EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0099

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Mejju 2017.
Jean-Philippe Lahorgue vs Ordre des avocats du barreau de Lyon et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-tribunal de grande instance de Lyon.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 77/249/KEE – Artikolu 4 – Eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat – Router ta’ konnessjoni man-netwerk privat virtwali tal-avukati (NPVA) – Router ‘NPVA’ – Rifjut ta’ provvista lil avukat iskritt fil-kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ieħor – Miżura diskriminatorja.
Kawża C-99/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:391

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 77/249/KEE — Artikolu 4 — Eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat — Router ta’ konnessjoni man-netwerk privat virtwali tal-avukati (NPVA) — Router ‘NPVA’ — Rifjut ta’ provvista lil avukat iskritt fil-kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ieħor — Miżura diskriminatorja”

Fil-Kawża C‑99/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Jean-Philippe Lahorgue

vs

Ordre des avocats du barreau de Lyon,

Conseil national des barreaux (CNB),

Conseil des barreaux européens (CCBE),

Ordre des avocats du barreau de Luxembourg,

fil-preżenza ta’:

Ministère public,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J.‑P. Lahorgue, minnu nnifsu, avukat,

għall-Ordre des avocats du barreau de Lyon, minn S. Bracq, avukat,

għall-Conseil national des barreaux (CNB), minn J.‑P. Hordies u A.‑G. Haie, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ inġunzjoni tal-Ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza), tal-Conseil national des barreaux (CNB) (kunsill nazzjonali tal-kmamar tal-avukati) u tal-Conseil des barreaux européens (CCBE) (kunsill tal-kmamar tal-avukati Ewropej) kif ukoll tal-Ordre des avocats du barreau de Luxembourg (kamra tal-avukati tal-Lussemburgu), f’proċedura għal miżuri provviżorji mressqa minn Jean‑Philippe Lahorgue u intiża sabiex jikseb deċiżjoni li l-Ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza) jagħtih, bħala fornitur ta’ servizzi transkonfinali, ir-router ta’ konnessjoni man-netwerk privat virtwali tal-avukati (NPVA) (iktar ’il quddiem ir-“router NPVA”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249 jiddisponi:

“1.   L-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru li jospita taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-avukati stabbiliti f’dak l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ xi kondizzjonijiet li jeħtieġu residenza, jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali, f’dak l-Istat.

2.   Avukat li jwettaq dawn l-attivitajiet għandu josserva r-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru li jospita, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu fl-Istat Membru li minnu jiġi.

[…]”

4

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għat-twettiq ta’ l-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali, Stat Membru jista’ jeħtieġ li avukati li għalihom japplika l-Artikolu 1:

jiġu introdotti, skond ir-regoli jew id-drawwiet lokali, lill-imħallef li jippresjedi u, meta approprjat, lill-President tal-Bar [tal-Kamra tal-Avukati] rilevanti fl-Istat Membru li jospita;

jaħdmu flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni u li, meta neċessarju, ikollu jwieġeb lil dik l-awtorità, jew permezz ta’ ‘avoué’ jew ‘procuratore’ li jipprattika quddiemha.”

5

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 77/249, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jospita tista’ titlob lill-persuna li tipprovdi s-servizzi li tistabbilixxi l-kwalifiki tagħha bħala avukat.

Id-dritt Franċiż

6

B’mod partikolari, fir-rigward tal-avukati ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbiliti b’mod permanenti f’wieħed mill-Istati Membri, l-Artikolu 202‑1 tad-Digriet Nru 91‑1197, tas-27 ta’ Novembru 1991, li jirregola l-professjoni ta’ avukat jiddisponi:

“Meta [tali] avukat jaċċetta r-rappreżentazzjoni jew id-difiża ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, huwa jeżerċita il-funzjonijiet tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal avukat iskritt ma’ kamra tal-avukati Franċiża.

[…]

F’materji ċivili, meta r-rappreżentazzjoni hija obbligatorja quddiem it-Tribunal de grande instance [qorti reġjonali], jista’ biss jirrappreżenta klijent wara li jistabbilixxi d-domiċilju tiegħu ma’ avukat stabbilit mill-qorti relevanti u li lilha ġew innotifikati b’mod validu l-atti proċedurali. […]”

7

Skont l-Artikolu 748‑1 tal-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili), “[i]d-dispaċċi, konsenji u notifiki tal-atti proċedurali, ta’ dokumenti, avviżi, twissijiet jew konvokazzjonijiet, ta’ rapporti, ta’ minuti kif ukoll ta’ kopji u konsenji ta’ ordni ta’ infurzar ta’ deċiżjonijiet ġurisdizzjonali jistgħu jitwettqu elettronikament taħt il-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet stabbiliti minn dan it-titolu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali imposti fuq l-użu ta’ dan il-metodu ta’ komunikazzjoni”.

8

Fir-rigward tal-appell, l-Artikolu 930‑1 tal-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili) jipprevedi:

“Fuq piena ta’ inammissibbiltà, li titqajjem ex officio, l-atti ta’ proċedura għandhom jintbagħtu lill-qorti elettronikament.

Meta att ma jistax jintbagħat elettronikament minħabba raġuni li ma hijiex taħt il-kontroll ta’ min qed jibagħtu, għandu jiġi stampat fuq karta u jintbagħat lir-reġistru. F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni ta’ appell għandha tintbagħat lir-reġistru […]

L-avviżi, twissijiet jew konvokazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-avukati tal-partijiet elettronikament, sakemm dan ma jkunx impossibbli minħabba raġuni li ma hijiex taħt il-kontroll ta’ min qed jibagħthom.

Ordni tal-Garde des sceaux (ministru tal-ġustizzja) tiddefinixxi l-modalitajiet tal-iskambji elettroniċi.”

9

Skont l-Artikolu 5 tad-digriet tas-7 ta’ April 2009 dwar il-komunikazzjoni elettronika quddiem il-qrati reġjonali, “[l]-aċċess tal-avukati għas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika pprovduta mill-qrati jseħħ permezz tal-użu ta’ proċess ta’ konnessjoni ma’ netwerk indipendenti privat operat taħt ir-responsabbiltà tal-Conseil national des barreaux (kunsill nazzjonali tal-kmamar tal-avukati) imsemmija [NPVA].”

10

Skont l-Artikolu 9 ta’ dan id-digriet, “[i]s-sigurtà tal-konnessjoni tal-avukati man-NPVA hija ggarantita minn mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq servizz ta’ ċertifikazzjoni li jiżgura l-awtentiċità tal-avukat individwali […]. Il-mekkaniżmu fih funzjoni ta’ verifikazzjoni tal-validità taċ-ċertifikat elettroniku. Dan jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni elettronika li jaġixxi f’isem il-Conseil national des barreaux (kunsill nazzjonali tal-kmamar tal-avukati), li għandu l-awtorità sabiex jiċċertifika.”

11

Fil-prattika, l-awtentifikazzjoni hija possibbli mill-fatt li ċ-ċertifikat elettroniku personali tal-avukat jintbagħat lir-reġistru nazzjonali tal-avukati, li huwa aġġornat awtomatikament permezz ta’ sinkronizzazzjoni kuljum mar-reġistri tal-avukati tal-kmamar tal-avukati Franċiżi kollha.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

J. Lahorgue, ta’ nazzjonalità Franċiża, huwa avukat iskritt fl-Ordre des avocats du barreau de Luxembourg (kamra tal-avukati tal-Lussemburgu).

13

Huwa talab lill-Ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza) sabiex jibbenefika minn router RPVA li jiffaċilita l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fil-qasam tal-provvista transkonfinali tas-servizzi.

14

Din il-kamra tal-avukati ma laqatx it-talba ta’ J. Lahorgue minħabba l-fatt li ma kienx iskritt mal-Ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza).

15

J. Lahorgue ressaq ukoll proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-Tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon, Franza), fil-konfront b’mod partikolari tal-Ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza), sabiex din tal-aħħar tiġi ordnata tagħtih fi żmien tmint ijiem u taħt pagamenti ta’ penalità r-router NPVA sabiex ikun jista’ jeżegwixxi b’mod komplet il-professjoni ta’ avukat fi Franza u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal avukat Franċiż.

16

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji, J. Lahorgue ssuġġerixxa li skont il-każ għandha ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi jekk ir-rifjut li jiġi pprovdut router NPVA lil avukat debitament iskritt mal-kamra tal-avukati ta’ Stat Membru, minħabba l-fatt biss li dan l-avukat ma huwiex iskritt fil-kamra tal-avukati tal-Istat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċita l-professjoni ta’ avukat bħala fornitur liberu ta’ servizz, huwa kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249/KEE minħabba li jikkostitwixxi miżura diskriminatorja li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-professjoni bħala fornitur liberu ta’ servizzi.

17

Il-qorti tar-rinviju kellha xi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza).

18

B’mod partikolari, hija kkunsidrat li, peress li l-eżerċizzju tar-rimedji f’materji kriminali jew soċjali ma fihx restrizzjoni, għal avukat ta’ Stat Membru ieħor, li tirrigwarda obbligu li jipprattika flimkien ma’ avukat membru tal-kamra tal-avukati tal-post tal-qorti kkunsidrata, jista’ jidher li ma huwiex konformi mal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jiġi impost fuq avukat minn Stat Membru ieħor li jirrikorri għal avukat ieħor, meta l-aċċess liberu għal qrati permezz tar-router NPVA jkun jista’ jippermettilu l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon, Franza), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-rifjut li jiġi pprovdut router sikur [NPVA] lil avukat debitament iskritt mal-Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċità l-professjoni ta’ avukat bħala fornitur liberu ta’ servizz huwa kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249/KEE minħabba li jikkostitwixxi miżura diskriminatorja li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-professjoni bħala fornitur liberu ta’ servizzi [f’ċirkustanzi fejn l-avukat lokali li flimkien jipprattika miegħu ma huwiex impost bil-liġi]?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Hekk kif ġie korrettament sostnut mill-Gvern Franċiż u mill-Avukat Ġenerali, id-domanda hekk kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju fiha affermazzjoni li ma tikkorrispondix għas-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali peress li tipprevedi s-sitwazzjoni ta’ avukat “iskritt mal-Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċità l-professjoni ta’ avukat” li ma huwiex il-każ ta’ J. Lahorgue.

21

Issa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha u, f’din l-ottika, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, skont il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 36).

22

Peress li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex għal din tal-aħħar li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 29), konsegwentement hemm lok, li wieħed jifhem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rifjut li jingħata router NPVA, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru lil avukat debitament iskritt ma’ kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni waħda li dan l-avukat ma jkunx iskritt f’kamra tal-avukati fl-ewwel Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu bħala fornitur liberu ta’ servizzi jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249, meta dan ir-rifjut jikkostitwixxi miżura diskriminatorja li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-professjoni bħala fornitur liberu ta’ servizzi fil-każ fejn l-obbligu li jipprattika ma’ avukat ieħor ma huwiex impost bil-liġi.

23

Mill-elementi tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika hija awtorizzata f’ċerti proċeduri, fosthom uħud f’materji kriminali jew soċjali, li fihom ir-rappreżentazzjoni minn avukat ma hijiex obbligatorja, jiġifieri l-proċeduri previsti mit-talba għal deċiżjoni preliminari. L-aċċess għal dan il-mezz ta’ komunikazzjoni huwa limitat għall-avukati iskritti f’kamra tal-avukati Franċiża. Fiż-żmien li fih seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-aċċess għal dan il-mezz ta’ komunikazzjoni kien, bħala prinċipju, limitat għall-avukati fil-ġurisdizzjoni tal-kamra tal-avukati rispettivi tagħhom. Għall-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-komunikazzjonijiet permezz ta’ depożitu fir-reġistru jew bil-posta huma l-uniċi awtorizzati.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-restrizzjonijiet kollha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skont l-Artikolu 56 TFUE, għandhom jitneħħew b’mod partikolari sabiex il-fornitur ta’ servizzi, hekk kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE, jeżerċita l-attività tiegħu fil-pajjiż fejn is-servizz huwa pprovdut taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imposti fil-konfront taċ-ċittadini ta’ dak l-istess Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑294/89, EU:C:1991:302, punt 25).

25

Din l-aħħar dispożizzjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ġiet iċċarata minn avukati, permezz tad-Direttiva 77/249, li l-Artikolu 4(1) tiegħu jiddisponi li r-rappreżentanza legali ta’ klijent fi Stat Membru ieħor għandha tiġi eżerċitata “taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-avukati stabbiliti f’dak l-Istat”, bl-eċċezzjoni ta’ “kull kundizzjoni li teħtieġ residenza jew iskrizzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali f’dak l-Istat” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, AMOK, C‑289/02, EU:C:2003:669, punt 29).

