EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0002

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Novembru 2016.
DHL Express (Austria) GmbH vs Post-Control-Kommission u Bundesminister für Verkehr, Innovation und Technologie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 9 – Servizzi postali fl-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja tas-settur postali – Portata.
Kawża C-2/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:880

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 97/67/KE — Artikolu 9 — Servizzi postali fl-Unjoni Ewropea — Obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja tas-settur postali — Portata”

Fil-Kawża C‑2/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

DHL Express (Austria) GmbH

vs

Post-Control-Kommission,

Bundesminister für Verkehr, Innovation und Technologie

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DHL Express (Austria) GmbH, minn P. Csoklich, avukat,

għall-Post-Control-Kommission, minn E. Solé,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u S. Vanrie, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn I Thue u J.T. Kaasin, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, (ĠU 2008, L 52, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DHL Express (Austria) GmbH (iktar ’il quddiem “DHL”) u l-Post-Control-Kommission (kummissjoni għall-kontroll tas-servizzi postali, l-Awstrija) dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi lil DHL tikkontribwixxi finanzjarjament għall-ispejjeż tal-funzjonament tar-Rundfunk und Telekom Regulierungs-GmnH (awtorità regolatorja tas-settur postali) (iktar ’il quddiem l-“RTR”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 27 u 28 tad-Direttiva 2008/6 jistipulaw:

“(27)

Il-fornituri ta’ servizz postali jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz universali f’każ fejn ikun hemm dispożizzjoni għal fond ta’ kumpens. Sabiex jiġu ddeterminati liema impriżi jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għal fond ta’ kumpens, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi fornuti minn tali impriżi, mill-perspettiva ta’ l-utent, jistgħux jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, minħabba l-fatt li juru interskambju f’livell suffiċjenti mas-servizz universali, b’kont meħud tal-karatteristiċi tas-servizzi, inklużi aspetti b’valur miżjud, kif ukoll l-użu intenzjonat u l-prezz. Dawn is-servizzi m’għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali, bħall-kunsinna ta’ kuljum jew il-kopertura nazzjonali kompleta.

(28)

Għall-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, meta jiġi determinat il-kontribut, rikjest minn dawn l-impriżi, li għandu jsir għall-ispejjeż tal-forniment ta’ servizz universali fi Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u non-diskriminatorji, bħas-sehem ta’ dawn l-impriżi fl-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali f’dan l-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawk il-fornituri li huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, jintroduċu kontabilità separata xierqa biex il-funzjonament tal-fond ikun żgurat.”

4

Il-premessa 47 ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej:

“Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali aktarx jibqa’ kruċjali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn it-tranżizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha teħtieġ titlesta. Skond il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji [tagħhom sabiex] b’hekk jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-ħtieġa ta’ indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligi kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri u għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tal-proprjetà stabbilita fl-Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza, u l-mezzi finanzjarji, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom.”

5

Skont il-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva t-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

14)

“awtorizzazjonijiet”: kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermetti lill-intrapriżi biex jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jistabbilixxu u/jew iħaddmu n-netwerks tagħhom għall-forniment ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ ‘awtorizzazzjoni ġenerali’ jew ‘liċenzja individwali’ kif definit hawn taħt:

‘awtorizzazzjoni ġenerali’ awtorizzazzjoni, irrispettivament minn jekk tkunx regolata minn ‘liċenzja ta’ klassi’ jew taħt liġi ġenerali u irrispettivament jekk dak ir-regolament ikunx jeħtieġ reġistrazzjoni jew proċeduri ta’ dikjarazzjoni, li ma teħtieġx li l-fornitur ta’ servizz postali kkonċernat jikseb deċizjoni espliċita mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma jeżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni;

‘liċenzja individwali’; awtorizzazzjoni li tingħata minn awtorità regolatorja nazzjonali u li tagħti lill-fornitur ta’ servizz postali drittijiet speċifiċi, jew li tissuġġetta lill-operazzjonijiet ta’ dik l-impriża għal obbligi speċifiċi li jissuplimentaw l-awtorizzazzjoni ġenerali meta din tkun applikabbli, meta l-fornitur ta’ servizz postali ma jkunx intitolat jeżerċita d-drittijiet konċernati sakemm ma jkunx irċieva d-deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali”.

6

Skont il-punt 19 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ir-“rekwiżiti essenzjali” huma mifhuma li huma “raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kondizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi postali. Dawn ir-raġunijiet huma l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-netwerk fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, rispett għat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, skemi tas-sigurtà soċjali, stabbiliti minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u/jew bi ftehim kollettiv innegozjat bejn imsieħba soċjali nazzjonali, skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali u, fejn iġġustifikat, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ippjanar reġjonali. Il-protezzjoni tad-data tista’ tinkludi l-protezzjoni ta’ data personali, il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni mibgħuta jew maħżuna u l-protezzjoni tal-privatezza.”

7

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.   Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, ikkalkolata b’kont meħud ta’ l-Anness I, u ma jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

a)

mekkaniżmu maħsub biex jikkompensa lill-impriża/i konċernata/i mill-fondi pubbliċi; jew

b)

mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.

4.   Jekk l-ispiża netta tinqasam skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew mill-miżati ta’ l-utenti, u li jkun amministrat għal dawn il-fini minn korp indipendenti tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma’ l-obbligi ta’ servizz universali. L-obbligi ta’ servizz universali tal-fornitur(i) ta’ servizz universali mniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod.”

8

L-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Għal servizzi li jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

2.   Għal servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi salvagwardat il-forniment tas-servizz universali.

L-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet jista’:

ikun soġġett għall-obbligi ta’ servizz universali,

jekk meħtieġ u ġġustifikat, jimponi rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti,

fejn xieraq, ikun soġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni msemmija fl-Artikolu 7, jekk il-forniment tas-servizz universali jkun jimplika spiża netta u jirrappreżenta piż inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali, innominat skond l-Artikolu 4,

fejn xieraq, ikun soġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-ispejjeż operazzjonali ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22,

fejn xieraq, jiġi magħmul soġġett għal jew jimponi obbligu għar-rispett tal-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fl-ewwel inċiż u fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri nnominati ta’ servizz universali.

Ħlief fil-każ ta’ impriżi li ġew nnominati bħala fornituri ta’ servizz universali skond l-Artikolu 4, l-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux:

ikunu limitati fin-numru,

għall-istess elementi ta’ servizz universali jew ta’ partijiet tat-territorju nazzjonali, jimponu obbligi ta’ servizzi universali u, fl-istess ħin, kontributi finanzjarji għal mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni,

jirduppjaw il-kondizzjonijiet li japplikaw għal impriżi minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali oħra mhux speċifika għas-settur,

jimponu kondizzjonijiet tekniċi u operattivi barra minn dawk meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ din id-Direttiva.

3.   Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, non-diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, jkunu pubbliċi minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut jew l-irtirar totali jew parzjali ta’ awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ appell.”

9

Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67:

“1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar għas-settur postali li jkunu ġuridikament separati mill-operaturi postali u joperaw b’mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu l-pussess jew il-kontroll ta’ fornituri ta’ servizzi postali għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji minn attivitajiet assoċjati mal-pussess jew il-kontroll.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jkunu nnominaw biex iwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva. Huma għandhom jippubblikaw il-kompiti li ser jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’forma faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fejn dawk il-kompiti huma assenjati lil aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-liġi dwar il-konsumatur, dwar materji ta’ interess komuni.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom bħala kompitu partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkollaboraw mill-qrib u għandhom joffru assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ħdan il-korpi eżistenti xierqa.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi effikaċi fil-livell nazzjonali li permezz tagħhom kwalunkwe utent jew fornitur ta’ servizz postali li jkun affetwat minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ l-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa’ valida sakemm il-bord tal-appell ma jiddeċidix mod ieħor.”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 34 tal-Bundesgesetz über die Einrichtung einer Kommunikationbehörde Austria (“KommAustria”) [liġi dwar it-twaqqif ta’ awtorità federali “Austria” responsabbli mill-komunikazzjonijiet (“KommAustria”), (iktar ’il quddiem il-“KOG”)], dwar il-finanzjament tal-awtorità regolatorja Awstrijaka jipprevedi:

“(1)   Il-finanzjament tal-ispejjeż li tinkorri l-[RTR] fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 17(2), (4) u (7) dwar is-“settur tat-telekomunikazzjonijiet” għandu jkun żgurat, min-naħa, bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji, u min-naħa l-oħra, b’riżorsi baġitarji federali. Is-sussidju li jaqa’ taħt il-baġit federali, fl-ammont annwali ta’ EUR 2 miljuni, għandu jitħallas lil RTR f’żewġ partijiet ugwali, fit-30 ta’ Jannar u fit-30 ta’ Ġunju rispettivament. Qabel it-30 ta’ April tas-sena sussegwenti, l-[RTR] għandha tippreżenta lill-Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija, rapport dwar l-użu ta’ dawn ir-riżorsi kif ukoll l-għeluq tal-kontijiet. L-ammont totali tal-ispejjeż l-oħra tal-[RTL] kopert mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji jista’ jilħaq l-ammont massimu ta’ EUR 6 miljuni fis-sena. L-ammonti inkwistjoni jonqsu jew jiżdiedu mis-sena 2007 skont modifikazzjonijiet fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum tal-2005 ppubblikati mill-Uffiċċju Federali Awstrijak tal-Istatistika jew tal-indiċi tas-sena preċedenti li jissostiwixxih.

(2)   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji joriġinaw mis-“settur tat-telekomunikazzjonijiet”. Is-“settur tat-telekomunikazzjonijiet” jinkludi l-fornituri li, konformement mal-Artikolu 15 tat-[Telekommunikationsgesetz 2003 (liġi federali fuq it-telekomunikazzjoni 2003)] huma suġġetti għal obbligu ta’ dikjarazzjoni sakemm ma jkunx jirrigwarda l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni intiżi għax-xandir tar-radju u ta’ servizzi supplimentari tar-radju (responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni).

(3)   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jiġu stabbiliti u miġbura abbażi tar-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ kull persuna taxxabbli u d-dħul mill-bejgħ totali speċifiku fis-settur, fejn il-kalkolu jkun ibbażat fuq it-totalità tad-dħul mill-bejgħ, li jsir ġewwa l-pajjiż, mill-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet.

[…]

(13)   Fil-każ fejn impriża ma tosservax jew ma tosservax korrettement l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja, it-Telekom-Control-Kommission tista’ tordna b’deċiżjoni li tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja. Bl-istess mod, il-ħlas żejjed u r-rifużjonijiet fis-sens tal-paragrafu 12 huma kkonstatati fuq talba b’deċiżjoni.”

11

Skont l-Artikolu 34a tal-KOG:

“(1)   Il-finanzjament tal-ispejjeż li tinkorri l-RTR fit-twettiq tal-kompiti previsti mill-Artikolu 17(3) u (4) dwar is-“settur tal-posta”, għandu jkun żgurat, minn naħa, bil-kontribuzzjonijiet finanżjarji u, min-naħa l-oħra, b’riżorsi baġitarji federali. Is-sussidju li jaqa’ taħt il-baġit federali, f’ammont annwali ta’ EUR 200000, għandu jitħallas lil [RTR] f’żewġ partijiet ugwali, fit-30 ta’ Jannar u fit-30 ta’ Ġunju rispettivament. Qabel it-30 ta’ April tas-sena sussegwenti, l-[RTR] għandha tippreżenta lill-Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija, rapport dwar l-użu ta’ dawn ir-riżorsi kif ukoll l-għeluq tal-kontijiet. L-ammont totali tal-ispejjeż l-oħra tal-[RTL] kopert mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji jista’ jilħaq l-ammont massimu ta’ EUR 550000 fis-sena. L-ammonti inkwistjoni jonqsu jew jiżdiedu mis-sena 2012 skont modifikazzjonijiet fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum tal-2005 ppubblikati mill-Uffiċċju Federali Awstrijak tal-Istatistika jew tal-indiċi tas-sena preċedenti li jissostiwixxih.

(2)   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji joriġinaw mis-“settur tal-posta”. Is-“settur tal-posta” jinkludi l-fornituri ta’ servizzi postali li huma marbutin bl-obbligu ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 tal-Postmarktgesetz [(liġi federali dwar ir-regolamentazzjoni tas-suq postali)] jew li huma benefiċjarji ta’ konċessjoni taħt l-Artikolu 26 ta’ din l-istess liġi.

(3)   L-Artikolu 34(3) sa (15) japplika b’analoġija, fejn il-kliem “Telekom-Control-Kommission” jinbidlu bil-kliem “Post-Control-Kommission”.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

DHL hija impriża li teżerċita attività fis-settur tal-kunsinna u tal-posta espress. Għal dan il-għan, hija tiżgura b’mod partikolari l-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ pakketti ta’ piż ta’ mhux iktar minn 31.5 kg, kif ukoll ta’ materja stampata u ta’ dokumenti. Bil-għan li tikkumplimenta dawn is-servizzi, DHL tipproponi ċertu numru ta’ servizzi b’valur miżjud, bħalma huma t-traċċar tal-kunsinni u l-osservanza ggarantita ta’ ċerti termini tat-tqassim.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2012, il-kummissjoni tal-kontroll tas-servizzi postali imponiet fuq DHL il-ħlas lil RTR ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-perijodi bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2011 u l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

14

Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-Artikolu 34(9) u (13) u tal-Artikolu 34a tal-KOG li jipprevedi li l-finanzjament tal-attività tal-RTR huwa żgurat mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula mill-fornituri ta’ servizzi postali li joperaw fis-suq nazzjonali, minn naħa, u mir-riżorsi baġitarji federali, min-naħa l-oħra.

15

DHL ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

16

Insostenn tar-rikors tagħha, DHL issostni li mir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li huma biss dawk l-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali li jistgħu jiġu obbligati jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-RTR. Bl-impożizzjoni ta’ tali obbligu kemm fuq l-impriżi li joffru servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali kif ukoll fuq dawk li jipprovdu servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, il-KOG marret kontra din id-dispożizzjoni.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva 97/67 […] b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-fornituri ta’ servizzi postali huma marbuta jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja nazzjonali indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn jipprovdux servizzi li jagħmlu parti mis-servizzi universali?

2)

Jekk fl-affermattiv:

a)

Huwa suffiċjenti, sabiex jinħoloq obbligu ta’ finanzjament, li l-fornitur ikkonċernat jipprovdi servizzi postali li għandhom jiġu kklassifikati bħala servizzi li jagħmlu parti mis-servizz universali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, […] iżda li jmorru lil hinn mit-total minimu ta’ tali servizzi impost minn [din] id-Direttiva?

b)

Hemm lok, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża partikolari fil-kontribuzzjonijiet finanzjarji, li wieħed jipproċedi bl-istess mod bħal fil-każ tad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fond ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva?

c)

L-obbligu tal-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 7(5) tal-istess direttiva u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“interskambju mas-[servizz universali]” previst fil-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6/KE […], jeżiġu li l-partijiet mid-dħul mill-bejgħ marbuta ma’ dawn is-servizzi b’valur miżjud, jiġifieri ma’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali iżda huma marbuta miegħu, għandhom jitnaqqsu u ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ din il-parteċipazzjoni?

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornituri kollha tas-settur postali, inklużi dawk li ma jipprovdux servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli għal dan is-settur.

19

Preliminarjament, għandu jiġi indikat li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28).

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-impriżi tas-settur tal-posta għal awtorizzazzjonijiet ġenerali fir-rigward ta’ servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizzi universali, filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizzi universali.

21

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jelenka l-obbligi li jista’ jiġi suġġett għalihom l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, mingħajr ma jispeċifika liema kategorija ta’ awtorizzazzjonijiet – dawk li jirrigwardaw biss is-servizzi li jaqgħu taħt is-servizzi universali jew dawk li jirrigwardaw is-servizzi postali kollha – jirreferi għaliha dan is-subparagrafu.

22

Il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, sa fejn il-kelma “awtorizzazzjonijiet” li huwa juża ma tirreferix speċifikament għas-sistema msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u lanqas għal dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, ta’ dan, ma jippermettix, bħala tali, li jiġi ddeterminat jekk l-obbligi elenkati fl-inċiżi differenti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), ta’ din id-direttiva jirrigwardawx is-servizzi postali kollha jew dawk is-servizzi biss li jaqgħu taħt is-servizz universali.

23

Fit-tieni lok, mill-analiżi tal-istruttura kollha tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li l-obbligi previsti f’din id-dispożizzjoni setgħu jiġu imposti, skont l-obbligu kkonċernat, kemm fuq il-fornituri li jipprovdu servizz universali jew servizz meqjus bħala tali biss, kif ukoll fuq il-fornituri kollha tas-servizzi postali.

24

Fil-fatt, minn naħa, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, jipprevedi espressament li l-obbligi u r-rekwiżiti li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri ta’ servizz universali indikati fis-sens tal-artikolu tal-istess direttiva.

25

Barra minn hekk, it-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva. Kif inhi fformulata, huwa ċar li din id-dispożizzjoni ma tkoprix espressament il-fornituri ta’ servizz universali. Madankollu, mill-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu tali fond hija marbuta mal-possibbiltà li għandhom li jintroduċu mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali peress li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu piż inġust fuq il-fornituri. Fuq kollox, jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6, dwar l-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi postali li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz universali fil-każ li fih huwa previst fond ta’ kumpens, li sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi jistgħu jintalbu jikkontribwixxu għal dan il-fond, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-servizzi li huma jipprovdu jistgħux, mill-perspettiva tal-utent, jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali.

26

Min-naħa l-oħra, it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-osservanza ta’ rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti. Fin-nuqqas ta’ ċarezza dwar is-servizzi kkonċernati minn dan l-obbligu, għandu jiġi enfasizzat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li mix-xogħol preparatorju dwar id-Direttiva 2008/6 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni mhux biss li jneħħi l-aħħar ostakoli għall-ftuħ sħiħ tas-suq għal ċerti fornituri ta’ servizzi postali, iżda wkoll l-ostakoli l-oħra kollha għall-provvista ta’ servizzi postali. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja u fid-dawl tan-natura tal-obbligu inkwistjoni, jidher għalhekk li l-fornituri kollha tas-servizzi postali jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu msemmi fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67.

27

Bl-istess mod, il-ħames inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol previsti fid-dritt nazzjonali. Kif sostna ġustament il-Gvern Awstrijak, interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni – fis-sens li huma kkonċernati biss il-fornituri tas-servizz universali – ma tistax tiġi aċċettata peress li l-Artikolu 9(1) ta’ din id-Direttiva jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali – li jirragwardaw servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizz universali – għall-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fil-punt 19 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jinkludu l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti fid-dritt nazzjonali.

28

Għalhekk, mill-analiżi tal-istruttura kollha tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li l-kelma “awtorizzazzjonijiet” f’din id-dispożizzjoni tirreferi kemm għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu kif ukoll dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu.

29

Fit-tielet lok, rigward l-obbligu speċifiku ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli għas-settur postali, imsemmi fir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, u li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-attivitajiet li jaqgħu fuq l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jirrigwardaw is-settur postali kollu u mhux biss il-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali.

30

Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew iktar għas-settur postali. Huwa minnu li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li dawn l-awtoritajiet għandhom il-kompitu li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ sorveljanza u proċeduri regolamentari sabiex jiżguraw il-provvista tas-servizz universali. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-istess awtoritajiet jistgħu jkunu responsabbli li jiżguraw l-osservanza tal-liġi tal-kompetizzjoni għas-settur postali kollu.

31

Għalhekk, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn ir-rwol u l-kompiti mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kienu intiżi mill-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex ikunu ta’ benefiċċju għall-operaturi kollha tas-settur postali, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornituri kollha tas-servizzi postali jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ dawn l-awtoritajiet.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li r-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornituri kollha tas-settur postali, inkluż fuq dawk li ma jipprovdux servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali, l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli għal dan is-settur.

Fuq it-tieni domanda

33

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonjiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornituri kollha tas-settur postali, inkluż fuq dawk li ma jipprovdux servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali, l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli għal dan is-settur.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq