Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CC0348

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-6 ta’ April 2017.
    Moussa Sacko vs Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione internazionale di Milano.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Milano.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Artikoli 12, 14, 31 u 46 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Possibbiltà għall-qorti li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tisma’ lill-applikant.
    Kawża C-348/16.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:288

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    M. CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fis-6 ta’ April 2017 ( 1 )

    Kawża C‑348/16

    Moussa Sacko

    vs

    Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione internazionale di Milano

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan, l-Italja)]

    “Domanda preliminari – Ażil – Interpretazzjoni tal-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tad-Direttiva 2013/32/UE – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ċaħda amministrattiva, wara smigħ tal-parti interessata, ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat – Possibbiltà ta’ ċaħda tal-azzjoni ġudizzjarja mingħajr smigħ tal-parti interessata”

    1. 

    Għall-ewwel darba (jekk mhux sejjer żball), il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda dwar jekk id-Direttiva 2013/32/UE ( 2 ) hijiex kompatibbli ma’ liġi nazzjonali li tippermetti li tiġi ddikjarata inammissibbli jew tiġi miċħuda immedjatament azzjoni ġudizzjarja mressqa minn applikant għal ażil kontra r-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

    2. 

    Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-azzjoni ta’ min talab l-ażil f’dan il-każ hija “manifestament infondata” u li “ċ-ċaħda tal-awtorità amministrattiva” tat-talba tiegħu hija, “għalhekk, insormontabbli”. Għalkemm, f’dan ir-rigward, il-liġi nazzjonali tawtorizzaha tiddikjara inammissibbli jew tiċħad l-azzjoni immedjatament mingħajr proċedura, hemm dubju dwar jekk din is-soluzzjoni hijiex konformi mad-Direttiva 2013/32. Speċifikament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iċ-ċaħda immedjata, fil-fatt, timpedixxix lill-applikant milli jgawdi d-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2013/32

    3.

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2013/32 huwa “li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE” ( 3 ).

    4.

    Fil-premessi 18, 20 u 60 tal-istess direttiva huwa pprovdut li:

    “(18)

    Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.”

    “(20)

    F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar fejn applikazzjoni x’aktarx li hi bla bażi jew fejn hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva.

    “(60)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata għal dan il-għan.”

    5.

    L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva jippreċiża li:

    “‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx”.

    6.

    Inkluż fil-Kapitolu II (“Prinċipji u garanziji bażiċi”), l-Artikolu 12 jipprovdi:

    “1.   Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

    a)

    għandhom jiġu informati f’ilsien li huma jifhmu jew raġonevolment huma mistennija jifhmu tal-proċedura li jkollha tiġi segwita.[…];

    […]

    d)

    huma u jekk applikabbli, il-konsulenti legali tagħhom […] m’għandhomx jiġu miċħuda aċċess għall-informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 10(3)(b) u għall-informazzjoni mogħtija mill-esperti msemmija fl-Artikolu 10(3)(d), fejn l-awtorità determinanti tkun ikkunsidrat dik l-informazzjoni bl-iskop li tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom;

    e)

    għandhom jingħataw notifika fi żmien raġonevoli tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom […];

    f)

    għandhom jiġu informati dwar ir-riżultat tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti f’ilsien li huma jifhmu jew raġonevolment huma mistennija jifhmu meta ma jkunux assistiti jew rappreżentati minn konsulent legali jew konsulent ieħor. L-informazzjoni provduta għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva […].

    2.   Fir-rigward tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu V, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha igawdu garanziji ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1(b) sa (e).”

    7.

    L-Artikolu 14 (“Intervista personali”) tad-Direttiva jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali […].”

    8.

    B’mod konformi mal-Artikolu 17 (“Ir-rappurtar u l-irrekordjar ta’ intervisti personali”) tad-Direttiva:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir rapport dettaljat u fattwali bl-elementi sostantivi kollha jew traskrizzjoni ta’ kull intervista personali.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-irrekordjar awdjo jew awdjoviżiv tal-intervista personali. Fejn isir irrekordjar awdjo jew awdjoviżiv tal-intervista, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irrekordjar jew traskrizzjoni tal-intervista personali tkun disponibbli b’rabta mal-fajl tal-applikant.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant ikollu l-opportunità li jagħmel kummenti u/jew jipprovdi kjarifiki oralment u/jew bil-miktub dwar kwalunkwe traduzzjoni ħażina jew kull idea żbaljata li jidhru fir-rapport jew it-traskrizzjoni, meta tintemm l-intervista personali jew f’perjodu ta’ żmien speċifiku qabel id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant ikun informat bis-sħiħ dwar il-kontenut tar-rapport, jew l-elementi sostantivi tat-traskrizzjoni jekk meħtieġ bl-assistenza ta’ interpretu. Wara l-Istati Membri għandhom jitolbu l-applikant jikkonferma li l-kontenut tar-rapport jew it-traskrizzjoni jirriflettu b’mod tajjeb l-intervista.

    […]

    5.   L-applikanti u l-konsulenti legali tagħhom jew konsulenti oħra […] għandu jkollu aċċess għal dan ir-rapport jew it-traskrizzjoni u, fejn applikabbli, ir-rekording, qabel ma l-awtorità determinanti tieħu d-deċiżjoni tagħha.

    […]”

    9.

    Taħt it-titolu “Proċedura ta’ eżami”, l-Artikolu 31, li permezz tiegħu jibda l-Kapitolu III (“Proċeduri ta’ prima istanza”), jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

    […]

    L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:

    a)

    jkun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u/jew liġi;

    b)

    għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;

    c)

    fejn id-dewmien ikun ċarament attribwit għan-nuqqas li l-applikant jikkonforma mal-obbligi tiegħu/tagħha taħt l-Artikolu 13.

    […]

    8.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

    a)

    l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti għall-eżami dwar jekk huwa/hija jikkwalifikax/tikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali […]; jew

    b)

    l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva; jew

    c)

    l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

    d)

    probabbilment, b’malafede, l-applikant iddistruġġa jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar li seta’ għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

    e)

    l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad-[ta’] jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali […]; jew

    f)

    l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li mhix ammissibbli f’konformità mal-Artikolu 40(5); jew

    g)

    l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu/tagħha; jew

    h)

    l-applikant daħal fit-territorju tal-Istat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu lill-awtoritajiet jew ma ppreżentax applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-dħul tiegħu; jew

    i)

    l-applikant jirrifjuta li jikkonforma mal-obbligu li jittieħdulu l-marki tas-swaba’ […]; jew

    j)

    l-applikant jista’, għal raġunijiet serji, jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jew l-applikant ġie espuls bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali.

    9.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-limiti ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ prima istanza skont il-paragrafu 6[8]. Dawk il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu raġonevoli.

    […]”

    10.

    Skont l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva:

    “F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31(6[8]) l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

    11.

    Il-Kapitolu V (“Proċeduri tal-appelli”) tad-Direttiva fih artikolu wieħed biss (l-Artikolu 46), bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv”, li jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

    i)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

    ii)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

    iii)

    meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 43(1);

    iv)

    li ma jsirx eżami f’konformità mal-Artikolu 39;

    b)

    rifjut li l-eżami ta’ applikazzjoni jinfetaħ mill-ġdid wara li tkun twaqqfet skont l-Artikoli 27 u 28;

    c)

    deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 45.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni rikonoxxuti mill-awtorità determinanti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jkollhom id-dritt għall-soluzzjoni effettiva taħt il-paragrafu 1 kontra deċiżjoni li tiġi kkunsidrata applikazzjoni bla bażi fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat.

    […]

    3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.

    L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu reviżjoni ex officio tad-deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 43.

    […]”

    B. Id-dritt nazzjonali

    12.

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt Taljan ipprovda, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, fażi amministrattiva –li fiha kummissjoni ta’ esperti teżamina l-applikazzjoni, wara intervista li ssir lill-applikant– u fażi ġurisdizzjonali –li fiha l-applikant li t-talba tiegħu ma tkunx ġiet milqugħa jkun jista’ jikkontesta d-deċiżjoni amministrattiva ta’ rifjut.

    13.

    L-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011 ( 4 ), kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 142 tal-2015 ( 5 ), jipprovdi:

    “1.   Il-kawżi li jinvolvu appelli kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 25, tat-28 ta’ Jannar 2008, huma rregolati bi proċedura b’urġenza, sakemm dan l-artikolu ma jipprovdix mod ieħor.

    […]

    3.   L-appell għandu jiġi ippreżentat, taħt piena ta’ inammissibbiltà, mhux iktar tard minn tletin jum wara n-notifika tad-deċiżjoni jew mhux iktar tard minn sittin jum jekk l-applikant ikun residenti barra mill-pajjiż; […].

    4.   L-appell huwa sospensiv, ħlief fil-każijiet fejn l-appell isir:

    […]

    b)

    kontra deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli t-talba għar-rikonoxximent ta’ protezzjoni internazzjonali;

    c)

    kontra deċiżjoni li tiċħad it-talba bħala manifestament infondata […];

    […]

    6.   Is-segretarju għandu jinnotifika l-appell u d-digriet dwar l-iffissar tas-seduta lill-parti interessata u lill-Ministeru tal-Intern […] u lill-Ministeru Pubbliku.

    […]

    8.   Il-kummissjoni li tkun adottat id-deċiżjoni kkontestata tista’ tiddepożita l-minuti u d-dokumenti kollha li tqis li huma meħtieġa għall-finijiet ta’ struzzjoni u l-imħallef jista’, anki ex officio, jipproċedi bl-atti ta’ struzzjoni meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima.

    9.   Fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-appell, il-qorti għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-elementi eżistenti fil-mument tas-sentenza, permezz ta’ deċiżjoni li tiċħad l-appell jew li tagħti lill-appellant l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li tkun ingħatatilha l-protezzjoni sussidjarja.

    […]”

    II. Il-fatti u l-iżvilupp tal-kawża prinċipali

    14.

    Fl-20 ta’ Marzu 2015, S. Moussa wasal l-Italja, mill-Mali, u għamel applikazzjoni għall-ażil. Fl-10 ta’ Marzu 2016, nstema’ personalment mill-Commissione Territoriale per il riconoscimento della protezione internazionale (Kummissjoni territorjali għar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali; iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni territorjali”).

    15.

    Il-Kummissjoni territorjali informat lil S. Moussa, fil-5 ta’ April 2016, li ċaħdet it-talba tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u li, konsegwentement, irrifjutatlu l-istatus ta’ refuġjat jew il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja. Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li l-applikazzjoni saret għal raġunijiet purament ekonomiċi, u ma spjegax l-eżistenza ta’ fumus persecutionis.

    16.

    Fit-3 ta’ Mejju 2016, S. Moussa appella kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni territorjali quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa tenna r-raġunijiet stabbiliti fl-applikazzjoni inizjali tiegħu u invoka, b’mod astratt, is-sitwazzjoni fil-Mali, mingħajr ma rabatha bl-ebda mod maċ-ċirkustanzi personali speċifiċi tiegħu.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-appell huwa manifestament infondat. Fil-fehma tagħha, skont il-kliem tagħha, “instab (u ġie aċċertat wara r-riżultati tal-eżami) li S. Moussa ssottometta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali indotta mis-sitwazzjoni tiegħu ta’ faqar estrem. Is-sempliċi sitwazzjoni ta’ faqar ma tippermettix l-għoti tal-miżuri previsti fid-dritt intern, jiġifieri, dik li tissejjaħ il-protezzjoni umanitarja […]. Għalhekk, din il-Qorti tqis li dan l-appell għandu jiġi rrifjutat immedjatament, jiġifieri, mingħajr ma jingħata smigħ ġdid lill-applikant.”

    18.