26

Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, tostakola fornitur ta’ servizzi mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑66/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:5, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawk il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, ifixklu jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑66/15, EU:C:2016:5, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li r-rifjut li jingħata r-router NPVA lill-avukati mhux iskritti fi ħdan kamra tal-avukati Franċiża huwa ta’ natura tali li jista’ jfixkel jew irendi inqas attraenti l-eżerċizzju minn dawn tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

28

Fil-fatt, peress li ma jistax ikollhom aċċess għall-iżmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri, dawn l-avukati għandhom ikunu jistgħu jagħmlu l-komunikazzjoni jew permezz ta’ preżentata fir-reġistru jew bil-posta, jew jagħmlu użu mill-assistenza ta’ avukat iskritt ma’ kamra tal-avukati Franċiża u li għandu router NPVA. Madankollu, dawn il-metodi ta’ komunikazzjoni alternattivi għall-komunikazzjoni elettronika huma iktar restrittivi u, bħala prinċipju, jiswew iktar minn dan tal-aħħar.

29

Għalhekk, ir-rifjut li jinħareġ router NPVA lill-avukati mhux iskritti ma’ kamra tal-avukati Franċiża jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

30

Madankollu, minħabba n-natura partikolari tal-provvista ta’ servizzi tal-persuni mhux stabbiliti fl-Istat Membru fit-territorju fejn is-servizz għandu jiġi pprovdut, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kuntrarja għall-Artikoli 56 u 57 TFUE, li r-rekwiżit, dwar l-avukati, li l-persuna kkonċernata tkun iskritta f’kamra tal-avukati lokali għall-aċċess għas-servizz ta’ żmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri, dejjem jekk dan ir-rekwiżit huwa oġġettivament neċessarju sabiex jitħares l-interess ġenerali, li huwa b’mod partikolari marbut mal-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen, 33/74, EU:C:1974:131, punti 11, 1214). Dan huwa l-qafas li fih għandha tiġi interpretata d-Direttiva 77/249 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 427/85, EU:C:1988:98, punt 13).

31

Barra minn dan, minn ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jistgħu madankollu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 61, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 42), peress li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk tkun tissodisfa verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mir-rifjut li joħorġu router NPVA lill-avukati mhux iskritti f’kamra tal-avukati Franċiża, is-CNB u l-Gvern Franċiż jinvokaw il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Skont il-Gvern Franċiż, tali restrizzjoni hija ġġustifikata wkoll mill-protezzjoni tad-destinatarju finali ta’ servizzi ġuridiċi.

33

Fil-fatt, fi Franza, kull avukat ikollu ċertifikat elettroniku tiegħu stess li jippermettilu li jipprova l-kwalità tiegħu ta’ avukat iskritt ma’ kamra tal-avukati Franċiża u li awtorizzat jeżerċita l-professjoni tiegħu. Iċ-ċertifikat elettroniku ta’ kull avukat jintbagħat lir-reġistru nazzjonali tal-avukati, li huwa aġġornat awtomatikament permezz ta’ sinkronizzazzjoni ta’ kuljum mar-reġistri tal-avukati tal-kmamar tal-avukati Franċiżi kollha. Għalhekk, iċ-ċertifikat elettroniku għal kull avukat ikun validu sakemm l-avukat ikun iskritt fir-reġistru nazzjonali tal-avukati. Min-naħa l-oħra, meta avukat ma jkunx iktar iskritt f’dan id-direttorju, pereżempju għaliex jitneħħa mil-lista tal-kamra tal-avukati li kien fiha iskritt, iċ-ċertifikat elettroniku tiegħu jiskadi.

34

F’dan ir-rigward, għandu jingħad, minn naħa, li l-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari tad-destinatarji ta’ servizzi ġuridiċi pprovduti minn professjonisti legali, u, min-naħa l-oħra, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma għanijiet inklużi fost dawk li jistgħu jitqiesu li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 64).

35

Hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-protezzjoni tal-parti f’kawża bħala konsumatur finali tas-servizzi ġuridiċi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma marbuta, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ tal-fornitur tas-servizz.

36

Għalhekk, is-sistema ta’ identifikazzjoni tal-NPVA u li hija intiża sabiex tiżgura li jkunu biss l-avukati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom li jkunu jistgħu jingħaqdu mal-NPVA jidhru, bħala tali, li huma xierqa sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-għanijiet ta’ protezzjoni kemm tad-destinatarji tas-servizzi ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

37

Fir-rigward tan-natura proporzjonata tar-rifjut li jingħata router NPVA lill-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-Gvern Franċiż josserva li dan ir-rifjut huwa spjegat mill-fatt li, fl-istat attwali tal-mezzi ta’ żmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, ma hemmx interoperabbiltà bejn ir-reġistri tal-avukati li jistgħu jeżistu fl-Istati Membri differenti. Minn dan jirriżulta li, meta jkun hemm konnessjoni mal-NPVA, is-sistema ta’ identifikazzjoni ma tkunx tista’ tivverifika l-validità taċ-ċertifikat elettroniku għall-avukati iskritti ma’ kamra tal-avukati Franċiża.

38

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, jistax jiġi żgurat li l-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandhomx ikollhom, skont il-każ u għal ċerti użi, router NPVA f’kundizzjonijiet fejn il-protezzjoni tal-parti f’kawża bħala l-konsumatur finali tas-servizzi ġuridiċi u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja humiex iggarantiti bl-istess mod bħal dawk li huma żgurati fil-każ tal-avukati iskritti fil-kamra tal-avukati Franċiża. Jekk dan huwa l-każ, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex iġġustifikata.

39

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-proċeduri fejn ir-rappreżentazzjoni minn avukat ma hijiex obbligatorja u li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-komunikazzjoni tal-atti proċedurali b’mod elettroniku mal-qorti adita hija fakultattiva. Għalhekk, l-avukati kollha, inklużi dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jistgħu jikkomunikaw l-atti proċedurali tagħhom lil din il-qorti permezz ta’ preżentata fir-reġistru jew bil-posta, filwaqt li huma biss l-avukati tal-post tal-qorti kkonċernata li kellhom il-possibbiltà, skont il-każ, li jagħmlu użu mill-komunikazzjoni elettronika.

40

Iżda jekk jirriżulta li l-verifika tal-kwalità ta’ avukat ma tkunx meħtieġa b’mod sistematiku u konsistenti f’każ ta’ komunikazzjoni permezz ta’ preżentata fir-reġistru jew bil-posta, sabiex ikun żgurat kontroll tal-operatur tat-tip ekwivalenti għal dak previst permezz tat-twaqqif tas-sistema NPVA, ir-rifjut lill-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor barra r-Repubblika Franċiża, illi jinħarġilhom router NPVA, ma jistax jitqies bħala konsistenti mal-għanijiet ta’ protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ġuridiċi u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

41

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dan il-kriterju ta’ ekwivalenza, jekk ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konsistenti ma dawk l-għanijiet. Jekk dan ma huwiex il-każ, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex iġġustifikata.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li r-rifjut li jingħata router NPVA, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru lil avukat debitament iskritt ma’ kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni waħda li dan l-avukat ma jkunx iskritt f’kamra tal-avukati fl-ewwel Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu bħala fornitur liberu ta’ servizzi fil-każ fejn l-obbligu li jipprattika ma’ avukat ieħor ma huwiex impost bil-liġi, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56 u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali rifjut, fir-rigward tal-kuntest fejn dan ġie kkontestat, jissodisfax verament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jistgħu jiġġustifikawh u jekk ir-restrizzjonijiet li jimponi ma humiex sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-rifjut li jingħata router ta’ konnessjoni man-netwerk privat virtwali tal-avukati, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti lil avukat debitament iskritt ma’ kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni waħda li dan l-avukat ma jkunx iskritt f’kamra tal-avukati fl-ewwel Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu bħala fornitur liberu ta’ servizzi fil-każ fejn l-obbligu li jipprattika ma’ avukat ieħor ma huwiex impost bil-liġi, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali rifjut, fir-rigward tal-kuntest fejn dan ġie kkontestat, jissodisfax verament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jistgħu jiġġustifikawh u jekk ir-restrizzjonijiet li jimponi ma humiex sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq