Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0313

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
Eco-Emballages SA et vs Sphère France SAS et u Melitta France SAS et vs Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l'Énergie.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de commerce de Paris u Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 94/62/KE – Artikolu 3 – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Kunċett – Rollijiet, tubi jew ċilindri li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli (“Mandrini”) – Direttiva 2013/2/UE – Validità – Modifika mill-Kummissjoni Ewropea tal-lista ta’ eżempji ta’ imballaġġ li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 94/62/KE – Ksur tal-kunċett ta’ ‘imballaġġ’ – Ksur tas-setgħat ta’ implementazzjoni.
Kawżi magħquda C-313/15 u C-530/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:859

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 94/62/KE — Artikolu 3 — Imballaġġ u skart mill-imballaġġ — Kunċett — Rollijiet, tubi jew ċilindri li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli (“Mandrini”) — Direttiva 2013/2/UE — Validità — Modifika mill-Kummissjoni Ewropea tal-lista ta’ eżempji ta’ imballaġġ li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 94/62/KE — Ksur tal-kunċett ta’ ‘imballaġġ’ — Ksur tas-setgħat ta’ implementazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑313/15 u C‑530/15,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de commerce de Paris (France) (qorti kummerċjali ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2015 u mill-Conseil d’État (France) (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2015, fil-proċeduri

Eco-Emballages SA

vs

Sphère France SAS,

Carrefour Import SAS,

SCA Tissue France SAS,

Melitta France SAS,

SCA Hygiène Products SAS,

Wepa France SAS, li kienet Wepa Troyes SAS,

Industrie Cartarie Tronchetti SpA,

Industrie Cartarie Tronchetti Ibérica, SL,

Cofresco Frischhalteprodukte GmbH & Co. KG,

Kimberly-Clark SAS,

Gopack SAS,

Délipapier SAS,

Scamark SAS,

CMC France SARL,

Schweitzer SAS,

Paul Hartmann SA,

Wepa France SAS, li kienet Wepa Lille SAS,

Système U Centrale Nationale SA,

Industrie Cartarie Tronchetti France SAS,

fil-preżenza ta’:

Group’Hygiène syndicat professionnel (C‑313/15)

u

Melitta France SAS,

Cofresco Frischhalteprodukte GmbH & Co. KG,

Délipapier SAS,

Gopack SAS,

Industrie Cartarie Tronchetti SpA,

Industrie Cartarie Tronchetti Ibérica, SL,

Kimberly-Clark SAS,

Wepa France SAS, li kienet Lucart France,

Paul Hartmann SA,

SCA Hygiène Products SAS,

SCA Tissue France SAS,

Group’Hygiène syndicat professionnel

vs

Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie,

fil-preżenza ta’:

Industrie Cartarie Tronchetti France SAS (C‑530/15),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Eco-Emballages SA, minn L. Koehler-Magne, avukat,

għal Délipapier SAS, Gopack SAS, Industrie Cartarie Tronchetti SpA, Industrie Cartarie Tronchetti Ibérica SL, Industrie Cartarie Tronchetti France SAS, Kimberly-Clark SAS, Wepa France SAS, li kienet Lucart France, Paul Hartmann SA, SCA Hygiène Products SAS, SCA Tissue France SAS, CMC France SARL u Group’Hygiène syndicat professionnel, minn N. Chahid-Nouraï, J.-M. Leprêtre u C. Boillot, avukati,

għal Melitta France SAS u Cofresco Frischhalteprodukte GmbH & Co. KG, minn H. Weil u A. de Lalande, avukati,

għal Système U Centrale Nationale SAS, minn A. Gossement, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Traband kif ukoll minn S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Sanfrutos Cano, F. Simonetti u S. Petrova kif ukoll minn C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 94/62”), kif ukoll dwar il-validità tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/2/UE, tas-7 ta’ Frar 2013, li temenda l-Anness I tad-Direttiva 94/62 (ĠU 2013, L 37, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/2”).

2

It-talba fil-Kawża C‑313/15 tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eco‑Emballages SA u Sphère France SAS, Carrefour Import SAS, SCA Tissue France SAS, Melitta France SAS, SCA Hygiène Products SAS, Wepa France SAS, li kienet Wepa Troyes SAS, Industrie Cartarie Tronchetti SpA, Industrie Cartarie Tronchetti Ibérica SL, Cofresco Frischhalteprodukte GmbH & Co. KG, Kimberly-Clark SAS, Gopack SAS, Délipapier SAS, Scamark SAS, CMC France SARL, Schweitzer SAS, Paul Hartmann SA, Wepa France SAS, li kienet Wepa Lille SAS, Système U Centrale Nationale SA, Industrie Cartarie Tronchetti France SAS, rigward ir-rifjut, minn dawn tal-aħħar, li jħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta għar-riċiklaġġ ta’ artikoli li huma qiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Jannar 2007 u li huma kkunsidrati bħala prodotti għall-imballaġġ minn Eco-Emballages.

3

It-talba fil-Kawża C‑530/15 tressqet fil-kuntest tar-rikors għal eċċess ta’ poter ippreżentat minn Melitta France SAS, Cofresco Frischhalteprodukte GmbH & Co. KG, Délipapier SAS, Gopack SAS, Industrie Cartarie Tronchetti SpA, Industrie Cartarie Tronchetti Ibérica SL, Kimberly-Clark SAS, Wepa France SAS, Paul Hartmann SA, SCA Hygiène Products SAS, SCA Tissue France SAS kif ukoll minn Group’Hygiène syndicat professionnel mid-digriet tal-ministru tal-ekoloġija, tal-iżvilupp sostenibbli u tal-enerġija, tas-6 ta’ Awwissu 2013, li jemenda d-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, dwar l-eżempji ta’ applikazzjoni tal-kriterji li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “imballaġġ” iddefiniti fl-Artikolu R. 543‑43 tal-kodiċi dwar l-ambjent (JORF tas-27 ta’ Awwissu 2013, p. 14487, iktar ’il quddiem id-“digriet tas-6 ta’ Awwissu 2013”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva

1)

’l-imballaġġ’ għandu jfisser il-prodotti kollha magħmula minn kull materjal tkun xi tkun in-natura tiegħu sabiex jintużaw għaż-żamma, il-protezzjoni, l-immaniġġjar, it-twassil u l-preżentazzjoni tal-merkanzija, minn materja prima sa prodotti pproċessati, mill-produttur sa l-utent jew il-konsumatur. Il-prodotti li mhumiex maħsubin sabiex jerġgħu jinġabru li jiġu wżati għall-istess skopijiet għandhom jitqiesu bħala imballaġġ ukoll.

L-imballaġġ’ jikkonsisti biss fi-:

a)

imballaġġ għall-bejgħ jew imballaġġ primarju, jiġifieri l-imballaġġ maħsub sabiex jikkostitwixxi unità ta’ bejgħ lill-utent jew lill-konsumatur finali fil-post fejn jinxtara;

b)

imballaġġ ta’ prodotti fi gruppi jew imballaġġ sekondarju, jiġifieri l-imballaġġ maħsub sabiex jikkostitwixxi fil-post fejn jinxtara gruppi ta’ ċertu numru ta’ unitajiet tal-bejgħ kemm jekk dawn ta’ l-aħħar jiġu mibjugħa b’dan il-mod lill-utent jew lill-konsumatur finali kemm jekk iservu biss bħala mezz biex jimtlew l-ixkafef fil-post tal-bejgħ; jista’ jitneħħa mill-prodott mingħajr ma jaffettwa l-karatteristiċi tiegħu;

ċ)

imballaġġ għat-trasport jew imballaġġ terzjarju, jiġifieri l-imballaġġ maħsub sabiex jiġu mħeffa l-immaniġġjar u t-trasport ta’ numru ta’ unitajiet tal-bejgħ jew imballaġġ ta’ prodotti fi gruppi sabiex ma ssirx ħsara mill-immaniġġjar fiżiku u waqt it-trasport. L-imballaġġ tat-trasport ma jinkludix il-kontejners li jinġarru fuq il-vetturi ta’ l-art, fuq il-ferrovija, fuq il-bastimenti jew fuq l-ajruplani;

Id-definizzjoni ta’ ‘ippakkjar’ għandha tiġi bażata wkoll fuq il-kriterji stabbiliti hawn taħt. L-oġġetti msemmija f’Anness I huma eżempji illustrati ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

i)

L-oġġetti għandhom jiġu konsidrati bħala ippakkjar jekk jaderixxu mad-definizzjoni hawn fuq imsemmija mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet oħra li jista’ jagħmel l-ippakkjar, [ħlief jekk] l-oġġett [ikun] parti integrali ta’ prodott u huwa neċessarju li dak il-prodott jinżamm, jiġi sostnut jew priservat fit-tul taż-żmien tiegħu u l-elementi kollha huma intiżi li jintużaw, jiġu ikkonsmati jew mormija flimkien.

ii)

L-oġġetti mfassla u ntiżi biex jimtlew fil-ħin tal-bejgħ tagħhom u l-oġġetti li ma jerġgħux jintużaw li jkunu mibjugħa, mimlija jew mfassla u intiżi biex jimtlew fil-ħin tal-bejgħ tagħhom għandhom jiġu ikkonsidrati bħala ippakkjar sakemm jaderixxu mal-funzjoni ta’ ippakkjar.

iii)

Komponenti ta’ l-ippakkjar u elementi anċillari integrati fl-ippakkjar għandhom jiġu konsidrati bħala parti mill-ippakkjar li huma mdaħħla fih. L-elementi anċillari mdendla direttament fuq, jew imwaħħla mal-prodott u li jwettqu funzjoni ta’ l-ippakkjar għandhom jiġu konsidrati bħala ippakkjar kemm-il darba m’humiex parti integrali ta’ dan il-prodott u l-elementi kollha huma intiżi biex jiġu konsmati u mormija flimkien.

Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21, teżamina u, fejn meħtieġ, tirrevedi l-eżempji illustrati mogħtija f’Anness I dwar id-definizzjoni ta’ ippakkjar. L-oġġetti li ġejjin għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità: Kaxxi ta’ CDs u videos, qsari, tubi u ċilindri mdawra b’materjal flessibli, karta approprjata għal tikketti bi twaħħil proprju u karta għat-tgeżwir […]”

5

Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2013/2 jippreċiżaw:

“(2)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ ‘imballaġġ’, huwa meħtieġ li tirrevedi u temenda l-lista ta’ eżempji illustrattivi sabiex tikkjarifika l-każijiet addizzjonali fejn il-linja ta’ demarkazzjoni bejn x’inhuwa imballaġġ u x’ma huwiex, għadha mhix ċara. Ir-reviżjoni ssegwi sejħiet mill-Istati Membri u mill-operaturi ekonomiċi sabiex issaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva u toħloq opportunitajiet indaqs fis-suq intern.

[…]

(4)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 21 tad-Direttiva [94/62] ma tax opinjoni dwar [il-miżuri stabbiliti f’din id-Direttiva] u l-Kummissjoni għalhekk issottomettiet lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri u bagħtitha lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill ma aġixxix fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn ipprovdut permezz tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124)] u għalhekk il-Kummissjoni ressqet il-proposta quddiem il-Parlament Ewropew mingħajr dewmien. Il-Parlament Ewropew ma opponiex il-miżura fi żmien erba’ xhur mit-tressiq imsemmi hawn fuq.”

6

L‑Anness I tad-Direttiva 94/62, intitolat “Eżempji illustrattivi għall-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(1)”, kif emendat bid-Direttiva 2013/2, jipprovdi:

“Eżempji illustrattivi għall-kriterju (i)

Imballaġġ

[…]

Rollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli (pereżempju film tal-plastik, aluminju, karta), għajr rollijiet, tubi u ċilindri intenzjonati bħala parts tal-makkinarju tal-produzzjoni u mhux biex jintużaw għall-preżentazzjoni ta’ prodott bħala unità ta’ bejgħ

[…]”

Id-dritt Franċiż

7

L-Artikolu L. 541-10‑II tal-kodiċi dwar l-ambjent jipprovdi:

“Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, il-produtturi, importaturi u distributuri [tal-prodotti li jiġġeneraw skart] jew tal-elementi u materjali li jintużaw fil-fabbrikazzjoni tagħhom huma obbligati li jipprevedu jew li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u għall-immaniġġjar ta’ skart li jinħoloq minnhom.

Il-produtturi, importaturi u distributuri, li fuqhom huwa impost l-obbligu msemmi iktar ’il fuq permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni, u bla ħsara għal dawn id-dispożizzjonijiet, iwettqu l-obbligu tagħhom billi jistabbilixxu sistemi individwali ta’ ġbir u ta’ trattament tal-iskart li jirriżulta mill-prodotti tagħhom jew billi kollettivament jistabbilixxu organi ekoloġiċi, organi li lilhom iħallsu kontribuzzjoni finanzjarja u jittrasferixxu l-obbligu tagħhom u li fir-rigward tiegħu jiżguraw l-amministrazzjoni. Produttur, importatur jew distributur li jkun stabbilixxa sistema individwali approvata ta’ ġbir u ta’ trattament tal-iskart jew organu ekoloġiku awtorizzat, meta jipprovdi l-immaniġġjar tal-iskart skont II ta’ dan l-artikolu, huwa l-possessur ta’ dan l-iskart fis-sens ta’ dan il-kapitolu.

[…]

L-organi ekoloġiċi huma awtorizzati mill-Istat għal tul massimu ta’ sitt snin li jiġġedded jekk jistabbilixxu li huma għandhom kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, stabbilit permezz ta’ digriet interministerjali, u wara opinjoni tal-korp rappreżentattiv tal-partijiet interessati tas-settur.

[…]”

8

L‑Artikolu L. 543-56 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Kull produttur, kull importatur, li l-prodotti tiegħu huma kkummerċjalizzati f’imballaġġ tan-natura ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu R. 543‑55 jew, jekk il-produttur jew l-importatur ma jistgħux jiġu identifikati, il-persuna responsabbli mill-ewwel tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, huwa obbligat li jikkontribwixxi jew li jipprovdi għall-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ tiegħu kollu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 2224‑13 sa L. 2224‑16 tal-kodiċi ġenerali tal-kollettivitajiet territorjali.”

9

L‑Artikolu R. 543‑43 tal-kodiċi dwar l-ambjent jipprovdi li:

“I.

Għall-applikazzjoni ta’ din is-subsezzjoni, it-terminu ‘imballaġġ’ għandu jinkludi kull oġġett, indipendentement min-natura ta’ materjali li jkun magħmul minnhom, użat sabiex jintuża għaż-żamma, għall-protezzjoni u għall-immaniġġjar tal-merkanzija, sabiex titwassal mill-produttur lill-konsumatur jew lill-utent jew sabiex tiġi ppreżentata. Il-prodotti li ‘ma humiex maħsubin sabiex jerġgħu jinġabru’ li jiġu użati għall-istess skopijiet għandhom jitqiesu bħala imballaġġ ukoll.

Id-definizzjoni ta’ ‘imballaġġ’ għandha tiġi bbażata wkoll fuq il-kriterji stabbiliti hawn taħt:

1.

L-oġġetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala imballaġġ jekk jikkorrispondu mad-definizzjoni hawn fuq imsemmija, bla ħsara għall-funzjonijiet oħra li l-imballaġġ jista’ wkoll ikollu, ħlief jekk l-oġġett ikun parti integrali ta’ prodott u jkun neċessarju sabiex dak il-prodott jinżamm, jiġi sostnut jew ippreżervat fiċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tiegħu u l-elementi kollha huma intiżi sabiex jintużaw, jiġu kkonsmati jew mormija flimkien;

[…]

Il-Ministru kompetenti għall-ambjent għandu jifformula, permezz ta’ digriet ministerjali, lista ta’ eżempji li jillustraw dawn il-kriterji.”

10

Id-digriet tas-6 ta’ Awwissu 2013, li emenda l-Artikolu 1 tad-digriet, tas-7 ta’ Frar 2012, dwar l-eżempji ta’ applikazzjoni tal-kriterji li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “imballaġġ” iddefiniti fl-Artikolu R. 543-43 tal-kodiċi dwar l-ambjent, jipprevedi:

“Skont il-kriterju i tal-punt I tal-Artikolu R. 543‑43 tal-kodiċi dwar l-ambjent, l-eżempji li ġejjin:

jikkostitwixxu imballaġġ:

[…]

ir-rollijiet, tubi u ċilindri li jitkebbeb magħhom materjal flessibbli (pereżempju: film tal-plastik, aluminju, karta), għajr rollijiet, tubi u ċilindri intenzjonati bħala partijiet minn makkinarju tal-produzzjoni u mhux biex jintużaw għall-preżentazzjoni ta’ prodott bħala unità ta’ bejgħ.”

Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kawża C‑313/15

11

Il-kumpannija Eco-emballages hija organu ekoloġiku awtorizzat mill-Istat u li għandha s-setgħa tikkonkludi, mal-impriżi li jqiegħdu imballaġġ fis-suq Franċiż, kuntratti li permezz tagħhom hija tissodisfa l-obbligu tagħhom li jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ domestiku, permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni kkalkolata skont in-numru ta’ imballaġġ imqassam u l-piż tal-materjal involut.

12

Fix-xahar ta’ Jannar 2013, Eco-emballages bdiet proċeduri legali kontra l-impriżi konvenuti fil-kawża prinċipali, sabiex tikseb, abbażi tal-Artikolu R. 543‑43 tal-kodiċi dwar l-ambjent, li jittrasponi d-Direttiva 94/62 fl-ordinament ġuridiku Franċiż, il-ħlas minn dawn tal-aħħar tal-kontribuzzjonijiet fuq il-mandrini fil-forma ta’ rollijiet, tubi jew ċilindri li jitkebbu magħhom ċertu numru ta’ prodotti flessibbli mibjugħa lill-konsumaturi, bħall-filmijiet tal-plastik, folji tal-aluminju jew karta iġjenika jew assorbenti, li huma kkummerċjalizzaw mill-1 ta’ Jannar 2007.

13

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali madankollu jsostnu li dawn il-mandrini ma kinux jikkorrispondu mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “imballaġġ”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62. B’mod partikolari, huma sostnew, l-ewwel nett, li t-terminu stess “imballaġġ” jirreferi neċessarjament għal kwalunkwe ħaġa ħlief li tgeżwer, tal-inqas l-estern tal-prodott u, it-tieni nett, li tali mandrin ma jinkludix u lanqas ma jipproteġi l-prodott, peress li ma jikkostitwixxix tgeżwira esterna, iżda komponent intern tiegħu. Fit-tielet lok, dawn sostnew, li sa dakinhar qatt ma ġie kkunsidrat li l-mandrin seta’ jikkostitwixxi imballaġġ, fin-nuqqas preċiżament ta’ imballaġġ tal-prodott, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dibattiti parlamentari relatati mal-adozzjoni tad-Direttiva 2004/12. Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva 2013/2 li, bħal ma jfakkar il-preambolu tagħha, la ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill, tikkostitwixxi biss gwida illustrattiva stipulata unikament mill-Kummissjoni Ewropea.

14

Filwaqt li kkonkludew li l-klassifikazzjoni ta’ tali mandrini bħala imballaġġ bl-ebda mod ma saret unanimament, uħud mill-konvenuti fil-kawża prinċipali konsegwentement stiednu lit-Tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi, Franza) sabiex jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari intiża sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 kellux jiġi interpretat bħala li jinkludi dawn il-mandrini.

15

Il-qorti tar-rinviju, wara li fakkret il-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, sussegwentement ikkonstatat li d-Direttiva 2013/2, li kienet emendat biss l-Anness I tad-Direttiva 94/62, kienet ġiet approvata unikament mill-Kummissjoni, peress li l-kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 94/62 ma kienx ta opinjoni u billi l-Kunsill, li ma kienx iddeċieda dwar il-proposta mressqa mill-Kummissjoni, ikkunsidra li din kienet sempliċement illustrattiva, li ma kellhiex in-natura definittiva tal-artikoli ta’ direttiva u li għalhekk hija ma biddlitx id-definizzjoni ġenerali tal-imballaġġ.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ imballaġġ kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva [94/62] jinkludi l-‘mandrini’ (rollijiet, tubi, ċilindri) li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli, bħall-karta u folji tal-plastik, mibjugħin lill-konsumatur?”

Il-Kawża C‑530/15

17

B’att ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għal eċċess ta’ poter intiż għall-annullament tad-digriet tas-6 ta’ Awwissu 2013 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (France) (kunsill tal-istat, Franza).

18

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-digriet tas-6 ta’ Awwissu 2013 jittrasponi d-Direttiva 2013/2 fid-dritt Franċiż billi jintegra, fil-lista tal-eżempji ta’ imballaġġ, il-mandrini kif iddefiniti minnha, li l-kumpannija Eco-Emballages bdiet proċeduri legali quddiem it-Tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi) fix-xahar ta’ Jannar 2013, kontra diversi kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet dovuti għall-mandrini tal-istess tip bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑313/15, li jinkludu ċerti prodotti li huma jikkummerċjalizzaw u li din il-qorti, permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, għamlet id-domanda preliminari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, riprodotta fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, lill-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għad-domanda magħmula mit-Tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi) fil-Kawża C‑313/15, il-kumpanniji rikorrenti jikkontestaw il-validità tad-Direttiva 2013/2, billi jsostnu li, billi inkludiet tali mandrini fost l-eżempji ta’ imballaġġ, din id-direttiva kisret il-kunċett ta’ “imballaġġ” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, u eċċediet il-portata tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[J]ekk bil-fatt li inkludiet ‘il-mandrini’ (rollijiet, tubi, ċilindri) li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli bħall-karta u folji tal-plastik, mibjugħin lill-konsumatur fost l-eżempji ta’ imballaġġ, id-Direttiva [2013/2] kisritx il-kunċett ta’ imballaġġ kif ġie ddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva [94/62] u eċċedietx il-portata tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetenzi [setgħat] ta’ implementazzjoni tagħha?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2015, il-Kawżi C‑313/15 u C‑530/15 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari fil-Kawża C‑313/15

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 għandux jiġi interpretat fis-sens li mandrini fil-forma ta’ roll, tubu jew ċilindru, li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli, mibjugħa lill-konsumaturi, jikkostitwixxu “imballaġġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

23

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 94/62 b’mod partikolari għandha bħala għan li tipprevjeni jew li tnaqqas l-effett tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ fl-ambjent tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi u għalhekk sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, billi imponiet b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru tal-imballaġġ kif ukoll tal-iskart mill-imballaġġ. Għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha u skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 94/62 tkopri l-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea u l-iskart mill-imballaġġ kollu.

24

Isegwi li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kunċett ta’ imballaġġ għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C‑341/01, EU:C:2004:254, punti 5657).

25

Għandu sussegwentement jitfakkar li, sabiex jikkostitwixxi imballaġġ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, artikolu għandu, minn naħa, jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C‑341/01, EU:C:2004:254, punt 47) u, min-naħa l-oħra, jikkorrispondi mal-kriterji elenkati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

26

Għalhekk, fl-ewwel lok, sabiex jikkostitwixxi “imballaġġ” fis-sens tad-Direttiva 94/62, prodott għandu, minn naħa, ikun intiż, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għaż-żamma u għall-protezzjoni tal-merkanzija speċifika, għall-manutenzjoni u għat-trasport tagħha mill-produttur għall-konsumatur jew għall-utent, u sabiex tiġi żgurata l-preżentazzjoni tagħha. It-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni tindika, minbarra dan, li l-artikoli kollha “li ma humiex maħsubin sabiex jerġgħu jinġabru” użati għall-istess skopijiet għandhom jitqiesu bħala imballaġġ.

27

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-funzjonijiet possibbli tal-imballaġġ ma humiex elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, b’mod kumulattiv (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C‑341/01, EU:C:2004:254, punt 49).

28

Tali prodott għandu, min-naħa l-oħra, jaqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji ta’ imballaġġ elenkati u ddefiniti fl-ittri (a) sa (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, jiġifieri l-imballaġġ għall-bejgħ, l-imballaġġ ta’ prodotti fi gruppi jew imballaġġ għat-trasport.

29

Fit-tieni lok, skont il-punt (i) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, artikolu li jikkorrispondi mad-definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ imballaġġ li hemm riferiment għalih fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ dan l-istess Artikolu 3(1) għandu jitqies bħala imballaġġ, ħlief jekk ikun parti integrali ta’ prodott, ikun neċessarju sabiex dak il-prodott jinżamm, jiġi sostnut jew ippreżervat fiċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tiegħu u l-elementi kollha huma intiżi sabiex jintużaw, jiġu kkonsmati jew mormija flimkien.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mit-termini stess ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li t-tliet kriterji negattivi li hija telenka huma kumulattivi. Konsegwentement, unikament l-artikoli li, filwaqt li jikkorrispondu mad-definizzjoni pożittiva tal-imballaġġ, jissodisfaw dawn it-tliet kriterji simultanjament ma humiex ikkunsidrati bħala imballaġġ, fis-sens tad-Direttiva 94/62.

31

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-mandrini, li huma artikoli li jitkebbu madwarhom prodotti flessibbli, bħall-filmijiet tal-plastik, folji tal-aluminju jew il-karta iġjenika jew assorbenti, jikkorrispondu mad-definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ imballaġġ stabbilit fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 u li ma jissodisfawx il-kriterji tad-definizzjoni negattiva ta’ dan il-kunċett, stabbiliti fil-punt (i) tat-tielet subparagrafu ta’ dan l-istess artikolu.

32

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li tali mandrini ma humiex iddestinati sabiex iżommu dawn il-prodotti, xorta jibqa’ l-fatt li jissodisfaw kemm funzjonijiet ta’ sostenn u ta’ rukkell ta’ dawn il-prodotti flessibbli u għalhekk funzjonijiet ta’ protezzjoni kif ukoll preżentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62.

33

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mandrin jiżgura lill-prodott flessibbli li jitkebbeb miegħu protezzjoni interna, li toffrilu konsistenza li tippermetti l-preżentazzjoni tiegħu filwaqt li tiffaċilita t-trasport u l-użu tiegħu. Minbarra dan, il-mandrin huwa artikolu “li ma huwiex maħsub sabiex jerġa’ jinġabar” fis-sens ta’ din it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), ladarba prodott flessibbli imkebbeb miegħu jiġi eżawrit.

34

Barra minn hekk, sa fejn il-mandrin huwa kkonċepit b’mod li mal-prodott flessibbli imkebbeb miegħu jikkostitwixxi unità għall-konsumatur fil-punt ta’ bejgħ, huwa jikkorrispondi mad-definizzjoni tal-imballaġġ primarju prevista fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62.

35

It-tieni nett, għalkemm huwa veru li tali mandrini, fid-dawl tal-funzjonijiet ta’ sostenn u ta’ rukkell tagħhom tal-prodotti flessibbli imkebba magħhom, huma neċessarji sabiex isostnu dawn il-prodotti matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom kollu, xorta jibqa’ l-fatt li ma jissodisfawx il-kriterji tad-definizzjoni negattiva stabbiliti fil-punt (i) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62. Fil-fatt, kuntrarjament għall-boroż tat-te jew il-kapsula ta’ doża ta’ kafè, iċċitati fl-Anness I tad-Direttiva 94/62 bħala eżempji ta’ artikoli li ma jikkostitwixxux imballaġġ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-mandrin ma jagħmilx parti integrali mill-prodott flessibbli li għalih iservi bħala sostenn u bħala rukkell u li ma huwiex iddestinat sabiex jiġi kkonsmat jew eliminat miegħu, iżda bil-kontra jibqa’ jeżisti u għandu jintrema ladarba dan il-prodott jiġi eżawrit.

36

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar lok, li l-interpretazzjoni li l-mandrini jikkostitwixxu imballaġġ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 hija kkonfermata bl-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Direttiva 2013/2, li emendat l-Anness I tad-Direttiva 94/62, li llum tiċċita r-“[r]ollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli” fil-lista ta’ eżempji ta’ imballaġġ li jikkorrispondu mal-kriterju ddefinit fil-punt (i) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62.

37

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandrini fil-forma ta’ roll, tubu jew ċilindru, li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli, mibjugħin lill-konsumaturi, jikkostitwixxu “imballaġġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq id-domanda preliminari fil-Kawża C‑530/15

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sussidjarjament tistaqsi, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑313/15 jekk, meta adottat id-Direttiva 2013/2, li tinkludi l-mandrini fost l-eżempji ta’ imballaġġ imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 94/62, il-Kummissjoni kisritx il-kunċett ta’ “imballaġġ”, kif iddefinit fl-Artikolu 3 ta’ din l-aħħar direttiva, u eċċediet il-portata tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha skont is-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha.

39

Fir-rigward tar-risposta affermattiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑313/15, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑530/15.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif emendata bid-Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li mandrini fil-forma ta’ roll, tubu jew ċilindru, li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli, mibjugħin lill-konsumaturi, jikkostitwixxu “imballaġġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq