Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0275

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Marzu 2017.
    ITV Broadcasting Limited et vs TVCatchup Limited et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 9 – Aċċess għall-cable tas-servizzi tax-xandir – Kunċett ta’ ‘cable’ – Trażmissjonijiet mill-ġdid minn terz permezz tal-Internet tal-programmi tax-xandara tat-televiżjoni kummerċjali – ‘Live streaming’.
    Kawża C-275/15.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:144

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    1 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Artikolu 9 — Aċċess għall-cable tas-servizzi tax-xandir — Kunċett ta’ ‘cable’ — Trażmissjonijiet mill-ġdid minn terz permezz tal-Internet tal-programmi tax-xandara tat-televiżjoni kummerċjali — ‘Live streaming’”

    Fil-Kawża C‑275/15:

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

    ITV Broadcasting Limited,

    ITV2 Limited,

    ITV Digital Channels Limited,

    Channel Four Television Corporation,

    4 Ventures Limited,

    Channel 5 Broadcasting Limited,

    ITV Studios Limited

    vs

    TVCatchup Limited (f’amministrazzjoni ġudizzjarja),

    TVCatchup (UK) Limited,

    Media Resources Limited,

    fil-preżenza ta’:

    The Secretary of State for Business, Innovation and Skills,

    Virgin Media Limited,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Mejju 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal ITV Broadcasting Limited, ITV2 Limited, ITV Digital Channels Limited, Channel Four Television Corporation, 4 Ventures Limited, Channel 5 Broadcasting Limited, ITV Studios Limited, minn J. Mellor, QC, u Q. Cregan, barrister, fuq mandat minn P. Stevens u J. Vertes, solicitors,

    għal TVCatchup (UK) Limited u Media Resources Limited, minn M. Howe, QC, fuq mandat minn L. Gilmore, solicitor,

    għal Virgin Media Limited, minn T. de la Mare, QC, fuq mandat minn B. Allgrove, solicitor,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn C. May, QC, u minn J. Riordan, barrister, sussegwentement minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn A. Robertson, QC,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/29/KE, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ITV Broadcasting Limited, ITV2 Limited, ITV Digital Channels Limited, Channel Four Television Corporation, 4 Ventures Limited, Channel 5 Broadcasting Limited u ITV Studios Limited, minn naħa, u TVCatchup Limited, f’amministrazzjoni ġudizzjarja (iktar ’il quddiem “TVC”), u TVCatchup (UK) Limited (iktar ’il quddiem “TVC UK”), u Media Resources Limited, min-naħa l-oħra, dwar it-trażmissjoni minn dawn tal-aħħar permezz tal-Internet tal-programmi televiżivi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 4, 20, 23, 32 u 60 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxu:

    “(4)

    Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, […]

    […]

    (20)

    Din id-Direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi preżentement fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttivi [91/250/KEE, 92/100/KEE, 93/83/KEE tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), 93/98/KEE u 96/9/KE], u tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

    […]

    (23)

    Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. […]

    […]

    (32)

    Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. […]

    […]

    (60)

    Il-protezzjoni li hemm provdut dwarha skond din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet legali nazzjonali jew tal-Komunità f’dawn l-oqsma, bħal proprjetà industrijali, aċċess kondizzjonat, aċċess għal dokumenti pubbliċi, u r-regola ta’ kronoloġija ta’ l-isfruttar tal-media, li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Ġħan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, [b’] enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

    2.   Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

    […]

    (ċ)

    id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir ta’ programmi bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable;

    […]”

    5

    Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

    (a)

    għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

    […]

    (e)

    għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

    6

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

    […]

    (d)

    għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

    […]”

    7

    Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”:

    “3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

    […]

    5.   L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

    8

    L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra” jistabbilixxi:

    “Din id-Direttiva għħ ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġiet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenzalità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.”

    Id-dritt tar-Renju Unit

    9

    Il-Copyright, Designs and Patents 1988 [liġi tal-1988 fuq id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi) kif emendata bil-Copyright and Related Rights Regulations 2003 (digriet tal-2003 fuq id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati) (iktar ’il quddiem is-“CDPA”), ittraspona id-Direttiva 2001/29, jipprovdi fl-Artikolu 73 tiegħu intitolat “Riċezzjoni ta’ xandira u trażmissjoni mill-ġdid tagħha bil-cable”:

    “(1)   Dan l-artikolu japplika meta xandira mir-Renju Unit tiġi rċevuta u trażmessa mill-ġdid immedjatament bil-cable.

    Id-dritt tal-awtur fuq ix-xandira ma jinkisirx:

    (a)

    jekk it-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable ssegwi rekwiżit li jittieħed inkunsiderazzjoni, jew inkella

    (b)

    jekk u sa fejn ix-xandira tiġi trażmessa sabiex tiġi rċevuta fiż-żona fejn hija trażmessa mill-ġdid bil-cable u jekk u sa fejn din tagħmel parti mis-servizz li jikkwalifika.

    (3)   Id-dritt tal-awtur fuq ix-xandir kollu inkluż fil-kontenut imxandar ma jinkisirx jekk u sa fejn il-miżura jew dak il-kontenut jixxandar sabiex jiġi rċevut fiż-żona minn fejn jiġi tramess mill-ġdid bil-cable. […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma xandara tat-televiżjoni kummerċjali li għandhom drittijiet tal-awtur, abbażi tad-dritt nazzjonali, fuq il-programmi tat-televiżjoni tagħhom kif ukoll fuq il-films u l-elementi l-oħra inklużi fil-programmi tagħhom. Huma jiġu ffinanzjati mir-reklami miksuba mill-programmi tagħhom.

    11

    TVC toffri fuq l-Internet servizzi tax-xandir ta’ programmi televiżivi li jippermettu lill-utenti li jirċievu “b’mod dirett” permezz tal-Internet, flussi ta’ programmi televiżivi mingħajr ħlas, inklużi l-programmi televiżivi mxandra mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Wara t-tqegħid ta’ TVC f’amministrazzjoni ġudizzjarja, l-attività kummerċjali u s-servizzi tagħha huma issa eżerċitati minn TVC UK, bis-saħħa ta’ liċenzja mogħtija minn Media Resources Limited.

    12

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali assenjaw lil TVC quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [qorti għolja tal-ġustizzja (Ingilterra u Wales), taqsima taċ-Chancery, ir-Renju Unit] għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħhom. Dik il-qorti adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

    13

    Wara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147), il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), taqsima taċ-Chancery] ikkonstatat li TVC kienet kisret id-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’komunikazzjoni lill-pubbliku. Fir-rigward tat-tliet kanali tat-televiżjoni, jiġifieri ITV, Channel 4 u Channel 5, dik il-qorti madankollu kkunsidrat li TVC setgħet tinvoka motiv ta’ difiża bbażat fuq l-Artikolu 73(2)(b) u (3) tas-CDPA.

    14

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell quddiem il-qorti tar‑rinviju. TVC UK u Media Resources Limited ġew miżjuda bħala konvenuti quddiem din il-qorti.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Artikolu 73 tas-CDPA jipprevedi motiv ta’ difiża kontra azzjoni għall-ksur tad-dritt tal-awtur fuq xandira jew fuq kull biċċa xogħol inkluża f’xandira applikabbli “meta xandira mir-Renju Unit tiġi rċevuta u trażmessa mill-ġdid immedjatament bil-cable”. Hija tippreċiża li l-motiv ta’ difiża li ġiet adita biha tirrigwarda mhux l-Artikolu 73(2)(a) u (3) tas-CDPA, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li d-dritt tal-awtur fuq xandira ma jinkisirx “jekk it-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable ssegwi rekwiżit li jittieħed inkunsiderazzjoni”, iżda biss fuq l-Artikolu 73(2)(b) u (3) ta’ din il-liġi, li jistabbilixxi li dan id-dritt ma jinkisirx “jekk u sa fejn ix-xandira tiġi trażmessa sabiex tiġi rċevuta fiż-żona fejn hija trażmessa mill-ġdid bil-cable u jekk u sa fejn din tagħmel parti mis-servizz li jikkwalifika”.

    16

    Billi qieset li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 73 tas-CDPA fid-dawl tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2001/29] u b’mod partikolari l-formulazzjoni ‘[d]in id-Direttiva għħ ndha [għandha] tkun mingħajr preġudizzju [b’mod partikolari] għad-disposizzjonijiet dwar […] aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir’:

    1)

    Il-formulazzjoni ċċitata iktar ’il fuq tawtorizza ż-żamma ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiddefinixxi l-portata tal-kunċett ta’ ‘cable’, jew inkella l-portata ta’ din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9 hija ddeterminata minn tifsira ta’ “cable” li hija ddefinita mid-dritt tal-Unjoni?

    2)

    Jekk il-kunċett ta’ ‘cable’ li jinsab fl-Artikolu 9 huwa ddefinit mid-dritt tal-Unjoni, x’inhi t-tifsira? B’mod partikolari:

    a)

    Għandu tifsira marbuta ma’ teknoloġija speċifika, limitata għan-netwerks tal-cable klassiċi operati minn fornituri tradizzjonali ta’ servizzi bil-cable?

    b)

    Fil-każ kuntrarju, għandu tifsira newtrali fuq il-livell teknoloġiku li tinkludi servizzi funzjonalment simili trażmessi permezz tal-internet?

    c)

    F’kull każ, jinkludi t-trażmissjoni ta’ enerġija microwave bejn punti terrestri fissi?

    3)

    Il-formulazzjoni ċċitata iktar ’il fuq tapplika (1) għad-dispożizzjonijiet li jirrikjedu li netwerks tal-cable jittrażmettu mill-ġdid ċerti xandiriet, jew inkella (2) għad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw it-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable ta’ xandiriet (a) meta t-trażmissjonijiet mill-ġdid huma simultanji u limitati għaż-żoni li għalihom ix-xandiriet kienu intiżi u/jew (b) meta x-xandiriet huma trażmessi mill-ġdid fuq kanali suġġetti għal ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku?

    4)

    Jekk il-portata tal-kunċett ta’ ‘cable’ li jinsab fl-Artikolu 9 hija ddefinita mid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ proporzjonalità u ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet ta’ detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, ta’ proprjetarji tal-cable u l-interess pubbliku?

    5)

    L-Artikolu 9 jkopri biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fis-seħħ fid-data li fiha d-Direttiva [2001/29] ġiet approvata, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jew fid-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha, jew inkella japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet sussegwenti tad-dritt nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess għall-cable ta’ servizzi tax-xandir?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tielet domanda

    17

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata immedjatament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir”, għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni u huwa awtorizzat minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assenza tal-ksur tad-dritt tal-awtur f’każ ta’ trażmissjoni mill-ġdid immedjata bil-cable, inkluż, jekk ikun il-każ, permezz tal-Internet, f’żona ta’ xandir inizjali, ta’ xandiriet fuq il-kanali tat-televiżjoni suġġetti għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

    18

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir”, li jidher fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, għandu jsib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, tal-kuntest li fih hija tidħol kif ukoll għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C‑156/15, EU:C:2016:851, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-istess kliem “aċċess għal cable” li dan il-kunċett huwa differenti minn dak ta’ “trażmissjoni mill-ġdid bil-cable”, huwa biss l-aħħar kunċett li jindika, fil-kuntest tad-Direttiva 2001/29, ix-xandir ta’ kontenut awdjoviżiv.

    20

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, din diġà tinkludi, fl-Artikolu 1(2)(ċ) tagħha, dispożizzjoni li titratta espressament it-“trasmissjoni mill-ġdid bil-cable”, biex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw din il-kwistjoni, f’dan il-każ dawk tad-Direttiva 93/83.

    21

    Sa fejn hemm bżonn, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/83 huma mingħajr rilevanza għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkonċerna trażmissjoni mill-ġdid fi ħdan l-Istat Membru wieħed biss minkejja li d-Direttiva 93/83 tipprevedi armonizzazzjoni minima ta’ ċerti aspetti tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati biss f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku minn satellita jew ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-cable ta’ programmi ġejjin minn Stati Membri oħrajn (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:2006:764, punt 30).

    22

    Fit-tielet lok, inkwantu għall-iskop tad-Direttiva 2001/29, din għandha bħala għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermetti lil dawn li jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fl-okkażjoni ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 186).

    23

    Fid-dawl ta’ dan il-livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal domanda preliminari fil-kuntest tal-kawża prinċipali fl-ewwel istanza, diġà ġġudikat li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jidher fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jinftiehem f’sens wiesa’, kif tistabbilixxi b’mod espliċitu l-premessa 23 ta’ din id-direttiva, u li trażmissjoni mill-ġdid permezz ta’ fluss ta’ Internet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punti 2040).

    24

    B’hekk jirriżulta li, fl-assenza ta’ kunsens tal-awtur ikkonċernat, tali trażmissjoni mill-ġdid ma hijiex, fil-prinċipju, permessa, ħlief jekk taqa’ taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li tipprevedi lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku stabbilita fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bħalma tikkonferma l-premessa 32 tagħha.

    25

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-trażmissjoni mill-ġdid inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqa’ taħt l-ebda eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.

    26

    Fir-rigward tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 60 ta’ din id-direttiva, li din hija intiża li żżomm dispożizzjonijiet applikabbli f’oqsma oħrajn barra minn dak armonizzat mill-imsemmija direttiva.

    27

    Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29 li tgħid li dan jippermetti trażmissjoni mill-ġdid bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr il-kunsens tal-awturi f’każijiet oħra minn dawk previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jmur kontra mhux biss l-għan ta’ dan l-Artikolu 9, iżda wkoll tan-natura eżawrjenti ta’ dan l-Artikolu 5 u jagħmel ħsara, b’hekk għat-twettiq tal-għan prinċipali tal-imsemmija direttiva li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi.

    28

    F’dan ir-rigward, huwa mingħajr effett li x-xandir inizjali tax-xogħlijiet protetti intervjena, jew le, fuq il-kanali tat-televiżjoni suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, ma teżistix bażi fid-Direttiva 2001/29 li tiġġustifika li tingħata protezzjoni inqas lill-kontenut ta’ dawn il-kanali.

    29

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata lit-tielet domanda li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni u ma hijiex awtorizzata minnha leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assenza tal-ksur tad-dritt tal-awtur f’każ ta’ trażmissjoni mill-ġdid immedjata bil-cable, inkluż, jekk ikun il-każ, permezz tal-Internet, f’żona ta’ xandir inizjali, ta’ xandiriet fuq il-kanali tat-televiżjoni suġġetti għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

    Fuq l-ewwel, it-tieni, ir-raba ’ u l-ħames domandi

    30

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel, it-tieni, r-raba’ u għall-ħames domandi.

    Fuq l-ispejjeż

    31

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/29/KE, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni u ma hijiex awtorizzata minnha leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assenza tal-ksur tad-dritt tal-awtur f’każ ta’ trażmissjoni mill-ġdid immedjata bil-cable, inkluż, jekk ikun il-każ, permezz tal-Internet, f’żona ta’ xandir inizjali,

     

    ta’ xandiriet fuq il-kanali tat-televiżjoni suġġetti għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

     

    Firem


    ( 1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq