Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CC0002(01)

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016.
    Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE.
    Opinjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor – Ftehim ‘ġenerazzjoni l-ġdida’ innegozjat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattati UE u FUE – Kompetenza sabiex jiġi konkluż il-ftehim – Artikolu 3(1)(e) TFUE – Politika kummerċjali komuni – Artikolu 207(1) TFUE – Kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi – Investiment barrani dirett – Kuntratti pubbliċi – Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Kompetizzjoni – Kummerċ mal-Istati terzi u żvilupp sostenibbli – Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema – Protezzjoni tal-ambjent – Artikolu 207(5) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Artikolu 3(2) TFUE – Ftehim internazzjonali li jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Regoli ta’ dritt idderivat tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport – Investiment barrani li ma huwiex dirett – Artikolu 216 TFUE – Ftehim meħtieġ sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tat-Trattati – Moviment ħieles tal-kapital u tal-pagamenti bejn Stati Membri u Stati terzi – Suċċessjoni ta’ trattati fil-qasam tal-investiment – Sostituzzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment bejn Stati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor – Dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-ftehim – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u Stati – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet.
    Opinjoni 2/15.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali ; Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:992

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

    Proċedura ta’ opinjoni 2/15

    mibdija fuq il-bażi ta ’ talba mressqa mill-Kummissjoni Ewropea

    “Talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE — Konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor — Allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri”

    Werrej

     

    Il-EUSFTA

     

    Id-dritt tal-Unjoni

     

    It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

     

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

    It-talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Il-kwistjonijiet imqajma mit-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni

     

    L-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u l-bażi legali għall-konklużjoni tal-EUSFTA

     

    L-Artikolu 207(1), (5) u (6) TFUE

     

    L-Artikolu 3(2) TFUE

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Kummerċ ta’ prodotti (Kapitoli Tnejn sa Sitta tal-EUSFTA u l-Protokoll 1 tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Servizzi, stabbiliment u kummerċ elettroniku (Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Argumenti ġenerali

     

    Argumenti dwar it-trasport

     

    Analiżi

     

    Introduzzjoni

     

    Kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) TFUE

     

    Materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni bħala riżultat tal-Artikolu 207(5) TFUE

     

    Kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE

     

    – L-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE

     

    – It-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE

     

    Investiment (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Introduzzjoni

     

    Kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) TFUE

     

    – It-tifsira ta’ “investiment barrani dirett” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE

     

    – Ir-regolamentazzjoni ta’ “investiment barrani dirett” bħala parti mill-politika kummerċjali komuni

     

    Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) TFUE

     

    Il-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni Ewropea mal-Istati Membri

     

    Jekk l-EUSFTA jistax jittermina ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u Singapor

     

    Kuntratti pubbliċi governattivi (Kapitolu Għaxra tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Proprjetà intellettwali (Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    It-tifsira ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE

     

    Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA

     

    Kompetizzjoni u materji relatati (Kapitolu Tnax tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Barrieri mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli (Kapitolu Sebgħa tal-EUSFTA ) u kummerċ u żvilupp sostenibbli (Kapitolu Tlettax tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Barrieri mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli

     

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

     

    Analiżi

     

    Għanijiet relatati mal-kummerċ u għanijiet li ma humiex relatati mal-kummerċ: prinċipji ġenerali

     

    Barrieri mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli

     

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

     

    Trasparenza u stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju ta’ miżuri li għandhom applikazzjoni ġenerali (Kapitolu Erbatax tal-EUSFTA u dispożizzjonijiet relatati ta’ kapitoli oħra )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Soluzzjoni ta’ tilwim u medjazzjoni (Kapitolu Disgħa, Taqsima B , u Kapitoli Tlettax, Ħmistax u Sittax tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali (Kapitolu Sbatax tal-EUSFTA )

     

    Argumenti

     

    Analiżi

     

    Evalwazzjoni tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi l-EUSFTA

     

    Konklużjoni

     

    Anness — Deskrizzjoni sommarja tal-EUSFTA

    1. 

    Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob opinjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 218(11) TFUE dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ipprospettat bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor (iktar ’il quddiem il-“EUSFTA”) ( 2 ). It-test tal-EUSFTA kif innegozjat mill-Kummissjoni jipprovdi li għandu jiġi konkluż bħala ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor (iktar ’il quddiem “Singapor”), mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni qiegħda titlob gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk dan l-approċċ huwiex korrett.

    2. 

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva tikkonkludi l-EUSFTA. Hija tissottometti li dan il-ftehim kważi kollu jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207 TFUE għall-politika kummerċjali komuni, li hija kompetenza esklużiva [Artikolu 3(1)(e) TFUE], u li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi partijiet oħra tal-ftehim tirriżulta minn att leġiżlattiv li jagħtiha awtorità tagħmel hekk [l-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE] jew mill-fatt li l-konklużjoni tal-EUSFTA tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom [it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE]. Il-Parlament Ewropew ġeneralment jaqbel mal-Kummissjoni. Il-partijiet l-oħra kollha li ssottomettew osservazzjonijiet huma tal-fehma li l-Unjoni Ewropea ma tistax tikkonkludi dan il-ftehim waħedha, minħabba li ċerti partijiet tal-EUSFTA jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri u anki fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom ikunu wkoll Parti għall-EUSFTA.

    3. 

    L-EUSFTA jagħmel parti minn ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ kummerċ u investiment innegozjati jew li qegħdin jiġu nnegozjati mill-Unjoni Ewropea u minn imsieħba fil-kummerċ f’reġjuni oħra tad-dinja. Il-ftehim ma huwiex “ftehim omoġenju”: ma jkoprix qasam jew suġġett partikolari wieħed, u lanqas ma jsegwi għan wieħed. L-għan tiegħu huwa li tinkiseb, b’mod partikolari, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment u li jkunu ggarantiti ċerti standards ta’ protezzjoni b’mod li jirrikonċilja għanijiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi. Filwaqt li jibni fuq regoli eżistenti li jinsabu fi ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem id-“WTO”) ( 3 ), l-EUSFTA jestendi wkoll dawn ir-regoli u jkopri materji li (għadhom) ma humiex parti minn dawn il-ftehimiet.

    4. 

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Unjoni Ewropea tistax tikkonkludi l-EUSFTA mingħajr l-Istati Membri, jeħtieġ l-ewwel nett li nifhmu b’mod ċar il-materji li dan il-ftehim ikopri u l-għanijiet li jsegwi ( 4 ). Dan, imbagħad, iservi bħala bażi għall-applikazzjoni tad-diversi regoli tat-Trattat dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi lill-Unjoni Ewropea u dwar in-natura ta’ dawn il-kompetenzi. Meta jsir dan, għandhom jiġu applikati r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3(1) TFUE (dwar kompetenza esklużiva espressa) qabel ma jiġu applikati dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(2) TFUE (dwar kompetenza esklużiva impliċita ( 5 )) u, jekk ikun meħtieġ, fl-Artikolu 4 TFUE (dwar kompetenza kondiviża).

    Il-EUSFTA

    5.

    F’Diċembru 2006, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jawtorizzaha tinnegozja ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (iktar ’il quddiem “ASEAN”) f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri. F’April 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati. In-negozjati relatati ma’ ftehim reġjun reġjun irriżultaw diffiċli u, għalhekk, kienu sospiżi. Il-Kummissjoni mbagħad issuġġeriet li jiġu segwiti ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi rilevanti tal-ASEAN, billi jibdew minn Singapor. F’Diċembru 2009, il-Kunsill, filwaqt li bbaża ruħu fuq id-direttivi ta’ negozjazzjoni li kien ħareġ għal negozjati mal-ASEAN, awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim dwar kummerċ ma’ Singapor. Dawn in-negozjati bdew f’Marzu 2010. F’Settembru 2011, il-Kunsill immodifika d-direttivi ta’ negozjazzjoni sabiex iżid l-investiment fil-lista ta’ suġġetti koperti. Meta għamel hekk il-Kunsill qal li l-għan kien li l-kapitolu tal-ftehim dwar l-investiment ikun ikopri oqsma ta’ kompetenza kondiviża, bħal investiment f’portafoll ( 6 ), soluzzjoni ta’ tilwim u proprjetà u esproprjazzjoni.

    6.

    Fl-20 ta’ Settembru 2013, l-Unjoni Ewropea (li aġixxiet permezz tal-Kummissjoni) u Singapor inizjalaw it-test tal-EUSFTA (jiġifieri aċċettawh bħala definittiv), bl-eċċezzjoni tal-kapitolu dwar l-investiment. Dan it-test kien sar disponibbli għall-pubbliku fl-istess jum.

    7.

    Meta deher ċar li dan it-test kien jipprovdi għall-iffirmar u għall-konklużjoni tal-EUSFTA mill-Unjoni Ewropea mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali [kumitat maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) TFUE] fi Frar 2014 irrifera l-kwistjoni lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (iktar ’il quddiem “COREPER”). Il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali stieden lill-COREPER jikkonferma l-proċedura għall-iffirmar u għall-konklużjoni tal-EUSFTA u talbu jistieden lill-Kummissjoni, bħala negozjatriċi f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, tadatta t-test għan-natura mħallta ta’ dan it-tip ta’ ftehim. Il-COREPER indika li kien jinħass sens ċar ta’ qbil fost id-delegazzjonijiet li l-EUSFTA kellu jiġi ffirmat u konkluż bħala ftehim imħallat, jiġifieri li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri kellhom ikunu Parti għalih.

    8.

    In-negozjati dwar il-kapitolu dwar l-investiment kienu konklużi f’Ottubru 2014. F’Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kumitat tal-Politika Kummerċjali t-test ikkonsolidat tal-kapitolu dwar l-investiment u indikat li l-ftehim kollu kien issa inizjalat.

    9.

    L-EUSFTA huwa magħmul minn preambolu, sbatax-il kapitolu, protokoll u ħames espressjonijiet ta’ qbil.

    10.

    Il-Kapitolu Wieħed (“Għanijiet u Definizzjonijiet Ġenerali”) jgħid li l-l-għanijiet tal-EUSFTA huma li tiġi stabbilita żona ta’ kummerċ ħieles b’mod konsistenti mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 ( 7 ) u mal-Artikolu V tal-GATS ( 8 ) u li jiġu lliberalizzati u ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet skont l-EUSFTA.

    11.

    Il-Kapitolu Tnejn (“It-trattament nazzjonali u l-aċċess għas-suq għall-prodotti”) jibda billi jafferma mill-ġdid l-obbligu tal-Partijiet li jagħtu trattament nazzjonali ( 9 ) skont l-Artikolu III tal-GATT 1994 (li dan il-kapitolu jinkorpora fl-EUSFTA). Dan il-kapitolu jistabbilixxi wkoll obbligi li jirrigwardaw miżuri li ma humiex tariffarji. Dispożizzjonijiet separati japplikaw sabiex isiru disponibbli u jiġu skambjati informazzjoni, notifiki u talbiet għal tagħrif, u fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ miżuri koperti.

    12.

    Il-Kapitolu Tlieta (“Rimedji Kummerċjali”) jistabbilixxi obbligi dwar, minn naħa, l-antidumping u miżuri ta’ kumpens u, min-naħa l-oħra, żewġ tipi ta’ salvagwardji (miżuri ta’ salvagwardja globali u miżuri ta’ salvagwardja bilaterali).

    13.

    Il-Kapitolu Erbgħa (“Il-barrieri tekniċi għall-kummerċ”) għandu l-għan li jiffaċilita u jżid il-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet billi jipprovdi qafas għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ barrieri bla bżonn għall-kummerċ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim BTK (li ġie inkorporat fil-EUSFTA).

    14.

    Il-Kapitolu Ħamsa (“Miżuri sanitarji u fitosanitarji”) għandu l-għan li (a) titħares il-ħajja u s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet filwaqt li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn il-Partijiet fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (iktar ’il quddiem “miżuri SFS”); (b) ikun hemm kollaborazzjoni għall-implementazzjoni ulterjuri tal-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SFS”); u (c) ikun ipprovdut mezz għat-titjib tal-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-implementazzjoni ta’ miżuri SFS li jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet.

    15.

    Il-Kapitolu Sitta (“Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali”) jagħraf l-importanza tal-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali fl-ambjent tal-kummerċ globali li dejjem jevolvi u tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-prinċipji li fuqhom id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri doganali tal-Partijiet għandhom ikunu bbażati.

    16.

    L-għanijiet tal-Kapitolu Sebgħa (“Ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli”) huma l-promozzjoni, l-iżvilupp u ż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi sostenibbli li ma humiex fossili (iktar ’il quddiem “enerġija ħadra”), partikolarment billi jiġi ffaċilitat il-kummerċ u l-investiment. Il-kapitolu japplika għal miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet li jikkonċernaw il-ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra iżda mhux għall-prodotti li minnhom tiġi ġġenerata l-enerġija.

    17.

    Fil-Kapitolu Tmienja (“Servizzi, Stabbiliment u Kummerċ Elettroniku”), il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom skont il-Ftehim WTO ( 10 ). Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għal-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ tas-servizzi, jiġifieri, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi mit-territorju ta’ Parti għat-territorju tal-Parti l-oħra u fit-territorju ta’ Parti lil konsumatur ta’ servizzi tal-Parti l-oħra, u l-istabbiliment u l-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju. L-imsemmi kapitolu jindirizza l-kummerċ elettroniku separatament. Huwa fih ukoll dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-regolamentazzjoni domestika ta’ servizzi bil-kompjuter, servizzi postali, servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, servizzi finanzjarji u servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali.

    18.

    Il-Kapitolu Disgħa (“Investiment”) jikkonsisti f’żewġ partijiet.

    19.

    It-Taqsima A tinkludi dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni ta’ investimenti. Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu “investiment” huwa “kull tip ta’ assi li jkollu l-karatteristiċi ta’ investiment, inklużi karatteristiċi bħall-allokazzjoni ta’ kapital jew riżorsi oħra, l-istennija ta’ qligħ jew profitt, l-aċċettazzjoni ta’ riskju, jew ċertu tul ta’ żmien”. Ir-rekwiżiti ewlenin jirrigwardaw trattament nazzjonali, trattament ġust u ekwu u protezzjoni u sigurtà sħaħ, kif ukoll kumpens għal telf li investituri jkunu ġarrbu minħabba gwerra jew kunflitt armat ieħor, rivoluzzjoni, stat ta’ emerġenza nazzjonali, rewwixta, insurrezzjoni jew irvell fit-territorju tal-Parti l-oħra. It-Taqsima A tipprovdi wkoll li la Parti u lanqas l-oħra ma għandha, direttament jew indirettament, tinnazzjonalizza, tesproprja jew tissuġġetta għall-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal nazzjonalizzazzjoni jew esproprjazzjoni l-investimenti ta’ investituri tal-Parti l-oħra koperti minn din it-taqsima ħlief meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Kull Parti għandha, barra minn dan, tippermetti li t-trasferimenti kollha li jkunu jirrigwardaw investiment kopert mill-Kapitolu Disgħa jsiru f’munita liberament konvertibbli mingħajr restrizzjoni jew dewmien. Mad-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA, il-ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u Singapor elenkati fl-Anness 9-D jieqfu milli jkollhom effett u jkunu ssostitwiti u posthom jitteħdilhom mill-EUSFTA.

    20.

    It-Taqsima B tistabbilixxi mekkaniżmu għal “Soluzzjoni ta’ Tilwim bejn Investituri u Stati” (iktar ’il quddiem “STIS”). Dan il-mekkaniżmu, li jista’ jinvolvi arbitraġġ, japplika għal tilwima bejn rikorrent minn Parti u Parti oħra rigward trattament (inkluż nuqqas ta’ azzjoni) minn din tal-aħħar li allegatament ikun imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A u jkun ikkawża telf jew ħsara lir-rikorrent jew lill-kumpannija tiegħu stabbilita lokalment. Dispożizzjoni separata tgħid li bħala prinċipju ebda waħda miż-żewġ Partijiet ma għandha tagħti protezzjoni diplomatika, u lanqas ma għandha tressaq talba internazzjonali, fir-rigward ta’ tilwima li wieħed mill-investituri tagħha u l-Parti l-oħra jkunu taw il-kunsens tagħhom li jissottomettu jew li jkunu ssottomettew għal arbitraġġ skont it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa.

    21.

    Il-Kapitolu Għaxra (“L-akkwist pubbliku [Kuntratti pubbliċi governattivi]”) japplika għal kull miżura li tirrigwarda forma ta’ kuntratti pubbliċi koperta mill-Ftehim, jiġifieri, kuntratti pubbliċi magħmula minn entità elenkata u li jkollu valur li jkun jaqbeż limitu speċifiku.

    22.

    Il-Kapitolu Ħdax (“Proprjetà intellettwali”) jistabbilixxi drittijiet u obbligi fir-rigward ta’ seba’ kategoriji ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali li huma koperti wkoll mill-Ftehim TRIPS u kategorija waħda li ma hijiex koperta minn dan il-ftehim, jiġifieri, drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti. L-istruttura ta’ din it-taqsima ssegwi dik tal-Ftehim TRIPS: kull subtaqsima tindirizza dritt tal-proprjetà intellettwali kopert mill-EUSFTA u tinkorpora wkoll drittijiet u obbligi stabbiliti fi ftehimiet multilaterali oħra (li xi wħud minnhom jagħmlu parti mill-Ftehim TRIPS u oħrajn li ma jagħmlux parti minnu).

    23.

    Il-Kapitolu Tnax (“Kompetizzjoni u kwistjonijiet relatati”) jikkonċentra fuq l-importanza tal-kompetizzjoni ħielsa u mingħajr distorsjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet. Dan il-kapitolu jistabbilixxi prinċipji relatati ma’ antitrust u mergers, impriżi pubbliċi, impriżi fdati bi drittijiet speċjali jew esklużivi u monopolji u sussidji Statali.

    24.

    Il-Kapitolu Tlettax (“Kummerċ u żvilupp sostenibbli”) huwa dwar l-impenn tal-Partijiet li jiżviluppaw u jippromwovu l-kummerċ internazzjonali u l-kummerċ bilaterali u r-relazzjoni ekonomika tagħhom b’tali mod li jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli. L-obbligi ewlenin jitolbu li kull Parti tistabbilixxi l-livelli tagħha stess ta’ protezzjoni tal-ambjent u tax-xogħol u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet u l-politika rilevanti tagħha b’dan il-mod, konsistentement mal-prinċipji ta’ standards li jikkonċernaw l-ambjent u x-xogħol u li huma rrikonoxxuti internazzjonalment jew ma’ ftehimiet f’dan il-qasam li tagħhom hija Parti. Il-kapitolu jinkludi wkoll obbligi separati li jirrigwardaw il-kummerċ fl-injam u prodotti tal-injam u fi prodotti tal-ħut, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw is-soluzzjoni ta’ tilwim.

    25.

    Il-Kapitolu Erbatax (“Trasparenza”) fih obbligi li l-għan tagħhom huwa li jiġi stabbilit ambjent regolatorju trasparenti u prevedibbli għal operaturi ekonomiċi u li jistabbilixxu kjarifiki u arranġamenti mtejba għat-trasparenza, għall-konsultazzjoni u għall-amministrazzjoni aħjar ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali. Dawn l-obbligi japplikaw bħala prinċipju flimkien ma’ regoli iktar speċifiċi f’kapitoli oħra tal-EUSFTA.

    26.

    Il-Kapitolu Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) jistabbilixxi regoli ġeneralment applikabbli sabiex tiġi evitata jew solvuta kull differenza bejn il-Partijiet rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-EUSFTA bil-ħsieb li, meta jkun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament. Id-diversi stadji f’din il-proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim huma: it-talba għal konsultazzjonijiet, (it-talba sabiex) jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ, il-ħruġ ta’ rapport interim u l-għoti tad-deċiżjoni finali. Dispożizzjonijiet separati jindirizzaw proċeduri ta’ implementazzjoni u rimedji sabiex ikun hemm konformità.

    27.

    Il-Kapitolu Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”) jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ medjazzjoni bil-għan li jkun iktar faċli li tinstab soluzzjoni bi qbil reċiproku permezz ta’ proċedura komprensiva u konvenjenti bl-għajnuna ta’ medjatur. Dan japplika għal kull miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUSFTA li taffettwa b’mod negattiv il-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet, ħlief meta ma jkunx ipprovdut mod ieħor.

    28.

    Il-Kapitolu Sbatax (“Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali”) għandu tliet kategoriji ta’ dispożizzjonijiet. L-ewwel kategorija tistabbilixxi struttura istituzzjonali magħmula minn diversi kumitati li fihom il-Partijiet għandhom jiltaqgħu sabiex jissorveljaw u jiffaċilitaw l-implementazzjoni u l-applikazzjoni tal-EUSFTA. It-tieni kategorija tikkonċerna t-teħid ta’ deċiżjonijiet, emendi, id-dħul fis-seħħ, l-effett dirett, l-adeżjoni, l-applikazzjoni territorjali tal-EUSFTA, id-diversi annessi u testi oħra li jifformaw parti integrali mill-EUSFTA u l-verżjonijiet awtentiċi tat-test tal-EUSFTA. It-tielet kategorija tikkonċerna materji sostantivi, inklużi tassazzjoni, movimenti ta’ kontijiet kurrenti u kapitali, fondi sovrani, restrizzjonijiet sabiex ikunu ssalvagwardjati l-bilanċ tal-pagamenti u eċċezzjonijiet dwar sigurtà.

    29.

    Mehmuż mat-test tal-kapitoli tal-EUSFTA hemm protokoll dwar regoli ta’ oriġini, espressjonijiet ta’ qbil dwar l-Artikolu 17.6 (tassazzjoni), ir-remunerazzjoni tal-arbitri, dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mad-dwana, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi awtorizzati ta’ operatur ekonomiku u l-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ Singapor rigward spazju jew aċċess għal riżorsi naturali.

    30.

    Sommarju iktar iddettaljat tal-EUSFTA jinsab fl-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi. L-għan ta’ dan l-anness ma huwiex li tingħata ġabra qasira ta’ kull aspett tal-EUSFTA iżda pjuttost li tingħata ġabra qasira tal-punti ewlenin li huma rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet. Kemm id-deskrizzjoni tat-talba, is-sottomissjonijiet tal-partijiet u l-analiżi tiegħi tat-talba għandhom jinqraw flimkien ma’ dan l-anness.

    Id-dritt tal-Unjoni

    It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

    31.

    L-Artikolu 5 TUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, li jipprovdi li kompetenzi li ma jingħatawx lill-Unjoni Ewropea mit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri ( 11 ). L-Artikolu 5(2) TUE jgħid li “[…] l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati” u li l-“kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri”.

    32.

    L-Artikolu 21(2) TUE jagħmel riferiment għall-prinċipji u l-għanijiet li għandhom ikunu segwiti mill-Unjoni Ewropea meta tiddefinixxi u twettaq politiki u azzjonijiet komuni. L-istess prinċipji u għanijiet japplikaw għall-iżvilupp u għall-implementazzjoni tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea u għall-aspetti esterni tal-politiki l-oħra tagħha [Artikolu 21(3) TUE]. Dawn l-għanijiet jinkludu l-għan li hija “tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali” [Artikolu 21(2)(e) TUE] u li “tgħin sabiex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi preservata u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli” [Artikolu 21(2)(f) TUE].

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    33.

    L-Artikolu 2 TFUE jgħid, b’mod partikolari:

    “1.   Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġisla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti ta’ l-Unjoni.

    2.   Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġislaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha [ ( 12 ) ]. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sal-punt fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita tagħha.

    […]”

    34.

    L-Artikolu uniku tal-Protokoll Nru 25 ( 13 ) dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi jgħid: “B’referenza għall-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea dwar kompetenzi kondiviżi, meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni kkonċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu.”

    35.

    L-Artikolu 3(1) TFUE jiddeskrivi l-oqsma fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva, inklużi:

    “(a)

    l-unjoni doganali;

    […]

    (d)

    il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd;

    (e)

    il-politika kummerċjali komuni.”

    36.

    Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali “meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġislattiv ta’ l-Unjoni [l-ewwel raġuni] jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha [it-tieni raġuni], jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom [it-tielet raġuni]”.

    37.

    L-Artikolu 4 TFUE huwa dwar kompetenza kondiviża u jgħid:

    “1.   L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6.[ ( 14 ) ]

    2.   Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin:

    (a)

    is-suq intern;

    (b)

    il-politika soċjali, għall-aspetti definiti f’dan it-Trattat;

    […]

    (d)

    l-agrikoltura u s-sajd, eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

    (e)

    l-ambjent;

    […]

    (g)

    it-trasport;

    […]

    (i)

    l-enerġija;

    […]”

    38.

    Skont l-Artikolu 9 TFUE, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet li għandhom applikazzjoni ġenerali, meta tiddefinixxi u timplementa l-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea għandha “[…] tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, [u] mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa […]”.

    39.

    L-Artikolu 11 TFUE (li wkoll jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet li għandhom applikazzjoni ġenerali) jgħid li “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”.

    40.

    It-Titolu I tal-Ħames Parti tat-TFUE, li fiha jinsabu l-Artikoli 205 sa 207 TFUE, jinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea.

    41.

    L-Artikolu 206 TFUE jgħid li “[p]ermezz ta’ l-istabbiliment ta’ unjoni doganali skond l-Artikoli 28 sa 32, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ l-ostakoli doganali u ta’ xort’ oħra”.

    42.

    L-Artikolu 207(1) TFUE jipprovdi:

    “Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta’ ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ prodotti u ta’ servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta’ l-uniformità fil-miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni.”

    43.

    Skont l-Artikolu 207(5) TFUE, “[i]n-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu suġġetti għat-Titolu VI tat-Tielet Parti u għall-Artikolu 218”.

    44.

    L-Artikolu 207(6) TFUE jgħid li “[l]-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija minn dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m’għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u m’għandux iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti ta’ l-Istati Membri safejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni”.

    45.

    L-Artikolu 216 TFUE jistabbilixxi meta l-Unjoni Ewropea tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar. Skont l-Artikolu 216(1) TFUE, hija tista’ tagħmel hekk “[…] meta t-Trattati jipprovdu għal dan [l-ewwel raġuni] jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati [it-tieni raġuni], jew inkella tkun prevista f’att ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti [it-tielet raġuni] jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom [ir-raba raġuni]”. L-Artikolu 216(2) TFUE jipprovdi li arranġamenti bħal dawn ikunu jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri.

    46.

    L-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi r-regoli proċedurali li jirregolaw, inter alia, in-negozjazzjoni, l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

    2.   Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom.

    3.   Il-Kummissjoni […] [għandha tippreżenta] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati […]

    4.   Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista’ jaħtar kumitat speċjali, [u] in-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.

    5.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

    6.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

    […]

    11.   Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. Meta l-opinjoni tal-Qorti tkun kuntrarja, il-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti.”

    It-talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47.

    Permezz ta’ rikors bid-data tal-10 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni talbet, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-domandi li ġejjin:

    “L-Unjoni għandha l-kompetenza neċessarja biex tiffirma u tikkonkludi waħedha [l-EUSFTA]? B’mod aktar speċifiku,

    liema dispożizzjonijiet tal-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni?

    liema dispożizzjonijiet tal-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjon? u

    hemm xi dispożizzjoni tal-ftehim li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri?”

    48.

    Osservazzjonijiet bil-miktub dwar it-talba tal-Kummissjoni kienu ppreżentati mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha minbarra tal-Belġju, tal-Kroazja, tal-Estonja u tal-Isvezja. Fit-12 u fit-13 ta’ Settembru 2016 inżammet seduta li fiha ħadu sehem il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament, u l-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, tal-Finlandja, ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Irlanda, tal-Italja, tal-Litwanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja, tar-Rumanija, tas-Slovenja u ta’ Spanja.

    Il-kwistjonijiet imqajma mit-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni

    49.

    Il-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni hija manifestament ammissibbli, minħabba li l-EUSFTA għadu ma ġiex konkluż u, għalhekk, huwa ftehim “maħsub” skont it-tifsira tal-Artikolu 218(11) TFUE. Essenzjalment it-talba hija magħmula minn żewġ partijiet.

    50.

    L-ewwel parti hija dwar il-kwistjoni jekk l-Unjoni Ewropea tistax tiffirma u tikkonkludi l-EUSFTA waħedha, jiġifieri, mingħajr l-involviment tal-Istati Membri.

    51.

    It-tieni parti tistaqsi liema dispożizzjonijiet tal-EUSFTA jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, liema fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea u liema fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

    52.

    Jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel parti tat-talba tkun fl-affermattiv minħabba li l-EUSFTA kollu kemm hu jaqa’ fil-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea [abbażi jew tal-Artikolu 3(1) TFUE jew tal-Artikolu 3(2) TFUE], ma jkunx meħtieġ li tiġi indirizzata t-tieni parti. L-EUSFTA għandu mbagħad jiġi konkluż mill-Unjoni Ewropea waħedha.

    53.

    Jekk l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq l-EUSFTA kollu kemm hu, il-pożizzjoni hija iktar ikkumplikata. Fejn il-kompetenza fuq l-EUSFTA tkun parzjalment esklużiva għall-Unjoni Ewropea (bis-saħħa tal-Artikolu 3 TFUE) u parzjalment kondiviża (skont l-Artikolu 4 TFUE), min jista’ (jew għandu) jiffirma dan il-ftehim ( 15 )?

    54.

    Jeħtieġ li f’dan l-istadju ngħid kif nifhem li jirrelataw bejniethom is-sistema ta’ kompetenza interna u s-sistema ta’ kompetenza esterna.

    55.

    L-Artikoli 2 sa 4 TFUE għandhom jinqraw fil-kuntest tal-Artikoli 4 u 5 TUE. Għandhom ukoll jinqraw billi jitqies li jinsabu eżattament fil-bidu tat-TFUE (“L-Ewwel Parti — Prinċipji”; “Titolu I — Kategoriji u Oqsma ta’ Kompetenza tal-Unjoni”) u fil-kuntest ta’ x’kien seħħ qabel, f’verżjonijiet preċedenti tat-Trattati.

    56.

    Hawnhekk huwa importanti nfakkar dwar il-verżjonijiet ta’ dak li llum huwa t-TFUE, kif kienu wara t-Trattati ta’ Maastricht (1992), ta’ Amsterdam (1997) u ta’ Nizza (2001). B’mod partikolari, l-Artikolu 3b tat-Trattat KE, kif emendat bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea f’Maastricht [sussegwentement l-Artikolu 5 KE (Amsterdam u mbagħad Nizza)], kellu, fit-tliet paragrafi kostitwenti tiegħu, analiżi tal-kompetenza li kienet tinkorpora wieħed wara l-ieħor il-prinċipji tal-għoti ta’ kompetenzi, ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità ( 16 ). Tul dak il-perijodu ma kienx hemm, madankollu, lista dettaljata ta’ kompetenzi. It-Trattat li kien jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li qatt ma daħal fis-seħħ, kellu jintroduċi lista bħal din; u l-kontenut u l-elementi essenzjali ta’ dak li llum jinsab fl-Artikoli 2, 3 u 4 TFUE ttieħdu ftit jew wisq direttament mill-abbozz tal-kostituzzjoni u ddaħħlu bit-Trattat ta’ Lisbona ( 17 ).

    57.

    Dawn il-verżjonijiet preċedenti jagħmluha ċara li din it-taqsima introduttorja ta’ dak li llum huwa t-TFUE ma hijiex dwar relazzjonijiet esterni bħala tali. Tali taqsima hija dwar il-kwistjoni kostituzzjonali bażika tad-diviżjoni tas-setgħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kostitwenti tagħha — il-prinċipju tal-għoti ta’ setgħat. Kompetenzi jingħataw lill-Unjoni Ewropea essenzjalment sabiex hija tkun tista’ tilleġiżla f’diversi oqsma ta’ politika u ta’ attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa aspett kif l-Unjoni waħedha tara d-dinja (pjuttost milli “Weltanschauung”). Il-kwistjoni hawnhekk hija dwar il-bilanċ mixtieq li għandu jkun hemm bejn l-awtorità ċentrali (supranazzjonali) li tgħaqqad, stabbilita skont it-Trattati, u l-Istati Membri kostitwenti tal-Unjoni Ewropea, li baqgħu sovrani (il-“Herren der Verträge”). Għandu jkun ċar, mid-diviżjoni tal-kompetenzi li fuqha huwa bbażat il-proġett kollu tal-Unjoni Ewropea, min għandu kompetenza jaġixxi f’oqsma speċifiċi. Il-mira primarja hija, “min huwa kompetenti jaġixxi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea: l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri?”. Madankollu, id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri neċessarjament għandu jkollha wkoll implikazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kompetenza esterna.

    58.

    X’kien l-effett tal-bidliet li ddaħħlu bit-Trattat ta’ Lisbona?

    59.

    Kompetenzi f’lista qasira u eżawrjenti ta’ oqsma huma assenjati b’mod irriversibbli (sakemm it-Trattat ma jinbidilx) lill-Unjoni Ewropea [Artikolu 3(1) TFUE]. L-oqsma kważi kollha tal-kompetenza, madankollu, jidhru fil-lista ta’ “oqsma prinċipali” — jiġifieri f’lista li ma hijiex eżawrjenti — ta’ kompetenzi kondiviżi [Artikolu 4(2) TFUE]. Kompetenza ddefinita bħala “kondiviża” qatt ma tibdel in-natura jew il-forma tagħha f’waħda a priori ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) TFUE. Huwa minnu li jekk l-Unjoni Ewropea, meta teżerċita d-dritt tagħha li l-ewwel għażla tagħmilha hi skont l-Artikolu 2(2) TFUE (li dalwaqt ser niddiskutih) tkun effettivament okkupat il-qasam, il-qasam hekk okkupat isir qasam fejn l-Unjoni Ewropea de facto jkollha kompetenza esklużiva. Madankollu, id-differenza bejn kompetenzi a priori esklużivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1) TFUE, minn naħa, u kompetenzi li de facto jsiru kompetenzi esklużivi tal-Unjoni permezz tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 2(2) TFUE ( 18 ), min-naħa l-oħra, hija din: kompetenza a priori esklużiva tal-Unjoni qatt ma tista’ (jekk ma jkunx hemm bidla fit-Trattat) tinbidel f’kompetenza mhux esklużiva tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, teoretikament huwa possibbli li qasam li attwalment huwa okkupat minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottat fl-eżerċizzju tad-dritt tal-ewwel għażla tagħha taħt l-Artikolu 2(2) TFUE, ikun jista’ jintradd lill-Istati Membri. Il-leġiżlatura tal-Unjoni jkun sempliċement jeħtiġilha tiddeċiedi li tieqaf tilleġiżla u li tirrevoka l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni f’dak il-qasam.

    60.

    Barra minn hekk, kompetenzi kondiviżi skont l-Artikolu 4 TFUE għandhom rabta bejniethom li ma tistax tinħall minħabba li hemm dispożizzjoni (separata) tat-Trattat li tagħti lill-Unjoni Ewropea kompetenza li la hija kompetenza esklużiva (Artikolu 3 TFUE) lanqas kompetenza anċillari (Artikolu 6 TFUE: “kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri”). Dan huwa hekk minħabba li l-Artikolu 4(1) TFUE jgħid li “l-[Unjoni Ewropea] għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6” ( 19 ). L-Artikolu 4 TFUE għalhekk jiddefinixxi l-eżistenza ta’ diversi kompetenzi li huma kondiviżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri.

    61.

    L-Artikolu 2 TFUE mbagħad jittratta d-diversi aspetti tal-eżerċizzju tal-kompetenza. B’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tistabbilixxi d-“dritt tal-ewwel għażla” tal-Unjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni titkellem dwar id-dritt tal-Unjoni Ewropea li tagħżel li tibda teżerċita waħda mill-kompetenzi kondiviżi elenkati. Sakemm tagħmel hekk (u daqshekk biss) l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw iktar il-kompetenza kondiviża tagħhom speċifikament f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Protokoll Nru 25 espressament jgħid li “meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni kkonċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”. Id-dritt tal-ewwel għażla skont l-Artikolu 2(2) TFUE jingħad espressament li huwa riversibbli. Jekk l-Unjoni Ewropea tieqaf milli taġixxi fir-rigward ta’ parti partikolari ta’ kompetenza kondiviża partikolari, din il-kompetenza tmur lura għand l-Istati Membri. U l-partijiet għandhom dejjem flimkien jagħmlu kompetenza waħda — kull kompetenza eżerċitata f’qasam kondiviż tkun jew eżerċitata mill-Unjoni Ewropea jew eżerċitata mill-Istati Membri. Ma tistax tkun indefinita.

    62.

    Il-parti l-kbira tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea tibqa’ tirrigwarda dak li jseħħ “internament” — jiġifieri, fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Ċerti aspetti tad-diviżjoni tal-kompetenzi jibqgħu neċessarjament ikollhom implikazzjonijiet għall-azzjoni esterna. Dan huwa minnu kemm għal oqsma fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva u kemm għal oqsma ta’ kompetenza kondiviża. Jekk u meta tittieħed tali azzjoni esterna, hija għandha tosserva d-diviżjoni ta’ kompetenzi miftehma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kostitwenti tagħha. Dawn il-prinċipji għandhom ikunu osservati f’kull azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea, kemm jekk interna kif ukoll esterna ( 20 ).

    63.

    Kompetenza għall-unjoni doganali u kompetenza għall-politika kummerċjali komuni [it-tnejn huma elenkati bħala kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea fl-Artikolu 3(1) TFUE] huma rrikonoxxuti u espressi b’mod iddettaljat fl-Artikolu 206 TFUE (l-unjoni doganali) u fl-Artikolu 207 TFUE (il-politika kummerċjali komuni) fil-Ħames Parti tat-TFUE bit-titolu “L-Azzjoni Esterna tal-Unjoni”. Il-politika kummerċjali komuni hija waħda mill-eżempji rari ta’ kompetenza purament esterna tal-Unjoni. Filwaqt li l-Artikolu 207(2) TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, tali regolamenti huma miżuri ta’ azzjoni esterna (maħsuba sabiex jirregolaw, permezz ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, il-kummerċ ma’ Stati terzi). Il-kompetenza interna ekwivalenti hija l-kompetenza għall-approssimazzjoni ta’ liġijiet prevista fl-Artikoli 114 u 115 TFUE sabiex tirregola s-suq intern, li l-Artikolu 4(2)(a) TFUE jiddefinixxi bħala kompetenza kondiviża.

    64.

    Għall-kuntrarju tal-Artikolu 3(1) TFUE, li ma jgħid xejn espressament dwar kompetenza esterna, l-Artikolu 3(2) TFUE jagħmel riferiment għaċ-ċirkustanzi li fihom l-Unjoni Ewropea “għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali”. L-erba’ ( 21 ) raġunijiet previsti minn dawk li abbozzaw it-Trattat (“meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġislattiv ta’ l-[Unjoni Ewropea]”, “[meta l-konklużjoni tiegħu] tkun meħtieġa sabiex l-[Unjoni Ewropea] tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha”, “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”) jirriflettu u kważi jikkodifikaw ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ). L-Artikolu 216 TFUE (li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet iddettaljati li jirregolaw meta l-Unjoni Ewropea “tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali”) bl-istess mod jirrifletti u jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza tal-kompetenza esterna tal-Unjoni; dan l-artikolu għandu rabta diretta mad-diviżjoni ta’ kompetenzi mħaddma mill-Artikoli 2 sa 4 TFUE. L-Artikolu 216(1) TFUE jiddetermina l-eżistenza tal-kompetenza esterna tal-Unjoni iżda mhux in-natura esklużiva tagħha — din tal-aħħar hija ddeterminata mill-Artikolu 3(1) u (2) TFUE.

    65.

    F’dan il-kuntest ngħaddi sabiex inqis il-kompetenza esterna f’iktar dettall.

    66.

    B’rabta mal-politika kummerċjali komuni, l-Artikolu 3(1)(e) TFUE jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva f’dan il-qasam. L-Artikolu 207 TFUE jagħmilha ċara li l-politika kummerċjali komuni “għandha tkun ibbażata fuq […] il-konklużjoni ta’ ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward [diversi oqsma]”. L-ewwel raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE tindika li l-Unjoni Ewropea tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali “meta t-Trattati jipprovdu għal dan”. Għalhekk, sakemm suġġett partikolari jkun jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni (kwistjoni taħraq li għaliha hija ddedikata ħafna mill-analiżi fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esterna esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali li jkun jappartjeni lil dak is-suġġett. Kompetenzi esklużivi oħra elenkati fl-Artikolu 3(1) TFUE jista’ jkollhom rabta ma’ raġunijiet oħra skont l-Artikolu 216(1) TFUE, partikolarment it-tieni raġuni (“meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun […] meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-[Unjoni Ewropea], wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati”).

    67.

    Jekk waħda mir-raġunijiet skont l-Artikolu 3(2) TFUE tkun issodisfatta u l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esterna skont ir-regoli dettaljati li jagħtu kompetenza sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali skont l-Artikolu 216(1) TFUE, din il-kompetenza esterna tkun esklużiva. Ejjew neżaminaw fil-qosor kull raġuni waħda wara l-oħra.

    68.

    L-ewwel nett, nistgħu nidentifikaw “att ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti” li jipprovdi sabiex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi tali ftehim internazzjonali [it-tielet raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE]? Jekk huwa hekk, u jekk dak l-att ikun “att leġiżlattiv ta’ l-[Unjoni Ewropea]” [l-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE] ( 23 ), il-kompetenza esterna tal-Unjoni tkun esklużiva ( 24 ).

    69.

    It-tieni nett, il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija “meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-[Unjoni Ewropea], wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati” [it-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE]? Jekk huwa hekk, u jekk il-kompetenza interna tal-Unjoni Ewropea sempliċement ma tkunx tista’ fil-prattika tiġi eżerċitata mingħajr ma jkun hemm ukoll komponent estern [it-tieni raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE], il-kompetenza esterna tal-Unjoni li tirriżulta tkun bl-istess mod esklużiva. Kif il-ġurisprudenza ta’ qabel Lisbona turi, sitwazzjonijiet bħal dawn huma rari imma possibbli ( 25 ).

    70.

    Fl-aħħar nett, diġà kien hemm tant attività leġiżlattiva tal-Unjoni li l-Unjoni Ewropea issa għandha kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni permezz tal-“effett ERTA” ikkodifikat ( 26 )? Jekk jintwera li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom” ( 27 ), dan awtomatikament jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-raba’ raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE u tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE; u l-Unjoni Ewropea, għaldaqstant, ikollha kompetenza esterna esklużiva.

    71.

    Jekk ma jkollhiex kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 3 TFUE, l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esterna kondiviża bis-saħħa tal-Artikoli 2 u 4 TFUE (li jirregolaw il-kompetenza kondiviża) u tal-Artikolu 216 TFUE (li jagħti kompetenza esterna); jew ma hemm ebda kompetenza esterna tal-Unjoni, minbarra forsi kompetenza esterna parallela ( 28 )? Hawnhekk is-sitwazzjoni hija iktar ikkumplikata.

    72.

    L-ewwel nett, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk attwalment teżistix kompetenza kondiviża skont l-Artikolu 4 TFUE. Jekk nassumu li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija fl-affermattiv, allura wieħed jagħti ħarsa lejn l-Artikolu 216(1) TFUE sabiex jara jekk hijiex issodisfatta waħda mir-raġunijiet elenkati hemmhekk li tagħti lill-Unjoni Ewropea kompetenza tidħol għal ftehim internazzjonali. Minħabba li, abbażi ta’ din l-ipoteżi, ma hemmx kompetenza esterna esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE, x’aktarx li huma l-ewwel, it-tieni u t-tielet raġuni skont dik id-dispożizzjoni li ser ikunu rilevanti. It-taħlita tal-Artikolu 4 TFUE u tal-Artikolu 216(1) TFUE toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza tal-kompetenza esterna kondiviża tal-Unjoni. Xi ngħidu mbagħad dwar l-eżerċizzju tagħha?

    73.

    Hawnhekk jeħtieġ li mmorru lura għall-Artikolu 2(2) TFUE u għad-dritt tal-ewwel għażla tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-Unjoni Ewropea ma tagħżilx li teżerċita dan id-dritt, il-kompetenza esterna — bħall-kompetenza interna — tibqa’ għand l-Istati Membri, u jsegwi li huma (u mhux l-Unjoni Ewropea) ikunu kompetenti jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali li s-suġġett tiegħu jaqa’ f’dan il-qasam ta’ kompetenza kondiviża. Madankollu, it-test tal-Artikolu 2(2) TFUE jista’ jinqara bħala li jippermetti lill-Unjoni Ewropea teżerċita d-dritt tal-ewwel għażla tagħha b’rabta kemm mal-kompetenza esterna kif ukoll ma’ dik interna.

    74.

    Jekk din il-propożizzjoni tiġi aċċettata, dan ma jkunx jimplika li l-Unjoni Ewropea għandha dritt mingħajr ebda rbit li tasserixxi kompetenza esterna fuq kull qasam ta’ kompetenza kondiviża elenkat fl-Artikolu 4 TFUE irrispettivament minn jekk tkunx għażlet li teżerċita dan id-dritt internament. Fis-seduta, il-Kunsill saħaq li l-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri jeżerċitawx kompetenza esterna sabiex jikkonkludu ftehim internazzjonali partikolari f’qasam ta’ kompetenza kondiviża hija “għażla politika”. Kif nifhimha jiena, is-salvagwardji legali li huma l-bażi ta’ din l-għażla politika jinsabu fil-proċeduri ddettaljati stabbiliti fl-Artikolu 218 TFUE. L-Artikolu 218(2) TFUE jipprovdi li “[i]l-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom”. Paragrafi sussegwenti jindikaw li l-ftuħ ta’ negozjati [Artikolu 218(3) TFUE], l-iffirmar tal-ftehim [Artikolu 218(5) TFUE] u l-konklużjoni tiegħu [Artikolu 218(6) TFUE] jeħtieġu, kull wieħed minnhom, deċiżjonijiet separati tal-Kunsill — jiġifieri, deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kunsill li jawtorizzaw lill-istituzzjoni tal-Unjoni adatta sabiex taġixxi. Tul il-proċedura kollha l-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata ħlief għal ċerti oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità [Artikolu 218(8) TFUE]; u l-konklużjoni tal-ftehim sa fejn tkun tirrappreżenta eżerċizzju tal-kompetenza esterna tal-Unjoni normalment ukoll teħtieġ il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jew għall-inqas il-konsultazzjoni miegħu [Artikolu 218(6)(a) u (b) TFUE, rispettivament].

    75.

    Minn dan isegwi li ftehim internazzjonali li jkun ikopri oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esterna kondiviża u li eventwalment jiġi ffirmat u konkluż mill-Unjoni Ewropea waħedha jkun kunċettwalment differenti għalkollox minn ftehim internazzjonali li jkun ikopri biss oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Fl-ewwel każ, l-Istati Membri flimkien (li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kunsill) ikollhom is-setgħa jaqblu li l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi jew li jinsistu li jkomplu jeżerċitaw kompetenza esterna individwalment. Fit-tieni każ, huma ma jkollhomx għażla bħal din, minħabba li l-kompetenza esterna esklużiva tkun diġà tal-Unjoni Ewropea.

    76.

    Jekk ftehim internazzjonali jiġi ffirmat kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri kostitwenti tagħha, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri jkunu, bħala materja tad-dritt internazzjonali, Partijiet għal dak il-ftehim. Dan ikollu konsegwenzi, b’mod partikolari f’dak li jkollu x’jaqsam ma’ responsabbiltà għal ksur tal-ftehim u mad-dritt ta’ azzjoni fir-rigward ta’ tali ksur. Għal finijiet ta’ trasparenza fl-Unjoni Ewropea u fl-interess tal-pajjiż terz (jew pajjiżi terzi) li miegħu (jew magħhom) dan il-ftehim internazzjonali jkun qiegħed jiġi konkluż, jidher li tkun, għalhekk, ħaġa mixtieqa li tali deċiżjonijiet jindikaw b’mod ċar ħafna l-aspetti preċiżi tal-kompetenza kondiviża li l-Istati Membri (li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kunsill) ikunu qablu li għandhom jiġu eżerċitati mill-Unjoni Ewropea, minn naħa, u li jkunu (għadhom) qegħdin jiġu eżerċitati mill-Istati Membri, min-naħa l-oħra. Dikjarazzjoni ta’ kompetenzi mehmuża mal-ftehim inkwistjoni lanqas tkun, jidhirli, mingħajr siwi.

    77.

    Fl-aħħar nett, meta ftehim internazzjonali jkun iffirmat kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri, kull Stat Membru jibqa’ ħieles skont id-dritt internazzjonali li jittermina dak il-ftehim skont kwalunkwe proċedura ta’ terminazzjoni li tkun adatta skont il-ftehim. Il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehim tkun, wara kollox, bħala Stat Parti sovran, mhux bħala sempliċi ħaġa miżjuda tal-Unjoni Ewropea (u l-fatt li l-Unjoni Ewropea seta’ kellha r-rwol prinċipali fin-negozjazzjoni tal-ftehim ikun, għal dawk il-finijiet, irrilevanti). Madankollu, li kieku l-Istat Membru kellu jagħmel hekk, l-effett tal-Artikolu 216(2) TFUE jkun li — bħala materja tad-dritt tal-Unjoni — huwa jkompli jkun marbut mill-oqsma tal-ftehim konkluż skont il-kompetenza tal-Unjoni (minħabba li jkun Stat Membru tal-Unjoni) jekk u sakemm l-Unjoni Ewropea ma titterminax il-ftehim ( 29 ). Il-kapaċità li Stat Membru jieħu azzjoni b’mod indipendenti billi jaġixxi skont id-dritt internazzjonali jirrifletti l-kompetenza internazzjonali kontinwa tal-Istat Membru; il-fatt li l-Istat Membru jibqa’ parzjalment marbut mill-ftehim anki jekk, meta jaġixxi skont id-dritt internazzjonali, huwa jitterminah, ma jirriflettix id-dritt internazzjonali iżda d-dritt tal-Unjoni.

    78.

    Il-pożizzjoni hija differenti meta l-Istati Membri jkollhom kompetenza esklużiva għal parti waħda jew iktar ta’ ftehim internazzjonali (u l-bqija tal-ftehim tkun taqa’ fil-kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea): hawnhekk kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Unjoni Ewropea jkollhom jikkonkludu l-ftehim ( 30 ).

    79.

    Madankollu, jekk nassumu dejjem li ser ikun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tieni parti tat-talba, huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi min għandu l-kompetenza b’rabta ma’ kull dispożizzjoni tal-EUSFTA?

    80.

    Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex meħtieġ.

    81.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fl-Opinjoni 2/00 li, jekk wieħed jassumi li l-kompetenza li jiġi konkluż ftehim internazzjonali tkun kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, sa fejn preċiżament iwasslu kemm il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kompetenzi kondiviżi (jew esklużivi) tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim speċifiku ma jistax, bħala tali, ikun ta’ rilevanza għall-kompetenza tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi dak il-ftehim u, b’mod iktar ġenerali, għall-validità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludih ( 31 ). L-għan tal-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE huwa speċifikament li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, jekk id-deċiżjoni li jiġi konkluż il-ftehim tkun instabet li kienet invalida ( 32 ). Ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, li tipprovdi gwida speċifika dwar min għandu kompetenza b’rabta ma’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ikkonċernat u min għandu jkun responsabbli sabiex jitwettaq l-obbligu internazzjonali li l-ftehim iġib miegħu ( 33 ).

    82.

    Minflok, sabiex nagħti risposta għat-tieni parti tat-talba tal-Kummissjoni, ser neżamina għal liema partijiet tal-EUSFTA l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva [abbażi jew tal-Artikolu 3(1) TFUE jew tal-Artikolu 3(2) TFUE], jekk hemmx partijiet li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija kondiviża mal-Istati Membri (abbażi tal-Artikolu 4 TFUE), u jekk għadx hemm partijiet oħra li għalihom l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza. L-EUSFTA huwa ftehim eteroġenu ħafna. Dan ifisser li, neċessarjament, l-analiżi sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza u n-natura (esklużiva jew kondiviża) tagħha ser ikollha (skont il-kuntest) tiffoka fuq kapitolu wieħed jew fuq gruppi ta’ kapitoli tal-EUSFTA, fuq parti jew fuq partijiet ta’ dak il-ftehim jew, kultant, fuq dispożizzjoni waħda.

    83.

    Minkejja l-fatt li t-talba tikkonċerna biss l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, xi osservazzjonijiet bil-miktub (l-iktar dawk tal-Kunsill) jissuġġerixxu li jista’ jkun hemm ukoll kwistjoni li tirrigwarda l-proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni nnegozjat l-EUSFTA u issa qiegħda tipproponi li tiffirmah. Filwaqt li d-direttivi ta’ negozjazzjoni jipprovdu sabiex jiġi nnegozjat ftehim imħallat, il-Kummissjoni nnegozjat l-EUSFTA bħala ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor waħedhom. Il-Kummissjoni b’hekk naqset milli tqis l-Artikolu 218(4) TFUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni reċiproka u leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE?

    84.

    Fil-fehma tiegħi, la huwa meħtieġ u lanqas ma huwa xieraq, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li tittieħed pożizzjoni fuq din il-kwistjoni. Il-proċess li bih l-EUSFTA kien innegozjat, bħala tali, ma jaffettwax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha sabiex jikkonkluduh. Għalhekk, din il-kwistjoni taqa’ lil hinn mill-ambitu tal-talba tal-Kummissjoni. Lanqas (bħala prinċipju) nuqqas li jkunu osservati regoli dwar proċess skont id-dritt tal-Unjoni ma jaffettwa l-validità tal-ftehim bħala materja tad-dritt internazzjonali ( 34 ). Għalhekk m’iniex ser nindirizza iktar din il-kwistjoni.

    85.

    Importanti wkoll li wieħed jiftakar li t-talba tal-Kummissjoni ma tirrigwardax il-kompatibbiltà materjali (ta’ xi parti) tal-EUSFTA mat-Trattati. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qiegħda tintalab tqis, pereżempju, il-kompatibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ STIS mat-Trattati. Din ix-xorta ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tidher mhux biss fl-EUSFTA imma wkoll fi ftehimiet oħra dwar kummerċ u investiment li kienu nnegozjati dan l-aħħar jew li qegħdin ikunu nnegozjati mill-Unjoni Ewropea. F’din il-proċedura l-kwistjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ STIS (u forom oħra ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li l-EUSFTA jipprovdi għalihom) hija biss dwar “min jista’ jiddeċiedi”. L-analiżi tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet hija, għalhekk, bla ħsara għal tali kwistjonijiet (jekk ikun hemm) li jistgħu jinqalgħu dwar il-kompatibbiltà materjali tal-EUSFTA, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ STIS, mat-Trattati ( 35 ).

    86.

    Fl-aħħar nett (u forsi huwa ovvju) il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-proċedura huma limitati għall-EUSFTA. Huma, għalhekk, bla ħsara għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet oħra dwar kummerċ u investiment.

    87.

    Fil-bqija tal-konklużjonijiet tiegħi l-ewwel ser insemmi l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-allokazzjoni ta’ kompetenzi esterni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u l-bażi legali tal-azzjoni tal-Unjoni. Imbagħad ser niddiskuti l-karatteristiċi bażiċi tal-kompetenza esklużiva espliċita tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni [Artikolu 207(1) TFUE], il-kompetenza esklużiva impliċita tagħha [Artikolu 3(2) TFUE] u l-kompetenza kondiviża tagħha (Artikolu 4 TFUE) fuq azzjoni esterna. F’dan il-kuntest ġenerali mbagħad ser ngħaddi għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi fir-rigward tal-materji koperti mill-EUSFTA.

    L-allokazzjoni ta ’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u l-bażi legali għall-konklużjoni tal-EUSFTA

    88.

    Fis-seduta deher ċar li l-Kunsill u għadd ta’ Stati Membri jqisu li l-ewwel nett għandha tiġi stabbilita l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tal-EUSFTA, u dan qabel ma tiġi ddeterminata, bħala stadju sussegwenti, il-bażi legali li fuqha għandha tistrieħ id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tiffirma u tikkonkludi l-EUSFTA.

    89.

    Huwa ċar li Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qiegħda tintalab sabiex tiddetermina din it-tieni kwistjoni hawnhekk. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Kunsill u għadd ta’ Stati Membri fehmu ħażin ir-relazzjoni bejn il-prinċipji li jirregolaw l-allokazzjoni tal-kompetenzi (esterni) u dawk li jirregolaw l-għażla tal-bażi legali ta’ azzjoni tal-Unjoni.

    90.

    L-Unjoni Ewropea għandha biss setgħat mogħtija lilha ( 36 ). Hija, għalhekk, għandha torbot miżura li hija tadotta ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li tagħtiha s-setgħa tapprova dik il-miżura ( 37 ). Din il-bażi legali għandha tiġi stabbilita fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu l-għan u l-kontenut tal-miżura ( 38 ).

    91.

    Fl-Opinjoni 1/08, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li n-natura, esklużiva jew le, tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehimiet, u l-bażi legali li għandha tintuża għal dan il-fini huma żewġ kwistjonijiet marbuta ħafna mill-qrib ma’ xulxin ( 39 ). Tabilħaqq, il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni Ewropea waħedha għandhiex il-kompetenza tikkonkludi ftehim, jew jekk tali kompetenza hijiex kondiviża mal-Istati Membri tiddependi, inter alia, mill-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom il-kapaċità jagħtu s-setgħa lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jipparteċipaw fil-ftehim ( 40 ).

    92.

    Li jiġi stabbilit li l-Unjoni Ewropea għandha wara kollox il-kompetenza taġixxi f’qasam partikolari (u, għalhekk, li tiġi identifikata l-bażi legali għal tali azzjoni) hija, għalhekk, kundizzjoni meħtieġa qabel tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, skont l-Artikoli 3 u 4 TFUE, fir-rigward ta’ azzjoni esterna speċifika ( 41 ).

    93.

    Fl-identifikazzjoni tal-bażi legali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta ftehim tal-Unjoni Ewropea jkollu iktar minn għan wieħed jew ikun jikkomprendi żewġ komponenti jew iktar li minnhom wieħed ikun identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor jew l-oħrajn ikun jew ikunu biss inċidentali jew estremament limitat jew limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, l-Unjoni Ewropea jkollha tikkonkludi dak il-ftehim ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti ( 42 ). Għalhekk, jekk l-għan predominanti tal-EUSFTA huwa dak li tiġi segwita l-politika kummerċjali komuni, u aspetti oħra tiegħu għandhom jitqiesu kif jixraq bħala li jew jikkostitwixxu żieda meħtieġa ma’ dak il-komponent ewlieni jew bħala li huma estremament limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, il-bażi legali sostantiva għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun l-Artikolu 207(1) TFUE ( 43 ). Mill-Artikolu 3(1)(e) TFUE mbagħad isegwi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tikkonkludi l-EUSFTA ( 44 ).

    94.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistabbilixxi li l-EUSFTA fl-istess waqt isegwi għadd ta’ għanijiet, jew għandu diversi komponenti, li għandhom rabta bejniethom li ma tistax tinħall mingħajr ma l-wieħed ikun inċidentali għall-oħrajn, b’mod li jkunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, l-att tal-Unjoni Ewropea li jikkonkludi dan il-ftehim ikollu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali li jkunu jaqblu ma’ dawk il-komponenti ( 45 ).

    95.

    F’dan il-kuntest issa ngħaddi għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 207 TFUE.

    L-Artikolu 207(1), (5) u (6) TFUE

    96.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni ħafna qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, li issa jikkonferma espressament il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq din il-politika. Għalhekk, proprju fl-ewwel opinjoni tagħha mogħtija abbażi ta’ (dak li llum huwa) l-Artikolu 218(11) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompetenza esklużiva fuq il-politika kummerċjali komuni kienet iġġustifikata minħabba li jekk l-Istati Membri jitħallew jeżerċitaw setgħat konkorrenti f’dan il-qasam, dan “ikun ifisser rikonoxximent li, f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, Stati Membri jistgħu jadottaw pożizzjonijiet li jkunu differenti minn dawk li l-[Unjoni Ewropea] ikun biħsiebha tadotta, u b’hekk jgħawġu l-qafas istituzzjonali, joħolqu dubju dwar il-fiduċja reċiproka fl-[Unjoni Ewropea] u ma jħallux lil din tal-aħħar twettaq ix-xogħol tagħha għad-difiża tal-interess komuni” ( 46 ). Din il-motivazzjoni hija konsistenti mal-bini tal-unjoni doganali stabbilita mit-Trattat ta’ Ruma. Internament, din l-unjoni tikkonsisti fi projbizzjoni assoluta ta’ dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u ta’ piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri ( 47 ). Fl-istess waqt it-Trattati jafdaw ix-xogħol ta’ difiża tal-interessi kummerċjali tal-Unjoni Ewropea esternament lill-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tagħha. Jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jmexxu l-politika kummerċjali tagħhom stess mad-dinja ta’ barra (u tabilħaqq isegwu l-interessi tagħhom stess f’dan il-kuntest) b’mod parallel mal-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, dan manifestament iġib ir-riskju li ssir ħsara lil din il-funzjoni essenzjali.

    97.

    Il-Kummissjoni f’din il-proċedura tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-ġurisprudenza l-imgħoddija tagħha dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Il-mistoqsija hi: kemm kiber il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-politika bħala riżultat tal-bidliet introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona (b’mod partikolari fir-rigward ta’ aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, investiment barrani dirett, kummerċ ta’ servizzi, l-eċċezzjoni relatata mal-qasam tat-trasport fl-Artikolu 207(5) TFUE u l-limiti li jirriżultaw mill-Artikolu 207(6) TFUE)?

    98.

    Ċerti Stati Membri ssuġġerew li, wara l-Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma għadux xieraq li l-politika kummerċjali komuni titqies bħala “dinamika”.

    99.

    Jiena m’iniex konvinta li huwa partikolarment utli li jsir dibattitu dwar jekk il-politika kummerċjali komuni hijiex “dinamika” jew le. Dak li jimporta huwa li l-Artikolu 207(1) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod li jħares kemm il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll li jiggarantixxi li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tmexxi politika kummerċjali komuni effettiva f’ambjent kummerċjali internazzjonali li jevolvi b’mod permanenti.

    100.

    Naqbel mal-fehma espressa mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-kuntest tal-Proċedura ta’ opinjoni 3/15 li, minħabba li prattiki, tendenzi u xejriet fil-kummerċ jevolvu tul iż-żmien, is-suġġett tal-kummerċ internazzjonali la jista’ jiġi ddeterminat fl-astratt u lanqas ma jista’ jiġi identifikat b’mod statiku u riġidu ( 48 ). Madankollu, dak li għandu jitqies bħala “politika kummerċjali” jew “politika ta’ investiment” fir-relazzjonijiet internazzjonali u dak li jikkostitwixxi l-politika kummerċjali komuni, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, ma humiex neċessarjament l-istess.

    101.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea. Fl-Opinjoni 1/78, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li ma jkunx għadu possibbli titwettaq politika kummerċjali komuni ta’ siwi jekk l-Unjoni Ewropea ma tkunx f’pożizzjoni wkoll li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha mezzi ta’ azzjoni li jkunu jmorru lil hinn minn strumenti intiżi li jkollhom effett biss fuq l-aspetti tradizzjonali ta’ kummerċ estern. “Politika kummerċjali” f’dan is-sens tkun iddestinata li tisfa bla siwi matul iż-żmien ( 49 ) u, għalhekk, bil-mod il-mod ma tħallix lill-Unjoni Ewropea twettaq il-funzjoni tagħha bħala sieħba fil-kummerċ dinji, kemm permezz ta’ relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi mhux membri kif ukoll permezz ta’ azzjoni multilaterali ( 50 ). Il-politika kummerċjali komuni ma hijiex, għalhekk, limitata għal miżuri li jsegwu għanijiet kummerċjali. Hija tista’ tinkludi miżuri li jsegwu għanijiet li ma jkunux purament kummerċjali bħalma huma l-iżvilupp ( 51 ), il-politika barranija u ta’ sigurtà ( 52 ), jew il-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem ( 53 ), dejjem sakemm dawn il-miżuri jkollhom ukoll effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ. L-interazzjoni bejn il-politika kummerċjali komuni u l-prinċipji u l-għanijiet (l-oħra) tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea hija espressament irrikonoxxuta fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 207(1) TFUE.

    102.

    Madankollu, dan ma jfissirx li ma hemmx limiti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Lanqas il-fatt li kwistjoni tiġi indirizzata fi ftehim kummerċjali (u ta’ investiment) ma huwa biżżejjed sabiex dik il-kwistjoni tkun taqa’ fil-politika kummerċjali komuni. Ftehimiet jew dispożizzjonijiet li atturi oħra fid-dritt internazzjonali jistgħu jabbozzaw bħala parti mill-politika tan-negozju jew tal-kummerċ ma jaqgħux neċessarjament fid-definizzjoni ta’ “politika kummerċjali komuni” fit-Trattati. Fid-definizzjoni ta’ din il-politika l-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata mill-kliem tal-Artikoli 206 u 207 TFUE.

    103.

    Dak li huwa importanti għall-finijiet tal-Artikolu 207 TFUE huwa li l-azzjoni (interna jew esterna) tal-Unjoni Ewropea għandha tkun speċifikament relatata mal-kummerċ internazzjonali, jiġifieri kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri (mhux kummerċ fis-suq intern) ( 54 ), fis-sens li l-azzjoni tkun essenzjalment intiża sabiex tippromwovi, tiffaċilita jew tirregola l-kummerċ u jkollha effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ( 55 ). Għalhekk, is-sempliċi fatt li att tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollu implikazzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni.

    104.

    Meta ssir distinzjoni bejn impenji (internazzjonali) li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni u dawk li l-għan primarju tagħhom ikun it-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk l-għan tal-ftehim essenzjalment ikunx jew le li jestendi lil hinn mit-territorju tal-Unjoni Ewropea l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li diġà “ġeneralment tkun twettqet” mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni relatata mal-kummerċ fis-suq intern ( 56 ). Jekk dan huwa hekk, wieħed ikun jista’ jassumi li dan il-ftehim għandu l-għan li jippromwovi l-kummerċ internazzjonali u li l-konklużjoni tiegħu, għalhekk, taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni. Għall-kuntrarju, meta din l-approssimazzjoni “interna” tkun preċiżament is-suġġett tal-ftehim, l-għan predominanti tal-ftehim ikun it-titjib tal-funzjonament tas-suq intern u, għalhekk, ikun jaqa’ barra mill-politika kummerċjali komuni, anki jekk ikollu effetti fuq il-kummerċ internazzjonali ( 57 ).

    105.

    Għadd ta’ partijiet huma mħassba, b’mod ġenerali jew fil-kuntest ta’ kapitolu speċifiku tal-EUSFTA, li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ddgħajjef l-Artikolu 207(6) TFUE.

    106.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 207(6) TFUE jirrigwarda biss l-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Unjoni Ewropea tieħu mill-Artikolu 207(1) TFUE. L-Artikolu 207(6) TFUE jippreżumi li din il-kompetenza kienet ġiet stabbilita. Dan l-artikolu għalhekk ma jistax jibdel il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE. L-Artikolu 207(6) TFUE jimponi żewġ limitazzjonijiet, anki jekk it-tieni tidher li hija applikazzjoni tal-ewwel.

    107.

    L-ewwel nett, l-eżerċizzju tal-kompetenza fuq il-politika kummerċjali komuni ma tistax tolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, din l-ewwel limitazzjoni tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenza stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (2) TFUE u elaborat ulterjorment fid-Dikjarazzjoni Nru 18 b’rabta mad-delimitazzjoni ta’ kompetenzi ( 58 ). Fi kliem ieħor, l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni ma tistax tbiddel jew tolqot b’xi mod ieħor id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi f’oqsma oħra li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kompetenza (bħal, pereżempju, il-kummerċ fis-suq intern). L-Artikolu 207(2) TFUE jsaħħaħli din l-interpretazzjoni, minħabba li jipprevedi bażi legali sabiex jiġu adottati “[…] il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni”, pjuttost milli jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-miżuri kollha li jista’ jkollhom jiġu adottati sabiex jitwettqu obbligi li jirriżultaw minn ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha fuq il-politika kummerċjali komuni.

    108.

    B’hekk, pereżempju, l-eżerċizzju mill-Unjoni Ewropea tal-kompetenza esklużiva tagħha skont l-Artikolu 207(1) TFUE fir-rigward tal-Ftehim TRIPS fl-intier tiegħu ( 59 ) ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea hija kompetenti tirregola kull waħda mill-materji koperti minn dan il-ftehim fis-suq intern. Lanqas ma jista’ tali eżerċizzju jimmodifika l-allokazzjoni ta’ kompetenzi esterni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali.

    109.

    Għall-kuntrarju, ma nqisx li l-ewwel limitazzjoni tfisser li l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni jiddependi minn jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza interna fuq xi bażi oħra jew li hija eżerċitat din il-kompetenza ( 60 ). B’mod partikolari, insistenza fuq paralleliżmu bejn l-aspett estern tal-politika kummerċjali komuni u l-aspett intern ta’ politiki oħra tal-Unjoni ma ssibx sostenn f’partijiet oħra tal-Artikolu 207 TFUE. B’hekk, l-Artikolu 207(4) TFUE espressament jikkonferma li l-politika kummerċjali komuni tista’ tinkludi l-kummerċ ta’ servizzi kulturali u awdjoviżivi u l-kummerċ ta’ servizzi soċjali, edukattivi u tas-saħħa. Madankollu, il-kompetenzi interni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa pubblika huma limitati, minħabba li jikkumplementaw biss l-azzjonijiet tal-Istati Membri ( 61 ). Barra minn dan, azzjoni tal-Unjoni għandha tħares ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri meta jiddefinixxu l-politika tagħhom dwar is-saħħa u meta jorganizzaw u jwasslu servizzi tas-saħħa u kura medika ( 62 ).

    110.

    It-tieni limitazzjoni imposta mill-Artikolu 207(6) TFUE hija li l-eżerċizzju ta’ kompetenzi skont il-politika kummerċjali komuni ma jistax iwassal għall-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji tal-Istati Membri sa fejn it-Trattati jeskludu tali armonizzazzjoni. Kif jikkonferma espressament l-Artikolu 207(4) TFUE, din il-limitazzjoni ma tfissirx li l-politika kummerċjali komuni ma tistax tkopri l-kummerċ f’materji li dwarhom dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma jippermettux armonizzazzjoni (bħal, pereżempju, f’materji ta’ politika soċjali, edukazzjoni, saħħa pubblika jew kultura) ( 63 ). Din il-limitazzjoni pjuttost tfisser li, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 207 TFUE, l-Unjoni Ewropea ma tistax taġixxi sabiex tevadi l-projbizzjoni ta’ armonizzazzjoni skont it-Trattati. Din il-limitazzjoni hija, għalhekk, applikazzjoni partikolari tal-ewwel limitazzjoni.

    111.

    Din il-proċedura ta’ opinjoni titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 207(5) TFUE, l-iktar b’rabta mal-impenji li jirrigwardaw it-trasport fil-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA (“Servizzi, Stabbiliment u Kummerċ Elettroniku’) ( 64 ). Skont din id-dispożizzjoni, in-negozjazzjoni u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport huma suġġetti għat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea. Tali ftehimiet, għalhekk, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

    112.

    Din l-eċċezzjoni ma hijiex ġdida. It-Trattati dejjem żammew il-politika tat-trasport barra mill-politika kummerċjali komuni. Fil-fatt, kienet din l-eċċezzjoni li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi, fis-sentenza tagħha fil-kawża ERTA, il-prinċipju ta’ kompetenzi esterni esklużivi impliċiti, għall-kuntrarju tal-kompetenza esklużiva espliċita fuq il-politika kummerċjali komuni ( 65 ).

    113.

    Għalkemm is-sentenza fil-kawża ERTA kienet tikkonċerna ftehim li kien jistabbilixxi regoli ta’ sigurtà, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/94 ma ratx għaliex kellha tikkonkludi b’mod differenti b’rabta ma’ ftehimiet kummerċjali li wkoll għandhom x’jaqsmu mat-trasport, bħall-GATS ( 66 ). Hija kkonfermat “l-idea li hija l-bażi ?tas-senteza fil-kawża ERTA? li ftehimiet internazzjonali f’materji tat-trasport ma humiex koperti mill-?politika kummerċjali komuni?” ( 67 ). Il-pożizzjoni baqgħet ma tbiddlitx bit-Trattat ta’ Nizza ( 68 ) u bit-Trattat ta’ Lisbona ( 69 ). Fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali f’servizzi ta’ trasport it-Trattati, għalhekk, ifittxu li “iżomm[u] […] paralleliżmu fundamentali bejn il-kompetenza interna li hija eżerċitata bl-adozzjoni unilaterali ta’ regoli [tal-Unjoni] u l-kompetenza esterna li topera permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, biż-żewġ kompetenzi jibqgħu […] taħt it-titolu tat-Trattat speċifikament dwar il-politika komuni tat-trasport” ( 70 ).

    114.

    Għal din ir-raġuni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE ma hijiex limitata għal ftehimiet internazzjonali relatati b’mod esklużiv jew predominanti mal-kummerċ ta’ servizzi ta’ trasport. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-Opinjoni 1/08, konklużjoni differenti kienet tkun tfisser li dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li strettament ikollhom l-istess għan jaqgħu f’xi każijiet fil-politika tat-trasport u f’xi każijiet fil-politika kummerċjali sempliċement skont jekk il-partijiet għall-ftehim ikunux iddeċidew li jittrattaw biss il-kummerċ ta’ servizzi tat-trasport jew jekk ikunux ftehmu li jittrattaw fl-istess waqt dan il-kummerċ u kummerċ f’xi tip ieħor ta’ servizzi jew fis-servizzi b’mod ġenerali ( 71 ).

    115.

    Minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Artikolu 207(5) TFUE, jidhirli li l-espressjoni “ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport” ma għandhiex tfisser li kull ftehim applikabbli għat-trasport (jiġifieri, essenzjalment, is-servizz ta’ trasport ta’ merkanzija jew ta’ persuni b’mezz ta’ trasport wieħed jew iktar minn punt għal ieħor) għandu jiġi eskluż mill-politika kummerċjali komuni. Il-fatt li miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali jistgħu, fil-prattika, jiġu applikati wkoll għat-trasport ma jagħtux awtomatikament lok għall-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Anzi, ftehim internazzjonali “fil-qasam tat-trasport” huwa ftehim li jkun fih dispożizzjonijiet speċifikament dwar it-trasport. Dan jispjega għaliex, fl-Opinjoni 1/08, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq l-impenji speċifiċi għal settur (u l-impenji orizzontali li kienu japplikaw flimkien ma’ dawk l-impenji) sabiex tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE kienu ġew issodisfatti.

    116.

    Il-proċedura ineżami turi li għad baqa’ inċertezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw impenji relatati mal-kummerċ ta’ servizzi ta’ trasport jinkludu dawk dwar jekk l-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE tkoprix stabbiliment (kif iddefinit fl-EUSFTA) anki jekk it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE ma jirregolahx, u jekk servizzi “awżiljari” għal servizzi ta’ trasport jaqgħux taħt l-eċċezzjoni. Ser nindirizza dawn il-kwistjonijiet fl-analiżi tiegħi tal-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA ( 72 ).

    L-Artikolu 3(2) TFUE

    117.

    Fejn l-Unjoni Ewropea ma jkollhiex kompetenza esklużiva espliċita skont l-Artikolu 3(1) TFUE li tikkonkludi ftehim internazzjonali, hija madankollu jista’ jkollha kompetenza esterna esklużiva impliċita abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE. Iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 TFUE jirrigwardaw speċifikament l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Madankollu, għall-kuntrarju tal-Artikolu 3(1) TFUE, l-Artikolu 3(2) TFUE jirrigwarda kompetenza esterna waħedha. Id-diversi raġunijiet li huwa jistabbilixxi kollha neċessarjament jimplikaw, madankollu, xi eżerċizzju tal-kompetenza interna.

    118.

    Il-Kummissjoni tistrieħ fuq żewġ raġunijiet skont l-Artikolu 3(2) TFUE sabiex tistabbilixxi l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    119.

    Għal parti waħda tal-Kapitolu Tmienja dwar servizzi, stabbiliment u kummerċ elettroniku ( 73 ), il-Kummissjoni tistrieħ fuq l-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE li skontha l-Unjoni Ewropea għandu jkollha kompetenza esklużiva “[…] meta l-konklużjoni [ta’ ftehim internazzjonali] tkun prevista f’att leġislattiv ta’ l-Unjoni”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raġuni bażika ta’ din id-dispożizzjoni hija li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn, għalkemm it-Trattati nfushom ma jistabbilixxux kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea, regoli komuni stabbiliti mill-istituzzjonijiet jistabbilixxu tali kompetenza billi jippreskrivu l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali ( 74 ). F’tali sitwazzjonijiet l-Unjoni Ewropea tikseb kompetenza esklużiva bħala riżultat ta’ regoli komuni ( 75 ) minħabba li, jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonkludu l-ftehimiet internazzjonali tagħhom stess, dan jista’ jkun ta’ perikolu għal azzjoni esterna miftehma fl-oqsma koperti minn dawk ir-regoli tal-Unjoni ( 76 ).

    120.

    Għal ċerti partijiet oħra tal-EUSFTA ( 77 ), il-Kummissjoni tistrieħ fuq it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Skont din ir-raġuni, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali “[…] sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Din ir-raġuni taqbel mal-eżami stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża ERTA sabiex tiġi ddeterminata “[…] in-natura tal-impenji internazzjonali li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jieħdu barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta regoli komuni tal-Unjoni jkunu ġew adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat” ( 78 ).

    121.

    L-hekk imsejjaħ “prinċipju ERTA” joffri bażi għall-Unjoni Ewropea sabiex ikollha kompetenza esklużiva impliċita sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali. Oriġinarjament dan il-prinċipju kien żviluppat billi tqiesu, minn naħa, ir-rekwiżit tad-dritt primarju li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li jwettqu l-obbligi tagħhom li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw minn atti tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, mid-dmir tal-Istati Membri li ma jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tqiegħed f’perikolu l-kisba tal-objettivi tat-Trattati ( 79 ). Għalhekk, l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esterna esklużiva fejn ikun hemm riskju li l-Istati Membri, billi jaġixxu barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jidħlu għal obbligi internazzjonali li jolqtu regoli komuni jew li jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Dan jevadi r-regoli stabbiliti fit-Trattati għall-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni u jista’, għalhekk, joħloq dubju dwar il-qofol proprju tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni.

    122.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri xi gwida għall-verifikazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tielet raġuni jkunux issodisfatti. Għandu jkun hemm analiżi speċifika tar-relazzjoni bejn il-ftehim internazzjonali propost u l-liġi tal-Unjoni kif tkun fis-seħħ fiż-żmien rilevanti. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, u meqjus il-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenza, hija l-parti li tasserixxi kompetenza esterna esklużiva li għandha turiha ( 80 ).

    123.

    L-ewwel stadju ta’ din l-analiżi jinvolvi d-definizzjoni tal-qasam li l-ftehim internazzjonali jkun jikkonċerna, sabiex ikun identifikat liema regoli komuni jkunu rilevanti. Is-suġġett tal-ftehim jista’ jiġi ddeterminat billi jitqies il-kontenut u l-għan tal-ftehim. F’dan ir-rigward, filwaqt li jista’ jkun possibbli, meta jiġu analizzati l-hekk imsejħa ftehimiet omoġenji, li l-ftehim kollu jiġi deskritt bħala li jkun ikopri “qasam” u li mbagħad jiġi vverifikat jekk regoli komuni jkunux jarmonizzaw għalkollox dan il-qasam jew jekk dan il-qasam ikunx ġeneralment kopert minn tali regoli komuni ( 81 ), dan l-approċċ ma jistax ikun traspost b’mod tant faċli għal ftehim bħall-EUSFTA, li jirregola “oqsma” differenti f’kapitoli differenti jew f’partijiet tagħhom.

    124.

    Is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-proċedura jqanqlu mistoqsija mhux tas-soltu: it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE tapplika biss meta “regoli komuni” ikunu diġà ġew adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea, jew dispożizzjonijiet tat-Trattat infushom jistgħu jikkostitwixxu, f’ċerti kundizzjonijiet, “regoli komuni”? Il-Kummissjoni tissottometti li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar tipi ta’ investiment li ma jkunx investiment barrani dirett tirriżulta mir-“regoli komuni” li jinsabu fl-Artikolu 63 TFUE nnifsu. Ser nindirizza din il-kwistjoni meta nanalizza t-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA ( 82 ).

    125.

    It-tieni stadju huwa li jkun identifikat liema regoli komuni jeżistu fil-qasam. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim internazzjonali u tar-regoli komuni jkunu jaqblu kompletament ( 83 ). Jista’ jkun suffiċjenti li l-qasam li jaqa’ fih il-ftehim internazzjonali jkun ġeneralment kopert minn dawn ir-regoli komuni ( 84 ). Regoli komuni rilevanti jistgħu jinkludu mhux biss leġiżlazzjoni applikabbli għal qasam speċifiku kopert mill-ftehim imma wkoll leġiżlazzjoni li jkollha kamp ta’ applikazzjoni usa’ ( 85 ). Lanqas ma jimporta li tali regoli komuni jkunu (jew ma jkunux) jinsabu fl-istess strument legali tal-Unjoni ( 86 ).

    126.

    Regoli komuni ma humiex biss dawk ir-regoli li japplikaw għal sitwazzjonijiet li jinvolvu element mhux tal-Unjoni u, għalhekk, li jkollhom dimensjoni esterna ( 87 ). Fl-identifikazzjoni tar-regoli komuni jeħtieġ jitqiesu kemm id-dritt tal-Unjoni kif ikun fis-seħħ fil-mument, kif ukoll l-iżvilupp għall-ġejjieni ta’ dawn ir-regoli sa fejn dan l-iżvilupp ikun prevedibbli fiż-żmien tal-analiżi ( 88 ).

    127.

    Is-sottomissjonijiet tal-partijiet li jirrigwardaw liema regoli komuni huma rilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA għall-oqsma ta’ servizzi ta’ trasport u għal tipi oħra ta’ investiment milli investiment barrani dirett jissuġġerixxu li hemm diversi punti ta’ nuqqas ta’ qbil dwar xi jfissru “regoli komuni”. Din il-proċedura toffri opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti l-kjarifika meħtieġa ( 89 ).

    128.

    It-tielet stadju jinvolvi l-eżami tal-impatt (li jista’ jkun hemm) tal-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali fuq ir-regoli komuni rilevanti. Ma huwiex meħtieġ jintwera li jkun hemm tali impatt: ir-riskju li regoli komuni jkunu jistgħu jintlaqtu jew li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikun jista’ jinbidel huwa suffiċjenti ( 90 ). Tali riskju jkun jeżisti meta l-impenji skont il-ftehim internazzjonali jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni ( 91 ). Ma huwiex meħtieġ jintwera li jista’ jkun hemm kontradizzjoni, jiġifieri kunflitt, bejn il-ftehim internazzjonali u r-regoli komuni ( 92 ).

    129.

    Meta regoli komuni jarmonizzaw b’mod sħiħ il-qasam irregolat mill-ftehim internazzjonali ( 93 ), ikun faċli li tiġi stabbilita l-kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. Il-preżunzjoni hija li r-regoli armonizzati jintlaqtu mill-impenji internazzjonali li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

    130.

    Meta l-armonizzazzjoni tkun parzjali biss, il-fatt li ftehim internazzjonali [jew parti(jiet) minnu] ikun jirrigwarda qasam li jkun “ġeneralment kopert” minn regoli tal-Unjoni minnu nnifsu ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva tinnegozja dan il-ftehim internazzjonali kollu (jew il-parti rilevanti) mingħajr ma teżamina jekk japplikax il-prinċipju ERTA. Kollox jiddependi mill-kontenut tal-impenji li jkunu ttieħdu u r-rabta li dawn jista’ jkollhom ma’ regoli tal-Unjoni ( 94 ).

    131.

    Il-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża ma jdgħajjifx il-prinċipji li għadni kif semmejt. Dan il-protokoll jirrigwarda biss l-Artikolu 2(2) TFUE. L-għan waħdieni tiegħu huwa li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-Unjoni Ewropea ta’ kompetenza li tkun kondiviża mal-Istati Membri. L-imsemmi protokoll jagħmilha ċara li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza huwa li “jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni [Ewropea] konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”. Il-Protokoll Nru 25, għalhekk, ma jistax jiġi interpretat bħala li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet li jissemmew fl-Artikolu 3(2) TFUE, kif ikkjarifikat mill-ġurisprudenza ( 95 ).

    132.

    F’dan il-kuntest, issa ngħaddi sabiex neżamina l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tal-EUSFTA.

    L-għanijiet tal-EUSFTA u d-definizzjonijiet ġenerali rilevanti għall-EUSFTA (Kapitolu Wieħed tal-EUSFTA ( 96 ) )

    Argumenti

    133.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kapitolu Wieħed jaqa’ kollu fil-politika kummerċjali komuni. Skont il-Kummissjoni, l-għanijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 1.1 u 1.2 tal-EUSFTA jaqgħu, ħafna minnhom, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għanijiet tal-politika kummerċjali komuni stabbiliti fl-Artikolu 206 TFUE. L-għanijiet tal-EUSFTA huma usa’ b’mod marġinali biss minn dawk tal-politika kummerċjali komuni. Fejn dan ikun il-każ, dawn l-għanijiet xorta waħda jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għanijiet tat-TFUE [b’mod partikolari l-Artikoli 63(1), 91 u 100 TFUE].

    134.

    Il-partijiet l-oħra ma għamlu ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Kapitolu Wieħed.

    Analiżi

    135.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva, abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE, sabiex tiddeċiedi li tistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles b’mod konsistenti mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 u mal-Artikolu V tal-GATS ( 97 ) u sabiex tiftiehem li l-għanijiet tal-EUSFTA huma li jiġu lliberalizzati u ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment. Materji bħal dawn manifestament jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni.

    136.

    Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet li jelenkaw definizzjonijiet ġeneralment applikabbli huma purament aċċessorji. Dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex tali li jibdlu l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-EUSFTA.

    137.

    Għalhekk nikkonkludi li l-Kapitolu Wieħed jaqa’ kollu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207 TFUE.

    Kummerċ ta ’ prodotti (Kapitoli Tnejn sa Sitta tal-EUSFTA ( 98 )u l-Protokoll 1 tal-EUSFTA ( 99 ) )

    Argumenti

    138.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kapitoli Tnejn sa Sitta jaqgħu kollha fil-politika kummerċjali komuni.

    139.

    Il-Kummissjoni targumenta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tnejn huma relatati speċifikament mal-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti minħabba li għandhom l-għan li jilliberalizzaw il-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet u għandhom effett dirett u immedjat fuq dan il-kummerċ. Dan huwa minnu kemm fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu dwar tariffi, li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 207(1) TFUE, kif ukoll fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet mhux dwar tariffi, li jirriproduċu, jinkorporaw b’riferiment jew jelaboraw dispożizzjonijiet eżistenti tal-GATT 1994 u ta’ ftehimiet oħra multilaterali dwar il-kummerċ ta’ prodotti (u, għalhekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-Opinjoni 1/94, jaqgħu awtomatikament fil-politika kummerċjali komuni).

    140.

    Il-Kummissjoni għamlet sottomissjonijiet simili fir-rigward tal-Kapitolu Tlieta [l-Artikolu 207(1) TFUE jkopri “miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidji”]; fir-rigward tal-Kapitolu Erbgħa (minħabba li jiffaċilita l-kummerċ ta’ prodotti billi jipprovdi qafas għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għall-eliminazzjoni ta’ barrieri bla bżonn għall-kummerċ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim BTK) u fir-rigward tal-Kapitolu Ħamsa (minħabba li jfittex li jnaqqas kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tal-miżuri SFS fuq il-kummerċ). Il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar l-antidumping”), il-Ftehim dwar sussidji u mezzi ta’ kontrobilanċ [miżuri ta’ kumpens] (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SMK”), il-Ftehim dwar is-salvagwardji, il-Ftehim BTK u l-Ftehim SFS kollha jifformaw parti mill-Ftehimiet multilaterali dwar il-kummerċ ta’ prodotti li, skont l-Opinjoni 1/94, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

    141.

    Fl-aħħar nett, il-Kapitolu Sitta huwa wkoll relatat speċifikament mal-kummerċ internazzjonali minħabba li għandu l-għan li jiffaċilita l-kummerċ ta’ prodotti u li jiżgura kontrolli doganali effettivi. Il-Kummissjoni żżid li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jaqblu mad-dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar l-istess suġġett fil-Ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tad-WTO, li issa ddaħħal fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO ( 100 ). Skont il-Kummissjoni, la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet l-oħra ma jikkontestaw il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ dan il-ftehim ġdid tad-WTO.

    142.

    Il-Parlament jaqbel essenzjalment mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

    143.

    Filwaqt li l-Kunsill u kważi l-Istati Membri kollha ma għamlu ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Kapitoli Tnejn sa Sitta, Stat Membru wieħed jissottometti li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea ma tkoprix il-kooperazzjoni doganali li għaliha tipprovdi t-tieni sentenza tal-Artikolu 6.1.1 tal-EUSFTA. L-Artikolu 206 TFUE jagħmel riferiment biss għat-twaqqif ta’ unjoni doganali skont l-Artikoli 28 sa 32 TFUE. Huwa, għalhekk, ma jkoprix l-Artikolu 33 TFUE, li jipprovdi għal bażi legali għall-adozzjoni ta’ “[…] miżuri sabiex isaħħu l-koperazzjoni doganali bejn Stati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni”. Barra minn dan, mill-Artikolu 6(g) TFUE kif ikkonfermat mill-Artikolu 197(2) TFUE (id-dispożizzjoni unika tat-Titolu XXIV dwar “Koperazzjoni amministrattiva”) isegwi li, fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva, l-Unjoni Ewropea biss għandha kompetenza sabiex tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

    Analiżi

    144.

    Il-Kapitoli Tnejn sa Sitta jirregolaw aspetti differenti tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti. Il-materji rregolati minn dawn il-kapitoli u t-tip ta’ obbligi li jipprovdu għalihom jaqblu sa ċertu punt ma’ ċerti ftehimiet tad-WTO relatati mal-kummerċ ta’ prodotti.

    145.

    Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-politika kummerċjali komuni diġà kienet tkopri l-kummerċ ta’ prodotti. Fl-Opinjoni 1/94 il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li (dik li dak iż-żmien kienet) il-Komunità Ewropea kellha, skont l-Artikolu 113 tat-Trattat KE, kompetenza esklużiva li tikkonkludi “il-Ftehimiet multilaterali dwar il-kummerċ ta’ prodotti”, jiġifieri l-ftehimiet inklużi fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO (iktar ’il quddiem il-“Ftehimiet tal-Anness 1A”) ( 101 ). Dan jinkludi l-GATT 1994, imma wkoll tnax-il ftehim ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ftehimiet kollha tal-Anness 1A kienu jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni mingħajr ma eżaminat kull wieħed minnhom separatament ( 102 ). Għalhekk kollha tqiesu li kienu relatati speċifikament mal-kummerċ internazzjonali fis-sens li kienu intiżi essenzjalment sabiex jippromwovu, jiffaċilitaw jew jirregolaw il-kummerċ u kellhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ. Il-parti l-kbira tal-ftehimiet fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO jinkludu obbligi li jirrigwardaw, inter alia, aċċess għas-suq, trattament nazzjonali u forom oħra ta’ regolamentazzjoni domestika, trasparenza, stħarriġ ġudizzjarju u amministrattiv u l-bilanċ ta’ objettivi kummerċjali ma’ objettivi mhux kummerċjali. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-ftehimiet huwa ddefinit b’riferiment għat-tip ta’ prodotti (pereżempju, il-Ftehim dwar il-biedja u l-Ftehim dwar it-tessili u l-ilbies); oħrajn japplikaw għal tipi speċifiċi ta’ strumenti tal-kummerċ (pereżempju, il-Ftehim BTK; il-Ftehim dwar miżuri ta’ investiment relatat mal-kummerċ; il-Ftehim dwar l-antidumping; il-Ftehim SMK; u l-Ftehim dwar is-salvagwardji); miżuri għall-kummerċ li jkollhom għan speċifiku (pereżempju, il-Ftehim SFS) jew ċerti stadji fil-proċess ta’ importazzjoni jew esportazzjoni (pereżempju, il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-valutazzjoni doganali”); il-Ftehim dwar l-ispezzjoni ta’ qabel it-tagħbija ta’ bastimenti; il-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini; u l-Ftehim dwar proċeduri għal-liċenz[j]ar tal-importazzjoni).

    146.

    Huwa, għalhekk, ċar mill-Opinjoni 1/94 li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tirrigwarda l-materji koperti minn dawn il-ftehimiet u l-obbligi meħuda permezz tagħhom ( 103 ). Din il-pożizzjoni tibqa’ l-istess skont it-Trattat ta’ Lisbona, li ma bidilx id-deskrizzjoni tal-politika kummerċjali komuni sa fejn din hija relatata mal-kummerċ ta’ prodotti.

    147.

    F’dan il-kuntest, huwa ċar għalija li l-Kapitoli Tnejn sa Ħamsa jirrigwardaw speċifikament il-kummerċ ta’ prodotti. Is-suġġett tagħhom jaqbel essenzjalment mal-materji koperti minn ċerti ftehimiet tal-Anness 1A tal-Ftehim WTO li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni. Hekk, il-Kapitolu Tnejn għandu rabta mas-suġġetti tal-Artikoli I, II u XI tal-GATT 1994, li fihom hemm l-obbligi ewlenin ta’ aċċess għas-suq fil-kummerċ ta’ prodotti. Il-materji koperti mill-Kapitolu Tlieta għandhom rabta mad-dispożizzjonijiet tal-GATT 1994 dwar antidumping, sussidji u salvagwardji u mal-ftehimiet korrispondenti iktar speċifiċi (il-Ftehim dwar l-antidumping, il-Ftehim SMK u l-Ftehim dwar is-salvagwardji) fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO. Il-Kapitoli Erbgħa u Ħamsa jirrigwardaw barrieri mhux tariffarji koperti mid-dixxiplini tal-Artikolu III tal-GATT 1994 (“trattament nazzjonali”) u mid-dixxiplini iktar speċifiċi li jinsabu fil-Ftehim BTK u fil-Ftehim SFS, li huma wkoll inklużi fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO.

    148.

    Dawn il-materji jirrrigwardaw il-proċess ta’ trasport ta’ merkanzija bejn il-fruntieri, il-ħatt u l-ħruġ tagħha mid-dwana u t-trattament tagħha fis-suq. Huma, għalhekk, huma speċifikament relatati mal-kummerċ internazzjonali.

    149.

    Barra minn dan, regoli mmirati sabiex jiffaċilitaw dan il-proċess (essenzjali għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ta’ merkanzija) u sabiex jagħmlu l-proċess u r-regoli li japplikaw għat-trattament ta’ din il-merkanzija fis-suq iktar trasparenti, prevedibbli, effiċjenti u b’inqas spejjeż, iġibu ’l quddiem u jħaffu jew jirregolaw il-kummerċ u għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ( 104 ).

    150.

    Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-kooperazzjoni doganali skont il-Kapitolu Sitta u għad-dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mad-dwana li hemm fil-Qbil 3 u fil-Qbil 4 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi awtorizzati ta’ operatur ekonomiku (dawn iż-żewġ espressjonijiet ta’ qbil huma relatati mal-Kapitolu Sitta).

    151.

    Il-Kapitolu Sitta huwa relatat ma’ proċeduri doganali u ma’ valutazzjoni u faċilitazzjoni tal-kummerċ (parzjalment koperti mill-GATT 1994), mal-Ftehim dwar il-valutazzjoni doganali u mal-Ftehim reċenti dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tad-WTO. Il-forom ta’ kooperazzjoni previsti fil-Kapitolu Sitta jaqblu sa ċertu punt ma’ dawk applikabbli għal materji doganali skont il-GATT 1994 u skont il-Ftehim dwar il-valutazzjoni doganali. Dawn il-ftehimiet tal-aħħar jipprovdu wkoll, minbarra dispożizzjonijiet ġenerali dwar pubblikazzjoni ( 105 ), konsultazzjoni dwar materji relatati mal-amministrazzjoni tas-sistema ta’ valutazzjoni doganali ( 106 ). Barra minn dan, f’livell iktar ġenerali, il-GATT 1994 u l-Ftehimiet tal-Anness 1A jipprovdu ħafna forom simili ta’ kooperazzjoni dwar diversi materji li jirrigwardaw il-kummerċ ta’ prodotti ( 107 ). Tali dispożizzjonijiet ma żammewx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi, fl-Opinjoni 1/94, li dawn il-ftehimiet jaqgħu kollha kemm huma fil-politika kummerċjali komuni ( 108 ).

    152.

    Ma nistax naqbel mal-argument formalistiku bbażat fuq distinzjoni, fir-rigward tal-kummerċ ta’ prodotti fis-suq intern, bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw l-unjoni doganali (Artikoli 30 sa 32 TFUE) u l-kooperazzjoni doganali (Artikolu 33 TFUE). Huwa minnu li l-Artikolu 206 TFUE, li jistabbilixxi l-għanijiet tal-unjoni doganali, jagħmel riferiment biss għall-Artikoli 28 sa 32 TFUE. Madankollu, dan huwa minħabba li dawn huma d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-unjoni doganali. Dan ma huwiex il-fini ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 33 TFUE, li toffri bażi legali għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni doganali fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ma tista’ raġonevolment tinsilet l-ebda inferenza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni mill-fatt li l-Artikolu 206 TFUE ma jagħmilx espressament riferiment għall-Artikolu 33 TFUE. Lanqas l-Artikoli 6(g) u 197 TFUE ma għandhom xi impatt fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-politika. Dawn id-dispożizzjonijiet jindirizzaw f’termini ġenerali l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u bejnhom u l-Unjoni Ewropea. L-imsemmija dispożizzjonijiet, għalhekk, ma jippreġudikawx il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea li ddaħħal fil-politika kummerċjali komuni tagħha miżuri bil-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva ma’ Stati terzi fir-rigward ta’ materji li jaqgħu f’din il-politika.

    153.

    Fl-aħħar nett, l-analiżi tiegħi tal-Kapitoli Tnejn sa Sitta tapplika wkoll għall-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Dan il-protokoll jirrigwarda regoli ta’ oriġini. Huwa manifestament relatat speċifikament mal-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti.

    154.

    Nikkonkludi, għalhekk, li l-Kapitoli Tnejn sa Sitta jaqgħu kollha kemm huma fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni skont l-Artikolu 207 TFUE.

    155.

    Ngħaddi issa għall-Kapitolu Tmienja. Minħabba li l-Kapitolu Sebgħa (Ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli) u l-Kapitolu Tlettax (Kummerċ u żvilupp sostenibbli) iqajmu kwistjonijiet simili li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni u r-relazzjoni bejn għanijiet relatati u mhux relatati mal-kummerċ ( 109 ), ser niddiskuti l-Kapitolu Sebgħa iktar tard flimkien mal-Kapitolu Tlettax.

    Servizzi, stabbiliment u kummerċ elettroniku (Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA ( 110 ) )

    Argumenti

    Argumenti ġenerali

    156.

    Il-Kummissjoni tgħid li t-Taqsima A tistabbilixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA. It-Taqsimiet B u D ta’ dan il-kapitolu jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-impenji dwar il-modi 1, 2, 3 u 4 ta’ provvisti ta’ servizzi skont il-GATS, li huwa kopert mill-Artikolu 207(1) TFUE. Skont l-Artikolu I:2(a) sa (d) tal-GATS, dawn l-erba’ modi jkopru l-provvista ta’ servizz: (a) mit-territorju ta’ Membru (WTO) wieħed għat-territorju ta’ kull Membru (WTO) ieħor (“mod 1” jew “provvista transkonfinali”); (b) fit-territorju ta’ Membru (WTO) wieħed lill-konsumatur ta’ servizzi ta’ kull Membru (WTO) ieħor (“mod 2” jew “konsum barra mill-pajjiż”); (c) minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru (WTO) wieħed, permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ kull Membru (WTO) ieħor (“mod 3” jew “preżenza kummerċjali”); u (d) minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru (WTO) wieħed, permezz ta’ preżenza ta’ persuni fiżiċi ta’ Membru (WTO) fit-territorju ta’ kull Membru (WTO) ieħor (“mod 4” jew “preżenza ta’ persuni fiżiċi”).

    157.

    Għal kull subtaqsima tat-Taqsima E tal-Kapitolu Tmienja (“Qafas regolatorju”) il-Kummissjoni ssostni li hemm rabta biżżejjed mill-qrib mal-kummerċ internazzjonali.

    158.

    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali (Subtaqsima 1), il-Kummissjoni tistrieħ fuq paragun mad-dispożizzjonijiet tal-GATS u fuq għadd ta’ strumenti mhux vinkolanti adottati minn diversi korpi tad-WTO. Il-Kummissjoni tissottometti ulterjorment li l-Artikolu 8.16 tal-EUSFTA dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni minħabba li jiffaċilita l-aċċess għas-suq għal fornituri ta’ servizz barranin, u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li tali obbligi tal-GATS jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. L-Artikolu 8.17 tal-EUSFTA dwarit-trasparenza jistabbilixxi obbligi li huma komuni fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali u huma simili għal dawk li jirriżultaw mill-Artikoli III:1 u III:4 tal-GATS. Inċertezzi li jirrigwardaw miżuri applikabbli li jirregolaw azzjonijiet kummerċjali jistgħu jwasslu sabiex fornituri ta’ servizz jabbandunaw l-aċċess għal swieq barranin.

    159.

    Fir-rigward tar-regolamentazzjoni domestika (Subtaqsima 2), il-Kummissjoni tissottometti essenzjalment li din is-subtaqsima timponi kundizzjonijiet li jiżguraw li rekwiżiti u l-proċeduri ta’ liċenzjar u ta’ kwalifikazzjoni ma jfixklux il-kummerċ internazzjonali. L-għan tagħhom huwa simili għal dak tal-Artikolu VI:4 tal-GATS, li għandu l-għan li jiżgura li tali standards u proċeduri, anki jekk ma jkunux diskriminatorji, ma jikkostitwixxux barrieri bla bżonn għall-kummerċ ta’ servizzi. Barra minn dan, l-obbligu tal-Artikolu 8.19.3 tal-EUSFTA li jinżammu jew li jitwaqqfu tribunali jew proċeduri ġudizzjarji, arbitrali jew amministrattivi li jipprovdu għal stħarriġ ta’ deċiżjonijiet huwa simili għal dak li hemm fl-Artikolu VI:2(a) tal-GATS.

    160.

    Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar servizzi bil-kompjuter, servizzi postali, servizzi tat-telekomunikazzjoni u servizzi finanzjarji (Subtaqsimiet 3, 4, 5 u 6), li xi wħud minnhom jaffermaw mill-ġdid jew jibnu fuq impenji skont il-GATS, huma bl-istess mod fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE.

    161.

    It-Taqsima F l-iktar li għandha huma dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni. L-obbligu waħdieni sostantiv tagħha (li jinsab fl-Artikolu 8.58 tal-EUSFTA) jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ dazji doganali, li hija materja li b’mod ċar taqa’ fil-politika kummerċjali komuni.

    162.

    Il-Parlament u l-Kunsill ma għamlu ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja li ma jirrigwardawx it-trasport ( 111 ).

    163.

    L-Istati Membri jiffokaw b’mod partikolari fuq dispożizzjonijiet speċifiċi bħal dawk relatati mas-servizzi finanzjarji u r-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali.

    164.

    Għadd ta’ Stati Membri jissottomettu li s-Subtaqsima 6 dwar is-servizzi finanzjarji ma taqax kompletament fil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2014/65 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/65”) ( 112 ), li għandha tidħol fis-seħħ f’Jannar 2017, tarmonizza biss ċerti aspetti tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji u ta’ investiment minn ċittadini ta’ pajjiż terz.

    165.

    Regoli li japplikaw għar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali lanqas ma jaqgħu, skont dawn l-Istat Membri, fil-politika kummerċjali komuni. L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li materja jkollha impatt fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali esterni jew tkun irregolata mid-dritt ekonomiku internazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex hija tinġieb fil-politika kummerċjali komuni. It-tieni nett, id-Direttiva 2005/36 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ( 113 ) hija bla ħsara għall-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali miksuba barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, fil-qasam tat-trasport marittimu, ir-regoli komuni adottati, b’mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 96/50 (dwar il-kundizzjonijiet għall-akkwist taċ-ċertifikati nazzjonali tas-sidien tad-dgħajjes) u d-Direttiva 2008/106 (dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara) ( 114 ), jistabbilixxu biss regoli minimi li ma jistgħux jintlaqtu mill-Artikolu 8.16 tal-EUSFTA. It-tielet nett, il-Kummissjoni tonqos milli tqis il-fatt li l-GATS (b’mod partikolari l-Artikolu VII:1) ma jitlobx li Membri tad-WTO jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali ta’ pajjiżi terzi jew li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali f’dan ir-rigward.

    166.

    Barra minn dan, il-mod li bih għandha tinkiseb il-liberalizzazzjoni skont l-EUSFTA, b’mod partikolari fil-qasam ta’ stabbiliment, għandha jew tista’ tolqot is-saħħa u s-servizzi soċjali li għalihom l-Istati Membri jibqgħu kompetenti. Dan huwa inkompatibbli mal-Artikolu 207(6) TFUE. Il-Kummissjoni tissottometti wkoll b’mod żbaljat li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku għandhom biss dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni.

    167.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq l-Artikolu 216 TFUE sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ kompetenza kondiviża f’oqsma li jaqgħu barra mill-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma wrietx il-ħtieġa li l-EUSFTA jiġi konkluż sabiex jinkiseb wieħed mill-għanijiet li għalihom hemm riferiment fit-Trattati.

    Argumenti dwar it-trasport

    168.

    Il-Kummissjoni tittratta b’mod separat l-obbligi tal-Kapitolu Tmienja li għandhom rabta speċifikament mat-trasport (fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea fl-Anness 8-A u fis-Subtaqsima 7 tat-Taqsima E dwar servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali).

    169.

    Il-Kummissjoni tissottometti li, filwaqt li parti kunsiderevoli tal-kummerċ bejn Singapor u l-Unjoni Ewropea fil-ħames setturi tat-trasport koperti mill-EUSFTA (bl-ajru, bil-ferrovija, bit-triq, b’passaġġi tal-ilma interni u bil-baħar) tiġi pprovduta skont il-mod 3 (stabbiliment), id-dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ trasport ma jaqgħux fl-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Dan minħabba li stabbiliment fir-rigward ta’ servizzi ta’ trasport ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE [moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE], li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 207(5) TFUE, u ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma żżomm milli jiġu applikati għat-trasport id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Il-Kummissjoni hawnhekk tislet analoġija mad-distinzjoni bejn, minn naħa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport b’mod konformi mal-liġi sekondarja adottata skont it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE, li hija limitata għall-modi 1, 2 u 4, u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikoli 49 et seq TFUE.

    170.

    Fir-rigward ta’ impenji tal-EUSFTA li jaqgħu fl-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE, il-Kummissjoni tissottometti li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea tirriżulta mit-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Azzjoni esterna mill-Istati Membri jkollha r-riskju li tolqot ir-regoli komuni adottati fil-qasam tat-servizzi ta’ trasport, li huwa ġeneralment kopert mir-regoli komuni. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ma taqbilx u ssib li jkun meħtieġ jitqiesu l-impenji għal kull settur tat-trasport separatament, għall-inqas l-impenji tal-EUSFTA fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, tat-trasport ferrovjarju u tat-trasport bit-triq, kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti servizzi awżiljari, jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    171.

    Fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru, il-Kummissjoni tissottometti li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru li matulhom l-inġenji tal-ajru jiġu rtirati mis-servizz, fuq il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, u fuq sistemi ta’ riżerva kompjuterizzata (li għalihom japplikaw it-Taqsimiet B u C) hija bbażata parzjalment fuq l-Artikolu 207(1) TFUE u parzjalment fuq l-ewwel u t-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Għal servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 216/2008 ( 115 ) jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim mill-Unjoni Ewropea [l-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE]. Fir-rigward tal-bejgħ u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, il-Kummissjoni tissottometti li dawn bħala tali ma jinvolvux it-trasport ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri: għalhekk, huma jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni. Servizzi ta’ sistema ta’ riżerva kompjuterizzata japplikaw għalihom b’mod estensiv regoli komuni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 80/2009 ( 116 ) u, għalhekk, jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tielet raġuni abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE.

    172.

    Minħabba l-qagħda ġeografika tal-Unjoni Ewropea u ta’ Singapor, ir-rilevanza prattika tal-modi 1, 2 u 4 hija limitata.

    173.

    Għalhekk, speċifikament dwar it-trasport b’passaġġi tal-ilma interni, ma hemmx, fil-prattika, eżerċizzju ta’ kompetenza esterna permezz tal-EUSFTA.

    174.

    Fir-rigward tat-trasport ferrovjarju, l-Unjoni Ewropea ma aċċettat ebda impenn rigward il-mod 1 jew il-mod 4 u aċċettat impenji sħaħ biss fir-rigward tal-mod 2. F’kull każ, dawn huma anċillari għall-impenji tal-EUSFTA fil-qasam tat-trasport jew huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju minn sussidjarja ta’ kumpannija minn Singapor stabbilita fi Stat Membru lil Stat Membru ieħor (mod 3), id-Direttiva 2012/34 tawtorizza l-provvista libera ta’ servizzi fl-Unjoni minn operaturi stabbiliti fi Stat Membru, mingħajr ma tistipula rekwiżiti dwar nazzjonalità fir-rigward tas-sidien tas-sussidjarja ( 117 ). Għalhekk, din il-materja hija koperta b’regoli komuni.

    175.

    Fir-rigward tat-trasport bit-triq, l-Unjoni Ewropea aċċettat impenji limitati dwar trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija. Ma ttieħed l-ebda impenn dwar il-mod 1. Għall-kuntrarju, l-Unjoni Ewropea ħadet impenn sħiħ (mingħajr riżervi) dwar il-mod 2 u impenn, bla ħsara għal riżervi, dwar il-mod 4. Bl-istess mod bħat-trasport ferrovjarju, l-impenji li ttieħdu huma ta’ portata prattika limitata. F’kull każ, l-impenn speċifiku tal-mod 2 huwa anċillari għall-impenji l-oħra skont l-EUSFTA. Fir-rigward tal-provvista ta’ tali servizzi minn sussidjarja ta’ kumpannija minn Singapor stabbilita fi Stat Membru lil Stat Membru ieħor (mod 3), ir-Regolamenti Nri 1072/2009 ( 118 ) u 1073/2009 ( 119 ), moqrija flimkien mar-Regolament Nru 1071/2009 ( 120 ) jistabbilixxu regoli komuni li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ operaturi ta’ trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea. Minħabba li dawn ir-regolamenti japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tas-sidien tas-sussidjarja, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ trasport bit-triq minn kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea hija ġeneralment koperta minn regoli komuni. L-Unjoni Ewropea, għalhekk, għandha kompetenza esterna esklużiva korrispondenti skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħmel l-istess sottomissjonijiet fir-rigward tal-mod 4 b’rabta mat-trasport bit-triq bħalma tagħmel għat-trasport marittimu ( 121 ). Fil-prattika, kumpannija tat-trasport bit-triq minn Singapor tista’ tibgħat persunal ewlieni (wisq probabbli ħaddiema bi trasferiment intraazjendali ( 122 )) lill-istabbiliment maħluq fi Stat Membru. F’din is-sitwazzjoni d-Direttiva 2014/66 tkun tapplika għad-dħul u għar-residenza ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intraazjendali ( 123 ). F’kull każ, dawn l-impenji huma anċillari għall-impenn tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-provvista ta’ trasport bit-triq permezz tal-mod 3 (li fuqu l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva ( 124 )).

    176.

    Fir-rigward tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni tissottometti li hemm regoli komuni li jinsabu fir-Regolament Nru 4055/86 ( 125 ), li jkopri għall-inqas parti sinjifikattiva tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Istati Membri u Stati terzi. Huwa jkopri wkoll it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz (jiġifieri ċerti kumpanniji marittimi li jkunu stabbiliti f’pajjiżi terzi). B’differenza mir-regolamenti rilevanti dwar it-trasport bl-ajru, ir-Regolament Nru 4055/86 japplika għal ċerti kumpanniji marittimi ta’ pajjiżi terzi ( 126 ). Dan ir-regolament lanqas ma huwa limitat għal rotot ta’ tbaħħir interni tal-Unjoni. Barra minn dan, huwa japplika għall-provvista (transkonfinali) ta’ servizzi ta’ trasport marittimu minn sussidjarji ta’ kumpanniji ta’ Singapor stabbiliti fi Stat Membru minn dak l-Istat Membru għal Stat Membru ieħor.

    177.

    Fir-rigward tal-mod 4, il-Kummissjoni tissottometti li, fil-prattika, kumpannija tat-trasport marittimu minn Singapor tibgħat persunal ewlieni (wisq probabbli ħaddiema bi trasferiment intraazjendali) lill-istabbiliment maħluq fi Stat Membru. F’din is-sitwazzjoni d-Direttiva 2014/66 tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intraazjendali. F’kull każ, l-impenn tal-mod 4 huwa żieda meħtieġa għall-impenn tal-mod 3 li fuqu l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva ( 127 ).

    178.

    Il-Kummissjoni żżid li s-servizzi tal-port, li huma s-suġġett tal-Artikolu 8.56.6 tal-EUSFTA (parti mis-Subtaqsima 7), ma kinux illiberalizzati għal fornituri barranin ta’ dawn is-servizzi. Dan huwa hekk minħabba li l-Unjoni Ewropea ma aċċettatx impenji fl-Iskeda tagħha. L-Artikolu 8.56.6 tal-EUSFTA huwa biss elaborazzjoni ulterjuri tal-obbligu ta’ trattament nazzjonali fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, sa fejn dan huwa lliberalizzat.

    179.

    Fir-rigward tas-servizzi awżiljarji għat-trasport marittimu, għat-trasport b’passaġġi tal-ilma interni, għat-trasport ferrovjarju u għat-trasport bit-triq, il-Kummissjoni tissottometti li xi wħud minn dawn is-servizzi ma humiex servizzi ta’ trasport. Għalhekk huma jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa speċifikament il-każ għal servizzi ta’ rilaxx doganali. Fir-rigward tal-manutenzjoni u tat-tiswija ta’ tagħmir għal trasport marittimu, għal trasport b’passaġġi tal-ilma interni, għal trasport ferrovjarju u għal trasport bit-triq, il-Kummissjoni tissottometti li dawn is-servizzi huma koperti minn impenji tal-Unjoni Ewropea għal servizzi ta’ negozju. Għalhekk huma jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni.

    180.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li ċerti dispożizzjonijiet tal-EUSFTA relatati ma’ servizzi ta’ trasport ma jaqgħux fil-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tissottometti li dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu fil-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni Ewropea minħabba li, skont it-tieni raġuni abbażi tal-Artikolu 216(1) TFUE, dawn l-impenji internazzjonali huma meħtieġa sabiex jinkiseb għan tat-Trattati. Il-Kummissjoni tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-għan li jkunu stabbiliti regoli komuni għal servizzi ta’ trasport bejn l-Unjoni Ewropea u Stati terzi skont l-Artikolu 91(1) TFUE.

    181.

    Il-Parlament jissottometti li ċerti servizzi (bħal ħżin u magażinaġġ, spedizzjoni ta’ merkanzija, imbuttar u rmunkar) huma awżiljarji għal servizzi ta’ trasport marittimu u, għalhekk, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawn is-servizzi. Il-Parlament kompla jissottometti li impenji skont il-mod 4 (preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi) huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat dritt effettiv ta’ stabbiliment. Is-sistema legali tal-provvista ta’ servizzi skont il-mod 4 għandha, għalhekk, issegwi dik tal-mod 3 u, għaldaqstant, għandha wkoll taqa’ barra mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 207(5) TFUE. Jekk servizzi skont il-mod 4 ikollhom, madankollu, jitqiesu b’mod awtonomu, l-impenji korrispondenti xorta waħda jinqabdu mill-Artikolu 207(1) TFUE minħabba li l-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri, milli mid-dispożizzjonijiet dwar il-politika tat-trasport tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE. Fir-rigward tat-trasport marittimu, il-Parlament iżid li, bħala riżultat tar-Regolament Nru 4055/86, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq arranġamenti ta’ tqassim ta’ merkanzija.

    182.

    Il-Kunsill u ħafna Stati Membri jissottomettu li ma hemmx bażi għall-esklużjoni ta’ stabbiliment fil-qasam tat-trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. La d-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI dwar it-trasport u lanqas il-ġurisprudenza ma jissuġġerixxu li stabbiliment fil-qasam tat-trasport huwa għalkollox barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-Artikolu 58(1) TFUE ma jsostnix l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Filwaqt li huwa minnu li ma hemmx dispożizzjoni simili dwar id-dritt ta’ stabbiliment, lanqas ma hemm għal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema u għall-moviment liberu tal-kapital. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tkun qiegħda tillimita t-titolu dwar it-trasport għal materji relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’kull każ, l-Artikolu 58(1) TFUE ma jinsabx fit-titolu dwar it-trasport. Kien ikun inkonsistenti mal-istruttura tat-Trattati kieku dispożizzjoni li b’mod sinjifikattiv tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tat-titolu dwar it-trasport ma kinitx tinstab f’dak it-titolu stess. Il-Kunsill u ħafna Stati Membri jsemmu eżempji ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea bbażati fuq l-Artikolu 91(1) TFUE jew fuq l-Artikolu 100(2) TFUE u li jirrigwardaw il-libertà tal-istabbiliment jew il-moviment liberu tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport ( 128 ).

    183.

    Il-Kunsill jissottometti li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-materji relatati mat-trasport koperti mill-EUSFTA huwa wisq usa’ minn dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni. Il-Kunsill u ħafna Stati Membri jżidu li r-rilevanza prattika ta’ dispożizzjoni tal-EUSFTA (b’mod partikolari fir-rigward ta’ passaġġi tal-ilma interni, bil-ferrovija u bit-triq) ma tolqotx l-allokazzjoni tal-kompetenza esterna. Bl-istess mod, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ materja ma jisfax iktar limitat bħala riżultat ta’ riżervi magħmula mill-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju ta’ Stati Membri individwali ( 129 ) (pereżempju fir-rigward ta’ servizzi ta’ kiri u leasing mingħajr operaturi b’rabta ma’ bastimenti, inġenji tal-ajru u ma’ tagħmir ieħor ta’ trasport fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea, jew mal-manutenzjoni u t-tiswija ta’ bastimenti, ta’ tagħmir ta’ trasport ferrovjarju, ta’ vetturi bil-mutur, muturi, motoslitti u ta’ tagħmir ta’ trasport bit-triq u ta’ inġenji tal-ajru u ta’ partijiet tagħhom f’dik l-Iskeda).

    184.

    Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Kummissjoni ma wrietx li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha relatati mat-trasport tal-Kapitolu Tmienja. Oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, għalhekk, jinkludu: (i) servizzi awżiljarji għal trasport bit-triq, bil-ferrovija u b’passaġġi tal-ilma interni u ħafna mis-servizzi awżiljarji għal servizzi ta’ trasport marittimu; (ii) servizzi ta’ trasport marittimu sa fejn ikun jirrigwarda bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat terz, servizzi ta’ trasport marittimu pprovduti permezz tal-mod 3 u servizzi ta’ trasport marittimu pprovduti permezz tal-mod 4 fir-rigward ta’ bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali u viżitaturi ta’ negozju għal finijiet ta’ stabbiliment; (iii) servizzi ta’ trasport b’passaġġi tal-ilma interni; (iv) servizzi ta’ trasport ferrovjarju pprovduti permezz tal-mod 2 u manutenzjoni u tiswija ta’ tagħmir ta’ trasport urban u suburban bil-ferrovija; (v) servizzi ta’ trasport bit-triq ipprovduti permezz tal-mod 2 u dawk ipprovduti permezz tal-mod 4 fir-rigward ta’ bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali u viżitaturi ta’ negozju għal finijiet ta’ stabbiliment; u (vi) ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mal-interpretazzjoni stretta tal-Kummissjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE, partijiet tal-Kapitolu Tmienja f’kull każ ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    185.

    Il-Kunsill u ħafna Stati Membri wkoll jikkontendu li l-Kummissjoni ma tistax tiġbor flimkien il-materji kollha relatati mat-trasport fl-EUSFTA bħala “qasam” rilevanti wieħed sabiex tapplika t-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Il-Kunsill jissottometti li xi servizzi awżiljarji huma tant distinti li jifformaw qasam għalihom infushom. Għall-finijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-“oqsma” rilevanti għandhom ikunu ddefiniti b’referenza għal modi differenti ta’ trasport u ma humiex ġeneralment koperti minn regoli komuni.

    186.

    Għalhekk, fir-rigward tat-trasport marittimu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EUSFTA għandhom obbligi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86. Dan ir-regolament, għaldaqstant, għandu kamp ta’ applikazzjoni idjaq. Barra minn dan, b’differenza mill-EUSFTA, ir-Regolament Nru 4055/86 ma japplikax għall-modi kollha ta’ servizzi. L-imsemmi regolament ma jirrigwardax servizzi (awżiljari) tal-port jew servizzi awżiljarji oħra ta’ trasport marittimu imma biss it-trasport ta’ persuni u merkanzija.

    187.

    Fejn fil-fatt jappika r-Regolament, għandha ssir distinzjoni bejn arranġamenti ta’ tqassim ta’ merkanzija, li ġeneralment huma koperti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4055/86, u r-restrizzjonijiet l-oħra kollha għal-libertà tal-moviment ta’ servizzi fis-settur tat-trasport marittimu, li ġeneralment ma humiex koperti minn dan ir-regolament.

    188.

    Fir-rigward tat-trasport b’passaġġi tal-ilma interni, il-Kummissjoni ma identifikat ebda regoli komuni li jistgħu jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA. Kompetenza esklużiva skont it-tielet raġuni abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE ma tistax tiġi stabbilita f’dan il-qasam abbażi tar-Regolamenti tal-Kunsill Nru 3921/91 ( 130 ) jew Nru 1356/96 ( 131 ).

    189.

    Fir-rigward tat-trasport ferrovjarju, l-impenji fir-rigward tal-mod 3 skont l-EUSFTA jistgħu jolqtu d-Direttiva 2012/34 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea. Madankollu, din id-direttiva ma għandhiex regoli dwar il-mod 2.

    190.

    Fir-rigward tat-trasport bit-triq, il-Kummissjoni naqset milli turi xi regoli komuni li huma relatati mal-mod 2. Barra minn dan, fir-rigward tal-mod 4, id-Direttiva 2014/66 ma tapplikax għal impriza minn Singapor li għadha ma hijiex stabbilita fi Stat Membru. Regoli komuni jeżistu biss fir-rigward tal-mod 3. Dawn jinsabu, partikolarment, fir-Regolamenti Nri 1071/2009, 1072/2009 u 1073/2009, li ma jimponux kundizzjoni ta’ nazzjonalità sabiex jingħataw servizzi ta’ trasport bit-triq.

    191.

    Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, l-Unjoni Ewropea għandha, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, kompetenza esterna esklużiva fuq servizzi ta’ sistema ta’ riżerva kompjuterizzata bħala riżultat tar-Regolament Nru 80/2009. Madankollu, il-Kummissjoni hija żbaljata dwar servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru (dwar l-allegata bażi għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 216/2008) u dwar il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru [li, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma humiex koperti bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE]. Tali servizzi għandhom rabta li ma tistax tinħall mat-trasport u huma anki essenzjali sabiex jiġi pprovdut trasport.

    192.

    Fir-rigward tal-modi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport (pjuttost milli l-modi ta’ trasport), ma hemmx regoli komuni dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bil-mod 3 (stabbiliment). Lanqas l-adozzjoni ta’ tali regoli ma hija ppjanata fil-ġejjieni qarib. Il-mod 4 ma huwiex għalkollox kopert b’regoli komuni, partikolarment bid-Direttiva 2014/66. Din id-direttiva tapplika l-iktar għal trasferimenti intraazjendali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz bħal managers, speċjalisti jew impjegati apprendisti, imma mhux għal persunal ewlieni ieħor. Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz japplikaw bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli (a) tad-dritt tal-Unjoni, inklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali; u (b) ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn Stat Membru wieħed jew iktar u pajjiż terz wieħed jew iktar ( 132 ). Tali dispożizzjonijiet favorevoli jinsabu fl-EUSFTA, b’mod partikolari fl-Artikolu 8.14 moqri flimkien mal-Artikolu 8.13. Filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva impliċita fuq residenza għal żmien qasir (bħala riżultat tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarja dwar il-Viżi ( 133 )), l-Istati Membri jibqgħu kompetenti fir-rigward ta’ viżi fit-tul ħlief għal każijiet speċifiċi li għalihom japplikaw regoli komuni (bħal fil-każ ta’ trasferiment fi ħdan l-istess grupp).

    193.

    Barra minn dan, b’differenza mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jissottomettu li l-mod 4 huwa mod distint ta’ provvista ta’ servizzi. Il-mod 4 ma jistax jitqies bħala żieda meħtieġa għal stabbiliment (mod 3), li sikwit jinvolvi r-reklutaġġ ta’ persunal lokali.

    194.

    Fl-aħħar nett, ir-rikonoxximent tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja li jirrigwardaw il-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi jġib miegħu armonizzazzjoni u, għalhekk, ma jqisx la l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li tirriżulta mill-Protokoll 21, u lanqas l-Artikolu 207(6) TFUE.

    Analiżi

    Introduzzjoni

    195.

    Fl-Opinjoni 1/94, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li, fir-rigward ta’ kummerċ ta’ servizzi — minbarra t-trasport — irregolat mill-GATS, provvisti transkonfinali biss li ma jkunu jinvolvu ebda moviment ta’ persuni (“mod 1”) setgħu jiġu assimilati mal-kummerċ ta’ prodotti u, għalhekk, kienu jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni ( 134 ). Għall-kuntrarju, il-modi 2 sa 4 (jiġifieri, konsum barra mill-pajjiż, preżenza kummerċjali u preżenza ta’ persuni fiżiċi, rispettivament) jinvolvu movimenti ta’ persuni u jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ Stati Membri. Dawn il-modi, għalhekk, jibqgħu barra mill-politika kummerċjali komuni ( 135 ).

    196.

    It-Trattat ta’ Nizza mbagħad wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni sabiex ikunu koperti, b’mod partikolari, in-negozjazzjoni u l-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ servizzi, sa fejn dawn il-ftehimiet ma kinux għadhom koperti mill-politika kummerċjali komuni ( 136 ). Ma kienet saret ebda distinzjoni li kienet tiddependi mill-mod ta’ provvista. Madankollu, din il-kompetenza kienet suġġetta għal sett ta’ regoli kumplessi previsti fl-Artikolu 133(5) u (6) KE. Kien hemm eċċezzjoni li kienet tipprovdi li ftehimiet relatati mal-kummerċ ta’ servizzi f’ċerti setturi (servizzi kulturali, awdjoviżivi, edukattivi, setturi soċjali u tas-saħħa tal-bniedem) kellhom jibqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Komunità Ewropea (kif kienet tissejjaħ dak iż-żmien) u tal-Istati Membri ( 137 ). Bla ħsara għal dawn l-eċċezzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-Opinjoni 1/08 li l-Komunità kienet kisbet kompetenza esklużiva li tikkonkludi, b’mod partikolari, ftehimiet internazzjonali relatati mal-kummerċ ta’ servizzi pprovduti bil-modi 2 sa 4 ( 138 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet hekk mingħajr ma eżaminat fid-dettall it-tip ta’ obbligu meħud fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-modi ta’ provvista.

    197.

    Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 207(1) TFUE issa jkopri l-kummerċ ta’ servizzi skont l-erba’ modi rregolati bl-Artikolu I:2(a) sa (d) tal-GATS, minħabba li d-distinzjoni bejn il-kummerċ ta’ prodotti u ta’ servizzi issa tneħħiet. L-Artikolu 207 TFUE ma għad għandu ebda deroga (settorjali) mill-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, għalkemm tibqa’ tapplika l-eċċezzjoni ġenerali dwar it-trasport ( 139 ). Għalhekk, il-politika kummerċjali komuni issa tkopri l-GATS kollu sa fejn dan il-ftehim japplika għal servizzi oħra minbarra t-trasport.

    198.

    X’inhija l-pożizzjoni dwar il-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA?

    199.

    Sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-Kapitolu Tmienja u n-natura ta’ din il-kompetenza, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn dawk il-partijiet ta’ dan il-kapitolu li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni (Artikolu 207 TFUE) u dawk li jistgħu jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq bażi oħra. Dan huwa hekk minħabba li l-Artikolu 207(5) TFUE espressament jeskludi servizzi ta’ trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

    200.

    Għalhekk, ser nibda billi neżamina jekk il-Kapitolu Tmienja, sa fejn ma japplikax għal servizzi ta’ trasport, jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni. Imbagħad ser inqis separatament il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja li japplikaw għal servizzi ta’ trasport. F’dan il-kuntest jeħtieġ jitqiesu d-dispożizzjonijiet li espliċitament jindirizzaw jekk dan il-kapitolu japplikax jew le għal tali servizzi, id-dispożizzjonijiet ġeneralment applikabbli, id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw servizzi marittimi internazzjonali u l-impenji fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi għall-Unjoni Ewropea. Din l-Iskeda hija kkostitwita minn skedi separati għall-provvista transkonfinali ta’ servizzi, għal stabbiliment u għal persunal ewlieni u apprendisti gradwati u għal bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali. Dawn l-iskedi separati għandhom impenji, speċifiċi għal (sub)setturi, għat-trasport (b’mod partikolari trasport marittimu, trasport b’passaġġi tal-ilma interni, trasport ferrovjarju; trasport bit-triq; trasport bil-pipeline ta’ prodotti minbarra karburant) u servizzi awżiljarji għal dawk il-modi differenti ta’ trasport.

    Kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) TFUE

    201.

    It-Taqsimiet B sa D tal-Kapitolu Tmienja (provvista transkonfinali, konsum barra mill-pajjiż ( 140 ), stabbiliment u preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju) japplikaw għall-provvista ta’ servizzi li jikkorrispondu għall-modi 1 sa 4 skont il-GATS. Regoli relatati ma’ dawn il-modi ta’ provvista, għalhekk, jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(1) TFUE. L-istess japplika għall-obbligi orizzontali tat-Taqsima E (“Qafas regolatorju”), Subtaqsimiet 1 (“Dispożizzjonijiet ta’ Applikazzjoni Ġenerali”) u 2 (“Regolamentazzjoni Domestika”), u għall-obbligi speċifiċi għal settur fis-Subtaqsimiet 3 (“Servizzi tal-Kompjuter”), 4 (“Is-settur tal-posta”), 5 (“Servizzi tat-Telekomunikazzjoni”) u 6 (“Servizzi Finanzjarji”). Bl-istess mod, it-Taqsima F dwar “Kummerċ elettroniku” essenzjalment għandha l-għan li żżid l-opportunitajiet fil-kummerċ li jistgħu jirriżultaw mill-użu u mill-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku. It-Taqsima G tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet ikunu jistgħu jadottaw miżuri li altrimenti jkunu inkonsistenti mal-Kapitolu Tmienja, u tipprovdi għal eżami mill-ġdid ta’ dan il-kapitolu. Dawn it-taqsimiet, għalhekk, għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ u, għaldaqstant, jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea.

    202.

    Kwistjoni separata hija jekk it-Taqsima C (“Stabbiliment”, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi skont il-mod 3), tirrigwardax ukoll investiment barrani dirett. Il-Kummissjoni taċċetta li t-Taqsima C tal-Kapitolu Tmienja tista’ tapplika, skont l-Artikolu 8.8(d) tal-EUSFTA, għal forom ta’ stabbiliment maħluqa sabiex titwettaq attività ekonomika li ma tkunx tinvolvi (esklużivament) il-provvista ta’ servizzi. Dawn il-forom ta’ stabbiliment jistgħu, għalhekk, ma jkunux koperti mill-“kummerċ fis-servizzi” skont l-Artikolu 207(1) TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni tissottometti li, meta stabbiliment ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifika bħala “investiment barrani dirett”, huwa, madankollu, jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea. Ser nittratta din is-sottomissjoni fil-punt 326 iktar ’il quddiem.

    203.

    Wara dan, kif spjegajt ( 141 ), il-kummerċ ta’ servizzi pprovduti skont il-mod 4 (preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi) jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, suġġett biss għall-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Fuq din il-bażi, jiena ma naċċettax is-sottomissjonijiet magħmula minn xi Stati Membri b’rabta mal-Protokolli 21 u 22. Dawn il-protokolli ma jista’ jkollhom ebda effett fuq il-kwistjoni tal-bażi legali korretta għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi ftehim internazzjonali. Hija l-bażi legali għal miżura li tiddetermina l-protokolli li jkollhom jiġu applikati, u mhux bil-kontra ( 142 ). Iż-żewġ protokoll ikopru t-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE (“L-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja”). Ma hemm xejn li jissuġġerixxi li dan it-Titolu jista’ jkun parti mill-bażi legali tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-EUSFTA. Dan huwa hekk l-iktar minħabba l-Artikolu 8.1.4 tal-EUSFTA u minħabba l-fatt li l-mod 4 (kif kopert mill-EUSFTA) jirrigwarda l-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju.

    204.

    Bl-istess mod, ma nistax naqbel mas-sottomissjoni magħmula minn xi Stati Membri fir-rigward ta’ servizzi finanzjarji. Din is-sottomissjoni titlob li l-Unjoni Ewropea tkun adottat leġiżlazzjoni sekondarja sabiex qasam jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-politika kummerċjali komuni. Diġà spjegajt li la l-Artikolu 3(1)(e) TFUE u lanqas l-Artikolu 207(1) TFUE ma jissuġġetaw il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea għall-adozzjoni minn qabel ta’ regoli armonizzati jew ta’ regoli oħra li japplikaw għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u Stati terzi ( 143 ). F’dan il-kuntest, ma hemmx ħtieġa li wieħed jesplora l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65, li għaliha sar riferiment fis-seduta.

    205.

    Lanqas ma jiena konvinta li l-politika kummerċjali komuni ma tkoprix l-Artikolu 8.16 tal-EUSFTA dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali. Tali rikonoxximent reċiproku jista’ jkollu impatt dirett fuq il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-modi 3 u 4, minħabba li jiffaċilita l-moviment ta’ persuni sabiex jiġu pprovduti servizzi. Barra minn dan, l-Artikolu 8.16 tal-EUSFTA ma jarmonizzax ir-rekwiżiti ta’ kwalifika jew ta’ esperjenza professjonali, u lanqas ma jitlob jew jipprekludi li l-Partijiet jimponu tali rekwiżiti. Huwa għandu pjuttost l-għan li jħeġġeġ lill-partijiet jadottaw rakkomandazzjoni (u possibbilment jinnegozjaw ftehim) dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ rekwiżiti ta’ kwalifika jew ta’ esperjenza professjonali. Il-funzjoni tiegħu, għalhekk, tixbah lil dik tal-Artikolu VII tal-GATS.

    206.

    Fl-aħħar nett, kif diġà spjegajt ( 144 ), il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, li hija politika awtonoma, lanqas ma għandha tkun suġġetta għall-adozzjoni minn qabel ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni li tirregola s-suq intern jew a fortiori għall-kamp ta’ applikazzjoni u għall-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva 2005/36 ma tistax tibdel l-allokazzjoni ta’ kompetenzi li tirriżulta mill-Artikoli 3(1)(e) TFUE u 207(1) TFUE.

    207.

