EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0501

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2016.
EL-EM-2001 Ltd vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 10(3) – Artikoli 18 u 19 – Multa imposta fuq ix-xufier – Miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni, meħuda kontra l-impriża tat-trasport – Immobilizzazzjoni tal-vettura.
Kawża C-501/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:777

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bit-triq — Regolament (KE) Nru 561/2006 — Artikolu 10(3) — Artikoli 18 u 19 — Multa imposta fuq ix-xufier — Miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni, meħuda kontra l-impriża tat-trasport — Immobilizzazzjoni tal-vettura”

Fil-Kawża C‑501/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

EL-EM-2001 Ltd

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EL-EM-2001 Ltd, minn D. M. Irinkov, ügyvéd,

għan-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága, minn M. Daniné Égető u B. Gyenge, jogtanácsosok,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Szima, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn A. Joyce u L. Williams, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u E. Karlsson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Havas, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn T. Skjeie u B. Stankovic, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EL-EM-2001 Ltd u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága (Direttorat Ġenerali tad-Dwana u tal-Finanzi tar-Reġjun ta’ Dél-Alföld, l-Ungerija) dwar l-immobilizzazzjoni ta’ vettura tqila tal-merkanzija, li hija proprjetà ta’ EL-EM-2001 u li hija operata minn din tal-aħħar, sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ multa imposta fuq ix-xufier ta’ din il-vettura, li dak iż-żmien kien impjegat minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 3821/85

3

L-Artikolu 15(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal‑20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament Nru 561/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”), jipprovdi:

“Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i)

il-folji tar-rekords għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta’ qabel;

(ii)

il-card tax-xufier jekk dan ikollu waħda, u

(iii)

kull rekord manwali u karti stampati li jkunu saru matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta’ qabel kif meħtieġ taħt dan ir-Regolament u r-Regolament [...] Nru 561/2006.

Madankollu, wara l-1 ta’ Jannar 2008, il-perijodi ta’ ħin imsemmija f’(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel.

[...]”

Ir-Regolament Nru 561/2006

4

Skont il-premessi 17, 26 u 27 tar-Regolament Nru 561/2006:

“(17)

Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. Jagħmel dan prinċipalment permezz tad-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħin massimu ta’ sewqan kuljum, fil-ġimgħa u kull perijodu ta’ ġimagħtejn konsekuttivi, tad-disposizzjoni li tobbliga lix-xufier jieħu perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mill-inqas darba kull ġimagħtejn konsekuttivi u tad-disposizzjonijiet li jitolbu li taħt l-ebda ċirkustanza l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma jista’ jkun anqas minn perijodu mhux interrott ta’ disa’ sigħat. Peress li dawn id-disposizzjonijiet jiggarantixxu mistrieħ adegwat, u tenut kont ukoll ta’ l-esperjenza fil-prattiċi ta’ infurzar fl-aħħar snin, s-sistema ta’ kumpens għal perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma għadhiex aktar meħtieġa.

[...]

(26)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji. Il-possibilità li vettura tiġi immobilizzata fejn jinstab li hemm ksur serju għandha wkoll tkun inkluża fil-medda komuni ta’ miżuri miftuħa għall-Istati Membri. Id-disposizzjonijiet f’dan ir-Regolament dwar penali jew proċeduri ma għandhomx jaffettwaw ir-regoli nazzjonali dwar l-obbligu tal-prova.

(27)

Huwa mixtieq fl-interessi ta’ l-infurzar ċar u effettiv li jkunu żgurati disposizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà ta’ impriżi tat-trasport u tax-xufiera għal ksur ta’ dan ir-Regolament. Din ir-responsabbiltà tista’ twassal għal penali kriminali, ċivili jew amministrattivi skond kif ikun il-każ fl-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

6

L-Artikolu 10(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-disposizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u/jew l-ammont ta’ merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista’ jipperikola s-sigurtà fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-Regolament.