    Il-qorti tar-rinviju ssostni li, jekk l-applikant ikun instema’ fil-fażi amministrattiva, l-azzjoni ġudizzjarja tiegħu tista’ tiġi miċħuda jew milqugħa mingħajr il-ħtieġa ta’ smigħ mill-ġdid. Din l-interpretazzjoni tal-liġi ġiet milqugħa mis-Suprema Corte di Cassazione (qorti suprema ta’ kassazzjoni), sostnuta fil-verżjoni attwali tal-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011.

    19.

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-paragrafu 9 tal-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011 jipprovdi “mudell ġdid għat-teħid ta’ deċiżjonijiet” alternattiv, jiġifieri dak ta’ “deċiżjoni immedjata” fuq il-bażi tad-“dokumenti eżistenti fil-mument tad-deċiżjoni”. Dan ifisser li, bħala alternattiva għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, l-imħallef jista’ jilqa’ jew jiċħad l-azzjoni direttament, speċjalment, meta jifhem li s-sitwazzjoni li tirriżulta mid-dokumenti se twassal għal soluzzjoni li ma hijiex se tinbidel minkejja li ssir intervista ġdida mal-applikant.

    20.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermettilha tiddikjara ammissibbli jew tiċħad l-azzjoni mingħajr seduta, u għal din ir-raġuni tagħmel din id-domanda preliminari.

    III. Id-domanda preliminari

    21.

    Id-domanda preliminari, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2014, hija kif ġej:

    “Id-Direttiva 2013/32/UE (b’mod partikolari, l-Artikoli 12, 14, 31 u 46) għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti proċedura bħal dik Taljana (taħt l-Artikolu 19(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011) li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja adita minn applikant għall-ażil – li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda mill-awtorità amministrattiva responsabbli li teżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil wara li wettqet eżami sħiħ, inkluż intervista – tista’, fil-każ fejn [l-azzjoni ġudizzjarja] [tkun] manifestament infondat[a] u ċ-ċaħda tal-applikazzjoni mill-awtorità amministrattiva għalhekk ma tistax tiġi kkontestata, tiċħad [immedjatament l-azzjoni ġudizzjarja] mingħajr ma l-applikant jerġa’ jingħata l-opportunità li jinstema.”

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjonijiet tal-partijiet

    22.

    Minbarra S. Moussa u l-Gvern Taljan, ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni. Ma kienx meqjus essenzjali li ssir seduta.

    23.

    Għal S. Moussa, l-Artikolu 19(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011 ma jippermettix iċ-ċaħda immedjata u mingħajr smigħ ta’ azzjoni ġudizzjarja, iżda jeħtieġ biss, għall-benefiċċju tal-applikant, li l kontestazzjoni tiegħu tiġi eżaminata u riżolta malajr, iżda mingħajr ma jitnaqqsu l-garanziji inerenti ta’ rimedju effettiv. Fl-opinjoni tiegħu, id-dritt iggarantit bl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 ma jawtorizzax li, għall-finijiet tal-veloċità tal-proċedura, jiġi ssagrifikat l-eżami tal-mertu jew li jiġi eliminat is-smigħ tal-applikant sabiex jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi tal-każ tiegħu.

    24.

    L-Istati Membri li dehru fil-proċedura jaqblu li, bl-istess mod li s-smigħ tal-applikant huwa mandatorju fil-fażi amministrattiva, taħt ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun possibbli, li dan’ jiġi eliminat matul il-fażi ġudizzjarja.

    25.

    Madankollu, dan il-qbil bejn l-Istati Membri ma huwiex mingħajr kontroversji.

    26.

    Għalhekk, il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011 jistabbilixxi proċedura li, filwaqt li ma tipprovdix espressament għall-possibbiltà għal smigħ, tikkostitwixxi rimedju effettiv u ma twaqqafx lill-imħallef milli jiddeċiedi, b’mod motivat, li jisma’ lill-applikant, jekk iqis li dan ikun meħtieġ.

    27.

    Għall-Gvern Taljan, la d-Direttiva 2013/32 u lanqas il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni rigward proċess ġust ma jimponu l-obbligu ġġeneralizzat u mhux speċifikat ta’ qbil dwar proċedura għas-smigħ fil-fażi ġudizzjarja. Din tal-aħħar, barra minn hekk, għandha tiġi konkluża fi żmien raġonevoli.

    28.

    Skont il-Gvern Belġjan, irrispettivament minn jekk it-talba jew l-appell huwiex manifestament infondat jew le, id-Direttiva 2013/32 ma teħtieġx proċedura ta’ smigħ fil-fażi ġudizzjarja. Minħabba l-garanziji offruti mid-Direttiva stess sabiex tiġi żgurata t-traskrizzjoni tal-intervista li ssir fil-fażi amministrattiva, il-leġiżlatur Ewropew ikkunsidra (loġikament) li ma kienx neċessarju li jkun meħtieġ li ssir smigħ ieħor fil-fażi ġudizzjarja sabiex jiġi żgurat eżami rigoruż tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati mill-applikant.

    29.

    Skont il-Gvern Ċek, id-dritt tas-smigħ huwa eżerċitat fil-fażi amministrattiva tal-proċedura, mingħajr ma jiġi dedott mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jew mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponi, fi kwalunkwe każ, it-tieni intervista, wisq inqas meta l-azzjoni ġudizzjarja tkun manifestament infondata. L-interpretazzjoni ta’ dan b’mod differenti twassal biss biex ittawwal il-proċedura b’mod artifiċjali.

    30.

    Il-Gvern Franċiż jinterpreta li, kemm mill-iskop tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll mix-xogħlijiet preparatorji tagħha, huwa ċar li s-smigħ tal-parti interessata fil-fażi ġudizzjarja ma hijiex proċedura obbligatorja, u l-possibbiltà tal-istituzzjoni tagħha titħalla f’idejn l-awtorità proċedurali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa jżid, li ma jkunx xieraq li jiġi invokat il-prinċipju ta’ ekwivalenza, minħabba n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ riżors intern paragunabbli. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-garanziji tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva għandhom dejjem jiġu rrispettati; anki fil-każ ta’ inammissibbiltà mingħajr proċedura tas-smigħ preliminari, u għalhekk ma hijiex kundizzjoni inevitabbli għar-rispett ta’ dawk il-garanziji.

