Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CC0056

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2017.
    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, IP.
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c) u (2)(d) – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea PORT CHARLOTTE – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark – Protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini preċedenti ‘Porto’ u ‘Port’ skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u tad-dritt nazzjonali – Natura eżawrjenti tal-protezzjoni mogħtija lil dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini – Artikolu 118m tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Kunċetti ta’ ‘użu’ u ta’ ‘evokazzjoni’ ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta.
    Kawża C-56/16 P.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:394

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ppreżentati fit-18 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

    Kawża C‑56/16 P

    Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    vs

    Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, IP

    “Appell — Trade mark Komunitarja — Trade mark verbali “Port Charlotte” — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata mill-Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto — Indikazzjonijiet ta’ oriġini ġeografika — Regolament (KE) Nru 1234/2007 — Protezzjoni eżawrjenti mid-dritt tal-Unjoni — Possibbiltà ta’ rikonoxximent ta’ livell addizzjonali ta’ protezzjoni mid-dritt nazzjonali”

    1. 

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għandha ġurisprudenza estensiva dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta (DOP) u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP). Dan l-appell ser jippermettilha tapplika din il-ġurisprudenza għall-kunflitt bejn DOP għall-inbid u trade mark tal-Unjoni li, skont id-detenturi tal-ewwel waħda, użat b’mod mhux dovut l-isem ġeografiku tipiku tad-DOP Porto/Port ( 2 ).

    2. 

    B’mod konkret, it-tilwima oriġinali hija bejn l-Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, IP (iktar ’il quddiem, “IVDP”) u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (“UASI”, illum l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, “EUIPO”). Dan tal-aħħar, wara li rreġistra s-sinjal distintiv “Port Charlotte” bħala trade mark tal-Unjoni li saret applikazzjoni għaliha sabiex tidentifika whisky, ċaħad ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark, imressaq mill-IVDP.

    3. 

    Il-Qorti Ġenerali ( 3 ) laqgħet parzjalment l-appell tal-IDVP kontra d-deċiżjoni tal-EUIPO, li wassal għal appell doppju: a) għall-EUIPO, is-sentenza appellata hija żbaljata meta taċċetta li l-protezzjoni tad-DOP hija rregolata wkoll mid-dritt nazzjonali (f’dan il-każ, dak Portugiż) u (b) għall-IDVP, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rratifikat it-teorija tal-EUIPO favur il-kompatibbiltà tat-trade mark “Port Charlotte” mad-DOP Porto/Port.

    I. Id-dritt tal-Unjoni

    A. Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 4 )

    4.

    L-Artikolu 8(4) jipprovdi:

    “Mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

    a)

    id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

    b)

    dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

    5.

    L-Artikolu 53 jipprevedi:

    “1.   Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

    […]

    c)

    meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti;

    […]”.

    B. Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ( 5 ),

    6.

    L-Artikolu 118b, “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 1jipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    a)

    ‘denominazzjoni tal-oriġini’ tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż li jintuża sabiex jiddeskrivi prodott imsemmi fl-Artikolu 118a(1) li huwa konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

    i)

    il-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklussivament ġejjin minn ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu;

    ii)

    l-għeneb li minnu hu prodott jiġi esklussivament minn din iż-żona ġeografika;

    iii)

    il-produzzjoni tiegħu ssir f’din iż-żona ġeografika;

    iv)

    huwa magħmul minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera;

    b)

    ‘indikazzjoni ġeografika’ tfisser indikazzjoni li tirriferi għal reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż li jintuża sabiex jiddeskrivi prodott imsemmi fl-Artikolu 118a(1) li jkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

    i)

    għandu kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn li jistgħu jkunu attribwiti għal dik l-oriġini ġeografika;

    ii)

    talanqas 85 % tal-għeneb li jintuża fil-produzzjoni tiegħu jiġi esklussivament minn din iż-żona ġeografika;

    iii)

    il-produzzjoni tiegħu ssir f’din iż-żona ġeografika;

    iv)

    huwa magħmul minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera jew minn speċijiet li jirriżultaw minn tilqim bejn l-ispeċi Vitis vinifera u speċijiet oħrajn tal-ġenus Vitis.”

    7.

    L-Artikolu 118f, “proċedura nazzjonali preliminari”, fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu, jipprovdi:

    “6.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sal-1 ta’ Awwissu 2009.

    7.   Fejn Stat Membru m’għandu l-ebda leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, huwa jista’, fuq bażi tranżizzjonali biss, joffri l-protezzjoni lill-isem skont it-termini ta’ din is-Subtaqsima fil-livell nazzjonali b’effett mill-jum li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni lill-Kummissjoni. Protezzjoni tranżizzjonali nazzjonali bħal din għandha tiġi fi tmiemha fid-data li fiha tittieħed deċizjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew ir-rifjut taħt din is-Subtaqsima.”

    8.

    Fl-Artikolu 118l, (“Relazzjoni ma’ trademarks”) il-paragrafu 1 jipprevedi:

    “Meta denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija protetta taħt dan ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 118 m(2) u relatat ma’ prodott li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness XIb għandha tiġi miċħuda jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-marka tiġi ppreżentata wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni u d-denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika tiġi sussegwentement protetta.

    Trademarks reġistrati bi ksur tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.”

    9.

    L-Artikolu 118m, “Protezzjoni”, fil-paragrafi 1, 2 u 3 tiegħu jipprevedi:

    “1.   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkumerċjalizza nbid li ġie prodott b’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

    2.   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-inbejjed li jużaw dawk l-ismijiet protetti b’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom jitħarsu minn:

    a)

    kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem protett:

    i)

    minn prodotti komparabbli li mhumiex konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett; jew

    ii)

    sa fejn dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika;

    b)

    kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott jew servizz huwa indikat jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’, ‘togħma’, ‘bħal’ jew xi espressjonijiet simili;

    c)

    kwalunkwe indikazzjoni falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fl-imballaġġ intern jew estern, materjal ta’ riklamar jew dokumenti relatati mal-prodott tal-inbid ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li x’aktarx jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

    d)

    kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

    3.   Denominazzjonijiet tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti m’għandhomx isiru ġeneriċi fil-Komunità fit-tifsira tal-Artikolu 118k(1).”

    10.

    Skont l-Artikolu 118n (“Reġistru”):

    “Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru elettroniku ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-inbid. Dan għandu jkun aċċessibbli pubblikament.”

    11.

    L-Artikolu 118s, “Ismijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti”, jistipula:

    “1.   Ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skond l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002, tad-29 ta’ April 2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 [tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25)] rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid […] għandhom ikunu protetti awtomatikament skond dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru stipulat fl-Artikolu 118n ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1, jibagħtu lill-Kummissjoni:

    a)

    il-fajls tekniċi kif stipulat fl-Artikolu 118c(1);

    b)

    id-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni.

    3.   L-ismijiet ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1, li għalihom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix ippreżentata sal-31 ta’ Diċembru 2011, m’għandhomx jibqgħu protetti taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-pass formali korrispondenti sabiex tneħħi dawn l-ismijiet mir-reġistru previst fl-Artikolu 118n.

    4.   L-Artikolu 118r m’għandux japplika fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1.

    Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi sal-31 ta’ Diċembru 2014, fuq l-inizjattiva tagħha stess u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4), li tikkanċella l-protezzjoni tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118b.

    […]”

    12.

    Taħt it-titolu “Regoli aktar stretti deċiżi mill-Istati Membri”, l-Artikolu 120d jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu l-użu ta’ ċerti prattiki enoloġiċi u jipprovdu restrizzjonijiet aktar stretti għall-inbejjed awtorizzati skont il-liġi Komunitarja prodotti fit-territorju tagħhom bil-ħsieb li jirrinforzaw il-preservazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ nbejjed b’denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta u ta’ nbejjed frizzanti u nbejjed likur.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn il-limitazzjonijiet, l-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet lill-Kummissjoni, li għandha tressaqhom għall-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn”.

    II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13.

    Mill-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata huwa dedott li, fis-27 ta’ Ottubru 2006, il-kumpannija Bruichladdich Distillery Co. Ltd. (iktar ’il quddiem, “Bruichladdich”) applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja “Port Charlotte” għal prodotti fil-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice ( 6 )“Xorb alkoħoliku”.

    14.

    It-trade mark ġiet irreġistrata fit-18 ta’ Ottubru 2007, taħt in-numru 5421474, u ppubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 60/2007, tad-29 ta’ Ottubru 2007.

    15.

    Fis-7 ta’ April 2011, l-IVDP talab lill-EUIPO dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark, skont l-Artikolu 53(1)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4), skont l-Artikolu 53(2)(d), u skont l-Artikolu 52(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009.

    16.

