-1 ta’ Ottubru 2017.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Il-VBB hija assoċjazzjoni li teżerċita diversi attivitajiet marbuta mal-qoton. Hija proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li ġejja, irreġistrata fit-22 ta’ Mejju 2008 għal prodotti, b’mod partikolari tessuti (iktar ’il quddiem it-“trade mark fjura tal-qoton”):

Image

19

Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti waqt is-seduta quddiemha jirriżulta li, matul diversi deċennji qabel din ir-reġistrazzjoni, dan l-istess sinjal figurattiv (iktar ’il quddiem is-“sinjal fjura tal-qoton”) intuża mill-produtturi tat-tessuti li jinħadmu mill-fibri tal-qoton sabiex jiġu ċċertifikati l-kompożizzjoni u l-kwalità tal-prodotti tagħhom.

20

Sa minn din ir-reġistrazzjoni, il-VBB ikkonkludiet kuntratti ta’ liċenzja relatati mat-trade mark tagħha fjura tal-qoton mal-impriżi li kienu affiljati ma’ din l-assoċjazzjoni. Dawn l-impriżi ntrabtu li ma jużawx din it-trade mark ħlief għal prodotti li jinħadmu minn fibri tal-qoton ta’ kwalità tajba. L-osservanza ta’ dan l-impenn tista’ tiġi kkontrollata mill-VBB.

21

Gözze, immexxija minn W. Gözze, mhux affiljata mal-VBB u li ma kkonkludietx kuntratt ta’ liċenzja ma’ din l-assoċjazzjoni, tipproduċi tessuti maħduma minn fibri tal-qoton u fuqhom twaħħal is-sinjal fjura tal-qoton sa minn diversi deċennji.

22

Fil-11 ta’ Frar 2014, il-VBB bdiet proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra Gözze u W. Gözze quddiem il-qorti kompetenti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), minħabba l-bejgħ minn Gözze ta’ xugamani li fuqhom jitwaħħlu tikketti li jintrabtu minn taħt, li n-naħa ta’ quddiem hija riprodotta hawn taħt:

Image

23

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fl-14 ta’ April 2014, Gözze ressqet kontrotalba intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark fjura tal-qoton mit-22 ta’ Mejju 2008, jew sussidjarjament ir-revoka ta’ din it-trade mark mit-23 ta’ Mejju 2013.

24

Fil-fehma tagħha, is-sinjal fjura tal-qoton huwa purament deskrittiv u għalhekk mingħajr karattru distintiv. Dan is-sinjal ma jistax iservi bħala indikazzjoni ta’ oriġini, billi ma kienx is-suġġett, fit-terminu previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ użu ġenwin mill-VBB jew mill-persuni liċenzjati tagħha, u fi kwalunkwe każ, ma kellux jiġi rreġistrat bħala trade mark.

25

B’sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) laqgħet il-proċedimenti tal-VBB u ċaħdet il-kontrotalba ta’ Gözze.

26

Din il-qorti qieset li s-sinjal inkwistjoni jista’ jservi bħala indikazzjoni ta’ oriġini. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ livell għoli ta’ xebh bejn is-sinjal fjura tal-qoton użat fuq it-tikketti ta’ Gözze u t-trade mark fjura tal-qoton tal-VBB, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

27

Gözze appellat din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il‑Ġermanja).

28

Din l-aħħar qorti taqbel, ċertament, mal-konstatazzjoni tal-ewwel qorti li s-sinjal fjura tal-qoton imwaħħal minn Gözze fuq il-prodotti tagħha jippreżenta livell għoli ta’ xebh mat-trade mark fjura tal-qoton tal-VBB peress li jvarja biss fir-rigward tal-kulur li Gözze jistampah bih abitwalment.

29

Madankollu, hija tqis li l-użu magħmul minn Gözze tas-sinjal fjura tal-qoton għal prodotti identiċi mhux neċessarjament iwassal għall-fondatezza tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni mressqa mill-VBB. Fil-fatt, il-pubbliku qabelxejn jara f’dan is-sinjal kif ukoll fit-trade mark fjura tal-qoton “tikketta ta’ kwalità”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ dan is-sinjal u ta’ din it-trade mark ma jittrażmetti l-ebda messaġġ li jikkonċerna l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni. Dan jista’ jwassal sabiex jiġi konkluż, minn naħa, li d-drittijiet tal-VBB fuq it-trade mark fjura tal-qoton għandhom jiġu rrevokati minħabba nuqqas ta’ “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u, min-naħa l-oħra, li Gözze ma twettaqx vjolazzjoni.

30

L‑Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tistaqsi, minbarra dan, dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, it-trade mark għandhiex titqies bħala ta’ natura li tqarraq lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-VBB tikkontrolla eċċezzjonalment biss il-kwalità tal-prodotti mibjugħa mill-persuni liċenzjati tagħha.

31

Fl-aħħar nett, din il-qorti tikkunsidra li, skont il-każ, jista’ jitqies li l-użu ta’ trade mark individwali tal-Unjoni Ewropea bħat-trade mark fjura tal-qoton jiġi assimilat ma’ użu ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea. Dan jippermetti li jitqies, abbażi tal-prinċipji applikabbli għat-trade marks kollettivi, li t-twaħħil ta’ tali trade mark fuq prodotti jservi bħala indikazzjoni ta’ oriġini meta l-pubbliku jorbot ma’ dan it-twaħħil l-aspettattiva ta’ kontroll ta’ kwalità mwettaq mill-proprjetarju tat-trade mark. Kieku dan ir-raġunament kellu jiġi segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement jista’ jiġi maħsub, b’analoġija, li jiġi applikat l-Artikolu 73(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li hemm lok li l-proprjetarju ta’ tali trade mark jiġi ddikjarat li d-drittijiet tiegħu jiġu rrevokati jekk ma jiħux il-miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni użu tat-trade mark mhux konformi mal-kundizzjonijiet ta’ użu previsti mir-regolamenti li jirregolaw l-użu.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-użu, bħala tikketta ta’ kwalità, ta’ trade mark individwali jista’ jitqies li huwa użu bħala trade mark fis-sens tal-Artikoli 9(1) u 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 fir-rigward tal-prodotti li għalihom tintuża din it-tikketta?

2)

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: għandha, konformement mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 52(1)(a) u 7(1)(g) jew ma’ applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 73(c) tar-Regolament Nru 207/2009 tiġi ddikjarata r-revoka ta’ tali trade mark meta l-proprjetarju tat-trade mark ma jiżgurax, permezz ta’ kontrolli ta’ kwalità regolari fost il-persuni liċenzjati minnu, il-konformità mal-aspettattivi fir-rigward tal-kwalità li l-pubbliku jassoċja ma’ dan is-sinjal?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-twaħħil ta’ trade mark individwali tal-Unjoni Ewropea, mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, fuq prodotti inkwantu tikketta ta’ kwalità huwa użu inkwantu trade mark li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ġenwin” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark jibqa’ awtorizzat sabiex jipprojbixxi, skont l-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament, it-twaħħil minn terz ta’ sinjal li jixxiebah fuq prodotti identiċi quddiem probabbiltà ta’ konfużjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni.

34

Fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jirriżulta mingħajr ambigwità minn din id-dispożizzjoni li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li fih ma huwiex ikkontestat li t-terzi, jiġifieri Gözze, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, tagħmel użu fin-negozju minn sinjal li jixbah din it-trade mark għal prodotti identiċi, dan il-proprjetarju huwa awtorizzat jipprojbixxi dan l-użu jekk dan joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku.

35

Dan huwa l-każ meta jkun hemm riskju li l-pubbliku jemmen li l-prodotti jew is-servizzi identifikati mis-sinjal użat mit-terzi u dawk identifikati mit-trade mark ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, EU:C:2005:594, punt 26; tal-10 ta’ April 2008, adidas u adidas Benelux, C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 28, kif ukoll tal-25 ta’ Marzu 2010, BergSpechte, C‑278/08, EU:C:2010:163, punt 38).

36

Fir-rigward tal-livell għoli ta’ xebh bejn is-sinjal fjura tal-qoton imwaħħal fuq it-tessuti tal-qoton mibjugħa minn Gözze u t-trade mark fjura tal-qoton imwaħħla fuqhom mibjugħa mill-persuni liċenzjati tal-VBB, huwa diġà kkonstatat, mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dan is-sinjal u din it-trade mark. Madankollu, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, minħabba l-assenza ta’ “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-VBB tistax tibbaża ruħha iktar fuq din it-trade mark. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, din il-qorti tikkunsidra li tilqa’ l-kontrotalba ta’ Gözze intiża għar-revoka tat-trade mark fjura tal-qoton.

37

F’dak li jikkonċerna dan l-Artikolu 15(1), hija ġurisprudenza stabbilita li trade mark hija s-suġġett ta’ “użu ġenwin” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tintuża, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiżgura l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn tal-aħħar, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43; tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, EU:C:2007:514, punt 72, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 29).

38

F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-twaħħil, mill-persuni liċenzjati tal-VBB, tat-trade mark fjura tal-qoton fuq il-prodotti tagħhom, jagħmel parti mill-għan li jinħoloq u li jinżamm suq għal dawn il-prodotti.

39

Madankollu, iċ-ċirkustanza li trade mark tintuża sabiex jinħoloq jew jinżamm suq għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata u mhux bl-għan biss li jinżammu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

40

Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, huwa għaldaqstant indispensabbli li dan l-użu tat-trade mark isir skont il-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

41

Fir-rigward tat-trade marks individwali, din il-funzjoni essenzjali tikkonsisti li lill-konsumatur jew lill-utent finali tiġi ggarantita l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz identifikat mit-trade mark, li tippermettilu li jiddistingwi mingħjar konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha bħala element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha identifikati minnha jkunu ġew prodotti jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 28; tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 48, u tas-6 ta’ Marzu 2014, Backaldrin Österreich The Kornspitz Company, C‑409/12, EU:C:2014:130, punt 20).

42

In-neċessità, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ użu konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tirrifletti l-fatt li, għalkemm, ċertament, trade mark tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ użi konformi ma’ funzjonijiet oħra, bħal dik li tikkonsisti li tiġi ggarantita l-kwalità jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar (ara, b’mod partikolari, dwar dan is-suġġett, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 58, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 38), madankollu din hija suġġetta għas-sanzjonijiet previsti f’dan ir-regolament meta, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, hija ma tkunx intużat konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha. F’dan il-każ, il-proprjetajru tat-trade mark huwa, skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, iddikjarat li d-drittijiet tiegħu huma rrevokati, sakemm huwa jkun jista’ jibbaża ruħu fuq motivi ġusti talli ma bediex użu li jippermetti lit-trade mark li tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha.

43

Huwa fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq li hawnhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-użu ta’ trade mark individwali bħal dik fil-kawża prinċipali inkwantu tikketta ta’ kwalità jistax jitqies bħala li sar konformement mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

44

F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark ma tiġix konfuża mal-funzjonijiet l-oħra, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li t-trade mark tista’, skont il-każ, tissodisfa, bħal dik li tikkonsisti li tiġi ggarantita l-kwalità.

45

Meta l-użu ta’ trade mark individwali, filwaqt li jiċċertifika l-kompożizzjoni jew il-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi, ma jiggarantixxix lill-konsumaturi li dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi jkunu ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti jew ipprovduti u li konsegwentement lilha tista’ tiġi attribbwita r-responsabbiltà tal-kwalità ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, tali użu ma jsirx konformement mal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini.

46

Isegwi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma hemmx użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark individwali meta t-twaħħil tagħha fuq prodotti għandu bħala funzjoni unikament li jikkostitwixxi tikketta ta’ kwalita għal dawn il-prodotti u mhux dik li barra minn hekk jiġi ggarantit li l-prodotti ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom.

47

Fil-kawża prinċipali, il-VBB esponiet, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija assoċjazzjoni fuq awtorizzazzjoni tal-Istat (kraft staatlicher Verleihung), li hija tinvesti l-mezzi finanzjarji bbażati fuq il-konċessjoni ta’ liċenzji fuq it-trade mark tagħha f’attivitajiet ta’ promozzjoni tal-qoton, li hija tippubblika materjal edukattiv dwar il-qoton u torganizza seminars fuq dan is-suġġett, li hija taġixxi wkoll bħala tribunal arbitrarju u barra minn hekk teżerċita funzjoni pubblika billi tipparteċipa fl-iffissar tal-“prezz CIF Bremen”, li jesprimi valur ta’ referenza tal-qoton fis-suq.

48

Is-suġġett ta’ din l-assoċjazzjoni, hekk kif espost mill-VBB quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iħalli x’jinftiehem li din l-assoċjazzjoni hija esterna għall-produzzjoni tal-prodotti tal-persuni liċenzjati tagħha u lanqas ma hija responsabbli għal dawn il-prodotti.

49

Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tad-data kollha li tressqet quddiemha mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jekk elementi rilevanti u konkordanti jippermettux li jiġi kkunsidrat li t-twaħħil tat-trade mark fjura tal-qoton tal-VBB mill-persuni liċenzjati ta’ din l-assoċjazzjoni fuq il-prodotti tagħhom jiggarantixxi lill-konsumaturi li dawn il-prodotti ġejjin minn impriża waħda, jiġifieri l-VBB ikkostitwita mill-affiljati tagħha, li taħt il-kontroll tagħha dawn il-prodotti huma mmanifatturati u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom.

50

Fi kwalunkwe każ, ma jistax jikkostitwixxi tali element, il-fatt li l-kuntratti ta’ liċenzja jawtorizzaw lill-VBB tivverifika li l-persuni liċenzjati jużaw esklużivament fibri tal-qoton ta’ kwalità tajba. Dan il-fatt jimplika l-iktar li VBB tiċċertifika l-kwalità tal-materja prima użata. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 u mill-Artikolu 74a miżjud ma’ dan ir-regolament bir-Regolament Nru 2015/2424, tali ċertifikazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tkun biżżejjed sabiex jitqies li trade mark minbarra dik individwali tissodisfa l-funzjoni tagħha bħala indikazzjoni ta’ oriġini. Fil-fatt, dan l-Artikolu 66 jippreċiża li trade mark kollettiva tissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tagħha meta hija tiddistingwi bejn “[i]l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn” u dan l-Artikolu 74a jistabbilixxi li trade mark ta’ ċertifikazzjoni tissodisfa din il-funzjoni meta hija tiddistingwi bejn “l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi […] minn oġġetti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod”. Madankollu, il-kawża prinċipli tirrigwarda trade mark individwali, irreġistrata għal prodotti. Hekk kif ġie espost fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, tali trade mark tissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tagħha meta l-użu tagħha jiggarantixxi lill-konsumaturi li l-prodotti li hija tidentifika ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha dawn il-prodotti huma mmanifatturati u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità ta’ dawn il-prodotti, fl-istat finali tagħhom wara l-proċess ta’ manifattura.

51

Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twaħħil ta’ trade mark individwali tal-Unjoni Ewropea, mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, fuq prodotti inkwantu tikketta ta’ kwalità ma huwiex użu inkwantu trade mark li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ġenwin” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu t-twaħħil ta’ din it-trade mark jikkostitwixxi tali użu ġenwin jekk dan jiggarantixxi, ukoll u simultanjament, lill-konsumaturi li dawn il-prodotti ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha dawn il-prodotti huma mmanifatturati u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom. F’din l-aħħar ipoteżi, il-proprjetarju ta’ din it-trade mark huwa awtorizzat sabiex jipprojbixxi, skont l-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament, it-twaħħil minn terz ta’ sinjal li jixxiebah fuq prodotti identiċi, jekk dan it-twaħħil joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku.

Fuq it-tieni domanda

52

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li trade mark individwali tista’ tiġi ddikjarata invalida meta l-proprjetarju tat-trade mark ma jiggarantixxix, peremzz ta’ kontrolli ta’ kwalità regolari mal-persuni liċenzjati tiegħu, il-konformità tal-aspettattivi fir-rigward tal-kwalità li l-pubbliku jassoċja ma’ din it-trade mark.

53

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi l-invalidità tat-trade mark mhux biss fl-ipoteżi fejn din hija ta’ natura li tqarraq lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) ta’ dan ir-regolament, iżda, b’mod ġenerali, meta t-trade mark ġiet irreġistrata kuntrarjament għall-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, f’każ ta’ assenza ta’ riskju ta’ qerq fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g), l-invalidità tat-trade mark madankollu għandha bħala prinċipju tiġi ddikjarata jekk jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark seħħet bi ksur ta’ waħda mir-raġunijiet oħra għal rifjut stabbiliti f’dan l-Artikolu 7.

54

Fir-rigward tal-ipoteżi speċifika tar-riskju ta’ qerq, hemm lok li jitfakkar li din is-sitwazzjoni tippreżumi li jista’ jitqies li jeżisti qerq effettiv jew riskju suffiċjentement gravi ta’ qerq tal-konsumatur (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 41, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Emanuel, C‑259/04, EU:C:2006:215, punt 47).

55

Barra minn hekk, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li trade mark ġiet irreġistrata bi ksur tar-raġuni għal rifjut minħabba r-riskju ta’ qerq, għandu jiġi stabbilit li s-sinjal ippreżentat għall-finijiet tar-reġistrazzjoni inkwantu trade mark minnu nnifsu joħloq tali riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punti 42 u 43).

56

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark fjura tal-qoton ġietx irreġistrata, fit-22 ta’ Mejju 2008, bi ksur tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk is-sinjal fjura tal-qoton ippreżentat mill-VBB kienx minnu nnifsu ta’ natura li jqarraq lill-konsumatur. Il-ġestjoni ulterjuri, mill-VBB, tat-trade mark tagħha u tal-liċenzji ta’ użu tagħha hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

57

Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari tiġi risposta li l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li trade mark individwali ma tistax tiġi ddikjarata invalida, abbażi ta’ applikazzjoni konġunta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ma jiggarantixxix, permezz ta’ kontrolli ta’ kwalità regolari mal-persuni liċenzjati tiegħu, il-konformità tal-aspettattivi fir-rigward tal-kwalità li l-pubbliku jassoċja ma’ din it-trade mark.

58

It-tieni nett, it-tieni domanda preliminari hija intiża sabiex essenzjalment jiġi stabbilit jekk ir-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea jistgħu, mutatis mutandis, jiġu applikati għat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 66 sa 74 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea huwa espressament limitat, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament, għat-trade marks hekk identifikati waqt il-preżentazzjoni.

60

Din id-delimitazzjoni tal-applikabbiltà ta’ dawn l-artikoli għandha tiġi strettament osservata, sa fejn ir-regoli stabbiliti minnhom, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament rigward ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark, huma paralleli ma’ din l-identifikazzjoni speċifika, sa mill-applikazjoni għal reġistrazzjoni, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni inkwantu trade mark kollettiva. Applikazzjoni b’analoġija ta’ dawn ir-regoli għat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata.

61

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni domanda tiġi risposta li r-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux, mutatis mutandis, jiġu applikati għat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twaħħil ta’ trade mark individwali tal-Unjoni Ewropea, mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, fuq prodotti inkwantu tikketta ta’ kwalità ma huwiex użu inkwantu trade mark li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ġenwin” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu t-twaħħil ta’ din it-trade mark jikkostitwixxi tali użu ġenwin jekk dan jiggarantixxi, ukoll u simultanjament, lill-konsumaturi li dawn il-prodotti ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha dawn il-prodotti huma mmanifatturati u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom. F’din l-aħħar ipoteżi, il-proprjetarju ta’ din it-trade mark huwa awtorizzat sabiex jipprojbixxi, skont l-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament, it-twaħħil minn terz ta’ sinjal li jixxiebah fuq prodotti identiċi, jekk dan it-twaħħil joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku.

 

2)

L‑Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li trade mark individwali ma tistax tiġi ddikjarata invalida, abbażi ta’ applikazzjoni konġunta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ma jiggarantixxix, permezz ta’ kontrolli ta’ kwalità regolari mal-persuni liċenzjati tiegħu, il-konformità tal-aspettattivi fir-rigward tal-kwalità li l-pubbliku jassoċja ma’ din it-trade mark.

 

3)

Ir-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux, mutatis mutandis, jiġu applikati għat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż

Fuq