EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0354

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-2 ta’ Marzu 2017.
Andrew Marcus Henderson vs Novo Banco SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Évora.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikoli 8, 14 u 19 — Notifika jew komunikazzjoni ta’ att promotur bil-posta — Assenza ta’ traduzzjoni tal-att — Anness II — Formola standard — Assenza — Konsegwenzi — Notifika b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta — Nuqqas ta’ ritorn tad-dikjarazzjoni ta’ rċevuta — Aċċettazzjoni tal-att minn terz — Rekwiżiti ta’ validità tal-proċedura.
Kawża C-354/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:157

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikoli 8, 14 u 19 — Notifika jew komunikazzjoni ta’ att promotur bil-posta — Assenza ta’ traduzzjoni tal-att — Anness II — Formola standard — Assenza — Konsegwenzi — Notifika b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta — Nuqqas ta’ ritorn tad-dikjarazzjoni ta’ rċevuta — Aċċettazzjoni tal-att minn terz — Rekwiżiti ta’ validità tal-proċedura”

Fil-Kawża C‑354/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Andrew Marcus Henderson

vs

Novo Banco SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn R. Chambel Margarido, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u P. Guerra e Andrade kif ukoll minn M. M. Farrajota, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Andrew Marcus Henderson u Novo Banco SA fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn din tal-aħħar wara n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn A. M. Henderson, ta’ żewġ kuntratti ta’ kiri ta’ bini kummerċjali konklużi bejn il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1393/2007

3

Mill-perspettiva tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-għan tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa, b’mod konformi mal-premessa 2 tiegħu, it-titjib tal-effikaċja u tar-rapidità tal-proċeduri ġudizzjarji billi jiġi stabbilit il-prinċiju ta’ trażmissjoni diretta tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji.

4

Dan ir-regolament għandu japplika, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, f’materji ċivili u kummerċjali meta att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju għandu jiġi trażmess minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jiġi nnotifikat jew ikkomunikat.

5

Skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, l-imsemmi regolament ma japplikax meta l-indirizz tad-destinatarju tal-att ma jkunx magħruf.

6

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1393/2007 jispeċifika li, “[f]’dan ir-Regolament, il-kliem ‘Stat Membru’ għandu jfisser l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka”.

7

Il-Kapitolu II tar-Regolament fih dispożizzjonijiet li jipprovdu diversi mezzi ta’ trażmissjoni u ta’ notifika jew komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji. Dan huwa maqsum f’żewġ taqsimiet.

8

It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu tirrigwarda t-trażmissjoni permezz tal-aġenziji maħtura mill-Istati Membri, imsemmija “aġenziji li jibagħtu” u “aġenziji li jirċievu”, kompetenti rispettivament biex jittrażmettu l-atti għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor u biex jirċievu tali atti provenjenti minn Stat Membru ieħor.

9

Din it-taqsima tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument [att]”, li jipprevedi li:

“1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument [l-att] maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju; | jew

b)

il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun irid isir is-servizz.

2.   Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, is-servizz tad-dokument jista’ jkun irrimedjat permezz ta’ servizz lid-destinatarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tas-servizz tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun id-data tas-servizz tad-dokument oriġinali ffissata skond l-Artikolu 9(2).

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u s-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.   Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), l-aġenti diplomatiċi jew konsulari, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 13, jew l-awtorità jew il-persuna, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw lid-destinatarju li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.”

10

It-taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1393/2007 tipprevedi: “[m]ezzi oħra ta’ trasmissjoni u servizz [notifika] ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji”, jiġifieri t-trażmissjoni b’mezzi konsolari jew diplomatiċi (Artikolu 12), in-notifika jew il-komunikazzjoni b’aġenti diplomatiċi jew konsolari (Artikolu 13), in-notifika jew il-komunikazzjoni bil-posta (Artikolu 14) u n-notifika jew il-komunikazzjoni diretta (Artikolu 15).

11

Fir-rigward tan-notifika jew tal-komunikazzjoni bil-posta, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti [atti] ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla [b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta] ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.”

12

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007, intitolat “Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti [att promotur] kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz [notifika jew komunikazzjoni], skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

a)

id-dokument [l-att] kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew;

b)

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.

2.   Kull Stat Membru jista’ jgħarraf, skond l-Artikolu 23(1), li l-imħallef, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista’ jaqta’ s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta’ notifika jew wasla, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

id-dokument ikun trasmess permezz ta’ wieħed mill-metodi previsti f’dan ir-Regolament;

b)

ikun għadda perijodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument;

ċ)

ma jkun wasal l-ebda tip ta’ ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta’ l-Istat Membru indirizzat.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-imħallef jista’ jordna, f’każ ta’ emerġenza, kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.

4.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

b)

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu ta’ l-azzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell tista’ titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m’għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.

[…]”.

13

Ir-Repubblika Portugiża għamlet il-komunikazzjoni segwenti, b’mod konformi mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1393/2007:

Artikolu 9 – Id-data tas-servizz [tan-notifika jew tal-komunikazzjoni]

Skont il-liġi Portugiża, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, dokumenti [atti] għandhom jiġu notifikati fi żmien ħamest-ijiem skont Artikolu 166 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

[…]

Artikolu 19 – Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri

Il-Portugall mhux se jagħmel użu tal-għażla pprovduta mill-Artikolu 19(2), u l-qrati fil-Portugall għalhekk mhux se jkun jistgħu jużaw din il-faċilità.

Il-limitu taż-żmien sabiex timtela applikazzjoni għall-ħelsien mill-effetti tal-iskadenza taż-żmien permess għall-appell huwa ta’ sena wara d-data tas-sentenza li qed tiġi kkontestata (Artikolu 19(4)).”

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

14

L-Artikolu 26(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jistipula:

“2.   Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti [l-att promotur] jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

3.   L-Artikolu 19 ta’ Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1348/2000, [tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227)] għandhom japplikaw minflok id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 2 jekk id-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ġie trasmess minn Stat Membru wieħed lil Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament.”

15

L-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ma hijiex rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor jekk “il-konvenut ma kienx ġie servut [innotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti [bl-att promotur] jew b’dokument [att] ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur [il-konvenut] ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk.”

Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004

16

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), intitolat “Notifika [jew komunikazzjoni] mingħajr prova ta’ riċeviment [aċċettazzjoni] mid-debitur”:

“In-notifika [jew il-komunikazzjoni] ta’ dokument li jistitwixxi l-proċeduri [att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti jew xi ċitazzjoni tal-qorti lid-debitur tista’ wkoll tiġi effettwata permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

a)

[komunikazzjoni jew] notifika personali fl-indirizz personali tad-debitur lill-persuni li jkunu jgħijxu fl-istess familja bħal dik tad-debitur jew ikunu mpjegati hemm;

[…]”.

Id-dritt Portugiż

17

Skont l-Artikolu 188(1)(e) tal-Código de Processo Civil (kodiċi ta’ proċedura ċivili), in-notifika ma hijiex valida meta jintwera li d-destinatarju tan-notifika personali ma jkunx sar jaf bl-att li għandu jiġi nnotifikat għal raġuni li ma hijiex imputabbli lilu, fi kliem ieħor meta l-persuna kkonċernata tinverti l-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 230 tal-imsemmi kodiċi.

18

Madankollu, skont l-Artikolu 189 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, in-nuqqas ta’ validità tan-notifika jiġi rrimedjat jekk il-konvenut jipparteċipa fil-proċedura mingħajr ma jinvoka l-eżistenza ta’ dan id-difett proċedurali.

19

Mill-Artikolu 191(1) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li, bla ħsara għall-Artikolu 188 tiegħu, in-notifika hija nulla meta ma jkunux ġew osservati l-formalitajiet previsti mil-liġi.

20

B’mod konformi mal-Artikolu 191(2) tal-imsemmi kodiċi, din in-nullità għandha tiġi invokata fit-terminu stabbilit fl-ittra ta’ notifika għall-finijiet tal-kontestazzjoni tat-talbiet tar-rikorrenti fl-att promotur jew, fl-assenza ta’ tali terminu, meta jsir l-ewwel intervent fil-kuntest tal-proċedura.

21

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li dan it-terminu kien ta’ 20 ġurnata, jiġifieri terminu ta’ 10 ġranet, applikabbli fil-qasam ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, miżjud b’10 ġranet minħabba d-distanza, mid-data li fiha jkun meqjus li seħħet in-notifika tal-att promotur.

22

Skont l-Artikolu 191(4) tal-istess kodiċi, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk id-difett inkwistjoni huwa ta’ natura li jikkomprometti d-difiża tad-destinatarju tan-notifika.

23

Skont l-Artikolu 228 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, intitolat “Notifika personali bil-posta”:

“1.   In-notifika personali bil-posta ssir billi tintbgħat ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, skont il-mudell uffiċjali approvat, indirizzata lid-destinatarju tan-notifika, fil-post ta’ residenza jew ta’ xogħol tiegħu; din tinkludi l-elementi kollha msemmija fl-artikolu preċedenti, kif ukoll avviż lil terz li jirċeviha, fejn jiġi informat li huwa jinżamm responsabbli, f’kundizzjonijiet analogi għal dawk tal-użu ta’ mala fide, jekk huwa ma jwassalx l-ittra lid-destinatarju mill-iktar fis possibbli.

2.   L-ittra tista’ tingħata, wara li tiġi ffirmata d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, lid-destinatarju jew lil kull persuna oħra li tkun tinsab fir-residenza tiegħu jew fil-post tax-xogħol tiegħu u li tiddikjara li hija f’pożizzjoni li twassalha malajr lid-destinatarju.

3.   Qabel l-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, il-pustier għandu jivverifika l-identità tad-destinatarju tan-notifika jew tat-terz li lilu jagħti l-ittra, u għandu jiħu nota tal-informazzjoni li tidher fuq il-karta tal-identità jew fuq kull dokument uffiċjali ieħor li jippermetti l-identifikazzjoni.”

24

Skont l-Artikolu 230(1) ta’ dan il-kodiċi, in-notifika bil-posta, permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, titqies li tkun twettqet fil-ġurnata ta’ meta tiġi ffirmata d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Konsegwentement, l-envelop li jkun fih l-att li għandu jiġi nnotifikat jitqies li jkun ingħadda lill-persuna nnotifikata, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta ġiet iffirmata minn terz, peress li huwa preżunt li dan l-envelop ikun ingħadda lid-destinatarju tiegħu fid-data li tidher fuq id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, sakem ma jiġix ipprovat mod ieħor minn dan tal-aħħar.

25

Mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’mod konkret, id-destinatarju tal-att ikollu għalhekk juri li n-notifika ma tkunx ingħaddietlu, jew li din tkun ingħaddietlu f’data sussegwenti għal dik preżunta, għal raġunijiet mhux imputabbli lilu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Banco Espírito Santo SA, li sussegwentement sar Novo Banco, bank li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fil-Portugall, u A. M. Henderson, residenti fl-Irlanda, kienu kkonkludew, matul is-sena 2008, żewġ kuntratti ta’ kera li jirrigwardaw spazji kummerċjali fi proprjetà immobbli li tinsab fil-muniċipalità ta’ Portimão (il-Portugall) u li hija ta’ proprjetà ta’ dan il-bank.

27

Il-proprjetà mogħtija b’kera ngħaddiet lil A. M. Henderson, li daħal fil-pussess tagħha fid-data tal-iffirmar tal-imsemmija kuntratti.

28

Peress li A. M. Henderson naqas milli jħallas il-kera relatata mal-proprjetà mikrija matul is-sena 2012 u ma osservax l-iskadenzi sussegwenti, Novo Banco intimah, fit-28 ta’ Frar 2014, iħallas il-pagamenti li kienu skadew, bil-piena tax-xoljiment tal-kuntratti inkwistjoni.

29

B’ittra rreġistrata tal-4 ta’ April 2014, Novo Banco informa lil A. M. Henderson bix-xoljiment tal-kuntratti konklużi bejn il-partijiet.

30

F’din id-data, il-kera mhux imħallsa kienet tammonta għas-somma ta’ EUR 20437.03 iżda A. M. Henderson irrifjuta li jirritorna l-użufrutt tal-proprjetà kkonċernata lill-proprjetarji tagħha.

31

Novo Banco ressaq talba quddiem it-Tribunal de Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro, il-Portugall) għal miżuri kawtelatorji relatati mar-restituzzjoni ġudizzjarja tal-proprjetà mogħtija b’kera.

32

It-Tribunal de Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro) innotifikat din it-talba lil A. M. Henderson b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta fl-indirizz ta’ dan tal-aħħar fl-Irlanda.

33

Peress li d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta ma ġietx irritornata, it-Tribunal de Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro) għamlet talba għal informazzjoni lis-servizzi postali tal-Portugall. Dawn irrispondew li, skont ir-reġistri diġitali tal-operatur postali fl-Irlanda, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, l-ittra inkwistjoni kienet ingħaddiet lid-destinatarju fit-22 ta’ Lulju 2014.

34

Wara li kkonstatat li A. M. Henderson ma kienx irreaġixxa billi jidher jew jikkontesta l-miżuri li kienu s-suġġett tat-talba, it-Tribunal de Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro) tat deċiżjoni fejn laqgħet it-talba ta’ Novo Banco.

35

Fis-7 ta’ Ottubru 2014, A. M. Henderson appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora, il-Portugall), fejn argumenta li n-notifika tal-att promotur kienet nulla.

36

Fil-fatt, minn naħa, id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata ma kinitx tinsab fost l-atti tal-proċess, u dan jikkostitwixxi ksur ta’ kundizzjoni ta’ forma proċedurali prevista mil-leġiżlazzjoni Portugiża. Barra minn hekk, A. M. Henderson ma kienx aċċetta, personalment, in-notifika tal-att promotur quddiem it-Tribunal de Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro) u ma jafx min aċċetta l-ittra li tgħodd notifika, b’tali mod li ma kienx jaf dwar il-proċedura mibdija kontrih. Min-naħa l-oħra, il-formola standard prevista fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma kinitx ġiet ikkomunikata lilu. Għalhekk huwa ma ġiex informat bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta n-notifika ta’ att ġudizzjarju redatt biss bil-lingwa Portugiża, filwaqt li, f’dan il-każ, kienet meħtieġa traduzzjoni bl-Ingliż jew bl-Irlandiż. Issa, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tas-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall), tali difett proċedurali jagħti lok għan-nullità tan-notifika. Skont A. M. Henderson, kull wieħed minn dawn iż-żewġ nuqqasijiet ma kienx jikkostitwixxi biss ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali iżda wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. Dawn in-nuqqasijiet setgħu jiġu rrimedjati biss permezz ta’ notifika ġdida, li tkun tosserva r-rekwiżiti formali kollha.

37

B’sentenza tad-29 ta’ Jannar 2015, il-qorti tar-rinviju ċaħdet dawn l-argumenti kollha, u b’dan il-mod ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

38

Fit-13 ta’ Frar 2015, A. M. Henderson talab ir-reviżjoni ta’ din is-sentenza billi invoka li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, kontra r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1393/2007.

39

Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, li ma ġietx irritornata f’dan il-każ, hija intiża li tipprova li l-att ġudizzjarju ġie tabilħaqq innotifikat lid-destinatarju tiegħu u li tipprovdi data ċerta għal din in-notifika. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tikkonstata li l-ittra rreġistrata indirizzata lil A. M. Henderson ma kinitx akkompanjata mill-formola standard prevista fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, b’tali mod li l-konvenut ma ġiex informat bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att li kien qed jiġi nnotifikat lilu.

40

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi, l-ewwel nett, jekk id-dokument ipprovdut f’dan il-każ mis-servizzi postali tal-Istat Membru ta’ residenza tad-destinatarju tan-notifika huwiex ta’ natura li jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ rċevuta, ladarba dan għandu l-firma tal-persuna li aċċettat l-ittra rreġistrata kif ukoll id-data ta’ meta seħħet din l-aċċettazzjoni.

41

Hija għandha dubji, it-tieni nett, dwar il-konformità mar-Regolament Nru 1393/2007 ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li n-notifika bil-posta titqies li seħħet b’mod validu meta d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tkun iffirmata u datata, anki jekk minn terz, peress li din tagħti lok għall-preżunzjoni, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor mid-destinatarju tal-att, li l-ittra ġiet effettivament mgħoddija minn dan it-terz lid-destinatarju fid-data li tidher fuq id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, f’dan il-każ it-22 ta’ Lulju 2014.

42

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li l-ommissjoni ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali, bħalma hija l-assenza tal-formola standard imsemmija fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, għandha tagħti lok għan-nullità tan-notifika, iżda li din in-nullità tista’ tiġi ddikjarata biss jekk titqajjem fit-terminu previst f’din l-istess leġiżlazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, 20 ġurnata mid-data ta’ meta titqies li seħħet in-notifika, tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1393/2007.

43

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal da Relação de Évora (qorti tal-appell ta’ Évora) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“ 1)

Fil-każ ta’ qorti Portugiża li fiha għaddejja kawża ċivili kontra ċittadin residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li tordna t-taħrika ta’ dan l-istess ċittadin, għall-imsemmija kawża, [n-notifika ta’ din il-proċedura lill-istess ċittadin] permezz ta’ ittra rreġistrata b’avviż ta’ riċevuta [dikjarazzjoni ta’ rċevuta], fejn l-avviż ta’ riċevuta rispettiv ma jasalx, il-qorti Portugiża tista’ tqis, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-Regolament [Nru 1393/2007] u l-prinċipji sottostanti tiegħu, li din it-taħrika [notifika] seħħet billi tuża bħala bażi d-dokumentazzjoni tal-entità postali tal-pajjiż ta’ residenza tad-destinatarju tal-missiva li turi n-notifika tal-ittra rreġistrata b’avviż ta’ riċeviment lid-destinatarju?

2)

L-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 230 tal-Código de Processo Civil Português (Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż), fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda, tikser ir-Regolament [Nru 1393/2007] u l-prinċipji sottostanti tiegħu?

3)

L-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 191(2) tal-Código de Processo Civil Português, fil-każ inkwistjoni, tikser ir-Regolament [Nru 1393/2007] u l-prinċipji sottostanti tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

44

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-ittra rreġistrata indirizzata lil A. M. Henderson, għall-finijiet tan-notifika tar-rikors promotur quddiem it-Tribunal de Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro), fir-residenza tiegħu fl-Irlanda ma kinitx akkompanjata mill-formola standard prevista fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

45

Issa, minn naħa, it-tielet domanda tirrigwarda l-konsegwenzi li l-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat għandha tislet minn tali difett.

46

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn ir-risposta għall-imsemmija domanda tkun li tali difett iwassal għan-nullità tal-proċedura ta’ notifika, b’mod konformi ma’ dak li tipprevedi, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni Portugiża f’dan ir-rigward, ma jkunx hemm iktar lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari, li jirrigwardaw aspetti proċedurali speċifiċi fil-każ ta’ notifika bil-posta.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tielet domanda tiġi eżaminata l-ewwel.

Fuq it-tielet domanda

48

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, fil-każ fejn att ġudizzjarju, innotifikat lil konvenut residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma jkunx ġie redatt jew akkompanjat minn traduzzjoni jew f’lingwa li dan il-konvenut jifhem, jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk hemm diversi lingwi uffiċjali f’dan l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post ta’ fejn għandha titwettaq in-notifika jew il-komunikazzjoni, l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament twassal għan-nullità tal-imsemmija notifika jew tal-imsemmija komunikazzjoni, din in-nullità għandha madankollu tiġi invokata minn dan l-istess konvenut f’terminu stabbilit jew sa mill-bidu tal-istanza u qabel kull difiża fuq il-mertu.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi espliċitament, fl-Artikolu 8(1) tiegħu, il-possibbiltà li d-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, jirrifjuta li jaċċettah, minħabba li l-att inkwistjoni ma huwiex redatt jew akkompanjat minn traduzzjoni f’lingwa li huwa meqjus li jifhem.

50

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fakultà li l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat ma jiġix aċċettat, hija dritt tad-destinatarju ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 49, u d-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 61).

51

Kif diġà ġie enfasizzat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li destinatarju jirrifjuta li jaċċetta att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jirriżulta min-neċessità li jiġu pprotetti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dan l-att, b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, ikkonfermata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 73). Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa intiż, primarjament, għat-titjib tal-effikaċja u tar-rapidità tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajfu, b’xi mod jew ieħor, id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 3031, kf ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 4849).

52

Għalhekk, għandu jiġi żgurat mhux biss li d-destinatarju ta’ att jirċievi realment l-att inkwistjoni, iżda wkoll li jitqiegħed f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni kif ukoll li jifhem b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata tal-azzjoni mibdija kontrih barra mill-pajjiż, b’tali mod li jkun jista’ effettivament jipprepara d-difiża tiegħu u jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru li jibgħat (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 50).

53

Issa, sabiex id-dritt ta’ rifjut li jinsab fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jkun jista’ effettivament jipproduċi l-effetti tiegħu, huwa neċessarju li d-destinatarju tal-att ikun ġie debitament informat, minn qabel u bil-miktub, bl-eżistenza ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 5054, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 6266).

54

Fis-sistema implementata mir-Regolament Nru 1393/2007, din l-informazzjoni hija pprovduta lilu permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 50, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 62).

55

Fir-rigward tal-portata li għandha tingħaraf lil din il-formola standard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni għall-użu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 45, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 59).

56

Minn din il-kunsiderazzjoni kif ukoll abbażi tal-għan tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, kif deskritt fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-aġenzija li tirċievi hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah, billi tuża sistematikament għal dan il-għan il-formola standard (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 58, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 68).

57

Barra minn hekk, fil-każ fejn l-aġenzija li tirċievi, li tiġi msejħa twettaq in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att ikkonċernat lid-destinatarju tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor, ma tkunx hemżet il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, din l-ommissjoni la tista’ twassal għan-nullità tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat u lanqas għal dik tal-proċedura ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni, peress li tali konsegwenza tkun inkompatibbli mal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, li huma li jiġi previst mod ta’ trażmissjoni diretta, rapida u effikaċi bejn l-Istati Membri tal-atti f’materji ċivili u kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 60 sa 66).

58

Min-naħa l-oħra, peress li l-komunikazzjoni tal-imsemmija formola standard tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali, intiż li jħares id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att, l-ommissjoni tagħha għandha tiġi rregolarizzata mill-aġenzija li tirċievi b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament Nru 1393/2007. Din għandha, għalhekk, tinforma mingħajr dewmien lid-destinatarju tal-att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah, billi tittrażmettilu, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, din l-istess formola standard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 67, 70, 7274, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 71).

59

Għalkemm il-kawżi li taw lok għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603), u għad-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316) kienu jirrigwardaw proċedura ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni ta’ att abbażi tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1393/2007, li tittratta t-trażmissjoni tal-att permezz ta’ aġenziji li jibagħtu u ta’ aġenziji li jirċievu maħtura mill-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta espliċitament mill-kliem tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, l-istess regoli jgħoddu għall-metodi ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji msemmija fit-Taqsima 2 ta’ dan l-istess kapitolu.

60

Għaldaqstant, minn naħa, in-natura mandatorja u sistematika tal-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tapplika għal metodi ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni msemmija fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu la jwassal għan-nullità tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat u lanqas għal dik tal-proċedura ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni.

61

Dan jgħodd, b’mod iktar partikolari, fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, in-notifika jew il-komunikazzjoni ssir permezz tas-servizzi postali, abbażi tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu.

62

Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tistipula, mingħajr ma tikser ir-Regolament Nru 1393/2007, li l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 għandha tiġi ssanzjonata bin-nullità, minkejja li huwa previst ukoll li din tal-aħħar tista’ tkun koperta mill-effett tal-mogħdija ta’ ċertu terminu jew mill-assenza ta’ reazzjoni tad-destinatarju tal-att.

63

Fil-fatt, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li tali leġiżlazzjoni, li bħala prinċipju tistabbilixxi n-nullità bħala konsegwenza tal-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, hija inkompatibbli mas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament u mal-għan imfittex minnu, kif ġie espost fil-punti 57 u 60 ta’ din is-sentenza.

64

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda inferenza ma tista’ tinsilet validament mill-fatt li d-destinatarju tal-att ma jkunx ikkontesta, f’terminu speċifiku, tali ommissjoni, peress li ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza, fid-dawl, speċifikament, tal-assenza tal-imsemmija formola, li l-persuna kkonċernata effettivament ġiet mgħarrfa bid-dritt tagħha li tirrifjuta n-notifika jew il-komunikazzjoni.

65

Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ informazzjoni li jirriżulta minn din l-ommissjoni jista’ jiġi validament irrimedjat biss billi, fl-iqsar żmien possibbli u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, tintbagħat il-formola standard li tinsab fl-Anness II tiegħu.

66

F’kull każ, u kif ġustament osservat il-Kummissjoni Ewropea, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(4) tal-imsemmi regolament.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, fil-każ fejn att ġudizzjarju, innotifikat lil konvenut residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma jkunx ġie redatt jew akkompanjat minn traduzzjoni jew f’lingwa li dan il-konvenut jifhem, jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk hemm diversi lingwi uffiċjali f’dan l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post ta’ fejn għandha titwettaq in-notifika jew il-komunikazzjoni, l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament twassal għan-nullità tal-imsemmija notifika jew tal-imsemmija komunikazzjoni, anki jekk din in-nullità għandha tiġi invokata minn dan l-istess konvenut f’terminu stabbilit jew sa mill-bidu tal-istanza u qabel kull difiża fuq il-mertu.

68

Dan l-istess regolament jeżiġi, min-naħa l-oħra, li tali ommissjoni tiġi rregolarizzata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fih, permezz tal-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

69

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet domanda, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll fuq l-ewwel u t-tieni domandi.

70

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li notifika jew komunikazzjoni ta’ att promotur permezz tas-servizzi postali hija valida, minkejja li d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata ma ġietx irritornata lill-persuna li bagħtitha u minkejja li jirriżulta li l-ittra ma ġietx aċċettata mid-destinatarju tal-att iżda minn terz.

71

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok li qabel kollox jiġi osservat li r-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi b’mod eżawrjenti diversi metodi ta’ notifika u ta’ komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji, li għalihom jipprovdi r-regoli applikabbli, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi ġerarkija bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2006, Plumex, C‑473/04, EU:C:2006:96, punti 20 sa 22, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 3132). Fost dawn il-metodi ta’ trażmissjoni hemm dak permezz tas-servizzi postali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li huwa essenzjalment is-suġġett tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

72

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jiġi ggarantit, f’kull każ konkret, bilanċ ġust bejn l-interessi tar-rikorrent u dawk tal-konvenut, destinatarju tal-att, permezz ta’ konċiljazzjoni tal-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ rapidità tat-trażmissjoni tal-atti ta’ proċedura mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn l-atti, u dan permezz, b’mod partikolari, tal-garanzija ta’ aċċettazzjoni reali u effettiva ta’ dawn l-istess atti (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Ir-rekwiżiti msemmija l-aħħar huma partikolarment importanti fir-rigward, bħal fil-kawża prinċipali, tan-notifika ta’ att promotur, sa fejn hemm l-obbligu li d-destinatarju tal-att jiġi informat bl-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija kontrih fi Stat Membru ieħor u li jifhem is-sens, il-portata kif ukoll il-modalitajiet proċedurali, b’mod partikolari fil-qasam ta’ termini, tal-azzjoni mressqa kontrih sabiex ikun jista’ jiddefendi ruhu b’mod effettiv.

74

F’dak li jirrigwarda l-ewwel aspett tal-ewwel żewġ domandi magħmula, relatat maċ-ċirkustanza li d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata li tinnotifika l-att promotur ma ġietx irritornata lill-korp li, fl-Istat Membru li jibgħat, talab din in-notifika, hemm lok li jiġi osservat li r-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi, fl-Artikolu 14 tiegħu, li n-notifika jew il-komunikazzjoni, permezz tas-servizzi postali, ta’ att ġudizzjarju lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor titwettaq, bħala prinċipju, permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

75

Il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt qies li tali formalitajiet kienu ta’ natura li fl-istess ħin joffru lid-destinatarju l-garanzija li effettivament jirċievi l-posta rreġistrata li tinkludi l-att innotifikat u jikkostitwixxu prova affidabbli tan-natura regolari tal-proċedura għall-persuna li tibgħat.

76

B’mod iktar partikolari, posta rreġistrata tippermetti li jiġu rintraċċati d-diversi stadji tal-vjaġġ tagħha lejn id-destinatarju. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ rċevuta, li tiġi ssodisfatta meta dan id-destinatarju, jew, jekk ikun il-każ, ir-rappreżentant tiegħu, jirċievi l-posta, din għandha tindika d-data tal-kunsinna, il-post tal-kunsinna kif ukoll id-dettalji u l-firma tal-persuna li aċċettat din il-posta. Id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tiġi sussegwentement irritornata lill-persuna li bagħtitha, u b’dan il-mod din il-persuna ssir taf dawn l-elementi u tkun tista’ tistabbilixxihom fil-każ ta’ kontestazzjoni.

77

Id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata għalhekk tikkostitwixxi kemm prova tal-fatt li d-destinatarju tal-att ġudizzjarju nnotifikat jew ikkomunikat aċċettah fl-Istat Membru li jirċievi kif ukoll prova tal-modalitajiet ta’ kunsinna ta’ dan l-att.

78

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-kliem innifsu tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007, notifika jew komunikazzjoni permezz tas-servizzi postali ma għandhiex neċessarjament titwettaq permezz ta’ posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

79

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tispeċifika li tali notifika jew komunikazzjoni tista’ titwettaq ukoll permezz tal-“ekwivalenti” ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

80

Sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tat-terminiu l-“ekwivalenti”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14, għandu jiġi speċifikat li mill-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, kif deskritt fil-punti [75 sa 77] ta’ din is-sentenza, jirriżulta li jista’ jiġi kkwalifikat bħala “ekwivalenti” kull mezz ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni ta’ att ġudizzjarju, u ta’ prova ta’ dan, li joffri l-garanziji paragunabbli għal dawk ta’ spedizzjoni bil-posta ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

81

B’mod iktar speċifiku, il-metodu alternattiv ta’ trażmissjoni tal-att għandu jippreżenta l-istess livell ta’ ċertezza u ta’ fiduċja bħal ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta f’dak li jirrigwarda kemm l-aċċettazzjoni tal-att mid-destinatarju tiegħu kif ukoll iċ-ċirkustanzi ta’ din l-aċċettazzjoni.

82

Fl-interess tal-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji, huwa effettivament importanti li jiġi żgurat, sa fejn possibbli, li d-destinatarju effettivament jirċievi l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat u li din l-aċċettazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, b’mod affidabbli, mill-persuna li tibgħat.

83

F’każ ta’ tilwima, għalhekk, hija l-persuna li tibgħat li għandha tistabbilixxi, permezz ta’ elementi materjali relatati mat-trażmissjoni tal-att, ir-regolarità tal-proċedura ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni u l-qorti tal-Istat Membru li jibgħat għandha tevalwa r-rilevanza ta’ dawn l-elementi fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ partikolari.

84

Minn dan isegwi li l-fatt li, f’dan il-każ, id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta ma ġietx irritornata ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jivvizzja l-proċedura ta’ trażmissjoni bil-posta, peress li din il-formalità tista’ tiġi ssostitwita permezz ta’ dokument li joffri garanziji ekwivalenti.

85

Il-qorti tar-rinviju adita fl-Istat Membru li jibgħat għandha madankollu tivverifika li l-provi invokati f’dan ir-rigward jistabbilixxu li d-destinatarju rċieva n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att inkwistjoni f’kundizzjonijiet tali li jippermettu l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

86

Fir-rigward tat-tieni aspett tal-ewwel u tat-tieni domandi, relatata maċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, il-posta rreġistrata li tinkludi l-att li għandu jiġi nnotifikat ma ġietx aċċettata, fl-Istat Membru li jirċievi, mid-destinatarju ta’ dan l-att iżda minn terz, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jinkludi l-ebda indikazzjoni espliċita f’dan ir-rigward.

87

Xorta jibqa’ l-fatt li mill-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan l-istess regolament jista’ jiġi dedott li l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jista’ jiġi kkunsinnat mhux biss lid-destinatarju personalment, iżda wkoll, fl-assenza tiegħu, lil persuna li tkun tinsab fil-post ta’ residenza tiegħu.

88

Fil-prattika, kunsinna f’idejn il-konvenut innifsu mhux dejjem hija effettivament possibbli. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jeskludix li, f’ċerti ċirkustanzi, terz jista’ jaċċetta l-att inkwistjoni.

89

F’tali każ, madankollu għandu jiġi ggarantit li jiġu osservati l-garanziji kollha neċessarji għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att.

90

A fortiori f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konvenut ma deherx fl-ewwel seduta li d-data tagħha kienet indikata fl-att li kien ġie nnotifikat lilu bil-posta, huwa fil-fatt essenzjali li jiġi żgurat li, minn naħa, l-imsemmi konvenut realment irċieva l-att promotur, li jippermettilu kemm li jsir jaf bil-fatt li nbdiet proċedura ġudizzjarja kontrih fi Stat Membru ieħor kif ukoll li jidentifika l-għan u l-kawża tat-talba, u, min-naħa l-oħra, li dan ikollu biżżejjed żmien biex jipprepara d-difiża tiegħu.

91

Tali protezzjoni tad-drittijiet tal-konvenut kontumaċi, imsemmija b’mod iktar partikolari fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, tissodisfa barra minn hekk l-għan imfittex minn dispożizzjonijiet ta’ atti oħra tal-Unjoni relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, bħar-Regolament Nru 44/2001, li l-Artikolu 34(2) tiegħu jippresupponi wkoll li l-att inkwistjoni jkun ġie nnotifikat jew ikkomunikat minn qabel lil tali konvenut (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Lebek, C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni ta’ jekk l-att promotur ġiex innotifikat jew ikkomunikat b’tali mod li l-konvenut seta’ effettivament isir jaf bih hija għalhekk deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija sussegwentement tistax titqies eżekutorja.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm terz jista’ validament jaċċetta att ġudizzjarju f’isem u għad-destinatarju, din il-possibbiltà għandha madankollu tkun irriżervata għal każijiet indikati b’mod ċar, sabiex tiġi żgurata bl-aħjar mod possibbli l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-imsemmi destinatarju.

94

Konsegwentement, hemm lok li l-kunċett ta’ “residenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007 jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-post fejn id-destinatarju tal-att joqgħod jew jirrisjedi abitwalment.

95

Barra minn hekk, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 805/2004 f’dak li jirrigwarda n-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ att promotur fil-qasam ta’ krediti mhux ikkontestati, il-possibbiltà li terz jaċċetta att ġudizzjarju minflok id-destinatarju tiegħu tista’ tapplika biss għall-persuni adulti li jkunu jinsabu fir-residenza tad-destinatarju, kemm jekk dawn ikunu membri tal-familja tiegħu li jgħixu fl-istess indirizz bħalu kif ukoll jekk ikunu persuni impjegati minnu f’dan l-indirizz.

96

Huwa fil-fatt raġonevoli li jitqies li tali persuni għandhom effettivament jgħaddu l-att inkwistjoni lid-destinatarju tiegħu.

97

Dan, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarjament il-każ ta’ terzi oħra, bħal resident ta’ bini ġar jew persuna residenti fl-istess blokk fejn id-destinatarju jokkupa appartament. Aċċettazzjoni ta’ att minn tali terz li ma toffrix garanziji suffiċjenti li d-destinatarju għandu jiġi realment informat fit-termini meħtieġa ma tistax titqies bħala suffiċjentement affidabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007.

98

F’kull każ, anki jekk iċ-ċirkustanzi indikati fil-punti 93 sa 96 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti u jekk in-notifika jew il-komunikazzjoni tkun konsegwentement tidher regolari, id-destinatarju tal-att iżomm il-possibbiltà li jistabbilixxi, permezz ta’ kwalsiasi prova ammissibbli quddiem il-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat, li huwa ma setgħax effettivament isir jaf bil-fatt li, fi Stat Membru ieħor, kienet inbdiet proċedura ġudizzjarja kontrih, ma setgħax jidentifika s-suġġett u l-kawża tat-talba, u ma kellux biżżejjed żmien biex jipprepara d-difiża tiegħu. Hija l-imsemmija qorti li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ dawn il-provi billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li notifika jew komunikazzjoni ta’ att promotur permezz tas-servizzi postali hija valida, anki jekk:

id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata li tinkludi l-att li għandu jiġi nnotifikat lid-destinatarju tiegħu ġiet issostitwita minn dokument ieħor, sakemm dan id-dokument joffri garanziji ekwivalenti fil-qasam ta’ informazzjoni pprovduta u ta’ prova. Hija l-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat li għandha tiżgura ruħha mill-fatt li d-destinatarju rċieva l-att inkwistjoni f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tiegħu;

l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat ma ġiex ikkunsinnat lid-destinatarju tiegħu personalment, sakemm dan ġie kkunsinnat lil persuna adulta li tkun tinsab fir-residenza abitwali ta’ dan id-destinatarju, kemm jekk bħala membru tal-familja tiegħu kif ukoll jekk bħala impjegat tiegħu. Huwa dan id-destinatarju li għandu, jekk ikun il-każ, jistabbilixxi, permezz ta’ kull prova ammissibbli quddiem il-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat, li huwa la seta’ effettivament isir jaf bil-fatt li, fi Stat Membru ieħor, kienet inbdiet proċedura ġudizzjarja kontrih, la seta’ jidentifika s-suġġett u l-kawża tat-talba, u lanqas ma kellu biżżejjed żmien biex jipprepara d-difiża tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra‑ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, fil-każ fejn att ġudizzjarju, innotifikat lil konvenut residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma jkunx ġie redatt jew akkompanjat minn traduzzjoni jew f’lingwa li dan il-konvenut jifhem, jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk hemm diversi lingwi uffiċjali f’dan l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post ta’ fejn għandha titwettaq in-notifika jew il-komunikazzjoni, l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament twassal għan-nullità tal-imsemmija notifika jew tal-imsemmija komunikazzjoni, anki jekk din in-nullità għandha tiġi invokata minn dan l-istess konvenut f’terminu stabbilit jew sa mill-bidu tal-istanza u qabel kull difiża fuq il-mertu.

Dan l-istess regolament jeżiġi, min-naħa l-oħra, li tali ommissjoni tiġi rregolarizzata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fih, permezz tal-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament.

 

2)

Ir-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li notifika jew komunikazzjoni ta’ att promotur permezz tas-servizzi postali hija valida, anki jekk:

id-dikjarazzjoni ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata li tinkludi l-att li għandu jiġi nnotifikat lid-destinatarju tiegħu ġiet issostitwita minn dokument ieħor, sakemm dan id-dokument joffri garanziji ekwivalenti fil-qasam ta’ informazzjoni pprovduta u ta’ prova. Hija l-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat li għandha tiżgura ruħha mill-fatt li d-destinatarju rċieva l-att inkwistjoni f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tiegħu;

l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat ma ġiex ikkunsinnat lid-destinatarju tiegħu personalment, sakemm dan ġie kkunsinnat lil persuna adulta li tkun tinsab fir-residenza abitwali ta’ dan id-destinatarju, kemm jekk bħala membru tal-familja tiegħu kif ukoll jekk bħala impjegat tiegħu. Huwa dan id-destinatarju li għandu, jekk ikun il-każ, jistabbilixxi permezz ta’ kull prova ammissibbli quddiem il-qorti adita fl-Istat Membru li jibgħat, li huwa la seta’ effettivament isir jaf bil-fatt li, fi Stat Membru ieħor, kienet inbdiet proċedura ġudizzjarja kontrih, la seta’ jidentifika s-suġġett u l-kawża tat-talba, u lanqas ma kellu biżżejjed żmien biex jipprepara d-difiża tiegħu.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Fuq