Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0149

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016.
    Sabrina Wathelet vs Garage Bietheres & Fils SPRL.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d'appel de Liège.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ’ – Intermedjarju – Ċirkustanzi eċċezzjonali.
    Kawża C-149/15.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:840

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 1999/44/KE — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘bejjiegħ’ — Intermedjarju — Ċirkustanzi eċċezzjonali”

    Fil-Kawża C‑149/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

    Sabrina Wathelet

    vs

    Garage Bietheres & Fils SPRL,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President ta’ Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u G. Goddin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2)(c) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti [għal]l-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sabrina Wathelet u garage Bietheres & Fils SPRL (iktar ’il quddiem il-“garaxx Bietheres”) dwar il-bejgħ ta’ vettura użata.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 9 tad-Direttiva 1999/44 tipprevedi kif ġej:

    “[…] l-bejjiegħ għandu jkun responsabbli direttament lill-konsumatur għall-konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; billi din hija s-soluzzjoni tradizzjonali minquxa fl-ordnijiet legali ta’ l-Istati Membri; billi madankollu l-bejjiegħ għandu jkun ħieles, kif hemm provdut għalih fil-liġi nazzjonali, li jsegwi rimedji kontra l-produttur, bejjiegħ minn qabel fl-istess katina ta’ kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, sakemm-il darba ma jkunx irrinunzja dak l-intitolament; billi din id-Direttiva ma taffettwax il-prinċipju ta’ ħelsien tal-kuntratt bejn il-bejjiegħ, il-produttur, bejjiegħ ta’ qabel jew kull intermedjarju ieħor; billi r-regoli li jirregolaw kontra min u kif il-bejjiegħ għandu jsegwi dawn ir-rimedji għandhom ikun determinati fil-liġi nazzjonali”.

    4

    l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/44 jipprevedi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.”

    5

    Skont l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 il-kunċett ta’ “bejjiegħ” ifisser “għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.

    6

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 1999/44 jipprevedi:

    “Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.”

    7

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ rimedju”, jipprevedi:

    ‘‘Fejn il-bejjiegħ finali huwa responsabbli lill-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn att jew ommissjoni mill-produttur, bejjiegħ ta’ qabel fl-istess katina ta’ kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, il-bejjiegħ finali għandu jkun intitolat li jfittex rimedji kontra l-persuna jew persuni responsabbli fil-katina kontrattwali. Il-persuna jew persuni responsabbli kontra min il-bejjiegħ finali jista’ jfittex ir-rimedji, flimkien ma’ l-azzonijiet rilevanti u kondizzjonijiet ta’ eżerċizzju għandhom ikunu determinati skond il-liġi nazzjonali.”

    8

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/44, intitolat “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”, jipprevedi:

    “1.   Id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu eserċitati mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra li l-konsumatur jista’ jinvoka skond ir-regoli nazzjonali li jirregolaw responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

    Id-dritt Belġjan

    9

    L-Artikolu 1649a tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

    “1. Din is-sezzjoni hija applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum minn bejjiegħ għall-konsumatur.

    2. għall-applikazzjoni ta’ din is-sezzjoni:

    […]

    (2) ‘bejjiegħ’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li jbigħ jew li joffri għall-bejgħ prodotti li huma fl-ambitu ta’ attività kummerċjali jew professjonali tiegħu”

    Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari

    10

    Fix-xahar ta’ April 2012, S. Wathelet, bħala konsumatur, xtrat vettura użata mingħand il-garaxx Bietheres. Is-somma ta’ EUR 4000, li jikkorrispondi għall-prezz ta’ bejgħ, tħallset minn S. Wathelet lill-imsemmi garaxx. Dan tal-aħħar ma kkonsenjax lil S. Wathelet la riċevuta, la prova tal-pagament u lanqas fattura ta’ bejgħ.

    11

    Il-garaxx Bietheres ressaq, għas-spejjeż tiegħu, l-imsemmija vettura mill-kontroll tekniku. Huwa ressaq ukoll talba għar-reġistrazzjoni lill-awtorità Belġjana kompetenti, li l-ispejjeż tagħha kienu tħallsu minn S. Wathelet.

    12

    Fix-xahar ta’ Lulju 2012, filwaqt li S. Wathelet baqgħet ma rċevitx il-fattura, il-vettura inkwistjoni waqfet u ttieħdet għand il-garaxx Bietheres bil-għan li tissewwa. Il-garaxx kien sab ħsara fil-magna.

    13

    Meta S. Wathelet iddeċidiet li tirkupra l-vettura tagħha msewwija, ġiet ippreżentata lilha fattura relatata mal-ispejjeż tat-tiswija fl-ammont ta’ EUR 2000. Hija rrifjutat li tħallas minħabba li l-imsemmija spejjeż kellhom jiġu mħallsa mill-garaxx Bietheres bħala l-bejjiegħ ta’ din il-vettura.

    14

    F’din l-okkażjoni S. Wathelet ġiet informata li l-vettura tagħha qatt ma kienet proprjetà tal-imsemmi garaxx li ma biegħhiex f’ismu stess, iżda f’isem Donckels, li hija sempliċiment individwu. Il-garaxx Bietheres żvolġa biss ir-rwol ta’ intermedjarju.

    15

    Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li Donckels ma kinitx irċeviet l-ammont li jikkorrispondi għall-prezz tal-bejgħ sħiħ, peress li l-garaxx Bietheres żamm is-somma ta’ EUR 800 għat-tiswijiet imwettqa bil-għan li jqiegħed il-vettura għall-bejgħ.

    16

    Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2012, indirizzata lil S. Wathelet, il-garaxx Bietheres ikkonferma r-rwol tiegħu ta’ intermedjarju fil-bejgħ inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa kkonferma li l-ħsara fil-magna kienet tikkostitwixxi riskju normali fil-kuntest tax-xiri ta’ vettura użata bejn individwi. Għaldaqstant, huwa ppersista fir-rifjut tiegħu li jagħti lura l-vettura lil S. Wathelet sa meta titħallas kompletament il-fattura ta’ tiswija. Il-garaxx Bietheres hemeż mal-ittra tiegħu riċevuta tas-somma EUR 4000, miktuba bl-idejn, bl-isem u l-kunjom tal-proprjetarju mhux professjonista u tax-xerrej, S. Wathelet, madankollu, dan id-dokument fih biss il-firma ta’ Donckels.

    17

    Fix-xahar ta’ Diċembru 2012, il-garaxx Bietheres ħarrek lil S. Wathelet quddiem it-tribunal de première instance de Verviers (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verviers, il-Belġju) għall-ħlas tal-fattura ta’ tiswija ta’ EUR 2000, flimkien mal-interessi legali.

    18

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-tribunal de première instance de Verviers (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verviers), S. Wathelet ressqet kontrotalba fejn talbet ir-rexxissjoni tal-bejgħ tal-vettura flimkien mar-restituzzjoni tas-somma ta’ EUR 4000 imħallsa minnha, flimkien mal-interessi u l-ħlas ta’ danni fl-ammont ta’ EUR 2147.46. Barra minn hekk, S. Wathelet ikkontestat il-fondatezza tat-talbiet ifformulati mill-garaxx Bietheres.

    19

    It-tribunal de première instance de Verviers (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verviers) ikkundannat lil S. Wathelet għall-ħlas tal-fattura ta’ tiswija, flimkien mal-interessi, filwaqt li ċaħdet il-kontrotalba ta’ S. Wathelet. Hija appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    20

    Din il-qorti kkonstatat li S. Wathelet kienet “konsumatur” fis-sens tal-kodiċi ċivili u li l-vettura kienet “oġġett ta’ konsum” fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-garaxx Bietheres kien ibiegħ oġġetti tal-konsum fil-kuntest tal-attività professjonali jew kummerċjali tiegħu.

    21

    Għal-kuntrarju, il-garaxx Bietheres ikkontesta, li huwa jifforma parti mill-kuntratt ta’ bejgħ ikkontestat, filwaqt li enfasizza li l-proprjetarju tal-vettura inkwistjoni Donckels, kienet qiegħditha f’depożitu fl-istabbiliment tiegħu li għaldaqstant dan huwa bejgħ minn individwu lil individwu.

    22

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu preżunzjonijiet gravi, preċiżi u konkordanti li S. Wathelet ma kinitx ġiet li dan kien bejgħ minn individwu lil individwu.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti:

    “Il-kunċett ta’ “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda bl-istess mod professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur bil-fatt li l-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ huwa individwu, dan il-fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-interpretazzjoni preċedenti ma tiddependix fuq il-punt ta’ jekk l-intermedjarju huwa rremunerat jew ma huwiex irremunerat għall-intervent tiegħu?”

    Fuq id-domanda preliminari

    24

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-fajl tal-proprjetarja tal-vettura użata inkwistjoni jirriżulta li kienet Donckels u mhux il-garaxx Bietheres u li, konsegwentement, dan huwa bejgħ bejn individwu lil individwu, u li l-garaxx Bietheres serva biss bħala intermedjarju.

    25

    Barra minn hekk, ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju li l-prezz tal-bejgħ, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tiswija għat-tqegħid għall-bejgħ tal-vettura inkwistjoni, ġiet ittrasferita lill-proprjetarja tal-vettura. Barra dan, xejn fil-fajl ma jwassal għall-konklużjoni li l-garaxx Bietheres ma kienx ġie awtorizzat, mill-proprjetarja ta’ din il-vettura, sabiex ibigħha.

    26

    Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, il-garaxx Bietheres intervjena bħala professjonist fil-bejgħ ta’ oġġett ta’ konsum, billi aġixxa f’isem il-proprjetarja tal-imsemmi oġġett, li min-naħa tagħha kienet sempliċi individwu li awtorizzat dan il-bejgħ.

    27

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur li jkun xtara oġġett ta’ konsum jibbenefikax mill-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 1999/44 fis-sens li l-intermedjarju jista’ jitqies bħala bejjiegħ fis-sens tal-imsemmija direttiva.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan id-dritt ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C‑34/10, EU:C:2011:669, punt 25, u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium, C‑494/14, EU:C:2015:692, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Sa fejn l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bejjiegħ” mingħajr ma jagħmel ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda t-tifsira ta’ dan il-kunċett, l-imsemmija dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala li fiha kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

    30

    Barra dan, għalkemm il-kelma “bejjiegħ” tidher f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-definizzjoni speċifika stabbilita bl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 tinsab f’din id-direttiva biss. Għalhekk, kif rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-Konklużjonijiet tiegħu, dan huwa kunċett uniku li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva, kif ukoll fid-dawl tal-funzjoni partikolari tal-“bejjiegħ” fil-kuntest tal-imsemmija direttiva.

    31

    L-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jiddefinixxi “bejjiegħ” bħala “kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.

    32

    Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “bejjiegħ”, hekk iddefinit, għandu karattru oġġettiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 21, u d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, C‑74/15, Tarcâu,EU:C:2015:772, punt 27) li huwa bbażat fuq elementi bħalma huma l-eżistenza ta’ “kuntratt”, il-bejgħ ta’ “oġġett ta’ konsum” u l-eżistenza “sengħa, negozju jew professjoni”.

    33

    Huwa minnu li dan il-kunċett ma jirreferix għal dik ta’ intermedjarju. B’mod iktar ġenerali, id-Direttiva 1999/44 ma fihiex definizzjoni tal-kunċett ta’ “intermedjarju” minkejja li din tidher fil-premessa 9 kif ukoll fl-Artikolu 4 ta’ din direttiva. Ukoll din tal-aħħar ma għandhiex, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ bejgħ, bħala suġġett ir-responsabbiltà tal-intermedjarju fir-rigward tal-konsumatur.

    34

    Jibqa’ l-fatt li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-Konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni ma teskludix per se li l-kunċett ta’ “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jinkludi professjonist li qed jaġixxi f’isem individwu fejn hu, mill-perspettiva tal-konsumatur konsumatur bħala bejjiegħ ta’ oġġett tal-konsum skont kuntratt fil-kuntest tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu. Fil-fatt, dan il-professjonist jista’ joħloq konfużjoni f’moħħ il-konsumatur billi jwasslu lil dan tal-aħħar li jaħseb b’mod żbaljat li qed jaġixxi bħala bejjiegħ proprjetarju tal-oġġett.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, li topponi din l-interpretazzjoni.

    36

    It-tieni nett, li għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, fid-dawl tal-għan tagħha li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Duarte Hueros, C‑32/12, EU:C:2013:637, punt 25), tikkorrobora l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni msemmija fil-punt 34.

    37

    Fil-fatt, skont l-Artikoli 2(1) u skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, il-bejjiegħ huwa obbligat li jikkonsenja lill-konsumatur oġġett li jikkonforma mal-kuntratt ta’ bejgħ u, f’każ ta’ konformità, li jsewwieh jew jissostitwixxieh, konformement mal-paragrafu 3 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva tillimita ċ-ċirku ta’ persuni li kontra tagħhom il-konsumatur jista’ jaġixxi sabiex isostni d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din direttiva. Konsegwentement, l-għarfien mill-konsumatur tal-identità tal-bejjiegħ u b’mod partikolari tal-kwalità tiegħu ta’ individwu jew ta’ professjonist, huwa imperattiv sabiex jippermetti lil dan tal-aħħar li jibbenefika mill-protezzjoni li tagħti d-Direttiva 1999/44.

    38

    Għaldaqstant, jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, professjonist jintervjeni bħala intermedjarju għal individwu, in-nuqqas ta’ għarfien tal-konsumatur f’dak li jirrigwarda l-kwalità li permezz tagħha l-professjonist jintervjeni fil-bejgħ, iċaħħdu mid-drittijiet tiegħu ggarantiti mid-Direttiva 1999/44 li għandhom natura vinkolanti skont l-Artikolu 7(1) tagħha.

    39

    F’dan ir-rigward, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-konsumatur fil-kuntest tad-Direttiva 1999/44, huwa imperattiv li dan il-konsumatur ikun infurmat li l-proprjetarju huwa individwu. Din l-interpretazzjoni tippermetti li tingħata effettività lill-imsemmija direttiva u hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fil-fehma tagħha s-sistema ta’ protezzjoni implementata bid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-professjonist f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 42).

    40

    Fil-fatt, jeżisti nuqqas ta’ ekwilibriju sinjifikattiv, fil-qasam tal-informazzjoni, bejn il-konsumatur u l-intermedjarju professjonali, b’mod partikolari meta l-konsumatur ma jkunx infurmat bil-fatt li l-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ huwa, fir-realtà, individwu.

    41

    Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li fihom il-konsumatur jista’ jitwassal faċilment għal żball inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet li fihom ikun seħħ il-bejgħ, hemm lok li tingħata protezzjoni msaħħa lil dan tal-aħħar. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ, skont id-Direttiva 1999/44, għandha tkun tista’ tiġi imposta fuq l-intermedjarju li, billi jippreżenta lilu nnifsu lill-konsumatur, joħloq riskju ta’ konfużjoni f’moħħu, billi jwasslu li jemmen fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-oġġett mibjugħ.

    42

    L-interpretazzjoni opposta li teskludi fi kwalunkwe każ lill-professjonist li jkun qed jaġixxi bħala intermedjarju mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 tippreġudika l-għan globali imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u stabbilit bl-Artikolu 169 TFUE, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, konsegwentement, il-fiduċja tal-konsumaturi.

    43

    It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-intermedjarju għall-intervent tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din ir-remunerazzjoni, billi hija s-suġġett tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-proprjetarju mhux professjonist u l-intermedjarju, bħala prinċipju, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44. Għalhekk, kif irrilevaw l-Gvern Awstrijaku u l-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li l-professjonist li jkun qed jaġixxi bħala intermedjarju jiġi rremunerat jew ma jiġix irremunerat għall-intervent tiegħu ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar għandux jiġi kklassifikat bħala “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44.

    44

    Hija l-qorti nazzjonali li hija kompetenti li tivverifika jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-professjonist jista’ jitqies bħala l-“bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, meta ma jkunx debitament informa lill-konsumatur ma huwiex il-proprjetarju tal-oġġett inkwistjoni, u dan jimplika, min-naħa ta’ din il-qorti, teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punti 3839). Jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-grad ta’ parteċipazzjoni u l-intensità tal-isforzi mill-intermedjarju fil-bejgħ, iċ-ċirkustanzi li fihom l-oġġett ikun ġie ppreżentat lill-konsumatur konsumatur kif ukoll l-aġir ta’ dan tal-aħħar, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan setax jifhem li l-intermedjarju kienx qed jaġixxi f’isem l-individwu.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-kunċett ta’ “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirrigwarda bl-istess mod professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur xerrej bil-fatt li l-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ huwa individwu, dan il-fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-interpretazzjoni preċedenti ma tiddependix fuq il-punt ta’ jekk l-intermedjarju huwa rremunerat jew ma huwiex irremunerat għall-intervent tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    46

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-kunċett ta’ “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda bl-istess mod professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur bil-fatt li l-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ huwa individwu, dan il-fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-interpretazzjoni preċedenti ma tiddependix fuq il-punt ta’ jekk l-intermedjarju huwa rremunerat jew ma huwiex irremunerat għall-intervent tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq