Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0611

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2016.
    Proċeduri kriminali kontra Canal Digital Danmark A/S.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Retten i Glostrup.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prattiki kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Artikoli 6 u 7 – Reklamar dwar abbonament għat-televiżjoni bis-satellita – Prezz tal-abbonament li jinkludi, minbarra l-ammont mensili tal-abbonament, ammont ta’ kull sitt xhur għall-karta meħtieġa sabiex jinfetħu x-xandiriet – Prezz tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ommess jew ippreżentat b’mod inqas apparenti minn dak tat-tariffa fissa mensili – Azzjoni qarrieqa – Ommissjoni qarrieqa – Traspożizzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva biss fix-xogħol preparatorju tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni u mhux fit-test stess ta’ din il-liġi.
    Kawża C-611/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:800

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prattiki kummerċjali żleali — Direttiva 2005/29/KE — Artikoli 6 u 7 — Reklamar dwar abbonament għat-televiżjoni bis-satellita — Prezz tal-abbonament li jinkludi, minbarra l-ammont mensili tal-abbonament, ammont ta’ kull sitt xhur għall-karta meħtieġa sabiex jinfetħu x-xandiriet — Prezz tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ommess jew ippreżentat b’mod inqas apparenti minn dak tat-tariffa fissa mensili — Azzjoni qarrieqa — Ommissjoni qarrieqa — Traspożizzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva biss fix-xogħol preparatorju tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni u mhux fit-test stess ta’ din il-liġi”

    Fil-Kawża C‑611/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Retten i Glostrup (qorti ta’ Glostrup, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2014, fil-proċeduri kriminali kontra

    Canal Digital Danmark A/S,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Canal Digital Danmark A/S, minn M. Hopp, advokat,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

    għall-Gvern Norveġiż, minn T. Skjeie u I. Jansen, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Clausen u D. Roussanov, bħala aġenti,

    – għall-Gvern Norveġiż, minn T. Skjeie u I. Jansen, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra Canal Digital Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Canal Digital”) dwar il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ pakketti ta’ programmi tat-televiżjoni permezz ta’ abbonament implementati minn din il-kumpannija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2005/29

    3

    Il-premessi 5, 6, 11, 12, 14 u 18 tad-Direttiva 2005/29 jiddikjaraw:

    “(5)

    Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju, l-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sakemm dawn ifittxu li jipproteġu l-għanijiet ta’ l-interess pubbliku rikonoxxuti u jkunu proporzjonati għal dawk l-għanijiet. Fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u fil-liġi Komunitarja sekondarja dwar il-libertà tal-moviment, u skond il-politika tal-Kummissjoni dwar komunikazzjonijiet kummerċjali kif indikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘Is-segwitu għall-Green Paper dwar Komunikazzjonijiet Kummerċjali fis-Suq Intern’, dawn l-ostakli għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell Komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.

    (6)

    Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. […]

    [...]

    (11)

    Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi [...]

    […]

    (12)

    L-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċ[janti]. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ[janti] ser ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi kummerċjali żleali fl-UE. L-effett għandu jkun li jiġu eliminati l-ostakli li joħorġu mit-tifrik tar-regoli dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lil interessi ekonomiċi tal-konsumatur, u għandu jkun tali li jippermetti l-kisba tas-suq intern f’dan il-qasam.

    […]

    (14)

    Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, [li, billi jqarrqu bil-konsumatur,] iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. B’konformità mal-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa. Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata. Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva. L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri. [...]

    […]

    (18)

    Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali [...] Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] L-eżami [kunċett] tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29 :

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

    5

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    ċ)

    ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz [...]

    d)

    ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

    e)

    ‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;

    [...]

    i)

    ‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

    [...]

    k)

    ‘deċiżjoni transazzjonali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni”.

    6

    Skont l-Artikolu 5 tad-direttiva 2005/29:

    “1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

    2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

    a)

    hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

    u

    b)

    toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

    [...]

    4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

    a)

    jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

    [...]”

    7

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “L-Azzjonijiet Qarrieqa”, jipprovdi:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq [jew tista’ tqarraq] bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

    [...]

    d)

    il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

    [...]”

    8

    Skont l‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 2004/29, intitolat “L-Ommissjonijiet Qarrieqa”:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża [jew tista’ tikkawża] li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

    2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

    3.   Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

    4.   F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

    a)

    il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz [ta’ komunikazzjoni użat] u l-prodott;

    b)

    l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

    ċ)

    il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

    d)

    l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;

    e)

    għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

    5.   Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”

    Id-dritt Daniż

    9

    Id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fid-dritt Daniż permezz tal-lov nr. 1547 om ændring af lov om markedsføring (Gennemførelse af direktivet om urimelig handelspraksis, kontrolundersøgelser m.v.) [Liġi Nru 1547 li temenda l-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ (li tittrasponi d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, il-verifiki, eċċ)], tal-20 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“Liġi li temenda l-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ”)..