    31.

    Il-Gvern Ungeriż isemmi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-Direttiva 2008/115/KE ( 6 ). Huwa jsostni li l-proċedura ta’ smigħ fil-fażi ġurisdizzjonali ma hijiex obbligatorja u tista’ ma ssirx f’sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni Taljana hija kompatibbli ma’ dik tal-Unjoni jekk ma teskludix il-possibbiltà li l-imħallef jisma’ lill-applikant, meta jqis li jkun meħtieġ li jagħmel hekk.

    32.

    Il-Gvern Pollakk isostni li l-possibbiltà ta’ smigħ fil-fażi ġudizzjarja hija miftuħa għall-Istati Membri, li huma obbligati li jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Prinċipji li, għal dan il-Gvern, ma humiex miksura, bħala prinċipju, permezz ta’ ċaħda eventwali ta’ azzjoni ġudizzjarja mingħajr smigħ preliminari, sakemm l-applikant ikun instema’ fil-fażi amministrattiva. Dan kollu, barra minn hekk, għall-finijiet tal-għan ta’ ħeffa segwit mill-istess Direttiva 2013/32.

    33.

    Għall-Kummissjoni, ebda regola tal-Unjoni ma tistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema għandu jiġi ggarantit id-dritt li wieħed jinstema’ fi proċedura. Huwa l-ordinament intern li għandu jistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Hija tipprovdi li sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex issir seduta fil-fażi ġurisdizzjonali, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tal-proċedura tal-ażil fl-intier tagħha u ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw li ma jsirx dan il-proċess.

    34.

    Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), id-dritt li wieħed jinstema’ huwa prinċipju ġenerali li jista’ ma jsirx biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Il-fatt li l-awtorità amministrattiva tkun ċaħdet it-talba bħala manifestament infondata ma huwiex waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi. Lanqas ma huma n-nuqqas ta’ ħeffa tal-proċedura jew l-ispejjeż addizzjonali ta’ finanzjament marbuta ma’ seduta.

    35.

    Fil-qosor, skont il-Kummissjoni, is-seduta għandha tkun ikkunsidrata bħala regola, għalkemm mhux regola assoluta. B’mod eċċezzjonali, meta jiġu invokati biss raġunijiet ekonomiċi bħala l-bażi tal-applikazzjoni għall-ażil, il-fatti jkunu sempliċi u ma humiex ikkontestati u jkunu ġew irrispettati l-garanziji dovuti fil-fażi amministrattiva, l-eċċezzjoni għal dik ir-regola tikkorrispondi għall-għall-għan ta’ ħeffa msemmi fil-premessa għoxrin tad-Direttiva 2013/32.

    V. Analiżi

    36.

    Id-domanda magħmula mit-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan, l-Italja) fl-ewwel qari, hija preċiża ħafna: tinvolvi li jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/32 tirrispettax leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiddikjara inammissibbli jew tiċħad immedjatament azzjoni ġudizzjarja mressqa kontra r-rifjut amministrattiv ta’ talbiet għal protezzjoni internazzjonali.

    37.

    Fl-iżvilupp tal-motivazzjoni tagħha, madankollu, id-domanda ssir kemxejn iktar kumplessa. U, fil-fatt, id-dubji ma jidhrux li jirreferu b’mod ġenerali għal “dritt għal seduta” jew, jekk wieħed jippreferi, id-“dritt għal smigħ”, iżda għal modalità jew varjant speċifiku ta’ dak id-dritt, li huwa d-“dritt li ssir intervista” jew “li wieħed jiġi mismugħ personalment” ( 7 ).

    38.

    Id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija limitata għall-ħtieġa eventwali li l-applikant għall-ażil jinstema’ personalment, għal darb’oħra, skont il-proċedura ġudizzjarja li permezz tagħha jixtieq jikkontesta ċ-ċaħda amministrattiva tat-talba tiegħu.

    39.

    Kif se nipprova nispjega hawn taħt, id-“dritt li wieħed jinstema’ personalment”, bħala speċi mill-ġeneru ta’ “dritt għal seduta”, għandu l-post tiegħu fil-qasam tal-fażi amministrattiva tal-proċedura tal-ażil. Fil-fażi ġuridika, madankollu, dan huwa rregolat taħt il-liġi tal-applikant li jippreżenta (u, bl-istess mod, li jinstema’) quddiem l-imħallef fl-argumenti tad-difiża għat-talba tiegħu, liema dritt ma jistax jitqabbel ma’ dak li jinstema’ personalment.

    40.

    Ma hemmx dubju, kemm għall-qorti tar-rinviju kif ukoll għall-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, li l-proċedura tal-intervista personali tal-applikant hija mandatorja fil-fażi amministrattiva.

    41.

    Fil-fatt, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32 huwa kategoriku meta jipprovdi li, f’dik il-fażi amministrattiva “l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali” ( 8 ). Hekk sar fil-każ ta’ S. Moussa, li ġie intervistat personalment mill-Kummissjoni territorjali.

    42.

    Madankollu, l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li jikkonċerna l-proċeduri ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni, ma jikkontemplax it-twettiq ta’ intervista. Dan l-artikolu jiggarantixxi d-“dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal” (paragrafi 1 u 2) li “jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi” (paragrafu 3). Dan jeħtieġ, ukoll, li tittieħed deċiżjoni fi żmien raġonevoli, li tali eżerċizzju ma jkunx impossibbli jew eċċessivament diffiċli (paragrafu 4) u li l-appell, bħala prinċipju, ikollu effett sospensiv (paragrafu 5). Iżda fl-ebda ħin ma jipprovdi li dawk il-proċeduri ġudizzjarji għandhom jinkludu intervista personali tal-applikant.

    43.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32 mhux talli jħalli f’idejn l-Istati Membri s-setgħa sabiex jistipulaw “żmien raġonevoli” sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tiegħu, iżda wkoll jawtorizzahom sabiex jimplementaw ir- “regoli meħtieġa oħra għall-applikant” sabiex dan ikun jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv kontrihom.

    44.

    F’dan il-kuntest, il-konfigurazzjoni tal-proċeduri ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra ċaħdiet amministrattivi ta’ applikazzjonijiet għall-ażil taqa’ fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 9 ). Il-libertà tagħhom li jistabbilixxu regoli proċedurali li huma jqisu xierqa, madankollu, ma hijiex assoluta, iżda hija kkundizzjonata mill-obbligu eżawrjenti tar-riżultat: il-proċedura nazzjonali għandha tiżgura, fi kwalunkwe każ, rikors li kapaċi effettivament jiżgura d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    45.

    Kif intqal fil-premessa 60 tad-Direttiva 2013/32, din “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta”, filwaqt li għandha l-għan li tiżgura, b’mod partikolari, “rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u tippromwovi l-applikazzjoni”, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tal-Karta, u għandha “tiġi implimentata għal dan il-għan” ( 10 ).

    46.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja pproklamat li “[id]-dritt għal smigħ […] huwa parti integrali […] mid-drittijiet tad-difiża” ( 11 ) u li dan “[j]iggarantixxi lill-persuni kollha l-possibbiltà li jesprimu, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħhom matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom” ( 12 ).

    47.

    Din il-ġurisprudenza ġiet ipprovduta fl-ambitu tar-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-awtoritajiet pubbliċi u, b’mod speċjalment ħafna, fil-proċeduri amministrattivi għar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali ( 13 ). It-traduzzjoni tagħha fl-ambitu tal-prosekuzzjoni ġudizzjarja għandha tiddaħħal bejn il-komponenti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa sinjal tiegħu d-dritt għal rimedju effettiv li huwa protett fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32.

    48.

    Sabiex l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun effettiv, “jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità amministrattiva kompetenti li tqis l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata jew abbużiva, mingħajr ma dawn ir-raġunijiet ma jibbenefikaw minn preżunzjoni inkonfutabbli ta’ legalità ( 14 ).

    49.

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi, id-dritt għal smigħ fil-fażi amministrattiva jinvolvi s-setgħa li tiġi indirizzata, personalment, l-awtorità pubblika fid-difiża tad-drittijiet u l-interessi stess, qabel ma din l-awtorità pubblika tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 15 ). Wara li tittieħed deċiżjoni, jibda japplika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, jekk l-Awtorità deċiżjonali tiċħad it-talba tal-applikant.

    50.

    Dan huwa preċiżament il-każ tagħna hawnhekk: jinvolvi d-deskrizzjoni ta’ liema mezzi għandhom jintużaw fil-proċedura sabiex jingħata aċċess għall-ġurisdizzjoni sabiex, finalment, jiġi ċċarat jekk iċ-ċaħda amministrattiva għal protezzjoni internazzjonali kinitx konformi mal-liġi.

    51.

    F’dan il-kuntest, l-effettività tal-appell ipprovdut fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 tiġi żgurata meta l-appellant (normalment, permezz tal-avukat tiegħu jew konsulenti legali oħra) ikun jista’ jesponi quddiem l-awtorità ġudizzjarja r-raġunijiet li jmorru kontra l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u jekk l-imħallef ikun jista’ jivverifika jekk dik id-deċiżjoni hijiex fondata.

    52.

    L-ewwel kundizzjoni, għaldaqstant, hija li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali (jekk ikun hemm, min jipprovdi assistenza legali jew parir legali, jew jirrappreżentah fil-kawża) jkun jista’ jeżerċita d-difiża tiegħu bil-garanziji proċedurali kollha inerenti għal proċess ġust. Għaldaqstant, l-applikant ikun instema’ mill-qorti, u jkun tħalla jippreżenta –b’mod mhux neċessarjament orali, peress li r-regoli proċedurali jistgħu, validament, jikkontemplaw biss proċeduri bil-miktub– l-argumenti meqjusa xierqa fid-difiża tat-talba tiegħu.

    53.

    Id-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja, madankollu, ma jinkludix, l-allegat “dritt għal intervista” fi ħdan il-proċedura ġudizzjarja. Dan jinkludi, nirrepeti, id-dritt li wieħed jippreżenta lill-imħallef ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba kkontestata tad-deċiżjoni amministrattiva, attakkata minħabba li tikser id-drittijiet u l-interessi tal-persuna kkonċernata, imma mhux li ssir intervista personali mill-imħallef li jivverifika l-azzjoni amministrattiva.

    54.

    Din id-dikjarazzjoni għandha tkun, madankollu, spjegata immedjatament. Ma għandhiex titqies bħala li timpedixxi l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ istruzzjoni proċedurali ( 16 ), kemm ex parte jew ex officio, li l-imħallef jista’ jiddeċiedi meta jqis li huwa neċessarju għall-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dawn jinkludu l-interrogazzjoni tal-applikant waqt il-proċedura ġudizzjarja.

    55.

    Din l-interrogazzjoni, naturalment, tista’ tkun adattata sabiex tissodisfa l-mandat tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri, b’tali mod li, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, isir “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”

    56.

    Jekk l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, kuntrarjament għal dak li jiġri fl-Artikolu 14 tal-istess direttiva rigward il-fażi amministrattiva, ma jinkludix espressament il-proċedura ta’ intervista personali fil-proċess ġudizzjarju, il-liġi nazzjonali li tittrasponi dik id-direttiva ma hijiex obbligata li tintroduċi din il-proċedura fir-regoli tagħha ta’ prosekuzzjoni.

    57.

    L-Artikolu 46 għandu jiġi interpretat, ukoll, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kopert mid-Direttiva Nru 2013/32, jiġifieri, b’kont meħud tal-konnessjoni mill-qrib tal-azzjoni ġudizzjarja mal-fażi amministrattiva li tippreċedi u li fiha, b’mod mandatorju, ikollu jinstema’ min issottometta l-applikazzjoni għall-ażil.

    58.

    Jekk il-fażi amministrattiva tkun saret b’suċċess, ikun ġie pprovdut rekord affidabbli tal-intervista tal-applikant ( 17 ), li jkun seta’ jagħmel provvedimenti, kjarifiki jew emendi fir-rapport ( 18 ). Peress li dan ir-rapport, jew traskrizzjoni tal-intervista, għandu jiġi inkorporat fil-fajl li jkun disponibbli għall-imħallef, il-kontenut tiegħu jikkostitwixxi element importanti tal-valutazzjoni ta’ min iwettaq l-“eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi” imsemmi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32. Din tal-aħħar, li tirrispetta l-awtonomija proċedurali tal-Istati, ma xtaqitx tillimita, lil hinn minn dak imsemmi, l-azzjoni ġudizzjarja, li l-valutazzjoni prudenti tagħha tinvolvi l-kompitu delikat li jiġi stabbilit, b’mod finali, jekk id-deċiżjoni amministrattiva ta’ rifjut hijiex konformi mal-liġi.

    59.

    Fil-qosor, l-intervista tal-applikant mill-awtorità ġudizzjarja għandha tkun ibbażata fuq il-ħtieġa tiegħu fil-qasam tal-“eżami sħiħ” li fih l-imħallef għandu jwettaq, fl-interessi tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet u l-interessi tal-applikant għall-ażil. Id-Direttiva 2013/32 ma xtaqitx timponi dan b’mod obbligatorju, iżda lanqas ma xtaqet teskludi l-possibbiltà li dan isir, meta l-imħallef li jkollu jieħu d-deċiżjoni jqis li dan huwa neċessarju sabiex tingħata s-sentenza.

    60.

    Dak li ġie pprovdut sa issa huwa applikabbli għall-proċeduri ġudizzjarji kollha li fihom tiġi evalwata l-konformità mal-liġi taċ-ċaħdiet amministrattivi tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, hemm xi każijiet ta’ limitu fejn l-inammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja hija tant evidenti u ċara li l-“eżami sħiħ” tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 huwa eżawrit permezz tas-sempliċi kunsiderazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem l-imħallef (jiġifieri, fi ħdan il-proċess), jew mill-informazzjoni oġġettiva li tinsab fil-fajl amministrattiv.

    61.

    F’dawn il-każijiet ta’ inammissibbiltà ċara tal-azzjoni ġudizzjarja, jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni, ċara wkoll, tat-talba tal-applikant, il-ħtieġa ta’ (it-tieni) intervista personali, li tiġi miżjuda ma’ dik li ssir fil-fażi qabel dik ġudizzjarja, hija inġusta u sproporzjonata.

    62.

    Fil-fatt, jista’ jkun hemm każijiet ta’ impossibbiltà assoluta ta’ azzjoni ġudizzjarja ( 19 ) li fihom ma jkunx jagħmel sens, u ma jkunx hemm bżonn, li ssir intervista. Jien ma narax għaliex ir-rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju f’dan il-qasam ikunu esklużi minn deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, meta jkunu manifestament infondati jew ma jkollhomx il-kundizzjonijiet proċedurali minimi. U f’tali ċirkustanzi ( 20 ), nirrepeti, huwa leġittimu li d-deċiżjoni tal-imħallef tittieħed mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ struzzjoni ulterjuri fi ħdan il-proċess.

    63.

    Madankollu, barra minn dawk il-każijiet, meta l-impossibbiltà eventwali ta’ azzjoni tiddependi fuq evalwazzjonijiet iktar kontroversjali dwar il-mertu tat-talba, l-inammissibbiltà (jew iċ-ċaħda) tal-applikazzjoni għandha tkun preċeduta neċessarjament, minn “eżami” tas-sustanza tagħha, li sabiex ikun “sħiħ” fis-sens tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, irid ikollu l-elementi ġudizzjarji suffiċjenti. B’mod partikolari, jekk ikun hemm bżonn, l-interrogazzjoni personali tal-applikant tista’ tkun adattata skont il-formazzjoni tal-kriterju deċiżjonali tal-awtorità ġudizzjarja.

    64.

    Il-klassifikazzjoni ta’ azzjoni bħala inammissibbli jew infondata għandha dejjem tkun ir-riżultat ta’ sentenza magħmula fuq il-bażi tal-analiżi taċ-ċirkustanzi fattwali u legali tat-talba ta’ kontestazzjoni. Neċessarjament, tali riżultat għandu jiddependi fuq in-natura tal-kawża li tiddetermina l-impossibbiltà tar-rikors. U fil-valutazzjoni ta’ din il-kawża, jew kawżi, l-elementi ġudizzjarji xierqa, f’xi okkażjonijiet, jistgħu jinsabu direttament fir-rikors stess u fil-fajl amministrattiv preċedenti, filwaqt li f’xi oħrajn, għandhom jinkisbu permezz ta’ attività struttorja (probatorja).

    65.

    Peress li d-Direttiva 2013/32 teħtieġ li ssir intervista fil-fażi amministrattiva tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, nifhem il-ħtieġa li din issir fil-proċedura legali, hija imposta biss jekk l-(ewwel) intervista ma tkunx saret, finalment, illustrattiva biżżejjed għall-qorti adita bl-azzjoni ġudizzjarja u li jkollha dubji dwar l-għan tar-rikors.

    66.

    Fl-opinjoni tiegħi, fiċ-ċirkustanzi li għadni kif semmejt, l-intervista tal-applikant, magħmula mill-imħallef skont id-diskrezzjoni tiegħu, tkun tikkostitwixxi proċedura li ma tistax ma ssirx għal raġunijiet ta’ ħeffa msemmija fil-premessa 20 tad-Direttiva 2013/32.

    67.

    Lanqas il-ġustifikazzjonijiet ta’ ordni ekonomiku (bħal dawk indikati mill-qorti tar-rinviju) ( 21 ) ma jimpedixxu, f’dawn l-istess suppożizzjonijiet, it-twettiq tal-intervista fil-proċedura. Filwaqt li l-premessa 20 tad-Direttiva 2013/3220 tipprovdi li l-Istati Membri jħaffu l-proċedura ta’ eżami, ma tawtorizzax it-tneħħija tal-proċeduri li huma indispensabbli sabiex jiggarantixxu d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-applikant. Fil-fatt, l-istess premessa tirreferi biss għall-possibbiltà li jiġu stabbiliti “limiti ta’ żmien iqsar […] għal ċerti passi proċedurali”, mingħajr preġudizzju f’kull każ għall-ħtieġa li jsir eżami sħiħ tal-applikazzjoni u s-salvagwardja tal-prinċipji u l-garanziji fundamentali stipulati f’dik id-direttiva.

    68.

    L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat, għalhekk, fis-sens li, mingħajr ma jimponi l-eżistenza ta’ proċedura ta’ intervista, lanqas ma jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali jimpedixxi lill-qorti milli twettaq il-prattika tagħha, meta tqis li dan ikun indispensabbli għal eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-applikazzjoni għall-ażil, wara li tqis li l-informazzjoni fl-intervista li saret fil-fażi amministrattiv kienet insuffiċjenti. Ir-regolamenti proċedurali tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-opportunità lill-imħallef li jisma’ lill-applikant personalment, f’din l-ipoteżi, jekk iqis li dan huwa neċessarju.

    69.

    Filwaqt li niffokaw għall-kwistjoni li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma għandha ebda dubji –għall-kuntrarju– dwar in-natura manifestament infondata tal-azzjoni mressqa minn S. Moussa, li l-applikazzjoni tiegħu ma hijiex konformi, b’mod evidenti, mal-kawżi li jiġġustifikaw il-protezzjoni internazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, hemm il-possibbiltà li din tiġu kkunsidrata inammissibbli jew li tiġi miċħuda immedjatament,, mingħajr ma ssir intervista mill-ġdid tal-applikant (u issa l-appellant). Loġikament, tali deċiżjoni tkun valida sal-punt li tkun prodott ta’ eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li jinkludu “l-espressjoni adegwata u effettiva tal-perspettiva” ta’ S. Moussa, li ssir fl-intervista personali li saret fil-fażi amministrattiva tal-proċedura.

    70.

    Il-qari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 19(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011), kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li jipprekludi t-twettiq ta’ intervista fil-fażi ġurisdizzjonali tal-proċedura, peress li dik id-dispożizzjoni tawtorizzaha tadotta l-miżuri ta’ struzzjoni li hija tqis li huma neċessarji. Ma jkun hemm l-ebda raġuni, għalhekk, sabiex din titqies li ma hijiex konformi mas-sistema tal-appelli msemmijin fid-Direttiva 2013/32.

    71.

    Madankollu, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħżel waħda mill-interpretazzjonijiet tal-liġi Taljana dwar dan is-suġġett. B’mod speċifiku, din ma tistax tkun medjatur fil-kwistjoni, li tista’ tiġi dedotta mid-digriet tar-rinviju, li tirriżulta minħabba l-pożizzjoni meħuda f’dan ir-rigward mis-Suprema Corte di Cassazioni (qorti suprema ta’ kassazzjoni) u l-qorti tar-rinviju stess, wisq inqas meta, kif jissuġġerixxi l-Gvern Taljan ( 22 ), ma tistax tiġi eskluża interpretazzjoni alternattiva u kompatibbli ma’ dik li nipproponi għad-Direttiva 2013/32. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li hija responsabbli sabiex tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

    VI. Konklużjoni

    72.

    Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan, l-Italja) kif ġej:

    “Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari, l-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tiddeċiedi immedjatament, mingħajr il-ħtieġa li ssir intervista personali tal-applikant, dwar l-appelli magħmula kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jekk:

    a)

    ir-rikors ikun manifestament infondat, u għalhekk ma jkun hemm ebda ċans li jirnexxi; u

    b)

    din id-deċiżjoni tiġi adottata wara eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi fattwali u legali tas-sitwazzjoni tal-applikant, inkluża l-informazzjoni li tinsab fl-intervista personali li ssir fil-fażi amministrattiva li, fil-fehma tal-qorti, hija suffiċjenti sabiex issir deċiżjoni dwar l-appell.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/32”.

    ( 3 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/95”.

    ( 4 ) Digriet leġiżlattiv “Disposizioni complementari al codice di procedura civile in materia di reduzioni e semplificazione dei procedimenti civile di cognizione, ai sensi dell’articolo 54 della legge 18 giugno 2009, n.o 69 (Dispożizzjonijiet komplimentari għall-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fil-qasam tat-tnaqqis u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri ċivili ta’ konjizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009”), GURI Nru 220, tal-21 ta’ Settembru 2011.

    ( 5 ) Digriet leġiżlattiv “Attuazione della direttiva 2013/33/UE recante norme relative all’accoglienza dei richiedenti protezione internazionale, nonché della direttiva 2013/32/UE, recante procedure comuni ai fini del riconoscimento e della revoca dello status di protezione internazionale” (Traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”), GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2015.

    ( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008 L 348, p. 98).

    ( 7 ) L-Avukat Ġenerali Mengozzo rrefera għal dawn id-diffikultajiet semantiċi (u ta’ traduzzjoni) fil-konklużjonijiet għall-kawża M. (C-560/14, EU:C:2016:320), nota ta’ qiegħ il-paġna 6: “Fil-verżjoni Taljana tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kultant jiġi użat il-kliem ‘diritto al contraddittorio’ [‘dritt għall-kontradittorju’] [ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 82, 85 jew 87)], drabi oħra jintuża l-kliem ‘diritto di essere sentiti’ [‘dritt li wieħed jinstema’’] [ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 27, 28 jew 32) jew tas-17 ta’ Marzu 2016Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punti 21 jew 35)] u wkoll il-kliem ‘diritto di essere ascoltato’ [ukoll ‘dritt li wieħed jinstema’’] [ara pereżempju s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 1, 2830); dak il-kliem jikkorrespondi ma’ dak użat fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-‘Karta’) u jikkorrispondi litteralment mal-kliem iċċitat iktar ’il fuq fil-verżjonijiet lingwistiċi bil-Franċiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bl-Ispanjol]. Id-dritt inkwistjoni, li jmur lura għall-massimi legali bil-Latin ‘audi alteram partem’ jew ‘audiatur et altera pars’, huwa dritt proċedurali espressjoni tad-dritt iktar ġenerali tad-difiża”.

    ( 8 ) L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32 jimponi wkoll, b’mod espliċitu, l-obbligu li “iwettqu intervista personali dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni”, meta l-awtorità determinanti ma tkunx se tilqagħha għal xi wieħed mill-motivi fl-Artikolu 33 tal-istess direttiva.

    ( 9 ) Kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175), punt 24, “fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C‑74/14, EU:C:2016:42, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata)”.

    ( 10 ) Dwar l-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13), li huwa l-prekursur leġiżlattiv immedjat għall-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824) punt 51, li “il-karatteristiċi partikolari tar-rimedju previst fl-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jipprovdi li kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, (C‑562/13, EU:C:2014:2453), punt 45.

    ( 11 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2017M. (C‑560/14, EU:C:2017:101), punt 25, li ssemmi s-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336), punti 4950, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431), punti 3940.

    ( 12 ) Sentenza Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336), punt 46. B’dan il-mod jirriżulta, skont l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253), il-punt 81, li “l-awtorità kkonċernata tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli l-elementi rilevanti kollha.”

    ( 13 ) Dan ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tal-kawża M. (C‑560/14, EU:C:2016:320), punt 48, rigward il-protezzjoni sussidjarja “fid-dawl tan-natura partikolari u tal-għanijiet tal-proċedura intiża għall-verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, l-effettività tal-aċċess għad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus tippresupponi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’kundizzjoni li teżerċita b’mod partikolarment effettiv id-dritt għal smigħ f’din il-proċedura. Fil-fatt, huwa biss jekk l-applikant għandu l-possibbiltà effettiva li jippreżenta b’mod utli u effikaċi l-istorja tiegħu personali u l-kuntest li fiha tiżvolġi, bl-espożizzjoni lill-amministrazzjoni kompetenti b’mod komplet u xieraq tal-fatti u l-elementi kollha insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, li huwa jista’ jkollu aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus, kif previst mid-Direttiva 2004/83.” Il-korsiv jinsab fl-oriġinal.

    ( 14 ) Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524), punt 61.

    ( 15 ) Minħabba n-natura tal-interessi involuti fil-fażi amministrattiva tal-proċedura, huwa spjegat li l-leġiżlatur Ewropew għażel mudell li jinkludi proċess ta’ intervisti personali. Għal darb’oħra bil-kliem tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża M. (C‑560/14, EU:C:2016:320), punt 58, “is-smigħ personali jikkostitwixxi l-ikbar espressjoni tad-dritt għal smigħ. Għall-applikant, hija tikkostitwixxi l-unika okkażjoni sabiex jesponi personalment l-istorja tiegħu u sabiex jitkellem direttament mal-persuni l-iktar ikkwalifikati sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu.”

    ( 16 ) Infakkar li l-Artikolu 19(8) tal-verżjoni aġġornata tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-2011, traskritt fil-punt 13 tal-konklużjonijiet preżenti, jippermetti lill-qorti nazzjonali “ex officio, jipproċedi bl-atti ta’ struzzjoni meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima”.

    ( 17 ) Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2013/32, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir rapport dettaljat u fattwali bl-elementi sostantivi kollha jew traskrizzjoni ta’ kull intervista personali”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jappoġġja l-possibbiltà li l-Istati Membri jipprovdu “irrekordjar awdjo jew awdjoviżiv tal-intervista”, f’liema każ “għandhom jiżguraw li l-irrekordjar jew traskrizzjoni tal-intervista personali tkun disponibbli b’rabta mal-fajl tal-applikant”.

    ( 18 ) L-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2013/32 joffri lill-applikant “l-opportunità li jagħmel kummenti u/jew jipprovdi kjarifiki oralment u/jew bil-miktub dwar kwalunkwe traduzzjoni ħażina jew kull idea żbaljata li jidhru fir-rapport jew it-traskrizzjoni, meta tintemm l-intervista personali jew f’perjodu ta’ żmien speċifiku qabel id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti”. Għal dan il-għan, –ikompli dan il-paragrafu– l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li l-applikant ikun informat bis-sħiħ dwar il-kontenut tar-rapport, jew l-elementi sostantivi tat-traskrizzjoni jekk meħtieġ bl-assistenza ta’ interpretu. Wara l-Istati Membri għandhom jitolbu l-applikant jikkonferma li l-kontenut tar-rapport jew it-traskrizzjoni jirriflettu b’mod tajjeb l-intervista.”

    ( 19 ) Ikkunsidra, pereżempju, rikorsi li huma bla dubju barra ż-żmien, jew nieqsa mill-formalitajiet proċedurali minimi mandatorji, li jistgħu jiġu miċħuda a limine. Ukoll għal raġunijiet sostantivi jistgħu jiġu miċħuda dan it-tip ta’ rikorsi, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżawriti l-formalitajiet normali tal-proċess, meta t-talba tal-appellant tinvoka, pereżempju, allegazzjonijiet esterni mir-rekwiżiti kollha sabiex wieħed jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, fost ipoteżijiet oħra.

    ( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat il-ġurisprudenza tal-QEDB, fis-sens li din għandha tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali “meta l-kawża ma tqajjimx kwistjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li ma jistgħux jiġu riżolti b’mod adegwat fuq il-bażi tal-fajl u l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet.” Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356), punt 46, b’riferiment għas-sentenza tal-QEDB tat-12 ta’ Novembru 2012, Döry vs l-Iżvezja (ECLI:CE:ECHR:2002:1112JUD002839495), § 37.

    ( 21 ) Punt 2, paġna 4, tal-verżjoni oriġinali Taljana tad-digriet tar-rinviju.

    ( 22 ) Punti 24 u 25 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.

    Fuq