    B’risposta għal din it-talba, Bruichladdich illimitat il-lista tal-prodotti li għalihom kienet irreġistrata t-trade mark ikkontestata għal “whisky”.

    17.

    Insostenn tat-talba tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-IVDP invoka d-DOP “porto” u “port” li, kif sostna, huma protetti fl-Istati Membri kollha minn diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż u mill-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 491/2009, minn naħa, u min-naħa l-oħra, huma rreġistrati u protetti mill-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom tal-31 ta’ Ottubru 1958, skont it-test irrivedut u emendat tiegħu, fi Franza, fl-Italja, f’Ċipru, fl-Ungerija, fil-Portugall u fis-Slovakkja.

    18.

    Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fit-30 ta’ April 2013.

    19.

    Fit-2 ta’ Frar 2014, l-IVDP ikkontesta quddiem l-EUIPO d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2014, ir-Raba’ Bord tal-Appell ta’ EUIPO ċaħad it-tliet aggravji li kien ibbażat fuqhom l-appell.

    21.

    Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4). Huwa ddikjara, fil-qosor, li l-protezzjoni tad-DOP tal-inbid hija rregolata biss mir-Regolament Nru 491/2009 u, għalhekk, tifforma parti mill-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Huwa qies, ukoll, li d-DOP ta’ dan il-każ kienet protetta biss għall-inbid, li ma huwiex paragunabbi mal-whisky, u li t-trade mark “Port Charlotte” ma kinitx tevoka l-inbid ta’ Oporto. Huwa żied li ma kienx neċessarju li jiġi vverifikat jekk id-denominazzjonijiet ġeografiċi “porto” jew “port” igawdux popolarità, minħabba li t-trade mark inkwistjoni la kienet tevokhom u lanqas ma kienet tużahom.

    22.

    Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2)(d) tar-Regolament Nru 207/2009, ibbażat fuq il-fatt li d-DOP “porto” u “port” kienu rreġistrati mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“WIPO”) mit-18 ta’ Marzu 1983, taħt in-numru 682, b’mod konformi mal-Ftehim ta’ Lisbona. Huwa pprovda li r-reġistrazzjoni kienet tipproteġi biss it-terminu “porto” – mhux fil-Portugall biss –, li ma kienx parti mit-trade mark ikkontestata.

    23.

    Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fehma tiegħu, it-trade mark ikkontestata ma rreferietx b’mod parallel għal post – eżistenti jew ineżistenti – imsejjaħ Port Charlotte u “għall-belt ta’ Oporto (Porto)”. Huwa żied li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament ma ssemmietx “sal-mument tal-appell”, u għalhekk l-IVDP ma kellux dritt li jargumenta dan. Fi kwalunkwe każ, it-trade mark ikkontestata ma setgħetx tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-prodott li tkopri, kif previst fl-Artikolu 7(1)(g) tal-istess regolament.

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    24.

    Permezz ta’ att tal-15 ta’ Settembru 2014, l-IVDP ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Huwa qassam dan f’sitt motivi, li minnhom, għal dan l-appell, huwa rilevanti b’mod partikolari t-tielet wieħed, dwar il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    25.

    L-IVDP ikkritika lill-Bord tal-Appell talli kkunsidra, b’mod żbaljat, li l-protezzjoni tal-inbejjed protetti mid-DOP Porto/Port kienet irregolata biss mir-Regolament Nru 491/2009, filwaqt li eskluda dik offruta mid-dritt Portugiż.

    26.

    Fi ħdan din l-istess motiv, u minbarra l-allużjonijiet għad-dritt Portugiż, l-IVDP ikkritika l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-kompatibbiltà tat-trade mark “Port Charlotte” u d-DOP Porto/Port, billi rrefera għall-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 491/2009.

    27.

    Dwar din l-aħħar dispożizzjoni, l-IVDP allega, suċċessivament: i) li jipprojbixxi l-użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ DOP għal prodotti paragunabbli, li jiġri bejn l-inbid ta’ Oporto u l-whisky; ii) li, anke kieku dawn ma kinux prodotti paragunabbli, l-użu kummerċjali tat-terminu Port, tad-DOP, mit-trade mark ikkontestata kien jinvolvi l-isfruttament tar-reputazzjoni jew tal-prestiġju tagħha, imġiba li hija miċħuda wkoll minn din id-dispożizzjoni; u iii) li, fi kwalunkwe każ, kienet saret imitazzjoni jew evokazzjoni tad-DOP Porto/Port mit-trade mark “Port Charlotte”.

    28.

    Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argumenti tal-IVDP dwar l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. L-analiżi tagħha wasslitha sabiex tikkonkludi li r-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark irreġistrata jistgħu jkunu bbażati b’mod alternattiv jew b’mod kumulattiv fuq liġijiet preċedenti, “skont leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni tagħha”. Fil-fehma tiegħu, il-protezzjoni mogħtija lid-DOP tista’ tiġi kkompletata bid-dritt nazzjonali rilevanti, meta din tagħtihom protezzjoni addizzjonali.

    29.

    Jekk nibdew minn din il-premessa, u peress li l-IVDP kien invoka r-regoli rilevanti tad-dritt Portugiż fuq id-DOP Porto/Port, il-Bord tal-Appell ma setax jirrifjuta li japplika r-regoli interni billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-protezzjoni ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini kienet irregolata biss mir-Regolament Nru 491/2009 u kienet taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    30.

    Fir-rigward tal-motivi l-oħra għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-IVDP, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-kompatibbiltà tat-trade mark ikkontestata mad-DOP Porto/Port, f’analiżi simili (b’varjazzjonijiet żgħar) għal dik tal-Bord tal-Appell.

    IV. L-appell ippreżentat mill-EUIPO

    31.

    Fl-uniku aggravju tiegħu, l-EUIPO jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli pprovdiet li d-DOP jistgħu jibbenefikaw, skont id-dritt nazzjonali, minn protezzjoni supplimentari u parallela għal dik offruta mid-dritt tal-Unjoni. Din it-teorija tippresupponi, għall-EUIPO, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4), u mal-Artikolu 53(2)(d) tal-istess regolament.

    32.

    L-EUIPO jirrikonoxxi li “porto” u “port” kienu, fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “Port Charlotte” (is-27 ta’ Ottubru 2006), termini koperti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja li tirregola l-protezzjoni tad-DOP. Il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-mument tal-kontestazzjoni tat-trade mark irreġistrata (is-7 ta’ April 2011) kien ir-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009. Din l-emenda, li permezz tagħha żdiedu l-Artikoli 118a sa 118t mar-Regolament Nru 1234/2007, sempliċement irriproduċiet l-Artikoli 33 sa 51 u 53 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 ( 7 ). Sabiex tiġi evalwata l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-DOP tal-inbejjed għandha tingħata attenzjoni, għalhekk, għad-dispożizzjonijiet u l-premessi mhux biss tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 479/2008.

    33.

    L-EUIPO jinvoka s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar ( 8 ), u joħroġ parallel bejn is-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP tal-inbejjed u dik tad-DOP tal-prodotti tal-ikel u agrikoli, irregolati mir-Regolament (KE) Nru 510/2006 ( 9 ). Huwa jibbaża ruħu fuq dik id-deċiżjoni biex jipprovdi li l-Qorti Ġenerali, meta tippermetti sistema nazzjonali ta’ protezzjoni supplimentari, twettaq żball ta’ liġi, minħabba li, peress li teżisti leġiżlazzjoni uniformi fid-dritt tal-Unjoni, kull protezzjoni oħra mid-dritt nazzjonali hija eskluża. Ir-regolamentazzjoni tar-Regolament 491/2009 hija uniformi u eżawrjenti għat-territorju kollu tal-Unjoni.

    34.

    L-EUIPO juża tliet argumenti f’dan ir-rigward: i) sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tista’ teżisti flimkien mas-sistema tad-dritt tal-Unjoni jew tkun tista’ tidderoga minnu, għandu jkun hemm regoli espliċiti li jippermettu dan, mingħajr ma l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 207/2009 jkun jista’ jiġi aċċettat bħala tali regola għal dan il-għan. Dan huwa riferiment ġenerali li ma jagħtix lid-drittijiet nazzjonali s-setgħa li jirrevokaw is-sistema ta’ protezzjoni tal-Unjoni; ii) il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-eżerċizzju tas-setgħat kondiviżi ma jippermettix, skont l-Artikolu 2(2) TFUE, li l-Istati Membri jistgħu jużaw is-setgħat tagħhom ladarba l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ddeċidew li jeżerċitaw tagħhom; u iii) skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel ( 10 ), il-livell ta’ protezzjoni mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jieqaf meta l-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tidħol fis-seħħ.

    35.

    L-IVDP jopponi dan l-approċċ u jiċħad il-parallelliżmu bejn ir-Regolament Nru 491/2009, applikabbli għad-DOP tal-inbejjed (l-Artikoli 118a sa 118z), u r-Regolament Nru 510/2006, applikabbli għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel oħrajn. Għalhekk, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-estrapolazzjoni għas-settur tal-inbid tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 510/2006 ( 11 ), li huwa meqjus bħala msaħħaħ skont il-punt 28 tas-sentenza Assica u Krafts Foods Italia ( 12 ).

    36.

    Għall-IVDP, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jiġġustifika l-applikazzjoni tal-protezzjoni pprovduta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa jikkritika l-affermazzjoni tal-EUIPO, dwar il-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-funzjonament tas-suq intern jekk jiġi aċċettat li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jistgħu joffru protezzjoni supplimentari u jindika li dik mogħtija mil-leġiżlazzjoni Portugiża lid-DOP magħrufin ħafna hija identika għal dik mogħtija mil-liġi dwar it-trade marks tal-Unjoni.

    37.

    Bruichladdich tappoġġja, fil-qosor, ir-raġunament tal-EUIPO dwar il-komprensività tal-protezzjoni tad-DPO u tal-IĠP mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    38.

    Il-Gvern Portugiż, għall-kuntrarju, huwa tal-opinjoni li l-argument li l-protezzjoni mogħtija lid-DOP mid-dritt tal-Unjoni hija eżawrjenti u li tieħu l-preċedenza fuq kull livell ieħor ta’ protezzjoni nazzjonali, għandu jiġi rrifjutat.

    V. L-appell inċidentali tal-IVDP

    39.

    L-IVDP, minbarra li jopponi għall-appell tal-EUIPO, jippreżenta l-appell tiegħu stess, ibbażat fuq tliet aggravji. L-ewwel wieħed ( 13 ), b’mod ġenerali, huwa konformi ma’ dak espost fir-risposta għall-aggravju korrelativ tal-EUIPO dwar l-applikazzjoni esklużiva tal-protezzjoni mogħtija lid-DOP mid-dritt tal-Unjoni.

    40.

    Fit-tieni aggravju tiegħu, l-IVDP jikkritika lill-Qorti Ġenerali ( 14 ) talli kisret l-Artikolu 118m(2)(a) tar-Regolament Nru 491/2009, meta qieset li t-trade mark ikkontestata la użat u lanqas ma evokat id-DOP Porto/Port, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tiġi vverifikata l-popolarità tagħha.

    41.

    Skont l-IVDP, l-inklużjoni tat-terminu “port” fit-trade mark ikkontestata timita jew tevoka d-DOP Porto/Port, li hija intitolata għall-protezzjoni tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 491/2009. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li ssir evokazzjoni meta t-terminu magħżul sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn DOP, b’tali mod li, meta jara l-isem ta’ dak il-prodott, il-konsumatur jaħseb, bħala immaġni ta’ riferiment, fil-merkanzija li tibbenefika mid-DOP ( 15 ).

    42.

    Fit-tielet aggravju tiegħu, l-IVDP jilmenta li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat ( 16 ) li l-użu tat-trade mark ikkontestata ma jimplikax l-użu ħażin, l-imitazzjoni jew l-evokazzjoni tad-DOP Porto/Port, li, fil-fehma tiegħu jikser l-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 491/2009. Huwa jirrifjuta, f’dan ir-rigward, ir-riflessjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-karatteristiċi tal-inbid ta’ Oporto u tal-whisky, li ppermettewlha tiddeċiedi li ż-żewġ xarbiet alkoħoliċi huma magħrufa sew mill-konsumatur medju. Għall-IVDP, dawn fir-realtà huma prodotti paragunabbli.

    43.

    Skont l-EUIPO t-tieni u t-tielet aggravji tal-appell huma inammissibbli, minħabba li ma humiex relatati ma’ evalwazzjonijiet tal-liġi tal-Qorti Ġenerali, iżda ma’ evalwazzjoni tal-prova u tal-fatti. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla ( 17 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-evalwazzjoni tal-evokazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt.

    44.

    Sussidjarjament, f’dak li jirrigwarda l-paragunabbiltà tat-trade mark u d-DOP, skont l-EUIPO, l-IVDP sempliċement irriproduċa l-argumenti tiegħu tal-każ, mingħajr ma wera li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet wettqet żball ta’ liġi jew żnaturat il-punti ta’ fatt. Barra minn hekk, l-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali kienet applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla ( 18 ), fuq il-kunċett tal-evokazzjoni.

    45.

    Fir-rigward tal-ewwel aggravju propost mill-IVDP, l-EUIPO jirreferi għal dak ipprovdut fl-appell tiegħu stess dwar il-protezzjoni uniformi u eżawrjenti mid-dritt tal-Unjoni.

    46.

    Il-Bruichladdich topponi wkoll l-ewwel aggravju tal-appell tal-IVDP u titlob li dan jiġi miċħud, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 510/2006, li l-Qorti Ġenerali kienet applikat b’mod korrett. In-natura esklużiva tas-sistema ma teskludix l-applikazzjoni tad-drittijiet nazzjonali fir-rigward tad-DOP u l-IĠP, iżda biss meta jinsabu barra mill-kopertura tar-Regolamenti.

    47.

    Bruichladdich tenfasizza li, fl-oqsma koperti mir-Regolamenti Komunitarji, għandu jiġi evalwat l-għan komuni tal-ħolqien ta’ sistema ta’ protezzjoni waħda fil-livell tal-Unjoni, fatt li jagħmel difiża doppja, ibbażata kemm fuq id-dritt nazzjonali kif ukoll fuq id-dritt tal-Unjoni, impossibbli. L-unika eċċezzjoni permessa hija l-provvediment ta’ applikazzjoni ta’ sistema tranżitorja (l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006 u l-Artikolu 118f(6) u (7) tar-Regolament Nru 491/2009).

    48.

    Fl-aħħar nett, għal Bruichladdich it-tieni u t-tielet aggravji ta’ IVDP huma infondati. Il-pubbliku rilevanti tal-Unjoni ma huwa f’ebda probabbiltà ta’ konfużjoni meta jqabbel it-trade mark ikkontestata mad-DOP Porto/Port. Din tal-aħħar tirreferi għal żona tat-territorju Portugiż, filwaqt li tal-ewwel ma tirreferix għal dak ir-reġjun iżda, pjuttost, għal ambjent marittimu relatat ma’ port, u għal isem femminili (Charlotte), li huwa l-element ewlieni tat-trade mark. In-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali jelimina l-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 491/2009, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni u, b’mod speċjali, dik relatata mal-użu tar-reputazzjoni tad-DOP “porto” jew “port”. Fi kwalunkwe każ, il-prodotti mqabbla ma humiex paragunabbli fir-rigward tal-ingredjenti, it-togħma jew il-qawwa alkoħolika tagħhom.

    VI. Analiżi

    A. Rimarka preliminari

    49.

    Il-kontroversja li hija deċiża f’dan l-appell (doppju) kienet iffukata, l-aktar, fuq jekk is-sistema legali applikabbli għall-protezzjoni ta’ DOP għall-inbejjed hijiex, b’mod esklużiv jew eżawrjenti dik tar-Regolament Nru 1234/2007 ( 19 ).

    50.

    L-IVDP isostni, skont is-sentenza appellata, li d-dritt Portugiż għandu jiġi introdott minħabba li joffri livell ta’ protezzjoni ikbar mid-dritt tal-Unjoni. Din il-premessa, madankollu, ma tistax tiġi aċċettata. Tabilħaqq, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-IVDP żamm sieket dwar il-kontenut speċifiku ta’ dan l-allegat livell għoli ta’ protezzjoni ( 20 ). Dan ma seħħx quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ( 21 ) ġie ddikjarat li l-leġiżlazzjoni Portugiża tipprojbixxi l-użu tad-DOP Porto/Port mhux biss meta jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, iżda meta l-użu illeċitu tagħha (minn trade mark) jista’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tad-DOP stess, billi jagħmel użu indebitu min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tagħha.

    51.

    Il-premessa, nirrepeti, ma hijiex korretta minħabba li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lid-DOP tal-inbejjed hija, mill-inqas, intensiva daqs dik offruta mil-leġiżlazzjoni Portugiża msemmija mill-IDVP. B’mod konkret, waħda mill-kawżi li jfixklu r-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni, hija, preċiżament, li dawn jippruvaw jisfruttaw b’mod mhux xieraq il-prestiġju ta’ DOP għall-inbejjed.

    52.

    Fir-realtà, l-IVDP stess jirrikonoxxi, impliċitament jew espliċitament, li dan huwa l-każ, minn żewġ perspettivi. Minn naħa, fl-elaborazzjoni tal-appell inċidentali tiegħu, huwa jirreferi għar-Regolament Nru 1234/2007 sabiex jargumenta li l-Artikolu 118m(2)(b)(ii) tiegħu jippermettilu “jikseb protezzjoni kontra l-użu tat-trade mark ikkontestata, ‘sa fejn tali użu jisfrutta r-reputazzjoni’ tad-DOP Port” ( 22 ). Min-naħa l-oħra, huwa jenfasizza li “il-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni Portugiża lill-indikazzjonijiet ġeografiċi li jgawdu popolarità kbira hija identika għal dik mogħtija lit-trade marks magħrufin (well known trademarks) mid-dritt tal-Unjoni” ( 23 ).

    53.

    Jekk il-leġiżlazzjoni Portugiża u d-dritt tal-Unjoni joffru protezzjoni ekwivalenti f’dawn il-każijiet, nemmen li d-dibattitu mqajjem dwar l-applikazzjoni ta’ prijorità ta’ waħda jew tal-ieħor, minħabba l-allegat livell ogħla ta’ protezzjoni tad-DOP skont ir-regoli nazzjonali, huwa, fil-parti l-kbira, artifiċjali. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, setgħet illimitat ruħha li tanalizza l-bqija tal-aggravji, mingħajr ma jkollha għalfejn tidħol fi problema iktar wiesgħa li, għalkemm ċertament hija ta’ interess, ma tapplikax f’dan il-każ.

    54.

    Madankollu, peress li s-sentenza appellata fiha xi kunsiderazzjonijiet (u deċiżjoni li toħroġ minnhom) kontra l-applikazzjoni eżawrjenti tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi ddemarkata l-protezzjoni tad-DOP tal-inbejjed, għandha tiġi affaċċjata l-kritika li saret kontriha fl-appell. Nista’ ngħid bil-quddiem li s-soluzzjoni ser tingħata permezz tal-interpretazzjoni tar-Regolamenti applikabbli, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009 ( 24 ).

    B. Dwar l-aggravju uniku tal-appell tal-EUIPO u l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-IVDP

    55.

    Naħseb li huwa rilevanti li l-aggravju uniku tal-EUIPO jiġi analizzat flimkien mal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-IVDP. It-tnejn li huma, għalkemm permezz ta’ approċċi differenti, jikkonċernaw in-natura eżawrjenti tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007, fir-rigward tat-teorija li d-DOP tal-inbejjed jistgħu jgawdu protezzjoni addizzjonali skont id-dritt nazzjonali.

    56.

    L-EUIPO jinvoka s-sentenza Budějovický Budvar ( 25 ) sabiex jeskludi li d-dritt nazzjonali jista’ jipprovdi livell ta’ protezzjoni tad-DOP ogħla minn dak stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet issolvi l-istess dibattitu ( 26 ), għalkemm kien jikkonċerna l-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 510/2006, fir-rigward ta’ indikazzjoni ġeografika għall-birra. Is-sentenza kkonfermat in-natura eżawrjenti ta’ din il-protezzjoni, fejn l-għan tar-Regolament ma kienx “li jistabbilixxi, minbarra regoli nazzjonali li jistgħu jkomplu jeżistu, sistema addizzjonali ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kwalifikati, bħal pereżempju dik stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), iżda li jipprovdi sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti għal tali indikazzjonijiet” ( 27 ).

    57.

    It-teoriji li jinsabu fl-appell isostnu jew jargumentaw, rispettivament, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-Regolament Nru 510/2006, tista’ tiġi estiża għall-ambitu tar-Regolament Nru 1234/2007. Skont l-IVDP, id-DOP għall-inbejjed għandhom karatteristiċi tant speċjali li l-protezzjoni tagħhom għandha tkun differenti minn dik li joffri d-dritt tal-Unjoni lil figuri oħra simili.

    58.

    Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ( 28 ) fl-ewwel lok li l-Artikolu 118m(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007 jirregola b’mod uniformi u esklużiv kemm l-awtorizzazzjoni kif ukoll il-limiti u, fejn xieraq, il-projbizzjoni tal-użu kummerċjali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Madankollu, hija ssostni minnufih wara ( 29 ), li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (dwar it-trade mark tal-Unjoni) jippermetti li trade mark ma tiġix irreġistrata, jew li tiġi annullata wara li tkun ġiet irreġistrata, jekk tidħol f’kunflitt ma’ sinjal preċedenti li jkun protett mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali. Għalhekk hija tiddeduċi li d-DOP Porto/Port tista’ tibbenefika mill-protezzjoni addizzjonali mogħtija mid-dritt Portugiż.

    59.

    Qari iżolat tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ipotetikament, jippermetti li tiġi kkonfermata l-konklużjoni li tasal għaliha l-Qorti Ġenerali. Madankollu, l-interpretazzjoni tiegħu ma tistax tinjora l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minn elementi regolatorji oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod konkret, għandha tiġi indirizzata l-awtoregolazzjoni tad-DOP u tal-IĠP, meta l-Unjoni tkun eżerċitat is-setgħat tagħha stess fir-rigward tagħhom. Dan sar, barra minn hekk, permezz tal-introduzzjoni fir-Regolament Nru 1234/2007 ta’ dispożizzjoni unika (l-Artikolu 118l) sabiex tiġi stabbilita, b’mod preċiż, ir-relazzjoni ta’ dawk il-forom ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ta’ natura kollettiva) mat-trade marks irreġistrati tal-Unjoni (ta’ natura individwali).

    60.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt iddeċieda li jeżerċita s-setgħat tiegħu fuq id-DOP u l-IĠP kemm fil-qasam tal-prodotti agrikoli u tal-ikel (ir-Regolament Nru 510/2006), kif ukoll f’dak tax-xarbiet alkoħoliċi (ir-Regolament Nru 110/2008) ( 30 ) u fir-rigward tas-settur tal-inbid (ir-Regolament Nru 1234/2007). Barra l-oqsma koperti minn dawn ir-regolamenti, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi jibqgħu fid-dominju tal-kompetenza tal-Istati Membri.

    61.

    Fis-setturi komunitarizzati, il-protezzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni ma testendix għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi kollha, iżda biss għal dawk li huma ddefiniti fihom. Fir-rigward ta’ dawn tal-ewwel, il-protezzjoni hija estiża għad-DOP li jindikaw prodotti li l-kwalità u l-karatteristiċi tagħhom huma bażiċi u esklużivi għal ambjent ġeografiku partikolari, bil-fatturi naturali u umani inerenti fih. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, huma protetti biss dawk ikkwalifikati, li jkopru l-prodotti li jkollhom xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi speċjali oħra attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħhom (IĠP). L-IĠP jikkondividu l-komponent territorjali mad-DOP, iżda dawn tal-aħħar huma rriżervati għall-oġġetti li l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom huma dovuti għal fatturi naturali jew umani tal-post ta’ oriġini tagħhom.

    62.

    Madankollu, fil-każ tad-DOP tal-inbid, l-azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni eżawriet, fiha nnifisha, l-ambitu ta’ protezzjoni, sabiex tistandardizza s-sistema tagħha għall-Istati Membri kollha ( 31 ). Il-marġni ta’ manuvra tal-Istati jista’ jintuża fir-regolamentazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi (mhux ikkwalifikati), jiġifieri, dawk li ma jeħtiġux li l-prodotti jkollhom xi attribut speċjali jew ċerta reputazzjoni, idderivati mill-post li jkunu ġejjin minnu, iżda dawn għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiġi identifikat dak il-post. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkopri biss id-DOP u l-IĠP, iżda twettaq dan b’mod eżawrjenti, filwaqt li l-indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi jiksbu l-protezzjoni tagħhom skont id-dritt nazzjonali.

    63.

    Il-paralleliżmu, essenzjalment, tar-Regolament Nru 510/2006, minn naħa, u tar-Regolament Nru 1234/2007, fil-parti li tirrigwarda d-DOP għal inbejjed, min-naħa l-oħra, naħseb li huwa inkontestabbli. L-għan tagħhom huwa l-istess, li jiżguraw lill-konsumatur —u, minn perspettiva oħra, anki lid-detenturi tad-denominazzjonijiet rispettivi — li l-prodotti suġġetti għal regolament jew ieħor huma ta’ livell għoli ta’ kwalità, fuq il-bażi tal-oriġini ġeografika tagħhom. Huma jaqblu wkoll fir-rigward tal-fatt li dawn il-prodotti (tal-inbid f’każ wieħed, tal-ikel u agrikoli, b’mod ġenerali, f’każ ieħor) għandhom ikunu suġġeti għall-istess sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni uniformi sussegwenti fit-territorju kollu tal-Unjoni, tkun xi tkun l-oriġini nazzjonali tagħhom.

    64.

    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 479/2008 nnifsu (li t-test tiegħu huwa adottat wara r-riforma tar-Regolament Nru 1234/2007) jenfasizza kif dan tal-aħħar huwa sempliċement traspożizzjoni, fl-ambitu tad-DOP tal-inbid, tal-prinċipji tar-Regolament Nru 510/2006. Il-premessa sebgħa u għoxrin tiegħu, tipprovdi, espressament li “għandu jiġi stabbiliti reġim li taħtu jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal denominazzjoni ta’l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika [għal inbejjed] konformement ma’ l-approċċ segwit taħt il-politika orizzontali Komunitarja dwar il-kwalità, applikabbli għal oġġetti ta’ l-ikel għajr l-inbid u l-ispirti, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel”.

    65.

    Il-paralleliżmu hekk indikat jirriżulta mill-analiżi tal-karatteristiċi tal-proċedura għar-reġistrazzjoni tad-DOP u tal-IĠP. Is-sentenza Budějovický Budvar enfasizzat li “kuntrarjament għall-istrutturi Komunitarji oħra ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali, […] il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tar-Regolamenti Nru 2081/92 u 510/2006 hija bbażata fuq qsim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ isem ma tistax tittieħed mill-Kummissjoni, ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ressqilha talba għal dan il-għan u din it-talba ma tistax issir ħlief jekk l-Istat Membru jkun ivverifika li hija ġġustifikata (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, [EU:C:2001:659]). Il-proċeduri nazzjonali ta’ reġistrazzjoni huma għalhekk integrati fil-proċedura deċiżjonali Komunitarja u jikkostitwixxu parti essenzjali minnha. Huma jistgħu jeżistu barra mis-sistema ta’ protezzjoni Komunitarja” ( 32 ).

    66.

    Dan il-mudell ġie inkorporat fir-Regolament Nru 479/2008, għas-settur tal-inbid ( 33 ), u fir-Regolament Nru 110/2008 (l-Artikolu 17), għax-xorb alkoħoliku. Ir-raġunamenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Budějovický Budvar, li ċċitajt fil-punt preċedenti, dwar dan l-aspett (proċedurali) tar-Regolamenti Nru 2081/92 u Nru 510/2006 jistgħu jkunu, għalhekk, estrapolati għar-Regolament Nru 1234/2007.

    67.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-adozzjoni tar-Regolamenti applikabbli għad-DOP u l-IĠP tieħu post is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni huwa kkonfermat mill-istess regolamenti, fl-implementazzjoni ta’ regoli tranżitorji, fid-dawl tal-fatt li fl-Unjoni kienu jikkoeżistu sistemi nazzjonali li diġà kellhom leġiżlazzjoni li tirregola d-denominazzjonijiet tal-oriġini u oħrajn ma kellhomx (jew ma għandhomx) din ( 34 ).

    68.

    Fir-rigward tal-inbejjed, għandu jsir riferiment lura għar-Regolament Nru 1493/1999 li l-Artikolu 54(2) tiegħu ddefinixxa l-“inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi” (“inbejjed ta’ kwalità psr”) u l-kategoriji tagħhom. Il-paragrafu 4 tal-istess artikolu pprovda li “l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu irrikonoxxew, għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta’ kwalità psr, dettalji dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura ta’ dawk l-inbejjed ta’ kwalità psr”. Peress li d-DOP Porto/Port kienet tgawdi protezzjoni skont id-dritt Portugiż, l-inbejjed tagħha ġew elenkati fil-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità psr u kienu awtomatikament protetti taħt ir-Regolament Nru 1234/2007 (l-Artikolu 118s(1)), u kienet il-Kummissjoni dik li inkorporathom fir-reġistru pprovdut fl-Artikolu 118n tal-istess regolament (lista E-Bacchus) ( 35 ).

    69.

    Madankollu, tali awtomatiċità hija kkwalifikata mill-istess Artikolu 118s, tar-Regolament Nru 1234/2007 li adotta ċerti salvagwardji sabiex ikun żgurat li l-inbejjed tal-lista E-Bacchus jissodisfaw il-kundizzjonijiet eliġibbli, filwaqt li stabbilixxa skadenzi sa meta l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa u sabiex il-Kummissjoni timmonitorja jekk l-inklużjoni fir-reġistru hijiex xierqa, jew le ( 36 ).

    70.

    Fil-każ li Stat Membru ma jkollux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar DOP, l-Artikolu 118f(7) tar-Regolament Nru 1234/2007 jagħtih is-setgħa sabiex, b’mod temporanju, jagħti protezzjoni lil isem fuq livell nazzjonali. Din il-protezzjoni tranżitorja tintemm fid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni jew ċaħda, skont dan ir-regolament.

    71.

    Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji kollha jikkonfermaw, jekk ikun meħtieġ, li l-Istati Membri tilfu l-poter li jagħtu protezzjoni addizzjonali u msaħħa lid-DOP tal-inbejjed, ladarba dawn diġà jgawdu l-istatus mogħti lilhom mir-Regolament Nru 1234/2007. Altrimenti, ikun inutli li tiġi kkunsidrata t-tranżizzjoni mis-sitwazzjoni preċedenti għas-sitwazzjoni l-ġdida, fejn l-għan huwa, preċiżament, l-istrutturar tal-ispostament tal-kompetenza sabiex jiġi żgurat il-qafas tal-protezzjoni. Għal darba oħra, ir-riflessjonijiet tas-sentenza Budějovický Budvar ( 37 ) fuq ir-Regolament Nru 510/2006, f’dan il-każ, huma applikabbli għar-Regolament Nru 1234/2007.

    72.

    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi tas-sentenza (u ta’ elementi oħra li jinsabu fis-sentenza Budějovický Budvar ( 38 ), li ma narax li huwa xieraq li nitkellem aktar dwarhom), l-IVDP jinsisti fuq id-differenzi bejn ir-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 479/2008. Mingħajr ma jiġi nnegat li wħud mid-differenzi jeżistu, naħseb li dawn ma jnaqqsux mill-analoġija msemmija bejniethom, f’dak li jirrigwarda l-għan u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

    73.

    L-IDVP jirreferi għall-premessa 28 tar-Regolament Nru 479/2008 sabiex jargumenta li l-Unjoni xtaqet tirrispetta l-karatteristiċi partikolari nazzjonali fil-protezzjoni tal-inbejjed, kif jintwera fil-kliem tagħha: “[s]abiex jinżammu l-karatteristiċi partikolari ta’ kwalità ta’ l-inbejjed b’denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li japplikaw regoli aktar stretti f’dan ir-rigward”.

    74.

    Madankollu, ma naħsibx li dan l-argument huwa konvinċenti. It-tifsira tal-premessa 28 tar-Regolament Nru 479/2008 għandha titqabbel, għall-kuntrarju, mal-Artikolu 120d tar-Regolament Nru 1234/2007, li jippermetti lill-Istati Membri jeżiġu l-użu ta’ ċerti prattiċi enoloġiċi jew li jistabbilixxu restrizzjonijiet iktar stretti għall-inbejjed b’DOP prodotti fit-territorju tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma tnaqqasx l-uniformità jew l-esklużività tas-sistema ta’ protezzjoni li tingħata lid-DOP li l-inbejjed tagħhom ikunu laħqu livelli minimi ta’ kwalità. Jekk Stat Membru jistabbilixxi li l-inbejjed tiegħu jistgħu jaċċedu biss għall-istatus tad-DOP wara li jkunu rrispettaw prattiċi ta’ produzzjoni iktar stretti, huwa jista’ jagħmel dan legalment. Iżda dan ir-rekwiżit, nirrepeti, ma jfissirx li s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP, ladarba tkun ġiet irreġistrata għall-Unjoni kollha, tista’ titħalla għad-diskrezzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 39 ).

    75.

    Ir-riflessjonijiet esposti sa issa jwassluni nirrakkomanda li l-uniku aggravju ta’ appell tal-EUIPO jiġi milqugħ. Għalkemm il-Qorti Ġenerali kienet korretta, fis-sentenza tagħha, li tenfasizza n-natura “esklużiva” tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 118m(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007 ( 40 ), hija wettqet żball ta’ liġi meta biddlet, fil-paragrafi sussegwenti (44 sa 49) tas-sentenza, din id-dikjarazzjoni korretta billi aċċettat protezzjoni addizzjonali tal-liġijiet nazzjonali, li qabel u impliċitament kienet ċaħdet.

    C. Fuq it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell inċidentali tal-IVDP

    1.  Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravji

    76.

    L-ewwel qari ta’ dawn iż-żewġ aggravji, invokati mill-IVDP, jista’ jwassal għall-inammissibbiltà tagħhom, kif jallegaw il-partijiet l-oħra fil-kawża, peress li jidher li dawn huma diretti kontra sempliċi evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali eżenti mill-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont ġurisprudenza stabbilita ta’ din tal-aħħar ( 41 ).

    77.

    Fil-fatt, li kieku l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ aggravji kellu jiffoka fuq in-nuqqas ta’ qbil mal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw ix-xebh bejn it-trade mark u d-DOP, jew l-elementi predominanti fil-perċezzjoni li l-pubbliku jista’ jkollu ta’ waħda jew ta’ oħra, jew fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, kont naqbel mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà proposta.

    78.

    Madankollu, nemmen, li dan ma huwiex il-veru sens taż-żewġ aggravji u li minnhom toħroġ problema ġenwina ta’ dritt, u mhux ta’ sempliċi evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ssejjaħ “kunsiderazzjonijiet ta’ natura fattwali”. Għandu jiġi ċċarat jekk l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 118m(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1234/2007 rrispettatx il-kontenut normattiv tad-dispożizzjoni msemmija. Sabiex tiġi kkonfermata jew irrifjutata din l-interpretazzjoni għandhom jitqiesu, ovvjament, kunċetti legali (l-użu, l-użu ħażin, l-imitazzjoni, l-evokazzjoni, it-teħid ta’ vantaġġ mhux dovut mir-reputazzjoni) li, meta jiġu applikati għal ċerti sinjali distintivi u għad-DOP, jeħtieġu neċessarjament deċiżjoni speċifika u mhux astratta biss. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’, fit-twettiq tal-funzjoni tagħha fl-appell, tiċċekkja l-konformità mad-dritt tal-interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam, nibża’ li s-setgħat ta’ reviżjoni tagħha jkunu pjuttost dgħajfa.

    79.

    L-EUIPO jinvoka, insostenn tal-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà, il-punt 31 tas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla ( 42 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija l-qorti tar-rinviju li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li għandha “tevalwa jekk id-denominazzjoni ‘Verlados’ tikkostitwixxix ‘evokazzjoni’, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 16(b) tar-Regolament 110/2008, tal-indikazzjoni ġeografika protetta ‘Calvados’”. Minn din l-affermazzjoni, loġika fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma jistax jiġi dedott, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija prekluża milli tieħu deċiżjoni, f’appell, dwar il-mod li bih il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat il-kunċett legali ta’ evokazzjoni (jew kwalunkwe kunċett ieħor simili) fis-sentenza tagħha.

    80.

    Dak li huwa kkontestat hawnhekk, barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem tas-sentenza tal-ewwel istanza, hija l-istess kapaċità tad-DOP Porto/Port (għalkemm tista’ tkun kwalunkwe waħda oħra) sabiex twettaq il-funzjonijiet li huma inerenti għaliha u tgawdi l-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Li kieku kellu jiġi aċċettat —u hekk jirriżulta mill-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tagħmel meta tikkonferma dik li saret preċedentement mill-Bord tal-Appell— li din id-denominazzjoni ġeografika għandha karattru distintiv dgħajjef ħafna ( 43 ), b’tali mod li jkun biżżejjed li mat-terminu Port jiżdied kwalunkwe terminu ieħor (f’dan il-każ, “Charlotte”) sabiex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati marki oħrajn tal-Unjoni li jidentifikaw xorb alkoħoliku ieħor, nemmen li d-DOP Porto/Port iġġarrab dannu serju, peress li ma tkunx tista’ tiddefendi lilha nnifisha fil-konfront ta’ trade marks suċċessivi għal xorb alkoħoliku li jużaw l-element karatteristiku tagħha (Porto/Port) biż-żieda ta’ kwalunkwe wieħed mill-eluf ta’ termini ġeografiċi jew toponimiċi possibbli.

    81.

    Fi kliem ieħor, l-iżball ta’ liġi li hija bbażata fuqu din il-parti tas-sentenza fl-ewwel istanza, fil-fehma tiegħi, tikkonsisti fil-ksur tar-regola tal-Unjoni li tistabbilixxi d-dritt tad-DOP Porto/Port, maħluqa fir-Regolament Nru 1234/2007, li timpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark għal xorb alkoħoliku li tuża dik id-denominazzjoni. Id-dritt ta’ esklużjoni (ius excludendi alios) huwa l-bażi tal-protezzjoni mogħtija lid-DOP tal-inbejjed minn dak ir-regolament, li l-Artikolu 118m(2) tiegħu, jiddefendihom kontra l-użu kummerċjali, dirett jew indirett, tal-ismijiet tagħhom, sa fejn dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ DOP [ittra (a)], u kontra l-użu ħażin, l-imitazzjoni jew l-evokazzjoni tal-istess DOP [ittra (b)]. L-aggravji tal-appell inċidentali tal-IVDP jikkonċernaw iż-żewġ modalitajiet ta’ difiża, rispettivament, li fl-opinjoni tiegħi huma ammissibbli.

    2.  Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali tal-IVDPl

    82.

    L-IDVP kien argumenta quddiem il-Qorti Ġenerali, fir-rikors tiegħu għal annullament, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007 billi rrifjuta li l-inkorporazzjoni tad-DOP Porto/Port fit-trade mark “Port Charlotte” kienet tissuponi vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali rrispondiet billi kkonfermat is-sentenza tal-Bord tal-Appell, jiġifieri li “t-trade mark la tuża u lanqas tinvoka l-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini, b’mod li ma kienx hemm lok li tiġi vverifikata r-reputazzjoni tagħha” ( 44 ).

    83.

    F’din ir-risposta tal-Qorti Ġenerali hemm, minn naħa, ċerta devjazzjoni minn dak sostnut mir-rikorrent f’dik il-kawża. Meta din tintroduċi d-diskussjoni dwar il-vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tad-DOP, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-kunċett ta’ evokazzjoni, li ma jinsabx fl-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda fl-Artikolu 118m(2)(b) u li fuqu kien ibbażat motiv ieħor.

    84.

    Il-Qorti Ġenerali ma hijiex konsistenti peress li tikkonferma li “t-trade mark ikkontestata la tuża u lanqas tinvoka l-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini” (punt 72 tas-sentenza) u peress li ssostni, immedjatament wara, li “it-terminu ‘port’ huwa parti integrali tat-trade mark ikkontestata” (punt 76 tas-sentenza appellata, iddedikat għall-analiżi tal-evokazzjoni).

    85.

    Jekk, għall-mument, ninjoraw il-problemi relatati mal-evokazzjoni, li ser nerġa’ mmur lura għalihom meta nittratta l-aggravju ta’ wara, huwa inkontestabbli li t-trade mark “Port Charlotte” tirriproduċi t-terminu stess tad-DOP, jiġifieri, “Port”. Mad-daqqa t’għajn jidher li l-komponent inizjali huwa identiku għad-DOP. Għalhekk, japplika l-ewwel rekwiżit ewlieni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, u l-Qorti Ġenerali hija żbaljata meta ma taċċettahx b’dan il-mod fil-punt 72 tas-sentenza.

    86.

    Tapplika wkoll ir-reputazzjoni tal-inbejjed tad-DOP, li ma hemm l-ebda dibattitu fuqhom peress li tista’ titqies bħala magħrufa sewwa ( 45 ). Id-diskussjoni, għalhekk, hija limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk l-użu tat-terminu stess tad-DOP fit-trade mark ikkontestata jimplikax it-teħid ta’ vantaġġ indebitu minn din, għall-finijiet tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007.

    87.

    Ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza ta’ dan it-teħid ta’ vantaġġ indebitu huma bbażati fuq bażi legali żbaljata, li diġà semmejt. Għall-Qorti Ġenerali, fir-realtà, id-DOP Porto/Port għandha nuqqas ta’ karattru distintiv fiha nnifisha, peress li t-terminu waħdieni tagħha (Porto/Port), ladarba inkorporat fi trade mark għal xorb alkoħoliku li jużah flimkien ma’ kelma oħra, ikun ipperċepit mill-pubbliku bħala denominazzjoni ta’ sempliċi post ġeografiku (port) ikkaratterizzat minn dan it-tieni element. Porto/Port, għalhekk, skont din it-teorija, din hija denominazzjoni, kemm ġenerika, kif ukoll sempliċement komuni, suġġetta għal użu minn kull operatur ekonomiku li jixtieq jidentifika x-xorb alkoħoliku tiegħu stess magħha, flimkien maż-żieda ta’ kelma oħra (ta’ persuna, belt jew xi isem ta’ post jew karatteristika ġeografika).

    88.

    Jiena naħseb li din il-premessa hija inaċċettabbli, peress li hija ddgħajjef il-qawwa distintiva tad-DOP Porto/Port sa tali punt li tibdilha, de facto, f’denominazzjoni ġenerika, kontra l-projbizzjoni espressa tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007 ( 46 ).

    89.

    L-aċċettazzjoni, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali ( 47 ), li, anki fil-kuntest tax-xorb alkoħoliku, it-terminu “port” jikkorrispondi għal port fi xmara jew port marittimu, qabel id-DOP, jimplika li din tiċċaħħad mis-sustanza tagħha sal-punt li jiġu attribwiti karatteristiċi ġeneriċi li jċaħħduha minn protezzjoni. Għalkemm “port” tfisser port bl-Ingliż jew bil-Franċiż, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika li d-DOP tkun mingħajr difiża: id-deċiżjoni li tiġi mogħtija l-istess protezzjoni bħall-bqija tad-DOP tal-inbid, u mhux protezzjoni dgħajfa skont ċerti kunsiderazzjonijiet semantiċi, ġiet adottata meta l-awtoritajiet tal-Unjoni approvaw ir-reġistrazzjoni tagħha fil-lista tad-DOP.

    90.

    Il-konsegwenza ta’ din il-protezzjoni, mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, hija li t-terminu “Port” ma setax jintuża, waħdu jew ma’ oħrajn, fi trade marks li jidentifikaw xorb alkoħoliku li jistgħu jibbenefikaw indebitament mir-reputazzjoni tiegħu (partikolarment, dak ix-xorb li fihom hemm ċerta prossimità kompetittiva, peress li jkunu mmirati lejn l-istess pubbliku u jaqsmu l-istess kanali ta’ distribuzzjoni u bejgħ).

    91.

    Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, wettqet żball ta’ liġi meta ma evalwatx b’mod korrett il-portata tal-protezzjoni attribwita lid-DOP tal-inbejjed (inkluża d-DOP Porto/Port), bħala rekwiżit sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk eventwalment itteħidx vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tagħha, minn trade marks li jużaw it-terminu tipiku tagħhom.

    3.  Fuq it-tielet aggravju tal-appell inċidentali tal-IVDP

    92.

    Dan l-aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007. L-IVDP jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma rrikonoxxietx ( 48 ) l-evokazzjoni tad-DOP Porto/Port għat-trade mark ikkontestata.

    93.

    Fir-realtà, jekk l-aggravju preċedenti jiġi milqugħ dan ikun jippermetti li dan l-aggravju ma jiġix analizzat, minħabba li, ladarba jinsab il-ksur tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, għandha tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, ser neżaminah.

    94.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ) ddikjarat li l-evokazzjoni “[t]kopri każ fejn it-terminu utilizzat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni” ( 50 ).

    95.

    Il-projbizzjoni tal-evokazzjoni ma hijiex neċessarjament marbuta mal-eżistenza ta’ konfużjoni attwali fil-pubbliku. Ma huwiex essenzjali li l-konsumatur jaħseb li t-trade mark evokattiva tkopri dak protett mid-DOP evokata. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, ripetutament, li jista’ jkun hemm evokazzjoni ta’ DOP anki jekk ma jkunx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti ( 51 ).

    96.

    Huwa veru li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ neċessità ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni sabiex ikun hemm evokazzjoni. Madankollu, fl-elaborazzjoni tal-pożizzjoni tagħha dwar dan il-punt, hija kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li “ma kienx hemm ‘evokazzjoni’ ta’ nbid ta’ Porto […] peress li l-whisky huwa prodott differenti u l-ebda element tat-trade mark ikkontestata ma jinkludi indikazzjoni potenzjalment falza jew qarrieqa” ( 52 ). B’kunsiderazzjoni tal-premessa ta’ hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv korrispondenti, filwaqt li għamlet riferiment “il-kunsiderazzjonijiet ipprovduti fil-punt 71 iktar ’il fuq” fir-rigward tal-użu tat-trade mark ikkontestata ( 53 ).

    97.

    B’dan l-argument, naħseb li l-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi doppju: a) minn naħa, hija tiżbalja dwar il-kunċett stess ta’ evokazzjoni, kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn hija ddeċidiet li f’dan il-każ ma hemmx evokazzjoni għaliex ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-whisky u l-inbid ta’ Oporto; u b) min-naħa l-oħra, tirrepeti, permezz ta’ riferiment għal silta preċedenti tas-sentenza, l-istess żball li diġà semmejt fl-analiżi tat-tieni aggravju tal-appell tal-IVDP.

    98.

    It-trade mark “Port Charlotte”, inkluż “fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni” ( 54 ) mad-DOP Porto/Port, tista’ tevoka, fil-perċezzjoni ta’ konsumatur Ewropew normalment informat u raġonevolment attent, l-inbejjed protetti minn din id-DOP. Il-Qorti Ġenerali messha injorat il-probabbiltà ta’ konfużjoni ( 55 ) sabiex tiffoka fuq jekk it-trade mark il-ġdida kinitx toħloq “f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott” ( 56 ), speċjalment, fil-każ ta’ prodotti ta’ dehra simili, ibbottiljati bħala xorb alkoħoliku, u fid-dawl tax-xebh fonetiku (parzjali) bejn id-DPO magħrufa u t-trade mark li fir-rigward tagħha tintalab dikjarazzjoni ta’ invalidità ( 57 ).

    99.

    Fil-qosor, nemmen li ż-żewġ appelli magħmula kemm mill-EUIPO kif ukoll mill-IDVP għandhom jiġu milqugħa, li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

    100.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    VII. Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    1)

    Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2015, Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, IP vs UASI — Bruichladdich Distillery (T‑659/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:863).

    2)

    Tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-8 ta’ Lulju 2014 (Każ R 946/2013-4), dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trademark “Port Charlotte”, bin-Numru 5421474.

    3)

    Tikkundanna lil kull waħda mill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Id-DOP tinkludi t-termini Oporto, Porto, Port, Portvin, Port Wine, Portwein, Portwijn, vin de Porto u vinho do Porto.

    ( 3 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2015, Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto vs UASI — Bruichladdich Distillery (PORT CHARLOTTE) (T‑659/14, iktar ’il quddiem, is-sentenza appellata, EU:T:2015:863).

    ( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2007, L 78, p. 1).

    ( 5 ) Ir-Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 154, p. 1) (iktar ’il quddiem, “Regolament Nru 1234/2007”).

    ( 6 ) Il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Recueil des Traités des Nations Unies, vol. 1154, Nru I 18200, p. 89).

    ( 7 ) Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1). Fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 2009 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni.

    ( 8 ) Kawża C‑478/07, EU:C:2009:521.

    ( 9 ) Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU 2006, L 93, p. 12).

    ( 10 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115).

    ( 11 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521).

    ( 12 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014 (C‑35/13, EU:C:2014:306).

    ( 13 ) Fih jiġu kkritikati, b’mod singulari, il-punti 38 u 41 tas-sentenza appellata.

    ( 14 ) Huwa jikkundanna, b’mod partikolari l-punti 68 sa 73 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Huwa jiċċita s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115), punt 25; tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117), punt 44, u tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), punt 56

    ( 16 ) F’dan il-punt, jirreferi għall-paragrafi 74 sa 77 tas-sentenza appellata.

    ( 17 ) Kawża C‑75/15 (EU:C:2016:35), punt 31.

    ( 18 ) Kawża C‑75/15 (EU:C:2016:35).

    ( 19 ) Fis-sentenza appellata u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet sar riferiment għar-Regolament Nru 491/2009 daqslikieku kien ir-regola applikabbli. Fir-realtà, din hija l-verżjoni tar-Regolament Nru 1234/2007 kif emendat b’dan. Ir-Regolament Nru 1234/2007, inizjalment, ma inkludiex biss id-dispożizzjonijiet tas-settur tal-inbid li ma kinux suġġetti għal xi riforma regolatorja. Dawk li kienu qed jiġu emendati kellhom jiġu inkorporati wara li jkunu ġew approvati, li ġara fir-Regolament Nru 479/2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid. Ir-Regolament Nru 491/2009 jinkorpora totalment is-settur tal-inbid fir-Regolament Nru 1234/2007, filwaqt li jintroduċi fih id-deċiżjonijiet regolatorji adottati fir-Regolament Nru 479/2008

    ( 20 ) Waqt is-seduta, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-difensur tal-IVDP spjega li l-protezzjoni akbar tad-dritt nazzjonali kienet tikkonsisti fil-projbizzjoni li trade mark tapprofitta indebitament mill-prestiġju tad-DOP Porto/Port.

    ( 21 ) Punt 60 tal-att tal-appell quddiem il-Qorti Ġenerali, iddepożitata fil-15 ta’ Settembru 2014.

    ( 22 ) Punt 62 tal-att tal-appell inċidentali.

    ( 23 ) Punt 90 tal-att tiegħu ta’ oppożizzjoni għall-appell tal-EUIPO.

    ( 24 ) Għandu jingħad ukoll li r-raġunijiet li wasslu sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-organizzazzjoni tas-suq tal-inbid huma esposti fil-premessi tar-Regolament Nru 479/2008, li ppreċeda r-Regolament Nru 491/2009, li jsiru, ukoll, għodda ta’ interpretazzjoni tal-ambitu tar-regolament.

    ( 25 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009 (C‑478/07, EU:C:2009:521).

    ( 26 ) It-termini ta’ dik it-tilwima kienu tant simili għal dan il-każ li, tmien snin wara, għadhom japplikaw il-kliem tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:52), punt 89: “Fi ftit kliem, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini humiex esklużivi, waħda mill-iktar kwistjonijiet kontroversjali f’dan il-qasam, u li s’issa l-ġurisprudenza rrispondiet biss parzjalment”.

    ( 27 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), punt 114.

    ( 28 ) Sentenza appellata, punt 41.

    ( 29 ) Ibidem, punti 44 sa 49.

    ( 30 ) Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16).

    ( 31 ) Din l-istess tendenza ta’ standardizzazzjoni hija mixtieqa, ulterjorment, li tiġi estiża għal setturi oħra. Pereżempju, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni tas-6 ta’ Ottubru 2015, dwar l-estensjoni possibbli tal-indikazzjoni ġeografika protetta tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti mhux agrikoli [2015/2053(INI)]. F’din ir-riżoluzzjoni huwa enfasizzat li “l-liġijiet nazzjonali li attwalment jipproteġu l-prodotti mhux agrikoli qed joħolqu livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri, li mhijiex f’konformità mal-għanijiet tas-suq intern, u qed tikkawża diffikultajiet għall-protezzjoni effikaċi tagħhom fl-Ewropa u fl-Istati Membri fejn dawn mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u dan jindika l-ħtieġa għal sistema unika ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi madwar l-UE” (mingħajr enfasi fil-verżjoni oriġinali). Ara r-riżoluzzjoni, li fiha l-Kummissjoni hija mħeġġa tfassal proposta leġiżlattiva mill-aktar fis possibbli f’dan ir-rigward http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2015-0331+0+DOC+XML+V0//MT.

    ( 32 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), punti 116117. Dan l-istess għan li tkun żgurata l-protezzjoni uniformi fl-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jikkonformaw mar-Regolament [dak iż-żmien ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4)], soġġetti għar-reġistrazzjoni tagħhom skont ir-Regolament innifsu, jinsab fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274), punt 25. Fl-istess linja, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115), punt 18.

    ( 33 ) Il-premessa 29 tiegħu tiddeskrivi l-mod sabiex tintlaħaq il-protezzjoni permezz tar-reġistru Komunitarju, fejn hija l-Kummissjoni dik li għandha tiżgura li l-applikazzjonijiet tar-reġistrazzjoni jikkonformaw mal-kundizzjonijiet elenkati fir-Regolament u li l-approċċ huwa uniformi fl-Istati Membri kollha.

    ( 34 ) Is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), punti 118 sa 120, u s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274), punt 28, evalwaw dan l-element bħala indikatur tat-telf mill-Istati Membri tas-sistemi ta’ protezzjoni tagħhom.

    ( 35 ) Ara http://ec.europa.eu/agriculture/markets/wine/e-bacchus/index.cfm?language=MT

    ( 36 ) Taħt din id-dispożizzjoni, jekk l-informazzjoni rilevanti ma tiġix sottomessa fil-ħin, il-Kummissjoni setgħet tneħħi d-DOP mil-lista E-Bacchus. Hija setgħet ukoll, sal-31 ta’ Diċembru 2014, tapprova l-kanċellazzjoni tal-protezzjoni tad-DOP li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 118b tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 37 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009 (C‑478/07, EU:C:2009:521)

    ( 38 ) Ibidem.

    ( 39 ) L-ammissjoni ta’ livelli nazzjonali ta’ kwalità ogħla, aħjar minn dik stabbilita fir-regolamenti, hija riflessa wkoll, għax-xorb alkoħoliku, fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 110/2008

    ( 40 ) Għalhekk, fil-punt 38 tas-sentenza appellata: “[K]onformement mal-ispirtu u mas-sistema tal-kuntest regolamentari uniku tal-politika agrikola komuni (premessa 1 tar-Regolament Nru 491/2009; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija għar-Regolament Nru 510/2006, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, […] EU:C:2009:521, punti 107 et seq), għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 491/2009, il-kundizzjonijiet preċiżi u l-portata ta’ din il-protezzjoni huma stabbiliti esklużivament fl-Artikolu 118m(1) u (2) tal-istess regolament”.

    ( 41 ) Ara, għal kollha, is-sentenza reċenti tat-2 ta’ Marzu 2017, Panrico vs EUIPO (C‑655/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:155), punt 68, li fiha ġiet iċċitata l-kawża tas-16 ta’ Mejju 2013, Arav vs H.Eich u UASI (C‑379/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:317), punti 42, 8182; is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, MEGA Brands International vs UASI, (C‑182/14 P, EU:C:2015:187), punti 48 sa 51; u l-kawża tas-7 ta’ April 2016, Harper Hygienics vs EUIPO (C‑475/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:264), punti 35 u 36.

    ( 42 ) Kawża C‑75/15 (EU:C:2016:35).

    ( 43 ) Dan ġie sostnut, permezz ta’ kliem ieħor, matul is-seduta, kemm mill-EUIPO kif ukoll minn Bruichladdich. L-EUIPO, b’mod konkret, speċifika li “Porto u Port huma termini ġeneriċi”, anki jekk aktar tard iċċara d-dikjarazzjoni preċedenti tiegħu billi allega li “għandhom ċerta konnotazzjoni ġenerika”.

    ( 44 ) Punt 72 tas-sentenza appellata.

    ( 45 ) Skont l-IVDP (punt 83 tat-talba tiegħu għal annullament), l-EUIPO kien aċċetta r-reputazzjoni tad-DOP Porto/Port f’deċiżjonijiet preċedenti, iċċitati hemmhekk. Ma jidhirx li dan il-punt kien, attwalment, ikkontestat, minħabba l-fama u r-rikonoxximent internazzjonali tal-inbejjed tad-DOP.

    ( 46 ) It-tħassib għall-prevenzjoni tal-użu ħażin tad-DOP għall-inbejjed b’riferiment għan-natura ġenerika ipotetika tagħhom ilu għaddej ħafna snin. L-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Madrid dwar it-trażżin tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini falza jew qarrieqa fil-prodotti, tal-14 ta’ April 1891, diġà kien ipprovda li “l-Qrati ta’ kull pajjiż għandhom jiddeċiedu liema huma d-denominazzjonijiet li, minħabba n-natura ġeneriku tagħhom, ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li ma jinkludix, madankollu, id-denominazzjonijiet reġjonali ta’ oriġini tal-prodotti tal-inbid fir-riserva speċifikata minn dak l-artikolu” (enfasi miżjuda).

    ( 47 ) Punt 71 tas-sentenza appellata.

    ( 48 ) Punti 74 sa 77 tas-sentenza appellata.

    ( 49 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115), punt 25; sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117), punt 44; sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), punt 56; u sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), punt 21.

    ( 50 ) Din il-ġurisprudenza ġiet ikkritikata, xi kultant, talli rrikjediet l-“inkorporazzjoni ta’ parti tad-denominazzjoni protetta”, peress li jista’ jiġri li, anki mingħajr tali inkorporazzjoni, trade mark jista’ jkollha dawk l-elementi li jevokaw fihom innifishom, fil-perċezzjoni pubblika, id-DOP.

    ( 51 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115), punt 26; sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117), punt 45, u s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), punt 45.

    ( 52 ) Punt 74 tas-sentenza appellata.

    ( 53 ) Ibidem, punt 75.

    ( 54 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), punt 52.

    ( 55 ) L-EUIPO kien irrikonoxxa dan il-probabbiltà ta’ konfużjoni fi preċedenti simili oħra, li l-IDVP enfasizza quddiem il-Qorti Ġenerali (punt 71 tar-rikors tiegħu). B’mod konkret, fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2014, l-EUIPO kkunsidra l-oppożizzjoni tal-IVDP għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Nru 11229317, “Port Ruhige”, għal whisky, wara li argumenta li bejn din it-trade mark u d-DOP Porto/Port kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, minħabba x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tagħhom, peress li huma xorb alkoħoliku li jinbiegħ fl-istess kanali ta’ distribuzzjoni. Biex wasal għal din id-deċiżjoni l-EUIPO rrifjuta, inter alia, l-allegazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark li fiha enfasizza l-karattru distintiv dgħajjef tad-DOP. Huwa ammetta, wkoll, li xi konsumaturi setgħu “jassumu li t-trade mark [Port Ruhige] hija sottodenominazzjoni, għall-esportazzjoni, tad-DOP [Port]”.

    ( 56 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), punt 45.

    ( 57 ) Kriterju użat mis-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115), punt 27; tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117), punt 27; tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), punt 57, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), punt 33.

    Fuq