    10

    L-Artikolu 3 tal-markedsføringslov (Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ”), jipprovdi:

    “Kummerċjant la jista’ juża indikazzjonijiet qarrieqa jew ineżatti u lanqas ma’ jista’ jħalli barra informazzjoni sostanzjali jekk dawn il-prattiki joħolqu bidla sostanzjali fl-imġiba ekonomika fis-suq tal-konsumaturi jew ta’ kummerċjanti oħra.

    Huma pprojbiti l-prattiki kummerċjali li l-kontenut, il-forma jew il-metodi implementati tagħhom ikunu qarrieqa, aggressivi jew jeżerċitaw influwenza mhux ġustifikata fuq il-konsumaturi jew fuq kummerċjanti oħra u li joħolqu bidla sostanzjali fl-imġiba fis-suq tagħhom.

    Il-veraċità tal-indikazzjonijiet dwar elementi fattwali għandha tkun tista’ tiġi stabbilita.

    Il-Ministru tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp huwa responsabbli sabiex jispeċifika l-prattiki partikolari tal-kummerċ li l-forma tagħhom għandha fi kwalunkwe każ, skont id-dritt tal-Unjoni, titqies li hija irraġonevoli fil-konfront tal-konsumaturi.”

    11

    Id-dikjarazzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi Nru L 2 tal-4 ta’ Ottubru 2006, li wassal għall-adozzjoni tal-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ, jipprovdi:

    “L-Artikoli 6, 7, 8 u 9 tad-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali], għandhom jiġu inkorporati f’redazzjoni ġdida tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Artikolu 3 dwar il-prattiki kummerċjali qarrieqa u mhux ġustifikati kif ukoll permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda li jintegraw ir-rekwiżiti tad-Direttiva f’termini ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ stediniet għax-xiri li jkunu indirizzati lill-konsumaturi.”

    12

    Skont ix-xogħol preparatorju tal-imsemmija liġi, dwar l-abbozz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, li wassal għar-redazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ:

    “L-ommissjonijiet jistgħu jikkonsistu fin-nuqqas ta’ żvelar min-naħa tal-kummerċjant ta’ ċerta informazzjoni jew fil-preżentazzjoni tagħha b’mod mhux preċiż, b’mod li ma jinftihemx, b’mod ambigwu jew, b’mod iktar ġenerali, b’mod inadegwat. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk hijiex involuta ommissjoni sostanzjali, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-prattika kummerċjali inkwistjoni, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet marbuta mal-mod ta’ komunikazzjoni użat. Fl-istess waqt, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex din l-informazzjoni tkun aċċessibbli permezz ta’ forom oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, din tista’ tkun informazzjoni essenzjali li l-ommissjoni tagħha, fi kwalunkwe każ, tkun qarrieqa, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ħin u ta’ spazju dovuti għall-mezzi użati għar-reklamar. Id-deċiżjoni finali dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx ksur ser tiddependi, bħalma hija s-sitwazzjoni attwali, minn evalwazzjoni konkreta tal-prattika kummerċjali inkwistjoni.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Canal Digital hija impriża stabbilita fid-Danimarka, li tipprovdi programmi tat-televiżjoni lill-konsumaturi, b’mod partikolari fil-forma ta’ pakketti.

    14

    Din il-kumpannija tressqet quddiem ir-Retten i Glostrup (qorti ta’ Glostrup, id-Danimarka) minħabba li, f’sitt okkażjonijiet fil-kuntest ta’ kampanja pubbliċitarja dwar abbonamenti, imwettqa fil-ħarifa tal-2009, kienet kisret, b’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ.

    15

    Skont dik il-qorti, din il-kampanja kienet tikkonsisti f’żewġ reklami mxandra fuq it-televiżjoni u fuq l-internet, kif ukoll fi tliet banners pubbliċitarji mxandra fuq l-internet, b’mod partikolari fuq il-paġna prinċipali tas-sit internet ta’ Canal Digital.

    16

    Il-prezz tal-imsemmija abbonamenti kien kompost, minn naħa, minn tariffa fissa mensili ta’ 99 krona Daniżi (DKK) (madwar EUR 13.30) jew ta’ DKK 149 (madwar EUR 20) u, min-naħa l-oħra, minn tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ta’ DKK 389 (madwar EUR 52.30) għal “servizz ta’ karta”.

    17

    Fiż-żewġ reklami mxandra fuq it-televiżjoni u fuq l-internet, l-ammont tat-tariffi fissi mensili kien iddikjarat oralment u kien indikat f’ċirku kif ukoll f’test muri fil-parti ta’ isfel tal-iskrin. Ebda informazzjoni dwar is-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur ma ngħatat oralment. L-ammont tat-tariffa fissa marbuta ma’ dan is-“servizz ta’ karta” kien jidher fit-test muri fil-parti ta’ isfel tal-iskrin, li kien jindika wkoll l-ammont totali tan-nefqa għall-konsumatur fir-rigward tal-ewwel sena ta’ abbonament (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-impenn”). Il-prezz totali li kellu jitħallas mill-abbonat għall-perijodu tal-impenn, li jinkludi s-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur, kien indikat ukoll fiċ-ċirku li kien jidher fuq l-iskrin, b’karattri iżgħar minn dawk tal-ammont tat-tariffa fissa mensili, iżda ma kienx jissemma fir-reġistrazzjoni awdjo tar-reklam. It-test li jindika s-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur u l-prezz totali li kellu jitħallas fir-rigward tal-perijodu tal-impenn, li kien jidher b’karattri ta’ daqs iżgħar fil-parti ta’ isfel tal-iskrin, intwera għal iktar żmien miċ-ċirku, għal madwar sitt sekondi. Fir-reklam li kien jindika l-prezz ta’ DKK 99, il-prezz tat-tariffa fissa mensili kien indikat fiċ-ċirku, b’karattri madwar erba’ darbiet ikbar minn dawk tat-test li kien jidher fil-parti ta’ isfel tal-iskrin. Dan it-test tal-aħħar kien ta’ kulur abjad u parti minnu, b’mod partikolari dwar is-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur, kien jidher fuq sfond ċar. Fir-reklam li kien jindika l-prezz ta’ DKK 149, il-prezz tat-tariffa fissa mensili li kien indikat fiċ-ċirku kien muri b’karattri ta’ madwar 1.5 ikbar minn dawk tat-test li kien jidher fil-parti ta’ isfel tal-iskrin. Dan it-test tal-aħħar kien jidher b’karattri bojod fuq sfond blu u aħdar.

    18

    F’wieħed mill-banners pubbliċitarji, il-prezz tat-tariffa fissa mensili, jiġifieri DKK 99, kien muri f’ċirku. F’dan iċ-ċirku kien jidher ukoll, b’karattri iżgħar, il-prezz totali li l-konsumatur kien ser ikollu jħallas għall-perijodu tal-impenn. Is-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur ma kienx jissemma. Meta jagħfas fuq dan il-banner pubbliċitarju, il-konsumatur seta’ jikseb informazzjoni supplimentari dwar l-abbonament, b’mod partikolari fuq l-imsemmi “servizz ta’ karta”.

    19

    Iż-żewġ banners pubbliċitarji l-oħra kienu jindikaw biss il-prezz tat-tariffa fissa mensili, jiġifieri DKK 99. Meta jagħfas fuq il-banner pubbliċitarju, il-konsumatur kien jittieħed fuq il-paġna prinċipali tas-sit internet ta’ Canal Digital, fejn seta’ jikseb informazzjoni supplimentari dwar l-abbonament, b’mod partikolari dwar is-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur.

    20

    L-aħħar każ li wassal għall-proċeduri kontra Canal Digital jikkonċerna l-paġna prinċipali tas-sit internet ta’ Canal Digital. F’din il-paġna l-abbonamenti kienu ppreżentati taħt it-titolu “il-pakkett ta’ televiżjoni diġitali b’HDTV l-inqas għoli fid-Danimarka”. Inkonnessjoni ma’ dan it-test kien jidher ċirku madwar l-indikazzjoni tal-prezz, jiġifieri DKK 99. Taħt din l-indikazzjoni, b’karattri ta’ daqs iżgħar, kien indikat il-prezz totali li kellu jitħallas għall-perijodu tal-impenn. Informazzjoni dwar is-“servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur kienet tidher ftit iktar l-isfel fuq din il-paġna prinċipali, b’karattri differenti u ta’ daqs iżgħar, kif ukoll, dejjem iktar l-isfel, taħt it-titolu “kundizzjonijiet tal-offerta”. Hawnhekk kien indikat ukoll il-prezz totali li kellu jitħallas għall-perijodu tal-impenn, li kien jinkludi l-imsemmi “servizz ta’ karta”.

    21

    Fis-sitt każijiet imsemmija iktar ’il fuq, infetħu, quddiem il-qorti tar-rinviju, proċeduri minħabba ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ kontra Canal Digital, għar-raġuni li din tal-aħħar ma kinitx informat lill-konsumaturi b’mod suffiċjentement preċiż dwar il-fatt li, mat-tariffa fissa mensili ta’ DKK 99 jew DKK 149, kellu jiżdied abbonament għal “servizz ta’ karta” ta’ kull sitt xhur li kien jammonta għal DKK 389.

    22

    L-imsemmija qorti, li tosserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2005/29 ma ġewx riprodotti fil-Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ, iżda kienu ssemmew biss fid-dikjarazzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li wassal għall-adozzjoni ta’ din il-liġi, għandha dubji dwar il-konformità ta’ din tal-aħħar mal-imsemmija direttiva.

    23

    Peress li qieset, barra minn hekk, li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tal-istess direttiva, ir-Retten i Glostrup (qorti ta’ Glostrup) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-[Direttiva 2005/29] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi skema nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-[Liġi dwar il-prattiki tal-kummerċ], li tipprojbixxi l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ stedina għax-xiri, iżda li fir-rigward tagħha la l-imsemmi Artikolu 3, u l-ebda dispożizzjoni oħra, ma jsemmu l-limiti previsti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li jipprovdi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt fejn prattika kummerċjali teskludi informazzjoni sostanzjali li l-konsumatur medju għandu bżonn, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali b’għarfien tal-kundizzjonijiet kollha involuti, kif ukoll mill-Artikolu 7(3) tagħha, li jipprovdi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti ta’ spazju jew ta’ żmien imposti bil-mezz ta’ komunikazzjoni użat?

    2)

    L-Artikolu 6 tad-[Direttiva 2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kummerċjant għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament fuq terminu indeterminat b’tali mod li l-konsumatur għandu jħallas kemm somma kull xahar u somma kull sitt xhur, din il-prattika titqies li hija qarrieqa jekk il-prezz tas-somma li għandha titħallas kull xahar jiġi partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tas-somma li għandha titħallas kull sitt xhur huwa totalment eskluż jew jintwera b’mod inqas apparenti?

    3)

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kummerċjant għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament fuq terminu indeterminat b’tali mod li l-konsumatur għandu jħallas kemm somma kull xahar u somma kull sitt xhur, ikun hemm esklużjoni qarrieqa fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7 jekk il-prezz tas-somma li għandha titħallas kull xahar jiġi partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tas-somma li għandha titħallas kull sitt xhur huwa totalment eskluż jew jintwera b’mod inqas apparenti?

    4)

    Fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk prattika kummerċjali, bħal dik deskritta fit-tieni u fit-tielet domandi, tkun[x] qarrieqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija prattika:

    a)

    tindika l-prezz totali tal-abbonament għall-perijodu ta’ impenn, inkluża s-somma li għandha titħallas kull sitt xhur,

    u/jew

    b)

    tikkonsisti f’riklami jew pubbliċità fuq l-internet b’ħolqa lejn is-sit tal-kummerċjant fejn jinsabu indikazzjonijiet dwar is-somma li għandha titħallas kull sitt xhur u/jew il-prezz totali tal-abbonament li jinkludi dak tas-somma li għandha titħallas kull sitt xhur?

    5)

    Il-fatt li l-kummerċjalizzazzjoni ssir permezz ta’ reklami televiżivi għandu effett fuq ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi?

    6)

    L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva [2005/29] jelenka b’mod limitat [eżawrjenti] l-informazzjoni sostanzjali li għandha tintwera fi stedina għax-xiri?

    7)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-sitt domanda, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva [2005/29] jeskludi li stedina għax-xiri, li tindika l-prezz totali li l-konsumatur għandu jħallas għall-ewwel sena tal-abbonament (perijodu ta’ impenn) tista’ titqies bħala prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) jew tal-Artikolu 6 tad-Direttiva [2005/29], pereżempju jekk hija tagħti informazzjoni dwar ċerti elementi tal-prezz iżda mhux kollha?

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk prattika kummerċjali għandhiex titqies li hija ommissjoni qarrieqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmija prattika, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin imposti mill-mezz ta’ komunikazzjoni użat, u dan anki meta tali rekwiżit ma jirriżultax espliċitament mill-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata.

    25

    Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2005/29 hija intiża li tistabbilixxi, konformement mal-premessi 5 u 6 tagħha kif ukoll mal-Artikolu 1 tagħha, regoli uniformi dwar il-prattiki kummerċjali żleali min-naħa tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 51).

    26

    B’hekk, din id-direttiva twettaq armonizzazzjoni kompleta tal-imsemmija regoli fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, kif jipprovdi espliċitament l-Artikolu 4 tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-imsemmija direttiva, lanqas sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 52).

    27

    Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxi l-qafas tal-evalwazzjoni tal-prattiki kummerċjali, filwaqt li jispeċifika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmija prattiki kif ukoll il-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin imposti mill-mezz ta’ komunikazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk għandhomx jitqiesu li huma prattiki jew ommissjonijiet qarrieqa.

    28

    Għaldaqstant, jidher li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li ma hemmx lok, sabiex jiġi evalwat jekk prattika kummerċjali għandhiex titqies li hija ommissjoni qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din il-prattika, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin imposti mill-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-prattika kummerċjali kif ukoll kull miżura meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur permezz ta’ mezzi oħra, ma tissodisfax ir-rekwiżiti imposti minn din id-direttiva.

    29

    Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali ma ssemmix espliċitament li hemm lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-prattika kummerċjali inkwistjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din tal-aħħar u, b’mod iktar speċifiku, il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet marbuta mal-mod ta’ komunikazzjoni użat, il-qorti tar-rinviju madankollu tindika li d-dikjarazzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li tittrasponi d-Direttiva 2005/29 jirreferi għal tali rekwiżit. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, il-Gvern Daniż sostna li x-xogħol preparatorju għandu status partikolari fit-tradizzjoni legali tar-Renju tad-Danimarka u tal-pajjiżi tal-Ewropa tat-Tramuntana, sa fejn il-qrati u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jagħtu importanza kbira lil dan ix-xogħol meta jkunu meħtieġa jinterpretaw att leġiżlattiv.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-obbligu, li jirriżulta minn direttiva, li jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir li jittieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha li jkunu ta’ natura li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jorbtu lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 26; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 51, kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30).

    31

    Fil-fatt, huma b’mod partikolari l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta, għall-individwi, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li għandhom jiżguraw l-effett sħiħ tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 52).

    32

    Barra minn hekk, meta tapplika d-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni adottata speċifikament sabiex jiġu implementati r-rekwiżiti ta’ direttiva, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex tkun konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31).

    33

    Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 114).

    34

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, adita b’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 u li toriġina minn fatti sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali intiżi speċjalment sabiex jittrasponu din id-direttiva, għandha tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod konformi mal-għanijiet tal-imsemmija direttiva (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 117, kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31).

    35

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk prattika kummerċjali għandhiex titqies li hija ommissjoni qarrieqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmija prattika, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet speċifiċi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-imsemmija prattika kummerċjali, il-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin imposti minn dan il-mezz ta’ komunikazzjoni kif ukoll kull miżura meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur permezz ta’ mezzi oħra, u dan anki meta dan ir-rekwiżit ma jirriżultax espliċitament mill-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata.

    Fuq it-tieni domanda

    36

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kummerċjant ikun għażel li jiffissa l-prezz ta’ ta’ abbonament b’tali mod li l-konsumatur ikollu jħallas kemm tariffa fissa mensili kif ukoll tariffa fissa ta’ kull sitt xhur, din il-prattika għandha titqies li hija azzjoni qarrieqa fil-każ li l-prezz tat-tariffa fissa mensili jkun partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ikun totalment ommess jew ikun ippreżentat b’mod inqas apparenti.

    37

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, hija meqjusa qarrieqa prattika kummerċjali li, b’xi kwalunkwe mod, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ġenerali tagħha, minn naħa, tqarraq jew tista’ tqarraq bil-konsumatur medju fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-aspetti elenkati f’din id-dispożizzjoni, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, il-prezz jew il-mod ta’ kalkolu tal-prezz, u, min-naħa l-oħra, twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu.

    38

    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-elementi li jikkostitwixxu prattika kummerċjali qarrieqa, kif jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni, huma essenzjalment espressi b’riferiment għall-konsumatur bħala d-destinatarju ta’ prattiki kummerċjali żleali (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, EU:C:2013:574, punt 43).

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti huwa dak tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u kawt, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 22). Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29, il-kunċett ta’ “konsumatur medju” ma huwiex kunċett statistiku u li, sabiex tiġi ddeterminata r-reazzjoni tipika ta’ dan il-konsumatur f’sitwazzjoni partikolari, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw il-ġudizzju tagħhom stess.

    40

    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi evalwat jekk prattiki kummerċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iqarrqux jew jistgħux iqarrqu bil-konsumatur medju fir-rigward tal-prezz, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk il-komunikazzjoni kummerċjali kkonċernata għandhiex l-effett li tissuġġerixxi lill-konsumatur medju prezz attraenti li, fl-aħħar mill-aħħar, irriżulta li kien qarrieqi.

    41

    F’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jista’ b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-fatt li l-offerti marbuta ma’ kanali tat-televiżjoni huma kkaratterizzati minn varjetà kbira ta’ proposti u ta’ kombinazzjonijiet ġeneralment strutturati ħafna, kemm f’termini ta’ profili ta’ spejjeż u kemm f’termini ta’ kontenut, bil-konsegwenza li jkun hemm nuqqas kbir ta’ simetrija fl-informazzjoni, li huwa ta’ natura li jħawwad lill-konsumatur.

    42

    Għandu jiġi speċifikat li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29, l-Artikolu 6(1) tagħha ma jagħmel ebda riferiment għal-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin marbuta mal-mezz ta’ komunikazzjoni użat. Għalhekk, minn dan għandu jiġi konkluż li r-restrizzjonijiet f’termini ta’ ħin li għalihom jistgħu jkunu suġġetti ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħalma huma r-reklami fuq it-televiżjoni, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura qarrieqa ta’ prattika kummerċjali fid-dawl tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

    43

    F’sitwazzjoni fejn il-prezz ta’ prodott, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2005/29, ikun strutturat f’diversi komponenti, fejn wieħed minnhom ikun partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li l-ieħor, li madankollu jikkostitwixxi element inevitabbli u prevedibbli tal-prezz, ikun totalment ommess jew jiġi ppreżentat b’mod inqas apparenti, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk din il-preżentazzjoni tistax twassal għal perċezzjoni żbaljata tal-offerta globali.

    44

    Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-konsumatur medju jista’ jieħu l-impressjoni żbaljata li prezz partikolarment vantaġġuż ikun qiegħed jiġi propost lilu, minħabba l-fatt li seta’ jemmen, b’mod żbaljat, li kien ser ikollu jħallas biss il-komponent tal-prezz enfasizzat, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

    45

    Konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, barra minn hekk, il-prattika kummerċjali kkonċernata għandha twassal jew għandha tkun tista’ twassal lill-konsumatur medju sabiex “jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, il-prezz huwa element determinanti f’moħħ il-konsumatur medju meta dan ikollu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali.

    47

    Meta l-prezz ikun maqsum f’diversi komponenti, huwa b’mod partikolari rilevanti, sabiex jiġi evalwat jekk il-prattika kummerċjali kkonċernata tistax twassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu, il-fatt li l-komponent ommess jew inqas viżibbli jirrappreżenta element mhux negliġibbli tal-prezz totali.

    48

    Fir-rigward tal-fatt li jissemma l-prezz totali tal-abbonament marbut mal-perijodu tal-impenn, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-preżentazzjoni ġenerali tal-prattiki kummerċjali kkonċernati u, b’mod partikolari, dik tal-prezz totali tal-abbonament, kinitx effettivament tippermetti lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali b’għarfien sħiħ tal-fatti jew jekk, għall-kuntrarju, ikkunsidrata fl-intier tagħha, il-komunikazzjoni kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx ta’ natura li toħloq perċezzjoni żbaljata tal-offerta. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk il-konsumatur medju kienx f’pożizzjoni li jifhem li s-sottoskrizzjoni ta’ abbonament kienet timplika spejjeż oħra minbarra dawk marbuta mat-tariffa fissa mensili.

    49

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kklassifikata bħala qarrieqa prattika kummerċjali li tikkonsisti fis-separazzjoni tal-prezz ta’ prodott f’diversi elementi u fl-enfasi ta’ wieħed minnhom, meta din il-prattika, minn naħa, tista’ tagħti lill-konsumatur medju l-impressjoni żbaljata li prezz vantaġġuż qiegħed jiġi propost lilu u, min-naħa l-oħra, tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevati kollha tal-kawża prinċipali. Madankollu, ir-restrizzjonijiet ta’ ħin li għalihom jistgħu jkunu suġġetti ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħalma huma r-reklami fuq it-televiżjoni, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa ta’ prattika kummerċjali fid-dawl tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

    Fuq it-tielet domanda

    50

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kummerċjant ikun għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament b’tali mod li l-konsumatur ikollu jħallas kemm tariffa fissa mensili u kemm tariffa fissa ta’ kull sitt xhur, din il-prattika għandha titqies li hija ommissjoni qarrieqa jekk il-prezz tat-tariffa fissa mensili jkun partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ikun totalment ommess jew jiġi ppreżentat b’mod inqas apparenti.

    51

    Għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 jagħmel distinzjoni bejn l-istediniet għax-xiri, iddefiniti fl-Artikolu 2(i) ta’ din id-direttiva, u l-prattiki kummerċjali l-oħra. Fil-fatt, filwaqt li l-prattiki kummerċjali kollha, inklużi l-istediniet għax-xiri, huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) sa (3) u (5) tal-imsemmija direttiva, huma biss il-prattika kummerċjali kklassifikati bħala stediniet għax-xiri li huma koperti mill-Artikolu 7(4) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299 , punt 24).

    52

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-komunikazzjonijiet kummerċjali inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala stediniet għax-xiri, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, filwaqt li jingħad li komunikazzjoni kummerċjali ma għandhiex neċessarjament ikollha mezz konkret ta’ xiri jew tidher fil-qrib ta’ tali mezz sabiex tikkostitwixxi stedina għax-xiri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 32).

    53

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, “[p]rattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

    54

    Skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali għandha titqies ukoll li hija ommissjoni qarrieqa meta l-kummerċjant jaħbi informazzjoni importanti li l-konsumatur ikollu bżonn jew jipprovdiha b’mod mhux ċar, b’mod li ma jinftihemx, b’mod ambigwu jew mhux fil-ħin adegwat, u meta għalhekk il-konsumatur ikun imwassal jew jista’ jkun imwassal sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu.

    55

    Sa fejn, bħala prinċipju, il-prezz huwa element determinanti f’moħħ il-konsumatur meta dan ikollu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali, il-prezz għandu jitqies li huwa informazzjoni neċessarja sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu tali deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti.

    56

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li prattika kummerċjali, ikklassifikata minn qabel bħala stedina għax-xiri, għandha tinkludi numru ta’ elementi ta’ informazzjoni kruċjali, li huma elenkati f’dan l-artikolu u li huma meqjusa li huma importanti, li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali b’għarfien sħiħ tal-fatti. Fl-assenza ta’ dawn l-elementi ta’ informazzjoni, li jinkludu l-prezz, stedina għax-xiri hija għalhekk meqjusa li hija qarrieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 24).

    57

    Kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-prattiki kummerċjali inkwistjoni humiex qarrieqa filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u kawt kif ukoll fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi.

    58

    Il-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) sa (4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29, il-kuntest fattwali tal-prattika kummerċjali inkwistjoni, il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat, għandha għalhekk tevalwa, każ b’każ, jekk l-ommissjoni ta’ informazzjoni importanti, bħalma huwa l-prezz, wasslitx jew tistax twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punti 525358).

    59

    B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li l-informazzjoni dwar il-prezz totali tal-abbonament għall-perijodu tal-impenn, għalkemm imsemmija fil-komunikazzjoni kummerċjali, ma kinitx moħbija jew ipprovduta b’mod mhux ċar, b’mod li ma jinftihemx, b’mod ambigwu jew mhux fil-ħin adegwat, b’tali mod li b’hekk ipprekludiet lill-konsumatur medju milli jifhem li s-sottoskrizzjoni għal abbonament kienet timplika spejjeż oħra minbarra dawk marbuta mat-tariffa fissa mensili u, għaldaqstant, milli jieħu deċiżjoni tranżazzjonali b’għarfien sħiħ tal-fatti.

    60

    Fir-rigward tal-użu ta’ reklam fuq it-televiżjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet ta’ ħin li għalihom huwa suġġett dan il-mezz ta’ komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 2(i) ta’ din id-direttiva, dwar l-istediniet għax-xiri, il-karatteristiċi tal-prodott għandhom ikunu indikati b’mod adegwat, skont il-mezz użat. Minn dan għalhekk jirriżulta li l-istess livell ta’ preċiżjoni fid-deskrizzjoni tal-prodott ma jistax ikun meħtieġ irrispettivament mill-forma – fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni, fuq mezzi elettroniċi jew fuq karta – tal-komunikazzjoni kummerċjali (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 45). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-anki l-ħin li jkollu l-konsumatur sabiex jevalwa l-informazzjoni kkomunikata lilu permezz ta’ reklam imxandar fuq it-televiżjoni huwa limitat.

    61

    Bl-istess mod, fir-rigward tar-riferiment lejn is-sit internet tal-kummerċjant fejn huwa indikat il-prezz tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk kinitx ommessa informazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ ħin tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll il-miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur permezz ta’ mezzi oħra.

    62

    Madankollu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29, moqri fid-dawl tal-għan segwit mill-imsemmija direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin imposti mill-mezz ta’ komunikazzjoni użat għandhom jiġu bbilanċjati man-natura u mal-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat, sabiex jiġi ddeterminat jekk għall-kummerċjant ikkonċernat kienx effettivament impossibbli li jinkludi l-informazzjoni inkwistjoni jew li jipprovdiha b’mod ċar, li jinftiehem u inekwivoku fil-komunikazzjoni inizjali.

    63

    Minn dan isegwi li, meta, fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott ikkonċernat u tal-limitazzjonijiet marbuta mal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, kien impossibbli li jiġu pprovduti l-elementi kollha ta’ informazzjoni importanti dwar dan il-prodott, il-prattika kummerċjali tista’ ssemmi biss uħud minn dawn l-elementi jekk il-kummerċjant jagħmel riferiment, fir-rigward tal-kumplament ta’ dawn l-elementi, għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi l-elementi ta’ informazzjoni importanti dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-imsemmi prodott, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħra, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.

    64

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kummerċjant ikun għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament b’tali mod li l-konsumatur ikollu jħallas kemm tariffa fissa mensili u kemm tariffa fissa ta’ kull sitt xhur, din il-prattika għandha titqies li hija ommissjoni qarrieqa fil-każ li l-prezz tat-tariffa fissa mensili jkun partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ikun totalment ommess jew jiġi ppreżentat b’mod inqas apparenti jekk tali ommissjoni twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet speċifiċi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll miżuri oħra effettivament meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed l-informazzjoni importanti dwar il-prodott għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.

    Fuq ir-raba ’ u l-ħames domandi

    65

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi.

    Fuq is-sitt u s-seba ’ domandi

    66

    Permezz tas-sitt u tas-seba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 jelenkax b’mod eżawrjenti l-elementi ta’ informazzjoni importanti li għandhom jinsabu fi stedina għax-xiri u, jekk ikun il-każ, jekk din id-dispożizzjoni teskludix lil tali stedina, li ssemmi l-prezz totali tal-abbonament għall-perijodu tal-impenn, milli tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali qarrieqa.

    67

    L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, dwar l-ommissjonijiet qarrieqa, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, fil-każ ta’ stedina għax-xiri, huma kkunsidrati li huma importanti, sakemm ma jirriżultawx diġà mill-kuntest, l-elementi ta’ informazzjoni elenkati f’dan il-paragrafu.

    68

    Moqri fid-dawl tal-premessa 14 tad-Direttiva 2005/29, li tiddikjara li, “[f]ir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata”, dan l-Artikolu 7(4) għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi lista eżawrjenti ta’ elementi ta’ informazzjoni li għandhom jitqiesu li huma importanti fil-kuntest ta’ stedina għax-xiri.

    69

    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva – applikabbli għall-istediniet għax-xiri – li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ ħin imposti mill-mezz ta’ komunikazzjoni użat, kif ukoll miżuri oħra meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299 , punti 6667).

    70

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, b’mod partikolari, li l-portata tal-informazzjoni dwar il-prezz għandha tiġi ddeterminata skont in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott iżda wkoll skont il-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-istedina għax-xiri u fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali eventwali mogħtija mill-kummerċjant (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 68).

    71

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat li l-fatt li l-kummerċjant jipprovdi, fi stedina għax-xiri, l-elementi ta’ informazzjoni kollha elenkati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 ma jeskludix lil din il-prattika kummerċjali milli tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva.

    72

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt u għas-seba’ domandi hija li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi lista eżawrjenti tal-elementi ta’ informazzjoni importanti li għandhom ikunu inklużi fi stedina għax-xiri. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kummerċjant ikkonċernat issodisfax id-dmir ta’ informazzjoni tiegħu filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott iżda wkoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-istedina għax-xiri u l-informazzjoni addizzjonali eventwalment mogħtija mill-imsemmi kummerċjant. Il-fatt li kummerċjant jipprovdi, fi stedina għax-xiri, l-informazzjoni kollha elenkata fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva ma jeskludix lil din l-istedina milli tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    73

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk prattika kummerċjali għandhiex titqies li hija ommissjoni qarrieqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmija prattika, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet speċifiċi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-imsemmija prattika kummerċjali, il-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin imposti minn dan il-mezz ta’ komunikazzjoni kif ukoll kull miżura meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur permezz ta’ mezzi oħra, u dan anki meta dan ir-rekwiżit ma jirriżultax espliċitament mill-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata.

     

    2)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kklassifikata bħala qarrieqa prattika kummerċjali li tikkonsisti fis-separazzjoni tal-prezz ta’ prodott f’diversi elementi u fl-enfasi ta’ wieħed minnhom, meta din il-prattika, minn naħa, tista’ tagħti lill-konsumatur medju l-impressjoni żbaljata li prezz vantaġġuż qiegħed jiġi propost lilu u, min-naħa l-oħra, tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevati kollha tal-kawża prinċipali. Madankollu, ir-restrizzjonijiet ta’ ħin li għalihom jistgħu jkunu suġġetti ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħalma huma r-reklami fuq it-televiżjoni, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa ta’ prattika kummerċjali fid-dawl tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

     

    3)

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kummerċjant ikun għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament b’tali mod li l-konsumatur ikollu jħallas kemm tariffa fissa mensili u kemm tariffa fissa ta’ kull sitt xhur, din il-prattika għandha titqies li hija ommissjoni qarrieqa fil-każ li l-prezz tat-tariffa fissa mensili jkun partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tat-tariffa fissa ta’ kull sitt xhur ikun totalment ommess jew jiġi ppreżentat b’mod inqas apparenti jekk tali ommissjoni twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet speċifiċi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll miżuri oħra effettivament meħuda mill-kummerċjant sabiex iqiegħed l-informazzjoni importanti dwar il-prodott għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.

     

    4)

    L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi lista eżawrjenti tal-elementi ta’ informazzjoni importanti li għandhom ikunu inklużi fi stedina għax-xiri. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kummerċjant ikkonċernat issodisfax id-dmir ta’ informazzjoni tiegħu filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott iżda wkoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-istedina għax-xiri u l-informazzjoni addizzjonali eventwalment mogħtija mill-imsemmi kummerċjant. Il-fatt li kummerċjant jipprovdi, fi stedina għax-xiri, l-informazzjoni kollha elenkata fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva ma jeskludix lil din l-istedina milli tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Fuq