2.   Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b’tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw mar-Regolament [...] Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolament [...] Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament.

3.   Impriża tat-trasport hija responsabbli għal ksur li jsir mix-xufiera ta’ l-impriża, anki jekk il-ksur ikun sar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

Bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jżommu impriżi tat-trasport kompletament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu din ir-responsabbiltà kondizzjonali fuq il-ksur mill-impriża tal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kull prova li l-impriża tat-trasport ma tistax b’mod raġonevoli tinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar.”

7

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

8

L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament [...] Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament [jew] r-Regolament [...] Nru 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

2.   Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta’ dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiz terz.

Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:

li ma jkunx sar fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat, u

li jkun sar minn impriża stabbilita, jew minn xufier li għandu l-post ta’ l-impjieg tiegħu, fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz:

Stat Membru jista’, sa l-1 ta’ Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta’ l-impjieg tiegħu.

3.   Kull meta Stat Membru jibda proċeduri jew jimponi penali għal ksur partikolari għandu jagħti lix-xufier prova xierqa ta’ dan bil-miktub.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta’ penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta’ dan ir-Regolament jew ir-Regolament [...] Nru 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta’ xufiera li jkunu assoċjati ma’ impriżi.”

9

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi li:

“Sabiex jiġu ndirizzati każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li kien hemm ksur ta’ dan ir-Regolament, liema ksur ikun tali li ċertament ser jikkawża periklu fis-sigurtà tat-triq, huwa għandu jawtorizza l-awtorità kompetenti rilevanti sabiex twaqqaf il-vettura konċernata sakemm il-kawża tal-ksur tkun rettifikata. L-Istati Membri jistgħu jġiegħlu lis-sewwieq jieħu perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum. L-Istati Membri jistgħu wkoll fejn xieraq, jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja ta’ impriża, jekk l-impriża tkun stabbilita f’dak l-Istat Membru, jew jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tas-sewqan ta’ sewieq. Il-Kummissjoni li taġixxi bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) għandha tiżviluppa linji gwida bil-għan li jippromwovu applikazzjoni armonizzata ta’ dan l-Artikolu.”

Id-dritt Ungeriż

10

L-Artikolu 20 tal-közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény (Liġi Nru 1 tal-1988 dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq”) jipprovdi:

“(1)   Tista’ tiġi imposta multa fir-rigward ta’ kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet previsti f’din il-liġi, kif ukoll f’dispożizzjonijiet legali speċifiċi u f’atti tad-dritt Komunitarju, dwar

[...]

d)

l-użu ta’ tagħmir ta’ reġistrazzjoni u tad-diska takigrafika fil-qasam tat-trasport bit-triq, kif ukoll tal-karti neċessarji għat-takigrafi diġitali,

[…]

(7)   Fil-każ ta’ kontroll li jitwettaq fil-kuntest taċ-ċirkulazzjoni fit-triq, huwa possibbli, konformement mal-kundizzjonijiet dwar il-miżuri kawtelatorji previsti fil-liġi dwar dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-proċedura u mas-servizzi amministrattivi, li vettura tiġi immobilizzata – bla ħsara għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar l-interċettazzjoni ta’ spedizzjonijiet ta’ merkanzija perikoluża, ta’ prodotti tal-ikel li jmorru malajr u ta’ annimali ħajjin – matul il-proċedura amministrattiva jew anki sal-ħlas tal-multa jew tal-garanzija għal dejn pekunjarju, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni speċifika f’dan is-sens. Il-vettura b’mod partikolari ma tistax tiġi immobilizzata fil-każijiet fejn

a)

is-sede, id-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna (jew persuni) responsabbli għall-ħlas tal-multa jkun jinsab fit-territorju tal-Ungerija u fejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-multa jkollha numru fiskali jew kodiċi ta’ identifikazzjoni fiskali mogħti mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat, jew

b)

organu finanzjarju jkun garanti jew jagħti kawzjoni għall-osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-multa jew anki dan l-obbligu tieħu r-responsabbiltà għalih impriża li jkollha numru fiskali u li tkun irreġistrata fit-territorju nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-multa tagħti prova ta’ dan il-fatt b’mod sodisfaċenti matul il-proċedura.

(7a)   Sa fejn il-kontroll juri li xi waħda mir-regoli elenkati fil-paragrafu 1(c), (e) u (h) inkisret u sa fejn dan il-ksur jirrappreżenta riskju għas-sigurtà fit-triq, l-awtorità kompetenti tista’ timmobilizza l-vettura sakemm ir-riskju għas-sigurtà fit-triq jiġi fi tmiemu, konformement mal-kundizzjonijiet relatati mal-miżuri kawtelatorji previsti fil-liġi dwar dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-proċedura u mas-servizzi amministrattivi, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni speċifika f’dan is-sens.”

11

L-Artikolu 5 tal-közúti árufuvarozáshoz, személyszállításhoz és a közúti közlekedéshez kapcsolódó egyes rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, valamint a bírságolással összefüggő hatósági feladatokról szóló 156/2009. kormányrendelet (Digriet Governattiv Nru 156/2009, dwar l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ ċertu dispożizzjonijiet relatati mat-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni u maċ-ċirkulazzjoni fit-triq, kif ukoll dwar il-kompiti tal-awtorità pubblika relatati mal-impożizzjoni ta’ multa), tad-29 ta’ Lulju 2009, jipprevedi:

“Fir-rigward tal-Artikolu 20(1)(d) tal-liġi [dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq], l-ammont tal-multa li ġie ffissat skont l-Anness 4 ta’ dan l-istess digriet għandu – bl-eċċezzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari kuntrarja – jitħallas mill-persuna li tikser dispożizzjoni relatata mat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni u mad-diska takigrafika, kif ukoll mal-użu tagħhom, prevista:

[...]

e)

fir-Regolament [Nru 3821/85].

[...]”

12

L-Artikolu 143 tal-közigazgatási hatósági eljárás és szolgáltatás általános szabályairól szóló 2004. évi CXL. törvény (Liġi Nru CXL tal-2004 dwar dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-proċedura u mas-servizzi amministrattivi), intitolat “Miżuri kawtelatorji”, jipprevedi:

“(1)   Jekk l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-obbligu li jservi ta’ bażi għall-proċedura tkun f’perikolu, huwa possibbli li, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni u fil-ħames jiem sa minn meta tinħoloq iċ-ċirkustanza li tkun il-bażi għal dan id-dubju, tiġi ordnata l-kostituzzjoni ta’ garanzija li tikkonċerna d-dejn pekunjarju jew it-tqegħid taħt sekwestru ta’ oġġett partikolari, u dan bħala miżura kawtelatorja.

(2)   Il-miżura kawtelatorja għandha tiġi deċiża mill-awtorità tal-ewwel livell u implementata mill-korp eżekuttiv.

(3)   Il-miżura kawtelatorja għandha tiġi rtirata jekk

a)

hija tkun ġiet adottata sabiex jiġi ggarantit l-obbligu ta’ ħlas u jekk l-ammont li jikkorrispondi għal dan l-obbligu ġie ddepożitat mal-korp eżekuttiv,

b)

hija tkun ġiet adottata sabiex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ att u tingħata prova b’mod li teskludi kull dubju li l-atti preparatorji kollha meħtieġa seħħew bl-għan tat-twettiq volontarju ta’ dan l-att, li issa huwa mxekkel biss permezz tal-miżura kawtelatorja, jew jekk

c)

ir-raġuni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżura kawtelatorja ma għadhiex teżisti għal kwalunkwe raġuni oħra.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

EL-EM-2001 hija impriża tat-trasport irreġistrata fil-Bulgarija. Waqt trasport imwettaq fl-Ungerija, wieħed mill-impjegati ta’ din l-impriża, li kien qiegħed isuq vettura tqila tal-merkanzija li hija kemm proprjetà ta’ din tal-aħħar kif ukoll hija operata minnha, kienu suġġett għal kontroll tat-triq. F’din l-okkażjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonstataw ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(7)(a) tar-Regolament Nru 3821/85.