    Il-konklużjoni tiegħi hija, għalhekk, li, bla ħsara għall-eċċezzjoni dwar it-trasport tal-Artikolu 207(5) TFUE, it-Taqsimiet B sa G tal-Kapitolu Tmienja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(1) TFUE. Minn dan isegwi li t-Taqsima A, li tistabbilixxi l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, taqa’ wkoll fil-politika kummerċjali komuni (bla ħsara għall-istess eċċezzjoni).

    Materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni bħala riżultat tal-Artikolu 207(5) TFUE

    208.

    Regoli dwar it-trasport jaqgħu barra mill-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea bħala riżultat tal-Artikolu 207(5) TFUE. Sa fejn il-Kapitolu Tmienja japplika għal servizzi ta’ trasport, huwa, għalhekk, meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Unjoni Ewropea, madankollu, għandhiex kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE ( 145 ).

    209.

    L-osservazzjonijiet magħmula f’din il-proċedura juru li l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-esklużjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE jibqa’ inċert. L-Artikolu 207(5) TFUE jkopri stabbiliment fis-settur tat-trasport? U servizzi li jistgħu jiġu pprovduti b’rabta mas-settur tat-trasport biss jinqabdu wkoll minn din l-eċċezzjoni? Ser nindirizza kull domanda waħda wara l-oħra.

    210.

    Fir-rigward tal-ewwel domanda, ma ninterpretax l-Artikolu 207(5) TFUE bl-istess mod bħall-Kummissjoni.

    211.

    L-Artikolu 207(5) TFUE jqiegħed “ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport” lil hinn mill-politika kummerċjali komuni. Għalkemm din id-dispożizzjoni tgħid li tali ftehimiet huma bla ħsara għal, inter alia, it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE, dan ir-riferiment jirrigwarda l-effetti tal-eċċezzjoni iktar milli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Is-sottomissjonijiet tal-Kunsill u tal-Istati Membri fil-kuntest tat-trasport iffokaw essenzjalment fuq kwistjonijiet relatati mal-istabbiliment (mod 3).

    212.

    Minħabba li l-Artikolu 207(5) TFUE ma jiddistingwix bejn modi ta’ servizzi, ma narax għaliex għandi nqis li l-eċċezzjoni prevista fih ma tapplikax għal servizzi pprovduti skont il-mod 3. Dan huwa kkonfermat (għall-inqas b’implikazzjoni) mill-Opinjoni 1/08, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-aspett tat-trasport fil-ftehimiet inkwistjoni, li jkopru wkoll il-mod 3, jaqa’ fil-qasam tal-politika tat-trasport. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma għamlitx distinzjoni bejn il-modi differenti ta’ provvista meta applikat (dak li llum huwa) l-Artikolu 207(5) TFUE ( 146 ).

    213.

    F’kull każ, l-istabbiliment ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE dwar “Trasport”. Dan it-titolu japplika għall-modi kollha ta’ provvista sa fejn ikollhom x’jaqsmu servizzi ta’ trasport. Għalhekk, pereżempju, l-istabbiliment jista’ jkun kopert minn leġiżlazzjoni adottata skont l-Artikolu 91(1)(b) TFUE li tistabbilixxi kundizzjonijiet li fihom trasportaturi mhux residenti jkunu jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport fi Stat Membru.

    214.

    Huwa minnu li l-Artikolu 58(1) TFUE (parti mill-Kapitolu 3 tat-Titolu IV dwar servizzi) jgħid li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija rregolata mit-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE u li ma hemmx dispożizzjoni simili fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV dwar id-dritt ta’ stabbiliment. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 58(1) TFUE huwa inkluż fil-Kapitolu 3 (“Is-servizzi”) tat-Titolu IV tat-Trattat FUE minħabba li t-trasport huwa essenzjalment servizz. Minħabba li kien meħtieġ li jkun hemm sistema speċjali għat-trasport, li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi ta’ din il-fergħa ta’ attività ekonomika ( 147 ), servizzi ta’ trasport jissemmew b’mod speċifiku u jingħad espressament li huma rregolati mit-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE, u mhux mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat relatat mal-moviment liberu ta’ servizzi ( 148 ).

    215.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni simili għall-Artikolu 58(1) TFUE fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV dwar id-dritt ta’ stabbiliment ma jfissirx li l-istabbiliment huwa eskluż bħala tali mit-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE. Tali nuqqas ifisser biss li l-istabbiliment fis-settur tat-trasport ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IV. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li dan il-kapitolu japplika direttament għat-trasport, għall-inqas sa fejn ma japplikawx regoli speċifiċi adottati abbażi tat-Titolu VI tat-Tielet Parti ( 149 ).

    216.

    Ngħaddi issa għad-domanda dwar jekk servizzi pprovduti b’rabta mas-settur tat-trasport jinqabdux mill-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Ir-risposta għal din id-domanda tinvolvi t-teħid ta’ pożizzjoni dwar jekk il-grad ta’ rabta bejn is-servizz u t-trasport għandux jilħaq ċertu livell minimu sabiex tapplika l-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni ta’ jekk servizzi bħall-immaniġġar tal-merkanzija, rilaxx doganali, aġenzija marittima, kiri ta’ bastimenti b’ekwipaġġ u bejgħ u kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru jaqgħux fil-politika kummerċjali komuni jew fil-politika komuni tat-trasport.

    217.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-espressjoni “ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport” tkopri ftehimiet (jew partijiet minnhom) li japplikaw mhux biss għal servizzi ta’ trasport bħala tali (jiġifieri s-servizz ta’ trasport ta’ merkanzija jew ta’ persuni bl-ajru, bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar jew b’passaġġi tal-ilma interni) imma wkoll għal servizzi li jkollhom rabta inerenti u li ma tistax tinħall ma’ tali servizzi, jiġifieri, servizzi li jkunu kemm speċifikament marbuta mas-servizz tat-trasport u kemm kundizzjonali għal tali servizz ( 150 ).

    218.

    Il-koerenza ta’ azzjoni esterna fit-trasport teżiġi li s-servizz tat-trasport innifsu u s-servizz awżiljarju għalih ikunu jagħmlu parti mill-istess politika komuni. Il-koerenza tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar servizzi ta’ trasport bħala tali u l-liberalizzazzjoni adatta ta’ dawn is-servizzi tista’ tiddgħajjef fin-nuqqas ta’ politika korrispondenti dwar servizzi li jkollhom rabta inerenti mat-trasport u li fil-prattika jagħmluha possibbli li jitwassal servizz ta’ trasport. Hekk, pereżempju, it-trasport ta’ merkanzija f’kontejners bil-vapur ma jservi għal xejn jekk ma jkunx hemm servizzi disponibbli għall-ħatt tal-kontejners minn fuq il-vapur sabiex il-kontenut tagħhom ikun jista’ jkompli jinġarr u eventwalment jitwassal lid-destinatarji. Miżuri li jilliberalizzaw l-aċċess għal portijiet minn bastimenti tal-merkanzija jistgħu, għalhekk, ikunu f’perikolu jekk, pereżempju, is-servizzi tal-immaniġġar tal-merkanzija jibqgħu suġġetti għal miżuri protezzjonisti. L-istess jista’ jingħad, pereżempju, dwar il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tagħmir tat-trasport, li wieħed jista’ jassumi jkun jeħtiġilhom tagħrif espert u għodda teknika speċifika għall-mod ta’ trasport inkwistjoni u li jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat li dan it-trasport ikun effettiv. Bl-istess mod, sistemi ta’ riżerva kompjuterizzati huma sistemi kompjuterizzati li fihom tinġabar data li ssir disponibbli għall-pubbliku sabiex jiġu rriżervati u eventwalment jinxtraw (b’mod partikolari) servizzi ta’ trasport. Il-fatt li tali sistemi jistgħu wkoll jintużaw sabiex tiġi rriżervata u tinxtara akkomodazzjoni għall-vjaġġaturi ma jbiddilx il-fatt li r-raġuni primarja għaliex tali sistemi jeżistu hija sabiex jinbiegħu servizzi ta’ trasport. Insib sostenn għal din l-interpretazzjoni fl-Opinjoni 1/08, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet “ċerti servizzi ta’ trasport bl-ajru” koperti mill-iskeda inkwistjoni f’dik il-proċedura bħala li jinkludu “servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ ajruplani, il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport jew anki servizzi ta’ sistemi ta’ reżervazzjoni kompjuterizzat[i]” ( 151 ).

    219.

    Min-naħa l-oħra, servizzi li ma jkollhomx rabta inerenti u li ma tistax tinħall ma’ servizzi ta’ trasport, bħal servizzi ta’ rilaxx doganali, ma jinqabdux mill-eċċezzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE. Tali servizzi jiġu pprovduti minħabba l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija. Dan ċertament jinvolvi moviment ta’ merkanzija bejn il-fruntieri, bl-użu ta’ forom differenti ta’ trasport. Madankollu, il-ħtieġa li jkun hemm tali servizzi tqum indipendentement mill-modi ta’ trasport użati.

    Kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE

    220.

    Għal materji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE u, għalhekk, fil-qasam tat-trasport, kompetenzi jinqasmu, bħala prinċipju, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ( 152 ). Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva abbażi jew tal-ewwel jew tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, skont is-servizz ta’ trasport ikkonċernat.

    – L-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE

    221.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 216/2008 jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim sa fejn dan ikun jikkonċerna s-servizz ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ta’ inġenji tal-ajru.

    222.

    Jiena ma naqbilx.

    223.

    Ir-Regolament Nru 216/2008 joħloq Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u jistabbilixxi qafas xieraq u komprensiv għad-definizzjoni u għat-twettiq ta’ rekwiżiti tekniċi komuni u ta’ proċeduri amministrattivi komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u għas-sikurezza ta’ inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Unjoni ( 153 ). Dan japplika, inter alia, għall-manutenzjoni u għat-tħaddim ta’ prodotti (li għalhekk jinkludi inġenji tal-ajru ( 154 )), partijiet u tagħmir aeronawtiċi ( 155 ).

    224.

    Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 216/2008, l-Unjoni Ewropea għandha tikkonkludi ftehimiet ta’ rikonoxximent ma’ pajjiżi terzi li jirrigwardaw l-użu ta’ ċertifikati maħruġa minn awtoritajiet aeronawtiċi ta’ dawk il-pajjiżi li jiċċertifikaw konformità mar-rekwiżiti ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. Din id-dispożizzjoni, flimkien mat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, toffri bażi għall-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi, mingħajr l-Istati Membri tagħha, ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi li jkunu jikkonċernaw ir-rikonoxximent ta’ tali ċertifikati. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma toħloqx kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni sabiex din tikkonkludi ftehimiet internazzjonali intiżi sabiex jiġi lliberalizzat il-kummerċ ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ta’ inġenji tal-ajru. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-leġiżlatur iddeċieda li l-Istati Membri ma għandhomx jikkonkludu l-ftehimiet internazzjonali tagħhom stess fir-rigward ta’ aspett partikolari ta’ politika ma jfissirx li l-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE tista’ mbagħad tintuża sabiex tiġi invokata kompetenza esterna esklużiva fuq il-politika kollha jew fuq aspetti oħra ta’ din il-politika.

    – It-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE

    225.

    L-ewwel stadju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE jinvolvi d-definizzjoni tal-qasam ikkonċernat ( 156 ). Hemm nuqqas ta’ qbil fost il-partijiet dwar x’jikkostitwixxi l-qasam rilevanti għal eżami dwar jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva fir-rigward tal-EUSFTA sa fejn dan japplika għal servizzi ta’ trasport.

    226.

    Meta ma ħadet l-ebda impenn jew meta ħadet biss impenji limitati ħafna fir-rigward ta’ ċerti modi ta’ provvista għal ċerti modi ta’ trasport fil-Kapitolu Tmienja, l-Unjoni Ewropea għażlet li teżerċita l-kompetenza tagħha b’mod partikolari. F’ċirkustanzi bħal dawn, bażi legali għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza esterna għandha tinstab fit-Trattati. Pereżempju, mill-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi mehmuża mal-Kapitolu Tmienja jidher li l-Unjoni Ewropea ma hijiex qiegħda tieħu impenji fir-rigward tal-mod 1 għal servizzi ta’ trasport ferrovjarju ( 157 ). Hija għażlet, għalhekk, li ma taċċettax obbligi. Il-preżunzjoni hija li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza tagħmel għażla bħal din. Din il-kompetenza titlob bażi legali fit-Trattati. L-istess raġunament japplika għal impenji li jistgħu jkunu ta’ rilevanza prattika limitata (pereżempju, minħabba d-distanza ġeografika bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor). Meta tiġi eżerċitata kompetenza, japplikaw ir-regoli rilevanti tat-Trattat dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi esterni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Għalhekk naqbel mal-Kunsill li din l-allokazzjoni ma tistax tkun differenti skont is-sitwazzjoni ġeografika tal-partijiet terzi li magħhom l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ftehim internazzjonali partikolari.

    227.

    Għall-kuntrarju, l-għażliet li jsiru fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi, kif ukoll l-effetti prattiċi ta’ dawn l-għażliet, jista’ jkollhom impatt fuq jekk il-ftehim internazzjonali jolqotx regoli komuni jew jibdilx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-aħħar stadju fl-analiżi skont ERTA jitlob, kif spjegajt, li jiġu eżaminati speċifikament il-konsegwenzi ta’ impenji internazzjonali fuq il-liġi sekondarja tal-Unjoni fil-qasam korrispondenti ( 158 ).

    228.

    L-impenji orizzontali tal-Kapitolu Tmienja, u kemm l-impenji orizzontali, kif ukoll dawk speċifiċi għal settur, fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi, mehmuża ma’ dak il-kapitolu, juru li l-EUSFTA jilliberalizza l-kummerċ fis-servizzi tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor abbażi tal-mod rilevanti ta’ trasport. Għalhekk, filwaqt li l-impenji orizzontali japplikaw, bħala prinċipju, għas-servizzi kollha ta’ trasport (ħlief għal parti kbira tas-servizzi tat-trasport bl-ajru), prinċipji speċifiċi japplikaw għal-liberalizzazzjoni tat-trasport marittimu internazzjonali. Barra minn dan, l-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi (Appendiċi 8-A-1) għall-mod 1 (provvista transkonfinali) tiddistingwi fl-intestatura 11 (“Servizzi ta’ trasport’) bejn impenji għal trasport marittimu (Taqsima 11.A); trasport b’passaġġi tal-ilma interni (Taqsima 11.B); trasport ferrovjarju (Taqsima 11.C); trasport bit-triq (Taqsima 11.D); u trasport bil-pipeline ta’ prodotti oħra minbarra fjuwil (Taqsima 11.E). Impenji speċifiċi huma elenkati taħt l-intestatura 12 (“Servizzi awżiljari għat-trasport”) għal servizzi awżiljarji li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ trasport. L-istess distinzjonijiet jidhru fl-Appendiċi 8-A-2 dwar il-mod 3 (stabbiliment) u fl-Appendiċi 8-A-3 dwar il-mod 4 (persunal ewlieni u apprendisti gradwati, u bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali) ( 159 ). Il-grad ta’ impenn jiddependi minn jekk l-Iskeda tużax l-espressjoni “ebda impenn” (jiġifieri ma jkun ittieħed ebda impenn għas-servizzi kollha konċernati jew għal xi wħud minnhom) jew “xejn” (li jfisser li jkunu ttieħdu l-impenji sħaħ) jew jekk tispeċifikax it-termini ta’ impenn partikolari (pereżempju, tkun għadha tista’ tiġi applikata kundizzjoni dwar in-nazzjonalità).

    229.

    Dan huwa konsistenti mal-fatt li, kif turi l-liġi sekondarja tal-Unjoni li timplementa l-politika komuni tat-trasport tal-Unjoni ( 160 ), kull mod ta’ trasport (bl-ajru, bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar u b’passaġġi tal-ilma interni) ( 161 ) għandu karatteristiċi li l-parti l-kbira tagħhom huma speċifiċi għalih u li, għalhekk, jeħtieġu l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi, inkluż bl-għan li jkunu lliberalizzati.

    230.

    Minn dan isegwi li l-oqsma rilevanti għall-finijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE f’din il-proċedura jikkorrispondu għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport b’kull mod ta’ trasport, jiġifieri, trasport bl-ajru, trasport bit-triq, trasport ferrovjarju, trasport marittimu u trasport b’passaġġi tal-ilma interni ( 162 ). Kull qasam jinkludi servizzi li għandhom rabta inerenti mas-servizzi ta’ trasport inkwistjoni. Dawn is-servizzi ma jistgħux ikollhom rabta inerenti ma’ mod ta’ trasport u fl-istess waqt jikkostitwixxu qasam separat għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE (minħabba li huma distinti minn servizzi oħra).

    231.

    Issa ser neżamina jekk dawn l-oqsma humiex “ġeneralment koperti” minn regoli komuni qabel ma neżamina x’impatt jista’ jkollha l-konklużjoni tal-EUSFTA fuq dawn ir-regoli.

    232.

    Fir-rigward tat-trasport marittimu, ma naċċettax is-sottomissjoni li l-fatt li r-Regolament Nru 4055/86 ma jikkonċernax (primarjament) il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni Ewropea huwa biżżejjed sabiex jeskludi l-kompetenza esterna esklużiva abbażi tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    233.

    Huwa minnu li r-Regolament Nru 4055/86 japplika għal “servizzi ta’ tbaħħir intra-Komunitarji” (iddefiniti bħala t-“trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn kwalunkwe port ta’ Stat Membru u kwalunkwe port jew l-istallazzjoni lil hinn mill-kosta ta’ Stat Membru ieħor”) u għal “traffiku lejn pajjiżi terzi” (iddefinit bħala t-“trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn il-portijiet ta’ Stat Membru u l-portijiet jew l-istallazzjoni lil hinn mill-kosta ta’ [Stat terz]”) ( 163 ). Peress li essenzjalment ifittex li jimplementa r-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ġurisprudenza relatata ( 164 ), dan ir-regolament japplika biss jew għal (i) ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li għaliha s-servizzi jkunu intiżi [Artikolu 1(1)] jew għal (ii) ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea u kumpanniji marittimi stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea iżda kkontrollati minn ċittadini tal-Unjoni, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni tiegħu [Artikolu 1(2)] ( 165 ). Għall-kuntrarju tal-EUSFTA, ir-Regolament Nru 4055/86, għalhekk, ma huwiex dwar l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew minn kumpanniji marittimi stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea u kkontrollati minn ċittadini ta’ pajjiż terz, jew meta l-vapuri jkunu rreġistrati fi Stat terz, ħlief meta s-servizzi jiġu pprovduti minn ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak tal-persuna li għaliha s-servizzi jkunu intiżi ( 166 ).

    234.

    Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 4055/86 japplikax jew le għal sitwazzjonijiet li ma jkollhomx element tal-Unjoni (u, għalhekk, dimensjoni esterna) ma hijiex rilevanti sabiex issir analiżi skont is-sentenza ERTA. Impenn internazzjonali jista’ perfettament jaffettwa jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regoli li japplikaw għal sitwazzjonijiet “intra-Unjoni” biss. L-Opinjoni 1/03 toffri eżempju ta’ dan ( 167 ). Il-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida li kienet is-suġġett tat-talba għal opinjoni f’dik il-proċedura kellha l-għan li testendi għal Stati mhux Membri r-regoli komuni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 ( 168 ). Filwaqt li dawn ir-regoli komuni ma kinux intiżi sabiex jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati fi Stati mhux Membri u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija minn dawn il-qrati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida kienet ser taffettwa l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tas-sistema maħluqa mir-Regolament Nru 44/2001 ( 169 ).

    235.

    Ir-Regolament Nru 4055/86 ġeneralment ikopri l-qasam tas-servizzi ta’ trasport marittimu?

    236.

    Għat-trasport marittimu, l-Unjoni Ewropea taċċetta fil-Kapitolu Tmienja, flimkien mal-obbligi orizzontali stabbiliti f’dan il-kapitolu, impenji sħaħ fir-rigward tal-modi 1 u 2, ċerti impenji fir-rigward tal-mod 3 u impenji limitati fir-rigward tal-mod 4 ( 170 ). Fir-rigward ta’ servizzi awżiljarji ta’ trasport marittimu, impenji fir-rigward tal-modi 1 u 3 jiddependu mill-Istat Membru inkwistjoni u mit-tip ta’ servizzi awżiljari, u impenji sħaħ fir-rigward tal-mod 2 kienu aċċettati. Ftit Stati Membri aċċettaw impenji limitati fir-rigward tal-mod 4.

    237.

    Ċertament ir-Regolament Nru 4055/86 u l-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA għandhom partijiet komuni. L-għan ta’ dan ir-regolament huwa, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, li jiġu applikati r-regoli tat-Trattat li jirregolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport marittimu bejn Stati Membri ( 171 ). Għaldaqstant, dan ir-regolament jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-effett tagħha jkun li l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri ssir iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament domestiċi ġewwa Stat Membru, sakemm dik il-leġiżlazzjoni ma tkunx iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u l-miżuri maħruġa minnha jkunu meħtieġa u proporzjonati ( 172 ). Bħall-EUSFTA, ir-Regolament Nru 4055/86, għalhekk, għandu l-għan li jilliberalizza l-provvista transkonfinali tas-servizzi tat-trasport marittimu (jiġifieri l-provvista ta’ dawn is-servizzi skont il-modi 1 u 2). Barra minn dan, kemm l-EUSFTA kif ukoll dan ir-regolament għandhom regoli speċifiċi dwar arranġamenti ta’ tqassim ta’ merkanzija fi ftehimiet bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi ( 173 ).

    238.

    Madankollu, il-fatt li hemm dawn ir-regoli tar-Regolament Nru 4055/86 ma huwiex biżżejjed sabiex iwassal għall-konklużjoni li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport marittimu hija ġeneralment koperta b’regoli komuni.

    239.

    L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 4055/86 jirrigwarda biss il-kummerċ transkonfinali f’servizzi marittimi (modi 1 u 2). Huwa ma jilliberalizzax il-provvista ta’ servizzi skont il-mod 3, jiġifieri stabbiliment. Dan jista’ jkun minħabba li t-trasport marittimu (bħal modi oħra ta’ trasport) diġà huwa rregolat, fl-Unjoni Ewropea, mir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment previsti fl-Artikoli 49 sa 55 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx esklużjoni li tista’ titqabbel ma’ dik li l-Artikolu 58 TFUE jistabbilixxi fir-rigward ta’ servizzi ( 174 ). Għalhekk, il-mod 3 fit-trasport marittimu huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, kif ser nispjega fil-kuntest ta’ investiment f’portafoll, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala “regoli komuni” għall-finijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE ( 175 ). Barra minn dan, filwaqt li l-Artikolu 50(1) TFUE joffri bażi legali għall-adozzjoni ta’ regoli komuni intiżi “[s]abiex tinkiseb il-libertà ta’ l-istabbiliment għal xi attività speċifika”, ebda waħda mill-partijiet f’din il-proċedura ma ssuġġerixxiet li din id-dispożizzjoni kienet intużat fis-settur tat-trasport marittimu ( 176 ).

    240.

    It-tieni nett, fir-rigward tal-mod 4, il-Kummissjoni sewwa tissottometti li regoli komuni huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/66. Madankollu, din id-direttiva tapplika speċifikament fil-kuntest ta’ trasferiment intraazjendali ta’ managers, speċjalisti jew impjegati apprendisti ( 177 ). Kif juri l-Artikolu 8.13.2 tal-EUSFTA, it-Taqsima D tal-Kapitolu Tmienja għandha portata ta’ applikazzjoni sinjifikattivament usa’, li tkopri, kif fil-fatt tagħmel, mhux biss trasferimenti intraazjendali ta’ persunal, imma wkoll forom oħra ta’ “preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal finijiet ta’ negozju”. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8.13(2)(a) tal-EUSFTA jindika li persunal ewlieni jinkludi, minbarra “ħaddiema bi trasferiment intraazjendali”, “viżitaturi ta’ negozju għal finijiet ta’ stabbiliment”. Bl-istess mod, din it-taqsima tapplika għal “bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali”, iddefiniti bħala “persuni fiżiċi li jkunu rappreżentanti ta’ fornitur ta’ servizz ta’ Parti li jkunu qegħdin ifittxu dħul temporanju fit-territorju tal-Parti l-oħra sabiex jinnegozjaw il-bejgħ ta’ servizzi jew jidħlu fi ftehimiet sabiex ibiegħu servizzi għal dak il-fornitur ta’ servizz”. Għal darba oħra, il-provvista ta’ servizzi ma tinvolvi ebda “trasferiment intraazjendali” ta’ ħaddiema.

    241.

    Jiena, għalhekk, nikkonkludi li l-qasam tal-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport marittimu għadu ma huwiex ġeneralment kopert minn regoli komuni u li, bħala konsegwenza, ma tistax tiġi stabbilita kompetenza esterna esklużiva fuq dan il-qasam skont it-tifsira tat-tielet raġuni tal-Artikolu 3(2) TFUE.

    242.

    Madankollu, naċċetta li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza kondiviża li tikkonkludi ftehim internazzjonali li jkollu l-għan li jilliberalizza s-servizzi ta’ trasport marittimu.

    243.

    Fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar servizzi ta’ trasport marittimu jistgħu jitqiesu bħala meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE dwar il-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea [it-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE]. Politika komuni tat-trasport titlob, inter alia, l-adozzjoni ta’ regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar [Artikolu 91(1)(a) TFUE]. Dan jinkludi t-trasport ferrovjarju, bit-triq, b’passaġġi tal-ilma interni, bil-baħar u bl-ajru (Artikolu 100 TFUE). Korollarju meħtieġ huwa l-kompetenza għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali sabiex jinkisbu l-impenji reċiproċi mill-pajjiżi terzi li minnhom jibda t-trasport jew li fihom jasal. Għalhekk inqis li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom kompetenza kondiviża fuq dawn id-dispożizzjonijiet, skont l-Artikolu 4(2)(g) TFUE (“trasport”) u skont it-tieni raġuni tal-Artikolu 216(1) TFUE, flimkien mal-Artikoli 91 u 100(2) TFUE.

    244.

    Issa ngħaddi għat-trasport b’passaġġi tal-ilma interni. Flimkien mal-obbligi orizzontali stabbiliti fil-Kapitolu Tmienja, l-Unjoni Ewropea taċċetta impenji limitati skont dan il-kapitolu fil-modi 1 u 2, flimkien mal-mod 3 (skont l-Istat Membru kkonċernat). Ma sarux impenji skont il-mod 4. Fir-rigward ta’ servizzi awżiljarji b’passaġġi tal-ilma interni (bħal servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ merkanzija jew servizzi ta’ ħżin u magażinaġġ), l-impenji aċċettati fir-rigward tal-modi 1, 2 u 3 jiddependu mill-Istat Membru inkwistjoni u mit-tip ta’ servizzi awżiljari.

    245.

    Diġà spjegajt għaliex ma naqbilx mas-sottomissjoni tal-Kummissjoni li, minħabba r-rilevanza prattika limitata ta’ ċerti servizzi, l-Unjoni Ewropea essenzjalment ma tiħux impenji u fil-prattika ma teżerċitax kompetenzi permezz tal-EUSFTA ( 178 ). Barra minn dan, il-Kummissjoni ma ressqet xejn li juri li l-kundizzjonijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE huma ssodisfatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx ħtieġa li wieħed jesplora iktar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja sa fejn dawn japplikaw għat-trasport b’passaġġi tal-ilma interni. L-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esterna esklużiva fir-rigward ta’ trasport bħal dan skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    246.

    Madankollu, bħal fil-każ tat-trasport marittimu ( 179 ), id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar trasport b’passaġġi tal-ilma interni jistgħu jitqiesu bħala meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE [it-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE], u għalhekk jaqgħu, għall-istess raġunijiet, fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 4(2)(g) u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE, flimkien mal-Artikoli 91 u 100(1) TFUE.

    247.

    Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, minbarra l-obbligi orizzontali stabbiliti fil-Kapitolu Tmienja, l-Unjoni Ewropea taċċetta impenji sħaħ fil-modi 1 u 2, għalkemm dawn l-impenji huma limitati għal (i) servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru li matulhom l-inġenji tal-ajru jiġu rtirati mis-servizzi ta’ trasport; (ii) il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru; u (iii) servizzi ta’ sistema ta’ riżerva kompjuterizzata. L-Unjoni Ewropea, barra minn dan, taċċetta xi impenji fil-mod 3 u impenji limitati fil-mod 4 (tista’ tiġi applikata kundizzjoni ta’ nazzjonalità) għal servizzi ta’ trasport internazzjonali bl-ajru.

    248.

    Jiena diġà ma aċċettajtx il-pretensjoni tal-Kummissjoni għal kompetenza esklużiva tal-Unjoni fuq servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru abbażi tal-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE ( 180 ).

    249.

    Minn dan isegwi li l-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva fuq it-trasport bl-ajru tiddependi minn jekk il-kundizzjonijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE humiex issodisfatti.

    250.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ma wrietx li huma ssodisfatti. Is-sottomissjonijiet tagħha dwar servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru huma limitati għall-ewwel raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Il-pożizzjoni tagħha dwar il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru hija li dawn jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni. L-uniku tip ta’ servizz ta’ trasport minn ajruport li dwaru l-Kummissjoni ppreżentat analiżi skont is-sentenza ERTA huwa dak ta’ servizzi ta’ sistema ta’ riżerva kompjuterizzata. Huwa stabbilit li r-Regolament Nru 80/2009 jistabbilixxi regoli komuni li japplikaw għal kull sistema kompjuterizzata ta’ riżerva sa fejn din tinkludi prodotti ta’ trasport bl-ajru offruti għall-użu jew użati fl-Unjoni. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, bħala riżultat tal-predeċessur ta’ dan ir-regolament [ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ( 181 )], l-Unjoni Ewropea kisbet kompetenza esklużiva li tidħol għal ftehimiet internazzjonali relatati ma’ sistemi kompjuterizzati ta’ riżerva offruti għall-użu jew użati fit-territorju tagħha ( 182 ). Madankollu, dan biss ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru hija qasam ġeneralment kopert minn regoli komuni. L-Unjoni Ewropea, għalhekk, ma għandhiex kompetenza esterna esklużiva fuq dan il-qasam.

    251.

    Id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar servizzi ta’ trasport bl-ajru jistgħu madankollu jitqiesu bħala meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-TFUE [it-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE], għal raġunijiet li huma simili għal dawk li japplikaw għat-trasport marittimu u għat-trasport b’passaġġi tal-ilma interni ( 183 ). Għalhekk, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom kompetenza kondiviża fuq dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 4(2)(g) TFUE u t-tieni raġuni abbażi tal-Artikolu 216(1) TFUE, flimkien mal-Artikoli 91 u 100(2) TFUE.

    252.

    Ngħaddi issa għat-trasport ferrovjarju fejn, minbarra l-obbligi orizzontali stabbiliti fil-Kapitolu Tmienja, l-Unjoni Ewropea ma aċċettatx impenji fir-rigward tal-mod 1 u aċċettat impenji sħaħ fir-rigward tal-mod 2. Ittieħdu impenji sħaħ għall-parti l-kbira tal-Istati Membri b’rabta mal-mod 3, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-użu tad-dominju pubbliku għal monopolji pubbliċi jew għal drittijiet esklużivi mogħtija lil operaturi privati. Ma tapplika ebda riżerva fir-rigward tal-mod 4 ( 184 ). Għal servizzi awżiljarji ta’ trasport ferrovjarju, impenji fir-rigward tal-modi 1 u 3 jiddependu mill-Istat Membru kkonċernat u mit-tip ta’ servizz awżiljarju. Ġew aċċettati impenji sħaħ fir-rigward tal-mod 2.

    253.

    Ma naċċettax is-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-Opinjoni 1/94 u l-Kawża C-268/94, Il-Portugall vs Il-Kunsill ( 185 ), joffru sostenn sabiex wieħed jikkonkludi li l-impenji tal-EUSFTA dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bil-ferrovija skont il-mod 2 huma ta’ “portata limitata ħafna” u, għalhekk, anċillari għall-impenji fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni (li fuqha l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva). Fil-parti rilevanti tal-Opinjoni 1/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet ftehim internazzjonali “tat-tip u tal-portata ta’ TRIPS”, li ma setax jitqies bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, minn ftehimiet dwar kummerċ li jittrattaw drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod purament inċidentali ( 186 ). Dik il-parti tal-Opinjoni 1/94, għalhekk, tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet li għandhom (dak li llum huwa) l-Artikolu 207(1) TFUE bħala l-bażi legali tagħhom. Hija ma jkollhiex rilevanza meta, bħal fil-proċedura tal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun meħtieġa taċċerta jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esterna esklużiva abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE fir-rigward ta’ qasam (hawnhekk it-trasport ferrovjarju) li jkun jaqa’ barra mill-politika kummerċjali komuni. L-istess raġunament japplika għas-sentenza fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kunsill ( 187 ).

    254.

    Issa ngħaddi għall-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2012/34 ġeneralment tkoprix il-qasam tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea.

    255.

    Id-Direttiva 2012/34, li tapplika għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja għal servizzi bil-ferrovija domestiċi u internazzjonali ( 188 ), għandha l-għan li tissuġġetta s-settur tal-ferroviji għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-settur ( 189 ). Għaldaqstant, id-Direttiva 2012/34 tirregola l-aċċess minn impriża ferrovjarja għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha (inkluż Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih dik l-impriża tkun stabbilita), sabiex topera servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija jew servizzi internazzjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri ( 190 ). Għalhekk hija tkopri l-provvista ta’ servizzi transkonfinali ta’ trasport ferrovjarju (modi 1 u 2) fl-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, id-Direttiva tistabbilixxi regoli sostantivi u proċedurali dwar il-kundizzjonijiet li fihom impriża ferrovjarja tkun tista’ tikseb liċenzja li biha tkun tista’ tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea, inkluż mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Dawn il-kundizzjonijiet huma relatati, b’mod partikolari, mar-reputazzjoni tajba, mal-qagħda finanzjarja u mal-kompetenza professjonali tal-impriża ( 191 ). Id-Direttiva 2012/34, għalhekk, għandha regoli dettaljati dwar aċċess għas-suq permezz tal-istabbiliment (mod 3).

    256.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi jiena tal-fehma li d-Direttiva 2012/34 tkopri b’mod ġenerali l-qasam tat-trasport ferrovjarju.

    257.

    Inqis ukoll li r-regoli rilevanti tal-EUSFTA jbiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni li din id-direttiva tistabbilixxi. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet dwar stabbiliment (Taqsima C tal-Kapitolu Tmienja) japplikaw għal “miżuri adottati jew miżmuma mill-Partijiet li jaffettwaw l-istabbiliment fl-attivitajiet ekonomiċi kollha” ( 192 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu protezzjoni kontra trattament diskriminatorju. Għalhekk, impriża tat-trasport ferrovjarju minn Singapor li tkun qiegħda tfittex aċċess għas-suq tal-Unjoni billi tistabbilixxi preżenza kummerċjali hemmhekk għandha tingħata aċċess nondiskriminatorju għas-suq, bla ħsara għal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea ( 193 ). Ladarba tkun stabbilita fi Stat Membru, din l-impriża ma għandhiex tkun ittrattata b’mod inqas favorevoli minn impriżi bħalha ta’ dak l-Istat Membru ( 194 ). L-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar aċċess għas-suq u trattament nazzjonali huwa, għalhekk, li impriżi tat-trasport ferrovjarju minn Singapor jiġu offruti aċċess għaż-żona ferrovjarja unika Ewropea stabbilita mid-Direttiva 2012/34. Pereżempju, impriża tat-trasport ferrovjarju minn Singapor tkun intitolata, bħala prinċipju, tikseb liċenzja bl-istess kundizzjonijiet li jkollhom impriżi ferrovjarji “domestiċi” ( 195 ). Bla ħsara għal-limitazzjonijiet orizzontali għal utilitajiet pubbliċi fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ( 196 ), din l-impriża jkollha wkoll id-dritt li tingħata aċċess għal infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri ( 197 ) u ma tkunx ittrattata b’mod inqas favorevoli minn impriża ferrovjarja “domestika” dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ( 198 ). Fi kliem ieħor, l-EUSFTA huwa mistenni jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/34.

    258.

    Minħabba li l-EUSFTA huwa mistenni jkollu dan l-effett fuq ir-regoli komuni eżistenti dwar aċċess għas-suq tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju, l-Unjoni Ewropea kisbet kompetenza esterna esklużiva fil-qasam tat-trasport ferrovjarju. Ma jistax ikun hemm dubju dwar din il-konklużjoni minħabba l-fatt li, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju skont il-mod 4, id-Direttiva 2014/66 għandha kopertura iktar limitata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EUSFTA. It-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE ma teżiġix li l-oqsma koperti mill-impenji internazzjonali u dawk koperti mir-regoli tal-Unjoni jikkoinċidu kompletament ( 199 ).

    259.

    Għalhekk inqis li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva fuq id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar servizzi ta’ trasport ferrovjarju, abbażi tal-Artikoli 91 u 100(1) TFUE, flimkien mat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE u t-tielet raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE.

    260.

    Fir-rigward tat-trasport bit-triq, minbarra l-obbligi orizzontali li jirriżultaw mill-Kapitolu Tmienja, l-Unjoni Ewropea ma aċċettat ebda impenn tal-mod 1 u impenji sħaħ tal-mod 2. Impenji fir-rigward tal-mod 3 huma bla ħsara għad-diversi riżervi ta’ ċerti Stati Membri, skont it-tip ta’ trasport (trasport ta’ passiġġieri jew trasport ta’ merkanzija). Fir-rigward tal-mod 4, ftit Stati Membri għamlu riżervi (li ħadu l-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità u ta’ residenza). Għal servizzi awżiljarji ta’ trasport bit-triq, l-impenji fir-rigward tal-modi 1 u 3 jiddependu mill-Istat Membru inkwistjoni u mit-tip ta’ servizz awżiljarju kkonċernat. Impenn sħiħ fir-rigward tal-mod 2 kien aċċettat. Tliet Stati Membri għamlu riżervi fir-rigward tal-mod 4 (li ħadu l-forma ta’ kundizzjoni ta’ nazzjonalità).

    261.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-impenji fir-rigward tal-mod 2 għal servizzi ta’ trasport bit-triq huma ta’ rilevanza prattika limitata. Ma naċċettax din is-sottomissjoni għar-raġunijiet li diġà spjegajt ( 200 ).

    262.

    Ir-Regolament Nru 1071/2009, madankollu, ikopri b’mod ġenerali l-qasam tas-servizzi tat-trasport bit-triq?

    263.

    Ir-Regolament Nru 1071/2009 jistabbilixxi regoli estensivi dwar l-aċċess għall-attività ta’ operatur tat-trasport bit-triq u dwar l-eżerċizzju tagħha, li japplikaw kemm għat-trasport bit-triq ta’ merkanzija u kemm għat-trasport bit-triq ta’ passiġġieri ( 201 ). Dan ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-twettiq ta’ din l-attività, jiġifieri li l-persuna tkun stabbilita b’mod effettiv u stabbli fi Stat Membru, li tkun ta’ reputazzjoni tajba u tkun f’qagħda finanzjarja adatta u jkollha l-kompetenza professjonali meħtieġa ( 202 ). Ir-Regolament Nru 1071/2009, barra minn dan, jitlob li kull Stat Membru jaħtar awtorità kompetenti waħda jew iktar b’responsabbiltà li tagħti lil impriżi awtorizzazzjonijiet sabiex iwettqu l-attività ta’ operaturi ta’ trasport bit-triq jekk dawn ikunu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti ( 203 ). Dawn ir-regoli huma kkompletati b’regoli settorjali fir-Regolament Nru 1072/2009 dwar aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq ta’ merkanzija ( 204 ) u fir-Regolament Nru 1073/2009 dwar aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank ( 205 ). Dawn l-aħħar żewġ regolamenti jeżiġu li l-impriżi kkonċernati għandhom jiksbu liċenzja Komunitarja qabel ma jibdew jeżerċitaw dawn l-attivitajiet ( 206 ).

    264.

    F’dan il-kuntest, ir-Regolamenti Nri 1071/2009, 1072/2009 u 1073/2009 jirregolaw il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ trasport bit-triq (modi 1 u 2), kif ukoll l-aċċess għas-suq tas-servizzi tat-trasport bit-triq permezz ta’ stabbiliment (mod 3). Ir-Regolament Nru 1072/2009 għandu wkoll regoli dwar l-attestazzjoni tax-xufier u, għalhekk, jirregola l-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tal-Istati Membri sabiex jagħtu servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija (mod 4) ( 207 ). Għalkemm id-Direttiva 2014/66 għandha kopertura iktar limitata mill-impenji rilevanti tal-EUSFTA dwar il-mod 4, inqis li regoli komuni eżistenti jkopru b’mod ġenerali l-qasam tat-trasport bit-triq.

    265.

    Barra minn dan, inqis li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1071/2009, 1072/2009 u 1073/2009 huma mistennija li jinbidlu minħabba impenji internazzjonali bħal dawk li hemm fl-EUSFTA. Ir-raġunament tiegħi huwa essenzjalment simili għal dak dwar it-trasport ferrovjarju ( 208 ).

    266.

    B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment (Taqsima C tal-Kapitolu Tmienja) japplikaw għal “miżuri adottati jew miżmuma mill-Partijiet li jaffettwaw l-istabbiliment fl-attivitajiet ekonomiċi kollha” ( 209 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-protezzjoni kontra trattament diskriminatorju. Għalhekk, operatur tat-trasport bit-triq minn Singapor li jfittex li jkollu aċċess għas-suq tal-Unjoni billi jistabbilixxi preżenza kummerċjali hemmhekk għandu jingħata aċċess nondiskriminatorju għas-suq, bla ħsara għal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea ( 210 ). Ladarba jkun stabbilit fi Stat Membru, dan l-operatur ikollu d-dritt li ma jkunx ittrattat b’mod inqas favorevoli minn operaturi bħalu ta’ dak l-Istat Membru ( 211 ). L-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq u dwar it-trattament huwa, għalhekk, li operatur tat-trasport bit-triq minn Singapor jingħata aċċess nondiskriminatorju għas-suq tal-Unjoni billi jitneħħew il-barrieri sabiex huwa jistabbilixxi b’mod effettiv lilu nnifsu hemmhekk. Bħala riżultat tal-EUSFTA, dan l-operatur għandu jingħata aċċess għal dan is-suq filwaqt li jkun suġġett għall-istess kundizzjonijiet (pereżempju, dwar qagħda finanzjarja jew kompetenza professjonali ( 212 )) bħal dawk li jkunu japplikaw għal operaturi domestiċi. Fi kliem ieħor, l-EUSFTA huwa mistenni li jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1071/2009, 1072/2009 u 1073/2009.

    267.

    Minħabba li l-EUSFTA huwa mistenni li jkollu dan l-effett fuq ir-regoli komuni eżistenti dwar aċċess għas-suq tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ trasport bit-triq, l-Unjoni Ewropea kisbet kompetenza esterna esklużiva fil-qasam tat-trasport bit-triq. Konsegwentement, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva fuq id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar servizzi ta’ trasport bit-triq, abbażi tal-Artikoli 91 u 100(1) TFUE flimkien mat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE u mat-tielet raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE.

    268.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nikkonkludi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna kondiviża mal-Istati Membri sabiex jittieħdu impenji skont il-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA, sa fejn huma kkonċernati t-trasport bl-ajru, it-trasport marittimu u t-trasport b’passaġġi tal-ilma interni, inklużi servizzi b’rabta inerenti ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport; u għandha kompetenza esterna esklużiva abbażi tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE sabiex tieħu impenji skont il-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA sa fejn huma kkonċernati t-trasport ferrovjarju u t-trasport bit-triq (u servizzi li jkollhom rabta inerenti ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport). L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva abbażi tal-Artikoli 3(1)(e) u 207(1) TFUE fir-rigward tas-servizzi l-oħra kollha koperti minn dan il-kapitolu.

    269.

    Ngħaddi issa għat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA. Ser niddiskuti t-Taqsima B ta’ dan il-kapitolu flimkien mal-Kapitoli Tlettax, Ħmistax u Sittax tal-EUSFTA ( 213 ).

    Investiment (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA ( 214 ) )

    Argumenti

    270.

    Il-Kummissjoni tissottometti li t-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA, li hija relatata speċifikament ma’ investiment internazzjonali, u ma tapplikax għal investimenti ġewwa l-Unjoni, taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni sa fejn tapplika għal investiment barrani dirett. Filwaqt li tistrieħ fuq it-test applikat f’każijiet dwar kummerċ ta’ servizzi u ta’ prodotti u f’każijiet dwar aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni tissottometti li ftehim jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(1) TFUE jekk ikun relatat speċifikament ma’ investiment internazzjonali, jiġifieri li jkun essenzjalment intiż sabiex jippromwovi, jiffaċilita u jirregola investimenti internazzjonali u jkollu effetti diretti u immedjati fuq dawn l-investimenti.

    271.

    Meta tiddistingwi bejn investiment f’portafoll (jew investimenti oħra mhux diretti) u investiment barrani dirett (li t-tnejn li huma jistgħu jaqgħu fid-definizzjoni tal-Artikolu 9.1 tal-EUSFTA), il-Kummissjoni tipproponi li tittrasponi d-definizzjoni ta’ “investiment dirett” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti għall-Artikolu 207(1) TFUE.

    272.

    Skont il-Kummissjoni, il-politika kummerċjali komuni tkopri kemm regoli li japplikaw għall-aċċess inizjali ta’ investimenti għas-suq tal-Istat ospitanti, kif ukoll għall-protezzjoni li għandha tingħata lil investiment wara li jkun daħal fis-suq (iktar ’il quddiem “protezzjoni wara dħul”). Din tal-aħħar tinkludi protezzjoni kontra, pereżempju, id-diskriminazzjoni, trattament mhux ġust u ekwu u esproprjazzjoni mingħajr kumpens. Il-Kummissjoni tissottometti li, meta jagħmlu riferiment għal “investiment barrani dirett”, l-Artikoli 206 u 207(1) TFUE ma jiddistingwux bejn aċċess għas-suq u protezzjoni wara dħul. Barra minn dan, l-esklużjoni tal-protezzjoni wara dħul ta’ investiment barrani dirett mill-politika kummerċjali komuni tkun ukoll kontra l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 206 TFUE. B’mod partikolari, l-għan ta’ “tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq […] investiment barrani dirett” jagħmel riferiment għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet li jirriżultaw kemm minn barrieri għad-dħul inizjali ta’ investiment, kif ukoll għal barrieri sabiex wara l-investiment jitħaddem u jitgawda. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tislet analoġiji mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi, li lanqas ma hija limitata għal aċċess għas-suq.

    273.

    Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-politika kummerċjali komuni diġà tkopri l-istandards tal-GATS li japplikaw għal trattament wara dħul ta’ provvista ta’ servizzi skont il-mod 3 (jiġifieri permezz ta’ preżenza kummerċjali ( 215 )). Standards simili jinsabu fil-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA. Tkun konklużjoni illoġika li l-Unjoni Ewropea ma jkollhiex kompetenza esklużiva fuq l-istandards stabbiliti fil-Kapitolu Disgħa imma jkollha kompetenza esklużiva fuq standards simili inklużi fil-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA jew fil-GATS.

    274.

    Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 345 TFUE ma jillimitax il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-Kapitolu Disgħa sa fejn dan il-kapitolu jikkonċerna esproprjazzjoni. L-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA jissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt ta’ esproprjazzjoni għal kundizzjonijiet li huma simili għal dawk imposti mill-Artikoli 49 u 63 TFUE. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għar-regoli dwar is-sistema ta’ proprjetà f’kull Stat Membru: la tipprojbixxi Stat Membru milli jesproprja, u lanqas ma titlob li Stat Membru jesproprja beni li jkunu proprjetà ta’ investituri minn Singapor.

    275.

    Il-Kummissjoni tirribatti wkoll l-argument li l-ewwel parti tal-Artikolu 207(6) TFUE teskludi klawżoli ta’ esproprjazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni minħabba li ma teżisti ebda politika komparabbli tal-Unjoni fis-suq intern. Dan l-argument jonqos milli jirrikonoxxi d-distinzjoni bejn kompetenzi esterni esklużivi espliċiti u impliċiti. It-tieni parti tal-Artikolu 207(6) TFUE lanqas ma tibdel il-pożizzjoni tal-Kummissjoni: l-Artikolu 345 TFUE bħala tali ma jeskludix l-armonizzazzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà. F’kull każ, l-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA ma jarmonizzax dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji tal-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 207(6) TFUE.

    276.

    Il-Kummissjoni taċċetta li, sa fejn il-Kapitolu Disgħa japplika għal investiment f’portafoll, dan il-kapitolu ma jaqax fil-politika kummerċjali komuni. Hija tissottometti li l-Unjoni Ewropea, madankollu, għandha kompetenza esklużiva minħabba li investiment f’portafoll huwa moviment ta’ kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 63 TFUE u li l-istandards ta’ trattament li għalihom jipprovdi l-Kapitolu Disgħa huma għall-inqas ġeneralment koperti mir-regoli komuni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tat-Trattat. B’mod partikolari, l-istandards bażiċi ta’ trattament nazzjonali, ta’ trattament ġust u ekwu u ta’ protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni huma koperti mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 63(1) TFUE. Filwaqt li l-Artikolu 63(1) TFUE huwa bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom l-istatus ta’ ‘grandfather’ bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (jiġifieri, restrizzjonijiet eżistenti li jitħallew jibqgħu f’posthom), ma jinkludux restrizzjonijiet fuq investiment f’portafoll. Bħala riżultat, il-kundizzjonijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE huma ssodisfatti.

    277.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-interpretazzjoni tagħha ta’ “regoli komuni” tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE bħala li jkopru dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif ukoll regoli tal-liġi sekondarja, tħares il-loġika tal-ġurisprudenza ERTA. Din il-loġika hija l-protezzjoni tal-unità tas-suq komuni u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-ħtieġa li jkunu żgurati l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament sewwa tas-sistema li huma jistabbilixxu ( 216 ). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital huma uniċi minħabba li għandhom dimensjoni esterna. Barra minn dan, u bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, l-Artikolu 63(1) TFUE nnifsu jikseb il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-movimenti ta’ kapital bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Għalhekk, ma hemmx ħtieġa li tiġi adottata leġiżlazzjoni sekondarja sabiex jiġi estiż il-moviment liberu tal-kapital għal movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew sabiex tinkiseb liberalizzazzjoni sħiħa. Il-fatt li, bl-eċċezzjoni tal-kawża li wasslet għas-sentenza Pringle ( 217 ), il-parti l-kbira tal-każijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA jinvolvu regoli komuni li hemm fil-liġi sekondarja huwa minħabba li t-Trattati sikwit jillimitaw lilhom infushom sabiex jistabbilixxu għanijiet ta’ politika u sabiex jagħtu setgħat lill-istituzzjonijiet sabiex jilleġiżlaw. Fl-aħħar nett, jekk l-Unjoni Ewropea ma jkollhiex kompetenza esklużiva, ma jkunx possibbli li jiġi żgurat li r-regoli komuni tal-Artikolu 63(1) TFUE jiġu applikati b’mod uniformi u konsistenti.

    278.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq investiment f’portafoll abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 63(1) TFUE, il-Kummissjoni tissottometti li l-Unjoni Ewropea, madankollu, għandha kompetenza kondiviża. F’dan ir-rigward hija tistrieħ fuq l-Artikolu 216(1) TFUE li jipprevedi d-dritt li għandha l-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi meta dan ikun “[…] [meħtieġ] sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni [Ewropea], wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati […]”. F’dan il-każ, l-objettiv huwa li jinkiseb il-moviment liberu tal-kapital, inkluż investiment f’portafoll bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital barra mill-Unjoni ma tistax tkun effettiva jekk pajjiżi terzi ma jneħħux ir-restrizzjonijiet tagħhom stess fuq il-movimenti ta’ kapital bejn l-Unjoni Ewropea u t-territorji tagħhom. Sabiex huma jagħmlu hekk, normalment tkun meħtieġa l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, ibbażati fuq ir-reċiproċità, ma’ dawn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni tinsisti li hija ma hijiex targumenta li, minħabba li l-Kapitolu Disgħa huwa meħtieġ sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ teżerċita l-kompetenzi esterni tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva.

    279.

    Il-Parlament ukoll jissottometti favur il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA. B’mod partikolari, huwa jissottometti li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ investiment f’portafoll, minn naħa, minħabba li l-mod kif il-Kapitolu Disgħa jkopri investiment f’portafoll huwa inċidentali għall-fini ewlieni jew dominanti ta’ dan il-kapitolu (li jiżgura protezzjoni għal investiment barrani dirett), u, min-naħa l-oħra, minħabba li l-Artikolu 3(2) TFUE jista’ japplika wkoll meta jkun jista’ jintlaqat id-dritt primarju tal-Unjoni. Il-Parlament jaqbel speċifikament mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-projbizzjoni ta’ esproprjazzjoni prevista fl-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA la hija interferenza għas-sistemi differenti ta’ proprjetà u għall-metodi ta’ reġistrazzjoni u strutturar ta’ relazzjonijiet ta’ proprjetà fit-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri, u lanqas ma hija armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri.

    280.

    Il-Kunsill jaċċetta li, minn perspettiva ekonomika, il-kummerċ u l-investiment barrani dirett għandhom rabta bejniethom u li xi aspetti tat-trattament ta’ investiment barrani dirett huma relatati ma’ materji standard ta’ politika kummerċjali komuni (jiġifieri, aċċess għas-suq bħall-aċċess ta’ investitur barrani għal liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni). Madankollu, huwa jissottometti li r-regolamentazzjoni ta’ investiment barrani dirett ma ssegwix neċessarjament objettivi kummerċjali. Skont il-Kunsill, it-tfassil ta’ regoli dwar id-dħul, it-trattament u l-protezzjoni ta’ investiment barrani dirett jifforma qasam indipendenti ta’ relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali li ma jagħmilx awtomatikament parti mill-politika dwar il-kummerċ. Il-Kunsill jiddistingwi bejn: (i) id-dħul ta’ investiment barrani dirett [jiġifieri aċċess għas-suq: id-deċiżjoni dwar jekk investitur dirett jitħalliex jinvesti fi Stat ospitanti u x’restrizzjonijiet u kundizzjonijiet (jekk ikun hemm) japplikaw]; (ii) il-moviment tal-kapital b’rabta ma’ investiment barrani dirett (anki jekk investitur ikun jista’ wkoll jiġbor fondi fl-Istat ospitanti, u investiment barrani dirett, għalhekk, mhux dejjem neċessarjament ikun jinvolvi moviment transkonfinali ta’ kapital); u (iii) trattament ta’ investiment.

    281.

    Skont il-Kunsill, il-Kapitolu Disgħa huwa kapitolu indipendenti li jittratta biss il-protezzjoni ta’ investimenti u juża definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ investimenti bbażata fuq assi. Dan il-kapitolu la huwa dwar id-dħul u lanqas dwar il-promozzjoni ta’ investiment. Regoli dwar id-dħul ta’ investimenti jinsabu fil-Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA.

    282.

    Il-Kunsill jaċċetta li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq investiment barrani dirett li hija relatata mal-politika kummerċjali komuni, imma jipproponi interpretazzjoni idjaq tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(1) TFUE minn dik magħmula mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew. F’dan ir-rigward il-Kunsill iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tiddeċiedi dwar il-limiti preċiżi tal-kompetenza fuq investiment barrani dirett skont l-EUSFTA. Essenzjalment, il-Kunsill jallega li l-Kummissjoni ma wrietx li l-istandards kollha msemmija fit-Taqsima A jagħmlu riferiment għal dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq investiment barrani dirett jew għal kull tip ieħor ta’ investiment kopert mill-Kapitolu Disgħa.

    283.

    Fir-rigward tal-klawżola dwar trattament nazzjonali prevista fl-Artikolu 9.3 tal-EUSFTA, il-Kunsill jiffoka fuq is-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9.3.3 li fihom il-Partijiet jistgħu jwarrbu fil-ġenb l-obbligu ta’ trattament nazzjonali. Skont il-Kunsill, l-Unjoni Ewropea ma jistax ikollha kompetenza esklużiva sabiex tiffirma u tikkonkludi l-EUSFTA sa fejn dan huwa relatat ma’ miżuri meħuda mill-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tar-responsabbiltà tagħhom għas-sigurtà nazzjonali. Lanqas ma għandha l-Unjoni Ewropea kompetenza esklużiva għall-protezzjoni ta’ teżori nazzjonali jew kompetenza leġiżlattiva sabiex tadotta miżuri fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta.

    284.

    Fir-rigward tal-klawżola ta’ trattament ġust u ekwu u l-klawżola ta’ protezzjoni u sigurtà sħaħ previsti fl-Artikolu 9.4 tal-EUSFTA, il-Kunsill jissottometti li l-Kummissjoni ma wrietx li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq klawżola waħda jew oħra.

    285.

    Fir-rigward tas-sistema ta’ kumpens għal telf ta’ investimenti (koperta mill-Kapitolu Disgħa) li għaliha jipprovdi l-Artikolu 9.5 tal-EUSFTA, il-Kunsill jissottometti li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza fuq il-parti ta’ din id-dispożizzjoni li hija relatata mal-forzi armati tal-Istati Membri. Għandu d-dubji tiegħu wkoll dwar jekk l-Unjoni Ewropea tistax tiffirma u tikkonkludi, waħedha, ftehim li jkun jittratta l-implikazzjonijiet ta’ gwerra jew kunflitt armat ieħor, rivoluzzjoni, stat ta’ emerġenza nazzjonali, rewwixta, insurrezzjoni jew irvell fit-territorju tal-Istati Membri.

    286.

    Fir-rigward tal-arranġamenti dwar l-esproprjazzjoni li hemm fl-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA, il-Kunsill jissottometti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ssostnix l-argument li l-miżuri kollha relatati mal-esproprjazzjoni fl-EUSFTA jaqgħu kollha fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Bħala riżultat tal-Artikolu 345 TFUE, l-Unjoni Ewropea ma jistax ikollha kompetenza esklużiva sabiex tiffirma u tikkonkludi l-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA.

    287.

    Il-Kunsill jissottometti wkoll li l-Kummissjoni ma argumentatx, aħseb u ara kemm uriet, li ċerti materji koperti mill-Artikolu 9.7.2 tal-EUSFTA, b’mod partikolari reati kriminali jew penali, is-sigurtà soċjali, skemi ta’ tfaddil pubbliċi dwar l-irtirar jew obbligatorji u tassazzjoni, jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    288.

    Il-Kunsill ma jaqbilx mal-fatt li l-Kummissjoni tistrieħ fuq it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE sabiex tinvoka kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ investiment f’portafoll.

    289.

    L-ewwel nett, filwaqt li investiment f’portafoll jista’ jinvolvi moviment ta’ kapital, dan it-tip ta’ investiment ma jistax jitqies li huwa l-istess bħall-moviment liberu tal-kapital skont it-Trattati. L-Artikolu 63(1) TFUE ma jittrattax il-protezzjoni ta’ investimenti. Lanqas ma jittratta investiment f’portafoll jew investiment dirett bħala tali. L-Artikolu 63(1) TFUE japplika biss sa fejn ikollu x’jaqsam il-moviment tal-kapital. Dan ma jkunx neċessarjament dejjem il-każ għal investiment barrani dirett u għal investiment f’portafoll. Il-Kunsill jinnota wkoll l-importanza li jkun żgurat li operaturi ta’ pajjiż terz ma jevadux restrizzjonijiet permissibbli dwar il-libertà tal-istabbiliment [iġġustifikati skont l-Artikolu 65(2) TFUE] billi jfittxu li jistrieħu direttament fuq l-Artikolu 63 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn il-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital billi adottat metodu ta’ bilanċ li bih hija tqis liema aspett partikolari ta’ sitwazzjoni primarjament jintlaqat mir-restrizzjoni allegata.

    290.

    It-tieni nett, ebda dispożizzjoni fit-Trattati ma tagħti kompetenza speċifika lill-Unjoni Ewropea sabiex taġixxi b’rabta ma’ investimenti f’portafoll jew (a fortiori) mal-protezzjoni ta’ investiment f’portafoll. L-Istati Membri huma, għalhekk, intitolati, fid-dawl tal-Artikoli 4(1) u 5(2) TFUE, jaġixxu f’dan il-qasam.

    291.

    It-tielet nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, taċċetta li investiment f’portafoll huwa moviment ta’ kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 63(1) TFUE u li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Unjoni Ewropea setgħa speċifika sabiex taġixxi b’rabta mal-protezzjoni ta’ dan it-tip ta’ investiment, il-Kunsill jissottometti li l-Unjoni Ewropea ma adottat ebda leġiżlazzjoni skont l-Artikolu 63(1) TFUE relatata mal-protezzjoni ta’ investiment f’portafoll. Il-Kunsill jirrikonoxxi li hemm liġi sekondarja relatata ma’, pereżempju, id-dħul ta’ titoli f’boroż u fi swieq ta’ strumenti finanzjarji. Filwaqt li dawn ir-regoli jinvolvu aspetti ta’ investiment f’portafoll, ebda regola ma kienet adottata bl-użu tal-bażijiet legali relatati mal-moviment liberu tal-kapital.

    292.

    Ir-raba’ nett, f’ebda każ ma jista’ jkun hemm kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni impliċita fuq investiment f’portafoll minħabba li l-Artikolu 63(1) TFUE ma huwiex “regola komuni” skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Anki jekk wieħed jassumi li hemm liġi primarja li ġġib liberalizzazzjoni sħiħa ta’ movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, il-Kunsill jissottometti li l-interpretazzjoni oriġinali tal-Kummissjoni ta’ “regoli komuni” fl-Artikolu 3(2) TFUE hija difettuża. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li huwa meħtieġ li l-Unjoni Ewropea tkun eżerċitat kompetenza interna billi tadotta leġiżlazzjoni sekondarja. Dan ir-rekwiżit huwa inerenti fil-kunċett ta’ setgħat impliċiti. Il-Kummissjoni hija żbaljata meta tistrieħ fuq is-sentenza Pringle u fuq l-Opinjoni 1/92 ( 218 ). Fis-sentenza Pringle ( 219 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem “MES”) jaqa’ kollu kemm hu barra mill-kompetenza esklużiva pretiża tal-Unjoni Ewropea stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) TFUE. Ma kienx meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni l-oħra dwar jekk it-Trattat MES setax, madankollu, jitqies li jolqot “regoli komuni jew jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE. F’kull każ, huwa ċar li l-għan fis-sentenza Pringle kien relatat mal-eżerċizzju tal-Unjoni Ewropea tas-setgħat li kienu espressament mogħtija lilha. Il-Kunsill jaċċetta li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt, fl-Opinjoni 1/92 ( 220 ), kienet għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni. Il-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għalihom f’dik l-opinjoni, madankollu, kienu saħqu li kompetenzi interni kellhom jiġu eżerċitati qabel ma jkun hemm kompetenza impliċita sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali jew li l-eżistenza ta’ tali kompetenza impliċita hija marbuta ma’ kompetenza mogħtija espressament mit-Trattati.

    293.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-Artikolu 63(1) TFUE jista’ jikkostitwixxi “regola komuni”, il-Kunsill jissottometti li l-Kummissjoni ma wrietx kif il-qasam ta’ investiment f’portafoll kien “ġeneralment kopert” permezz “tar-regoli komuni” allegati. Il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-Kapitolu Disgħa, sa fejn huwa relatat mal-protezzjoni ta’ investiment f’portafoll, ser jolqot tali regoli komuni jew jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    294.

    Il-Kunsill huwa wkoll imħasseb dwar ir-raġunament li fuqu huwa bbażat l-argument alternattiv tal-Kummissjoni li hemm kompetenza kondiviża fuq investiment f’portafoll skont l-Artikolu 216(1) TFUE. Il-ħtieġa li jinkiseb għan speċifiku tat-Trattat titlob li jintwera li ngħataw kompetenzi internament lill-Unjoni Ewropea sabiex hija tikseb dak l-għan. Dan ma jħallix lill-Kummissjoni tistrieħ fuq l-Artikolu 216(1) TFUE fir-rigward ta’ investiment f’portafoll. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-Unjoni Ewropea għandha fil-fatt il-kompetenza meħtieġa sabiex tirregola l-protezzjoni ta’ investiment f’portafoll, il-Kunsill jinnota li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ teżerċita din il-kompetenza interna biss billi tikkonkludi ftehim internazzjonali u li l-eżerċizzju ta’ kompetenzi interni u esterni fuq il-protezzjoni ta’ investiment barrani ta’ portafoll għandu, għalhekk, ikun konkomitanti. Barra minn dan, jekk il-Kummissjoni hija korretta, ma jkunx meħtieġ li jiġi konkluż ftehim internazzjonali: l-Artikolu 63(1) TFUE minnu nnifsu jista’ jikseb il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-moviment ta’ kapital bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

    295.

    Il-Kunsill jaqbel li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom kompetenza kondiviża fuq il-Kapitolu Disgħa. Madankollu, minħabba li l-kompetenza sabiex ikun protett investiment f’portafoll ma hijiex mogħtija lill-Unjoni Ewropea, ma huwiex possibbli li l-Unjoni Ewropea teżerċita din il-kompetenza mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri. Bħala alternattiva, il-Kunsill jissottometti li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-Unjoni Ewropea verament għandha kompetenza kondiviża fuq investiment f’portafoll, il-kwistjoni ta’ jekk din il-kompetenza għandhiex tiġi eżerċitata permezz tal-konklużjoni tal-EUSFTA tibqa’ deċiżjoni politika.

    296.

    Il-parti l-kbira tal-Istati Membri li intervjenew ħadu pożizzjoni dwar it-Taqsima A. L-argumenti li ressqu kienu jaqblu b’mod ġenerali mal-aspetti differenti tal-pożizzjoni tal-Kunsill.

    297.

    Hekk huma jissottomettu li t-tifsira ta’ “investiment dirett” fl-Artikolu 64 TFUE u ta’ “investiment barrani dirett” fl-Artikolu 207(1) TFUE għandha tkun l-istess. Dwar dan, hija rilevanti l-ġurisprudenza li tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64 TFUE, kif ukoll id-definizzjoni ta’ investiment dirett (u ta’ investiment f’portafoll) li tinsab fir-Regolament Nru 184/2005 ( 221 ) u fid-Direttiva 88/361 ( 222 ).

    298.

    Il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ investiment barrani dirett hija limitata għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq dan it-tip ta’ investiment. Sa fejn l-EUSFTA jiggarantixxi wkoll forom oħra ta’ protezzjoni, tali regoli ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE. Dan japplika għal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-promozzjoni u l-protezzjoni ta’ investiment barrani dirett (bħal dawk relatati mal-esproprjazzjoni, il-forzi armati, tassazzjoni diretta, il-liġi u l-proċedura kriminali).

    299.

    L-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA (esproprjazzjoni) jistabbilixxi prinċipji ġenerali li konformement magħhom il-Partijiet għandhom japplikaw il-liġijiet tagħhom dwar il-proprjetà. Tali materji jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri li għandha tiġi eżerċitata skont id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 345 TFUE jimponi limitazzjoni fuq l-eżerċizzju mill-Unjoni Ewropea tal-kompetenzi tagħha skont it-Trattati.

    300.

    Mill-Artikolu 207(6) TFUE jsegwi li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex teżerċita kompetenza esklużiva sabiex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ta’ kummerċ f’oqsma li fuqhom hija ma jkollhiex kompetenza leġiżlattiva tadotta leġiżlazzjoni interna. Din id-dispożizzjoni tipprekludi wkoll lill-Unjoni Ewropea milli jkollha kompetenza esklużiva, skont l-Artikolu 207(1) TFUE, fuq investimenti oħra għajr investiment barrani dirett.

    301.

    L-interpretazzjoni oriġinali tal-Kummissjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE timplika li l-Unjoni Ewropea għandha, skont l-Artikoli 3(2) u 63 TFUE, kompetenza esklużiva fuq investiment f’portafoll. Din l-interpretazzjoni timplika wkoll li kull ftehim li jkun jista’ jirrestrinġi l-investiment, irrispettivament minn jekk ikunx jagħmel parti mill-politika kummerċjali komuni, jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva impliċita tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, it-Trattati jagħmluha ċara li kompetenza esklużiva (espliċita) teżisti biss fir-rigward ta’ investiment barrani dirett. Regoli komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE huma regoli ta’ liġi sekondarja, mhux ta’ liġi primarja. L-eżistenza ta’ kompetenza interna ma hijiex biżżejjed. Il-kuntest storiku tal-Artikolu 3(2) TFUE jikkonferma din l-interpretazzjoni. F’kull każ, l-Artikolu 63 TFUE ma huwiex bażi legali għall-eżerċizzju ta’ kompetenza. Il-bażi legali għal azzjoni tinsab fl-Artikolu 64(2) TFUE u hija suġġetta għal limitazzjonijiet.

    302.

    Barra minn dan, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE ma humiex issodisfatti. Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa huwa ferm usa’ minn dak tal-Artikolu 63 TFUE. Esproprjazzjoni ma hijiex restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital prevista fit-Trattati. Sa fejn japplika l-Artikolu 63 TFUE, dan jiggarantixxi biss l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ma ġewx adottati regoli komuni b’rabta mal-esproprjazzjoni.

    303.

    L-Unjoni Ewropea ma għandhiex, billi taqbel mal-Artikolu 9.10.1 tal-EUSFTA, tiddeċiedi waħedha dwar it-terminazzjoni ta’ ftehimiet konklużi mill-Istati Membri ma’ Singapor. Din id-dispożizzjoni ma tirrispettax il-prinċipju ġenerali, espress fl-Artikolu 59(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969, li jipprovdi li ftehimiet internazzjonali jistgħu jiġu tterminati biss mill-partijiet firmatarji. Il-Kummissjoni lanqas ma ressqet bażi fid-dritt internazzjonali għall-pożizzjoni tagħha. Barra minn dan, l-Unjoni Ewropea nfisha rrikonoxxiet, fir-Regolament Nru 1219/2012 ( 223 ), li ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri ffirmati qabel l-1 ta’ Diċembru 2009 jistgħu jibqgħu fis-seħħ jew jidħlu fis-seħħ, skont dan ir-regolament.

    304.

    Fl-aħħar nett, ebda waħda mir-raġunijiet skont l-Artikolu 216 TFUE ma hija ssodisfatta. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza kondiviża fir-rigward ta’ investiment f’portafoll.

    Analiżi

    Introduzzjoni

    305.

    Hemm żewġ metodi kif l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha kompetenza esklużiva fir-rigward tar-regoli sostantivi li japplikaw għal investiment u li jinsabu fit-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa. Dawn ir-regoli jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni kif deskritta fl-Artikolu 207(1) TFUE? Jekk ma jaqgħux, dawn jifformaw, madankollu, parti minn qasam li fih hemm regoli komuni (li jikkoinċidu ma’ dan il-qasam jew li ġeneralment ikopruh) li jistgħu jintlaqtu jew li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikun jista’ jinbidel jekk l-EUSFTA jiġi konkluż [it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE]? Ser nindirizza dawn il-possibbiltajiet waħda wara l-oħra.

    306.

    Tqum kwistjoni oħra distinta fir-rigward tal-Kapitolu Disgħa sa fejn l-Artikolu 9.10.1 tal-EUSFTA jgħid li, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA, ċerti ftehimiet bilaterali dwar investiment bejn l-Istati Membri u Singapor (elenkati f’anness tal-Kapitolu Disgħa) ma humiex ser jibqgħu jeżistu. Ser niddiskuti din il-kwistjoni separatament ( 224 ).

    Kompetenza esklużiva abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) TFUE

    – It-tifsira ta’ “investiment barrani dirett” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE

    307.

    Il-Kapitolu Disgħa jiddefinixxi l-investimenti u l-investituri li jkopri. Għall-kuntrarju tat-Trattati, dan il-kapitolu ma jiddistingwixxix bejn investiment barrani dirett u forom oħra ta’ investiment ( 225 ). La l-EUSFTA u lanqas it-Trattati ma jagħmlu riferiment għal “investiment f’portafoll”.

    308.

    It-talba tal-Kummissjoni toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel opportunità sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “investiment barrani dirett” li jinsab fl-Artikolu 207(1) TFUE u sabiex tiddeċiedi sa fejn il-politika kummerċjali komuni tkopri r-regolamentazzjoni ta’ “investiment barrani dirett”. Dan it-tip ta’ investiment kien diġà inkluż fl-Artikolu III-315(1) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ( 226 ). Il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni kien identiku għal dak tal-Artikolu 207(1) TFUE ( 227 ).

    309.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 207(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq investiment barrani dirett. Din il-kompetenza tapplika flimkien mal-kompetenza fuq materji oħra li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni (bħal servizzi) iżda li jistgħu jkunu relatati wkoll ma’ investiment (bħal investiment fis-settur tas-servizzi) ( 228 ).

    310.

    It-Trattati ma jiddefinixxux “investiment barrani dirett”’. Madankollu, għadd ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati, tal-Protokolli u tad-Dikjarazzjonijiet ( 229 ) jużaw it-terminu “investiment”.

    311.

    Fuq livell ġenerali, nifhem li “investiment” tfisser it-tqegħid ta’ flus jew assi oħra f’attività kummerċjali bil-għan li jsir profitt.

    312.

    L-Artikolu 207(1) TFUE jagħmel riferiment għal tip partikolari wieħed ta’ investiment, jiġifieri investiment li jkun kemm “barrani” kif ukoll “dirett”.

    313.

    Investiment barrani huwa investiment magħmul minn persuna fiżika jew ġuridika tal-Unjoni fi Stat terz jew minn persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat terz fl-Unjoni Ewropea. Investiment barrani dirett huwa, għalhekk, investiment dirett li jkun fih komponent li ma jkunx tal-Unjoni.

    314.

    It-terminu “investiment dirett” jidher ukoll f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, b’mod partikolari fl-Artikolu 64(1) u (2) TFUE li jagħmel parti mill-Kapitolu Erbgħa (“Il-kapital u l-pagament”) tat-Titolu IV (“Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital”). Bla ħsara għall-Artikolu 64(1) u (2) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital u l-pagamenti bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi. Din il-projbizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’. Hija tapplika, pereżempju, għal restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital li jiddiswadu lil persuni li ma jkunux residenti milli jagħmlu investiment fi Stat Membru jew li jiddiswadu lil residenti ta’ dak l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħra ( 230 ).

    315.

    L-Artikolu 64(1) TFUE huwa ddefinit b’riferiment għall-kategoriji ta’ movimenti ta’ kapital li jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet ( 231 ). Dan l-artikolu jiċċirkoskrivi l-projbizzjoni tal-Artikolu 63 TFUE fir-rigward tal-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett (inkluż investiment fi proprjetà immobbli), stabbiliment, l-għoti ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq tal-kapital. L-Artikolu 64(2) TFUE joffri bażi legali sabiex il-Parlament u l-Kunsill jadottaw miżuri fir-rigward ta’ dawn il-forom ta’ moviment tal-kapital. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 64(3) TFUE, il-Kunsill jista’ jadotta wkoll miżuri li jikkostitwixxu “pass lura” fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi.

    316.

    Hu x’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-Artikoli 63 u 64 TFUE, jidhirli li dawn id-dispożizzjonijiet manifestament japplikaw għall-moviment ta’ kapital u ta’ pagamenti lejn u minn pajjiżi terzi li jkun jinvolvi investiment dirett, inkluż investiment barrani dirett. Għalhekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza li tinterpretahom huma rilevanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “investiment barrani dirett” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE.

    317.

    Fl-interpretazzjoni ta’ “investiment dirett” fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja straħet fuq id-definizzjoni ta’ dan it-terminu li tinsab fid-Direttiva 88/361 li timplementa l-Artikolu 67 tat-Trattat KEE ( 232 ). L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li movimenti ta’ kapital għandhom ikunu kklassifikati skont in-Nomenklatura tal-Anness I (li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li għandha valur indikattiv ( 233 )).

    318.

    In-Nomenklatura tal-Anness I telenka bħala “investimenti diretti”: “(1) [l]-istabbiliment u l-estensjoni ta’ friegħi jew impriżi ġodda li jappartjenu biss għall-persuna li tipprovdi l-kapital, u l-akkwist sħiħ ta’ impriżi eżistenti; (2) [p]arteċipazzjoni f’impriża ġdida jew eżistenti bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomiċi dewwiema; (3) [s]elf fit-tul bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomiċi dewwiema; u (4) [r]i-investiment ta’ profitti bi skop li [jmantni] rabtiet ekonomiċi dewwiema”. Din il-parti tal-anness tagħmel ukoll riferiment għan-noti ta’ spjega li jiddefinixxu ċerti termini għall-finijiet tan-Nomenklatura u tad-Direttiva 88/361. Dawn in-noti jiddefinixxu “investimenti diretti” bħala “Investimenti ta’ kull xorta minn persuni naturali jew impriżi kummerċjali, industrijali jew finanzjarji, u li jservu biex jistabilixxu jew imantnu rabtiet dewwiema u diretti bejn persuna li tipprovdi l-kapital u l-intraprenditur li lilu jew l-impriża li lilha huwa disponibbli l-kapital sabiex twettaq attività ekonomika”. In-noti jżidu jgħidu li l-kunċett “irid għalhekk ikun mifhum fl-iktar sens wiesgħa tiegħu”.

    319.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “investiment dirett” ikopri “investimenti […] li jwettqu l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu u jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn il-persuna li tipprovdi l-kapital u l-impriża li [lilha] jingħata tali kapital sabiex teżerċita attività ekonomika” ( 234 ). Fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 63 TFUE jkopri, bħala prinċipju, movimenti ta’ kapital li jinvolvu stabbiliment jew investiment dirett u kkonstatat li dawn it-termini tal-aħħar “huma marbuta ma’ forma ta’ sehem f’impriża permezz taż-żamma ta’ azzjonijiet li joffru l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fl-amministrazzjoni u fil-kontroll tagħha” ( 235 ). Fil-kawża Haribo, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan it-test sabiex tikkonkludi li parteċipazzjoni ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE (b’implikazzjoni, għalhekk, li ma tkunx investiment dirett) fejn tkun tinvolvi inqas minn 10 % tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija ( 236 ).

    320.

    Din il-ġurisprudenza jidher li tirrifletti definizzjonijiet użati bnadi oħra. Pereżempju, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (“OECD”) tiddefinixxi “investiment dirett” bħala “[…] kategorija ta’ investiment transkonfinali magħmul minn residenti f’ekonomija waħda […] bil-għan li jkun stabbilit interess fit-tul [li jkun stabbilit meta l-investitur dirett ikun is-sid ta’ mill-inqas 10 % tal-ishma bi dritt tal-vot tal-impriża ta’ investiment dirett] f’impriża […] li tkun tinsab stabbilita f’ekonomija oħra li ma tkunx dik tal-investitur dirett”. L-interess tal-investitur dirett ikun f’“[…] relazzjoni strateġika fit-tul mal-impriża ta’ investiment dirett sabiex jiġi żgurat grad sinjifikattiv ta’ influwenza mill-investitur dirett fit-tmexxija tal-impriża ta’ investiment dirett” ( 237 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“FMI”) jiddefinixxi “investiment dirett” bħala “[…] il-kategorija ta’ investiment internazzjonali li tirrifletti l-għan ta’ entità stabbilita f’ekonomija waħda li tikseb interess fit-tul f’impriża li tkun stabbilita f’ekonomija oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-FMI, “l-interess fit-tul jimplika l-eżistenza ta’ relazzjoni fuq medda ta’ żmien bejn l-investitur dirett u l-impriża u grad sinjifikattiv ta’ influwenza mill-investitur fit-tmexxija tal-impriża” ( 238 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (“UNCTAD”) tagħmel riferiment għad-definizzjonijiet użati mill-OECD u mill-FMI.

    321.

    Il-ġurisprudenza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE wkoll tgħin sabiex wieħed jifhem x’hemm eskluż mill-kunċett ta’ “investiment dirett”. Hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet dan it-tip ta’ investiment minn “investimenti f’portafoll”, jiġifieri, “[i]x‑xiri ta’ titoli fis‑suq tal‑kapital magħmul bl‑intenzjoni biss li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l‑intenzjoni li tiġi influwenzata t‑tmexxija u l‑kontroll tal‑impriża” ( 239 ). Din l-interpretazzjoni taqbel ukoll mad-definizzjonijiet ta’ investiment f’portafoll użati bnadi oħra ( 240 ).

    322.

    F’dan il-kuntest, ninterpreta t-terminu “investiment barrani dirett” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE bħala li jfisser investimenti magħmula minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stat terz fl-Unjoni Ewropea u investimenti magħmula minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni fi Stat terz li jservu sabiex jitwaqqfu u jinżammu rabtiet fit-tul u diretti, fil-forma ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u fil-kontroll tal-kumpannija, bejn il-persuna li tipprovdi l-investiment u l-kumpannija li għaliha jsir disponibbli dak l-investiment sabiex titwettaq attività ekonomika. Fl-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni, inqis li l-fatt li l-investitur dirett ikun is-sid ta’ mill-inqas 10 % tal-ishma bi dritt tal-vot tal-impriża ta’ investiment dirett jista’ joffri gwida f’termini ta’ provi għalkemm ċertament ma huwiex determinanti.

    – Ir-regolamentazzjoni ta’ “investiment barrani dirett” bħala parti mill-politika kummerċjali komuni

    323.

    Il-partijiet ma jaqblux dwar liema forom ta’ regolamentazzjoni ta’ “investiment barrani dirett” jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea. Huwa stabbilit li din il-politika tkopri l-aċċess għas-suq (jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ dħul u stabbiliment) u l-promozzjoni ta’ investiment. Għalhekk, dispożizzjoni bħall-Artikolu 9.7 tal-EUSFTA (“Trasferiment”), li titlob li l-Partijiet jippermettu li t-trasferimenti kollha relatati ma’ investiment isiru f’munita liberament konvertibbli mingħajr restrizzjoni jew dewmien u li, għalhekk, tkun tapplika għall-aċċess għas-suq, taqa’ fil-politika kummerċjali komuni.

    324.

    Il-politika kummerċjali komuni tkopri wkoll il-protezzjoni ta’ investituri (u l-investimenti tagħhom) wara li li jkunu daħlu fis-suq barrani?

    325.

    Fill-opinjoni tiegħi, iva.

    326.

    Huwa ċar li l-politika kummerċjali komuni tkopri, għall-inqas sa ċertu punt, il-protezzjoni ta’ ċerti investimenti barranin. Dan huwa hekk minħabba li din il-politika tkopri l-kummerċ ta’ servizzi, miftehma bħala l-erba’ modi ta’ servizzi koperti mill-GATS ( 241 ). Il-GATS jistabbilixxi obbligi li jirrigwardaw, inter alia, kemm l-aċċess għas-suq, kif ukoll it-trattament nazzjonali, il-prinċipju tan-nazzjon l-iktar iffavorit u regolamentazzjoni domestika, b’mod partikolari, fir-rigward tal-provvista ta’ servizz minn fornitur ta’ servizzi ta’ Membru wieħed permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ Membru ieħor (l-hekk imsejħa provvista ta’ servizzi skont il-mod 3, li tikkorrispondi b’mod ġenerali għal “stabbiliment”) ( 242 ). Preżenza kummerċjali skont dan il-ftehim tfisser “kull tip ta’ negozju jew stabbiliment professjonali, inkluż permezz ta’ (i) l-inkorporazzjoni, l-akkwist jew iż-żamma ta’ persuna ġuridika, jew (ii) il-ħolqien jew iż-żamma ta’ fergħa jew uffiċċju ta’ rappreżentanza fit-territorju ta’ Membru sabiex tipprovdi servizz” ( 243 ). Meta investiment barrani dirett iservi sabiex tiġi stabbilita preżenza kummerċjali għall-finijiet tal-provvista ta’ servizz, dan ikun kopert mill-kummerċ ta’ servizzi u, għalhekk, jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni. Meta jitqiesu t-tipi ta’ obbligi aċċettati taħt il-GATS u l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/08 ( 244 ), huwa ċar ukoll li l-politika kummerċjali komuni tkopri l-aċċess għas-suq u t-trattament li għandu jingħata wara li tkun ġiet stabbilita preżenza kummerċjali. Għall-inqas xi forma ta’ protezzjoni ta’ investiment barrani dirett wara dħul hija, għalhekk, koperta mill-politika kummerċjali komuni sa fejn hija tinkludi l-kummerċ ta’ servizzi.

    327.

    Barra minn dan, il-kwistjoni ta’ jekk il-politika kummerċjali komuni tkoprix regolamentazzjoni li tipproteġi, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament nazzjonali, miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ ta’ prodotti diġà ġiet riżolta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Ftehim dwar miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ (“il-Ftehim TRIMs”) ( 245 ), li japplika għal miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ ta’ prodotti ( 246 ) u jistabbilixxi, inter alia, obbligu ta’ trattament nazzjonali ( 247 ).

    328.

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li att tal-Unjoni jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni “[…] jekk jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali sa fejn ikun intiż essenzjalment li jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola dan il-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuq dan il-kummerċ” ( 248 ). L-istess eżami għandu, għalhekk, jiġi applikat għal investiment barrani dirett. Għalhekk, miżuri tal-Unjoni li essenzjalment ikunu intiżi sabiex jippromwovu, jiffaċilitaw jew jirregolaw investiment barrani dirett, u li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq investiment barrani dirett u fuq investituri, jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.

    329.

    Inżid li l-kuntest speċifiku li fih il-frażi “investiment barrani dirett” tidher fl-Artikoli 206 u 207(1) TFUE jikkorrispondi għal dak li fih kienet użata l-istess espressjoni fl-Abbozz tal-Artikoli dwar azzjoni esterna fit-Trattat Kostituzzjonali propost mill-Praesidium tal-Konvenzjoni. B’rabta ma’ (dawk li saru) l-Artikoli 206 u 207(1) TFUE, il-Praesidium ikkummenta li kien żdiet riferiment għal investiment barrani dirett “[…] b’rikonoxximent tal-fatt li flussi finanzjarji jissupplimentaw il-kummerċ ta’ prodotti, u llum jirrappreżentaw sehem sinjifikattiv ta’ skambji kummerċjali” ( 249 ). Dan jissuġġerixxi li l-investiment u l-kummerċ huma komponenti essenzjali ta’ politika kummerċjali komuni effettiva u magħquda. F’ekonomija dejjem iktar globalizzata, il-preżunzjoni għandha tkun li deċiżjonijiet dwar swieq ta’ esportazzjoni u importazzjoni u dwar fejn għandu jkun hemm produzzjoni jiddependu kemm fuq il-kummerċ kif ukoll fuq politika u regolamentazzjoni ta’ investiment.

    330.

    Il-politika kummerċjali komuni, għalhekk, tikkomprendi, minbarra miżuri li jgħinu u jtejbu d-dħul ta’ investiment barrani dirett fil-pajjiż ospitanti, miżuri li jipproteġu tali investiment sa fejn din id-disponibbiltà ta’ din il-protezzjoni għandha effett dirett u immedjat fuq id-deċiżjoni dwar jekk isirx l-investiment barrani dirett u fuq it-tgawdija tal-benefiċċji ta’ dak l-investiment.

    331.

    B’din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tikseb l-għanijiet tal-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 206 TFUE, meta ssegwi din il-politika, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi, inter alia, “[…]għall-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett […]”. Fl-opinjoni tiegħi, din il-frażi ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li l-politika kummerċjali komuni hija limitata sabiex jitneħħew restrizzjonijiet għall-aċċess għas-suq għal investiment barrani dirett. L-għan tal-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet ma hijiex limtata għal jekk prodotti jew servizzi jistax ikollhom aċċess għal suq jew jekk investiment barrani dirett jistax jiddaħħal f’suq. Miżuri konfinali u limitazzjonijiet ta’ dħul huma biss tip wieħed ta’ restrizzjoni. Ħafna tipi oħra ta’ miżuri (jew in-nuqqas tagħhom) jistgħu wkoll ma jħallux, jagħmlu jiswa iktar flus jew b’xi mod ieħor jagħmlu iktar diffiċli li prodott jew servizz jitqiegħed fis-suq jew li jsir investiment bil-għan li b’hekk isir profitt. Tali restrizzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn, pereżempju, trattament diskriminatorju; min-nuqqas ta’ sigurtà, ta’ prevedibbiltà u ta’ trasparenza fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali u ta’ investiment barrani dirett ( 250 ); jew mill-eżistenza ta’ prattika inġusta fil-kummerċ.

    332.

    B’mod konsistenti ma’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti u servizzi (bl-eċċezzjoni tat-trasport) stabbiliti mill-GATT 1994 u mill-GATS jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni ( 251 ). Dawn il-ftehimiet ma humiex limitati għal regoli dwar aċċess għas-suq. Tipi oħra ta’ regoli relatati ma’, b’mod partikolari, strumenti domestiċi huma wkoll meħtieġa minħabba li fl-assenza tagħhom il-benefiċċji ta’ aċċess għas-suq jisfaw ma jkunu jiswew xejn minħabba, inter alia, miżuri domestiċi diskriminatorji.

    333.

    L-istess raġunament għandu, fil-fehma tiegħi, japplika għar-regolamentazzjoni ta’ investiment barrani dirett. Wara kollox, l-effikaċja ta’ regoli li jippermettu dan it-tip ta’ investiment jistgħu jiddgħajfu għalkollox jekk, malli jsir l-investiment, l-investitur jitħalla mingħajr ebda protezzjoni kontra, pereżempju, trattament diskriminatorju (ara l-Artikolu 9.3 tal-EUSFTA dwar “Trattament nazzjonali”, moqri flimkien mal-Qbil 5, u mal-Artikolu 9.5.1 tal-EUSFTA dwar “Kumpens għal telf”), kontra esproprjazzjoni (ara l-Artikolu 9.6 tal-EUSFTA dwar “Esproprjazzjoni”), jew kontra restrizzjonijiet fuq trasferimenti (ara l-Artikolu 9.7 tal-EUSFTA dwar “Trasferiment”). Pereżempju, jekk investiment ikun tħalla jkollu aċċess għas-suq iżda l-attività ekonomika li għaliha l-investiment ikun sar tiġi mbagħad esproprjata mingħajr kumpens, ir-riżultat għall-investitur jista’ jkun agħar milli kieku l-aċċess kien sempliċement ġie rrifjutat. L-istess japplika meta investitur ibati telf fl-Istat ospitanti bħala riżultat tal-fatt li l-investiment tiegħu jiġi rrekwiżizzjonat jew jinqered bla bżonn mill-forzi armati jew mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat (ara l-Artikolu 9.5.2 tal-EUSFTA dwar “Kumpens għal telf”).

    334.

    Bl-istess mod, jekk investituri jiġu miċħuda trattament ġust u ekwu għall-investimenti tagħhom minħabba nuqqas ta’ aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, minħabba li jkunu ffaċċjati bi ksur fundamentali ta’ proċess xieraq jew minħabba li jkun hemm mala fide min-naħa tal-Istat ospitanti, dan jista’ jdgħajjef id-deċiżjoni li jsir investiment f’dak l-Istat u li jitgawdew il-benefiċċji tiegħu (ara l-Artikolu 9.4 tal-EUSFTA dwar “Standard ta’ trattament”). L-istess konsegwenza tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ protezzjoni tas-sigurtà fiżika tal-investituri u tal-investimenti (erġa’ ara l-Artikolu 9.4 tal-EUSFTA dwar “Standard ta’ trattament”).

    335.

    Ma narax raġuni għaliex għandi nieħu pożizzjoni differenti minħabba li dispożizzjonijiet li jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal xi wħud minn dawk l-istandards, bħall-Artikolu 9.3.3 tal-EUSFTA, jagħmlu riferiment għal għanijiet li sabiex jiġu segwiti jistgħu jkunu meħtieġa l-kompetenzi tal-Istati Membri. Il-funzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet hija li jippreskrivu l-kundizzjonijiet li fihom il-Partijiet ikunu jistgħu jadottaw jew jinfurzaw miżuri li altrimenti jkunu inkonsistenti ma’ dawk l-istandards sabiex jiksbu għanijiet leġittimi, bħall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jew iż-żamma tal-ordni pubbliku. Dawn huma miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea minħabba r-relazzjoni speċifika tagħhom ma’ investiment barrani dirett. Għalhekk, il-kundizzjonijiet li fihom tali miżuri jistgħu eċċezzjonalment jiġu applikati jaqgħu wkoll taħt din il-politika.

    336.

    Għalhekk nikkonkludi li l-politika kummerċjali komuni tkopri wkoll ir-regolamentazzjoni tal-protezzjoni ta’ investiment barrani dirett sa fejn din id-disponibbiltà ta’ din il-protezzjoni għandha effett dirett u immedjat fuq id-deċiżjoni jekk isirx l-investiment barrani dirett u fuq it-tgawdija tal-benefiċċji ta’ dak l-invesstiment.

    337.

    Dan ifisser li t-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima jikkonċernaw il-liberalizzazzjoni u l-protezzjoni ta’ investiment barrani dirett skont it-tifsira tal-Artikolu 207(1) TFUE.

    338.

    Għadd ta’ Stati Membri joġġezzjonaw, madankollu, li l-politika kummerċjali komuni ma tistax tkopri standards ta’ protezzjoni kontra esproprjazzjoni ta’ investiment barrani dirett. Huma jissottomettu li, skont l-Artikolu 345 TFUE, din il-materja taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Skont din id-dispożizzjoni, it-Trattati ma għandhom bl-ebda mod jippreġudikaw ir-regoli tal-Istati Membri li jirregolaw is-sistema ta’ proprjetà. Meta moqri flimkien mal-Artikolu 207(6) TFUE, dan ifisser (skonthom) li l-politika kummerċjali komuni ma testendix għall-esproprjazzjoni ta’ investiment barrani dirett.

    339.

    Jiena ma ninterpretax l-Artikoli 207(6) u 345 TFUE b’dan il-mod.

    340.

    L-Artikolu 345 TFUE jesprimi l-prinċipju li t-Trattati huma newtrali b’rabta mas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri: it-Trattati la jipprekludu, bħala regola ġenerali, in-nazzjonalizzazzjoni ta’ impriżi u lanqas il-privatizzazzjoni tagħhom ( 252 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 345 TFUE “[…] ma għandux l-effett li jeżenta lis-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari, dawk ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital”. ( 253 ) Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu tabilħaqq jagħżlu s-sistema ta’ proprjetà tagħhom, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn din l-għażla u l-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetà tinżamm ma jitneħħewx mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 345 TFUE ma jistax jinqara bħala li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jirregolaw il-proprjetà “bl-esklużjoni ta’ kull azzjoni [tal-Unjoni] fil-materja” ( 254 ).

    341.

    Jekk l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ftehim internazzjonali (irrispettivament mill-bażi legali sabiex isir dan) li jċaħħad lill-Istati Membri mid-dritt tagħhom li jesproprjaw proprjetà, dan, tabilħaqq, ikun indħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 345 TFUE. Dan ma huwiex il-każ, madankollu, fejn l-Unjoni Ewropea taqbel ma’ Stat terz li l-ebda Parti għall-ftehim ma tista’ tinnazzjonalizza jew tesproprja l-investimenti magħmula minn investituri tal-Parti l-oħra jekk ma jkunux issodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Tali ftehim ma jiksirx il-prerogattiva tal-Istati Membri (jiġifieri l-kompetenza esklużiva) li jagħżlu s-sistema tagħhom fir-rigward ta’ proprjetà. Huwa sempliċement jillimita ċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jinnazzjonalizzaw jew li jesproprjaw investimenti. Sa fejn tali ftehim ikun ikopri wkoll investiment barrani dirett, l-Artikolu 345 TFUE ma jillimitax il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE li tiftiehem ma’ Stat terz sabiex jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal kundizzjonijiet. Tali ftehim lanqas ma jkun qiegħed jarmonizza fl-Unjoni Ewropea l-kundizzjonijiet ta’ esproprjazzjoni.

    342.

    Għalhekk, inqis li l-Artikolu 345 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 207(6) TFUE, ma jirrestrinġix l-eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE ( 255 ).

    343.

    Għaldaqstant, nikkonkludi li t-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa (“Protezzjoni tal-Investiment”), sa fejn tapplika għal investiment barrani dirett, taqa’ kollha kemm hi fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE.

    344.

    Fl-aħħar nett, irrid inżid li, filwaqt li “investiment barrani dirett” issa huwa b’mod ċar materja li taqa’ fil-politika kummerċjali komuni, partijiet tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA jistgħu tabilħaqq jaqgħu f’din il-politika bis-saħħa ta’ aspetti oħra tal-Artikolu 207(1) TFUE. Diġà għamilt riferiment għall-interazzjoni bejn il-kummerċ ta’ servizzi u investiment ( 256 ). Aspetti kummerċjali tal-liġi dwar proprjetà intellettwali u l-investiment jistgħu bl-istess mod jinteraġixxu sa fejn, skont l-EUSFTA, drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-avvjament huwa forma ta’ investiment kopert minn dan il-kapitolu ( 257 ).

    345.

    Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, madankollu, huwa biżżejjed li l-kontenut tal-Kapitolu Disgħa jkollu rabta għall-inqas ma’ waħda mill-materji tal-Artikolu 207(1) TFUE u, għalhekk, jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni.

    Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) TFUE

    346.

    Huwa stabbilit li l-Artikolu 207(1) TFUE bħala tali ma jkoprix tipi ta’ investiment ħlief investiment barrani dirett. Il-partijiet użaw l-iktar it-terminu “investiment f’portafoll” sabiex jiddeskrivu dawn l-investimenti.

    347.

    Sakemm (partijiet tar)-regoli tal-EUSFTA li japplikaw għal dawk it-tipi l-oħra ta’ investiment ma humiex koperti mill-impenji dwar is-servizzi ( 258 ), il-bażi legali tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ tali investiment u l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea għandhom, għalhekk, jinsabu xi mkien ieħor.

    348.

    Ma huwiex qiegħed jiġi ssuġġerit li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-EUSFTA sabiex teżerċita l-kompetenza interna tagħha. Għalhekk, it-tieni raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE ma tapplikax.

    349.

    Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk l-Unjoni Ewropea jistax ikollha kompetenza esklużiva fuq it-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa abbażi tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, sa fejn jirrigwarda tipi ta’ investiment li ma jkunx investiment barrani dirett.

    350.

    Ma nistax naqbel mal-interpretazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE li skontha “regoli komuni” jinkludu dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    351.

    Huwa minnu li t-test tal-Artikolu 3(2) TFUE stess ma joffrix gwida deċiżiva. Filwaqt li t-TFUE juża l-kunċett ta’ “regoli komuni” speċifikament b’rabta mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni ( 259 ), it-Titolu VII tat-Tielet Parti tat-TFUE huwa intitolat “Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet”. Għalhekk, dan it-titolu jikkategorizza d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jinsabu fih bħala “regoli komuni”.

    352.

    Madankollu, it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE għandha tkun interpretata fid-dawl tas-sentenza ERTA u ġurisprudenza sussegwenti li tapplika l-prinċipju ERTA ( 260 ). Meqjusa f’dan il-kuntest, huwa ċar li l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ “regoli komuni” tal-Kummissjoni ma tistax tkun aċċettata.

    353.

    L-Artikolu 3(2) TFUE jistabbilixxi raġunijiet addizzjonali sabiex l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esklużiva tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-Unjoni Ewropea ma jkollhiex kompetenza esklużiva espressa skont l-Artikolu 3(1) TFUE. Din il-kompetenza għandha, għalhekk, toriġina minn xi bażi oħra għajr it-Trattati nfushom. Għat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, din il-bażi l-oħra hija l-impatt li ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri jista’ jkollhom fuq “regoli komuni”, jiġifieri regoli adottati mill-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-kompetenza interna tagħha (sabiex issegwi politika komuni) f’ċerti oqsma. Għalhekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fl-Opinjoni 2/92, huwa biss l-eżerċizzju ta’ kompetenza interna (b’mod distint mis-sempliċi eżistenza tagħha) li jista’ jagħti lok għal kompetenza esterna esklużiva (impliċita) ( 261 ). Fl-Opinjoni 1/94, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li “[…] il-kompetenza esterna esklużiva tal-[Unjoni Ewropea] ma tirriżultax ipso facto mis-setgħa li hija għandha sabiex tistabbilixxi regoli fuq livell intern” ( 262 ).

    354.

    L-argument tal-Kummissjoni jkun ifisser li l-Artikolu 3(2) TFUE jagħraf id-dritt tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehim li jolqot it-Trattati jew li jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Madankollu, il-funzjoni primarja tal-Artikolu 3(2) TFUE hija, kif il-kliem tiegħu jagħmilha ċara, li jiddefinixxi n-natura tal-kompetenza esterna tal-Unjoni. L-iskop tiegħu ma jistax ikun li jintitola lill-Unjoni Ewropea “tolqot” regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni jew li “tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom” billi tikkonkludi ftehim internazzjonali ( 263 ). Liġi primarja tista’ tinbidel biss billi jiġu emendati t-Trattati skont l-Artikolu 48 TUE ( 264 ). Kuntrarjament għas-sottomissjoni tal-Kummissjoni, ir-riskju li tintlaqat il-liġi primarja tal-Unjoni ma jistax jistabbilixxi kompetenza esterna esklużiva skont it-tifsira tat-tielet raġuni abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE ( 265 ). L-Artikolu 3(2) TFUE lanqas ma jista’ jinqara bħala li jfisser li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva għas-sempliċi raġuni li għandha kompetenza tadotta regoli fil-livell intern ( 266 ).

    355.

    Il-Kummissjoni straħet hawnhekk fuq is-sentenza Pringle, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk it-Trattat MES (konkluż mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro) jolqotx is-setgħa tal-Unjoni Ewropea li tagħti, abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, assistenza finanzjarja ad hoc lil Stat Membru f’diffikultajiet jew li jkun mhedded serjament b’diffikultajiet severi minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ħadet nota tal-fatt li t-twaqqif tal-MES ma kienx jolqot is-setgħa tal-Unjoni Ewropea li tagħti, fuq il-bażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, assistenza finanzjarja ad hoc lil Stat Membru meta jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru jinstab f’diffikultajiet jew ikun qiegħed jaffaċċja theddida serja ta’ diffikultajiet kbar ikkawżati minn diżastri naturali jew ċirkustanzi li ma jkollux kontroll fuqhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, peress li la l-Artikolu 122(2) TFUE u lanqas xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat UE jew tat-Trattat FUE ma kienu jagħtu setgħa speċifika lill-Unjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà bħalma huwa l-MES, l-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-Artikoli 4(1) u 5(2) TUE, jaġixxu f’dan il-qasam ( 267 ). Sabiex tivverifika jekk l-Artikolu 3(2) TFUE kienx iħalli lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro jikkonkludu t-Trattat MES, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat kemm ir-Regolament Nru 407/2010 ( 268 ), kif ukoll id-dispożizzjoni tat-Trattat li tagħti s-setgħa lill-Unjoni Ewropea tadotta leġiżlazzjoni sekondarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 3(2) TFUE ma kienx iżomm lil grupp ta’ Stati Membri milli jikkonkludu t-Trattat MES.

    356.

    Wara li ddeskriviet l-għan ewlieni tal-Artikolu 3(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Pringle, li “jirriżulta wkoll [mill-Artikolu 3(2) TFUE] li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jikkonkludu bejniethom ftehim li jista’ jaffettwa r-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom” ( 269 ). Din id-dikjarazzjoni sempliċement tesprimi l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali, li jopera b’rabta kemm mal-liġi primarja tal-Unjoni, kif ukoll ma’ dik sekondarja tagħha. Dik il-parti tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pringle ma ssostnix il-propożizzjoni li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali abbażi tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE tista’ tirriżulta minn “regoli komuni” li jinsabu fil-liġi primarja tal-Unjoni.

    357.

    L-argument tal-Kummissjoni jimplika wkoll li l-kompetenza esterna esklużiva tista’ tiġi stabbilita abbażi tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE anki meta l-kompetenza interna li hija l-bażi tad-dispożizzjoni tat-Trattat li fuqha l-Kummissjoni tistrieħ ma tkunx ġiet eżerċitata. Jekk dan huwa korrett, id-distinzjoni bejn it-tieni raġuni, li speċifikament tkopri s-sitwazzjoni fejn ma tkunx ġiet eżerċitata kompetenza interna, u t-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE parzjalment tisparixxi.

    358.

    Barra minn dan, jekk it-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE kellha tiġi interpretata bħala li tfisser li l-kompetenza esklużiva hija konsegwenza neċessarja tal-fatt li ftehim internazzjonali jista’ jaffettwa dispożizzjonijiet tat-Trattat jew jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, is-sempliċi eżistenza ta’ dispożizzjoni tat-Trattat tista’ tkun suffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi li l-Unjoni Ewropea kellha tali kompetenza. Jekk dan huwa korrett, għaliex dawk li abbozzaw it-Trattat ma kkonfermawx sempliċement l-eżistenza ta’ din il-kompetenza esterna esklużiva b’mod espliċitu?

    359.

    Għalhekk jiena tal-fehma li “regoli komuni” fis-sens tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jinkludu “dispożizzjonijiet tat-Trattat”.

    360.

    Huwa stabbilit li ma hemmx leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni skont l-Artikoli 63(1) u 64(2) TFUE relatata ma’ tipi ta’ investiment ħlief investiment barrani dirett.

    361.

    Għalhekk nikkonkludi li, fl-assenza ta’ regoli komuni, il-kundizzjonijiet tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE ma humiex issodisfatti. Minn dan isegwi li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq din il-bażi. Il-Kummissjoni lanqas ma ssottomettiet li l-Unjoni għandha tali kompetenza fuq bażi oħra.

    362.

    L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri?

    Il-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni Ewropea mal-Istati Membri

    363.

    Il-Kummissjoni tissottometti, bħala alternattiva, li hemm kompetenza kondiviża għall-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali li jkun jikkonċerna tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett abbażi tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE.

    364.

    Fis-seduta l-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet kemm lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kummissjoni dwar fuq liema bażi l-Unjoni Ewropea kellha kompetenza interna fuq tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett. Il-Kunsill qal li ma kienx hemm bażi legali fit-Trattati għall-adozzjoni ta’ liġi sekondarja li tirregola tipi ta’ investiment ħlief investiment barrani dirett li setgħet titqies li kienet “regoli komuni” skont it-tifsira tat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Madankollu l-Kunsill aċċetta li ċerti aspetti ta’ tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett setgħu jsiru suġġetti għal atti leġiżlattivi adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat (minbarra l-Artikoli 63 u 64 TFUE) li jirregolaw is-suq intern. Il-Kummissjoni rrispondiet li, fid-dawl tal-projbizzjoni li kienet diġà tinsab fl-Artikolu 63(1) TFUE, it-Trattati (ovvjament) ma kinux jipprovdu bażi legali għall-adozzjoni ta’ liġi sekondarja sabiex tinkiseb liberalizzazzjoni (bħala distinta minn armonizzazzjoni) ta’ movimenti ta’ kapitali, inkluż investiment f’portafoll. Madankollu, kemm l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll l-Artikolu 352 TFUE kienu joffru bażi għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq investimenti ta’ portafoll. Madankollu, sa fejn l-EUSFTA ma kienx ifittex li jarmonizza, l-Artikolu 114 TFUE ma jistax ikun bażi legali xierqa. Il-Kummissjoni ssottomettiet li, f’kull każ, ma huwiex meħtieġ li tiġi identifikata bażi legali għall-eżerċizzju tal-kompetenza interna qabel ma l-Unjoni tkun tista’ tistrieħ fuq l-Artikolu 216(1) TFUE.

    365.

    Fl-opinjoni tiegħi, it-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE hija rilevanti biss jekk l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza interna. Għal dawn il-finijiet, materja għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, hekk, il-kompetenza tagħha ( 270 ). Ma huwiex meħtieġ li l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti tadotta liġi sekondarja.

    366.

    Jidhirli li l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE huma ssodisfatti hawnhekk.

    367.

    Skont l-Artikolu 63 TFUE, l-Unjoni Ewropea manifestament għandha kompetenza fuq il-liberalizzazzjoni u l-protezzjoni ta’ tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett sa fejn tali investimenti jkunu jirrappreżentaw movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi. Filwaqt li t-Trattati ma jagħtux definizzjoni ta’ “movimenti ta’ kapital”, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan it-terminu billi straħet fuq in-nomenklatura (mhux eżawrjenti) annessa mad-Direttiva 88/361 ( 271 ). Movimenti ta’ kapital huma kklassifikati skont in-natura ekonomika tal-attiv u l-passiv li huma jikkonċernaw. Id-definizzjoni hija wiesgħa ħafna. Għalhekk, movimenti ta’ kapital ikopru, inter alia, proprjetà immobbli, titoli, strumenti oħra fis-suq tal-flus, unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, kontijiet kurrenti u ta’ depożitu ma’ istituzzjonijiet finanzjarji, krediti relatati ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali jew sabiex ikunu pprovduti servizzi, self u krediti finanzjarji, garanziji legali u ġudizzjarji, garanziji oħra, drittijiet ta’ rahan, trasferimenti fit-twettiq ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, movimenti ta’ kapital personali, importazzjoni u esportazzjoni fiżiċi ta’ assi finanzjarji, privattivi, disinji, trade marks u invenzjonijiet.

    368.

    Forom oħra ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ investiment jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE sa fejn japprossimaw liġijiet li jirregolaw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Setgħat addizzjonali jistgħu wkoll jirriżultaw mill-Artikolu 352 TFUE.

    369.

    L-aspett tal-moviment liberu tal-kapital tas-suq intern għandu kemm komponent intern kif ukoll komponent estern. Ftehim li l-għan tiegħu jkun li tinkiseb il-liberalizzazzjoni reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiż terz, bħall-EUSFTA, jaqa’ fil-qafas ta’ din il-politika. Minħabba li tali impenji reċiproċi ma jistgħux jitwettqu mingħajr il-kunsens ta’ dak il-pajjiż terz, jista’ jkun meħtieġ, skont it-tifsira tal-ewwel raġuni abbażi tal-Artikolu 216(1) TFUE, li jkun konkluż ftehim internazzjonali sabiex jinkiseb dan l-għan.

    370.

    Għalhekk nikkonkludi li t-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa, sa fejn tapplika għal tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett, taqa’ fil-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, abbażi tal-Artikolu 4(2)(a) TFUE u tal-ewwel raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 63 TFUE.

    Jekk l-EUSFTA jistax jittermina ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u Singapor

    371.

    Kwistjoni separata hija jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza tiftiehem dwar l-Artikolu 9.10.1 tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA. Din id-dispożizzjoni tgħid li, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA, il-ftehimiet bilaterali dwar investiment bejn l-Istati Membri u Singapor elenkati fl-Anness 9‑D ( 272 ) ser jintemmu. L-EUSFTA ser jannulla, jissostitwixxi u ser jieħu post dawn il-ftehimiet. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ din id-dispożizzjoni ( 273 ) tgħid li “għal iktar ċertezza, [dawn il-ftehimiet] għandhom jitqiesu li jkunu ġew itterminati mill-[EUSFTA], skont it-tifsira tas-subparagrafu 1(a) tal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati”.

    372.

    Fit-talba tagħha l-Kummissjoni tissottometti li l-Artikolu 9.10 (“Relazzjoni ma’ Ftehimiet oħra”), flimkien mal-Artikoli 9.8 (“Subroga”) u 9.9 (“Terminazzjoni”), jiddependu manifestament fuq id-dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-investiment tal-Kapitolu Disgħa tat-Taqsima A, u, għalhekk, huma anċillari għalihom. Fis-seduta l-Kummissjoni ssottomettiet li, meta l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ftehim internazzjonali f’qasam li jkun jaqa’ fil-kompetenza tagħha (għall-inqas meta din il-kompetenza tkun esklużiva), l-Unjoni Ewropea tieħu post l-Istati Membri fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali tagħhom ma’ Stati terzi u, għalhekk, tkun tista’ taġixxi għall-Istati Membri, inkluż billi tittermina tali ftehimiet bilaterali.

    373.

    Il-Kunsill u għadd sinjifikattiv ta’ Stati Membri ssottomettew li l-Unjoni Ewropea ma tistax, meta taġixxi waħedha, tiftiehem ma’ Stat terz li tittermina u tissostitwixxi ftehimiet internazzjonali konklużi minn dak l-Istat mal-Istati Membri u li l-Unjoni Ewropea ma tkunx Parti fihom.

    374.

    Kif naraha jiena, jeħtieġ li tingħata deċiżjoni definittiva dwar din il-kwistjoni fil-każ biss li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-partijiet l-oħra kollha tal-EUSFTA. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea hija kondiviża mal-Istati Membri u jekk, għalhekk, ikun hemm il-ħtieġa li l-EUSFTA jiġi konkluż kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri, l-Istati Membri (ikkonċernati) ikunu jistgħu huma stess jiddeċiedu, filwaqt li jesprimu l-kunsens tagħhom li jkunu marbuta mill-EUSFTA, jekk jitterminawx jew le l-ftehimiet li huma għandhom eżistenti ma’ Singapor.

    375.

    Għar-raġunijiet li diġà tajt, inqis li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq it-Taqsima A kollha tal-Kapitolu Disgħa (jew, jekk niġu f’dan, fuq l-EUSFTA kollu hemm hu) ( 274 ).

    376.

    Għal finijiet ta’ kompletezza, madankollu, ser nindirizza fil-qosor il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni Ewropea, mingħajr ma tkun Parti għall-ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri u Singapor li huma inklużi fl-Anness 9-D, tistax tiftiehem ma’ Singapor li tittermina dawk il-ftehimiet mingħajr il-kunsens tal-Istati Membri.

    377.

    Din hija kwistjoni oriġinali ( 275 ).

    378.

    Meta l-Unjoni Ewropea tikseb kompetenza esklużiva (interna jew esterna) f’qasam partikolari, hija taġixxi f’qasam li fuqu l-Istati Membri kienu qabel kompetenti. Jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċidix jew le li ttemm azzjonijiet imgħoddija ta’ Stati Membri jiddependi minn kif l-Unjoni Ewropea teżerċita din il-kompetenza u minn jekk dan joħloqx xi inkompatibbiltà ma’ azzjoni preċedenti ta’ Stati Membri. Il-kundizzjonijiet li fihom l-Unjoni Ewropea tista’ teżerċità kompetenzi interni jiddependu mid-dritt tal-Unjoni. F’kull każ, azzjoni tal-Unjoni għandha tkun konsistenti mad-dritt internazzjonali ( 276 ).

    379.

    Meta l-Unjoni Ewropea tassumi s-setgħat li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri f’qasam irregolat bi ftehim internazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim isiru, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, vinkolanti għall-Unjoni Ewropea ( 277 ). Din kienet il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-GATT 1947 [li għalih l-Istati Membri kollha (dak iż-żmien) kienu parti iżda mhux l-Unjoni Ewropea], fil-kawża International Fruit Company ( 278 ). L-effett vinkolanti tal-GATT 1947 kien kundizzjoni sabiex ġie stabbilit jekk huwa kienx jaffettwa l-validità tal-liġi sekondarja tal-Komunità Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem “KEE”). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx (u lanqas ma kien jeħtiġilha tqis) kif dik il-konstatazzjoni kienet tolqot l-obbligi tal-Istati Membri skont il-GATT 1947 jew l-istatus tagħhom bħala Partijiet Kontraenti għal dak il-ftehim. Kif nifhimha jiena, l-implikazzjoni tas-sentenza International Fruit Company hija li, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea kienet saret esklużivament kompetenti għal affarijiet koperti mill-GATT 1947 u, bħala materja tad-dritt internazzjonali, l-Unjoni Ewropea kienet ħadet post l-Istati Membri bħala l-parti responsabbli għall-konformità mal-obbligi li huma kienu ħadu skont il-GATT 1947.

    380.

    Madankollu, is-sentenza International Fruit Company ma kinitx indirizzat il-kwistjoni ta’ jekk, meta l-Unjoni Ewropea tassumi s-setgħat li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri f’qasam li jsir parti mill-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea, dawk is-setgħat ikunux jinkludu d-dritt li hija tittermina ftehimiet eżistenti konklużi mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. Tabilħaqq, l-Istati Membri komplew ikunu Partijiet Kontraenti għall-GATT 1947 li minn hemm ’il quddiem kien japplika, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, kemm għal dawk l-Istati Membri, kif ukoll għall-KEE.

    381.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni ma tistax tolqot id-dmir tal-Istati Membri li jħarsu d-drittijiet ta’ Stati terzi skont ftehim preċedenti u li jwettqu l-obbligi tagħhom konformement miegħu ( 279 ). Għalhekk, anki jekk it-Trattati jittrasferixxu kompetenza fuq qasam partikolari kompletament lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu l-obbligi tagħhom taħt ftehimiet internazzjonali ma’ Stati terzi. Dan huwa konsistenti mal-prinċipju stabbilit sewwa skont id-dritt internazzjonali li d-dritt intern ma jistax jiġġustifika nuqqas li jiġi implementat ftehim internazzjonali jew jaffettwa l-validità ta’ dak il-ftehim ( 280 ). Dan ifisser ukoll li bidliet fit-Trattati ma jistax ikollhom bħala riżultat li l-Unjoni Ewropea tieħu post l-Istati Membri fi ftehimiet li huma jkunu preċedentement ikkonkludew ma’ Stati terzi. Għalhekk, Stat terz ikompli jkun marbut bi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat u, bħala prinċipju, l-implementazzjoni sħiħa ta’ dak il-ftehim tkun, skont il-prinċipju tal-pacta sunt servanda ( 281 ), dovuta miż-żewġ partijiet għall-ftehim.

    382.

    L-Istati Membri huma madankollu meħtieġa jwettqu l-obbligi tagħhom skont dawk il-ftehimiet b’mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni u mal-eżerċizzju mill-Unjoni Ewropea tal-kompetenzi esklużivi li tkun kisbet reċentement. Meta ma jkunx possibbli jsir dan mingħajr ma jinkiser id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa sabiex jiżguraw li dawk il-ftehimiet jaqblu mad-dritt tal-Unjoni. Dan l-obbligu joħroġ kemm mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE.

    383.

    L-Artikolu 351 TFUE, li jikkonċerna, minn naħa, ir-relazzjoni bejn ftehimiet konklużi mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Jannar 1958 (jew qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru partikolari) bejn Stat Membru wieħed jew iktar u pajjiż terz wieħed jew iktar, u, u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, jikkonferma dan ir-raġunament.

    384.

    L-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa “[…] li [j]ippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax id-dmir tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu […]” ( 282 ).

    385.

    It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jgħid li, sa fejn tali ftehimiet ma jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab. Dawn il-miżuri jistgħu jirrikjedu li l-Istat Membru jittermina l-ftehim. Fejn ma jkun hemm xejn inkompatibbli bejn il-ftehim ta’ qabel u t-Trattati, ma jkunx hemm lok li tittieħed azzjoni rimedjali.

    386.

    L-Artikolu 351 TFUE japplika għar-relazzjoni bejn, minn naħa, il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn Singapor u diversi Stati Membri individwali qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u s-Slovenja: jiġifieri, uħud mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 9-D) ( 283 ), u, min-naħa l-oħra, it-Trattati. Madankollu, l-Artikolu 351(1) TFUE bħala tali ma jirregolax ir-relazzjoni bejn din l-ewwel kategorija ta’ ftehimiet u ftehimiet li kienu konklużi wara minn Singapor u mill-Unjoni Ewropea. Lanqas ma huwa rilevanti għal ftehimiet konklużi minn Stati Membri oħra.

    387.

    Għalhekk, iktar milli jġib ’il quddiem il-każ tal-Kummissjoni, l-Artikolu 351 TFUE manifestament jikkonferma li Stat Membru jibqa’ parti għal ftehimiet internazzjonali li huwa jkun ikkonkluda qabel u jġorr ir-responsabbiltà għat-tneħħija ta’ kull inkompatibbiltà bejn dawk il-ftehimiet u t-Trattati. L-Artikolu 351 TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni Ewropea jkollhiex kompetenzi esklużivi jew kondiviżi fuq il-qasam kopert minn dawk il-ftehimiet.

    388.

    Ma hemmx dispożizzjoni tat-Trattat li tikkataloga l-obbligi tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali ma’ Stati terzi (jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali) wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea. L-obbligi tagħhom joħorġu kemm mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mid-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilita mill-Artikolu 4(3) TUE. Għalhekk, it-Trattati fil-fatt jolqtu d-dritt tal-Istati Membri li jikkonkludu tali ftehimiet wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Huma jkunu jistgħu jagħmlu hekk biss f’oqsma li jkunu jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom u sakemm ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    389.

    Jekk l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri sussegwentement tinbidel u l-Unjoni Ewropea tikseb kompetenzi addizzjonali li jkunu ta’ natura esklużiva, ma narax raġuni għaliex ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 351 TFUE ma għandhomx jibqgħu japplikaw. L-Istati Membri xorta waħda jkollhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li ftehimiet eżistenti fil-qasam ikkonċernat, li llum jorbtu wkoll lill-Unjoni Ewropea ( 284 ), ikunu konsistenti ma’ dik l-allokazzjoni l-ġdida ta’ kompetenzi u ma’ kwalunkwe azzjoni li l-Unjoni Ewropea sussegwentement tieħu fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

    390.

    Jidhirli li din il-konklużjoni hija wkoll kompletament konsistenti mad-dritt internazzjonali.

    391.

    L-Unjoni Ewropea u Singapor espressament jagħmlu riferiment, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ( 285 ) b’rabta mal-Artikolu 9.10.1 tal-EUSFTA, għall-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969. Din id-dispożizzjoni torbot bħala materja ta’ liġi ta’ trattat lill-Istati Membri kollha u lil Singapor. L-Unjoni Ewropea nfisha ma hijiex u ma tistax tkun marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 minħabba li ma hijiex Stat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, straħet fuq din id-dispożizzjoni sabiex tirriżolvi kwistjonijiet dwar ftehimiet suċċessivi ( 286 ).

    392.

    L-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 jittratta l-abrogazzjoni (impliċita) ta’ trattat bejn partijiet li tirriżulta mill-konklużjoni minn dawk il-partijiet kollha ta’ trattat sussegwenti. Skont din id-dispożizzjoni “(1). Trattat jitqies li jkun ġie tterminat jekk il-partijiet kollha għalih wara jikkonkludu trattat li jkun relatat mal-istess suġġett u: (a) ikun jidher mit-trattat sussegwenti jew ikun stabbilit b’mod ieħor li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li l-materja tkun irregolata minn dak it-trattat […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Unjoni Ewropea għandha issa titqies li tagħmel parti mill-ftehimiet bilaterali preċedenti.

    393.

    L-Artikolu 59 bl-ebda mod ma jmur lil hinn mill-prinċipju bażiku li t-terminazzjoni ta’ trattat (bl-istess mod bħall-konklużjoni tiegħu) jeħtiġilha l-kunsens tal-partijiet għal dak it-trattat ( 287 ). Primarjament huwa jservi bħala regola ta’ kunflitt sabiex jiġi ddeterminat liema trattat japplika fejn ikun hemm ftehimiet suċċessivi u l-partijiet kollha għat-trattat preċedenti jkunu wkoll partijiet għat-trattat sussegwenti, iżda t-trattat preċedenti ma jkunx ġie tterminat ( 288 ). Meta l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha li tkun għadha kemm kisbet u tikkonkludi ftehim ma’ Stat terz, dan l-Istat terz ikun marbut b’dak il-ftehim ġdid, kif ukoll b’kull ftehim ieħor li huwa jkun ikkonkluda qabel ma’ Stati Membri li kien ikopri l-istess suġġett. Dan ovvjament jista’ jġib miegħu inċertezza legali għall-Istat terz. Meta l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 ikun japplika, dan il-kunflitt jiġi riżolt favur il-ftehim li jkun sar wara bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat terz. Meta ma jkunx japplika, l-Istat terz għandu, bħala prinċipju, jonora ż-żewġ ftehimiet.

    394.

    Madankollu, l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 japplika biss jekk ikun aċċettat li (bħala materja tad-dritt internazzjonali) l-Unjoni Ewropea tkun ħadet post l-Istati Membri individwali fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness 9-D. Huwa ma joffrix gwida ġenerali dwar suċċessjoni fir-rigward ta’ trattati. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 ma tgħaddix ġudizzju dwar ebda kwistjoni li tinqala’, fir-rigward ta’ trattat, minn suċċessjoni ta’ Stati ( 289 ). Lanqas il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1978 dwar is-suċċessjoni tal-Istati rigward it-trattati ( 290 ) ma tidher li tindirizza s-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni. [Irrid inżid li, għalkemm din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ, ftit Stati Membri biss huma fost l-għadd (limitat) ta’ firmatarji.]

    395.

    Fis-seduta l-Kummissjoni għamlet riferiment għal dak li hija ddeskriviet bħala prattika li hija “stabbilita sewwa” u “aċċettata minn għadd kbir ta’ pajjiżi terzi”. Madankollu, il-ftit eżempji li hija ressqet kollha kienu dwar x’kienet għamlet l-Unjoni Ewropea nfisha. Il-Kummissjoni ma offriet ebda għajnuna dwar jekk Stati oħra jqisux tali prattika bħala li tammonta għal regola tad-dritt internazzjonali.

    396.

    F’dan il-kuntest, ma nsib ebda bażi fid-dritt internazzjonali (kif jinsab illum) sabiex nikkonkludi li l-Unjoni Ewropea tista’ tiret awtomatikament ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri, li tiegħu ma tkunx Parti, u mbagħad tittermina dak il-ftehim. Tali regola tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola fundamentali tal-kunsens fit-tfassil tal-liġijiet fil-livell internazzjonali. L-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni tkun tfisser li, bħala riżultat ta’ bidliet fid-dritt tal-Unjoni u (possibbilment) fl-eżerċizzju mill-Unjoni Ewropea tal-kompetenzi esterni tagħha, Stat Membru jista’ ma jibqax Parti għal ftehim internazzjonali, minkejja li jkun Stat li jkun ta l-kunsens tiegħu li jkun marbut b’dak il-ftehim u li għalih dak il-ftehim kien fis-seħħ ( 291 ). Id-drittijiet u l-obbligi tal-Istat Membru skont dak il-ftehim jintemmu u, jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi ġodda tagħha, jeħdulhom posthom drittijiet u obbligi meħuda mill-Unjoni Ewropea mal-Istat terz, mingħajr ma l-Istat Membru ma jkun esprima l-kunsens tiegħu għal dawk il-bidliet (fundamentali).

    397.

    Fl-aħħar nett, ninnota li l-Unjoni Ewropea adottat leġiżlazzjoni sekondarja (Regolament Nru 1219/2012) li tistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn Stati Membri u pajjiżi terzi. Madankollu, jingħad espressament li dan ir-regolament huwa bla ħsara għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri skont it-TFUE ( 292 ). Huwa bbażat fuq il-premessa li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-materji kollha koperti minn dawk il-ftehimiet bilaterali preċedenti u joffri bażi skont id-dritt tal-Unjoni sabiex l-Istati Membri jaġixxu fir-rigward ta’ ftehimiet eżistenti u (possibbilment) ta’ oħrajn ġodda. Dan ir-regolament, madankollu, ma jikkontemplax li l-Unjoni Ewropea nfisha tkun tista’ (flimkien mal-Istat terz marbut bil-ftehim bilaterali) tittermina dawk il-ftehimiet preċedenti.

    398.

    Jiena, għalhekk, nikkonkludi li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva jitterminaw ftehimiet bilaterali dwar investiment li huma kienu kkonkludew qabel ma’ Stati terzi. Bħala riżultat, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza tiftiehem dwar l-Artikolu 9.10 tal-EUSFTA.

    Kuntratti pubbliċi governattivi (Kapitolu Għaxra tal-EUSFTA ( 293 ) )

    Argumenti

    399.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, fil-Kawża C-360/93 ( 294 ), li bħala prinċipju l-politika kummerċjali komuni tkopri l-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar il-ftuħ reċiproku ta’ swieq ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal prodotti u għal servizzi transkonfinali. Minħabba li modi oħra ta’ provvista ta’ servizzi huma issa inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, l-istess argument japplika b’estensjoni għal dawk il-modi l-oħra ta’ provvista. F’livell iktar ġenerali, il-Kummissjoni tissottometti li ftehimiet internazzjonali li jirregolaw aċċess minn prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għal swieq ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u, prodotti u servizzi tal-Unjoni għal swieq ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, huma relatati speċifikament ma’ kummerċ internazzjonali u, għalhekk, għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ internazzjonali. Il-Kummissjoni żżid li l-Protokoll (reċenti) li jemenda l-Ftehim WTO dwar kuntratti tal-gvern kien konkluż mill-Unjoni Ewropea li aġixxiet abbażi tal-kompetenza esklużiva fuq il-politika kummerċjali komuni.

    400.

    Il-partijiet l-oħra ma għamlu ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Kapitolu Għaxra.

    Analiżi

    401.

    Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, ma nqisx li l-Kawża C‑360/93 ( 295 ) hija rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk il-Kapitolu Għaxra jaqax fil-politika kummerċjali komuni. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja kienet annullat żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill, li, rispettivament, kienu (i) ikkonkludew ftehim bejn (dik li llum hija) l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar kuntratti pubbliċi governattivi, u (ii) estendew il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva tal-Kunsill dwar proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sabiex ikopri lill-Istati Uniti tal-Amerika ( 296 ). Hija ddeċidiet li l-Artikolu 113 KE kien bażi legali inadegwata għal dawk id-deċiżjonijiet minħabba li dak iż-żmien il-provvista ta’ servizzi transkonfinali biss kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Madankollu, iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jkopru wkoll modi oħra ta’ provvista ta’ servizzi (il-preżenza kummerċjali jew il-preżenza ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra) ( 297 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma ħaditx pożizzjoni dwar jekk kuntratti pubbliċi governattivi bħala tali jaqgħux fil-politika kummerċjali komuni.

    402.

    Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li l-għan tal-Kapitolu Għaxra huwa primarjament li jiġi ffaċilitat il-ftuħ reċiproku tas-swieq ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi governattivi tal-Unjoni Ewropea u ta’ Singapor, fil-limiti stabbiliti fl-Iskeda ta’ Impenji għal aċċess għas-suq għal kull Parti. Dan il-kapitolu għandu l-għan ukoll li jtejjeb il-kompetizzjoni fl-akkwist mill-gvern ta’ prodotti, ta’ servizzi u ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni u li jiggarantixxi trasparenza u proċedura ġusta f’dan il-qasam. Huwa jagħmel hekk billi jespandi l-impenji diġà meħuda miż-żewġ Partijiet skont il-Ftehim WTO (rivedut) dwar kuntratti tal-gvern ( 298 ). Fil-fatt, partijiet kbar ta’ dan il-kapitolu jikkorrispondu (kelma b’kelma) għal dak il-Ftehim WTO.

    403.

    Il-konklużjoni li l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi — u għalhekk regoli relatati ma’ aċċess għas-suq għal tali prodotti u servizzi u regolamenti domestiċi li jirregolawhom — huma koperti mill-politika kummerċjali komuni ma hijiex affettwata mill-fatt li dawn il-prodotti u s-servizzi jiġu akkwistati minn awtoritajiet pubbliċi u mhux minn entitajiet privati.

    404.

    Madankollu, skont il-Kapitolu Għaxra, japplikaw ukoll ċerti impenji speċifiċi għas-settur tat-trasport. Il-Parti 2 tal-Anness 10.E (“Impenji tal-Unjoni”), li ssemmi s-servizzi li dwarhom l-Unjoni taċċetta impenji, tikkonferma espressament li forom differenti ta’ servizzi ta’ trasport huma koperti minn dan il-kapitolu. Barra minn dan, in-nota 2 ta’ din il-parti tal-anness tgħid li l-impenji tal-Unjoni li jirrigwardaw servizzi huma suġġetti għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet tal-impenji tal-Unjoni Ewropea skont il-Kapitolu Tmienja.

    405.

    Sa fejn il-Kapitolu Għaxra japplika għal servizzi ta’ trasport u servizzi li minnhom infushom ikollhom rabta ma’ dawn is-servizzi, mill-Artikolu 207(5) TFUE jsegwi li l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq dan il-kapitolu ma tistax tkun ibbażata fuq il-politika kummerċjali komuni ( 299 ).

    406.

    Il-Kummissjoni ma wrietx fuq liema bażi oħra l-Unjoni jista’ jkollha kompetenza esklużiva fuq il-Kapitolu Għaxra.

    407.

    Kif nifhimha jiena, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza kondiviża fuq dan il-kapitolu sa fejn japplika għal servizzi ta’ trasport u servizzi marbuta intrinsikament ma’ dawn is-servizzi. Il-Kapitolu Għaxra jiżgura li kuntratti pubbliċi koperti minn dan il-kapitolu jingħataw skont il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, u, għalhekk, jiggarantixxi li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkun miftuħ għall-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea u f’Singapor ( 300 ). Dan il-kapitolu, għalhekk, jikkontribwixxi sabiex ikun stabbilit jew żgurat il-funzjonament tas-suq intern li, kif il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni jagħmilha ċara, “jinkludi sistema li tassigura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta” ( 301 ). F’dan is-sens, il-Kapitolu Għaxra jista’ jitqies li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi stabbilit is-suq intern stabbilit fl-Artikolu 26(1) TFUE, skont it-tifsira tat-tieni raġuni abbażi tal-Artikolu 216(1) TFUE ( 302 ). Din il-kompetenza esterna hija, madankollu, kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont l-Artikolu 4(2)(a) TFUE.

    408.

    Għalhekk, nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Għaxra dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi governattivi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE, ħlief meta jkunu japplikaw għal kuntratti pubbliċi dwar servizzi ta’ trasport u servizzi marbuta intrinsikament ma’ dawn is-servizzi. Meta jkunu japplikaw għal dawn l-aħħar kategoriji ta’ servizzi, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Għaxra jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea.

    Proprjetà intellettwali (Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA ( 303 ) )

    Argumenti

    409.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kapitolu Ħdax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni minħabba li jikkonċerna aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali skont it-tifsira tal-Artikolu 207(1) TFUE. L-Unjoni Ewropea, għalhekk, għandha, skont l-Artikolu 3(1) TFUE, kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ dan il-kapitolu.

    410.

    Il-Kummissjoni tissostanzja l-pożizzjoni tagħha bis-sentenza Daiichi ( 304 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss dawk ir-regoli adottati mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-proprjetà intellettwali “li għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali li jistgħu jaqgħu fil-kunċett ta’ ‘aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali’” ( 305 ), iżda li l-Ftehim TRIPS kollu kemm hu huwa kopert minn dan il-kunċett ( 306 ). L-istess huwa minnu għal ftehimiet internazzjonali relatati mal-proprjetà intellettwali konklużi barra mill-kuntest tad-WTO li juru rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali. Il-Kummissjoni tistrieħ hawnhekk fuq is-sentenza Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA ( 307 ).

    411.

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tissottometti li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Ħdax huma bbażati fuq il-Ftehim TRIPS. It-tieni nett, l-Artikolu 11.2.1 jgħid li dan il-kapitolu “għandu l-għan li jikkomplementa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont il-Ftehim TRIPS u trattati internazzjonali oħra fil-qasam tal-proprjetà intellettwali li għalihom it-tnejn huma Partijiet”. It-tielet nett, il-Kapitolu Ħdax jagħmel parti minn ftehim usa’ dwar kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor. Dan huwa rifless fl-Artikolu 11.1.1. L-għanijiet imsemmija hemmhekk juru li ma huwiex, bħala tali, l-għan tal-EUSFTA li jistabbilixxi standards komuni għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. L-għanijiet huma pjuttost li jitnaqqsu d-distorsjonijiet fil-kummerċ u li jiżdied l-aċċess għas-suq għal prodotti protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Barra minn dan, bl-istess mod bħall-Ftehim TRIPS, il-Kapitolu Ħdax huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet dwar soluzzjoni ta’ tilwim tal-Kapitoli Ħmistax u Sittax tal-EUSFTA. Ksur tal-obbligi tal-Kapitolu Ħdax jista’, għalhekk, iwassal għal sanzjonijiet kummerċjali.

    412.

    Fir-rigward tar-riferimenti tal-Kapitolu Ħdax għal ftehimiet internazzjonali oħra relatati mal-proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni tissottometti li l-użu ta’ din it-teknika ta’ abbozzar (komuni) huwa raġonevoli u ġġustifikat, fid-dawl tal-fatt li l-għan ġenerali huwa li progressivament jitneħħew barrieri għall-kummerċ u l-investiment internazzjonali. Barra minn dan, il-parti l-kbira tar-riferimenti huma biss dikjaratorji jew fil-forma ta’ “impenji bl-aqwa sforz”, li ma jipproduċu ebda effetti legali li jistgħu jdgħajfu l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Kapitolu Ħdax.

    413.

    Il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Kapitolu Ħdax taqbel ma’ dik tal-Kummissjoni. Iżid li ma hemmx riferiment fil-Kapitolu Ħdax għall-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS (li jikkonċerna proċeduri kriminali u pieni) ( 308 ).

    414.

    Ebda waħda mis-sottomissjonijiet tal-Kunsill ma tirrelata speċifikament mal-Kapitolu Ħdax.

    415.

    Ħafna Stati Membri jissottomettu li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fir-rigward tal-Kapitolu Ħdax, li ma għandux rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali u, għalhekk, ma jistax jaqa’ fil-kunċett ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”. Is-sentenza Daiichi ( 309 ) essenzjalment kienet dwar l-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPS, pjuttost milli dwar dan il-ftehim kollu kemm hu. Għalhekk, l-Artikolu 207 TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti kompetenza esklużiva lill-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi ftehimiet li jkunu jkopru d-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim TRIPS. Jekk, kuntrarjament għal din is-sottomissjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt dwar id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim TRIPS, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ibbażat speċifikament fuq karatteristiċi tal-ordinament ġuridiku tad-WTO li huma neqsin fl-EUSFTA. Anki jekk Daiichi ( 310 ) tinqara b’mod wiesa’, din is-sentenza ma tistax testendi għal materji li ma humiex irregolati direttament mill-Ftehim TRIPS.

    416.

    Il-Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA u l-Ftehim TRIPS ma jikkoinċidux kompletament. F’kull każ, is-sempliċi fatt li materja tkun irregolata mill-Ftehim WTO (li tiegħu l-Ftehim TRIPS jagħmel parti integrali) ma jfissirx li din il-materja neċessarjament tkun koperta wkoll mill-politika kummerċjali komuni. L-Artikolu 207(1) TFUE ma għandux jinqara bħala li jimplika li l-ftehimiet internazzjonali kollha relatati ma’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali issa jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni.

    417.

    Il-Kapitolu Ħdax jinkorpora kemm ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, kif ukoll dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet oħra dwar il-proprjetà intellettwali (innegozjati lil hinn mill-kuntest tad-WTO) li fir-rigward tagħhom l-Unjoni Ewropea ma tistax ikollha kompetenza esklużiva. Għall-kuntrarju tal-Ftehim TRIPS, dawn il-ftehimiet (primarjament ftehimiet internazzjonali amministrati mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali) ma kinux konklużi bħala parti minn ftehimiet kummerċjali. Lanqas ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala ftehimiet dwar il-kummerċ skont it-tifsira mogħtija fis-sentenza Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA ( 311 ). Kwalunkwe relazzjoni bejn dawn il-ftehimiet u l-kummerċ internazzjonali hija biss indiretta. L-Unjoni Ewropea ma għandhiex tafferma impenji internazzjonali li jikkonċernaw biss l-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea lanqas ma għandha titlob li l-Istati Membri japplikaw il-ftehimiet internazzjonali li huma jkunu kkonkludew.

    418.

    Barra minn dan, dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ drittijiet protetti, bħall-Artikoli 42 sa 50 tal-Ftehim TRIPS (jiġifieri d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Parti III dwar “Proċeduri u Rimedji Ċivili u Amministrattivi”), ma jagħmlux parti mill-politika kummerċjali komuni. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw organizzazzjoni ġudizzjarja u proċedura ċivili. Ma għandhomx rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali.

    419.

    L-Unjoni Ewropea lanqas ma jista’ jkollha kompetenza esklużiva minħabba li l-Kapitolu Ħdax jinkorpora l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, li jikkonċerna pieni kriminali. Materji kriminali ma jagħmlux parti mill-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali.

    420.

    L-Unjoni Ewropea lanqas ma hija kompetenti taċċetta l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11.4 tal-EUSFTA sa fejn din id-dispożizzjoni tinkorpora l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi ( 312 ), it-Trattat tad-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur ( 313 ), u t-Trattat tad-WIPO dwar l-interpretazzjonijiet, l-eżekuzzjonijiet u l-fonogrammi ( 314 ) li japplikaw għal drittijiet morali. L-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza fir-rigward ta’ drittijiet morali; lanqas ma kien hemm armonizzazzjoni f’dan il-qasam.

    421.

    L-Artikolu 11.2 (li jagħmel riferiment għall-Ftehim TRIPS u għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali ( 315 )) u l-Artikolu 11.29 tal-EUSFTA (li jinvoka t-Trattat ta’ kooperazzjoni dwar il-privattivi ( 316 ) u li jitlob li l-Partijiet, fejn ikun jixraq, jagħmlu kull sforz raġonevoli sabiex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 16 tat-Trattat dwar id-dritt tal-privattivi ( 317 )) għandu jkollhom effetti fuq il-privattivi, li huma materja ta’ kompetenza kondiviża (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 118 TFUE u r-Regolamenti Nri 1257/2012 u 1260/2012) ( 318 ). Il-protezzjoni tal-privattivi hija materja suġġetta għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri (bl-eċċezzjoni ta’ Spanja, l-Italja u l-Kroazja). Materja bħal din ma tistax tkun is-suġġett ta’ kompetenza esklużiva: il-kunċett ta’ kooperazzjoni msaħħa huwa rrikonċiljabbli mal-kunċett ta’ kompetenza esklużiva. Stat Membru ieħor jissottometti wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tispjega kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkun konformi mal-Artikolu 11.29 tal-EUSFTA ( 319 ) fl-eventwalità li l-Unjoni Ewropea tkun l-unika firmatarja tal-EUSFTA. Materji koperti mit-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi u mit-Trattat dwar id-Dritt tal-Privattivi huma distinti mill-materji sostantivi dwar il-privattivi koperti mill-Ftehim TRIPS.

    422.

    L-Artikolu 11.35 (dwar varjetajiet ta’ pjanti) lanqas ma jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni. Il-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti ma hijiex relatata speċifikament mal-kummerċ internazzjonali. Din il-konvenzjoni tipprevedi forma sui generis ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill li kkonkludiet din il-konvenzjoni kienet l-Artikolu 43 TFUE, dwar l-agrikoltura.

    423.

    Fl-aħħar nett, jeħtieġ ikun hemm (kważi) uniformità bejn kompetenza interna u kompetenza esterna. Għalhekk, minħabba li ċerti materji koperti mill-Kapitolu Ħdax ma humiex armonizzati, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    Analiżi

    It-tifsira ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE

    424.

    Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 207(1) TFUE issa jipprovdi li l-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi fir-rigward ukoll “tal-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”. Il-punt tat-tluq għall-interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni jinsab fis-sentenza Daiichi ( 320 ).

    425.

    Fis-sentenza tagħha f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi nnotat li, minħabba li l-liġi primarja tal-Unjoni kienet evolviet b’mod sinjifikattiv, il-ġurisprudenza l-imgħoddija tagħha dwar il-Ftehim TRIPS, inkluża l-Opinjoni 1/94 ( 321 ), ma kinitx għadha rilevanti sabiex jiġi ddeterminat sa fejn il-Ftehim TRIPS kien jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni.

    426.

    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li, għalkemm il-Ftehim TRIPS ma kienx jittratta l-operazzjoni ddettaljata tal-kummerċ internazzjonali bħala tali, huwa kien jagħmel parti integrali mis-sistema tad-WTO u kien wieħed mill-ftehimiet multilaterali prinċipali li fuqhom hija bbażata dik is-sistema ( 322 ).

    427.

    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura speċifika tar-rabta bejn il-Ftehim TRIPS u l-kummerċ internazzjonali tintwera mill-fatt li, skont ir-regoli li japplikaw għall-mekkaniżmu tad-WTO ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, huwa possibbli għal Membru wieħed li juża s-sospensjoni trażversali ta’ konċessjonijiet bejn il-Ftehim TRIPS u l-ftehimiet multilaterali prinċipali l-oħra li jifformaw il-Ftehim WTO ( 323 ). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja straħet fuq l-Artikolu 22(3) tal-Qbil tad-WTO dwar ir-regoli u l-proċeduri li japplikaw għas-soluzzjoni ta’ tilwim. Din id-dispożizzjoni tidentifika liema konċessjonijiet jew obbligi oħra jistgħu jiġu sospiżi.

    428.

    It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rraġunat li dawk li kienu abbozzaw it-Trattat ma setgħux ma kinux jafu, meta daħħlu l-frażi “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” fl-Artikolu 207(1) TFUE, li t-termini użati kienu jaqblu kważi litteralment mat-titolu attwali tal-Ftehim TRIPS ( 324 ).

    429.

    Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-għan primarju tal-Ftehim TRIPS huwa li jsaħħaħ u li jarmonizza l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fuq skala dinjija. Għalhekk, il-preambolu jgħid li l-għan tal-ftehim huwa li jnaqqas id-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali billi jiżgura, fit-territorju ta’ kull Membru tad-WTO, il-protezzjoni effettiva u adegwata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 325 ). Il-kuntest tar-regoli sostantivi huwa l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, mhux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri.

    430.

    Għalhekk inqis li fis-sentenza Daiichi l-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-Ftehim TRIPS kollu kemm hu jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni. L-analiżi tagħha ma kinitx limitata għall-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPS.

    431.

    Madankollu, m’iniex konvint li r-raġunament fis-sentenza Daiichi jista’ u għandu jiġi traspost kompletament għall-eżami tal-EUSFTA.

    432.

    Il-fatt li t-terminoloġija użata fl-Artikolu 207(1) TFUE (“aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”) taqbel mat-titolu tal-Ftehim TRIPS (“aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ”) jidher li huwa speċifiku għal dak il-Ftehim WTO.

    433.

    L-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali fi ftehim partikolari dwar il-kummerċ tista’ tindika rabta speċifika bejn dawk id-dispożizzjonijiet u l-kummerċ internazzjonali. Madankollu, il-politika kummerċjali komuni tista’ wkoll tkopri dispożizzjonijiet jew ftehimiet dwar il-proprjetà intellettwali nnegozjati u konklużi f’kuntest mhux tal-kummerċ ( 326 ). Jekk is-sempliċi inklużjoni ta’ materja f’tali ftehim kellha tkun biżżejjed sabiex tiddaħħal fil-politika kummerċjali komuni, madankollu, l-Istati Membri jkunu, tabilħaqq, f’riskju serju li jitilfu kompetenzi eżistenti ( 327 ).

    434.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni lanqas ma għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ddefinit b’riferiment għat-tip ta’ rimedju li għalih jipprovdu regoli ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ( 328 ).

    435.

    Fl-opinjoni tiegħi, dak li jimporta għall-finijiet tal-Artikolu 207(1) TFUE huwa jekk ftehim li jkollu dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali jkunx jirrelata speċifikament mal-kummerċ internazzjonali. Dan għandu jiġi ddeterminat b’eżami ta’ jekk il-ftehim ikunx essenzjalment intiż sabiex jippromwovi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ (milli sabiex jarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri) ( 329 ); jekk ikollux effetti diretti u immedjati fuq tali kummerċ; u jekk l-għan tiegħu jkunx li jnaqqas distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali billi jiżgura, fit-territorju ta’ kull Parti, li l-interessi ekonomiċi fil-monopolji li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali joħolqu jkunu protetti effettivament u adegwatament. Dan huwa l-qofol tas-sentenza Daiichi.

    436.

    Hawnhekk jiena naqbel mal-Avukat Ġenerali Wahl li drittijiet tal-proprjetà intellettwali, min-natura tagħhom, huma ġeneralment marbuta mal-kummerċ fis-sens li huma essenzjalment drittijiet esklużivi li joħolqu monopolji li jistgħu jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti jew servizzi ( 330 ). F’ekonomija tas-suq, ir-rilevanza primarja ta’ dawn id-drittijiet tikkonsisti fil-valur ekonomiku tagħhom. Meta l-eżerċizzju tagħhom ikun essenzjali għall-isfruttament kummerċjali tal-proprjetà intellettwali protetta f’suq transkonfinali, tali drittijiet jaqgħu “fl-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” ( 331 ). Minn din il-perspettiva, interessi relatati mal-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet essenzjalment isiru interessi kummerċjali.

    437.

    Dan ma jfissirx li l-forom kollha tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma dejjem u neċessarjament marbuta mal-kummerċ internazzjonali. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet is-suġġett speċifiku tad-drittijiet għall-protezzjoni tal-proprjetà letterarja u artistika bħala dak li jiżgura li jkunu protetti kemm id-drittijiet morali kif ukoll ekonomiċi tad-detenturi tad-drittijiet ( 332 ). Drittijiet morali jikkomplementaw drittijiet ekonomiċi, jiġifieri jagħtu lil awtur “id-dritt li jsostni l-paternità tax-xogħol u li joġġezzjona għal kwalunkwe distorsjoni, mutilazzjoni jew modifika oħra tal-imsemmi xogħol, jew azzjoni derogatorja oħra relatata miegħu, li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 333 ). Huma għandhom l-għan li jipproteġu r-rabta ta’ awtur max-xogħol tiegħu. Din ir-rabta hija essenzjalment indipendenti mid-drittijiet ekonomiċi li l-awtur jista’ jkollu fil-pussess tiegħu għal dak ix-xogħol. Dan ifisser ukoll li, meta ftehim, bħall-EUSFTA, ikun ikopri l-ħolqien u l-protezzjoni ta’ drittijiet morali, il-bażi legali għall-konklużjoni ta’ dak il-ftehim ma tistax tkun biss l-Artikolu 207(1) TFUE. Dispożizzjonijiet dwar tali drittijiet ma humiex anċillari għal dawk li jirrigwardaw drittijiet ekonomiċi. Konklużjoni differenti tkun tfisser it-tħassir tal-kliem “aspetti kummerċjali” mill-Artikolu 207(1) TFUE sabiex kemm l-aspetti kummerċjali kif ukoll dawk mhux kummerċjali tal-proprjetà intellettwali jiġu jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni.

    438.

    Għadd ta’ Stati Membri jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-konklużjoni tagħha fis-sentenza Daiichi billi teskludi ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, bħall-Artikoli 42 sa 50 u l-Artikolu 61 ta’ dak il-ftehim, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Huma jissottomettu li dawn id-dispożizzjonijiet huma relatati ma’ organizzazzjoni ġudizzjarja, ma’ proċeduri ċivili u ma’ materji kriminali. Minn dan imbagħad isegwi li, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet xorta waħda jagħmlu parti mill-EUSFTA, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq il-Kapitolu Ħdax.

    439.

    Din is-sottomissjoni, jekk hija korretta, timplika li kull dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali għandha tissodisfa l-kundizzjoni ta’ rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali sabiex tkun inkluża fil-politika kummerċjali komuni. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva u, għalhekk, l-identifikazzjoni tal-bażi legali t-tajba għall-azzjoni inkwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi, inklużi l-għan u l-kontenut tal-azzjoni ( 334 ). Il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali ma hijiex l-għadd tal-bażijiet legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim. Hekk, pereżempju, fil-Kawża C‑137/12 ( 335 ), il-fatt li l-ftehim internazzjonali hemmhekk inkwistjoni kien jinkludi dispożizzjonijiet relatati ma’ miżuri ta’ sekwestru u konfiska ma bidilx il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ftehim kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Dawk id-dispożizzjonijiet kienu “[…] intiżi, b’mod ġenerali, sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tal-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali fit-territorju [tal-partijiet kontraenti]” u “[…] [ikkontribwixxew], għaldaqstant, għall-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata f’qari flimkien mal-Konvenzjoni […]”. ( 336 )

    440.

    Fl-aħħar nett, ma nqisx li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-politika kummerċjali komuni biss fejn ikollha l-kompetenzi korrispondenti fis-suq intern u tkun eżerċitat dawn il-kompetenzi interni (li jirriżultaw f’armonizzazzjoni). Dan ikun jimplika interpretazzjoni ta’ kundizzjonalità tat-tip tas-sentenza ERTA għall-Artikoli 3(1)(e) u 207(1) TFUE. Madankollu, il-politika kummerċjali komuni għandha komponent intern kif ukoll komponent estern. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni ma tiddependix minn jekk l-Unjoni jkollhiex kompetenza interna fuq xi bażi oħra u tkunx eżerċitat dik il-kompetenza. Skont l-Artikolu 3(1) TFUE, il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq dik il-politika ma tiddependix mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) TFUE ( 337 ).

    Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA

    441.

    Fil-fehma tiegħi, il-Kapitolu Ħdax jindirizza kemm aspetti kummerċjali kif ukoll aspetti mhux kummerċjali tal-proprjetà intellettwali.

    442.

    Eżami tal-Artikoli 11.1.1 u 11.1.2 tal-EUSFTA juri li l-protezzjoni adegwata u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali titqies bħala strument sabiex jiżdiedu l-benefiċċji tal-kummerċ u l-investiment. Għal dan l-għan il-Kapitolu Ħdax essenzjalment jistabbilixxi standards minimi għar-regolamentazzjoni domestika tal-proprjetà intellettwali u tal-obbligi li jirrigwardaw l-infurzar effettiv ta’ dawk l-istandards.

    443.

    Għalhekk, il-Kapitolu Ħdax jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni għal kull dritt tal-proprjetà intellettwali kopert, jistabbilixxi t-terminu tal-protezzjoni u l-mezzi sabiex din tinkiseb, jispeċifika l-forom ta’ kooperazzjoni u jistabbilixxi l-firxa tal-obbligi li għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni legali adegwata u infurzar tad-drittijiet koperti minn dan il-kapitolu permezz ta’ rimedji xierqa. Meta jagħmel hekk il-Kapitolu Ħdax parzjalment jistrieħ fuq it-teknika (użata wkoll fil-Ftehim TRIPS ( 338 )) li tinkorpora standards sostantivi tal-proprjetà intellettwali li jinsabu fi ftehimiet internazzjonali konklużi barra mill-kuntest tal-EUSFTA.

    444.

    Kif nifhimha jiena, il-fatt li l-Kapitolu Ħdax jinkorpora partijiet tal-Ftehim TRIPS, kif ukoll ftehimiet oħra internazzjonali konklużi barra mill-kuntest tad-WTO wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim TRIPS, flimkien ma’ deċiżjonijiet tad-WTO, minflok ma jittrasponi dik il-lingwa verbatim ( 339 ), ma jistax jaffettwa l-allokazzjoni ta’ kompetenzi. Mod jew ieħor, is-sors tad-drittijiet u tal-obbligi għall-Partijiet għall-EUSFTA huwa l-EUSFTA nnifsu. Tabilħaqq, ninnota li l-użu ta’ inkorporazzjoni fil-Ftehim TRIPS ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi, fis-sentenza Daiichi, li l-Unjoni Ewropea kienet kompetenti tikkonkludi dak il-ftehim.

    445.

    Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, jiena, għalhekk, ma niddistingwix bejn dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Ħdax li jinkorporaw ftehimiet oħra internazzjonali (jew partijiet minnhom) u dawk li jagħmlu riferiment għal tali ftehimiet mingħajr ma jagħmlu d-dispożizzjonijiet tagħhom vinkolanti skont l-EUSFTA. Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207 TFUE hija li tiddefinixxi l-politika kummerċjali komuni u li timplementaha. L-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel hekk permezz tan-negozjazzjoni u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. L-għanijiet tal-politika kummerċjali komuni u ta’ azzjoni esterna b’mod ġenerali jistgħu jintlaħqu b’diversi mezzi, li mhux kollha neċessarjament jirriżultaw f’obbligi li jkunu vinkolanti legalment. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fil-Kawża C‑660/13, fil-kuntest ta’ memorandum ta’ qbil, “deċiżjoni dwar l-iffirmar ta’ ftehim mhux vinkolanti […] tagħmel parti mill-atti ta’ tfassil ta’ politika tal-Unjoni […]” ( 340 ).

    446.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Daiichi ( 341 ) japplikaw ukoll għall-Kapitolu Ħdax sa fejn jinkorpora l-kontenut tal-Ftehim TRIPS fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn dan il-kapitolu (jiġifieri d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati; privattivi; trade marks; disinji; tqassim ta’ disinji ta’ ċirkwiti integrati; indikazzjonijiet ġeografiċi u protezzjoni ta’ informazzjoni mhux żvelata).

    447.

    Bħala prinċipju ma narax raġuni sabiex nasal għal konklużjoni differenti dwar id-dispożizzjonijiet l-oħra li jirrigwardaw il-livell minimu ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali sakemm dawn ikollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni u mal-infurzar effettiv ta’ interessi ekonomiċi li jirriżultaw minn dritt tal-proprjetà intellettwali. Il-politika segwita tuża standards minimi ta’ protezzjoni tal-interessi ekonomiċi bbażati fuq il-proprjetà intellettwali sabiex tippromwovi l-investiment, tnaqqas il-barrieri għall-kummerċ, tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u tiggarantixxi element ta’ ugwaljanza ta’ kundizzjonijiet kompetittivi. Dan kollu jifforma parti minn politika kummerċjali.

    448.

    Filwaqt li drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti ma humiex koperti mill-Ftehim TRIPS, jidhirli li dik is-subtaqsima tal-Kapitolu Ħdax (Artikolu 11.35 tal-EUSFTA, li jafferma mill-ġdid l-obbligi tal-Partijiet skont il-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti ( 342 )) għandha tiġi eżaminata bl-istess mod. Dan huwa għaliex drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti huma drittijiet ekonomiċi: drittijiet ta’ koltivatur sabiex jawtorizza, fir-rigward ta’ varjetà protetta, inter alia, il-produzzjoni u r-riproduzzjoni, il-kundizzjonijiet għall-propagazzjoni, l-offerti għal bejgħ, il-bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni oħra, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-ħżin ( 343 ).

    449.

    Nista’ nifhem l-oġġezzjonijiet għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS. Madankollu, jidhirli li l-Kapitolu Ħdax fil-fatt ma jinkorporax l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS. It-test tal-Kapitolu Ħdax ma jagħmilx espressament riferiment għal din id-dispożizzjoni. Lanqas ma għandu taqsima dwar miżuri kriminali. Fejn dan il-kapitolu jinkorpora l-Ftehim TRIPS, fir-rigward ta’ ċerti drittijiet tal-proprjetà intellettwali, nifhem li dan ir-riferiment trażversali għandu rabta mal-“[Is]tandards dwar id-disponibbiltà, l-għan u l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” fil-Parti II tal-Ftehim TRIPS, iktar milli mad-dispożizzjonijiet dwar l-“Infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” fil-Parti III tal-Ftehim TRIPS. Tabilħaqq, il-Kapitolu Ħdax għandu t-taqsima separata tiegħu stess dwar l-infurzar (ċivili) tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    450.

    Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trasparenza, il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti u l-infurzar ta’ obbligi jagħmlu parti integrali mill-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni nqis li l-partijiet tal-Kapitolu Ħdax li jirrigwardaw l-infurzar ċivili tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u miżuri konfinali jaqgħu wkoll fil-politika kummerċjali komuni ( 344 ). L-istess japplika fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 11.52, li jipprevedi forom ta’ kooperazzjoni internazzjonali ( 345 ).

    451.

    Madankollu, il-Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA jidher li jkopri wkoll aspetti li ma humiex kummerċjali tal-proprjetà intellettwali.

    452.

    Għall-kuntrarju tal-Ftehim TRIPS ( 346 ), l-Artikolu 11.4 tal-EUSFTA (dwar il-protezzjoni mogħtija għad-drittijiet tal-awtur u għal drittijiet relatati) jinkorpora d-drittijiet u l-obbligi kollha stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Berna. Huwa, għalhekk, jinkludi l-Artikolu 6bis ta’ din il-konvenzjoni, li jipproteġi drittijiet morali. L-Artikolu 6bis innifsu jiddistingwi drittijiet morali minn drittijiet ekonomiċi ta’ awtur.

    453.

    L-Artikolu 11.4 bl-istess mod jinkorpora fl-EUSFTA t-Trattat tad-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur u t-Trattat tad-WIPO dwar l-interpretazzjonijiet, l-eżekuzzjonijiet u l-fonogrammi fl-intier tagħhom. L-Artikolu 3 ta’ dan tal-ewwel jitlob li l-Partijiet Kontraenti japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 6 tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija mit-Trattat tad-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur. L-Artikolu 5(1) ta’ dan tal-aħħar jidentifika ċerti drittijiet morali li għandu artist tal-ispettaklu.

    454.

    Diġà għamilt enfasi dwar ir-rwol separat, u importanti, li jaqdu d-drittijiet morali ( 347 ). Dan ir-rwol huwa b’mod ċar irrikonoxxut fl-EUSFTA. Madankollu, tali drittijiet ma humiex, b’mod daqstant ieħor ċar, drittijiet kummerċjali. Għalhekk nikkonkludi li, sa fejn il-Kapitolu Ħdax japplika għal aspetti li ma humiex kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi dawk il-partijiet ta’ dan il-kapitolu ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207(1) TFUE.

    455.

    Il-Kummissjoni ma targumentax li l-Unjoni Ewropea, madankollu, għandha kompetenza esterna esklużiva abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    456.

    Minħabba li drittijiet morali huma indipendenti minn (u japplikaw flimkien ma’) drittijiet ekonomiċi tal-proprjetà intellettwali ( 348 ), inqis li dispożizzjonijiet bħal dawk li hemm fil-Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA, sa fejn japplikaw għal aspetti li ma humiex kummerċjali ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jistgħu jitqiesu bħala meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq intern. Il-fatt li ma jkunx (għad) hemm armonizzazzjoni ta’ drittijiet morali ma jdgħajjifx din il-konklużjoni ( 349 ). Dawn l-aspetti tal-Kapitolu Ħdax tal-EUSFTA, għalhekk, jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri abbażi tal-Artikoli 4(2)(a), 26(1) u t-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE.

    Kompetizzjoni u materji relatati (Kapitolu Tnax tal-EUSFTA ( 350 ) )

    Argumenti

    457.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kapitolu Tnax essenzjalment jippromwovi u jiffaċilita l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor. Dan il-kapitolu għandu l-għan li jipprojbixxi prattiki antikompetittivi b’dimensjonijiet transnazzjonali, li jistgħu jfixklu aċċess effettiv għas-suq jew inaqqsu l-benefiċċji ekonomiċi tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ li l-EUSFTA huwa intiż li jikseb. Barra minn dan, il-Kapitolu Tnax ma jġibx armonizzazzjoni, u espressament jagħmel riferiment għar-relazzjoni bejn imġiba antikompetittiva u l-kummerċ internazzjonali. Huwa għandu, għalhekk, effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ u jaqa’ kollu kemm hu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE. Il-Kummissjoni tagħmel riferiment ukoll għal diversi ftehimiet tad-WTO li jinkorporaw elementi ta’ politika dwar il-kompetizzjoni.

    458.

    Il-partijiet l-oħra ma għamlu ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Kapitolu Tnax.

    Analiżi

    459.

    Naqbel mal-Kummissjoni li r-rabta bejn il-kummerċ internazzjonali u l-politika dwar il-kompetizzjoni tidher diġà minn ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet tad-WTO ( 351 ). Madankollu, ma għadha ġiet adottata l-ebda politika komprensiva tad-WTO dwar il-kompetizzjoni u l-kummerċ ( 352 ).

    460.

    Għall-kuntrarju, il-Kapitolu Tnax tal-EUSFTA huwa intiż li jiġu indirizzati b’mod komprensiv l-effetti ħżiena fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor li jistgħu jirriżultaw minn imġiba jew prattika antikompetittiva privata jew pubblika. Għalhekk, dan il-kapitolu jitlob li kull parti żżomm u tinforza fit-territorji rispettivi tagħha leġiżlazzjoni komprensiva li tirregola ftehimiet bejn impriżi, li trażżan abbużi minn pożizzjoni dominanti u li tikkontrolla konċentrazzjonijiet bejn impriżi li jġibu magħhom tnaqqis sinjifikattiv tal-kompetizzjoni jew li b’mod sinjifikattiv ifixklu l-kompetizzjoni, sakemm ikunu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor ( 353 ). Dawn it-tipi ta’ mġiba antikompetittiva huma meqjusa li jistgħu jdgħajfu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ li l-EUSFTA għandu l-għan li jikseb, jew billi jirrendu regoli dwar aċċess għas-suq ineffettivi jew billi jnaqqsu l-benefiċċji ekonomiċi li impriżi ta’ waħda mill-Partijiet ikunu jittamaw li jiksbu billi jqiegħdu fis-suq il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fit-territorju tal-Parti l-oħra ( 354 ).

    461.

    Il-Kapitolu Tnax għandu wkoll rabta diretta mar-regolamentazzjoni tal-kummerċ sa fejn ifittex li jillimita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-possibbiltà għal kull Parti li tistabbilixxi jew iżżomm impriżi pubbliċi, jew li tagħti drittijiet speċjali jew esklużivi lil impriżi ( 355 ), u sa fejn jirregola sussidji pprojbiti u sussidji oħra ( 356 ).

    462.

    L-Artikolu 12.7.2 tal-EUSFTA juri din ir-relazzjoni bejn il-Kapitolu Tnax u l-kummerċ internazzjonali. Din id-dispożizzjoni, li tinkorpora wkoll l-Artikolu 3 tal-Ftehim SMK (dwar sussidji pprojbiti) ( 357 ), tipprojbixxi l-għoti ta’ ċerti kategoriji ta’ sussidji “sakem il-Parti li tissussidja, meta tintalab mill-Parti l-oħra, ma turix li s-sussidju inkwistjoni ma jaffettwax il-kummerċ tal-Parti l-oħra, u lanqas ma huwa mistenni jagħmel hekk” ( 358 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 12.8.1 tal-EUSFTA jitlob li l-Partijiet “jużaw l-aħjar sforzi tagħhom” sabiex jindirizzaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni maħluqa minn sussidji speċifiċi oħra relatati mal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi “sa fejn dawn jaffettwaw jew aktarx li jkunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ ta’ waħda miż-żewġ Partijiet” u sabiex ma jħallux isiru tali distorsjonijiet.

    463.

    Il-fatt li l-Kapitolu Tnax iġib ċertu livell ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni ma jfissirx li l-għan tiegħu huwa li japprossima l-liġijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Minflok, il-Kapitolu Tnax jestendi xi wħud mir-regoli u mill-prinċipji bażiċi tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għal Singapor sabiex jirregola kummerċ ta’ prodotti u servizzi ma’ dan il-pajjiż terz ( 359 ). Dawn ir-regoli jinkludu l-Artikoli 101 u 102 TFUE, li jirregolaw ftehimiet jew prattiki miftiehma bejn impriżi u li jrażżnu abbużi minn impriżi mill-pożizzjoni dominanti tagħhom f’suq, flimkien mar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi ( 360 ). Bl-istess mod, dispożizzjonijiet tal-EUSFTA jirriflettu l-Artikolu 106 TFUE (li huwa dwar impriżi pubbliċi, impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi u impriżi fdati sabiex joperaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali), u l-Artikoli 107 sa 109 TFUE (li għandhom l-għan li jevitaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li joriġinaw minn għajnuna mill-Istat).

    464.

    Huwa minnu li l-Kapitolu Tnax għandu wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet, il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, il-konsultazzjoni bejn il-Partijiet dwar il-kompetizzjoni u l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Kapitolu Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) u tal-Kapitolu Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”) għal materji li joriġinaw abbażi tal-Kapitolu Tnax (ħlief l-Artikolu 12.7 tal-EUSFTA, dwar sussidji pprojbiti). Dawn id-dispożizzjonijiet huma kollha anċillari għall-obbligi sostantivi ewlenin imsemmija fil-Kapitolu Tnax. Huma, għalhekk, ma jdgħajfux il-konklużjoni tiegħi li l-Kapitolu Tnax għandu l-għan li jippromwovi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u, għalhekk, għandu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ta’ prodotti u servizzi.

    465.

    Fir-rigward tad-dispożizzjoni dwar it-trasparenza fil-qasam tas-sussidji relatati mal-kummerċ ta’ prodotti u mal-provvista ta’ servizzi (Artikolu 12.9 tal-EUSFTA), nagħmel riferiment għall-analiżi tiegħi tal-Kapitolu Erbatax u ta’ dispożizzjonijiet relatati mat-trasparenza f’kapitoli oħra ( 361 ).

    466.

    Għalhekk nikkonkludi li l-Kapitolu Tnax jaqa’ kollu kemm hu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE.

    Barrieri mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta ’ enerġija rinnovabbli (Kapitolu Sebgħa tal-EUSFTA ( 362 )) u kummerċ u żvilupp sostenibbli (Kapitolu Tlettax tal-EUSFTA ( 363 ) )

    Argumenti

    Barrieri mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli

    467.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-Kapitolu Sebgħa abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE. Minn naħa, dan il-kapitolu jeżiġi li jitneħħew jew li jitnaqqsu l-barrieri għall-kummerċ (kemm tariffi kif ukoll barrieri mhux tal-kummerċ) u għall-investimenti u jitlob li jkun hemm konverġenza regolatorja sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ. Min-naħa l-oħra, huwa għandu wkoll rabtiet ma’ investiment barrani dirett: dan il-kapitolu ma jippermettix lill-Partijiet jitolbu l-formazzjoni ta’ sħubija ma’ kumpanniji lokali.

    468.

    Il-Parlament u l-Kunsill ma għamlu ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Kapitolu Sebgħa.

    469.

    Xi wħud mill-Istati Membri jissottomettu li l-għan tal-Kapitolu Sebgħa huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra billi jippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, u li, għalhekk, huwa għandu rabta mal-politika dwar l-ambjent (Artikolu 191 TFUE) pjuttost milli mal-politika kummerċjali komuni.

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

    470.

    Il-Kummissjoni tissottometti li, skont l-Artikoli 3(1)(e) u 207(1) TFUE, il-Kapitolu Tlettax jaqa’ kollu kemm hu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Il-kompetenza fuq il-politika kummerċjali komuni ma hijiex limitata għall-adozzjoni ta’ strumenti li jkollhom effett biss fuq l-aspetti tradizzjonali tal-kummerċ estern. Diskrepanzi fil-livelli tal-protezzjoni tal-ambjent u tax-xogħol bejn Stati jista’ jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment. Standards iktar baxxi ta’ protezzjoni minn waħda mill-Partijiet jistgħu jtejbu l-kummerċ u l-investiment fit-territorju tagħha. Għall-kuntrarju, standards dwar l-ambjent u x-xogħol jistgħu jsiru barrieri moħbija għall-kummerċ. Kif jidher ċar, inter alia, mill-Artikolu 13.1.1 tal-EUSFTA, l-EUSFTA għandu l-għan li jiżviluppa u jippromwovi l-kummerċ internazzjonali b’mod li jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli, li jikkomprendi żvilupp ekonomiku, żvilupp soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent.

    471.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kapitolu Tlettax ma għandux l-għan li joħloq obbligi sostantivi ġodda dwar il-protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent, iżda li sempliċement jafferma mill-ġdid ċerti impenji internazzjonali eżistenti. L-għan tiegħu huwa li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet għall-kummerċ u għall-investiment ma jintlaqtux ħażin bħala riżultat ta’ livelli differenti ta’ protezzjoni.

    472.

    Il-Kummissjoni ma tarax kunflitt bejn, minn naħa, il-Kapitolu Tlettax u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(5) TUE u l-Artikolu 21(2) TUE. L-Artikolu 3(5) TUE jitlob li l-Unjoni Ewropea tinkorpora interessi dwar “żvilupp sostenibbli tal-pjaneta” u “kummerċ liberu u ġust” fil-politika kummerċjali komuni tagħha. L-Artikolu 21(2) TUE wkoll jinkludi diversi għanijiet relatati ma’ żvilupp sostenibbli.

    473.

    Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kapitolu Tlettax, il-Kummissjoni tissottometti, b’mod partikolari, li l-fatt li l-Artikolu 13.3.3 tal-EUSFTA għandu impenn għall-implementazzjoni effettiva ta’ ċerti prinċipji dwar drittijiet fundamentali waqt ix-xogħol, ma jiġġustifikax il-konklużjoni li l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw sabiex l-EUSFTA jiġi konkluż. Din id-dispożizzjoni ma tippreskrivix il-mod speċifiku li bih Singapor u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tal-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (iktar ’il quddiem “ILO”) li huma jkunu rratifikaw. Barra minn dan, l-Artikolu 13.6.2 u 13.8(a) tal-EUSFTA sempliċement jaffermaw mill-ġdid impenji li kien hemm diġà. Dispożizzjonijiet oħra [bħall-Artikolu 13.8(b) sa (d)] għandhom l-għan li jevitaw effetti ta’ distorsjoni fuq il-kummerċ internazzjonali u huma, għalhekk, marbuta b’mod li ma jistax jinħall mal-kummerċ internazzjonali.

    474.

    Il-Parlament jaqbel essenzjalment mal-Kummissjoni.

    475.

    Il-Kunsill u diversi Stati Membri huma tal-fehma li, għalkemm il-Kapitolu Tlettax għandu rabta mal-kummerċ, huwa jirregola wkoll aspetti li ma humiex relatati mal-kummerċ dwar ix-xogħol, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sajd, u għandu l-għan li jippromwovi l-protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent, kif ukoll il-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlettax, għalhekk, ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 207 TFUE. Il-Kunsill jissottometti wkoll li l-Artikoli 13.3.3 u 13.3.4 tal-EUSFTA jimplikaw armonizzazzjoni minima tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f’oqsma fejn it-Trattati jeskluduha. Kieku dawn id-dispożizzjonijiet kellhom ikunu parti mill-politika kummerċjali komuni, kienu jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 207(6) TFUE.

    476.

    Barra minn dan, il-Kunsill u diversi Stati Membri jsostnu li l-Kapitolu Tlettax huwa manifestament separat mill-bqija tal-ftehim. Dan tixhdu, b’mod partikolari, is-sistema speċifika ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li tapplika għal dan il-kapitolu ( 364 ).

    477.

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill jissottometti li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea li tieħu l-impenji li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti tal-ħut skont l-Artikolu 13.8 tal-EUSFTA tirriżulta mill-Artikolu 3(1)(d) TFUE (konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd) iktar milli mill-Artikolu 3(1)(e) TFUE (politika kummerċjali komuni). L-għan ewlieni tal-Artikolu 13.8 huwa li jiżgura l-konservazzjoni u l-immaniġġar ta’ stokkijiet tal-ħut b’mod sostenibbli, u mhux li jiffaċilita, jirregola jew jikkontrolla l-kummerċ.

    Analiżi

    Għanijiet relatati mal-kummerċ u għanijiet li ma humiex relatati mal-kummerċ: prinċipji ġenerali

    478.

    Il-politika kummerċjali komuni għandha titmexxa billi jitqiesu l-prinċipji u l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea ( 365 ), li jinkludu l-iżvilupp ta’ “miżuri internazzjonali sabiex tiġi preservata u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli” ( 366 ). Jiena, għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni li livelli ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom rabtiet mal-kummerċ internazzjonali. Differenzi sinjifikattivi jistgħu joħolqu distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u l-kummerċ; standards baxxi f’suq wieħed jistgħu jirriżultaw f’vantaġġi kompetittivi għal impriżi domestiċi u, għalhekk, jattiraw investiment barrani, bi żvantaġġ għal swieq fejn ikun hemm standards ogħla. Għall-kuntrarju, standards ta’ protezzjoni tal-ambjent jistgħu jiġu mmanipulati sabiex jinkisbu għanijiet protezzjonisti ( 367 ). Għal dawn ir-raġunijiet, il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli hija fost l-għanijiet stabbiliti fil-preambolu tal-Ftehim WTO ( 368 ). Raġunijiet simili jistgħu jiġu applikati għar-relazzjoni bejn il-protezzjoni tax-xogħol u l-kummerċ internazzjonali.

    479.

    Madankollu, il-fatt li l-politika kummerċjali komuni tista’ ssegwi wkoll għanijiet li ma jkunux relatati mal-kummerċ ma jfissirx li l-Kapitoli Sebgħa u Tlettax jaqgħu awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207(1) TFUE.

    480.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà offriet xi gwida dwar kif wieħed jista’ jiddistingwi bejn miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni (minħabba li jkunu essenzjalment intiżi sabiex jippromwovu, jiffaċilitaw jew jirregolaw il-kummerċ u, għalhekk, ikollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ) ( 369 ), u miżuri relatati mal-politika ambjentali jew soċjali tal-Unjoni Ewropea.

    481.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li atti tal-Unjoni li jsegwu wkoll għanijiet li ma jkunux purament ekonomiċi (pereżempju, għanijiet soċjali, ambjentali jew umanitarji) jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni ( 370 ). Madankollu, f’kull każ, il-ftehimiet internazzjonali inkwistjoni kienu jinvolvu strumenti ta’ politika kummerċjali: arranġamenti kummerċjali għal ħżin ta’ stokkijiet fl-Opinjoni 1/78; l-għoti ta’ preferenzi tariffarji fil-Kawża 45/86; l-importazzjoni (suġġetta għall-kundizzjoni) ta’ prodotti agrikoli fil-Kawża C‑62/88; u rekwiżiti ta’ twaħħil ta’ tikketti (jiġifieri barrieri tekniċi għall-kummerċ) fil-Kawża C‑281/01. Dawn huma kollha strumenti li għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

    482.

    F’kuntrast ma’ dan, ftehimiet internazzjonali li ma jkunux relatati speċifikament mal-kummerċ jaqgħu barra mill-politika kummerċjali komuni, anki jekk ikollhom rabta indiretta mal-kummerċ. Għalhekk, fl-Opinjoni 2/00, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-fatt li r-regoli dwar movimenti transkonfinali ta’ organiżmi mmodifikati ħajjin li jinsabu fil-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza, mehmuż mal-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika, ma kinux limitati għal movimenti għal għanijiet kummerċjali. Hija, għalhekk, ikkonkludiet li l-għan jew il-komponent ewlieni ta’ dan il-protokoll kien il-protezzjoni tal-ambjent u mhux il-politika kummerċjali komuni ( 371 ). Bl-istess mod, fil-Kawża C‑411/06 ( 372 ) l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-għan tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar [ġarr] ta’ skart ( 373 ), ma kienx li jkunu ddefiniti dawk il-karatteristiċi tal-iskart li jippermettulu jiċċirkola liberament fis-suq intern jew bħala parti minn attività kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, iżda b’mod iktar ġenerali li jipprovdi sett armonizzat ta’ proċeduri li bihom movimenti ta’ skart ikunu limitati sabiex jiġi protett l-ambjent ( 374 ). Dan ir-regolament kien, għalhekk, validament ibbażat fuq dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

    483.

    F’dan il-kuntest, ser neżamina jekk il-Kapitoli Sebgħa u Tlettax jaqgħux kollha hemm huma fil-politika kummerċjali komuni.

    Barrieri mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli

    484.

    Il-Kapitolu Sebgħa tal-EUSFTA għandu l-għan li jipproteġi l-ambjent (u inċidentalment is-saħħa tal-bniedem) billi “jippromwovi, jiżviluppa u jżid il-ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi li ma humiex fossili u li huma rinnovabbli u sostenibbli”, u, għalhekk, billi jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ( 375 ). Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal miżuri li “jistgħu jaffettwaw il-kummerċ u l-investiment bejn il-partijiet” relatati mal-ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra ( 376 ). Jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva fuq dan il-kapitolu abbażi tal-Artikolu 207(1) TFUE jiddependi minn jekk huwa għandux essenzjalment l-għan li jippromwovi, jiffaċilta jew jirregola l-kummerċ u, għalhekk, jekk għandux effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ( 377 ).

    485.

    Fil-fehma tiegħi, iva.

    486.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Sebgħa jikkonċernaw primarjament ir-regolamentazzjoni ta’ strumenti ta’ politika kummerċjali u l-eliminazzjoni ta’ barrieri għall-kummerċ u l-investiment. Għalhekk, l-Artikolu 7.4 huwa dwar it-tneħħija ta’ barrieri għall-kummerċ u l-investiment li jistgħu jfixklu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra, pereżempju billi jipprojbixxi “rekwiżiti ta’ kontenut lokali” u l-formazzjoni ta’ sħubija obbligatorja ma’ kumpanniji lokali ( 378 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 7.5 tal-EUSFTA jfittex li jneħħi barrieri tekniċi għall-kummerċ ta’ prodotti għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra. Huwa stabbilit sewwa li impenji internazzjonali li jkollhom l-għan li jiżguraw li regolamenti u standards tekniċi u proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ konformità ma joħolqux barrieri bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni ( 379 ). L-Artikoli 7.6 u 7.7 tal-EUSFTA (dwar eċċezzjonijiet u implementazzjoni u kooperazzjoni rispettivament) huma anċillari għall-impenji l-oħra li jirriżultaw mill-Kapitolu Sebgħa u ma humiex, għalhekk, deċiżivi meta wieħed jiġi sabiex jaċċerta jekk dan il-kapitolu jaqax fil-politika kummerċjali komuni.

    487.

    Minn dan isegwi li l-Kapitolu Sebgħa għandu l-għan li jirregola u li jiffaċilita l-kummerċ relatat mal-ġenerazzjoni ta’ enerġija ħadra, u, għalhekk, għandu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ. Dan il-kapitolu, għalhekk, jaqa’ għalkollox fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 207(1) TFUE.

    488.

    Ma hemmx dubju dwar din il-konklużjoni minkejja s-sottomissjoni minn Stat Membru li l-Kapitolu Sebgħa jista’ jdgħajjef id-dritt ta’ kull Stat Membru, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, li jiddetermina l-kundizzjonijiet sabiex jisfrutta s-sorsi tiegħu ta’ enerġija, li jagħżel minn fost sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tiegħu ta’ enerġija. Kif jidher ċar mill-kliem tiegħu, l-għan ewlieni tal-Artikolu 194(2) TFUE huwa li jkun iċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tadotta atti leġiżlattivi li jimplementaw politika ta’ enerġija. Dan l-artikolu, għalhekk, ma jistax jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni awtonomu tal-politika kummerċjali komuni kif stabbilit fl-Artikolu 207(1) TFUE.

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

    489.

    Xi dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlettax manifestament għandhom rabta diretta u immedjata mar-regolamentazzjoni tal-kummerċ. Għalhekk, l-Artikolu 13.6.4 tal-EUSFTA jindirizza speċifikament il-kwistjoni ta’ restrizzjonijiet moħbija fuq il-kummerċ li jistgħu jirriżultaw minn miżuri li jimplementaw ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent. Bl-istess mod, l-għan tal-Artikolu 13.12 tal-EUSFTA huwa, essenzjalment, li ma jħallix Parti taffettwa l-kummerċ jew l-investiment billi tirrinunzja għal-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol jew b’xi mod ieħor tidderoga minnhom, jew billi ma tapplikax dawk il-liġijiet b’mod effikaċi. Eżempji oħra huma l-Artikolu 13.11.1 tal-EUSFTA, li għandu speċifikament l-għan li jiffaċilita u jippromwovi l-kummerċ u l-investiment fi prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u l-Artikolu 13.11.2, li bih il-Partijiet jaqblu li jagħtu attenzjoni speċjali sabiex jiffaċilitaw it-tneħħija ta’ barrieri għall-kummerċ jew għall-investiment fir-rigward ta’ prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

    490.

    Madankollu, minkejja l-intenzjoni ddikjarata tal-Partijiet li ma jarmonizzawx standards dwar ix-xogħol jew l-ambjent (Artikolu 13.1.4 tal-EUSFTA), għadd sinjifikattiv ta’ dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlettax la jimponu forma ta’ kundizzjonalità kummerċjali (billi jippermettu lill-Parti l-oħra tadotta sanzjonijiet kummerċjali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew billi jagħmlu benefiċċju kummerċjali speċifiku dipendenti fuq il-konformità ma’ standards dwar ix-xogħol u l-ambjent) u lanqas ma jirregolaw b’xi mod ieħor l-użu ta’ strumenti ta’ politika kummerċjali bħala mezz sabiex jippromwovu żvilupp sostenibbli.

    491.

    Għalhekk, l-Artikoli 13.3.1, 13.3.3, 13.4, 13.6.2 u 13.6.3 tal-EUSFTA essenzjalment ifittxu li jintlaħqu standards minimi fl-Unjoni Ewropea u f’Singapor ta’ protezzjoni tax-xogħol u ta’ protezzjoni tal-ambjent (rispettivament), maqtugħin mill-effetti li jistgħu jħallu fuq il-kummerċ. Dawn id-dispożizzjonijiet, għalhekk, jaqgħu manifestament barra mill-politika kummerċjali komuni. Għall-kuntrarju tal-klawżoli ta’ “elementi essenzjali” li jinsabu f’xi wħud mill-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni dwar il-kummerċ ( 380 ), li jimponu obbligu li jitħarsu prinċipji demokratiċi u li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, ksur tal-istandards dwar ix-xogħol u l-ambjent li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA jagħmlu riferiment ma jagħtix lill-Parti l-oħra d-dritt li tissospendi benefiċċji kummerċjali li jirriżultaw mill-EUSFTA. L-Artikoli 13.16 u 13.17 tal-EUSFTA ma jawtorizzawx lil Parti tissospendi konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lill-Parti l-oħra jekk din tal-aħħar ma tkunx konformi ma’ impenji skont il-Kapitolu Tlettax ( 381 ). Barra minn hekk, b’differenza mill-arranġament speċjali dwar inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba skont l-hekk imsejħa skema GSP+ ( 382 ), dawk id-dispożizzjonijiet lanqas ma għandhom l-għan li jagħtu lil Singapor konċessjonijiet kummerċjali bil-kundizzjoni li jissodisfa dawn l-istandards.

    492.

    L-Artikolu 13.8 tal-EUSFTA huwa dwar “Kummerċ ta’ prodotti tal-ħut”. Naċċetta li l-obbligu previst fl-Artikolu 13.8(b) li jiddaħħlu miżuri effettivi għall-ġlieda kontra sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat jista’ jirriżulta, inter alia, fl-adozzjoni ta’ strumenti ta’ politika kummerċjali jew jinkludi azzjoni bil-għan li jiġi eliminat l-użu ta’ tali strumenti (bħal sussidji li jikkontribwixxu għal sajd eċċessiv u kapaċità eċċessiva u li jkollhom rabta ma’ sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat). Din id-dispożizzjoni ssemmi wkoll eżempji ta’ tali miżuri.

    493.

    Għall-kuntrarju, il-punti l-oħra tal-Artikolu 13.8 tal-EUSFTA essenzjalment għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni sostenibbli u għall-immaniġġar ta’ stokkijiet ta’ ħut mill-Partijiet. Pereżempju, l-Artikolu 13.8(a) tal-EUSFTA jitlob, f’termini ġenerali, li l-Partijiet ikunu konformi ma’ miżuri ta’ konservazzjoni fit-tul u ma’ sfruttament sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali li huma jkunu rratifikaw u li l-Partijiet iħarsu l-prinċipji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU u ta’ strumenti rilevanti tan-NU relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet. Konformità ma’ dawn l-istandards ma hijiex prerekwiżit sabiex jinkisbu benefiċċji kummerċjali. Il-ksur ta’ dawn l-impenji lanqas ma jista’ jirriżulta fis-sospensjoni ta’ konċessjonijiet kummerċjali skont l-EUSFTA ( 383 ). L-Artikolu 13.8(c) u (d) tal-EUSFTA bl-istess mod ma għandhux rabtiet diretti u immedjati mal-kummerċ internazzjonali. Għalhekk, huwa ma jaqax fil-politika kummerċjali komuni.

    494.

    X’inhuma l-implikazzjonijiet għall-kwistjoni tal-kompetenza?

    495.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikoli 3(5) u 21 TUE u l-Artikoli 9 u 11 TFUE, li għalihom il-Kummissjoni tagħmel riferiment, ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-kompetenza. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jitolbu lill-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għal ċerti għanijiet fil-politika u fl-attività tagħha. Huma ma jistgħux jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni stabbilit fl-Artikolu 207 TFUE. Għall-istess raġuni, ma huwiex rilevanti jekk, kif il-Kummissjoni tissottometti, id-drittijiet fundamentali, li għalihom l-Artikolu 13.3.3 tal-EUSFTA jagħmel riferiment, ikunux kompatibbli ma’ standards universali dwar ix-xogħol kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din is-sottomissjoni tirrigwarda l-kompatibbiltà sostantiva tal-EUSFTA ma’ drittijiet fundamentali. Tali sottomissjoni ma tistax timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea ( 384 ).

    496.

    Lanqas ma naċċetta s-sottomissjoni tal-Kummissjoni li, essenzjalment, l-Artikoli 13.3.3 u 13.6.2 tal-EUSFTA ma “humiex preskrittivi biżżejjed” sabiex jitqiesu fl-eżami tal-allokazzjoni ta’ kompetenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tal-Kapitolu Tlettax. Il-Kummissjoni tistrieħ hawnhekk fuq il-Kawża C‑377/12 ( 385 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet relatati ma’ dħul mill-ġdid, trasport u l-ambjent fil-Ftehim qafas dwar sħubija u kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra ( 386 ), ma “jinkludux obbligi ta’ portata tali li [seta’] jitqies li huma jikkostitwixxu għanijiet distinti minn dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, li ma humiex sekondarji u lanqas indiretti meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar” ( 387 ). Minħabba li l-migrazzjoni, it-trasport u l-ambjent jagħmlu parti integrali mill-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni Ewropea, il-fatt li jkun meħtieġ li ftehim ta’ kooperazzjoni għal żvilupp li jkun jinkludi dawn il-materji għandu jkun ibbażat fuq partijiet tat-Trattati differenti mid-dispożizzjoni dwar politika ta’ żvilupp, fil-prattika jwassal sabiex jirrendi mingħajr sustanza l-kompetenza u l-proċedura preskritti f’din id-dispożizzjoni ( 388 ). Għall-kuntrarju, la drittijiet fundamentali waqt ix-xogħol u lanqas standards ta’ protezzjoni tal-ambjent ma jagħmlu parti integrali tal-politika kummerċjali komuni. Il-Kawża C‑377/12, għalhekk, ma tgħinx fl-eżami tal-Kapitolu Tlettax tal-EUSFTA.

    497.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-Kapitolu Tlettax għandu erba’ komponenti. L-ewwel komponent jikkomprendi d-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. It-tieni u t-tielet komponent jikkomprendu d-dispożizzjonijiet dwar standards ta’ protezzjoni tax-xogħol, u standards ta’ protezzjoni tal-ambjent, rispettivament. Ir-raba’ komponent huwa dwar konservazzjoni u mmaniġġar sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut.

    498.

    Ebda wieħed minn dawn il-komponenti ma jista’ jitqies bħala sempliċement żieda meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-komponenti l-oħra tal-EUSFTA jew tal-Kapitolu Tlettax; lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala li huma estremament limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, ma nistax naċċetta s-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 13.6.2 tal-EUSFTA (li jitlob implementazzjoni effettiva tal-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent li għalihom l-Unjoni Ewropea u Singapor huma partijiet) ma jinvolvi ebda obbligu internazzjonali ġdid għall-Partijiet. Huwa minnu li din id-dispożizzjoni sempliċement tagħmel riferiment għal impenji multilaterali diġà eżistenti tal-Partijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, l-effett tagħha huwa li dawn l-impenji jiddaħħlu fl-EUSFTA u, b’hekk, isiru applikabbli bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor abbażi tal-EUSFTA. L-Artikolu 13.6.2, għalhekk, manifestament joħloq obbligu ġdid għall-Partijiet, li jista’ jiġi infurzat skont l-EUSFTA.

    499.

    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tieħu impenji taħt kull wieħed mill-erba’ komponenti bilfors hija msejsa fuq bażi legali distinta.

    500.

    Fir-rigward tal-ewwel komponent, il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea tirriżulta mill-Artikoli 3(1)(e) u 207(1) TFUE. Skont l-Artikoli 3(1)(d) TFUE u 43(2) TFUE ( 389 ), ir-raba’ komponent jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd.

    501.

    Għall-kuntrarju, it-tieni u t-tielet komponent bħala prinċipju jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea.

    502.

    Id-dispożizzjonijiet dwar standards ta’ protezzjoni tax-xogħol (it-tieni komponent) jistgħu jitqiesu bħala meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika soċjali stabbiliti fl-Artikolu 151 TFUE relatati, b’mod partikolari, ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 153(1)(a), (b) u (c) TFUE (titjib tal-ambjent tax-xogħol għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema, il-kundizzjonijiet tax-xogħol; u s-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema). L-Unjoni Ewropea, għalhekk, għandha kompetenza kondiviża fuq dan il-komponent bħala riżultat tal-Artikoli 4(2)(b), 151 u 153(1) TFUE u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE.

    503.

    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar standards ta’ protezzjoni tal-ambjent (it-tielet komponent), biżżejjed ninnota li l-Unjoni Ewropea hija kompetenti, skont l-Artikolu 191(1) TFUE, issegwi politika dwar l-ambjent li jkollha l-għan li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent. Il-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea li ssegwi politika dwar l-ambjent, li tirriżulta kemm mill-Artikolu 191(4) TFUE ( 390 ), kif ukoll mill-ewwel raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE, hija kondiviża mal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2)(e) TFUE.

    504.

    Il-Kummissjoni ma ssottomettietx li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva fuq it-tieni u t-tielet komponent abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE. Ma huwiex, għalhekk, għall-Qorti tal-Ġustizzja li tindaga jekk it-tielet raġuni skont din id-dispożizzjoni tistax konċepibbilment tapplika għal dawn il-komponenti ( 391 ).

    Trasparenza u stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju ta ’ miżuri li għandhom applikazzjoni ġenerali (Kapitolu Erbatax tal-EUSFTA ( 392 ) u dispożizzjonijiet relatati ta’ kapitoli oħra ( 393 ) )

    Argumenti

    505.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kapitolu Erbatax jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-politika kummerċjali komuni minħabba li: (i) l-għan ta’ dan il-kapitolu huwa li jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment; (ii) id-dispożizzjonijiet japplikaw biss fir-rigward ta’ miżuri relatati ma’ materji li huma koperti minn kapitoli oħra tal-EUSFTA; u (iii) id-dispożizzjonijiet ifittxu li jikkjarifikaw u jtejbu dispożizzjonijiet eżistenti fil-ftehimiet tad-WTO, b’mod partikolari l-Artikolu X tal-GATT 1994. Barra minn dan, dawk id-dispożizzjonijiet jirriflettu wkoll kunsiderazzjonijiet bażiċi ta’ proċess xieraq li jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    506.

    La l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma għamlu sottomissjonijiet speċifiċi b’rabta mal-Kapitolu Erbatax.

    507.

    Ftit kienu l-Istati Membri li ħadu pożizzjoni dwar il-Kapitolu Erbatax. Is-sottomissjonijiet li saru huma li, minn naħa, il-Kapitolu Erbatax huwa dwar l-eżerċizzju ta’ amministrazzjoni nazzjonali, użu ta’ proċeduri amministrattivi u protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ miżuri amministrattivi u, min-naħa l-oħra, li l-argument tal-Kummissjoni jippreżumi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-partijiet l-oħra kollha tal-EUSFTA. Sa fejn l-għan tal-Kapitolu Erbatax huwa li jingħata effett lil partijiet oħra tal-EUSFTA li fuqhom il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea ma hijiex esklużiva, madankollu, huwa ma jistax jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Lanqas ma jaqgħu f’din il-kompetenza d-dispożizzjonijiet infushom tal-Kapitolu Erbatax relatati speċifikament mal-kummerċ internazzjonali. Fl-aħħar nett, materji relatati mal-ġustizzja fl-Artikoli 14.5 u 14.6 tal-EUSFTA la jaqgħu fil-kompetenza esklużiva u lanqas f’dik kondiviża tal-Unjoni Ewropea: huma jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(2) TFUE (dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili).

    Analiżi

    508.

    Il-Kapitolu Erbatax jistabbilixxi obbligi ta’ trasparenza, konsultazzjoni u amministrazzjoni aħjar li japplikaw għal liġijiet, regolamenti, deċiżjonijiet ġudizzjarji, proċeduri u deċiżjonijiet amministrattivi li jista’ jkollhom impatt fuq kull materja koperta mill-EUSFTA (l-hekk imsejħa “miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali”) ( 394 ). Dan il-kapitolu huwa inkluż b’mod partikolari minħabba l-impatt ta’ ambjenti regolatorji fuq il-kummerċ u l-investiment bejn il-partijiet ( 395 ). L-obbligi tal-Kapitolu Erbatax japplikaw flimkien ma’ obbligi simili, li għandhom għanijiet simili, li jinsabu f’kapitoli oħra tal-EUSFTA ( 396 ).

    509.

    Għalhekk, il-Kapitolu Erbatax japplika b’mod orizzontali għall-kapitoli kollha tal-EUSFTA u biss fir-rigward ta’ materji koperti minn dawk il-kapitoli. Jiena, għalhekk, inqis li l-punt ewlieni tal-Kapitolu Erbatax ma huwiex li jirregola proċeduri amministrattivi u protezzjoni ġudizzjarja bħala tali. L-obbligi ta’ dan il-kapitolu jibdew iseħħu biss meta miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali jkollhom impatt fuq materji koperti mill-EUSFTA. L-għan u l-funzjoni tagħhom huma li jagħmlu effettiva, operazzjonali u eżegwibbli r-regolamentazzjoni tal-materji sostantivi koperti mill-EUSFTA ( 397 ). Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Erbatax (u dispożizzjonijiet iktar speċifiċi li jirrigwardaw l-istess suġġett f’kapitoli oħra) ma japplikawx b’mod indipendenti. Dawn huma, min-natura tagħhom, anċillari; fl-istess waqt, madankollu, huma essenzjali sabiex l-EUSFTA jiffunzjona mingħajr diffikultajiet.

    510.

    Barra minn dan, it-trasparenza, il-konsultazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li jirrigwardaw materji li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni huma essenzjali sabiex jitnaqqsu jew jiġu evitati barrieri għall-kummerċ. Tabilħaqq, in-nuqqas ta’ trasparenza, ta’ sens ta’ ġustizzja u ta’ ċertezza legali jista’, fih innifsu, jikkostitwixxi barriera għall-kummerċ ( 398 ). Jekk ma jingħatax proċess xieraq lil kummerċjanti u lil investituri u jekk ma jkunx hemm garanziji sabiex jiżguraw li dawn il-kummerċjanti u l-investituri, kif ukoll gvernijiet, isiru jafu b’miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali relatati mal-kummerċ u mal-investiment u jadattaw irwieħhom għalihom, il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ miksuba mir-regoli sostantivi tal-EUSFTA jistgħu jintilfu. Barra minn dan, jistgħu jintlaqtu kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jekk fil-fatt ma jiġux applikati dawn il-miżuri jew, fl-assenza ta’ salvagwardji suffiċjenti, meta fil-prattika tranżazzjonijiet speċifiċi ma jkunux jistgħu jingħataw effett. Kummerċjanti jistgħu jabbandunaw il-kummerċ jew ma jibqgħux jinvestu, jew it-tranżazzjonijiet tagħhom jistgħu jġarrbu dewmien jew isiru jiswew iktar flus.

    511.

    F’dan il-kuntest, jidhirli li l-politika kummerċjali komuni tkopri regoli u deċiżjonijiet dwar pubblikazzjoni, amministrazzjoni u stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li jkollhom impatt fuq materji koperti mill-EUSFTA li jkunu speċifikament relatati mal-kummerċ internazzjonali jew ma’ investiment. Filwaqt li obbligi f’dan ir-rigward ma japplikawx għall-kontenut sostantiv ta’ dawn il-miżuri, huma, bl-istess mod bħal obbligi sostantivi, essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu inkoraġġuti u ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment, u huma għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ.

    512.

    Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-obbligi jaqdu funzjoni simili fil-kuntest ta’ politiki esterni, minbarra l-politika kummerċjali komuni, li huma rilevanti għall-materji koperti mill-EUSFTA. Meta tikkonkludi ftehimiet ma’ Stati terzi fir-rigward ta’ materji oħra li jaqgħu fil-kompetenza kondiviża jew esklużiva tal-Unjoni Ewropea (bħat-trasport, il-protezzjoni tal-ambjent jew il-promozzjoni ta’ investiment f’portafoll), il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi s-setgħa li tiddeċiedi dwar dispożizzjonijiet li jkollhom l-għan li jiżguraw l-effikaċja tal-impenji li l-Unjoni Ewropea tkun ftiehmet dwarhom. Hekk, pereżempju, impenji sostantivi li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jiddgħajfu jekk pajjiż terz kellu jċaħħad lil ċittadini tal-Unjoni minn aċċess għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta’ miżuri ambjentali ta’ applikazzjoni ġenerali meta tali stħarriġ ġudizzjarju jkun disponibbli għaċ-ċittadini tiegħu stess f’ċirkustanzi komparabbli.

    513.

    Għalhekk inqis li l-allokazzjoni ta’ kompetenzi fuq dispożizzjonijiet li jirrigwardaw trasparenza u stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali (tal-Kapitolu Erbatax jew ta’ kapitoli oħra) għandha ssegwi l-allokazzjoni ta’ kompetenzi sostantivi.

    Soluzzjoni ta ’ tilwim u medjazzjoni (Kapitolu Disgħa, Taqsima B ( 399 ) , u Kapitoli Tlettax, Ħmistax u Sittax tal-EUSFTA ( 400 ) )

    Argumenti

    514.

    Il-Kummissjoni tikkontendi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq id-dispożizzjonijiet tas-STIS kollha tat-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa. Din il-kompetenza tirriżulta neċessarjament mill-kompetenza li tirrigwarda dispożizzjonijiet sostantivi tal-ftehim li jiġu applikati u interpretati meta jibda jitħaddem il-mekkaniżmu tas-soluzzjoni ta’ tilwim. Dan ifisser ukoll li, bħala prinċipju, l-Unjoni Ewropea hija unikament responsabbli, bħala materja tad-dritt internazzjonali, għal kull ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, li tqassam ir-responsabbiltà finanzjarja relatata mal-mekkaniżmu tas-STIS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u li tagħti s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jaġixxu bħala konvenuti (u, għalhekk, possibbilment iġorru responsabbiltà finanzjarja) meta huma jkunu responsabbli għat-trattament ikkontestat, sakemm dak it-trattament ma jkunx mitlub mid-dritt tal-Unjoni. Dan huwa eżattament l-għan tar-Regolament Nru 912/2014 ( 401 ), li japplika għall-ftehimiet kollha li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti u li jipprovdu għal mekkaniżmu ta’ STIS. Ir-regoli dwar tqassim li hemm f’dan ir-regolament japplikaw meta l-Unjoni Ewropea tiddetermina, skont l-Artikolu 9.15.2 tal-EUSFTA, il-konvenut f’tilwima bejn investitur u Stat.

    515.

    Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Artikoli 13.16 (“Konsultazzjonijiet tal-Gvernijiet”) u 13.17 (“Grupp tal-Esperti”) tal-EUSFTA.

    516.

    Fir-rigward tal-Kapitoli Ħmistax (“Is-Soluzzjoni tat-Tilwim”) u Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”), il-Kummissjoni tissottometti li dawn il-kapitoli huma meħtieġa sabiex ikun żgurat l-infurzar effettiv ta’ drittijiet u obbligi skont l-EUSFTA u jsegwu prattika internazzjonali stabbilita. Minħabba li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-partijiet tal-EUSFTA li għalihom japplikaw il-Kapitoli Ħmistax u Sittax, hija għandha wkoll kompetenza esklużiva fuq dawn il-kapitoli.

    517.

    Il-Parlament essenzjalment jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

    518.

    Il-Kunsill jissottometti li, minħabba li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza tilleġiżla dwar protezzjoni diplomatika (Artikolu 9.28 tal-EUSFTA), l-Unjoni Ewropea ma tistax f’kull każ ikollha kompetenza esklużiva sabiex tiffirma u tikkonkludi l-EUSFTA. Minkejja l-Artikolu 23(1) TFUE, id-deċiżjoni jekk tingħatax protezzjoni diplomatika f’każ partikolari hija tal-Istati Membri. Alternattivament, il-Kunsill jissottometti li l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Artikolu 9.28 tal-EUSFTA hija limitata għal tilwim li jkun jinvolvi investiment barrani dirett.

    519.

    Il-Kunsill ma għamel l-ebda sottomissjoni speċifika b’rabta mal-Kapitoli Ħmistax u Sittax.

    520.

    Filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub indirizzaw it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa (estensivament), l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-Kapitoli Ħmistax u Sittax huma ħafna iktar limitati. Fis-seduta xi Stati Membri ffokaw fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9.28 tal-EUSFTA, li jikkonċernaw il-protezzjoni diplomatika.

    521.

    Fir-rigward tat-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, huma, l-ewwel nett, jissottomettu li, minħabba li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq tipi ta’ investiment minbarra fuq investiment barrani dirett, hija ma jistax ikollha kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ din it-taqsima, li tapplika kemm għal investiment barrani dirett, kif ukoll għal tipi oħra ta’ investiment. Barra minn dan, minħabba li l-EUSFTA jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li bih l-Istati Membri jistgħu jiġu identifikati bħala konvenuti, il-liġijiet kostituzzjonali ta’ ċerti Stati Membri jistgħu jitolbu li huma jieħdu sehem fil-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

    522.

    Il-Kunsill u l-Istati Membri ma għamlu l-ebda sottomissjoni speċifika dwar l-Artikoli 13.16 u 13.17 tal-EUSFTA, għajr li straħu fuq l-Artikolu 13.17 sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Kapitolu Tlettax.

    Analiżi

    523.

    Fil-fehma tiegħi, l-allokazzjoni ta’ kompetenzi fir-rigward ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-EUSFTA hija aċċessorja għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi sostantivi. Dan huwa minnu kemm għall-Kapitoli Ħmistax u Sittax, li japplikaw fuq bażi orizzontali, kif ukoll għal kapitoli oħra li jipprevedu forom speċifiċi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim (bħat-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa dwar investiment u bħall-Kapitolu Tlettax dwar żvilupp sostenibbli).

    524.

    Din l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri hija rregolata mit-Trattati biss. Regoli interni ta’ liġi, anki ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħux jibdlu din l-allokazzjoni ( 402 ).

    525.

    Mill-Opinjonijiet 1/91, 1/09 u 2/13 isegwi li, meta l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza fuq id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ ftehim internazzjonali, hija jkollha wkoll kompetenza fuq il-mekkaniżmi tas-soluzzjoni ta’ tilwim li għandhom l-għan jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu effettivament infurzati. Tali mekkaniżmi sempliċement jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet primarji tal-ftehim u huma, għalhekk, aċċessorji għar-regoli (sostantivi) li magħhom ikollhom rabta ( 403 ).

    526.

    Din il-konklużjoni tapplika kemm għal mekkaniżmu orizzontali ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fil-Kapitolu Ħmistax, kif ukoll għal mekkaniżmi għal soluzzjoni ta’ tilwim relatati ma’ suġġett speċifiku stabbiliti fit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa u fil-Kapitolu Tlettax ( 404 ). Għall-kuntrarju ta’ xi Stati Membri, inqis li l-fatt li l-mekkaniżmu tas-STIS jagħti lil investitur ta’ waħda mill-Partijiet id-dritt li jibda proċeduri ta’ arbitraġġ kontra l-Parti l-oħra fih innifsu ma għandu l-ebda rilevanza għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Din il-karatteristika tirrifletti l-fatt li l-Partijiet għażlu li jadottaw dak it-tip ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fir-rigward ta’ investiment, minflok (jew flimkien ma’) soluzzjoni ta’ tilwim bejn Stati. Din il-karatteristika, għalhekk, tikkonċerna l-mod li bih il-kompetenza esterna tiġi eżerċitata iktar milli l-eżistenza u n-natura ta’ din il-kompetenza esterna.

    527.

    L-istess raġunament japplika għal mekkaniżmi ta’ medjazzjoni bħal dawk stabbiliti fl-Anness 9-E (speċifikament b’rabta ma’ tilwim bejn investitur u Stat) u fil-Kapitolu Sittax. Dawn ukoll għandhom l-għan li tiġi żgurata l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA li għalihom japplikaw.

    528.

    Il-konklużjoni tiegħi ma tiddgħajjifx bl-argument (magħmul minn Stat Membru wieħed) li, filwaqt li l-Artikolu 9.16 tal-EUSFTA jipprovdi għal proċedura ta’ arbitraġġ taħt l-awspiċji taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (iktar ’il quddiem “ICSID”), l-Unjoni Ewropea ma tistax tkun Parti għall-Konvenzjoni għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar investimenti bejn Stat u ċittadini ta’ Stati oħra, iffirmata fit-18 ta’ Marzu 1965. Huwa minnu li Stati biss jistgħu jkunu Partijiet għal din il-konvenzjoni ( 405 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ostakolu skont id-dritt internazzjonali sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tidħol għal ftehim internazzjonali ma jikkonċernax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea, li għandha tkun iddeterminata biss b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni. Tali ostakolu ma jżommx lill-Unjoni Ewropea milli teżerċita l-kompetenza esterna tagħha permezz tal-Istati Membri tagħha li jaġixxu flimkien fl-interess tagħha ( 406 ). F’kull każ, l-arbitraġġ tal-ICSID huwa biss wieħed mill-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim imsemmija fl-Artikolu 9.16 tal-EUSFTA.

    529.

    Minħabba li l-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim u ta’ medjazzjoni huma anċillari min-natura tagħhom, l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għal tali mekkaniżmi hija neċessarjament l-istess bħalma hija għad-dispożizzjonijiet sostantivi li magħhom huma relatati. Fi kliem ieħor, dawn il-mekkaniżmi ma jistgħux minnhom infushom jibdlu l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

    530.

    Għalhekk m’iniex konvint bl-argument li, minħabba li l-Istati Membri jistgħu jsiru jafu li huma konvenuti f’tilwima dwar investiment u, għalhekk, jistgħu jkunu responsabbli finanzjarjament minħabba deċiżjoni f’tali tilwima ( 407 ), l-Unjoni Ewropea ma jistax ikollha kompetenza esklużiva sabiex tiftiehem dwar it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA.

    531.

    Barra minn dan, ir-regoli dwar it-tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kif stabbiliti mir-Regolament Nru 912/2014 ma jaffettwawx l-allokazzjoni ta’ kompetenzi skont it-Trattati. Il-parti introduttorja tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 912/2014 tgħid espressament li dan ir-regolament huwa “[m]ingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-TFUE” ( 408 ); u li dan l-istess regolament għandu jkun konformi mar-regoli tat-Trattati dwar il-kompetenza ( 409 ).

    532.

    F’kull każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa ta’ ftit importanza, fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, il-fatt li l-obbligi u l-piżijiet finanzjarji inerenti fl-eżekuzzjoni tal-ftehim jinġarru direttament mill-Istati Membri ( 410 ). Azzjoni interna jew esterna tal-Unjoni fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea ma tinvolvix neċessarjament trasferiment lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-obbligi u tal-piżijiet finanzjarji li tali azzjoni tista’ tkun tinvolvi; dawn ir-regoli huma intiżi biss sabiex jissostitwixxu l-azzjoni unilaterali tal-Istati Membri b’azzjoni komuni bbażata fuq prinċipji uniformi f’isem l-Unjoni Ewropea kollha ( 411 ).

    533.

    Kif nifhimha jiena, dan ir-raġunament japplika a fortiori għal piżijiet finanzjarji imposti fuq Stat Membru bħala riżultat tal-adozzjoni minn tribunal ta’ arbitraġġ ta’ deċiżjoni li tikkonkludi li dak l-Istat Membru jkun applika miżuri inkompatibbli mar-regoli tal-EUSFTA dwar il-protezzjoni ta’ investimenti.

    534.

    Għal finijiet ta’ kompletezza għandi nżid li, fl-Opinjoni 1/78, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li, meta ftehim internazzjonali jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament li jkun jikkostitwixxi “karatteristka essenzjali” tal-ftehim, dan il-fatt ikun jista’ minnu nnifsu jiġġustifika parteċipazzjoni mill-Istati Membri fil-konklużjoni tiegħu, sa fejn il-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw jiġu imputati direttament lill-baġits tal-Istati Membri ( 412 ). Ma nqisx li dan ir-raġunament japplika għall-piżijiet finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għall-Istati Membri mill-mekkaniżmu tas-STIS skont l-EUSFTA. Tali piżijiet finanzjarji, jekk jinqalgħu, jirriżultaw mill-fatt li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligi taħt l-EUSFTA. Għalhekk, ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/78.

    535.

    Għalhekk nikkonkludi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza taqbel dwar il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim u ta’ medjazzjoni stabbiliti fit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa u fil-Kapitoli Tlettax, Ħmistax u Sittax tal-EUSFTA. Bħala riżultat tal-kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-EUSFTA li għalihom japplikaw dawn il-kapitoli, l-Unjoni Ewropea taqsam din il-kompetenza mal-Istati Membri. Sa fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-EUSFTA, hija waħedha tista’ tiftiehem dwar it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, dwar l-Artikoli 13.16 u 13.17, u dwar il-Kapitoli Ħmistax u Sittax tal-EUSFTA.

    536.

    Irrid nisħaq li l-konklużjoni tiegħi hija biss dwar il-kompetenza. Ma eżaminajtx, u ma nesprimi xejn dwar kif naħsibha dwar il-kompatibbiltà materjali tat-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa mar-regoli sostantivi tat-Trattati. Din il-kwistjoni taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni ( 413 ).

    537.

    Fl-aħħar nett, m’iniex konvint bl-argument li l-Unjoni Ewropea ma jistax ikollha kompetenza esklużiva fuq it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa minħabba l-Artikolu 9.28 tal-EUSFTA. L-oġġezzjoni ewlenija għal din id-dispożizzjoni hija li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza fir-rigward tal-protezzjoni diplomatika.

    538.

    Minħabba li l-punt huwa ta’ rilevanza fundamentali biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fuq il-partijiet l-oħra kollha tal-EUSFTA, ser nassumi, għall-finijiet tad-diskussjoni li ġejja, li dan huwa l-każ.

    539.

    Il-protezzjoni diplomatika tikkonċerna l-proċessi li permezz tagħhom l-Istat taċ-ċittadinanza ta’ persuna leża jinvoka r-responsabbiltà ta’ Stat ieħor għall-ħsara li wieħed miċ-ċittadini tiegħu jkun bata minħabba azzjoni jew ommissjoni ħażina ta’ dan tal-aħħar sabiex jagħti protezzjoni lil dak iċ-ċittadin u jikseb riparazzjoni ( 414 ). Jew kif il-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali ddeskrivietha, “billi jiddefendi lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu u jieħu azzjoni diplomatika jew proċeduri ġudizzjarji internazzjonali f’isem iċ-ċittadin, Stat ikun qiegħed fil-verità jasserixxi d-drittijiet tiegħu stess — id-dritt tiegħu li jiżgura, fil-persuna ta’ ċittadin tiegħu, l-osservanza tar-regoli tad-dritt internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 415 ). Hija regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li, qabel ma Stat jagħti protezzjoni diplomatika lil ċittadini leżi tiegħu, dawn iċ-ċittadini għandhom l-ewwel ikunu eżawrixxew ir-rimedji lokali ( 416 ).

    540.

    Individwi kisbu bil-mod il-mod iktar drittijiet għalihom infushom skont id-dritt internazzjonali, inklużi drittijiet li jinvokaw klawżoli ta’ protezzjoni kontra l-Istat tagħhom stess jew kontra Stati ospitanti; u l-protezzjoni diplomatika, għalhekk, teżisti flimkien ma’ mezzi li bihom individwi jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom stess b’mod dirett (bħall-mekkaniżmi ta’ STIS) ( 417 ). Skont il-Kummissjoni dwar id-Dritt Internazzjonali, “il-proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previsti minn [ftehimiet bilaterali dwar investiment] u [mill-]ICSID joffru vantaġġi ikbar lil investitur barrani milli toffri s-sistema ta’ protezzjoni diplomatika tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, minħabba li jagħtu lill-investitur aċċess dirett għal arbitraġġ internazzjonali, jevitaw l-inċertezza politika inerenti fin-natura diskrezzjonali tal-protezzjoni diplomatika u ma jeħtieġux l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-protezzjoni diplomatika” ( 418 ).

    541.

    Il-Kummissjoni kkonfermat li l-Artikolu 9.28 tal-EUSFTA huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni tal-ICSID ( 419 ).

    542.

    Kif nifhimha jiena, l-Artikolu 9.28 tal-EUSFTA jikkonċerna r-relazzjoni bejn, minn naħa, il-ġurisdizzjoni ta’ tribunali ta’ arbitraġġ skont it-tifsira tat-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa (iktar ’il quddiem “tribunal ta’ arbitraġġ skont il-Kapitolu Disgħa tal-EUSFTA”) u, min-naħa l-oħra, dik ta’ qrati u tribunali oħra (nazzjonali jew internazzjonali) u ta’ proċessi oħra għall-invokazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Parti oħra (Artikolu 9.28.1) u ta’ bordijiet ta’ arbitraġġ skont it-tifsira tal-Kapitolu Ħmistax tal-EUSFTA (iktar ’il quddiem “bord ta’ arbitraġġ skont il-Kapitolu Ħmistax tal-EUSFTA”) (Artikolu 9.28.2). Meta Parti u investitur ta’ Parti oħra jkunu taw il-kunsens li jissottomettu t-tilwima tagħhom għal arbitraġġ skont it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, dik it-tilwima tista’ (bħala prinċipju) ma tiġix sottomessa għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra jew ta’ tribunal ieħor permezz jew tal-protezzjoni diplomatika jew ta’ talba internazzjonali. Japplikaw żewġ eċċezzjonijiet: l-ewwel, meta l-Parti tkun naqset milli tosserva jew ma kinitx konformi mad-deċiżjoni mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ skont il-Kaptitolu 9 tal-EUSFTA (Artikolu 9.28.1) u, it-tieni, meta bord ta’ arbitraġġ skont il-Kapitolu Ħmistax tal-EUSFTA jkollu ġurisdizzjoni jisma’ tilwima dwar miżura ta’ applikazzjoni ġenerali (Artikolu 9.28.2).

    543.

    Fl-opinjoni tiegħi, meta mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ikunu relatati mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li jkunu jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ wkoll tiddeċiedi dwar klawżoli li jiċċirkoskrivu l-ġurisdizzjoni (esklużiva) ta’ dawn il-mekkaniżmi.

    544.

    Fl-aħħar nett, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 TFUE, awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ Stat Membru jistgħu jkunu meħtieġa, f’ċerti ċirkustanzi, joffru protezzjoni lil ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll lil dawk tagħhom stess. Għalhekk, il-liġi tal-Unjoni twessa’ l-kategorija ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni diplomatika minn Stat Membru. Altrimenti, l-Istati Membri għandhom kompetenza jidddeċiedu dwar protezzjoni diplomatika. Madankollu, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata skont il-kompetenza li t-Trattati jagħtu lill-Unjoni Ewropea sabiex taċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim relatat ma’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li jkun jaqa’ (skont din l-ipoteżi) fil-kompetenza esklużiva tagħha.

    Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali (Kapitolu Sbatax tal-EUSFTA ( 420 ) )

    Argumenti

    545.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-għan tal-Kapitolu Sbatax huwa li jkun stabbilit qafas istituzzjonali u proċedurali li jiżgura li l-EUSFTA jkun effettiv. Minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Sbatax huma, għalhekk, anċillari għall-bqija tal-EUSFTA, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esklużiva fuq dan il-kapitolu. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għal dispożizzjonijiet li jistabbilixxu eċċezzjonijiet dwar tassazzjoni (Artikolu 17.6), kontijiet kurrenti u movimenti ta’ kapital (Artikolu 17.7), fondi ta’ investimenti sovrani (Artikolu 17.8), miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ bilanċ ta’ pagamenti (Artikolu 17.9), sigurtà (Artikolu 17.10) u l-iżvelar ta’ informazzjoni (Artikolu 17.11).

    546.

    La l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma ħadu pożizzjoni dwar il-Kapitolu Sbatax.

    547.

    Stat Membru wieħed biss indirizza dan il-kapitolu, billi ssottometta li l-Kummissjoni ma ressqet xejn sabiex turi li l-Artikolu 17.6 tal-EUSFTA huwa relatat speċifikament mal-kummerċ internazzjonali u li, f’kull każ, din id-dispożizzjoni tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni Ewropea mit-Trattati f’materji fiskali.

    Analiżi

    548.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Sbatax tal-EUSFTA li għandhom dimensjoni purament proċedurali jew istituzzjonali jinsabu, b’mod komuni, fi ftehimiet (kummerċjali) internazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet stabbilixxew korpi fdati b’xogħlijiet speċifiċi skont il-ftehim u jirregolaw il-mod kif jitħaddmu (Artikoli 17.1, 17.2 u 17.3); jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-ftehim u impenji internazzjonali oħra tal-Partijiet (Artikoli 17.3 u 17.17); u jistabbilixxu regoli dwar emendi (Artikolu 17.5), dħul fis-seħħ (Artikolu 17.12), perijodu ta’ applikabbiltà (Artikolu 17.13), twettiq ta’ obbligi (Artikolu 17.14), l-effett tal-ftehim fl-ordnimenti ġuridiċi tal-Partijiet (Artikolu 17.15), il-kopertura tal-ftehim u verżjonijiet awtentiċi (Artikoli 17.16 u 17.20), adeżjonijiet futuri mal-Unjoni Ewropea u l-ambitu territorjali ta’ applikazzjoni tal-ftehim (Artikoli 17.18 u 17.19). Minħabba li huma purament aċċessorji min-natura tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex tali li jibdlu l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-EUSFTA.

    549.

    Id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Sbatax huma ta’ karattru iktar sostantiv.

    550.

    L-għan tal-Artikolu 17.6 tal-EUSFTA (“Tassazzjoni”) (moqri flimkien mal-Qbil 1) huwa li jiġi kkjarifikat sa fejn l-EUSFTA japplika għal miżuri ta’ tassazzjoni u li jippreserva l-kompetenza kemm ta’ Singapor kif ukoll tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha sabiex iwettqu l-politika fiskali tagħhom. Bħala riżultat, din id-dispożizzjoni hija aċċessorja għall-bqija tal-EUSFTA; hija ma tikkostitwixxix komponent distint.

    551.

    L-istess huwa minnu dwar l-Artikolu 17.9 tal-EUSFTA (“Restrizzjonijiet sabiex jiġi Salvagwardjat il-bilanċ tal-pagamenti”). B’din id-dispożizzjoni kull Parti tkun tista’, jekk tisfa f’diffikultajiet gravi ta’ bilanċ ta’ pagamenti u f’diffikultajiet finanzjarji esterni, tirrestrinġi benefiċċji mogħtija skont l-EUSFTA b’rabta mal-kummerċ ta’ prodotti, servizzi u stabbiliment u pagamenti u trasferimenti relatati ma’ investimenti. Id-dispożizzjoni hija, għalhekk, rilevanti biss b’rabta ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-EUSFTA, li għalihom tikkostitwixxi eċċezzjoni. Din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma tifformax komponent distint ta’ dan il-ftehim. Bl-istess mod, l-Artikolu 17.10 (“Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà”) u l-Artikolu 17.11 (“Żvelar ta’ informazzjoni”) huma t-tnejn li huma purament aċċessorji għall-bqija tal-EUSFTA.

    552.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17.7 (“Kont Kurrenti u Ċaqliq tal-Kapital”) u l-Artikolu 17.8 (“Fondi Sovrani ta’ Investiment”) għandhom regoli li huma awtonomi b’rabta mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-EUSFTA. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet huma limitati ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u, għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala komponent distint tal-EUSFTA.

    553.

    Għalhekk nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Sbatax tal-EUSFTA huma jew purament aċċessorji għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-ftehim jew limitati ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, u li, għal dawn ir-raġunijiet, ma għandhomx il-kapaċità jibdlu l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tad-diversi komponenti tal-EUSFTA.

    Evalwazzjoni tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi l-EUSFTA

    554.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq isegwi li, sabiex tkun evalwata l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-EUSFTA għandu jinqasam f’diversi partijiet diskreti. Dawn il-partijiet huma d-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni; id-dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw servizzi ta’ trasport bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor u, għalhekk, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tat-trasport; id-dispożizzjonijiet li jirregolaw tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett, li huma suġġetti għar-regoli relatati mal-moviment liberu tal-kapital; id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aspetti mhux kummerċjali ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq intern; id-dispożizzjonijiet dwar il-konverġenza ta’ standards fundamentali dwar ix-xogħol u standards dwar l-ambjent bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor u li, għalhekk, jaqgħu fil-kamp tal-politika soċjali u f’dak tal-politika ta’ protezzjoni tal-ambjent, rispettivament, u d-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li jaqgħu fil-politika dwar is-sajd.

    555.

    Ebda waħda minn dawn il-partijiet ma tista’ tkun identifikata bħala l-komponent ewlieni jew predominanti tal-EUSFTA, jew li hija “biss inċidentali” jew “estremament limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha”.

    556.

    Minħabba li dawn il-partijiet mhux kollha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi esterni esklużivi tal-Unjoni Ewropea, l-EUSFTA ma jistax, abbażi tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea, jiġi konkluż mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

    557.

    Il-fehma tiegħi, fid-dettall, dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tad-diversi partijiet tal-EUSFTA hija kif deskritta hawn taħt.

    558.

    L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva, skont l-Artikoli 3(1)(e) u 207(1) TFUE, fir-rigward tal-partijiet tal-EUSFTA li jikkomprendu d-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni. Dawn id-dispożizzjonijiet huma relatati ma’:

    għanijiet u definizzjonijiet ġenerali (Kapitolu Wieħed);

    kummerċ ta’ prodotti (Kapitoli Tnejn sa Sitta);

    kummerċ u investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli (Kapitolu Sebgħa);

    kummerċ ta’ servizzi u kuntratti pubbliċi governattivi (Kapitoli Tmienja u Għaxra), ħlief dawk il-partijiet tal-EUSFTA li japplikaw għal servizzi ta’ trasport u għal servizzi li għandhom rabta intrinsika ma’ servizzi ta’ trasport;

    investiment barrani dirett (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa);

    aspetti kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Kapitolu Ħdax, esklużi d-dispożizzjonijiet relatati mal-aspetti mhux kummerċjali ta’ dawn id-drittijiet);

    kompetizzjoni u materji relatati (Kapitolu Tnax), u

    kummerċ u żvilupp sostenibbli sa fejn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma relatati primarjament ma’ strumenti ta’ politika kummerċjali (Kapitolu Tlettax, esklużi d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 559 u 562 iktar ’il quddiem).

    559.

    L-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esterna esklużiva, skont l-Artikoli 3(1)(d) u 43(2) TFUE, fir-rigward tal-partijiet tal-EUSFTA li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar [Artikolu 13.8(a), (c) u (d) tal-EUSFTA].

    560.

    Barra minn dan, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva, skont l-Artikoli 91 u 100(1) TFUE, flimkien mat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE u r-raba’ raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar kummerċ ta’ servizzi ta’ trasport bil-ferrovija u bit-triq (Kapitolu Tmienja tal-EUSFTA).

    561.

    Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esterna esklużiva fir-rigward tal-materji koperti mit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, mill-Artikoli 13.16 u 13.17, u mill-Kapitoli Erbatax sa Sbatax tal-EUSFTA sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw (u, għalhekk, huma anċillari) għall-partijiet tal-EUSFTA li fuqhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva.

    562.

    Il-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea hija kondiviża mal-Istati Membri fir-rigward tal-komponenti tal-EUSFTA li ġejjin:

    id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, servizzi ta’ trasport marittimu, u trasport b’passaġġi tal-ilma interni, inklużi servizzi li għandhom rabta intrinsika ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport (Kapitolu Tmienja), abbażi tal-Artikoli 4(2)(g), 91 u 100 TFUE, u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE;

    id-dispożizzjonijiet dwar tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa), abbażi tal-Artikoli 4(2)(a) u 63 TFUE u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE;

    id-dispożizzjonijiet dwar kuntratti pubbliċi governattivi sa fejn japplikaw għal servizzi ta’ trasport u servizzi li għandhom rabta intrinsika ma’ servizzi ta’ trasport (Kapitolu Għaxra), abbażi tal-Artikoli 4(2)(a) u 26(1) TFUE u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE;

    id-dispożizzjonijiet relatati ma’ aspetti mhux kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Kapitolu Ħdax), abbażi tal-Artikoli 4(2)(a) u 26(1) TFUE u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE;

    id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu standards fundamentali dwar ix-xogħol u l-ambjent u li, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni jew tal-politika soċjali jew tal-politika tal-protezzjoni tal-ambjent (Kapitolu Tlettax), abbażi tal-Artikoli 4(2)(b), 151 u 153(1) TFUE u tat-tieni raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE, u tal-Artikoli 4(2)(e) u 191(4) u tal-ewwel raġuni skont l-Artikolu 216(1) TFUE, rispettivament; u

    il-materji koperti mit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, mill-Artikoli 13.16 u 13.17, u mill-Kapitoli Erbatax sa Sbatax tal-EUSFTA, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw (u, għalhekk, huma anċillari) għall-partijiet tal-EUSFTA li fuqhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna kondiviża.

    563.

    Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esterna sabiex tiftiehem li tintrabat bl-Artikolu 9.10.1 tal-EUSFTA (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa), sabiex tittermina ftehimiet bilaterali konklużi bejn ċerti Stati Membri u Singapor. Din il-kompetenza hija esklużivament ta’ dawn l-Istati Membri.

    564.

    Minn dawn il-konklużjonijiet isegwi li, fl-istat li jinsab fih, l-EUSFTA jista’ jiġi konkluż biss mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri billi jaġixxu flimkien.

    565.

    Proċess ta’ ratifikazzjoni li jinvolvi lill-Istati Membri kollha flimkien mal-Unjoni Ewropea aktarx li neċessarjament ikun oneruż u kumpless. Jista’ jġib miegħu wkoll ir-riskju li r-riżultat ta’ negozjati fit-tul jista’ jiġi mblokkat minn ftit Stati Membri jew anki minn Stat Membru wieħed. Dan jista’ jdgħajjef l-effiċjenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jkollu konsegwenzi negattivi fuq ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Istat terz ikkonċernat.

    566.

    Madankollu, l-ħtieġa li l-azzjoni esterna tal-Unjoni tkun unita u rapida u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu jekk l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom jipparteċipaw flimkien sabiex jikkonkludu u jimplementaw ftehim internazzjonali ma jistgħux jaffettwaw il-kwistjoni dwar min għandu l-kompetenza li jikkonkludih. Din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta esklużivament abbażi tat-Trattati ( 421 ). Minn dan isegwi li tħassib prattiku dwar in-negozjazzjoni u l-konklużjoni tal-EUSFTA u l-implementazzjoni tiegħu ma jistax jelimina d-diverġenzi li jiena identifikajt f’dawn il-konklużjonijiet bejn il-firxa wiesgħa ta’ materji rregolati minn dan il-ftehim u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni kif tirriżulta mit-Trattat ta’ Liżbona. Fi kliem ieħor, il-fatt li ma hemmx koinċidenza kompleta bejn dik li għandha titqies bħala “politika kummerċjali” jew “politika ta’ investiment”’ fir-relazzjonijiet internazzjonali (u, għalhekk, hija koperta minn ftehim bħalma huwa l-EUSFTA) u x’jikkostitwixxi l-politika kummerċjali komuni bħala materja tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva li tikkonkludi tali ftehim.

    567.

    Bħala alternattiva ċertament l-EUSFTA jista’ jinqasam f’diversi ftehimiet skont il-kompetenza involuta. Madankollu, din hija deċiżjoni politika li teħtieġ (b’mod partikolari) li l-Istat terz ikkonċernat ikun jaqbel magħha.

    568.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta jiġi nnegozjat u konkluż ftehim li jkun jeħtieġ il-parteċipazzjoni kemm tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Istati Membri kostitwenti tagħha, kemm l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Istati Membri għandhom jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi li jkollhom filwaqt li jħarsu l-kompetenzi ta’ kull Parti Kontraenti oħra ( 422 ). Huwa minnu li, bħala prinċipju, kull parti (inklużi l-Istati Membri) għandha — rebus sic stantibus — tagħżel bejn jew li tagħti l-kunsens għall-ftehim kollu jew ma taċċettahx. Madankollu, din l-għażla għandha ssir konformement mar-regoli tat-Trattat dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi. Kieku Stat Membru kellu jirrifjuta li jikkonkludi ftehim internazzjonali għal raġunijiet relatati ma’ aspetti ta’ dak il-ftehim li fuqhom l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esterna esklużiva, dak l-Istat Membru jkun qiegħed jaġixxi bi ksur ta’ dawk ir-regoli tat-Trattat.

    569.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li, meta s-suġġett ta’ ftehim ikun jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u parzjalment f’dik tal-Istati Membri tagħha, huwa essenzjali li tkun żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjoniiet tal-Unjoni, kemm fil-proċess ta’ negozjati, kif ukoll fil-konklużjoni u fit-twettiq tal-impenji li jkunu ttieħdu. Dan joħroġ mir-rekwiżit tal-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea ( 423 ), kif ukoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif espress fl-Artikolu 4(3) TUE. Għar-raġunijiet li spjegajt f’dawn il-konklużjonijiet, dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni sħiħa japplika għan-negozjazzjoni, għall-konklużjoni u għall-implementazzjoni tal-EUSFTA.

    Konklużjoni

    570.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, nippropni lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni:

    1.

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles previst bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor (l-“EUSFTA”) jista’ jiġi konkluż biss mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri billi jaġixxu flimkien.

    2.

    L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva fir-rigward tal-partijiet tal-EUSFTA li jikkomprendu d-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni, jiġifieri:

    għanijiet u definizzjonijiet ġenerali (Kapitolu Wieħed);

    kummerċ ta’ prodotti (Kapitoli Tnejn sa Sitta);

    kummerċ u investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli (Kapitolu Sebgħa);

    kummerċ ta’ servizzi u kuntratti pubbliċi governattivi (Kapitoli Tmienja u Għaxra), esklużi l-partijiet tal-EUSFTA li japplikaw għal servizzi ta’ trasport u servizzi li għandhom rabta intrinsika ma’ servizzi ta’ trasport;

    investiment barrani dirett (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa);

    aspetti kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Kapitolu Ħdax, esklużi d-dispożizzjonijiet relatati mal-aspetti mhux kummerċjali ta’ dawn id-drittijiet);

    kompetizzjoni u materji relatati (Kapitolu Tnax), u

    kummerċ u żvilupp sostenibbli sa fejn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma relatati ma’ strumenti ta’ politika kummerċjali (Kapitolu Tlettax, esklużi dawk id-dispożizzjonijiet relatati mal-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu standards fundamentali dwar ix-xogħol u l-ambjent u, għalhekk, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni jew tal-politika soċjali jew tal-politika tal-protezzjoni tal-ambjent.

    L-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esterna esklużiva fir-rigward tal-partijiet tal-EUSFTA (Kapitolu Tlettax) relatati mal-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

    L-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esterna esklużiva fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA (Kapitolu Tmienja) dwar kummerċ ta’ servizzi bil-ferrovija u bit-triq.

    L-Unjoni Ewropea għandha wkoll kompetenza esterna esklużiva fir-rigward tal-materji koperti mit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, mill-Artikoli 13.16 u 13.17, u mill-Kapitoli Erbatax sa Sbatax tal-EUSFTA sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw (u, għalhekk, huma anċillari) għall-partijiet tal-EUSFTA li fuqhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva.

    3.

    Il-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea hija kondiviża mal-Istati Membri fir-rigward tal-komponenti tal-EUSFTA li ġejjin:

    id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, servizzi ta’ trasport marittimu, u trasport b’passaġġi tal-ilma interni, inklużi servizzi li għandhom rabta intrinsika ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport (Kapitolu Tmienja);

    id-dispożizzjonijiet dwar tipi ta’ investiment minbarra investiment barrani dirett (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa);

    id-dispożizzjonijiet dwar kuntratti pubbliċi governattivi sa fejn dawn japplikaw għal servizzi ta’ trasport u għal servizzi li għandhom rabta intrinsika ma’ servizzi ta’ trasport (Kapitolu Għaxra);

    id-dispożizzjonijiet relatati mal-aspetti mhux kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Kapitolu Ħdax);

    id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu standards fundamentali dwar ix-xogħol u l-ambjent u li, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni jew tal-politika soċjali jew tal-politika tal-protezzjoni tal-ambjent (Kapitolu Tlettax), u

    il-materji koperti mit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa, mill-Artikoli 13.16 u 13.17, u mill-Kapitoli Erbatax sa Sbatax tal-EUSFTA sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw (u, għalhekk, huma anċillari) għall-partijiet tal-EUSFTA li fuqhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna kondiviża.

    4.

    L-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esterna sabiex tiftiehem li tintrabat bl-Artikolu 9.10.1 tal-EUSFTA (Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa), sabiex tittermina ftehimiet bilaterali konklużi bejn ċerti Stati Membri u Singapor. Din il-kompetenza hija esklużivament ta’ dawn l-Istati Membri.

    Anness — Deskrizzjoni sommarja tal-EUSFTA

    1.

    L-ewwel u t-tieni premessa tal-EUSFTA jagħmlu riferiment għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Singapor. It-tieni u l-ħames premessa jgħidu li l-istess Partijiet jixtiequ jsaħħu iktar ir-relazzjoni ta’ bejniethom u li jixtiequ jgħollu l-istandards tal-għajxien, jippromwovu t-tkabbir u l-istabbiltà ekonomika, joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u jtejbu l-benesseri ġenerali, u għal dan l-għan, jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment. Ir-raba’ premessa tirreġistra li l-Partijiet huma wkoll determinati li jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi, kummerċjali u ta’ investiment tagħhom konformement mal-għan ta’ żvilupp sostenibbli u li jippromwovu l-kummerċ u l-investiment b’mod li jqis il-livelli għoljin ta’ ħarsien ambjentali u tax-xogħol u standards u ftehimiet rilevanti rrikonoxxuti fuq livell internazzjonali li huma Partijiet fihom. Il-Partijiet jagħrfu wkoll, fit-tmien premessa, l-importanza tat-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha. Id-disa’ premessa tgħid li l-Partijiet ifittxu li jistabbilixxu regoli ċari u vantaġġużi għaż-żewġ naħat li jirregolaw il-kummerċ u l-investiment tagħhom u li jeliminaw il-barrieri għall-kummerċ u għall-investiment reċiproku. L-għaxar premessa tispjega li l-Partijiet huma deċiżi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u għall-espansjoni armonjużi tal-kummerċ internazzjonali billi jneħħu l-barrieri għall-kummerċ permezz tal-EUSFTA u billi jevitaw li joħolqu barrieri ġodda għall-kummerċ jew għall-investiment bejn il-Partijiet li jistgħu jnaqqsu l-benefiċċji tal-EUSFTA. Fil-ħdax-il premessa l-Partijiet jgħidu li qegħdin jibnu fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO u skont ftehimiet u arranġamenti multilaterali, reġjonali u bilaterali oħra li huma Parti għalihom.

    2.

    Il-Kapitolu Wieħed (“Għanijiet u Definizzjonijiet Ġenerali”) jipprevedi li, permezz tal-EUSFTA, il-Partijiet qegħdin jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles konsistenti mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 u mal-Artikolu V tal-GATS (Artikolu 1.1). L-Artikolu 1.2 jiddefinixxi l-għanijiet tal-EUSFTA bħala li huma li jkunu lliberalizzati u ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet.

    3.

    Il-Kapitolu Tnejn (“It-trattament nazzjonali u l-aċċess għas-suq għall-prodotti”) japplika għall-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet (Artikolu 2.2). L-għan stabbilit fl-Artikolu 2.1 huma li b’mod progressiv u reċiproku l-Partijiet jilliberalizzaw il-kummerċ ta’ prodotti fuq perijodu tranżitorju li jibda mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u konformement mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994. L-Artikolu 2.3 jistabbilixxi l-obbligu li jingħata trattament nazzjonali lill-prodotti tal-Parti l-oħra konformement mal-Artikolu III tal-GATT 1994 (li b’dan huwa inkorporat fl-EUFSTA). Il-Kapitolu Tnejn ikopri wkoll il-klassifikazzjoni tal-prodotti (Artikolu 2.5); jeżiġi li jitnaqqsu jew jiġu eliminati dazji doganali fuq l-importazzjonijiet (Artikolu 2.6); u jipprojbixxi li jinżammu jew li jiddaħħlu dazji doganali u taxxi fuq l-esportazzjonijiet (Artikolu 2.7). Dan il-kapitolu mbagħad jgħaddi sabiex jistabbilixxi obbligi fir-rigward ta’ miżuri mhux tariffarji, b’mod partikolari restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni (Artikolu 2.9); ħlasijiet u formalitajiet marbuta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni (Artikolu 2.10); proċeduri għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni (Artikolu 2.11); impriżi kummerċjali Statali (Artikolu 2.12); u t-tneħħija tal-miżuri mhux tariffarji settorjali indikati fl-Anness 2-B u fl-Anness 2.C (Artikolu 2.13). L-Artikolu 2.14 jipprevedi klawżola ta’ eċċezzjonijiet ġenerali u jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu XX tal-GATT 1994 (li huwa l-klawżola ta’ eċċezzjonijiet ġenerali f’dak il-ftehim). L-Artikolu 2.15 jistabbilixxi Kumitat dwar il-kummerċ ta’ prodotti li r-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu huma li jagħmel monitoraġġ tal-implementazzjoni, jippromwovi l-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet dwar materji koperti mill-kapitolu u mill-annessi tiegħu u jindirizza miżuri tariffarji u mhux tariffarji applikati fil-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet.

    4.

    L-Anness 2-A jindirizza l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali. Huwa jikkomprendi żewġ appendiċijiet: l-appendiċi 2-A-1 (l-iskeda ta’ eliminazzjoni ta’ dazji doganali għal Singapor) u l-appendiċi 2-A-2 (l-iskeda ta’ eliminazzjoni ta’ dazji doganali għall-Unjoni Ewropea). L-Anness 2-B, applikabbli għal kull għamla ta’ vetturi bil-mutur u partijiet tagħhom, għandu għadd ta’ obbligi li jkopru, inter alia, l-użu ta’ standards internazzjonali, konverġenza regolatorja, prodotti b’teknoloġiji ġodda jew b’karatteristiċi ġodda, liċenzjar għall-importazzjoni u miżuri oħra li jirrestrinġu l-kummerċ. L-Anness 2-C, relatat ma’ prodotti farmaċewtiċi u apparati mediċi, jindirizza standards internazzjonali, it-trasparenza u l-kooperazzjoni regolatorja.

    5.

    Il-Kapitolu Tlieta huwa intitolat “Rimedji kummerċjali”.

    6.

    Fir-rigward ta’ antidumping u miżuri ta’ kumpens, l-Artikolu 3.1 jgħid li l-Partijiet jikkonfermaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (li jittratta l-antidumping u dazji kumpensatorji), il-Ftehim dwar l-antidumping u l-Ftehim dwar sussidji u mezzi ta’ kontrobilanċ [miżuri ta’ kumpens]. Il-kapitolu jistabbilixxi regoli proċedurali sabiex jiġu trattati applikazzjonijiet għal antidumping u għal dazji kumpensatorji (Artikolu 3.2); jistabbilixxi r-regola ta’ dazju inqas fir-rigward ta’ kull tip ta’ dazju (Artikolu 3.3); jirreġistra l-ħtieġa li jitqies l-interess pubbliku (Artikolu 3.4); u jeskludi d-dispożizzjonijiet fit-taqsima dwar l-antidumping u miżuri ta’ kumpens mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) u Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”) (Artikolu 3.5).

    7.

    Il-Kapitolu Tlieta għandu wkoll regoli speċifiċi dwar miżuri ta’ salvagwardja. B’mod partikolari, il-Partijiet jikkonfermaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu XIX tal-GATT 1994 (li jirrigwarda azzjoni ta’ emerġenza dwar importazzjonijiet ta’ prodotti partikolari), il-Ftehim dwar is-salvagwardji u l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-biedja (Artikolu 3.6). Huwa jipprovdi wkoll regoli dwar il-proċedura u t-trasparenza (Artikolu 3.7) u jeskludi d-dispożizzjonijiet fit-taqsima dwar miżuri ta’ salvagwardji globali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) u Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”) (Artikolu 3.8). L-Artikoli 3.9 sa 3.13 jipprevedu l-applikazzjoni (jekk tkun meħtieġa fuq bażi provviżorja) ta’ miżuri speċifiċi ta’ salvagwardja bilaterali u kumpens xieraq jekk tkun imposta tali miżura.

    8.

    Il-Kapitolu Erbgħa (“Il-barrieri tekniċi għall-kummerċ”) essenzjalment għandu l-għan li jiffaċilità u jżid il-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet billi jipprovdi qafas għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ barrieri bla bżonn għall-kummerċ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar barrieri tekniċi għall-kummerċ (Artikolu 4.1), li huwa inkorporat fi u jagħmel parti mill-EUSFTA (Artikolu 4.3). Il-Kapitolu Erbgħa japplika għat-tħejjija, għall-adozzjoni u għall-applikazzjoni tal-istandards, tar-regolamenti tekniċi u tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ konformità, kif iddefiniti fl-Anness 1 tal-Ftehim dwar barrieri tekniċi għall-kummerċ, li jistgħu jolqtu l-kummerċ ta’ prodotti bejn il-Partijiet, irrispettivament mill-oriġini ta’ dawk il-prodotti (Artikolu 4.2). Il-Kapitolu Erbgħa għandu wkoll dispożizzjonijiet dwar, inter alia, forom differenti ta’ kooperazzjoni konġunta (Artikolu 4.4), in-natura ta’ korpi ta’ standardizzazzjoni u l-involviment tal-Partijiet fihom (Artikolu 4.5), il-bażi għal regolamenti tekniċi (Artikolu 4.6), mezzi sabiex tkun iffaċilitata l-aċċettazzjoni ta’ riżultati ta’ evalwazzjoni ta’ konformità (Artikolu 4.7), trasparenza (Artikolu 4.8) u rekwiżiti (mandatorji) ta’ mmarkar u ttikkettar (Artikolu 4.10). Dispożizzjonijiet oħra huma relatati ma’ skambju ta’ informazzjoni (bħall-Artikolu 4.9) jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni għal għanijiet definiti (permezz, pereżempju, ta’ punti ta’ kuntatt imfassla skont l-Artikolu 14.4) (Artikolu 4.11).

    9.

    L-għanijiet tal-Kapitolu Ħamsa (“Miżuri sanitarji u fitosanitarji”) huma (a) il-ħarsien tal-ħajja jew tas-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet filwaqt li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn il-Partijiet fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (iktar ’il quddiem “miżuri SFS”); (b) il-kollaborazzjoni għall-implementazzjoni ulterjuri tal-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji; u (c) it-titjib tal-komunikazzjoni, tal-kooperazzjoni u tas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-implementazzjoni tal-miżuri SFS li jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet (Artikolu 5.1). Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim SFS [Artikolu 5.4; ara wkoll l-Artikolu 5.6(a)].

    10.

    L-Artikolu 5.6 (“Prinċipji Ġenerali”) jikkonċerna l-mezzi sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni tal-miżuri SFS u l-limitazzjonijiet fuq l-użu tal-miżuri SFS għall-prevenzjoni ta’ barrieri inġustifikati għall-kummerċ u sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux meħtieġa u diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikata u dewmien fl-aċċess għas-swieq tal-Partijiet. Obbligi sostantivi oħra huma relatati ma’ rekwiżiti dwar l-importazzjoni (Artikolu 5.7); verifiki (Artikolu 5.8); il-proċedura li għandha tiġi applikata fil-każ ta’ verifika fuq il-post għal awtorizzazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ ċerta kategorija jew kategoriji ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali mill-Parti esportatriċi (Artikolu 5.9, ara wkoll l-Anness 5.B); id-determinazzjoni u l-għarfien ta’ żoni liberi mill-pesti jew mill-mard (Artikolu 5.10); miżuri ta’ emerġenza fil-każ ta’ riskji serji għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem jew tal-pjanti (Artikolu 5.13) u (il-proċedura għall‑għarfien tal-ekwivalenza ta’ miżura individwali jew gruppi ta’ miżuri (Artikolu 5.14). Obbligi ġenerali fir-rigward tat-trasparenza u tal-iskambju ta’ informazzjoni jinsabu fl-Artikolu 5.11.

    11.

    Il-Kapitolu Sitta (“Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali”) għandu l-għan li l-Partijiet jagħrfu l-importanza ta’ affarijiet ta’ faċilitazzjoni doganali u kummerċjali fl-ambjent tal-kummerċ globali li dejjem jevolvi u li jinfurzaw il-kooperazzjoni f’dan il-qasam bil-għan li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri rilevanti, kif ukoll il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet rilevanti, jissodisfaw l-għanijiet tal-promozzjoni tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ filwaqt li jiżguraw kontroll tad-dwana effettiv (Artikolu 6.1.1). L-Artikolu 6.2 jistabbilixxi l-prinċipji li fuqhom id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri doganali tal-Partijiet għandhom ikunu bbażati (Artikolu 6.2.1). Il-Partijiet għandhom ukoll jissemplifikaw ir-rekwiżiti u l-formalitajiet kull fejn ikun possibbli sabiex jippromwovu r-rilaxx u l-iżdoganar malajr tal-merkanzija u jaħdmu sabiex ikun hemm iktar semplifikazzjoni u standardizzazzjoni ta’ data u dokumentazzjoni meħtieġa mid-dwana u aġenziji oħra (Artikolu 6.2.2). L-Artikoli 6.3 sa 6.14 jistabbilixxu obbligi speċifiċi dwar kooperazzjoni, tranżitu u trasbord, deċiżjonijiet bil-quddiem, proċeduri doganali ssemplifikati, ir-rilaxx tal-merkanzija, ħlasijiet u imposti, sensara doganali, spezzjonijiet ta’ qabel il-kunsinna, evalwazzjonijiet doganali, ġestjoni tar-riskju, sistema ta’ tieqa unika (li tiffaċilita preżentazzjoni elettronika waħdanija tal-informazzjoni kollha meħtieġa) u li jsiru disponibbli proċeduri tal-appell effettivi, immedjati, nondiskriminatorji u faċilment aċċessibbli. L-Artikolu 6.16 jindirizza r-relazzjoni tal-Partijiet mal-komunità tan-negozju.

    12.

    L-Artikolu 6.15 jistabbilixxi obbligu ġenerali li kull Parti tippubblika jew inkella tagħmel disponibbli l-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi u rekwiżiti oħra relatati mal-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali (Artikolu 6.15.1), u tidentifika jew iżżomm punt wieħed jew iktar ta’ mistoqsija jew informazzjoni (Artikolu 6.15.2). Fil-Kapitolu Sitta kollu, diversi dispożizzjonijiet huma dwar il-ħtieġa ta’ skambju ta’ informazzjoni u li l-informazzjoni tkun disponibbli [pereżempju, l-Artikoli 6.3.2, 6.8.2 u 6.16(b)].

    13.

    Il-Kapitolu Sebgħa (“Ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli”) għandu l-għan li l-Partijiet jippromwovu, jiżviluppaw u jżidu l-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi mhux fossili sostenibbli, b’mod partikolari billi jiġi ffaċilitat il-kummerċ u l-investiment. Il-Partijiet, għalhekk, jintrabtu li jikkooperaw sabiex jitneħħew jew jitnaqqsu t-tariffi u l-barrieri mhux tariffarji u sabiex titrawwem il-konverġenza regolatorja ma’ jew għal standards reġjonali u internazzjonali (Artikolu 7.1).

    14.

    Il-Kapitolu Sebgħa japplika għal miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet relatati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi mhux fossili sostenibbli, iżda mhux għall-prodotti li minnhom l-enerġija tkun iġġenerata (Artikolu 7.3.1).

    15.

    L-Artikolu 7.4 jitlob li kull Parti (a) toqgħod lura milli tadotta miżuri li jipprevedu rekwiżiti ta’ kontenut lokali jew kull kumpens ieħor (kull kundizzjoni li tinkoraġġixxi l-iżvilupp lokali) li jaffettwaw il-prodotti tal-Parti l-oħra, il-fornituri tas-servizzi, investituri jew investimenti; (b) toqgħod lura milli tadotta miżuri li jkunu jeħtieġu l-formazzjoni ta’ sħubija ma’ kumpanniji lokali (bla ħsara għal eċċezzjoni relatata ma’ raġunijiet tekniċi); (c) tiżgura li kull regola applikata dwar awtorizzazjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar tkun oġġettiva, trasparenti, mhux arbitrarja u ma tiddiskriminax kontra applikanti mill-Parti l-oħra; (d) tiżgura li l-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq jew b’konnessjoni mal-importazzjoni u l-użu ta’ prodotti li joriġinaw mill-Parti l-oħra, jew li jaffettwaw il-provvista ta’ prodotti minn fornituri tal-Parti l-oħra, ikunu suġġetti għall-Artikolu 2.10 u li l-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq jew b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi minn fornituri tal-Parti l-oħra jkunu suġġetti għall-Artikoli 8.18 sa 8.20; u (e) tiżgura li t-termini, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-elettriku jkunu trasparenti u ma jiddiskriminawx kontra l-fornituri tal-Parti l-oħra.

    16.

    L-Artikolu 7.5 huwa dwar l-użu ta’ standards internazzjonali jew reġjonali fir-rigward tal-prodotti għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi mhux fossili sostenibbli, il-ħtieġa li jkunu speċifikati regolamenti tekniċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-prodott u l-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ konformità mill-Parti l-oħra.

    17.

    L-Artikolu 7.6.1 jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Sebgħa huma suġġetti għall-klawżoli tal-eċċezzjonijiet ġenerali tal-Artikoli 2.14 u 8.62, għall-klawżola dwar is-sigurtà u eċċezzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 10.3 u għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu Sbatax. Skont Artikolu 7.6.2, xejn fil-Kapitolu Sebgħa ma għandu jinftiehem li jżomm l-adozzjoni jew l-infurzar minn waħda miż-żewġ Partijiet ta’ miżuri meħtieġa għat-tħaddim f’sigurtà tan-netwerks tal-enerġija kkonċernata jew għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

    18.

    L-Artikolu 7.7 jistabbilixxi l-funzjoni tal-Kumitat għall-kummerċ fir-rigward tal-kooperazzjoni u tal-implementazzjoni tal-Kapitolu Sebgħa u jispeċifika x’tista’ tinvolvi din il-kooperazzjoni.

    19.

    Il-Kapitolu Tmienja (“Servizzi, Stabbiliment u Kummerċ Elettroniku”) huwa maqsum f’seba’ taqsimiet.

    20.

    Fit-Taqsima A, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO u jaqblu li l-kapitolu jistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għal-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ ta’ servizzi, tal-istabbiliment u tal-kummerċ elettroniku (Artikolu 8.1.1).

    21.

    L-Artikolu 8.1.2 jgħid li, ħlief kif provdut xort’oħra, il-Kapitolu Tmienja (a) ma għandux japplika għal sussidji jew għotjiet ipprovduti minn xi Parti; (b) ma għandux japplika għal servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva fit-territorji rispettivi tal-Partijiet; (c) jirrikjedi l-privatizzazzjoni ta’ impriżi pubbliċi; jew (d) japplika għal-liġijiet, regolamenti jew ħtiġijiet li jirregolaw l-akkwist minn aġenziji governattivi ta’ servizzi mixtrija għal skopijiet governattivi u mhux bl-iskop ta’ bejgħ kummerċjali mill-ġdid jew bl-iskop ta’ użu fil-provvista ta’ servizzi għall-bejgħ kummerċjali. L-Artikolu 8.1.4 jżid jgħid li l-Kapitolu Tmienja ma japplikax għal miżuri li jaffettwaw persuni fiżiċi li jkunu qegħdin ifittxu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ xi Parti, jew għal miżuri fir-rigward taċ-ċittadinanza, ir-residenza jew l-impjieg fuq bażi permanenti.

    22.

    L-Artikolu 8.1.3 jissalvagwardja d-dritt ta’ kull Parti li tirregola u ddaħħal regolamenti ġodda sabiex tilħaq għanijiet leġittimi ta’ politika b’mod li jkun konsistenti mal-Kapitolu Tmienja.

    23.

    L-Artikolu 8.2(d) jgħid li l-EUSFTA jkopri kumpanniji ta’ tbaħħir stabbiliti barra mill-Unjoni u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jekk il-bastimenti tagħhom ikunu rreġistrati skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru.

    24.

    L-Artikolu 8.2(m) jiddefinixxi “kummerċ ta’ servizzi” bħala l-provvista ta’ servizz: (i) mit-territorju ta’ Parti għat-territorju tal-Parti l-oħra (“transkonfinali”); (ii) fit-territorju ta’ Parti lill-konsumatur tas-servizz tal-Parti l-oħra (“konsum barra mill-pajjiż”); (iii) minn fornitur ta’ servizzi ta’ Parti, permezz tal-preżenza kummerċjali, fit-territorju tal-Parti l-oħra (“preżenza kummerċjali”); u (iv) minn fornitur ta’ servizzi ta’ Parti, permezz tal-preżenza ta’ persuni fiżiċi ta’ dik il-Parti, fit-territorju tal-Parti l-oħra (“preżenza ta’ persuni fiżiċi”).

    25.

    It-Taqsima B (“Provvista [transkonfinali] ta’ servizzi”) tapplika għal miżuri tal-Partijiet li jaffettwaw il-provvista transkonfinali tas-setturi tas-servizzi kollha għajr (a) servizzi awdjoviżivi; (b) kabotaġġ marittimu nazzjonali (li jkopri t-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bejn port jew punt li jkun jinsab fi Stat Membru u port jew post ieħor li jkun jinsab fl-istess Stat Membru u t-traffiku li joriġina u li jintemm fl-istess port jew punt li jkunu jinsabu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea); u (c) servizzi tat-trasport bl-ajru domestiċi u internazzjonali, sew jekk skedati kif ukoll jekk mhux skedati, u servizzi direttament marbuta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku (bl-ajru) (Artikolu 8.3). Madankollu, dawn li ġejjin huma koperti: (i) is-servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz; (ii) il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru; u (iii) is-servizzi ta’ sistema ta’ riżerva kompjuterizzata [Artikolu 8.3(c)]. L-Artikolu 8.4 jiddefinixxi, għall-finijiet tat-Taqsima B, il-“provvista transkonfinali ta’ servizzi” bħala l-provvista ta’ servizzi: (a) mit-territorju ta’ Parti għat-territorju tal-Parti l-oħra u (b) fit-territorju ta’ Parti lill-konsumatur ta’ servizz tal-Parti l-oħra.

    26.

    L-Artikolu 8.5 jikkonċerna l-aċċess għas-suq. Kull Parti għandha tagħti lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst skont it-termini, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet miftiehma u speċifikati fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tagħha (Artikolu 8.5.1). Fir-rigward ta’ setturi fejn ikunu meħuda impenji dwar l-aċċess għas-suq, l-Artikolu 8.5.2 jispeċifika l-miżuri li Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm fuq il-bażi ta’ subdiviżjoni reġjonali jew fuq il-bażi tat-territorju sħiħ tagħha, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tagħha.

    27.

    L-Artikolu 8.6 jistabbilixxi l-obbligu ta’ trattament nazzjonali. Fis-setturi inklużi fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tagħha u bla ħsara għal kull kundizzjoni u kwalifika stabbiliti hemmhekk, kull Parti għandha tagħti lis-servizzi u lill-fornituri ta’ servizzi tal-Parti l-oħra, fir-rigward tal-miżuri kollha li jaffettwaw il-provvista transkonfinali ta’ servizzi, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li tagħti lis-servizzi u lill-fornituri tas’ servizzi proprji simili (Artikolu 8.6.1).

    28.

    L-Artikolu 8.7.1 jipprevedi li s-setturi lliberalizzati minn Parti skont it-Taqsima B u l-limitazzjonijiet tal-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali applikabbli għas-servizzi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-Parti l-oħra f’dawk is-setturi huma stabbiliti fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tagħha.

    29.

    It-Taqsima C tikkonċerna “Stabbiliment”, iddefinit fl-Artikolu 8.8(d) bħala “(i) l-inkorporazzjoni, l-akkwist jew iż-żamma ta’ persuna ġuridika; jew (ii) il-ħolqien jew iż-żamma ta’ fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv fit-territorju ta’ Parti għall-iskop li titwettaq attività ekonomika li tkun tinkludi, iżda li ma tkunx limitata għall-provvista ta’ servizz”. L-inkorporazzjoni u l-akkwist ta’ persuna ġuridika għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu l-parteċipazzjoni kapitali f’persuna ġuridika bl-iskop li jiġu stabbiliti jew miżmuma rabtiet ekonomiċi fit-tul [nota ta’ qiegħ il-paġna 8 għall-Artikolu 8.8(d) ( 424 )]. It-Taqsima C tapplika għal miżuri adottati jew miżmuma mill-Partijiet li jaffettwaw l-istabbiliment fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ (a) it-tħaffir fil-minjieri, il-manifattura u l-ipproċessar ta’ materjali nukleari; (b) il-produzzjoni ta’ armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra, jew il-kummerċ tagħhom; (c) servizzi awdjoviżivi; (d) kabotaġġ marittimu nazzjonali; u (e) is-servizzi tat-trasport bl-ajru domestiċi u internazzjonali, kemm jekk skedati kif ukoll jekk ma jkunux skedati, u s-servizzi direttament marbuta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku (bl-ajru) (Artikolu 8.9). Madankollu, it-Taqsima C ma tapplikax għal miżuri li jaffettwaw l-istabbiliment fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi (i) ta’ servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom [inġenji tal-ajru jiġu rtirati] mis-servizz; (ii) tal-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru; u (iii) ta’ servizzi ta’ sistema ta’ riżerva kompjuterizzata [Artikolu 8.9(e)].

    30.

    L-Artikoli 8.10, 8.11 u 8.12 relatati ma’ aċċess għas-suq, trattament nazzjonali u skedi ta’ impenji speċifiċi, rispettivament, jirriflettu b’mod ġenerali l-Artikoli 8.5, 8.6 u 8.7 fir-rigward tal-istabbiliment [id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw aċċess għas-suq, trattament nazzjonali u skedi ta’ impenji speċifiċi, rispettivament, fir-rigward ta’ provvista transkonfinali ta’ servizzi (Taqsima B)].

    31.

    It-Taqsima D (“Preżenza Temporanja ta’ Persuni Fiżiċi għal Skopijiet ta’ Negozj”) tapplika għall-miżuri tal-Partijiet li jirrigwardaw id-dħul u s-soġġorn temporanju, fit-territorji rispettivi tagħhom, ta’ persunal ewlieni, apprendisti gradwati u bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali konformement mal-Artikolu 8.1.4 (Artikolu 8.13.1). “Persunal ewlieni” tfisser persuni fiżiċi impjegati fi ħdan persuna ġuridika ta’ Parti waħda li ma tkunx organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u li jkunu responsabbli għat-twaqqif jew għall-kontroll, għall-amministrazzjoni u għall-operat xieraq ta’ stabbiliment [Artikolu 8.13.2(a)]. Din il-kategorija tinkludi “viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta’ stabbiliment” u “ħaddiema bi trasferiment intraażjendali”. “Viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta’ stabbiliment” huma persuni fiżiċi li jaħdmu f’pożizzjoni għolja li jkunu responsabbli għat-twaqqif ta’ stabbiliment u li la jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet diretti mal-pubbliku ġenerali u lanqas ma jirċievu remunerazzjoni minn sors li jkun jinsab fil-Parti ospitanti [Artikolu 8.13.2(a)(i)]. “Ħaddiema bi trasferiment intraażjendali” huma persuni fiżiċi li jkunu ġew impjegati minn persuna ġuridika ta’ Parti waħda jew, fil-każ ta’ professjonisti li jipprovdu servizzi kummerċjali, ikunu ilhom soċji fiha għal mill-inqas sena u li jkunu ġew ittrasferiti temporanjament għal stabbiliment fit-territorju tal-Parti l-oħra. Dawn jistgħu jkunu eżekuttivi, manaġers jew speċjalisti [Artikolu 8.13.2(a)(ii)].

    32.

    Fir-rigward ta’ persunal ewlieni u apprendisti gradwati, l-Artikolu 8.14 jipprevedi li, għal kull settur illiberalizzat skont it-Taqsima C u bla ħsara għal kull riżerva elenkata fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tagħha, kull Parti għandha tippermetti lil intraprendituri tal-Parti l-oħra jimpjegaw temporanjament fl-istabbiliment tagħhom persuni fiżiċi ta’ dik il-Parti l-oħra, bil-kundizzjoni li tali impjegati jkunu persunal ewlieni jew apprendisti gradwati kif definiti fl-Artikolu 8.13. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll perijodi massimi differenti ta’ dħul u soġġorn temporanju għal ħaddiema bi trasferiment intraazjendali, viżitaturi għan-negozju b’finijiet ta’ stabbiliment u apprendisti gradwati. Miżuri li jinvolvu limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta’ persuni fiżiċi li intraprenditur ikun jista’ jittrasferixxi bħala persunal ewlieni jew apprendisti gradwati f’settur speċifiku (fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew rekwiżit ta’ test tal-ħtiġijiet ekonomiċi) u limitazzjonijiet diskriminatorji huma pprojbiti (Artikolu 8.14.2).

    33.

    Skont l-Artikolu 8.15, kull Parti għandha, bħala prinċipju, tippermetti d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali għal perijodu massimu ta’ 90 jum f’kull perijodu ta’ 12-il xahar (Artikolu 8.15).

    34.

    It-Taqsima E (“Qafas regolatorju”) hija maqsuma f’subtaqsimiet li għandhom dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali; regolamentazzjoni domestika; servizzi bil-kompjuter; servizzi postali; servizzi tat-telekomunikazzjoni; servizzi finanzjarji; u servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali.

    35.

    Is-Subtaqsima 1 għandha dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali. Hija tistabbilixxi obbligi fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali (Artikolu 8.16) u tat-trasparenza (Artikolu 8.17). Ma hemm xejn fl-Artikolu 8.16 li jimpedixxi lil xi Parti milli teħtieġ li l-persuni fiżiċi jkollhom il-kwalifiki jew l-esperjenza professjonali neċessarja speċifikata fit-territorju fejn jiġi pprovdut is-servizz, għas-settur tal-attività kkonċernat (Artikolu 8.16.1). Kull Parti għandha twieġeb fil-pront għat-talbiet kollha tal-Parti l-oħra għal informazzjoni speċifika dwar kull waħda mill-miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali tagħha jew ftehimiet internazzjonali li jew ikollhom x’jaqsmu mal-Kapitolu Tmienja jew li jaffettwawh. Kull Parti għandha, skont l-Artikolu 14.4, tistabbilixxi wkoll ċentru ta’ informazzjoni wieħed jew iktar (Artikolu 8.17)

    36.

    Is-Subtaqsima 2 tikkonċerna r-regolamentazzjoni domestika. Hija tapplika għal miżuri marbuta ma’ rekwiżiti u proċeduri ta’ liċenzjar u kwalifika li jaffettwaw il-provvista transkonfinali ta’ servizzi; stabbiliment fit-territorju tal-Partijiet ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi; u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tal-Partijiet (Artikolu 8.18.1), bla ħsara għall-impenji speċifiċi meħuda mill-Partijiet (Artikolu 8.18.2).

    37.

    L-Artikoli 8.19 u 8.20 jistabbilixxu obbligi marbuta ma’ rekwiżiti u proċeduri ta’ liċenzjar u kwalifika, il-proċess għall-kisba ta’ liċenzja u sabiex jiġi żgurat eżami mill-ġdid fil-pront u, fejn ikunu ġġustifikati, rimedji xierqa għal deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwaw l-istabbiliment, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi jew is-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal skop ta’ negozju.

    38.

    Is-Subtaqsima 3 tittratta servizzi bil-kompjuter. L-Artikolu 8.21.1 jipprevedi li l-Partijiet jaqblu mal-ftehim stabbilit fil-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 8.21 fir-rigward ta’ servizzi bil-kompjuter illiberalizzati skont it-Taqsimiet B sa D. Dan il-ftehim jikkonċerna l-iktar it-tifsira ta’ kompjuter u servizzi relatati.

    39.

    Is-Subtaqsima 4 tikkonċerna s-servizzi postali. Skont l-Artikolu 8.22, kull Parti għandha tintroduċi jew iżżomm miżuri xierqa sabiex tevita li fornituri tas-servizzi postali li, waħidhom jew flimkien, ikunu fornituri ewlenin fis-suq rilevanti għal servizzi postali, iwettqu prattiki antikompetittivi jew jissukktaw bihom. Skont l-Artikolu 8.23, il-korpi regolatorji għandhom ikunu separati minn kull fornitur ta’ servizzi postali u ma għandhom jagħtu kont ta’ għemilhom lill-ebda fornitur ta’ servizzi postali. Id-deċiżjonijiet u l-proċeduri tagħhom għandhom ikunu imparzjali fir-rigward tal-parteċipanti kollha fis-suq.

    40.

    Is-Subtaqsima 5 tapplika għal miżuri li jaffettwaw il-kummerċ ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni. Hija tistabbilixxi l-prinċipji tal-qafas regolatorju għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, illiberalizzati skont it-Taqsimiet B sa D (jiġifieri l-provvista transkonfinali ta’ servizzi, stabbiliment u l-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju) (Artikolu 8.24.1). L-Artikoli 8.26 sa 8.38 għandhom obbligi sostantivi dwar, inter alia, aċċess għal u użu ta’ netwerks u servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjoni, interkonnessjoni, qsim ta’ faċilitajiet u portabbiltà tan-numri. L-Artikoli 8.41 u 8.42 jistabbilixxu obbligi li jirrigwardaw, minn naħa, proċeduri għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprovduti servizzi tat-telekomunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, proċeduri għall-allokazzjoni u l-użu ta’ riżorsi skarsi.

    41.

    Obbligu ġenerali ta’ trasparenza huwa stabbilit fl-Artikolu 8.45. Obbligi speċifiċi dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni huma stabbiliti, pereżempju, fl-Artikoli 8.29.3 u 8.41.2.

    42.

    Is-Subtaqsima 6 tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw il-qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji kollha lliberalizzati skont it-Taqsimiet B sa D (Artikolu 8.49.1). L-Artikoli 8.50.1 u 8.50.2 jawtorizzaw lil kull Parti tadotta jew iżżomm miżuri raġonevoli għal raġunijiet ta’ prudenza u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom dan ikun jista’ jsir. Skont l-Artikolu 8.50.4, kull Parti għandha tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex tiżgura l-implementazzjoni u l-applikazzjoni fit-territorju tagħha ta’ sensiela ta’ standards elenkati dwar superviżjoni bankarja, superviżjoni tal-assigurazzjoni, regolamentazzjoni ta’ titoli, trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa. Skont l-Artikolu 8.50.5, kull Parti tista’ titlob, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, ir-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi finanzjarji transkonfinali tal-Parti l-oħra u tal-istrumenti finanzjarji.

    43.

    L-Artikolu 8.52 jitlob li kull Parti tagħti lill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-Parti l-oħra, bla ħsara għal kundizzjonijiet, aċċess għal sistemi ta’ ħlas u rilaxx imħaddma minn entitajiet pubbliċi u għal faċilitajiet uffiċjali ta’ finanzjament u finanzjament mill-ġdid li jkunu disponibbli fl-andament normali ta’ negozju ordinarju.

    44.

    L-Artikolu 8.53 jirrigwarda servizzi finanzjarji ġodda. Huwa jobbliga lil kull Parti tippermetti fornitur ta’ servizzi finanzjarji tal-Parti l-oħra jipprovdi kull servizz finanzjarju ġdid li l-ewwel Parti tkun tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tagħha stess jipprovdu mingħajr ma tkun meħtieġa azzjoni leġiżlattiva addizzjonali mill-ewwel Parti.

    45.

    L-Artikolu 8.54 jikkonċerna b’mod partikolari t-trasferiment ta’ informazzjoni f’forma elettronika jew f’forma oħra fi u barra mit-territorju ta’ Parti għall-ipproċessar ta’ data, meta dan l-ipproċessar ikun meħtieġ tul il-kors ordinarju tal-kummerċ ta’ fornitur ta’ servizzi finanzjarji.

    46.

    Is-Subtaqsima 7 tistabbilixxi l-prinċipji li jirrigwardaw il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali skont it-Taqsimiet B sa D. L-Artikolu 8.56.3 jsemmi l-ftehim tal-Partijiet li jiżguraw applikazzjoni effettiva tal-prinċipji ta’ aċċess mhux ristrett għal tagħbijiet fuq bażi kummerċjali u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali, kif ukoll trattament nazzjonali fil-qafas tal-provvista ta’ dawn is-servizzi. Il-Partijiet għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ aċċess mingħajr restrizzjonijiet għas-swieq u n-negozji tat-trasport marittimu internazzjonali fuq bażi kummerċjali u nondiskriminatorja [Artikolu 8.56.3(a)]. Kull Parti għandha tagħti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Parti l-oħra jew imħaddma minn fornituri ta’ servizz tal-Parti l-oħra, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-bastimenti tagħha stess jew dawk ta’ kull pajjiż terz, ikun liema jkun l-aħjar, fir-rigward, inter alia, tal-aċċess għall-portijiet, l-użu tal-infrastruttura u s-servizzi marittimi awżiljarji tal-portijiet, kif ukoll it-tariffi u l-ħlasijiet relatati, il-faċilitajiet tad-dwana u l-aċċess għal irmiġġi u faċilitajiet għat-tagħbija u l-ħatt. L-Artikolu 8.56.5 jipprevedi li kull Parti għandha tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali tal-Parti l-oħra jkollhom stabbiliment fit-territorju tagħha bil-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u operat skont il-kundizzjonijiet iskritti fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tagħha. Skont l-Artikolu 8.56.6, il-Partijiet għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ trasport marittimu internazzjonali tal-Parti l-oħra, b’termini u kundizzjonijiet raġonevoli u nondiskriminatorji, l-użu tas-servizzi li ġejjin fil-port: (a) pilotaġġ; (b) assistenza fl-irmonkar; (c) provvediment; (d) għoti ta’ karburant u ilma; (e) ġbir ta’ skart u rimi ta’ skart tas-saborra; (f) servizzi ta’ kaptan tal-port; (g) għajnuniet tan-navigazzjoni u (h) servizzi operattivi bbażati fuq ix-xatt li jkunu essenzjali għall-operazzjonijiet tal-bastimenti.

    47.

    Fit-Taqsima F (“Kummerċ Elettroniku”) il-Partijiet jaqblu dwar l-importanza li jiġi ffaċilitat l-użu u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u l-applikabbiltà tar-regoli tad-WTO għall-kummerċ elettroniku u jintrabtu li jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku bejniethom, partikolarment billi jikkooperaw rigward il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-kummerċ elettroniku skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja (Artikolu 8.57.1 u 8.57.2). Huma jaqblu wkoll li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku għandu jkun kompletament b’mod kompatibbli ma’ standards internazzjonali ta’ protezzjoni tad-data, sabiex tkun żgurata l-fiduċja ta’ dawk li jużaw il-kummerċ elettroniku (Artikolu 8.57.4).

    48.

    Skont l-Artikolu 8.58, il-Partijiet ma għandhomx jimponu dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi. Fl-Artikolu 8.59 il-Partijiet jaffermaw li l-miżuri relatati mal-provvista ta’ servizz bl-użu ta’ mezzi elettroniċi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi li jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu Tmienja, bla ħsara għal kull eċċezzjoni applikabbli.

    49.

    It-Taqsima G hija intitolata “Eċċezzjonijiet”. L-Artikolu 8.62 jistabbilixxi klawżola ta’ eċċezzjonijiet ġenerali. Fl-Artikolu 8.63 il-Partijiet jintrabtu li jirrevedu l-Kapitolu Tmienja u l-Iskedi ta’ Impenji Speċifiċi rispettivi tagħhom mhux iktar tard minn tliet snin wara li l-EUSFTA ikun daħal fis-seħħ u suċċessivament f’intervalli regolari.

    50.

    L-uniku Artikolu tal-Anness 8-A jipprevedi li l-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea tinsab fl-Appendiċi 8-A-1 sa 8-A-3. Dawn jikkonċernaw, rispettivament, l-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-Artikolu 8.7 (provvista transkonfinali ta’ servizzi), l-Artikolu 8.12 (stabbiliment) u l-Artikoli 8.14 u 8.15 (persunal ewlieni u apprendisti gradwati u bejjiegħa ta’ servizzi kummerċjali).

    51.

    L-Anness 8-B jipprevedi li l-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi ta’ Singapor tinsab fl-Appendiċi 8-B-1 (impenji speċifiċi) u 8-B-2 (servizzi finanzjarji).

    52.

    Il-Kapitolu Disgħa (“Investiment”) jikkonsisti f’żewġ partijiet. It-Taqsima A għandha d-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni tal-investituri u l-investimenti tagħhom. It-Taqsima B tipprevedi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u Stat (“STIS”) sabiex jiġu infurzati dawk id-dispożizzjonijiet.

    53.

    Għall-finijiet tal-Kapitolu Disgħa, “investiment kopert” tfisser investiment li huwa miżmum, direttament jew indirettament, jew ikkontrollat, direttament jew indirettament, minn investitur kopert ta’ Parti waħda fit-territorju tal-Parti l-oħra (Artikolu 9.1.1). “Investitur kopert” hija persuna fiiżika jew persuna ġuridika ta’ Parti waħda li tkun għamlet investiment fit-territorju tal-Parti l-oħra (Artikolu 9.2).“Investiment” huwa ddefinit bħala kull kwalità ta’ assi li jkollu l-karatteristika ta’ investiment, inklużi dawk il-karatteristiċi bħall-impenn tal-kapital jew riżorsi oħra, l-istennija ta’ qligħ jew profitt, il-preżunzjoni ta’ riskju jew ċertu tul ta’ żmien (Artikolu 9.1.1). L-Artikolu 9.1.1(a) sa (h) jelenka d-diversi forom li investiment jista’ jieħu.

    54.

    Il-Kapitolu Disgħa japplika irrispettivament minn jekk tali investimenti jkunux saru qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA (Artikolu 9.2.1).

    55.

    L-Artikolu 9.3.1 jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ trattament nazzjonali: kull Parti għandha tagħti lill-investituri koperti tal-Parti l-oħra u lill-investimenti koperti tagħhom fit-territorju tagħha, trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament li hija tagħti, f’sitwazzjonijiet simili, lill-investituri tagħha stess u lill-investimenti tagħhom fir-rigward tal-operat, il-ġestjoni, it-tmexxija, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija, u l-bejgħ jew disponiment ieħor tal-investimenti tagħhom. L-Artikolu 9.3.3 jistabbilixxi ċerti eċċezzjonijiet u jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom kull Parti tkun tista’ tadotta jew tinforza miżuri li jkunu jagħtu trattament inqas favorevoli.

    56.

    L-Artikolu 9.4 jitlob li kull Parti tagħti lill-investimenti koperti tal-Parti l-oħra fit-territorju tagħha trattament ġust u ekwu u protezzjoni u sigurtà sħiħa (Artikolu 9.4.1) – din tal-aħħar tirreferi biss għall-obbligu ta’ Parti marbut mas-sigurtà fiżika tal-investituri u tal-investimenti koperti (Artikolu 9.4.4). Sabiex tkun konformi ma’ dan l-obbligu l-Artikolu 9.4.2 jipprevedi li l-ebda Parti ma għandha tadotta miżuri li jikkostitwixxu: (a) ċaħda tal-ġustizzja fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi; (b) ksur fundamentali tal-proċess xieraq; (c) kondotta manifestament arbitrarja; (d) fastidju, kostrizzjoni, abbuż ta’ poter jew kondotta simili b’intenzjoni ħażina, jew (e) ksur tal-aspettattivi leġittimi ta’ investitur kopert li jirriżultaw minn rappreżentazzjonijiet speċifiċi jew inekwivoki minn Parti b’tali mod li jħajru l-investiment u li jistgħu jkunu kredibbli b’mod raġonevoli għall-investitur kopert.

    57.

    L-Artikolu 9.5.1 jipprevedi li investituri koperti ta’ Parti waħda li l-investimenti koperti tagħhom iġarrbu telf minħabba gwerra jew kunflitti armati oħrajn, rivoluzzjoni, stat ta’ emerġenza nazzjonali, rewwixta, insurrezzjoni, jew irvell fit-territorju tal-Parti l-oħra għandhom jingħataw minn dik il-Parti, fir-rigward ta’ restituzzjoni, indennizz, kumpens jew ftehim ieħor, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jingħata minn dik il-Parti lill-investituri tagħha stess jew lill-investituri ta’ kwalunkwe pajjiż terz, liema minnhom ikun l-iktar favorevoli għall-investitur kopert ikkonċernat. L-Artikolu 9.5.2 jitlob li Parti tagħti restituzzjoni jew kumpens jekk investiment kopert jiġi rrekwiżizzjonat jew jinqered.

    58.

    Permezz tal-Artikolu 9.6.1, l-ebda Parti ma għandha, direttament jew indirettament, tinnazzjonalizza, tesproprija jew tissuġġetta għal miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal nazzjonalizzazzjoni jew esproprjazzjoni l-investimenti koperti tal-investituri koperti tal-Parti l-oħra ħlief: (a) għal finijiet pubbliċi; (b) konformement mal-proċess xieraq tal-liġi; (c) fuq bażi mhux diskriminatorja; u (d) bi ħlas ta’ kumpens fil-pront, adegwat u effettiv skont l-Artikolu 9.6.2. L-Artikolu 9.6.2 jistabbilixxi kif għandu jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kumpens. L-Artikolu 9.6 ma japplikax għall-ħruġ ta’ liċenzji obbligatorji maħruġa b’rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod konsistenti mal-Ftehim TRIPS (Artikolu 9.6.3). L-Artikolu 9.6.4 jikkonċerna r-reviżjoni ta’ kull miżura ta’ esproprjazzjoni jew valutazzjoni minn awtorità ġudizzjarja jew awtorità indipendenti oħra tal-Parti li tieħu l-miżura.

    59.

    L-Artikolu 9.7 jipprevedi li kull Parti għandha tippermetti li t-trasferimenti kollha li jirrigwardaw l-investiment kopert jkunu jistgħu jsiru f’munita liberament konvertibbli mingħajr restrizzjoni jew dewmien (Artikolu 9.7.1). Madankollu, ma hemm xejn fl-Artikolu 9.7 li għandu jiġi interpretat bħala li jimpedixxi Parti milli tapplika b’mod ekwu u nondiskriminatorju l-liġijiet tagħha fl-affarijiet inklużi fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 9.7.2 (Artikolu 9.7.2).

    60.

    Id-dispożizzjonijiet li jifdal tat-Taqsima A huma relatati ma’ surroga (Artikolu 9.8), terminazzjoni (Artikolu 9.9) u r-relazzjoni tal-EUSFTA ma’ ftehimiet oħra (Artikolu 9.10). B’mod partikolari, l-Artikolu 9.9 jipprevedi li jekk l-EUSFTA jiġi tterminat skont l-Artikolu 17.13, il-Kapitolu Disgħa għandu jibqa’ effettiv għal perijodu ulterjuri ta’ għoxrin sena minn dik id-data fir-rigward ta’ investimenti koperti magħmula qabel id-data tat-terminazzjoni tal-EUSFTA. L-Artikolu 9.10.1 jgħid li, mad-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA, il-ftehimiet bejn l-Istati Membri u Singapor elenkati fl-Anness 9-D (inklużi d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnhom), jieqfu milli jibqgħu fis-seħħ u jiġu ssostitwiti u jeħdilhom posthom il-EUSFTA. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ( 425 ) iżżid tgħid li dawk il-ftehimiet għandhom jitqiesu bħala li jkunu ġew itterminati bil-EUSFTA skont it-tifsira tal-Artikolu 59(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati. Il-paragrafi li jifdal tal-Artikolu 9.10 huma l-iktar dwar l-effett tal-applikazzjoni provviżorja tal-EUSFTA fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet elenkati fl-Anness 9-D.

    61.

    It-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa tapplika għal tilwima bejn rikorrent ta’ Parti u l-Parti l-oħra rigward trattament (inkluż nuqqas ta’ azzjoni) li allegatament ikun jikser id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A, liema ksur inkwistjoni allegatament jikkawża telf jew ħsara lir-rikorrent jew lill-kumpannija tiegħu stabbilita lokalment (Artikolu 9.11.1).

    62.

    L-Artikolu 9.12 jgħid li l-forma preferuta ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim hija r-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima permezz ta’ negozjati. L-Artikolu 9.14 jipprevedi li l-partijiet litiganti jistgħu f’kull ħin jaqblu li jirrikorru għall-medjazzjoni jew għal forom oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwima. Meta tilwima ma tkunx tista’ tiġi riżolta b’mezzi bonarji, rikorrent ta’ Parti għandu jippreżenta talba għal konsultazzjonijiet lill-Parti l-oħra (Artikolu 9.13). Jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tiġi riżolta fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tat-talba għall-konsultazzjonijiet, ir-rikorrent ikun jista’ jagħti notifika ta’ intenzjoni ta’ arbitraġġ (Artikolu 9.15). Meta dik in-notifika tkun intbagħtet lill-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha tiddetermina min ikun ser jaġixxi bħala l-konvenut (jiġifieri bħala l-intimat) f’perijodu ta’ żmien speċifiku u għandha tgħarraf lir-rikorrent bid-deċiżjoni tagħha minnufih (Artikolu 9.15.2). Jekk ma titteħidx deċiżjoni bħal din, l-Artikolu 9.15.3 jipprevedi essenzjalment li l-konvenut għandu jiġi ddeterminat skont in-notifika ta’ intenzjoni ta’ arbitraġġ.

    63.

    Ir-rikorrent ikun jista’ jippreżenta, mhux qabel ma jkunu għaddew tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ intenzjoni ta’ arbitraġġ, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9.17, u bla ħsara għal rekwiżiti ġurisdizzjonali oħra applikabbli (Artikolu 9.17.5), it-talba għall-arbitraġġ quddiem wieħed mill-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim elenkati fl-Artikolu 9.16.1. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu arbitraġġ taħt l-awspiċi taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment, minn tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont ir-regoli tal-arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ jew kull istituzzjoni oħra ta’ arbitraġġ jew skont regoli oħra ta’ arbitraġġ jekk il-partijiet litiganti jaqblu dwar dan.

    64.

    L-Artikoli 9.18 sa 9.21 jikkonċernaw rispettivament il-kostituzzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-liġi applikabbli u r-regoli ta’ interpretazzjoni u talbiet li jkunu manifestament mingħajr valur legali jew talbiet infondati bħala kwistjoni ta’ liġi.

    65.

    Meta jkun hemm konstatazzjoni minn aġġudikazzjoni finali, ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Disgħa, it-tribunal ikun jista’ jagħti, separatament jew flimkien, biss (a) danni monetarji (bla ħsara għal-limiti tal-Artikolu 9.24.2) u kwalunkwe interessi applikabbli u (b) restituzzjoni ta’ proprjetà, bil-kundizzjoni li l-konvenut ikun jista’ jħallas għad-danni monetarji u kwalunkwe interessi applikabbli minflok ir-restituzzjoni (Artikolu 9.24.1). Ma għandhomx jiġu aġġudikati danni punittivi (Artikolu 9.24.2). L-Artikoli 9.25 u 9.26 jikkonċernaw, rispettivament, indennizz jew kumpens u spejjeż oħra.

    66.

    L-Artikolu 9.27 jikkonċerna l-effett vinkolanti tal-aġġudikazzjoni u l-konformità magħha.

    67.

    Skont l-Artikolu 9.28.1 l-ebda Parti ma għandha tagħti protezzjoni diplomatika, jew tippreżenta talba internazzjonali, fir-rigward ta’ tilwima li wieħed mill-investituri tagħha u l-Parti l-oħra jkunu taw il-kunsens tagħhom li tiġi ppreżentata jew li jkunu ppreżentaw għall-arbitraġġ skont it-Taqsima B, sakemm il-Parti l-oħra ma tkunx naqset milli tosserva u milli tkun konformi ma’ aġġudikazzjoni mogħtija f’tilwima bħal din. Għall-finijiet tal-Artikolu 9.28.1, protezzjoni diplomatika ma tinkludix skambji diplomatiċi informali bl-uniku skop li tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni tat-tilwima. Madankollu, l-Artikolu 9.28.1 ma jeskludix il-possibbiltà li Parti tirrikorri għal proċeduri ta’ riżoluzzjoni għat-tilwim skont il-Kapitolu Ħmistax fir-rigward ta’ miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, anki jekk din il-miżura tkun allegatament kisret l-EUSFTA fir-rigward ta’ investiment speċifiku li għalih tkun ġiet ippreżentata talba għal arbitraġġ.

    68.

    L-Annessi tal-Kapitolu Disgħa jikkonċernaw l-esproprjazzjoni (Annessi 9-A sa 9‑C); lista ta’ ftehimiet eżistenti bejn l-Istati Membri u Singapor (Anness 9-D); u mekkaniżmu ta’ medjazzjoni għal tilwim bejn Stati u investituri (Anness 9-E); il-kodiċi ta’ kondotta għal arbitri u medjaturi (Anness 9-F); u regoli dwar aċċess pubbliku għal dokumenti, seduti u l-possibbiltà għal terzi li jagħmlu sottomissjonijiet (Anness 9-G).

    69.

    Il-Kapitolu Għaxra (“L-akkwist pubbliku [Kuntratti pubbliċi governattivi]”) u d-disa’ annessi tiegħu jipprovdu qafas għall-kuntratti pubbliċi governattivi konklużi mill-Partijiet. Għall-finijiet tal-Kapitolu Għaxra, “kuntratt pubbliku kopert” tfisser kuntratt pubbliku (i) għal finijiet governattivi, għall-akkwist ta’ oġġetti, servizzi, jew kull kombinazzjoni tagħhom, permezz ta’ kull mezz kuntrattwali, li għalihom il-valur, kif stmat, ikun daqs jew jaqbeż il-limiti speċifikati fl-Annessi 10-A sa 10-G; (ii) minn awtorità kontraenti li ma tkunx (iii) b’xi mod ieħor eskluża (Artikolu 10.2.2). L-Artikolu 10.2.3 jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li fihom il-Kapitolu Għaxra ma jkunx japplika (ħlief fejn ikun previst mod ieħor fl-Annessi 10-A sa 10-G).

    70.

    L-Artikolu 10.3 jistabbilixxi eċċezzjonijiet ta’ sikurezza u eċċezzjonijiet ġenerali.

    71.

    L-Artikolu 10.4 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi governattivi. B’mod partikolari l-Artikoli 10.4.1 u 10.4.2 jistabbilixxu l-obbligi ta’ trattament nazzjonali u forom oħra ta’ obbligi li jipprekludu diskriminazzjoni. Skont l-Artikolu 10.4.7 dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx japplikaw għal miżuri li ma jkunux speċifiċi għal kuntratti pubbliċi.

    72.

    L-Artikolu 10.5 jistabbilixxi regoli dwar informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata minn kull Parti fir-rigward tas-sistema ta’ kuntratti pubbliċi tagħha.

    73.

    Għal kull kuntratt pubbliku kopert, awtorità kontraenti għandha tippubblika avviż tal-kuntratt pubbliku ppjanat (Artikolu 10.6.1) li għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10.6.2. Barra minn hekk, għal kull każ ta’ kuntratt pubbliku ppjanat, għandu jiġi ppubblikat avviż sommarju (Artikolu 10.6.3). L-Artikolu 10.7 jistabbilixxi obbligi dwar it-tip ta’ kundizzjonijiet li awtorità kontraenti tkun tista’ timponi (jew ma’ timponix) fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku; dwar kif jiġi evalwat jekk fornitur ikunx issodisfa dawk il-kundizzjonijiet u; dwar ir-raġunijiet li għalihom Parti tkun tista’ teskludi fornitur. L-Artikolu 10.8 jikkonċerna l-kwalifiki ta’ fornituri. L-Artikolu 10.9 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar speċifikazzjonijiet tekniċi u d-dokumentazzjoni tal-offerta. L-Artikolu 10.10 huwa dwar il-ħtieġa li jingħata żmien biżżejjed sabiex il-fornituri jħejju u jippreżentaw talbiet għal parteċipazzjoni u offerti. L-Artikolu 10.11 japplika għat-tmexxija ta’ negozjati. L-Artikolu 10.12 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom awtorità kontraenti tkun tista’ tuża proċedura għal offerti limitata u tagħżel li ma tapplikax xi wħud mill-garanziji stabbiliti fil-Kapitolu Għaxra. L-Artikolu 10.14 għandu regoli għat-trattament ta’ offerti u l-għoti ta’ kuntratti. L-Artikolu 10.15 jistabbilixxi obbligi dwar l-informazzjoni li awtorità kontraenti għandha tipprovdi lil fornituri parteċipanti jew tippubblika.

    74.

    L-Artikolu 10.16.1 jitlob li kull Parti, meta tintalab mill-Parti l-oħra, għandha tipprovdi fil-pront kull informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk kuntratt pubbliku jkunx ġie konkluż b’mod ġust, imparzjali u konformement mal-Kapitolu Ħmistax. F’ċirkustanzi ddefiniti l-informazzjoni ma għandhiex tiġi żvelata (Artikolu 10.16.2).

    75.

    L-Artikolu 10.17 jistabbilixxi rekwiżiti dwar it-tip ta’ stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju li għalih kull Parti għandha tipprovdi, il-kundizzjonijiet li fihom dan l-istħarriġ għandu jitmexxa u l-proċedura li għandha tapplika.

    76.

    L-Annessi tal-Kapitolu Għaxra jikkonċernaw awtoritajiet kontraenti ċentrali skont id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA (Anness 10-A), awtoritajiet kontraenti subċentrali skont id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA (Anness 10-B), utilitajiet u awtoritajiet kontraenti oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA (Anness 10-C), il-prodotti koperti (Anness 10-D); is-servizzi koperti (Anness 10-E), is-servizzi ta’ kostruzzjoni u konċessjonijiet ta’ xogħlijiet koperti (Anness 10-F), noti ġenerali u derogi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10.4 (prinċipji ġenerali) (Anness 10-G), mezzi ta’ pubblikazzjoni (Anness 10-H) u sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat (Anness 10-I).

    77.

    Il-Kapitolu Ħdax (“Proprjetà intellettwali”) għandu l-għan li jiffaċilita l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti innovattivi u kreattivi u l-provvista ta’ servizzi bejn il-Partijiet, kif ukoll li jżid il-benefiċċji mill-kummerċ u l-investiment permezz ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-istabbiliment ta’ miżuri għall-infurzar effettiv ta’ drittijiet bħal dawn (Artikolu 11.1.1). L-għanijiet u l-prinċipji stipulati fil-Parti I tal-Ftehim TRIPS (b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8) japplikaw għall-Kapitolu Ħdax, mutatis mutandis (Artikolu 11.1.2).

    78.

    It-Taqsima A tindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu Ħdax, definizzjonijiet rilevanti u l-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-Artikolu 11.2.1 jgħid li l-Kapitolu Ħdax jikkomplimenta d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont il-Ftehim TRIPS u trattati internazzjonali oħra dwar il-proprjetà intellettwali li għalihom huma t-tnejn Partijiet. Għall-finijiet tal-Kapitolu Ħdax, “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tfisser il-kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma s-suġġett tat-Taqsimiet 1 sa 7 tal-Parti II tal-Ftehim TRIPS, jiġifieri d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, privattivi, trade marks, disinji, disinji tat-tqassim (topografiji) ta’ ċirkwiti integrati, indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni ta’ informazzjoni sigrieta [Artikolu 11.2.2(a)(i) sa (vii), rispettivament], kif ukoll drittijiet fuq varjetà ta’ pjanti [Artikolu 11.2.2(b)]. Skont l-Artikolu 11.3, kull Parti għandha tkun libera li tistabbilixxi r-reġim tagħha stess għall-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim TRIPS.

    79.

    Kull subtaqsima tat-Taqsima B tindirizza dritt speċifiku tal-proprjetà intellettwali (jew sett ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali).

    80.

    Is-Subtaqsima A hija intitolata “Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati”. Skont l-Artikolu 11.4 (“Protezzjoni mogħtija”), il-Partijiet għandhom ikunu konformi mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali oħra, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artisitiċi, it-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, it-Trattat WIPO dwar l-interpretazzjonijiet, l-eżekuzzjonijiet u l-fonogrammi, u l-Ftehim TRIPS. L-Artikolu 11.5 jiddefinixxi t-termini ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati koperti.

    81.

    Il-bqija tas-Subtaqsima A hija dwar id-dritt għal remunerazzjoni waħda ġusta tal-produtturi ta’ fonogrammi (Artikolu 11.6), prattiki u politiki rigward id-drittijiet għal bejgħ mill-ġdid ta’ artisti (Artikolu 11.7), id-disponibbiltà ta’ protezzjoni legali xierqa u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkumvenzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi li jintużaw inkonnessjoni mal-eżerċizzju mid-detenturi tad-drittijiet tagħhom fix-xogħlijiet, l-ispettakli u l-fonogrammi tagħhom, u li jirrestrinġu atti fir-rigward tagħhom, li ma jkunux awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet jew permessi mil-liġi domestika (Artikolu 11.9) u l-protezzjoni tal-informazzjoni tal-ġestjoni tad-drittijiet elettroniċi (Artikolu 11.10).

    82.

    Is-Subtaqsima B hija intitolata “Trade marks”. Skont l-Artikolu 11.12, kull Parti għandha tagħmel kull sforz raġonevoli sabiex tikkonforma mat-Trattat dwar il-liġi tat-trade marks (magħmul f’Ġinevra fis-27 ta’ Ottubru 1994) u t-Trattat ta’ Singapor dwar il-liġi tat-trademarks (adottat f’Singapor fis-27 ta’ Marzu 2006). Kull Parti għandha tipprevedi sistema għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks li fiha l-amministrazzjoni tat-trade mark rilevanti għandha tagħti raġunijiet bil-miktub għar-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. L-applikant għandu jkollu l-opportunità li jappella minn tali rifjut quddiem awtorità ġudizzjarja; partijiet terzi għandhom ikunu jistgħu jopponu applikazzjonijiet għal trade marks u kull Parti għandha tipprovdi database elettronika pubblikament disponibbli tal-applikazzjonijiet għal trade mark u tar-reġistrazzjonijiet (Artikolu 11.13). Il-Partijiet għandhom jipproteġu trade marks magħrufin sew skont il-Ftehim TRIPS (Artikolu 11.14). L-Artikolu 11.15 jipprevedi eċċezzjonijiet għad-drittijiet mogħtija minn trade mark.

    83.

    Is-Subtaqsima C (“Indikazzjonijiet Ġeografiċi”) tapplika għall-għarfien u għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed, spirti, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li jkunu joriġinaw fit-territorji tal-Partijiet (Artikolu 11.16.1). Mad-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA, il-partijiet għandhom jistabbilixxu sistemi għar-reġistrazzjoni u għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi fit-territorju tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-kategoriji ta’ prodotti li jqisu li jkun xieraq (Artikolu 11.17). Dispożizzjonijiet oħra jikkonċernaw materji bħall-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi (Artikolu 11.19) jew il-persuni li jkunu jistgħu jużaw indikazzjoni ġeografika protetta (Artikolu 11.20).

    84.

    Is-Subtaqsima D hija intitolata “Disinji”. Il-Partijiet għandhom jipprovdu għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali maħluqa indipendentement li jkunu oriġinali jew ġodda. Din il-protezzjoni għandha tingħata bir-reġistrazzjoni, u għandha tagħti drittijiet esklużivi lid-detentur (Artikolu 11.24.1). L-Artikolu 11.25 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija bir-reġistrazzjoni lis-sid ta’ disinn protett. It-terminu ta’ protezzjoni disponibbli għandu jammonta għal mill-inqas għaxar snin mid-data tal-applikazzjoni (Artikolu 11.26). L-Artikolu 11.27 jikkonċerna eċċezzjonijiet limitati għall-protezzjoni tad-disinji. L-Artikolu 11.28 jindirizza r-rabta bejn disinji protetti u d-drittijiet tal-awtur.

    85.

    Is-Subtaqsima E hija intitolata “Privattivi”. Permezz tal-Artikolu 11.29, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom skont it-Trattat ta’ kooperazzjoni dwar il-privattivi u, fejn xieraq, jintrabtu li jagħmlu kull sforz raġonevoli sabiex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 16 tat-Trattat tal-liġi dwar il-privattivi b’mod konsistenti mal-liġi u l-proċeduri domestiċi tagħhom. Il-Partijiet jintrabtu wkoll li josservaw id-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tat-30 ta’ Awwissu 2003 dwar l-implementazzjoni tal-paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika, flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-WTO tas-6 ta’ Diċembru 2005 dwar emenda tal-Ftehim TRIPS. L-Artikolu 11.31 jindika ċ-ċirkustanzi li fihom il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli estensjoni tal-perijodu tad-drittijiet mogħtija bil-protezzjoni tal-privattiva.

    86.

    Is-Subtaqsima F (“Protezzjoni tad-[Data] tat-Testijiet”) tikkonċerna l-protezzjoni tad-data tat-testijiet ippreżentata sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni amministrattiva tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex prodott farmċewtiku jew prodott agrikolu kimiku jitqiegħdu fis-suq rispettivament (Artikoli 11.33 u 11.34).

    87.

    Id-dispożizzjoni waħdanija tas-Subtaqsima G (“Varjetajiet tal-Pjanti”) tgħid li l-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti, inkluż id-dritt tagħhom li jimplementaw l-eċċezzjoni fakultattiva għad-dritt ta’ min ikabbar kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) ta’ din il-konvenzjoni (Artikolu 11.35).

    88.

    It-Taqsima C hija intitolata “Infurzar Ċivili tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”. Fl-Artikolu 11.36 il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom skont l-Artikoli 41 sa 50 tal-Ftehim TRIPS u jaqblu li jistabbilixxu miżuri, proċeduri u rimedji skont il-liġi domestika rispettiva tagħhom kontra atti ta’ vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti mill-Kapitolu Ħdax, konformement ma’ tali impenji (Artikolu 11.36.1). Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11.36.2. L-Artikolu 11.36.3 jipprevedi li ma hemm xejn f’dan il-kapitolu li jaffettwa l-kapaċità ta’ xi waħda mill-Partijiet li tinforza l-liġi domestika tagħha b’mod ġenerali jew li joħloq xi obbligu fuq xi waħda mill-Partijiet sabiex temenda l-liġijiet eżistenti tagħha dwar kif jirrelataw mal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali. Barra minn dan, ma hemm xejn f’dan il-kapitolu li joħloq xi obbligu fuq xi waħda mill-Partijiet sabiex timplementa sistema ġudizzjarja distinta għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li jaffettwa d-distribuzzjoni ta’ riżorsi bejn l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-infurzar tal-liġi b’mod ġenerali.

    89.

    Il-bqija tat-Taqsima C tindirizza, b’mod partikolari, l-obbligu li jittieħdu miżuri xierqa sabiex tiġi ppubblikata jew issir disponibbli għall-pubbliku informazzjoni dwar deċiżjonijiet ġudizzjarji finali fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili dwar il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (Artikolu 11.37); l-obbligu li jsiru disponibbli l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji ċivili msemmija fit-Taqsima C għall-kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma s-suġġett tat-Taqsimiet 1 sa 6 tal-Parti II tal-Ftehim TRIPS (Artikolu 11.38); miżuri għall-preservazzjoni tal-evidenza (Artikolu 11.39); inġunzjonijiet (Artikolu 11.42); miżuri alternattivi (Artikolu 11.43); u kumpens (Artikolu 11.44).

    90.

    It-Taqsima D hija intitolata “Miżuri dwar il-fruntiera”. L-Artikolu 11.49 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali miżuri, speċifikament b’rabta ma’ proċeduri fir-rigward ta’ prodotti taħt il-kontroll tad-dwana. L-Artikolu 11.50 jitlob li l-awtoritajiet doganali jadottaw firxa ta’ approċċi sabiex jiġu identifikati kunsinni li jkollhom prodotti bi trade mark foloz, prodotti li jikkostitwixxu vjolazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, prodotti li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ disinn, u prodotti b’indikazzjoni ġeografika foloz. L-Artikolu 11.51 jidentifika l-oqsma li dwarhom il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw.

    91.

    Id-dispożizzjoni waħdanija fit-Taqsima E (“Kooperazzjoni”) tirreġistra l-ftehim tal-Partijiet li jikkooperaw bil-għan li jimplementaw l-impenji u l-obbligi meħuda skont il-Kapitolu Ħdax u tidentifika liema attivitajiet għandhom ikunu inklużi fl-oqsma ta’ kooperazzjoni (Artikolu 11.52).

    92.

    Il-Kapitolu Tnax (“Kompetizzjoni u kwistjonijiet relatati”) jindirizza l-antitrust u l-fużjonijiet, l-impriżi pubbliċi u l-impriżi fdati bi drittijiet speċjali jew esklużivi u l-monopolji Statali.

    93.

    It-Taqsima A hija dwar “Antitrust u Fużjonijiet”. Fl-Artikolu 12.1.1, il-Partijiet jagħrfu l-importanza ta’ kompetizzjoni ħielsa u mingħajr distorsjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u jagħrfu li kondotta tan-negozju antikompetittiva jew tranżazzjonijiet antikompetittivi għandhom il-potenzjal li joħolqu distorsjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-swieq tagħhom u jdgħajfu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali. L-Artikolu 12.1.2 jgħid li, sabiex jippromwovu kompetizzjoni ħielsa u mingħajr distorsjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija tagħhom, il-Partijiet għandhom, it-tnejn li huma, iżommu leġiżlazzjoni komprensiva li tindirizza b’mod effettiv tliet affarijiet li jolqtu l-kummerċ bejniethom, jiġifieri: (a) ftehimiet orizzontali u vertikali; (b) abbużi minn pożizzjoni dominanti; u (c) konċentrazzjonijiet bejn impriżi li jirriżultaw fi tnaqqis sostanzjali fil-kompetizzjoni jew li jimpedixxu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva.

    94.

    It-Taqsima B hija dwar “Impriżi Pubbliċi, Impriżi Fdati bi Drittijiet Speċjali jew Esklużivi u Monopolji Statali”. L-Artikolu 12.3.1 jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tnax ma għandhomx iżommu lil Parti jew l-oħra, skont il-liġi rispettiva tagħha, milli tistabbilixxi jew iżżomm impriżi pubbliċi u impriżi fdati bi drittijiet speċjali jew esklużivi. Il-bqija tal-Artikolu 12.3 jistabbilixxi l-obbligi fir-rigward tal-kundizzjonijiet li japplikaw għal tali impriżi. L-Artikolu 12.4 jgħid li l-Partijiet jistgħu jkomplu jispeċifikaw jew iżommu monopolji Statali. Madankollu, huma għandhom jaġġustaw il-monopolji Statali ta’ natura kummerċjali sabiex jiġi żgurat li tali monopolji ma jiddiskriminawx meta jakkwistaw u jikkummerċjalizzaw prodotti u servizzi.

    95.

    It-Taqsima C hija dwar “Sussidji”. L-Artikoli 12.5.1 u 12.5.2 jiddefinixxu sussidju għall-finijiet tal-EUSFTA u jgħidu liema tipi ta’ sussidju huma suġġetti għall-Kapitolu Tnax. L-Artikolu 12.5.3 jipprevedi li l-Artikoli 12.7 (“Sussidji Projbiti”), 12.8 (“Sussidji Oħra) u 12.10 (“Klawżola ta’ Eżami), flimkien mal-Anness 12-A ma japplikawx għal diversi sussidji għas-sajd u għall-agrikoltura. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima C huma bla ħsara għad-drittijiet u għall-obbligi tal-Partijiet skont il-Ftehim tad-WTO (Artikolu 12.6). L-Artikolu 12.7 jistabbilixxi liema tipi ta’ sussidji, relatati ma’ prodotti u servizzi, huma pprojbiti u jipprevedi eċċezzjonijiet. L-Artikolu 12.8.2 huwa dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ tali sussidji. L-Artikolu 12.9 jistabbilixxi obbligi ta’ trasparenza. L-Artikolu 12.10.1 jitlob li l-Partijiet iżommu taħt eżami kontinwu l-kwistjonijiet li t-Taqsima C tagħmel riferiment għalihom.

    96.

    It-Taqsima D (“Kwistjonijiet Ġenerali”) tistabbilixxi obbligi fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fl-infurzar tal-liġi (Artikolu 12.11), kunfidenzjalità (Artikolu 12.12) u konsultazzjoni (Artikolu 12.13). L-Artikolu 12.14 jeskludi kull kwistjoni li tinqala’ skont il-Kapitolu Tnax, ħlief għall-Artikolu 12.7 (“Sussidji Projbiti”), mill-portata ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) u Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”).

    97.

    L-Anness 12-A jistabbilixxi l-prinċipji applikabbli għal tipi oħra ta’ sussidji.

    98.

    Il-Kapitolu Tlettax huwa intitolat “Kummerċ u żvilupp sostenibbli”.

    99.

    It-Taqsima A għandha “Dispożizzjonijiet Preliminari”. L-Artikolu 13.1 jagħmel riferiment għal għadd ta’ strumenti internazzjonali u jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Partijiet li jiżviluppaw u jippromwovu l-kummerċ internazzjonali u l-kummerċ bilaterali u r-relazzjoni ekonomika tagħhom b’tali mod li jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli (Artikolu 13.1.1). Il-Partijiet jagħrfu li l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien tal-ambjent huma komponenti interdipendenti u ta’ tisħiħ reċiproku ta’ żvilupp sostenibbli u jenfasizzaw il-benefiċċju tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet soċjali u ambjentali relatati mal-kummerċ bħala parti minn approċċ globali għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (Artikolu 13.1.2). Il-Partijiet jagħrfu wkoll li ma huwiex xieraq li l-kummerċ jew l-investiment jiġu inkoraġġuti billi tiddgħajjef jew titnaqqas il-protezzjoni mogħtija fil-liġijiet domestiċi tax-xogħol u l-ambjent iżda jisħqu li l-istandards ambjentali u tax-xogħol ma għandhomx jintużaw għal skopijiet ta’ kummerċ protezzjonist (Artikolu 13.1.3). Flimkien ma’ dan, il-Partijiet jindikaw li l-għan tagħhom huwa li jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u l-kooperazzjoni b’modi li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fil-kuntest tal-Artikoli 13.1.1 u 13.1.2 u jgħidu li ma hijiex l-intenzjoni tagħhom li jarmonizzaw l-istandards tax-xogħol jew ambjentali tagħhom (Artikolu 13.1.4).

    100.

    Kull Parti żżomm id-dritt li tistabbilixxi livelli tagħha stess ta’ protezzjoni ambjentali u tax-xogħol, u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha b’dak il-mod, b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ standards jew ftehimiet rikonoxxuti internazzjonalment, imsemmija fl-Artikoli 13.3 u 13.6, li hija Parti fihom (Artikolu 13.2.1). Il-Partijiet għandhom ikomplu jtejbu l-liġijiet u l-politiki tagħhom u jagħmlu ħilithom sabiex jipprovdu u jinkoraġġixxu livelli għoljin ta’ ħarsien ambjentali u tax-xogħol (Artikolu 13.2.2).

    101.

    It-Taqsima B hija dwar “Aspetti tax-Xogħol dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli”. Il-Partijiet jagħrfu l-valur tal-kooperazzjoni u l-ftehimiet internazzjonali dwar l-impjiegi u l-affarijiet tax-xogħol bħala risposta tal-komunità internazzjonali għall-isfidi u l-opportunitajiet ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, u jintrabtu li jikkonsultaw u li jikkooperaw kif meħtieġ dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku relatati max-xogħol u l-impjiegi b’rabta mal-kummerċ (Artikolu 13.3.1). Huma jaffermaw ukoll mill-ġdid l-impenji tagħhom sabiex jagħrfu impjieg sħiħ u produttiv u xogħol diċenti għal kulħadd bħala elementi ewlenin ta’ żvilupp sostenibbli għall-pajjiżi kollha u bħala għan prijoritarju tal-kooperazzjoni internazzjonali; u jirriżolvu li jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali b’mod li jkun iwassal għal impjiegi sħaħ u produttivi u xogħol diċenti għal kulħadd (Artikolu 13.3.2). Konformement mal-obbligi tal-ILO assunti mill-Partijiet u konformement mad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fil-post tax-xogħol u s-segwitu tagħha, il-Partijiet jintrabtu li jirrispettaw, jippromwovu u jimplimentaw b’mod effettiv il-prinċipji li jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, jiġifieri: (a) il-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta’ negozjazzjoni kollettiva; (b) it-tneħħija ta’ kull forma ta’ xogħol sfurzat jew bilfors; (c) l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal; u (d) l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjonijiet. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom li jimplementaw b’mod effettiv il-Konvenzjonijiet tal-ILO li Singapor u l-Istati Membri tal-Unjoni rratifikaw rispettivament (Artikolu 13.3). Il-Partijiet jintrabtu li jagħmlu sforzi kontinwi u sostnuti sabiex jirratifikaw u jimplementaw b’mod effettiv il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; li jikkunsidraw ir-ratifika u l-implementazzjoni effettiva ta’ konvenzjonijiet oħra tal-ILO, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi domestiċi, u li jiskambjaw informazzjoni rilevanti (Artikolu 13.3.4). L-Artikolu 13.3.5 jgħid li l-Partijiet jagħrfu li l-ksur tal-prinċipji u tad-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol ma jistax jiġi invokat jew inkella użat bħala vantaġġ komparattiv leġittimu.

    102.

    Fl-Artikolu 13.4 il-Partijiet jagħrfu l-importanza li jaħdmu flimkien dwar aspetti relatati mal-kummerċ ta’ politika tax-xogħol sabiex jilħqu l-għanijiet tal-EUSFTA. Din id-dispożizzjoni għandha wkoll lista (mhux eżawrjenti) ta’ oqsma li fihom il-Partijiet jistgħu jibdew inizjattivi ta’ benefiċċju reċiproku.

    103.

    L-Artikolu 13.5 jgħid li kull Parti għandha tikkunsidra informazzjoni xjentifika u teknika rilevanti u standards internazzjonali, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet relatati, inkluż il-prinċipju ta’ prekawzjoni meta tipprepara u timplementa miżuri mmirati lejn is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li jistgħu jolqtu l-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet.

    104.

    It-Taqsima C hija dwar “Aspetti Ambjentali dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli”. Il-Partijiet jagħrfu l-valur tal-governanza u l-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent; jisħqu fuq il-ħtieġa li jitjieb l-appoġġ reċiproku bejn il-kummerċ u l-politiki, regoli u miżuri ambjentali; u jgħidu li biħsiebhom jikkonsultaw u jikkooperaw kif meħtieġ fir-rigward ta’ negozjati dwar kwistjonijiet ambjentali ta’ interess reċiproku relatati mal-kummerċ (Artikolu 13.6.2). Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jilħqu l-mira finali tal-Konvenzjoni qafas dwar it-tibdil fil-klima tan-NU (iktar ’il quddiem l-“UNFCCC”) u tal-Protokoll ta’ Kjoto tagħha u jaqblu li jaħdmu flimkien sabiex isaħħu r-reġim multilaterali bbażat fuq regoli skont l-UNFCCC billi jibnu fuq deċiżjonijiet miftiehma tal-UNFCCC, u li jsostnu l-isforzi għall-iżvilupp ta’ ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima wara l-2020 skont l-UNFCCC applikabbli għall-partijiet kollha (Artikolu 13.6.3). Xejn fil-EUSFTA ma għandu jwaqqaf lil xi Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri mmirati għall-implementazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali li hija parti minnhom, sakemm dawn il-miżuri ma jkunux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-Partijiet jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ (Artikolu 13.6.4).

    105.

    L-Artikolu 13.7 jittratta l-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam. Il-Partijiet jagħrfu l-importanza tal-konservazzjoni globali u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Jintrabtu li: (a) jiskambjaw informazzjoni dwar approċċi għall-promozzjoni tal-kummerċ u l-konsum ta’ injam u prodotti tal-injam minn foresti mmexxija b’mod legali u sostenibbli, u biex jippromwovu l-għarfien ta’ approċċi bħal dawn; (b) jippromwovu l-infurzar tal-liġi u l-governanza b’mod globali u jindirizzaw il-kummerċ fl-injam u fi prodotti tal-injam maqtugħ b’mod illegali; (c) jikkooperaw sabiex jippromwovu l-effikaċja ta’ miżuri jew politiki maħsuba sabiex jindirizzaw il-kummerċ f’injam maqtugħ illegalment u fi prodotti tal-injam; u (d) jippromwovu l-użu effettiv tal-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fi speċijiet ipperikolati ta’ fawna u flora selvaġġi rigward l-ispeċijiet ta’ injam li jinsabu f’riskju.

    106.

    L-Artikolu 13.8 huwa dwar kummerċ fil-prodotti tal-ħut. Il-Partijiet jagħrfu l-importanza li tkun żgurata l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut b’mod sostenibbli u jintrabtu li: (a) jikkonformaw ma’ miżuri ta’ konservazzjoni fit-tul u l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali ratifikati mill-Partijiet rispettivi u li josservaw il-prinċipji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u strumenti rilevanti tan-NU relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet; (b) jintroduċu u jimplementaw miżuri effettivi sabiex jiġġieldu kontra sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (“IUU”), jiffaċilitaw billi ma jħallux prodotti IUU jiġu kkummerċjalizzati u jiskambjaw informazzjoni dwar attivitajiet IUU; (c) jadottaw miżuri ta’ monitoraġġ u kontroll effettivi sabiex jiżguraw il-konformità ma’ miżuri ta’ konservazzjoni, u (d) jikkonfermaw il-prinċipji tal-Ftehim FAO li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa, tal-FAO u josservaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim FAO dwar il-miżuri tal-Istat tal-port bil-għan li jipprevjenu, jikkumbattu u jeliminaw is-Sajd IUU.

    107.

    L-Artikolu 13.9 huwa abbozzat f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 13.5, ħlief għall-fatt li jagħmel riferiment u japplika għal “miżuri mmirati lejn il-protezzjoni ambjentali” u mhux għas-saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol.

    108.

    Fl-Artikolu 13.10 il-Partijiet jagħrfu l-importanza li jaħdmu flimkien fuq aspetti relatati mal-kummerċ ta’ politiki ambjentali sabiex jilħqu l-għanijiet tal-EUSFTA. Din id-dispożizzjoni għandha lista (mhux eżawrjenti) ta’ oqsma li fihom il-Partijiet jistgħu jibdew attivitajiet ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku.

    109.

    It-Taqsima D għandha “Dispożizzjonijiet Ġenerali”. L-Artikolu 13.11 jirreġistra l-impenn tal-Partijiet li jibqgħu jagħmlu sforzi speċjali sabiex jiffaċilitaw u jippromwovu l-kummerċ u l-investiment fi prodotti u servizzi ambjentali (Artikolu 13.11.1), l-obbligu li jagħtu attenzjoni partikolari lill-faċilitazzjoni tat-tneħħija tal-barrieri għall-kummerċ jew l-investiment fir-rigward ta’ prodotti u servizzi favur il-klima (Artikolu 13.11.2), il-bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li jiġi limitat ix-xkiel fil-kummerċ kemm jista’ jkun (Artikolu 13.11.3) u l-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (Artikolu 13.11.4).

    110.

    Skont l-Artikolu 13.12, Parti ma għandhiex tirrinunzja jew inkella tidderoga, jew toffri li tirrinunzja jew li inkella tidderoga mil-liġijiet ambjentali u tax-xogħol tagħha, b’mod li jaffettwa l-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet (Artikolu 13.12.1); jew tonqos milli tinforza b’mod effettiv il-liġijiet ambjentali u tax-xogħol tagħha, permezz ta’ kors ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni rikorrenti, b’mod li jaffettwa l-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet (Artikolu 13.12.2).

    111.

    L-Artikolu 13.13 jistabbilixxi obbligi ta’ trasparenza fir-rigward ta’ kull miżura ta’ applikazzjoni ġenerali bl-għan li tipproteġi l-kundizzjonijiet ambjentali jew tax-xogħol li jistgħu jolqtu l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet. L-Artikoli 13.14 u 13.15 jittrattaw ir-reviżjoni tal-impatt tal-implementazzjoni tal-EUSFTA fuq l-iżvilupp sostenibbli u mekkaniżmi istituzzjonali għall-monitoraġġ tal-konformità mal-Kapitolu Tlettax.

    112.

    Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar kull kwistjoni li tinqala’ taħt il-Kapitolu Tlettax, il-Partijiet għandhom jirrikorru biss għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 13.16 (“Konsultazzjonijiet tal-Gvernijiet”) u fl-Artikolu 13.17 (“Grupp tal-Esperti”). Il-Kapitoli Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) u Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni) ma japplikawx għall-Kapitolu Tlettax (Artikolu 13.16.1). L-Artikoli 13.16.2 sa 13.16.6 jistabbilixxu l-proċeduri għal konsultazzjonijiet governattivi u l-għanijiet tagħhom. L-Artikolu 13.17 jistabbilixxi, inter alia, il-mekkaniżmi u l-proċeduri għall-formazzjoni ta’ grupp ta’ esperti sabiex jeżamina kull kwistjoni li ma tkunx ġiet indirizzata b’mod sodisfaċenti mill-Bord previst mill-Artikolu 13.16.4.

    113.

    Il-Kapitolu Erbatax (“Trasparenza”) għandu l-għan li jsegwi ambjent regolatorju trasparenti u prevedibbli għall-operaturi ekonomiċi (Artikolu 14.2.1), li jafferma mill-ġdid l-impenji skont il-Ftehim tad-WTO u li jistabbilixxi kjarifiki u arranġamenti mtejba għat-trasparenza, il-konsultazzjoni u l-amministrazzjoni aħjar tal-miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali (Artikolu 14.2.2). “Miżura ta’ applikazzjoni ġenerali” tfisser liġijiet, regolamenti, deċiżjonijiet ġudizzjarji, proċeduri u deċiżjonijiet amministrattivi li jista’ jkollhom impatt fuq kull kwistjoni koperta bil-EUSFTA. Ma tinkludix deċiżjoni li tapplika għal persuna partikolari (Artikolu 14.1(a)).

    114.

    L-Artikolu 14.3 jistabbilixxi l-obbligi ta’ pubblikazzjoni għal kull Parti fir-rigward kemm tal-miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali (Artikolu 14.3.1), kif ukoll ta’ kull proposta sabiex tiġi adottata jew emendata miżura ta’ applikazzjoni ġenerali (Artikolu 14.3.2). L-Artikolu 14.4.1 jitlob li kull Parti tindika punt ta’ kuntatt sabiex tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni effettiva tal-EUSFTA u l-komunikazzjoni bejn il-Partijiet dwar kull kwistjoni li jkopri. Iktar dettalji relatati ma’ dan il-punt ta’ kuntatt, kif jiffunzjona u l-informazzjoni li jintalab jagħti huma deskritti fl-Artikoli 14.4.2 sa 14.4.8.

    115.

    L-Artikolu 14.5 jistabbilixxi obbligi li għandhom jiġu osservati sabiex jiġu amministrati l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni ġenerali b’mod konsistenti, imparzjali u raġonevoli. B’mod partikolari, kull Parti għandha (a) tfittex li tipprovdi lill-persuni interessati tal-Parti l-oħra, li jkunu affettwati direttament minn proċedura, b’avviż raġonevoli, skont il-proċeduri tagħha, meta jinbdew tali proċeduri; (b) tagħti opportunità raġonevoli lil persuni interessati sabiex jippreżentaw fatti u argumenti sabiex isostnu l-pożizzjonijiet tagħhom qabel ma tittieħed kull azzjoni amministrattiva finali; u (c) tiżgura li l-proċeduri tagħha jkunu bbażati fuq, u jkunu konformi mal-liġijiet tagħha.

    116.

    L-Artikolu 14.6.1 jitlob li kull Parti tistabbilixxi jew iżżomm tribunali jew proċeduri ġudizzjarji, kważi ġudizzjarji jew amministrattivi u, fejn ikun awtorizzat, il-korrezzjoni ta’ azzjonijiet amministrattivi relatati ma’ kwistjonijiet koperti bil-EUSFTA. It-tribunali għandhom ikunu imparzjali u indipendenti mill-uffiċċju jew mill-awtorità fdata bl-infurzar amministrattiv u ma għandu jkollhom l-ebda interess sostanzjali fl-eżitu tal-kwistjoni (Artikolu 14.6.1). Kull Parti għandha wkoll tiżgura li, f’kull tribunal jew proċedura msemmija fl-Artikolu 14.6.1, il-partijiet fil-proċeduri jkunu ggarantiti d-dritt għal: (a) opportunità raġonevoli sabiex isostnu jew jiddefendu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom; u (b) deċiżjoni bbażata fuq l-evidenza u sottomissjonijiet ta’ rekord jew, fejn ikun meħtieġ mil-liġi, mir-rekord kompilat mill-awtorità amministrattiva (Artikolu 14.6.2). L-Artikolu 14.6.3 jittratta l-implementazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

    117.

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-kwalità u l-prestazzjoni regolatorja (Artikolu 14.7.1) u fil-promozzjoni tal-prinċipji ta’ mġiba amministrattiva tajba (Artikolu 14.7.2).

    118.

    L-Artikolu 14.8 jipprevedi li, fejn ikun hemm regoli speċifiċi u differenti f’kapitoli oħra tal-EUSFTA dwar suġġetti koperti bil-Kapitolu Erbatax, dawk ir-regoli għandhom jipprevalu.

    119.

    Il-Kapitolu Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”) għandu l-għan li tiġi evitata jew solvuta kull differenza bejn il-Partijiet rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-EUSFTA bil-ħsieb li, fejn possibbli, tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat (Artikolu 15.1). Il-Kapitolu Ħmistax japplika għal kull differenza li jkollha x’taqsam mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-EUSFTA, ħlief kif previst espressament mod ieħor (Artikolu 15.2).

    120.

    Il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15.3 sa 15.13 jipprevedu l-istadji li ġejjin fil-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim: konsultazzjonijiet in bona fide bil-għan li l-Partijiet jaslu għal soluzzjoni bi qbil reċiproku (Artikolu 15.3.1 sa 15.3.4); talba sabiex jitwaqqaf bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 15.4 jekk ikunu ġew konklużi konsultazzjonijiet u ma tkun intlaħqet ebda soluzzjoni miftiehma reċiprokament (Artikolu 15.3.5); arbitraġġ (Artikoli 15.4 sa 15.8); proċeduri ta’ konformità (Artikoli 15.9 sa 15.11); l-applikazzjoni ta’ rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità (Artikolu 15.12); u rieżami ta’ kull miżura meħuda sabiex tikkonforma wara s-sospensjoni ta’ obbligi (Artikolu 15.13).

    121.

    L-Artikoli 15.14 sa 15.19 għandhom diversi regoli dwar proċeduri ta’ arbitraġġ, li huma ssupplimentati bl-Anness 15-A. Id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Taqsima D huma dwar il-lista ta’ arbitri (Artikolu 15.20), ir-relazzjoni bejn il-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Kapitolu Ħmistax u l-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO (Artikolu 15.21), skadenzi (Artikolu 15.22) u r-rieżami u emenda tal-Kapitolu Ħmistax (Artikolu 15.23).

    122.

    Il-Kapitolu Sittax (“Mekkaniżmu ta’ medjazzjoni”) għandu l-għan li jiffaċilita s-sejba ta’ soluzzjoni bi qbil reċiproku permezz ta’ proċedura komprensiva u espedjenti tal-medjazzjoni (Artikolu 16.1). Il-Kapitolu Sittax japplika għal kull miżura fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUSFTA li taffettwa b’mod negattiv il-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet, għajr jekk ipprovdut mod ieħor (Artikolu 16.2).

    123.

    Qabel ma jingħata bidu għall-proċedura ta’ medjazzjoni, Parti tista’ titlob bil-miktub f’kull ħin informazzjoni rigward tali miżura (Artikolu 16.2). Il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 16.3 sa 16.6 tipprevedi l-istadji li ġejjin fil-mekkaniżmu ta’ medjazzjoni: it-talba sabiex tinbeda l-medjazzjoni (Artikolu 16.3); l-għażla tal-medjatur (Artikolu 16.4); il-medjazzjoni nfisha (Artikolu 16.5); u implementazzjoni ta’ soluzzjoni bi qbil reċiproku (Artikolu 16.6). L-Artikolu 16.7 huwa dwar ir-relazzjoni bejn il-medjazzjoni u s-soluzzjoni ta’ tilwim. Dispożizzjonijiet oħra jindirizzaw skadenzi (Artikolu 16.8), spejjeż (Artikolu 16.9), u rieżami (Artikolu 16.10).

    124.

    Il-Kapitolu Sbatax huwa intitolat “Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali”. L-Artikoli 17.1 u 17.2 jistabbilixxu struttura istituzzjonali magħmula minn kumitati differenti li fihom il-Partijiet għandhom jiltaqgħu sabiex jissorveljaw u jiffaċilitaw l-implementazzjoni u l-applikazzjoni tal-EUSFTA. L-Artikolu 17.3 jipprevedi li, jekk xi dispożizzjoni tal-Ftehim tad-WTO li l-Partijiet ikunu inkorporaw fil-EUSFTA tiġi emendata, il-Partijiet, skont il-ħtieġa, għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti reċiproka. L-Artikolu 17.4 jittratta t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kumitati differenti. L-Artikolu 17.5 huwa dwar emendi għall-EUSFTA.

    125.

    L-Artikolu 17.6.1 jgħid li l-EUSFTA għandu japplika biss għall-miżuri ta’ tassazzjoni sa fejn tali applikazzjoni tkun neċessarja sabiex tagħti effett lid-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA. Skont l-Artikolu 17.6.2, xejn fil-EUSFTA ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ Singapor jew tal-Unjoni Ewropea jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri tagħha taħt kull ftehim dwar it-taxxa bejn Singapor u kull Stat Membru jew Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 17.6.3 u 17.6.4 jgħidu li xejn fl-EUSFTA ma għandu jwaqqaf l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ ċerti tipi ta’ taxxa u miżuri li jkollhom l-għan li ħadd ma jitħalla jevita jew jevadi t-taxxa. L-Artikolu 17.6.5 huwa dwar id-dritt ta’ Singapor li jadotta jew li jżomm miżuri ta’ tassazzjoni li jkunu meħtieġa sabiex jitħarsu l-interessi tal-politika pubblika prevalenti minħabba r-restrizzjonijiet speċifiċi tiegħu tal-ispazju.

    126.

    Il-Partijiet għandhom jawtorizzaw, f’munita liberament konvertibbli u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu VIII tal-Artikoli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali, kull pagament u trasferiment fil-kont kurrenti ta’ bilanċ ta’ pagamenti bejniethom. F’dan il-kuntest il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin (Artikolu 17.7).

    127.

    Kull Parti għandha tinkoraġġixxi l-fondi sovrani tagħha ta’ investiment sabiex tirrispetta l-Prinċipji u l-Prattiċi Ġeneralment Aċċettati – Prinċipji Santiago (Artikolu 17.8).

    128.

    L-Artikolu 17.9 huwa dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jippermettu lil Parti li tkun f’bilanċ tal-pagamenti u diffikultajiet finanzjarji esterni serji, jew taħt theddida minnhom, tadotta jew iżżomm miżuri restrittivi fir-rigward tal-kummerċ ta’ prodotti, servizzi u stabbiliment u fuq pagamenti u trasferimenti marbuta ma’ investimenti.

    129.

    L-Artikolu 17.10 jistabbilixxi klawżola ta’ eċċezzjonijiet ta’ sigurtà li tippermetti lill-Partijiet jieħdu azzjoni għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħhom.

    130.

    Il-bqija tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Sbatax jikkonċernaw l-iżvelar ta’ informazzjoni u l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (Artikolu 17.11), id-dħul fis-seħħ tal-EUSFTA (Artikolu 17.12), it-tul ta’ żmien u t-terminazzjoni tiegħu (Artikolu 17.13), it-twettiq tal-obbligi skont il-EUSFTA (Artikolu 17.14), l-assenza ta’ effett dirett (Artikolu 17.15), annessi, appendiċijiet, dikjarazzjonijiet konġunti, protokolli u qbil li jagħmlu parti integrali tal-EUSFTA (Artikolu 17.16); ir-relazzjoni bejn il-EUSFTA u l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Ftehim tad-WTO (Artikolu 17.17), adeżjonijiet futuri fl-Unjoni Ewropea (Artikolu 17.18), l-applikazzjoni territorjali tal-EUSFTA (Artikolu 17.19) u t-testi awtentiċi tal-EUSFTA, jiġifieri fil-verżjoni bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża (Artikolu 17.20).

    131.

    Il-Protokoll 1 huwa dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Qbil 1 sa 5 jindirizzaw, rispettivament, l-Artikolu 17.6 (tassazzjoni), ir-remunerazzjoni tal-arbitri, dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mad-dwana, ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta’ operaturi ekonomiċi awtorizzati u limitazzjonijiet speċifiċi ta’ Singapor tal-ispazju u l-aċċess għar-riżorsi naturali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) It-test tal-EUSFTA huwa disponibbli għall-pubbliku mill-website tal-Kummissjoni: http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=961. Għal ħarsa ġenerali qasira, ara l-punti 9 sa 30 iktar ’il quddiem u, għal sommarju iktar iddettaljat, ara l-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet. Is-sommarju fl-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa bbażat fuq il-verżjoni tat-test Ingliż tal-EUSFTA li l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja (bħala anness għat-talba tagħha). Sussegwentement il-Kummissjoni pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja traduzzjonijiet tal-EUSFTA bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-proċess ta’ redazzjoni u tat-traduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, ġew ikkonstatati numru ta’ differenzi bejn il-verżjoni ppreżentata oriġinarjament mill-Kummissjoni bl-Ingliż u (i) il-verżjoni disponibbli għall-pubbliku bl-Ingliż kif ukoll (ii) il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ppreżentati mill-Kummissjoni. Pereżempju, il-verżjoni disponibbli għall-pubbliku tinkludi kunsiderazzjoni addizzjonali fil-verżjoni bl-Ingliż li tiddikjara: “Reaffirming each Party’s right to adopt and enforce measures necessary to pursue legitimate policy objectives such as social, environmental, security, public health and safety, promotion and protection of cultural diversity” [traduzzjoni: “Waqt li jaffermaw mill-ġdid id-dritt ta’ kull Parti li tadotta u tinforza l-miżuri meħtieġa biex jiġu segwiti l-objettivi ta’ politika leġittimi bħal ma huma dawk soċjali, ambjentali, ta’ sigurtà, tas-saħħa u s-sikurezza pubblika, u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali.”] Irriżulta wkoll li n-numri tan-noti ta’ qiegħ il-paġna jvarjaw bejn il-verżjoni bl-Ingliż (kemm kif mgħoddija lill-Qorti tal-Ġustizzja u kemm kif disponibbli fuq l-internet) u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Peress li l-uniku verżjoni disponibbli għall-pubbliku fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ dawn il-konklużjoni hija l-verżjoni bl-Ingliż, jiena ser nuża n-numri kif jidhru f’din il-verżjoni iżda indikajt, fejn tressaq għall-attenzjoni tiegħi, il-każijiet fejn nota ta’ qiegħ il-paġna partikolari jista’ jkollha numru differenti f’verżjonijiet lingwistiċi oħra. F’dan ir-rigward ma nistax nieħu pożizzjoni definittiva dwar jekk sarux bidliet oħra li jiena ma nafx bihom.

    ( 3 ) Jiġifieri l-ftehimiet elenkati fl-Appendiċi 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar regoli u proċeduri li jirregolaw konkluzjonijiet ta’ tilwim.

    ( 4 ) Ara, dwar dan, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 34537198105. F’dik l-opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat is-suġġett u l-għanijiet ta’ ftehimiet internazzjonali differenti li jifformaw parti mill-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim WTO”), b’mod partikolari l-Ftehim ġenerali dwar il-kummerċ fis-servizzi (iktar ’il quddiem il-“GATS”) u l-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”) u ftehimiet varji li jirregolaw il-kummerċ ta’ prodotti li huma inklużi fl-Anness 1A (“Ftehim multilaterali dwar kummerċ f’oġġetti”) tal-Ftehim WTO, bħall-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (iktar ’il quddiem il-“GATT 1994’) u l-Ftehim dwar barrieri tekniċi għall-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim BTK”).

    ( 5 ) B’kompetenza esterna esklużiva “impliċita” infisser li l-esklużività ma hijiex ibbażata fuq dispożizzjoni ta’ Trattat li espressament tagħti kompetenza esklużiva lill-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ qasam partikolari.

    ( 6 ) Dan it-terminu jintuża mill-partijiet fis-sottomissjonijiet tagħhom. Ara wkoll, b’mod partikolari, il-punti 307 u 346 iktar ’il quddiem.

    ( 7 ) L-Artikolu XXIV huwa intitolat “Applikazzjoni Territorjali – Traffiku Konfinali – Unjonijiet Doganali u Żoni ta’ Kummerċ Ħieles”.

    ( 8 ) L-Artikolu V huwa dwar “Integrazzjoni Ekonomika”.

    ( 9 ) Essenzjalment “trattament nazzjonali” tfisser li tassazzjoni u regolamentazzjoni interni ma għandhomx ikunu applikati għal prodotti importati jew lokali b’tali mod li tingħata protezzjoni lill-produzzjoni lokali.

    ( 10 ) It-test tal-Ftehim WTO u tal-ftehimiet WTO li jifformaw parti minnu jistgħu jinkisbu mis-sit https://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/legal_e.htm.

    ( 11 ) Ara wkoll l-Artikolu 4(1) TUE.

    ( 12 ) Ara wkoll id-Dikjarazzjoni Nru 18 dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi li tinsab fost id-Dikjarazzjonijiet annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2016 C 202, p. 335). Din id-dikjarazzjoni tikkonferma li “[…]il-kompetenzi mhux mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu ta’ l-Istati Membri”. Tgħid ukoll li “Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat, jew tkun iddeċidiet li ma tkomplix teżerċita, il-kompetenza tagħha […]”.

    ( 13 ) ĠU 2012 C 326, p. 307.

    ( 14 ) L-Artikolu 6 TFUE jinkludi lista eżawrjenti tal-oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza twettaq azzjonijiet sabiex issostni, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

    ( 15 ) Huwa paċifiku li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva, skont l-Artikoli 3(1)(e) u 207(1) TFUE, fir-rigward ta’ ċerti partijiet tal-EUSFTA.

    ( 16 ) L-Artikolu 5 KE jgħid: “Il-Komunità għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha b’dan it-Trattat u tal-miri li ġew assenjati lilha fih. F’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, il-Komunità għandha taġixxi skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà biss, jekk u sakemm l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, jiġu milħuqa aħjar mill-Komunità. L-azzjoni meħuda mill-Komunità m’għandhiex teċċedi dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan it-Trattat.”

    ( 17 ) Għal spjegazzjoni fil-qosor siewja ara K. Lenaerts u P. Van Nuffel, European Union Law, Sweet & Maxwell, 2011, punti 7.021 sa 7.025.

    ( 18 ) Ma nispekulax dwar jekk din ir-riversibbiltà tapplikax ukoll għall-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Kien sottomess li jekk l-Unjoni tokkupa l-qasam internament u tgħaddi sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE, il-fatt li wara hija ma tibqax tilleġiżla internament ma jaffettwax il-karattru esklużiv tal-kompetenza esterna tagħha li issa ilha stabbilita. Madankollu, il-konklużjonijiet akkademiċi huma maqsuma dwar dan il-punt.

    ( 19 ) Għandu jingħad hawnhekk li l-abbozzar ma tantx huwa feliċi. Il-mekkaniżmu tal-ewwel għażla tal-Artikolu 2(2) TFUE japplika għall-kompetenzi kondiviżi kollha, sakemm ma jkunx hemm espressament eċċezzjoni [bħal fl-Artikolu 4(3) u (4) TFUE]. Mill-kliem tiegħu l-Artikolu 4(1) TFUE loġikament jiddefinixxi l-kompetenzi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (iktar ’il quddiem “PESK”) wkoll bħala “kondiviżi” li huma, għalhekk, esposti għall-ewwel għażla skont l-Artikolu 2(2): riżultat li jista’ jinkwieta għall-inqas lil ċerti Stati Membri.

    ( 20 ) Ara, pereżempju, fir-rigward tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi: l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB) tat-28 ta’ Marzu 1996, EU:C:1996:140, punt 24, u l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5.

    ( 21 ) Għalkemm l-Artikolu 3(2) TFUE jistabbilixxi erba’ raġunijiet, peress li l-aħħar alternattiva (impatt fuq regoli komuni jew bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom) tkopri żewġ possibbiltajiet, ser nitratta dawn l-aħħar tnejn flimkien għall-finijiet tal-punt segwenti. Għaldaqstant, referezi għat-“tielet raġuni” taħt l-Artikolu 3(2) TFUE għandhom jinftiehmu fis-sens li jinkludu dawn iż-żewġ possibbiltajiet.

    ( 22 ) Kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tirrifletti l-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi (ara l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ewwel raġuni tirrifletti (parzjalment) l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 95; it-tieni raġuni tiġbor fil-qosor l-Opinjoni 1/76 tas-26 ta’ April 1977, EU:C:1977:63, punt 3; it-tielet u r-raba’ raġunijiet jirriflettu l-prinċipju (għalkemm espress f’termini usa’) stabbilit fis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 17 u 18 (“is-sentenza fil-kawża ERTA”). Għal diskussjoni iktar iddettaljata tal-prinċipju ERTA, ara l-punti 120 sa 131 iktar ’il quddiem.

    ( 23 ) “Att leġiżlattiv” huwa att legali adottat bil-proċedura leġiżlattiva [Artikolu 289(3) TFUE]. Dwar id-distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u atti regolatorji, ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625. It-TUE jipprojbixxi atti leġiżlattivi fil-PESK: ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE.

    ( 24 ) Hawn ukoll l-abbozzar tat-Trattat wara Lisbona joħloq ftit tal-kurżità. Dak li ċċitajt fit-test prinċipali jidher li huwa qari ċar tat-tielet raġuni tal-Artikolu 216(1) TFUE meqjusa flimkien mal-ewwel raġuni tal-Artikolu 3(2) TFUE; u tabilħaqq dan iwassal għall-konklużjoni li l-kompetenza esterna li l-Unjoni Ewropea tikseb b’dan il-mod hija ta’ natura esklużiva. Iżda ma huwiex faċli tirrikonċilja din il-konklużjoni mal-kliem tal-Artikolu 4(4) TFUE. Nassumu (pereżempju) li l-Unjoni Ewropea tkun adottat att leġiżlattiv fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jkun jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. L-Artikolu 4(4) TFUE jipprovdi li l-Unjoni Ewropea “għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet u tmexxi politika komuni” fl-oqsma tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja; iżda jkompli, “mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza jkun jista’ jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom”. Meqjus dan il-kliem, jista’ verament jingħad li l-kompetenza tal-Unjoni li tirriżulta hija dejjem esklużiva? [L-Artikolu 4(3) TFUE għandu b’mod ġenerali kliem simili b’rabta ma’ kompetenzi fl-oqsma tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispażju u jippreżenta l-istess taħbila.)

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/76 (Ftehim li jistabbilixxi Fondi Ewropew għall-irtirar mill-operat ta’ bastimenti użati fuq l-ilmijiet navigabbli interni) tas-26 ta’ April 1977, EU:C:1977:63, punti 1 sa 3. F’dik il-kawża l-ftehim inkwistjoni kellu l-għan li jirrazzjonalizza s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni f’reġjun ġeografiku li fih it-trasport f’ilmijiet navigabbli interni huwa ta’ importanza speċjali fin-netwerk sħiħ tat-trasport internazzjonali (punt 1). Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li kien “[…] impossibbli jinkiseb kompletament l-objettiv segwit billi jiġu stabbiliti regoli komuni skont l-Artikolu 75 tat-Trattat [KEE], minħabba l-parteċipazzjoni tradizzjonali ta’ bastimenti ta’ Stat terz, l-Isvizzera, fin-navigazzjoni permezz tal-ilmijiet ewlenin inkwistjoni, li huma suġġetti għas-sistema ta’ navigazzjoni libera li ilha stabbilita bi ftehimiet internazzjonali” (punt 2). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalitx espressament f’din l-opinjoni li l-kompetenza tal-Unjoni li rriżultat kienet esklużiva, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod ċar l-Opinjoni 1/76 f’dan is-sens f’ġurisprudenza sussegwenti. Ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni rreveduta tal-OECD dwar it-trattament nazzjonali) tal-24 ta’ Marzu 1995, EU:C:1995:83, punt 32.

    ( 26 ) Il-“valur miżjud” ta’ qabel Lisbona tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ERTA kien doppju: l-ewwel, din id-deċiżjoni ħolqot kompetenza esterna u, it-tieni, iddefinixxiet din il-kompetenza bħala esklużiva. Jekk qasam (iddefinit sewwa) ikun suġġett għal regoli komuni, dan ikun biżżejjed sabiex ikun hemm lok għat-tielet raġuni skont l-Artikolu 3(2) TFUE fir-rigward ta’ dak il-qasam. Ara wkoll il-punti 120 sa 131 iktar ’il quddiem.

    ( 27 ) Ir-raba’ raġuni tal-Artikolu 216(1) TFUE tipprovdi li “x’aktarx tolqot regoli komuni jew [li] tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”, filwaqt li t-tielet raġuni tal-Artikolu 3(2) TFUE tgħid “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Ma nqisx li tirriżulta xi ħaġa konkreta minħabba differenza żgħira fil-kliem bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

    ( 28 ) Ara l-punt 60 iktar ’il fuq.

    ( 29 ) Inħalli fil-ġenb il-kwistjoni jekk, li kieku Stat Membru kellu jirtira unilateralment minn ftehim konkluż kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Unjoni Ewropea mingħajr qabel ma jidħol fi djalogu mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (b’mod partikolari mal-Kummissjoni u mal-Kunsill), dan jistax jitqies bħala li jikser l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE.

    ( 30 ) Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-13/07, EU:C:2009:190, punt 121), l-Avukat Ġenerali Kokott kitbet: “[L]-istess kif qatra ċkejkna ta’ pastis tista’ ddardar tazza ilma, hekk ukoll id-dispożizzjonijiet individwali, anki jekk ta’ importanza sekondarja, inklużi fi trattat internazzjonali bbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, jistgħu jwasslu għall-ħtieġa li jiġi konkluż ftehim imħallat”. Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-268/94, EU:C:1996:461, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 15.

    ( 32 ) Ara, inter alia, l-Opinjoni 1/75 (Memorandum ta’ qbil tal-OECD dwar standard ta’ kost lokali) tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1360 u 1361, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 6 u 17 u l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 145.

    ( 33 ) Ara, inter alia, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 6 u 17.

    ( 34 ) Skont l-Artikolu 46(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati tal-1969 (1155 UNTS 331; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna 1969”), “Stat ma jistax jinvoka l-fatt li l-kunsens tiegħu li jintrabat bi trattat ikun ġie espress bi ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi interna tiegħu dwar il-kompetenza li jikkonkludi trattati, liema dispożizzjoni tkun invalidat il-kunsens tiegħu, sakemm dak il-ksur ma kienx manifest u kien jirrigwarda regola tal-liġi interna tiegħu ta’ importanza fundamentali”. Ksur manifest huwa, skont l-Artikolu 46(2), wieħed li “ikun oġġettivament evidenti għal kull Stat li jirregola lilu nnifsu fil-materja skont prattika normali u in bona fide”. L-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati tal-1986 bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali (għadha ma daħlitx fis-seħħ) (25 ILM 543 (1986)) jipprevedi regoli simili.

    ( 35 ) B’rabta ma’ dan, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja issa rċeviet talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u mal-Artikoli 267 u 344 TFUE ta’ dispożizzjoni ta’ STIS fi ftehim bilaterali ta’ protezzjoni ta’ investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: ara l-Kawża C-284/16, Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

    ( 36 ) Ara l-Artikoli 4(1) u 5(2) TUE. Ara wkoll l-Artikoli 2 sa 6 TFUE u d-diskussjoni fil-punti 55 sa 64 iktar ’il fuq.

    ( 37 ) Ara, inter alia, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5, u s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-370/07, EU:C:2009:590, punt 47.

    ( 38 ) Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 39 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 111.

    ( 40 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 41 ) Dan jidher mill-istruttura tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739.

    ( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-281/01, EU:C:2002:761, punt 43, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-137/12, EU:C:2013:675, punt 76.

    ( 43 ) Ara l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 166.

    ( 44 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 68; is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-281/01, EU:C:2002:761, punt 43 u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-137/12, EU:C:2013:675, punt 76; u l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 37 u 44.

    ( 45 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-94/03, EU:C:2006:2, punt 51.

    ( 46 ) Opinjoni 1/75 (Memorandum ta’ qbil tal-OECD dwar standard ta’ kost lokali) tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1364. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou, 41/76, EU:C:1976:182, punt 32.

    ( 47 ) Artikolu 30 TFUE.

    ( 48 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Proċedura ta’ opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), EU:C:2016:657, punt 43. Meta kont qiegħda nikteb, il-proċedura kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 49 ) Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar gomma naturali) tal-4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punt 44, u s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 20.

    ( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Proċedura ta’ opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), EU:C:2016:657, punt 43.

    ( 51 ) Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar gomma naturali) tal-4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punti 41 sa 46.

    ( 52 ) Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C-70/94, EU:C:1995:328, punt 10, u tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et, C-83/94, EU:C:1995:329, punt 11.

    ( 53 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill, C-62/88, EU:C:1990:153, punti 17 sa 20, u Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 40. Ara wkoll, iktar reċenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Proċedura għal opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), EU:C:2016:657, punt 69.

    ( 54 ) Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 50, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-137/12, EU:C:2013:675, punt 56.

    ( 55 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C-414/11, EU:C:2013:520, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-137/12, EU:C:2013:675, punti 57 u 58.

    ( 56 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-137/12, EU:C:2013:675, punt 67.

    ( 57 ) Dan l-approċċ huwa sostnut fl-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 44 u 45 (dwar servizzi) u 59 u 60 (dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali).

    ( 58 ) Din id-dikjarazzjoni tgħid li “skond is-sistema tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif previst fit-[TUE] u t-[TFUE], il-kompetenzi mhux mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu ta’ l-Istati Membri”.

    ( 59 ) Ara wkoll il-punti 424 sa 430 iktar ’il quddiem.

    ( 60 ) Għal din ir-raġuni, ma naqbilx mal-interpretazzjoni li l-Avukat Ġenerali Kokott tat lil-limitazzjoni li qabel kienet tirriżulta mill-Artikolu 133(6) KE. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-13/07, EU:C:2009:190, punti 120 sa 122 u 139 sa 142. Skont l-Avukat Ġenerali Kokott, it-tifsira u l-għan tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni huma “[…] b’mod ġenerali [ħafna], filli jkun stabbilit paralleliżmu bejn il-kompetenzi interni u dawk esterni tal-[Unjoni Ewropea] u filli l-[Unjoni Ewropea] ma titħalliex tassumi obbligi fil-konfront ta’ terzi li ma tkunx tista’ twettaq fuq livell intern peress li ma jkollhiex kompetenzi suffiċjenti”.

    ( 61 ) Ara l-Artikolu 6 TFUE.

    ( 62 ) Ara l-Artikolu 168 TFUE. L-Artikolu 6 TFUE jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha, fir-rigward tal-protezzjoni u tat-titjib tas-saħħa tal-bniedem, kompetenza tieħu azzjonijiet sabiex “tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri”.

    ( 63 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 153(2)(a), 165(4), 168(5) u 167(5) TFUE.

    ( 64 ) Ara l-punti 208 sa 219 iktar ’il quddiem.

    ( 65 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 16.

    ( 66 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 49 u 50.

    ( 67 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 48.

    ( 68 ) Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE (“In-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom jibqgħu jiġu regolati bid-disposizzjonijiet tat-Titolu V u ta’ l-Artikolu 300”). Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-intenzjoni ta’ dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Nizza “li f’dan il-qasam tinżamm forma ta’ statu quo ante” (ara l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 159).

    ( 69 ) Ara l-Artikolu 207(5) TFUE.

    ( 70 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 164.

    ( 71 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 163. Setgħet tinsilet diġà l-istess konklużjoni (għalkemm b’implikazzjoni) mill-Opinjoni 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni rreveduta tal-OECD dwar it-trattament nazzjonali) tal-24 ta’ Marzu 1995, EU:C:1995:83, punt 27.

    ( 72 ) Ara l-punti 208 sa 219 iktar ’il quddiem.

    ( 73 ) Ara l-punti 221 sa 224 iktar ’il quddiem.

    ( 74 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, EU:C:2002:631, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 75 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, EU:C:2002:631, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 76 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punti 45, 121 u 122.

    ( 77 ) Ara l-punti 225 sa 268 iktar ’il quddiem.

    ( 78 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 66.

    ( 79 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 21. Dawn l-obbligi huma llum stabbiliti fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

    ( 80 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 75.

    ( 81 ) Għalhekk, dan l-approċċ jista’ jiġi applikat għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punti 78 sa 103) jew għat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Proċedura ta’ opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), EU:C:2016:657, punti 137 sa 154).

    ( 82 ) Ara wkoll il-punti 350 sa 359 iktar ’il quddiem.

    ( 83 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C-66/13, EU:C:2014:2399, punt 30. Dan l-istadju fl-analiżi jiddistingwi l-eżami skont l-Artikolu 3(2) TFUE mill-identifikazzjoni ta’ oqsma “magħżula l-ewwel minn qabel” b’azzjoni tal-Unjoni skont kompetenzi kondiviżi.

    ( 84 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C-66/13, EU:C:2014:2399, punt 31.

    ( 85 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 81.

    ( 86 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 82.

    ( 87 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 172.

    ( 88 ) Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 33.

    ( 89 ) Ara l-punti 234 u 349 sa 361 iktar ’il quddiem.

    ( 90 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 91 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 92 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 93 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 96.

    ( 94 ) Diġà esprimejt din il-fehma fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:224, punti 104 sa 111.

    ( 95 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 73.

    ( 96 ) Ara l-punt 2 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 97 ) Kwistjoni separata hija jekk il-materji kollha koperti mill-kapitolu tal-EUSFTA dwar servizzi (Kapitolu Tmienja) effettivament jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Ara l-punti 195 sa 268 iktar ’il quddiem.

    ( 98 ) Ara l-punti 3 sa 12 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 99 ) Ara l-punt 131 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 100 ) It-test ta’ dak il-ftehim huwa disponibbli mis-sit https://www.wto.org/english/tratop_e/tradfa_e/tradfa_e.htm.

    ( 101 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 34.

    ( 102 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat xi wħud minn dawn il-ftehimiet (il-Ftehim dwar l-Agrikoltura, il-Ftehim SFS u l-Ftehim BTK) fid-dawl tas-sottomissjonijiet speċifiċi magħmula minn partijiet b’rabta magħhom. Ara l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 28 sa 33.

    ( 103 ) Il-pożizzjoni kienet l-istess skont il-GATT 1947, sa fejn il-Komunità Ewropea kienet progressivament ħadet setgħat li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri. Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 18, u tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et, C-308/06, EU:C:2008:312, punti 48 u 49.

    ( 104 ) Ara wkoll il-punti 510 sa 512 iktar ’il quddiem.

    ( 105 ) Ara l-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar il-valutazzjoni doganali u l-Artikolu X:1 tal-GATT 1994.

    ( 106 ) Ara l-Artikoli 18(1) u 19 tal-Ftehim dwar il-valutazzjoni doganali.

    ( 107 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu IX:6 tal-GATT 1994 (kooperazzjoni għall-prevenzjoni tal-użu ta’ ismijiet kummerċjali b’ċerti modi); l-Artikolu XV tal-GATT 1994 (kooperazzjoni, konsultazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-FMI dwar arranġamenti ta’ skambju); l-Artikolu XXV tal-GATT 1994 (azzjoni konġunta mill-Partijiet Kontraenti); l-Artikolu XXXVIII tal-GATT 1994 (azzjoni konġunta sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu XXXVI dwar il-kummerċ u l-iżvilupp); l-Artikolu 4(2) tal-Ftehim SFS (konsultazzjoni bil-għan li jinkisbu ftehimiet dwar ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ miżuri SFS); l-Artikolu 7 u l-Anness B tal-Ftehim SFS (trasparenza u skambju ta’ informazzjoni) u l-Artikolu 10 tal-Ftehim BTK (l-iskambju ta’ informazzjoni).

    ( 108 ) Ara l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 34.

    ( 109 ) Ara l-punti 467 sa 504 iktar ’il quddiem.

    ( 110 ) Ara l-punti 19 sa 51 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 111 ) Dwar is-sottomissjonijiet relatati mat-trasport, ara l-punti 168 sa 194 iktar ’il quddiem.

    ( 112 ) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, p. 349).

    ( 113 ) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), kif emendata.

    ( 114 ) Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE, tat-23 ta’ Lulju 1996, dwar l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-akkwist taċ-ċertifikati nazzjonali tas-sidien tad-dgħajjes għat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz ta’ passaġġi tal-ilma interni fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 297) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/106/KE, tad‑19 ta’ Novembru 2008, dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 323, p. 33).

    ( 115 ) Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, p. 1), kif emendat.

    ( 116 ) Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Jannar 2009, dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riżervazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU L 35, p. 47).

    ( 117 ) Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, p. 32).

    ( 118 ) Regolament (KE) Nru 1072/009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, p. 72).

    ( 119 ) Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. tal-21 Ottubru 2009. dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, p. 88).

    ( 120 ) Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, p. 51).

    ( 121 ) Ara l-punt 177 iktar ’il quddiem.

    ( 122 ) Ara l-Artikolu 8.13 tal-EUSFTA.

    ( 123 ) Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, p. 1).

    ( 124 ) Ara l-punt 169 iktar ’il fuq.

    ( 125 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 174).

    ( 126 ) Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 4055/86.

    ( 127 ) Il-Kummissjoni tistrieħ fuq l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 51, u fuq l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 166.

    ( 128 ) Dawn l-eżempji jinkludu d-Direttiva 2012/34; id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri u li temenda d-Direttiva 2001/25/KE (ĠU L 255, p. 160) u Regolament Nru 1071/2009.

    ( 129 ) Il-partijiet ma kkonċentrawx, fis-sottomissjonijiet tagħhom, fuq il-proċessi interni li wasslu lill-Unjoni Ewropea sabiex tilħaq ftehim ma’ Singapor skont it-termini ta’ dawn ir-riżervi.

    ( 130 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3921/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom dawk it-trasportaturi li mhumiex residenti jistgħu jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni ġewwa Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 345).

    ( 131 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/96, tat-8 Lulju 1996, dwar regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi tat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6. Vol. 2, p, 295).

    ( 132 ) Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/66.

    ( 133 ) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarja dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, p. 1).

    ( 134 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 44.

    ( 135 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 45 sa 47. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni fl-Opinjoni 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni rreveduta tal-OECD dwar it-trattament nazzjonali) tal-24 ta’ Marzu 1995, EU:C:1995:83, punti 24 sa 26.

    ( 136 ) Ara l-Artikolu 133(5) KE. It-Trattat ta’ Amsterdam kien introduċa bażi legali fit-Trattat KE sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Madankollu l-għażla li jsir hekk qatt ma kienet eżerċitata.

    ( 137 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE kien jipprevedi li “b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, il-ftehim fis-setturi tal-kummerċ fis-servizzi kulturali u awdjoviżivi, fis-servizzi edukattivi, fis-servizzi soċjali u fis-servizzi marbuta ma’ saħħet il-bniedem [jaqgħu] taħt il-kompetenza komuni tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha.”

    ( 138 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 119.

    ( 139 ) Ara l-punti 208 sa 219 iktar ’il quddiem. Regoli proċedurali speċifiċi għadhom japplikaw fir-rigward ta’ ċerti oqsma ta’ kummerċ f’servizzi. Ara l-Artikolu 207(4) TFUE.

    ( 140 ) It-Taqsima B tapplika għal miżuri li jolqtu l-provvista transkonfinali ta’ servizzi. Madankollu, għall-finijiet ta’ din it-taqsima, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi hija ddefinita bħala li tkopri wkoll konsum barra mill-pajjiż (Artikolu 8.4 tal-EUSFTA).

    ( 141 ) Ara l-punt 197 iktar ’il fuq.

    ( 142 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 73 u 74, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-81/13, EU:C:2014:2449, punt 37.

    ( 143 ) Ara l-punt 109 iktar ’il fuq.

    ( 144 ) Ara l-punt 109 iktar ’il fuq.

    ( 145 ) Ara l-punti 225 sa 268 iktar ’il quddiem.

    ( 146 ) Ara l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punti 168 sa 173.

    ( 147 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ April 1974, Il-Kummissjoni vs Franza, 167/73, EU:C:1974:35, punt 27.

    ( 148 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C-341/14, EU:C:2015:641, punt 47.

    ( 149 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C-338/09, EU:C:2010:814, punti 31 sa 33.

    ( 150 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C-168/14, EU:C:2015:685.

    ( 151 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 169.

    ( 152 ) Artikolu 4(2)(g) TFUE.

    ( 153 ) Premessi 32, 33 u 34 tar-Regolament Nru 216/2008.

    ( 154 ) Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 216/2008.

    ( 155 ) Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 216/2008.

    ( 156 ) Ara l-punt 123 iktar ’il fuq.

    ( 157 ) Appendiċi 8-A-1, Skeda ta’ Impenji Speċifiċi inkonformità mal-Artikolu 8.7 (Provvista Transkonfinali ta’ Servizzi), Taqsima 11.C.

    ( 158 ) Ara l-punti 128 sa 130 iktar ’il fuq.

    ( 159 ) Intestaturi 16 u 17.

    ( 160 ) Ġabra fil-qosor ta’ din il-leġiżlazzjoni tinsab fis-sit: http://eur-lex.europa.eu/summary/chapter/transport.html?root_default=SUM_1_CODED%3D32%2CSUM_2_CODED%3D3205&locale=mt (kif kienet fl-4 ta’ Ottubru 2016).

    ( 161 ) Kull wieħed minn dawn il-modi huwa msemmi fl-Artikolu 100 TFUE.

    ( 162 ) Il-Kummissjoni ma ppreżentat xejn dwar l-allokazzjoni ta’ kompetenzi fir-rigward tat-trasport bil-pipeline ta’ prodotti minbarra karburant.

    ( 163 ) Artikolu 1(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 4055/86.

    ( 164 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2014, Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet, C‑83/13, EU:C:2014:2053, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 165 ) Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 4055/86.

    ( 166 ) Filwaqt li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4055/86 jagħti jedd lill-Kunsill sabiex “[…] jestendi d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għal ċittadini ta’ pajjiż terz li jipprovdu servizzi tat-trasport marittimu u li huma stabbiliti [fl-Unjoni Ewropea]”, din id-dispożizzjoni għadha sa issa ma ġietx implementata.

    ( 167 ) Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81.

    ( 168 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 169 ) Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 172.

    ( 170 ) Tista’ tiġi applikata kundizzjoni ta’ nazzjonalità.

    ( 171 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑381/93, EU:C:1994:370, punt 13, u tal-11 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-269/05, mhux ippubblikata, EU:C:2007:17, punt 20.

    ( 172 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Geha Naftiliaki et, C-435/00, EU:C:2002:661, punt 20.

    ( 173 ) Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4055/86.

    ( 174 ) Ara l-punti 214 u 215 iktar ’il fuq.

    ( 175 ) Ara l-punti 350 sa 359 iktar ’il quddiem.

    ( 176 ) Kif spjegajt, hija l-parti li tasserixxi l-kompetenza esklużiva li għandha turi n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea invokata minnha (punt 122 iktar ’il fuq).

    ( 177 ) Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/66.

    ( 178 ) Ara l-punt 226 iktar ’il fuq. Lanqas ma huwa rilevanti għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi l-fatt li l-Iskeda ta’ Impenji tal-Unjoni Ewropea kienet innegozjata abbażi tal-iskedi tal-GATS.

    ( 179 ) Ara l-punt 243 iktar ’il fuq.

    ( 180 ) Ara l-punti 221 sa 224 iktar ’il fuq.

    ( 181 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89, tal-24 ta’ Lulju 1989, dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 277).

    ( 182 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punt 103.

    ( 183 ) Ara l-punti 243 u 246 iktar ’il fuq.

    ( 184 ) Servizzi ta’ trasport bil-ferrovija ma jissemmewx b’rabta mal-mod 4 tal-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi dwar persunal ewlieni u apprendisti gradwati u bejjiegħa ta’ servizzi ta’ negozju fl-Appendiċi 8-A-3, li l-għan tagħha huwa, skont l-ewwel punt tagħha, li tenumera “l-attivitajiet ekonomiċi lliberalizzati skont l-Artikoli 8.7 […] u 8.12 […] li għalihom japplikaw limitazzjonijiet fuq persunal ewlieni u apprendisti gradwati skont l-Artikolu 8.14 […] u 8.15” u li tispeċifika dawk il-limitazzjonijiet.

    ( 185 ) Il-Kummissjoni tistrieħ, b’mod partikolari, fuq l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 67, u fuq is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-268/94, EU:C:1996:461, punt 75.

    ( 186 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 66 sa 68.

    ( 187 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-268/94, EU:C:1996:461, punt 75.

    ( 188 ) Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2012/34.

    ( 189 ) Premessa 7 tad-Direttiva 2012/34.

    ( 190 ) Ara l-Artikoli 1(1)(b), 10(1) u (2), u 17 tad-Direttiva 2012/34.

    ( 191 ) Artikoli 18, 19, 20 u 21 tad-Direttiva 2012/34.

    ( 192 ) Artikolu 8.9 tal-EUSFTA. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma humiex rilevanti hawnhekk.

    ( 193 ) Artikolu 8.10.1 tal-EUSFTA. Ara wkoll il-punt 252 iktar ’il fuq.

    ( 194 ) Artikolu 8.11.1 tal-EUSFTA.

    ( 195 ) Artikolu 17(1) u (3) tad-Direttiva 2012/34.

    ( 196 ) Appendiċi 8-A-2 tal-EUSFTA. Din il-limitazzjoni, li tapplika għal servizzi ta’ trasport bil-ferrovija li jkunu jeħtieġu l-użu tad-dominju pubbliku, tgħin sabiex attivitajiet ekonomiċi meqjusa bħala utilitajiet pubbliċi f’livell nazzjonali jew lokali jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal monopolji pubbliċi jew għal drittijiet esklużivi mogħtija lil operaturi privati.

    ( 197 ) Artikolu 10 tad-Direttiva 2012/34.

    ( 198 ) Artikoli 38 sa 54 tad-Direttiva 2012/34.

    ( 199 ) Ara l-punt 125 iktar ’il fuq.

    ( 200 ) Ara l-punt 226 iktar ’il fuq.

    ( 201 ) Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1071/2009.

    ( 202 ) Artikoli 3 u 5 sa 9 tar-Regolament Nru 1071/2009.

    ( 203 ) Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1071/2009.

    ( 204 ) Ir-Regolament japplika kemm għat-trasport internazzjonali bit-triq ta’ merkanzija, iddefinit bħala trasport internazzjonali bit-triq ta’ merkanzija b’kiri jew bi ħlas għal vjaġġi li jsiru fit-territorju tal-Unjoni, u għat-trasport nazzjonali bit-triq ta’ merkanzija li jitwettaq fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti (“kabotaġġ”) [Artikolu 1(1) u (4) tar-Regolament Nru 1072/2009].

    ( 205 ) Dan ir-regolament japplika għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ jew bix-xarabank ġewwa t-territorju tal-Unjoni Ewropea minn trasportaturi b’kiri jew bi ħlas jew minn trasportaturi indipendenti stabbiliti fi Stat Membru skont il-liġi tiegħu, bl-użu ta’ vetturi li jkunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru u jkunu adegwati jew maħsuba, minħabba l-kostruzzjoni u t-tagħmir tagħhom, sabiex jittrasportaw aktar minn disa’ persuni, inkluż ix-xufier, u għall-moviment ta’ dawn il-vetturi meta jkunu vojta b’konnessjoni ma’ trasport bħal dan [Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1073/2009]. Dan ir-regolament japplika wkoll għal servizzi nazzjonali bit-triq ta’ passiġġieri b’kiri jew bi ħlas fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti (“kabotaġġ”) [Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1073/2009].

    ( 206 ) Ara l-Artikolu 4 tar-Regolamenti Nru 1072/2009 u Nru 1073/2009.

    ( 207 ) Ara l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 1072/2009. “Attestazzjoni tax-xufier” hija, essenzjalment, ċertifikat mogħti minn Stat Membru lil kull trasportatur għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas b’liċenzja Komunitarja.

    ( 208 ) Ara l-punti 257 u 258 iktar ’il fuq.

    ( 209 ) Artikolu 8.9 tal-EUSFTA. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma humiex rilevanti hawnhekk.

    ( 210 ) Artikolu 8.10.1 tal-EUSFTA. Ara wkoll il-punt 260 iktar ’il fuq.

    ( 211 ) Artikolu 8.11.1 tal-EUSFTA.

    ( 212 ) Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1071/2009.

    ( 213 ) Ara l-punti 523 sa 544 iktar ’il quddiem.

    ( 214 ) Ara l-punti 52 sa 60 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 215 ) Artikolu I:2(c) tal-GATS.

    ( 216 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 31, u għall-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punti 122 u 133.

    ( 217 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, C-370/12, EU:C:2012:756.

    ( 218 ) Opinjoni 1/92 (It-Tieni Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE) tal-10 ta’ April 1992, EU:C:1992:189.

    ( 219 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, C370/12, EU:C:2012:756.

    ( 220 ) Opinjoni 1/92 (It-Tieni Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE) tal-10 ta’ April 1992, EU:C:1992:189.

    ( 221 ) Regolament (KE) Nru 184/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Jannar 2005, dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment barrani dirett (ĠU L 35, p. 23).

    ( 222 ) Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).

    ( 223 ) Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351, p. 40).

    ( 224 ) Ara l-punti 371 sa 398 iktar ’il quddiem.

    ( 225 ) Artikolu 9.1.1 u 9.1.2 tal-EUSFTA.

    ( 226 ) ĠU C 310, p. 1.

    ( 227 ) Diskussjonijiet dwar l-Artikolu III-315(1) kienu saru fl-istess żmien tad-dibattiti fid-WTO dwar jekk kellhomx jiġu nnegozjati dispożizzjonijiet tad-WTO dwar investiment barrani dirett. Id-Dikjarazzjoni Ministerjali tad-WTO adottata fl-14 ta’ Novembru 2001, li nidiet iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp, kienet irrikonoxxiet “[…] il-ħtieġa ta’ qafas multilaterali sabiex jiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet trasparenti, stabbli u prevedibbli għal investiment fit-tul transkonfinali, partikolarment investiment barrani dirett, li kellu jikkontribwixxi għall-espansjoni tal-kummerċ […]” (enfasi miżjuda) [traduzzjoni mhux uffiċjali] [Dikjarazzjoni Ministerjali adottata fl-14 ta’ Novembru 2001, WT/MIN(01)/DEC/1 (20 ta’ Novembru 2001), punt 20; ara wkoll il-punt 22]. Eżatt meta investiment barrani dirett kien beda jsir parti mill-politika kummerċjali komuni, Membri tad-WTO (miġbura fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO) iddeċidew li ma kellu jsir ebda xogħol fid-WTO għal negozjati dwar investimenti matul iċ-Ċiklu ta’ Doha [WTO, Kunsill Ġenerali, Deċiżjoni Adottata mill-Kunsill Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2004, WT/L/579 (2 ta’ Awwissu 2004), punt 1(g)].

    ( 228 ) Ara l-punt 344 iktar ’il quddiem.

    ( 229 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 101(1)(b), 126(3), 199(3) u (4), u 309 TFUE; il-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment; il-Protokoll Nru 10 dwar il-Koperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 42 TUE; u d-Dikjarazzjoni Nru 30 dwar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    ( 230 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investiment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 231 ) Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C-560/13, EU:C:2015:347, punt 39.

    ( 232 ) Għal definizzjonijiet f’leġiżlazzjoni sekondarja oħra, ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, p. 1), il-punt 4.65 tal-Anness A u tal-Anness 7.1 – Sommarju ta’ kull kategorija ta’ assi; u l-Anness II tar-Regolament Nru 184/2005. Ara wkoll, pereżempju, il-Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar ta’ statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam ta’ statistika esterna (ECB/2011/23) (ĠU 2012 L 65, p. 1), Anness III, punt 6.1.

    ( 233 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C-560/13, EU:C:2015:347, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation,C-446/04, EU:C:2006:774, punti 179 u 180 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 234 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 235 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-35/11, EU:C:2012:707, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 236 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 137. Dak il-limitu ta’ 10 % jintuża wkoll, pereżempju, fid-definizzjoni ta’ “investiment barrani dirett” fl-Anness 7.1 tar-Regolament Nru 549/2013, u fil-Linji gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew BĊE/2011/23, Anness III, punt 6.1.

    ( 237 ) Ara, pereżempju, OECD, OECD Benchmark Definition of Foreign Direct Investment, ir-raba’ edizzjoni (2008), paragrafu 11; ara wkoll il-paragrafi 29, 117 u 122 sa 147.

    ( 238 ) Ara, pereżempju, FMI, Balance of Payments Manual, is-sitt edizzjoni (2009), il-paragrafu 359.

    ( 239 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou, C-81/09, EU:C:2010:622, punt 48 (enfasi miżjuda). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; u, pereżempju, id-definizzjoni ta’ “investiment f’portafoll” fil-Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2011/23), punt 6.2.

    ( 240 ) Ara, pereżempju, OECD, OECD Benchmark Definition of Foreign Direct Investment, ir-raba’ edizzjoni, (“[…] investiment f’portafoll li permezz tiegħu investituri ġeneralment ma jkunux mistennija jinfluwenzaw it-tmexxija tal-intrapriża”), punt 11; ara wkoll il-punt 29.

    ( 241 ) Ara l-punti 196 u 197 iktar ’il fuq.

    ( 242 ) Ara l-Artikoli I:2(c ), X u XVI tal-GATS. Xi wħud minn dawn ir-regoli jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jsiru investimenti. Dwar dan il-GATS (għall-inqas) jikkomplementa parzjalment ftehimiet dwar investimenti li sikwit jiffokaw l-iktar fuq it-trattament sussegwenti ta’ investiment.

    ( 243 ) Ara l-Artikolu XXVIII(d) tal-GATS.

    ( 244 ) Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739.

    ( 245 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 34. Ara wkoll il-punt 145 iktar ’il fuq. Il-Ftehim TRIMs huwa ftehim inkluż fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO (“Ftehimiet multilateral dwar il-kummerċ ta’ merkanzija”).

    ( 246 ) Artikolu 1 tal-Ftehim TRIMs.

    ( 247 ) Artikolu 2(1) tal-Ftehim TRIMs. L-Anness ta’ dan il-Ftehim, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 2(2), għandu lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ li huma konsistenti mal-obbligu ta’ trattament nazzjonali skont l-Artikolu III:4 tal-GATT 1994 (jiġifieri, trattament nazzjonali fir-rigward tal-liġijiet, ir-regolamenti u r-rekwiżiti kollha li jolqtu bejgħ intern, bejgħ bl-offerti, xiri, trasport, distribuzzjoni jew użu ta’ prodotti).

    ( 248 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C-414/11, EU:C:2013:520, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 249 ) Ara n-Nota mill-Praesidium tal-Konvenzjoni, Abbozz tal-Artikoli dwar azzjoni esterna fit-Trattat Kostituzzjonali, CONV 685/03 (23 ta’ April 2003), paġni 52 u 54. Jew, kif l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ddeskrivewha fil-kuntest tad-diskussjonijiet tad-WTO dwar ir-relazzjoni bejn il-kummerċ u l-investiment, il-kummerċ u l-investiment barrani dirett huma interdipendenti u jikkumplementaw lil xulxin, u investiment barrani dirett huwa ġeneratur importanti tal-kummerċ [WTO, Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Relazzjoni bejn il-Kummerċ u l-Investiment, Komunikazzjoni mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha, Dokument Kunċettwali dwar id-Definizzjoni ta’ Investiment, WT/WGTI/W/115 (16 ta’ April 2002), punt 2].

    ( 250 ) Ara wkoll il-punti 510 sa 512 iktar ’il quddiem.

    ( 251 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 145, 196 u 197 iktar ’il fuq.

    ( 252 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C-105/12 sa C-107/12, EU:C:2013:677, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 253 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C-105/12 sa C-107/12, EU:C:2013:677, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-367/98, EU:C:2002:326, punt 48.

    ( 254 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, EU:C:1995:237, punt 22.

    ( 255 ) Dwar l-Artikolu 207(6) TFUE, ara wkoll il-punti 106 sa 110 iktar ’il fuq.

    ( 256 ) Ara l-punt 326 iktar ’il fuq. Dwar dan, nosserva wkoll li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-Artikolu 8.8(d) tal-EUSFTA (definizzjoni ta’ “stabbiliment”) tgħid li l-kelmiet “inkorporazzjoni” u “akkwist” ta persuna ġuridika għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu “parteċipazzjoni fil-kapital ta’ persuna ġuridika bil-għan li jiġu stabbiliti jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul”.

    ( 257 ) Ara l-Artikoli 9.1.1 u 9.1.1(g) tal-EUSFTA.

    ( 258 ) Ara l-punt 326 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, ninnota li l-GATS, li jaqa’ fil-politika kummerċjali komuni [bla ħsara għall-eċċezzjoni għat-trasport tal-Artikolu 207(5) TFUE], jista’ possibbilment japplika wkoll għal ċerti tipi ta’ investiment li ma jkunx investiment barrani dirett. Pereżempju, l-ewwel sentenza tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-Artikolu XVI:1 tal-GATS (“Aċċess għas-suq”) tgħid li “jekk Membru jidħol għal impenn ta’ aċċess għas-suq b’rabta mal-provvista ta’ servizz permezz tal-mod ta’ provvista msemmi fis-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu I u jekk il-moviment transkonfinali tal-kapital ikun parti essenzjali tas-servizz stess, dak il-Membru jkun b’hekk marbut li jippermetti tali moviment tal-kapital”.

    ( 259 ) Pereżempju, l-Artikolu 91(1)(a) TFUE jirrigwarda “regoli komuni” li japplikaw għal trasport internazzjonali lejn u mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

    ( 260 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 67.

    ( 261 ) Opinjoni 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni rreveduta tal-OECD dwar it-trattament nazzjonali) tal-24 ta’ Marzu 1995, EU:C:1995:83, punt 33 (li jirreferi għall-ħtieġa ta’ “leġiżlazzjoni interna”) u għall-punt 36.

    ( 262 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 77 (enfasi miżjuda).

    ( 263 ) Għal illustrazzjoni tal-fatt li ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija parti huma suġġetti għal-liġi primarja, ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, EU:C:1998:94.

    ( 264 ) It-tieni sentenza tal-Artikolu 218(11) TFUE espressament tipprevedi l-possibbiltà li jiġu emendati t-Trattati sabiex tingħeleb opinjoni “kuntrarja” ibbażata fuq din id-dispożizzjoni.

    ( 265 ) Tabilħaqq, tali propożizzjoni tista’ potenzjalment tagħti lok għal kwistjoni dwar jekk l-EUSFTA huwiex materjalment kompatibbli mat-Trattati. Madankollu, dan evidentement imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni. Ara l-punt 85 iktar ’il fuq.

    ( 266 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 77.

    ( 267 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, C-370/12, EU:C:2012:756, punti 104 u 105.

    ( 268 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2010, tal-11 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU 2010 L 118, p. 1).

    ( 269 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, C-370/12, EU:C:2012:756, punt 101 (enfasi oriġinali). Fl-opinjoni tagħha f’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali Kokott dehret li kienet qiegħda tissuġġerixxi li d-domanda dwar l-Artikolu 3(2) TFUE kienet ikkonċepita ħażin: “Il-qari flimkien tal-Artikolu 3(2) TFUE u l-Artikolu 216 TFUE juri li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkonċerna biss il-ftehim konkluż ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 2(1) TFUE flimkien jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkonkludu tali ftehim ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, il-partijiet firmatarji tat-Trattat MES huma esklużivament Stati Membri.” Ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Pringle, C-370/12, EU:C:2012:675, punt 98.

    ( 270 ) Meta materja tkun koperta minn regoli tat-Trattat, dik il-materja tkun taqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-Artikolu 4(2)(a) TFUE jipprevedi li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza “kondiviża” fil-qasam ewlieni tas-suq intern.

    ( 271 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C-105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-punti 317 u 318 iktar ’il fuq (fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “investiment dirett”).

    ( 272 ) Dawn il-ftehimiet kollha jipprevedu li huma konklużi għal perijodu limitat ta’ żmien iżda li jkunu jistgħu jiġġeddu sakemm (bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet) la Parti u lanqas l-oħra ma tesprimi l-intenzjoni tagħha li tittermina l-ftehim. Investimenti magħmula qabel id-data meta l-iskadenza jew it-terminazzjoni jsiru effettivi jibqgħu suġġetti għall-ftehim matul perijodu ddefinit ta’ żmien.

    ( 273 ) Din tista’ tidher bħala n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 f’xi verżjonijiet lingwistiċi.

    ( 274 ) Ara l-punti 307 sa 361 iktar ’il fuq.

    ( 275 ) Għalkemm hemm istanzi oħra fejn l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tittermina jew tiddenunzja ftehimiet internazzjonali li għalihom ma kinitx parti. Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kunsill 92/530/KEE, tat-12 ta’ Novembru 1992, li tiddenunzja l-Ftehim dwar is-Sajd bejn dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża u l-Isvezja (ĠU 1992 L 334, p. 33).

    ( 276 ) Ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9.

    ( 277 ) Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:864, punt 71 (fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li minħabba li s-setgħat li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali kienu sa dak il-mument ittieħdu kollha mill-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar ma kinitx marbuta b’dak il-ftehim).

    ( 278 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 18. Fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali oħra, ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1975, Douaneagent der Nederlandse Spoorwegen,38/75, EU:C:1975:154, punti 16 u 21, u tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et, 3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punti 44 u 45.

    ( 279 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/98, EU:C:2000:359, punt 53.

    ( 280 ) Ara l-Artikoli 27 u 46 tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986.

    ( 281 ) Skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986, “kull trattat fis-seħħ ikun jorbot lill-partijiet għar-rigward tiegħu u għandu jitwettaq minnhom in bona fide”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-passat li dan il-prinċipju “[j]ikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ kull ordni ġuridiku u, b’mod partikolari, ta’ l-ordni ġuridiku internazzjonali”: ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke,C-162/96, EU:C:1998:293, punt 49.

    ( 282 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-205/06, EU:C:2009:118, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-118/07, EU:C:2009:715, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-3 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-249/06, EU:C:2009:119, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 283 ) Il-ftehimiet l-oħra elenkati fl-Anness 9-D kienu konklużi bejn Singapor u l-Unjoni Ekonomika Belgo-Lussemburgiża, Franza, il-Ġermanja, il-Pajiżi l-Baxxi u r-Renju Unit u ġew wara l-1 ta’ Jannar 1958 jew (għar-Renju Unit) wara d-data tal-adeżjoni mal-Komunità Ekonomika Ewropea.

    ( 284 ) Ara l-punt 379 iktar ’il fuq.

    ( 285 ) Din tista’ tidher bħala n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 f’xi verżjonijiet lingwistiċi.

    ( 286 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy, C-158/91, EU:C:1993:332, punt 19. Jidher li f’deċiżjonijiet ġudizzjarji u fil-letteratura akkademika hemm xi jsostni l-propożizzjoni li l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 illum jagħmel parti mid-dritt internazzjonali konswetudinarju. Għal diskussjoni dwar is-sorsi rilevanti, ara, pereżempju, F. Dubuisson, “Article 59 – Termination or suspension of the operation of a treaty implied by a conclusion of a later treaty”; f’O. Corten u P. Klein (edituri), The Vienna Conventions on the Law of Treaties – A CommentaryVolume II (Oxford University Press, 2011), p. 1325, f’p. 1329-1330.

    ( 287 ) Ara, dwar dan, l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 tistabbilixxi eċċezzjonijiet (b’ċerti kundizzjonijiet): f’każ ta’ ksur materjali (Artikolu 60); impossibbiltà sussegwenti ta’ eżekuzzjoni (Artikolu 61); bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi (Artikolu 62); it-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari (Artikolu 63); u l-introduzzjoni ta’ norma perentorja ġdida tad-dritt internazzjonali ġenerali (Artikolu 64).

    ( 288 ) Dan jirriżulta ċar mill-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 dwar l-applikazzjoni ta’ trattati suċċessivi relatati mal-istess suġġett.

    ( 289 ) L-Artikolu 73 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna 1969. F’kull każ, fejn il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, kemm tal-1969, kif ukoll dik tal-1986, tkun tista’ tapplika (pereżempju, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn ftehim bilaterali bejn żewġ Stati u ftehim bejn Stat u organizzazzjoni internazzjonali), tipprevali l-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 (ara l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1986).

    ( 290 ) Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1946, p. 3.

    ( 291 ) Ara l-Artikolu 2(1)(g) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna 1969.

    ( 292 ) Artikolu 1(1) u premessa 3 tar-Regolament Nru 1219/2012.

    ( 293 ) Ara l-punti 69 sa 76 tal-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 294 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-360/93, EU:C:1996:84.

    ( 295 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-360/93, EU:C:1996:84.

    ( 296 ) Jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE, tas-17 ta’ Settembru 1990, dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1990 L 297, p. 1).

    ( 297 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-360/93, EU:C:1996:84, punt 30.

    ( 298 ) Singapor, l-Unjoni Ewropea u t-tmienja u għoxrin Stat Membru huma partijiet għall-Ftehim dwar kuntratti tal-gvern. Dan il-ftehim huwa inkluż fl-Anness 4 tal-Ftehim WTO, li jikkomprendi lista tal-ftehimiet kummerċjali multilaterali. B’riżultat ta’ dan, huwa jifforma parti mill-Ftehim WTO għal dawk il-Membri biss tad-WTO li aċċettawh (u jorbot biss lil dawn il-Membri) (Artikolu II:3 tal-Ftehim WTO). Singapor, l-Unjoni Ewropea u t-tmienja u għoxrin Stat Membru huma wkoll partijiet għall-Ftehim dwar kuntratti tal-gvern tad-WTO rivedut li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ April 2014.

    ( 299 ) Ara wkoll il-punt 402 iktar ’il fuq.

    ( 300 ) Ara l-Artikolu 10.4 tal-EUSFTA.

    ( 301 ) ĠU 2012 C 326, p. 309.

    ( 302 ) Dan l-għan huwa wkoll rifless fl-Artikolu 3(3) TUE.

    ( 303 ) Ara l-punti 77 sa 91 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 304 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520.

    ( 305 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-punt 52 tas-sentenza.

    ( 306 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-punt 53 tas-sentenza.

    ( 307 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C-347/03, EU:C:2005:285.

    ( 308 ) L-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jgħid: “Il-Membri għandhom jipprovdu għall-proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati ta’ l-inqas fil-każi ta’ falsifikazzjoni ta’ trademark maħsuba jew piraterija tad-dritt ta’ l-awtur fuq skala kummerċjali. Ir-rimedji disponibbli għandhom jinkludu priġunerija jew multi ta’ flus biżżejjed sabiex jipprovdu deterrent, konsistentement bil-livell ta’ penali applikati għal delitti ta’ gravità li tikkorrespondi. F’każijiet xierqa, rimedji disponibbli għandhom ukoll jinkludu l-konfiska, s-sekwestru u l-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru u ta’ kull materjal u jimplimentaw l-użu predominanti li kien fil-kummissjoni ta’ l-offiża. Il-Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati f’każijiet oħra ta’ tkissir ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, partikolarment meta huma kommessi intenzjonalment u fuq skala kummerċjali”.

    ( 309 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520.

    ( 310 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520.

    ( 311 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, EU:C:2005:285.

    ( 312 ) 1161 UNTS 30.

    ( 313 ) 36 ILM 65.

    ( 314 ) 36 ILM 76.

    ( 315 ) 828 UNTS 305.

    ( 316 ) 9 ILM 978.

    ( 317 ) 39 ILM 1047.

    ( 318 ) Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU 2012 L 361, p. 1), u Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni (ĠU 2012 L 361, p. 89).

    ( 319 ) F’din id-dispożizzjoni l-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi u jaqblu li jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha sabiex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 16 tat-Trattat dwar id-Dritt tal-Privattivi b’mod konsistenti mal-liġijiet u mal-proċeduri domestiċi tagħhom.

    ( 320 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520.

    ( 321 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 55 sa 71. Bl-eċċezzjoni ta’ miżuri speċifiċi bil-għan li ma jinħarġux f’ċirkolazzjoni libera prodotti ffalsifikati, il-Ftehim TRIPS kien jaqa’ barra mill-politika kummerċjali komuni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat din il-pożizzjoni bil-fatt li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jolqtu l-kummerċ intern “daqs, jekk mhux iktar mill-kummerċ internazzjonali”. Madankollu, dak iż-żmien, id-dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-politika kummerċjali komuni ma kinitx tagħmel riferiment għall-aspetti kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    ( 322 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 53.

    ( 323 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 54.

    ( 324 ) Sentenza tat-18 Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 55.

    ( 325 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 58.

    ( 326 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Proċedura għal opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), EU:C:2016:657, punti 64 sa 66; ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, EU:C:2005:285, punti 81 sa 83.

    ( 327 ) Ara wkoll il-punt 102 iktar ’il fuq.

    ( 328 ) Meta l-kontenut tal-obbligu miksur jiddetermina l-kontenut tar-rimedju (bħal fis-sospensjoni bħala ritaljazzjoni ta’ konċessjonijiet jew obbligi), dan jista’ jissuġġerixxi rabta sostantiva bejn iż-żewġ tipi ta’ obbligi. Madankollu, l-element karatteristiku ta’ ritaljazzjoni trażversali, li għalih għamlet riferiment il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Daiichi, jidher li huwa li ma hemmx neċessarjament tali rabta. Għal finijiet ta’ kompletezza, ninnota li l-Artikolu 15.12 tal-EUSFTA jipprevedi l-possibbiltà li Parti tkun intitolata tissospendi obbligi li joriġinaw minn kwalunkwe dispożizzjoni li għaliha jkun japplika l-Kapitolu Ħmistax (“Is-soluzzjoni tat-tilwim”).

    ( 329 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 51.

    ( 330 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Proċedura ta’ opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), EU:C:2016:657, punt 56.

    ( 331 ) Id-Dikjarazzjoni ta’ Punta del Este tal-1986, li nediet iċ-Ċiklu tal-Urugwaj ta’ negozjati kummerċjali li rriżultaw fit-twaqqif tad-WTO, iddeskriviet din ir-rabta kif ġej: “Sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet u l-impedimenti għall-kummerċ internazzjonali, u fid-dawl tal-ħtieġa tal-promozzjoni ta’ protezzjoni effettiva u adegwata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u sabiex ikun żgurat li miżuri u proċeduri għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jisfgħux huma stess barrieri għal kummerċ leġittimu, in-negozjati għandu jkollhom l-għan li jikkjarifikaw id-dispożizzjonijiet tal-GATT u li jfasslu, fejn ikun xieraq, regoli u dixxiplini ġodda”.

    ( 332 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et, C‑92/92 u C‑326/92, EU:C:1993:847, punt 20, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 333 ) Artikolu 6bis (1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi, kif irriveduta u emendata. Dan id-dritt morali ma huwiex inkorporat fil-Ftehim TRIPS [ara l-Artikolu 9(1) tal-Ftehim TRIPS]. Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et, C‑92/92 u C‑326/92, EU:C:1993:847, punt 20.

    ( 334 ) Ara l-punt 93 iktar ’il fuq.

    ( 335 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675.

    ( 336 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 70; ara wkoll il-punt 72.

    ( 337 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 109 iktar ’il fuq.

    ( 338 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 2.1 tal-Ftehim TRIPS.

    ( 339 ) Kif għamlu dawk li abbozzaw l-EUSFTA, pereżempju, għal parti sinjifikattiva tal-Kapitolu Għaxra dwar “L-akkwist pubbliku [Kuntratti pubbliċi governattivi]” ara l-punt 402 iktar ’il fuq.

    ( 340 ) Sentenza ta-28 Lulju 2016, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 40. Ara wkoll il-punti 102 u 111 (u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk) tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2015:787).

    ( 341 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520.

    ( 342 ) 815 UNTS 89.

    ( 343 ) Artikolu 14 tal-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ Pjanti.

    ( 344 ) Kien hemm l-argument li l-Artikolu 11.36.3 tal-EUSFTA jagħmilha ċara li l-Kapitolu Ħdax ma jżommx lill-Partijiet milli japplikaw il-liġijiet domestiċi tagħhom jew jitlobhom jibdlu l-liġijiet domestiċi tagħhom sabiex japplikaw drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, jiena ninterpreta din id-dispożizzjoni bħala li sempliċement tfisser li konformità mal-Kapitolu Ħdax ma titlobx neċessarjament li jiġu emendati liġijiet eżistenti relatati mal-infurzar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    ( 345 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675.

    ( 346 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.1 tal-Ftehim TRIPS tgħid li l-Membri tad-WTO għandhom ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna u mal-Appendiċi tagħha. Madankollu, it-tieni sentenza żżid li l-Membri tad-WTO ma għandux ikollhom drittijiet jew obbligi skont il-Ftehim TRIPS fir-rigward tad-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 6bis tal-Konvenzjoni ta’ Berna jew tad-drittijiet li jirriżultaw minnha.

    ( 347 ) Ara l-punt 437 iktar ’il fuq.

    ( 348 ) Ara l-punt 437 iktar ’il fuq.

    ( 349 ) Ara l-punt 109 iktar ’il fuq.

    ( 350 ) Ara l-punti 92 sa 97 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 351 ) Eżempju ċar huwa l-Ftehim dwar is-SMK, li huwa inkluż fl-Anness 1A tal-Ftehim WTO u li jissupplimenta l-Artikolu XVI tal-GATT (skont l-Artikoli 12.5 u 12.7 tal-EUSFTA, id-dispożizzjonijiet tal-EUSFTA dwar is-sussidji huma addizzjonali għall-Ftehim SMK). L-għan tal-Ftehim SMK huwa li jipprojbixxi u li jirregola l-għoti ta’ sussidji lil impriżi b’mod li jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-produzzjoni domestika u li jirregola azzjonijiet li Membri tad-WTO jistgħu jadottaw sabiex jeħduha kontra l-effetti ta’ sussidji.

    ( 352 ) Inizjattivi bikrin tad-WTO dwar il-ħtieġa ta’ qafas multilaterali sabiex tittejjeb il-kontribuzzjoni tal-politika dwar il-kompetizzjoni għall-kummerċ u l-iżvilupp internazzjonali u dwar il-ħtieġa ta’ għajnuna teknika msaħħa u ta’ tisħiħ tal-kapaċità f’dan il-qasam ma rriżultawx f’negozjati dwar il-liġi tal-kompetizzjoni fid-WTO. Ara “Working Group on the Interaction between Trade and Competition Policy (WGTCP)— History, Mandates and Decisions”, disponibbli mis-sit: www.wto.org/english/tratop_e/comp_e/history_e.htm#cancun; u “The July 2004 package”, disponibbli mis-sit: www.wto.org/english/tratop_e/dda_e/dda_package_july04_e.htm.

    ( 353 ) Artikoli 12.1.2 u 12.2 tal-EUSFTA.

    ( 354 ) Ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12.1.1 tal-EUSFTA.

    ( 355 ) Artikolu 12.3 tal-EUSFTA.

    ( 356 ) Artikoli 12.5 sa 12.8 tal-EUSFTA u Anness 12-A tal-EUSFTA.

    ( 357 ) Ara l-Artikolu 12.7.1 tal-EUSFTA.

    ( 358 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.7.2 tal-EUSFTA.

    ( 359 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 66 u 67.

    ( 360 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

    ( 361 ) Ara l-punti 508 sa 513 iktar ’il quddiem.

    ( 362 ) Ara l-punti 13 sa 18 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 363 ) Ara l-punti 98 sa 112 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 364 ) Artikolu 13.17 tal-EUSFTA.

    ( 365 ) L-aħħar sentenza tal-Artikolu 207(1) TFUE.

    ( 366 ) Artikolu 21(2)(f) TUE. Ara wkoll l-Artikolu 3(5) TUE u l-Artikolu 11 TFUE; id-dispożizzjoni tal-aħħar tgħid li rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent “għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”.

    ( 367 ) Iż-żewġ possibbiltajiet huma riflessi fl-Artikolu 13.1.3 tal-EUSFTA.

    ( 368 ) Dan l-għan kien ukoll rilevanti għall-interpretazzjoni mill-Korp tal-Appell, b’mod partikolari, tal-klawżola ta’ eċċezzjonijiet ġenerali tal-Artikolu XX tal-GATT 1994. Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, United States – Import Prohibition of certain Shrimp and Shrimp Products, WT/DS58/AB/R, adottat fis-6 ta’ Novembru 1998, DSR 1998:VII, p. 2755, punti 129 sa 131 u 152 sa 155, u r-Rapport tal-Korp tal-Appell, India – Certain Measures relating to Solar Cells and Solar Modules, WT/DS456/AB/R, adottat fl-14 ta’ Ottubru 2016, li għadu ma ġiex ippubblikat, punt 5.72.

    ( 369 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 370 ) Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar gomma naturali) tal-4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, u s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill, C‑62/88, EU:C:1990:153 u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑281/01, EU:C:2002:761.

    ( 371 ) Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembr 2001, EU:C:2001:664, punt 40.

    ( 372 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑411/06, EU:C:2009:518.

    ( 373 ) ĠU 2006 L 190, p. 1.

    ( 374 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑411/06, EU:C:2009:518, punt 72.

    ( 375 ) Artikolu 7.1 tal-EUSFTA.

    ( 376 ) Artikolu 7.3 tal-EUSFTA.

    ( 377 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 103 iktar ’il fuq.

    ( 378 ) Artikolu 7.4(a) u (b) tal-EUSFTA.

    ( 379 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 33. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din id-dikjarazzjoni fir-rigward tal-Ftehim BTK li japplika, b’mod partikolari, għal regolamenti tekniċi u għal standards u proċeduri għall-evalwazzjoni ta’ regolamenti u standards tekniċi.

    ( 380 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 1 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-Kolumbja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU 2012 L 354, p. 3).

    ( 381 ) It-termini ta’ referenza tal-Panel ta’ Esperti li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 13.17 tal-EUSFTA, kienu biss “li jinħareġ rapport […] li jagħmel rakkomandazzjonijiet”. Ara wkoll il-punti 523 sa 535 iktar ’il quddiem.

    ( 382 ) Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU 2012 L 303, p. 1), Artikoli 9 sa 16.

    ( 383 ) Ara l-Artikoli 13.16 u 13.17 tal-EUSFTA u l-punt 490 iktar ’il fuq.

    ( 384 ) Din il-pożizzjoni hija msaħħa mill-Artikolu 51(2) tal-Karta, li jipprevedi li l-Karta ma testendix il-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mis-setgħat tal-Unjoni Ewropea, ma tistabbilixxi ebda setgħa ġdida jew xogħol ġdid għall-Unjoni Ewropea, u lanqas ma timmodifika setgħat jew xogħlijiet kif iddefiniti fit-Trattati.

    ( 385 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903.

    ( 386 ) L-Unjoni hija Parti għal dan il-ftehim bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE tal-14 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012 L 134, p. 3).

    ( 387 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 59.

    ( 388 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punti 38 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 389 ) L-Artikolu 43(2) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun segwita, b’mod partikolari, il-politika komuni dwar is-sajd, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 3(1)(d) TFUE.

    ( 390 ) L-Artikolu 191(4) TFUE jagħti lill-Unjoni Ewropea kompetenza tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jkunu jirregolaw il-kooperazzjoni ambjentali fl-oqsma li fuqhom hija jkollha kompetenza.

    ( 391 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 75.

    ( 392 ) Ara l-punti 113 sa 118 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 393 ) Ara l-punti 7, 8, 10, 12, 15, 35, 37, 41, 42, 58, 72 sa 75, 82, 88, 89, 95 u 96 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 394 ) Artikolu 14.1(a) tal-EUSFTA.

    ( 395 ) Ara l-Artikolu 14.2.1 tal-EUSFTA.

    ( 396 ) Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 388 iktar ’il fuq. Sa fejn dawn l-obbligi relatati b’mod speċifiku ma’ kapitolu dwar trasparenza u stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju huma differenti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Erbatax, għandhom jipprevalu dawk ir-regoli iktar speċifiċi f’kapitoli oħra (Artikolu 14.8 tal-EUSFTA).

    ( 397 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675.

    ( 398 ) Huwa għal din ir-raġuni li l-ftehimiet tad-WTO għandhom sett wiesa’ ta’ ftehimiet li għandhom l-għan li tkun iggarantita l-protezzjoni kontra tali barrieri fir-rigward ta’ tħejjija, adozzjoni, dħul fis-seħħ, pubblikazzjoni, implementazzjoni, notifikazzjoni u amministrazzjoni u stħarriġ (amministrattiv u ġudizzjarju) ta’ miżuri. Ara, pereżempju, l-Artikolu X tal-GATT 1994.

    ( 399 ) Ara l-punti 61 sa 67 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 400 ) Ara l-punti 111, 112 u 119 sa 123 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 401 ) Regolament (UE) Nru 912/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti (ĠU 2014 L 257, p. 121).

    ( 402 ) Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 20.

    ( 403 ) Ara l-Opinjoni 1/91 (L-Ewwel Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE) tal-14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punti 4070, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata għal tilwim fil-qasam tal-privattivi) tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 74 u l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 182.

    ( 404 ) Hija tapplika wkoll, b’analoġija, għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw is-soluzzjoni ta’ tilwim tal-Artikoli 13.16 u 13.17 tal-EUSFTA.

    ( 405 ) L-Artikolu 67 ta’ din il-konvenzjoni.

    ( 406 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni tal-ILO Nru 170) tad-19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punti 3 sa 5. F’dan il-każ il-kostituzzjoni tal-ILO żammet lill-Komunità Ewropea (dak iż-żmien) milli tikkonkludi hija stess il-Konvenzjoni Nru 170.

    ( 407 ) Dan jirriżulta mill-Artikoli 9.11.2 u 9.15.2 tal-EUSFTA, flimkien mal-Artikolu 9.24, li permezz tiegħu t-tribunal ikun jista’ jagħti kumpens fi flus għal ħsarat u kull interessi applikabbli, u r-restituzzjoni tal-proprjetà.

    ( 408 ) Ara wkoll id-Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa mar-Regolament Nru 912/2014.

    ( 409 ) F’kull każ, l-Artikolu 9.15.2 tal-EUSFTA, li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea għandha tidentifika l-konvenut fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tal-avviż ta’ intenzjoni li jsir arbitraġġ, ma jagħmilx riferiment (espressament jew b’implikazzjoni) għal dan ir-regolament.

    ( 410 ) Opinjoni 1/75 (Memorandum ta’ qbil tal-OECD dwar standard ta’ kost lokali) tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1364. Ara wkoll l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 21.

    ( 411 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/75 (Memorandum ta’ qbil tal-OECD dwar standard ta’ kost lokali) tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1364.

    ( 412 ) Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar gomma naturali) tal-4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punt 60. Ara wkoll l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 21.

    ( 413 ) Ara l-punt 85 iktar ’il fuq.

    ( 414 ) Il-karatteristiċi ewlenin tal-protezzjoni diplomatika kienu deskritti mill-Kummissjoni dwar id-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti bħala li jikkonsisti f’“[…] l-invokazzjoni minn Stat, permezz ta’ azzjoni diplomatika jew b’mezzi oħra ta’ soluzzjoni bonarja, tar-responsabbiltà ta’ Stat ieħor għal ħsara kkawżata minn att ħażin intenzjonalment minn dak l-Istat lil persuna fiżika jew ġuridika li tkun ċittadina tal-ewwel Stat bil-għan li tkun implementata tali responsabbiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni dwar id-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, Abbozz ta’ Artikoli dwar il-Protezzjoni Diplomatika b’kummentarji (2006), adottat mill-Kummissjoni dwar id-Dritt Internazzjonali fit-tmienja u ħamsin sessjoni tagħha u sottomess lill-Assemblea Ġenerali bħala parti mir-rapport tal-Kummissjoni li jkopri x-xogħol ta’ dik is-sessjoni (A/61/10), Yearbook of the International Law Commission, 2006, Vol. II, Taqsima Tnejn (Abbozz ta’ Artikoli dwar il-Protezzjoni Diplomatika KDI NU), Artikolu 1 u Kummentarju dwar l-Artikolu 1(2).

    ( 415 ) Il-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, Mavrommatis Palestine Concessions (Il-Greċja vs Ir-Renju Unit), Rapporti Q.P.Ġ.I., 1924, Serje A, Nru 2, p. 12. Ara wkoll Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Case concerning the Barcelona Traction Light and Power Company Limited (Il-Belġju vs Spanja), It-Tieni Fażi, Sentenza tal-5 ta’ Frar 1970, Rapporti Q.I.Ġ. 1970, p. 3, fil-punt 78.

    ( 416 ) Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Interhandel Case (L-Isvizzera vs L-Istati Uniti tal-Amerika), Oġġezzjonijiet preliminari, sentenza tal-21 ta’ Marzu 1959, Rapporti QIĠ 1959, p. 6, f’p. 27. Ara wkoll Abbozz ta’ Artikoli dwar il-Protezzjoni Diplomatika KDI NU, Artikolu 14 u l-kummentarju dwar din id-dispożizzjoni.

    ( 417 ) Għal narrattiva storika ta’ dan l-iżvilupp, ara, pereżempju, K. Parlett, The Individual in the International Legal Sistema: Continuity and Change in International Law (Cambridge University Press, 2011), p. 47 sa 123 (dwar “The individual and international claims”).

    ( 418 ) Abbozz ta’ Artikoli dwar il-Protezzjoni Diplomatika KDI NU, Kummentarju dwar l-Artikolu 17(2).

    ( 419 ) L-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni tal-ICSID jgħid li: “ebda Stat Kontraenti ma għandu jagħti protezzjoni diplomatika, jew iressaq talba internazzjonali dwar tilwima li wieħed miċ-ċittadini tiegħu u Stat Kontraenti ieħor ikunu taw il-kunsens tagħhom li jissottomettu għall-arbitraġġ skont din il-konvenzjoni, sakemm dak l-Istat Kontraenti l-ieħor ma jkunx naqas milli josserva u jkun konformi mad-deċiżjoni mogħtija f’dik it-tilwima”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 420 ) Ara l-punti 124 sa 130 tal-Anness tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 421 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 107, u l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 127.

    ( 422 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 47.

    ( 423 ) Ara, inter alia, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 108, u l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-bijosikurezza) tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 18; u s-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs l-Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73, u tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 54.

    ( 424 ) Din tista’ tidher bħala n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 f’xi verżjonijiet lingwistiċi.

    ( 425 ) Din tista’ tidher bħala n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 f’xi verżjonijiet lingwistiċi.

    Fuq