14

Fil-25 ta’ Frar 2014, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Csongrád Megyei Vám- és Pénzügyőri Igazgatósága (direttorat dipartimentali tad-dwana u tal-finanzi ta’ Csongrád, li jaqa’ taħt l-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxi u tad-dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva tal-ewwel livell”), għaldaqstant impona multa amministrattiva ta’ 400000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 1270) fuq ix-xufier tal-imsemmija vettura. Barra minn hekk, din l-awtorità ddeċidiet li tadotta miżura kawtelatorja, sabiex jiġi ggarantit l-obbligu ta’ ħlas ta’ din il-multa, u għal dan l-għan ordnat l-immobilizzazzjoni tal-istess vettura sal-ħlas tal-imsemmija multa.

15

Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn EL-EM-2001, l-awtorità amministrattiva tat-tieni livell ikkonfermat id-deċiżjoni li tordna din il-miżura kawtelatorja.

16

EL-EM-2001 ippreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem is-Szegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija).

17

F’dan ir-rigward EL-EM-2001 sostniet li l-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tirrigwardaha u li hija ma kinitx parti fil-proċedura. Hija bbażat ruħha fuq il-fatt li, peress li l-ksur kien twettaq mix-xufier tal-vettura kkonċernata u li dan biss kien ingħata multa mill-awtorità amministrattiva tal-ewwel livell, hija stess, bħala persuna li timpjega lil dan ix-xufier, ma setgħetx tiġi suġġetta għal miżura kawtelatorja bħalma hija l-immobilizzazzjoni tal-vettura li hija kienet topera. Hija enfasizzat li ebda dispożizzjoni legali ma kienet tawtorizza tali immobilizzazzjoni ta’ oġġett li jappartjeni lil terz li ma jkunx parti fil-proċedura amministrattiva u li ma wettaqx il-ksur.

18

L-amministrazzjoni talbet iċ-ċaħda tar-rikors ta’ EL-EM-2001 billi b’mod partikolari sostniet li din tal-aħħar kellha l-kwalità ta’ parti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li barra minn hekk hija kienet eżerċitat id-dritt tagħha għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni li tordna l-immobilizzazzjoni tal-vettura kkonċernata. Fil-fatt, meta tkun ġiet imposta multa, irrispettivament mill-persuna responsabbli għall-ħlas tagħha, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tippermetti lill-awtorità amministrattiva, fil-każ fejn tkun ġiet imposta multa amministrattiva fuq ix-xufier jew l-operatur tal-vettura, tordna l-immobilizzazzjoni tal-vettura użata waqt il-konstatazzjoni tal-ksur.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament [...] Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ sanzjoni stabbilita u deċiża minn Stat Membru fil-każ ta’ ksur tista’ tiġi applikata biss fir-rigward tal-persuna li wettqet il-ksur?

Fi kliem ieħor: fid-dawl tal-Artikolu 18 tar-Regolament [...] Nru 561/2006, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha miżura neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ sanzjoni stabbilita u deċiża minn Stat Membru hija applikata fir-rigward tal-persuna (fiżika jew ġuridika) li fir-rigward tagħha ma ġiex stabbilit, matul il-proċedura amministrattiva, li hija wettqet il-ksur, tmur kontra l-obbligu tal-Istat Membru previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) ta’ dan l-istess regolament?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament [...] Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura applikata fir-rigward ta’ terz (persuna fiżika jew ġuridika) minħabba ksur imwettaq minn persuna oħra, filwaqt li ma ġiex stabbilit li dan it-terz wettaq il-ksur, tikkostitiwixxi, indipendentement mill-isem li jingħatalha, sanzjoni deċiża fir-rigward ta’ dan it-terz?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ sanzjoni deċiża minħabba ksur imwettaq mis-sewwieq tal-vettura, tippermetti li tiġi applikata fir-rigward ta’ persuna oħra (fiżika jew ġuridika) sanzjoni – fis-sens materjali tat-terminu, minkejja l-użu tal-isem “miżura” – tmur kontra l-projbizzjoni tal-evalwazzjoni doppja prevista fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament [...] Nru 561/2006?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 561/2006 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala miżura kawtelatorja, tawtorizza l-immobilizzazzjoni ta’ vettura li tappartjeni lil impriża tat-trasport, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, ix-xufier, impjegat minn dik l-impriża, kien qiegħed isuq din il-vettura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3821/85 u, min-naħa l-oħra, l-awtorità nazzjonali ma invokatx ir-responsabbiltà tal-imsemmija impriża.

21

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-premessa 17 u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006, dan tal-aħħar huwa intiż, b’mod partikolari, li jtejjeb il-kundizzjonijiet soċjali għall-ħaddiema li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà fit-triq b’mod ġenerali.

22

Skont il-premessa 27 tar-Regolament Nru 561/2006, huwa mixtieq, fl-interessi ta’ l-infurzar ċar u effettiv tar-regoli dwar il-ħin ta’ sewqan u ta’ mistrieħ, li jkunu żgurati dispożizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport u tax-xufiera għall-ksur ta’ dan ir-regolament, liema responsabbiltà tista’ twassal għal sanzjonijiet kriminali, ċivili jew amministrattivi fl-Istati Membri.

23

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dan l-istess regolament.

24

Konsegwentement, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu “r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament [...] Nru 3821/85” u jieħdu “l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati”.

25

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan imfittex mir-Regolament Nru 561/2006 ma huwiex l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet, għaliex dan ir-regolament għall-kuntrarju jħalli lill-Istati Membri liberi f’dak li jirrigwarda l-miżuri li għandhom jiġu deċiżi u s-sanzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 22).

26

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 561/2006 jawtorizza b’mod espliċitu lill-Istati Membri sabiex iqisu lill-impriżi tat-trasport “responsabbli [b’mod sħiħ]” għall-ksur imwettaq mix-xufiera li huma jimpjegaw.

27

Bl-istess mod, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti jimponu sanzjoni fuq impriża u/jew fuq xufier għal ksur ta’ dan ir-regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta sanzjoni.

28

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-Regolament Nru 561/2006 jissuġġetta kemm lill-impriżi tat-trasport kif ukoll lix-xufiera għal obbligi speċifiċi u jżommhom it-tnejn responsabbli għall-ksur tal-obbligi rispettivi tagħhom (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C‑287/14, EU:C:2016:420, punt 32).

29

Mill-kliem tal-premessa 27 tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll bla dubju ta’ xejn li l-Istati Membri huma awtorizzati jipprevedu sistema ta’ responsabbiltà tax-xufiera għall-ksur tal-imsemmi regolament u li huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-natura tas-sanzjonijiet applikabbli (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C‑287/14, EU:C:2016:420, punt 34).

30

Sa fejn, minn naħa, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006, jistabbilixxu regoli li jirrigwardaw is-sanzjonijiet għal ksur ta’ dan ir-regolament, b’mod li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx, u, sa fejn, min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament ma jeskludix ir-responsabbiltà tax-xufiera, jirriżulta li dawn l-Istati jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet, esklużivament jew le, fuq ix-xufiera (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C‑287/14, EU:C:2016:420, punt 35).

31

Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva hija ta’ natura li tħeġġeġ lill-persuna li timpjega torganizza x-xogħol tal-impjegati tagħha b’mod li jiżgura l-osservanza tar-Regolament Nru 561/2006 u li s-sigurtà fit-toroq għandha interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-persuna li timpjega għall-ksur imwettaq mill-impjegat tagħha u sistema ta’ responsabbiltà kriminali oġġettiva (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C‑326/88, EU:C:1990:291, punt 19).

32

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 26 tar-Regolament Nru 561/2006, il-possibbiltà li vettura tiġi immobilizzata fejn jinstab li hemm ksur serju għandha wkoll tkun inkluża fil-medda komuni ta’ miżuri miftuħa għall-Istati Membri.

33

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi, f’dan il-kuntest, li fil-każ ta’ ksur manifestament ta’ natura li tikkomprometti s-sigurtà fit-triq, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtorità kompetenti sabiex timmobilizza l-vettura kkonċernata sakemm il-kawża tal-ksur tkun rettifikata. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lix-xufier josserva ħin ta’ mistrieħ ta’ kull jum jew, jekk ikun il-każ, anki jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tal-impriża, jekk l-imsemmija impriża tkun stabbilita fl-Istat Membru inkwistjoni, jew jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tas-sewqan ta’ xufier.

34

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan imfittex, li jikkonsisti fl-osservanza, kemm mix-xufiera kif ukoll mill-impriżi tat-trasport, tal-obbligi li huma għandhom skont ir-Regolamenti Nru 3821/85 u 561/2006, l-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja, bħall-immobilizzazzjoni ta’ vettura li tikkonċerna lill-impriża tat-trasport għal ksur imwettaq mix-xufier tagħha, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni deċiża minħabba dan il-ksur, fiha nnifisha hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

35

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw is-sanzjonijiet li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament Nru 3821/85 li jkunu “effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx”.

36

Minkejja dan, l-imsemmi regolament ma fihx regoli iktar preċiżi f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-imsemmija sanzjonijiet nazzjonali, u b’mod partikolari ma jistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 22).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għandhom ukoll jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti l-miżuri l-oħra li huma marbuta mill-qrib mas-sanzjonijiet li, bħall-immobilizzazzjoni ta’ vettura, jiggarantixxu l-effikaċja tagħhom.

39

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-miżura kawtelatorja permessa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta tkun teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u huwa mifhum li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 2453 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun adegwata għall-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 45).

41

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u d-determinazzjoni tar-regoli relattivi għall-intensità tal-multi, iżda anki f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-multa (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 54).

42

F’dan il-kuntest, huwa paċifiku li l-miżura kawtelatorja ta’ immobilizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet deċiża fl-ambitu ta’ proċedura amministrattiva mibdija esklużivament kontra x-xufier li r-responsabbiltà tiegħu ġiet invokata. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża f’dan ir-rigward tipprevedi, fl-Artikolu 20(7) tal-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq, moqri flimkien mal-Artikolu 143 tal-Liġi Nru CXL tal-2004 dwar dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-proċedura u mas-servizzi amministrattivi, li, fil-każ ta’ kontroll li jseħħ fil-kuntest taċ-ċirkulazzjoni fit-triq, huwa possibbli li vettura tiġi immobilizzata – bla ħsara għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar l-interċettazzjoni ta’ spedizzjonijiet ta’ merkanzija perikoluża, ta’ prodotti tal-ikel li jmorru malajr u ta’ annimali ħajjin – matul il-proċedura amministrattiva jew anki sal-ħlas tal-multa jew tal-garanzija għal dejn pekunjarju, meta l-awtorità kompetenti tqis li l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-obbligu li jservi ta’ bażi għall-proċedura tkun fil-perikolu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni speċifika f’dan is-sens.

43

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 20(7) tal-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq, il-vettura b’mod partikolari ma tistax tiġi immobilizzata meta s-sede, id-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-multa jkun jinsab fit-territorju Ungeriż u meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-multa jkollha numru fiskali jew kodiċi ta’ identifikazzjoni fiskali mogħti mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat, jew meta organu finanzjarju jkun garanti jew jagħti kawzjoni għall-osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-multa imposta, jew anki meta dan l-obbligu tieħu r-responsabbiltà għalih impriża li jkollha numru fiskali u li tkun irreġistrata fit-territorju nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-multa tagħti prova ta’ dan il-fatt b’mod sodisfaċenti matul il-proċedura.

44

Minn dan isegwi li l-uniku għan imfittex mill-immobilizzazzjoni ta’ vettura jikkonsisti f’li jiġi ggarantit il-ħlas mingħajr dewmien tal-multa imposta bħala sanzjoni.

45

Minkejja li huwa minnu li tali miżura kawtelatorja hija, fil-prinċipju, xierqa u effikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib tal-kundizzjonijiet soċjali għall-ħaddiema u tas-sigurtà fit-triq, imsemmija mir-Regolament Nru 561/2006, l-immobilizzazzjoni ta’ vettura li tappartjeni għal impriża tat-trasport li r-responsabbiltà tagħha fi proċedura amministrattiva ma ġietx invokata tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu.

46

Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punt 43 tal-osservazzjonijiet tagħha, jeżistu miżuri daqstant ieħor effikaċi, iżda inqas restrittivi u inqas żmiżurati, fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà; fosthom jinsabu, b’mod partikolari, is-sospensjoni, l-irtirar jew ir-restrizzjoni tal-liċenzja tas-sewqan tax-xufier sal-ħlas tal-multa. Din il-miżura tkun tippermetti lill-impriża tat-trasport tagħżel xufier ieħor, li jkun jista’ jsuq il-vettura kkonċernata u dan indipendentement mill-ħlas tal-multa.

47

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ effikaċja u tal-effett dissważiv tal-miżura inkwistjoni, li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat li miżura tkun tissodisfa dawn il-kriterji meta hija tħeġġeġ lill-atturi involuti fit-trasport bit-triq sabiex jevitaw sanzjonijiet u, fil-każ fejn tkun ġiet imposta multa, sabiex iħallsu din tal-aħħar fl-iqsar żmien possibbli. L-effett dissważiv huwa iktar importanti meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-multa tkun ukoll il-proprjetarju tal-vettura immobilizzata. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-awtur tal-ksur ikun kemm ix-xufier kif ukoll il-proprjetarju tal-vettura jew meta kemm ix-xufier kif ukoll l-impriża jkunu ssanzjonati għal ksur.

48

Issa, fil-kawża prinċipali, ġiet imposta multa fuq ix-xufier biss, peress li r-responsabbiltà tal-impriża, li ma kinitx parti fil-proċedura amministrattiva, ma ġietx stabbilita u lanqas biss tqajmet kwistjoni dwarha. Madankollu, il-miżura kawtelatorja tirrigwarda esklużivament lil din l-impriża, minkejja li din ma wettqet ebda ksur. F’din is-sitwazzjoni, il-miżura kawtelatorja li l-immobilizzazzjoni tal-vettura tikkostitwixxi ma hijiex verament dissważiva u effikaċi fir-rigward tax-xufier. Għall-kuntrarju, miżura bħal, b’mod partikolari, l-irtirar, is-sospensjoni jew ir-restrizzjoni tal-liċenzja tas-sewqan ta’ dan ix-xufier sal-ħlas tal-multa tkun dissważiva u effikaċi u tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala miżura kawtelatorja, tawtorizza l-immobilizzazzjoni ta’ vettura li tappartjeni lil impriża tat-trasport, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, ix-xufier ta’ dik il-vettura, impjegat minn dik l-impriża, kien qiegħed isuq din il-vettura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3821/85 u, min-naħa l-oħra, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma invokatx ir-responsabbiltà ta’ dik l-impriża, peress li tali miżura kawtelatorja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal‑Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala miżura kawtelatorja, tawtorizza l-immobilizzazzjoni ta’ vettura li tappartjeni lil impriża tat-trasport, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, ix-xufier ta’ dik il-vettura, impjegat minn dik l-impriża, kien qiegħed isuq din il-vettura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal‑20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq, u, min-naħa l-oħra, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma invokatx ir-responsabbiltà ta’ dik l-impriża, peress li tali miżura kawtelatorja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq