EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0221

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016.
Proċeduri kriminali kontra Etablissements Fr. Colruyt NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 15(1) – Determinazzjoni libera, mill-produtturi u l-importaturi, tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ tali prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk indikati fuq il-bolla fiskali – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Modalitajiet tal-bejgħ – Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.
Kawża C-221/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:704

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2011/64/UE — Artikolu 15(1) — Determinazzjoni libera, mill-produtturi u l-importaturi, tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ tali prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk indikati fuq il-bolla fiskali — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Modalitajiet tal-bejgħ — Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE”

Fil-Kawża C-221/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

Etablissements Fr. Colruyt NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Etablissements Fr. Colruyt NV, minn R. Verstraeten u H. de Bauw, avukati,

għall-Gvern Belġjan, inizjalment minn N. Zimmer, J. Van Holm u M. Jacobs, sussegwentement minn J. Van Holm u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn A. Fromont, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn J. Bousin u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Brigas Afonso kif ukoll minn M. Rebelo, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u H. van Vliet kif ukoll minn F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU 2011, L 176, p. 24), moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 34 TFUE u kif ukoll tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Établissements Fr. Colruyt NV (iktar ’il quddiem “Colruyt”) dwar il-bejgħ minnha ta’ prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 3, 9 u 10 tad-Direttiva 2011/64 jipprovdu:

“(2)

Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa [...]

(3)

Wieħed mill-għanijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa li jimmantjeni unjoni ekonomika, li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku, fejn hemm kompetizzjoni attiva. Fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan hija biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.

[...]

(9)

Sa fejn dazji tas-sisa huma kkonċernati, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni fid-diversi kategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp li ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-imposizzjoni tat-taxxa u, konsegwentement, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.

(10)

Il-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppi kollha ta’ tabakk manifatturat.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.”

5

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Sigaretti manifatturati fl-Unjoni u dawk impurtati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal dazju tas-sisa ad valorem ikkalkolat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut, inklużi dazji doganali, u anke għal dazju tas-sisa speċifiku kkalkolat fuq kull unit tal-prodott.”

6

L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Manifatturi, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni, u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti huma maħsuba li jiġu rilaxxati għall-konsum.

L-ewwel subparagrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.”

Id-dritt Belġjan

7

Il-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-wet betreffende de bescherming van de gezondheid van de gebruikers op het stuk van de voedingsmiddelen en andere producten (liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur b’rabta ma’ prodotti tal-ikel u prodotti oħra, Belgisch Staatsblad, tat-8 ta’ April 1977, p. 4501), tal-24 ta’ Jannar 1977, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa”) jipprovdi dan li ġej:

“Ma jistgħux isiru riklami għal jew jiġi organizzat patrunaġġ minn manifatturi tat-tabakk, ta’ prodotti magħmula mit-tabakk jew ta’ prodotti simili, iktar ’il quddiem imsejħa prodotti tat-tabakk.

Kull komunikazzjoni jew att li jkollhom l-għan, dirett jew indirett, li jippromwovu l-bejgħ, irrispettivament mill-post, metodu ta’ komunikazzjoni jew teknika użati, għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reklamar jew patrunaġġ.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Colruyt topera fil-Belġju sensiela ta’ supermarkits taħt l-istess isem.

9

Wara investigazzjoni tal-overheidsdienst van volksgezondheid federali (servizz pubbliku federali tas-saħħa pubblika, il-Belġju), l-openbaar ministerie (ministerju pubbliku, il-Belġju) ikkonstata li Colruyt irrikorriet, fis-supermarkits tagħha, għal atti ta’ reklamar tat-tabakk, ipprojbiti skont il-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa. Colruyt biegħet b’dan il-mod diversi prodotti tat-tabakk:

bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti;

bi tnaqqis skont il-kwantità, indikat bi sfond isfar u aħmar fuq it-tikketta tal-ixkaffa;

bi tnaqqis ġenerali temporanju ta’ 3 % lill-klijenti kollha;

bi tnaqqis ġenerali ta’ 3 % għal kategorija speċifika ta’ persuni, jiġifieri l-membri ta’ movimenti taż-żgħażagħ permezz tal-kampkorting (litteralment il-“kamp ta’ tnaqqis”).

10

B’sentenza tal-correctionele rechtbank te Brussel (qorti ta’ korrezzjoni ta’ Brussell, il-Belġju) tal-10 ta’ Mejju 2013, Colruyt ġiet ikkundannata, senjatament, għal multa ta’ EUR 270000 għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

11

Colruyt ressqet appell quddiem il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), fejn sostniet, senjatament, li projbizzjoni li jiġu applikati prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut iktar baxxi mill-prezz li l-produttur jew l-importatur indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq il-prodotti tat-tabakk hija inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, mal-Artikolu 34 TFUE u mal-Artikolu 101 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64/UE, moqri flimkien jew mhux flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2000, jipprekludi miżura nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jirrispettaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi li jiġi applikat għal prodotti tat-tabakk prezz inqas mill-prezz li l-produttur/importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali?

2)

L-Artikolu 34 TFUE jipprekludi miżura nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jirrispettaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi li jiġi applikat għal prodotti tat-tabakk prezz inqas mill-prezz li l-produttur/importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali?

3)

L-Artikolu 4(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, jipprekludi li miżura nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jirrispettaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi li jiġi applikat għal prodotti tat-tabakk prezz inqas mill-prezz li l-produttur/l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

13

Il-Gvern Belġjan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li, l-ewwel nett, il-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa ma għandux konnessjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut mill-ġdid ta’ prodotti tat-tabakk fil-Belġju huma rregolati minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Belġjan. It-tieni nett, huwa jsostni li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/64 ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, peress li dan il-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) ma huwiex intiż sabiex jittrasponi fid-dritt Belġjan din id-direttiva. It-tielet nett, huwa jqis li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn din ma tinkludix suffiċjentement informazzjoni dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din it-tilwima jew espożizzjoni tar-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-qorti tar-rinviju li jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Franċiż jesprimi wkoll dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba.

14

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentarju u fattwali li huwa l-kompitu tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Sommer Antriebs- und Funktechnik, C-369/14, EU:C:2015:491, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiġġudika jekk l-interpretazzjoni li l-qorti nazzjonali tagħtihom hijiex korretta (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C-515/08, EU:C:2010:589, punt 18).

16

Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Gvern Belġjan, ma jidhirx b’mod manifest li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/64 jew, tal-inqas, li l-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa ma jista’ bl-ebda mod iċaħħad xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mill-effett utli tagħhom u li l-interpretazzjoni mitluba tal-istess direttiva ma għandha ebda rabta mar-realtà jew is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din l-oġġezzjoni taqa’ taħt il-mertu tal-ewwel domanda preliminari.

17

Fir-rigward tat-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju esponiet, f’dan il-każ, il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih taqa’ t-tilwima fil-kawża prinċipali b’mod suffiċjentement preċiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha u l-partijiet ikkonċernati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jressqu osservazzjonijiet. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li wieħed jifhem li l-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba u li, fl-assenza ta’ kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-imsemmija dispożizzjonijiet, l-akkużi li saru fil-konfront ta’ Colruyt jitqiesu infondati.

18

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari titqies ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, moqri fid-dawl tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

20

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/64 għandha l-għan li tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi u tar-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk immanifatturat. Għalhekk din id-direttiva taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, li, skont il-premessa 2 tal-istess direttiva, għandha l-għan li tiżgura b’mod partikolari l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

21

Mill-premessa 3 tad-Direttiva 2011/64, jirriżulta wkoll li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, din tfittex li tiżgura li l-applikazzjoni, fi ħdan l-Istati Membri, tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti tas-settur tat-tabakk immanifatturat ma toħloqx distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fi ħdan l-Unjoni. B’mod partikolari, il-premessa 9 ta’ din id-direttiva tistipula li l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa għandha l-effett li l-kompetizzjoni tad-diversi kategoriji ta’ tabakk immanifatturat li jifformaw parti mill-istess grupp ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-impożizzjoni tat-taxxa u li, konsegwentement, il-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri jiġi rrealizzat.

22

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2011/64 hija intiża sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fir-rigward tal-applikazzjoni, fi ħdan l-Istati membri, tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tas-settur tat-tabakk immanifatturat.

23

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-iskop. Huwa jipprevedi li l-produtturi jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew l-aġenti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni, u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti jkunu maħsuba li jiġu rrilaxxati għall-konsum, u dan sabiex jiġi żgurat li jkun hemm, fil-fatt, kompetizzjoni bejniethom.

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni hija intiża, minn naħa, sabiex tiżgura li d-determinazzjoni tal-bażi tad-dazju tas-sisa proporzjonali fuq il-prodotti tat-tabakk, jiġifieri l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti, tkun suġġetta għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, sabiex tipproteġi l-libertà ta’ dawn l-operaturi, li jistgħu fil-fatt jibbenefikaw mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-eventwali prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/08, EU:C:2010:111, punt 36).

25

Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni taqa’ taħt il-mekkaniżmu tat-tassazzjoni tat-tabakk, li jimplika li l-prezz iddeterminat mill-produttur jew mill-importatur u approvat mill-awtorità pubblika għandu jiġi impost bħala prezz massimu u għandu jiġi osservat bħala tali f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni sakemm jinbiegħ lill-konsumatur, sabiex jiġi evitat li, billi jinqabeż dan il-prezz, l-integrità tad-dħul fiskali tkun tista’ tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/08, EU:C:2010:111, punt 43).

26

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 għandha għalhekk l-għan li tiżgura li l-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk ma tippreġudikax ir-rekwiżiti tal-kompetizzjoni li jimplikaw, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, sistema ta’ prezzijiet stabbiliti liberament mill-produtturi jew mill-importaturi għall-gruppi kollha tat-tabakk immanifatturat.

27

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat, essenzjalment, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni li, għall-bejgħ lill-konsumatur ta’ tabakk immanifatturat importat jew immanifatturat fil-pajjiż, timponi prezz ta’ bejgħ, jiġifieri l-prezz indikat fuq il-bolla fiskali, sakemm dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-produttur jew mill-importatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM, 13/77, EU:C:1977:185, punti 6364).

28

Fir-rigward tal-każ fil-kawża prinċipali, dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa, li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut speċifikament milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, għandha ċertament l-effett, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-mekkaniżmu tal-impożizzjoni ta’ taxxa fuq it-tabakk, li timponi fuq dawn l-operaturi, għall-bejgħ lill-konsumatur ta’ tali prodotti, il-prezz indikat fuq din il-bolla. Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi l-iffissar tal-prezz indikat mill-produttur jew mill-importatur fuq din il-bolla jew li din id-dispożizzjoni tikkonċerna b’xi mod ieħor l-applikazzjoni tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk.

29

Għalhekk, tali dispożizzjoni nazzjonali ma taqax taħt is-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jipprekludix tali dispożizzjoni.

30

Din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument ta’ Colruyt, li skontu l-fatt li l-bejjiegħa bl-imnut ma ngħatawx il-libertà, skont l-istess Artikolu 15(1), li jistabbilixxu l-prezz tal-bejgħ lill-konsumatur tal-prodotti tat-tabakk jikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux ġustifikata, kuntrarja għall-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, bejn il-bejjiegħa bl-imnut li huma wkoll importaturi u dawk li ma humiex. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, ikollhom l-effett li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/64 għall-iffissar tal-prezz minimu operat mill-bejjiegħa bl-imnut, li, bħala prinċipju, ma huwiex affettwat mill-applikazzjoni tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-produttur jew l-importatur.

Fuq it-tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

33

L-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi bejn l-Istati Membri r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull miżura ta’ Stat Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C-333/14, EU:C:2015:845, punt 31).

34

B’hekk, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni għall-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, fejn hija mmanifatturata u kkummerċjalizzata legalment, ta’ regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir-regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa Cassis de Dijon, 120/78, EU:C:1979:42, punti 6, 14 u 15).

35

Ma hijiex ta’ natura li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sakemm jolqtu bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, l-issuġġettar ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ dan it-tip għal bejgħ ta’ prodotti provenjenti minn Stat Membru ieħor u li huma konformi mar-regoli stabbiliti minn dan l-Istat ma huwiex ta’ natura li jimpedixxi l-aċċess tagħhom għas-suq jew li jostakola l-aċċess aktar milli jostakola dak tal-prodotti nazzjonali (ara sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

36

Konsegwentement, għandhom jitqiesu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, il-miżuri meħuda minn Stat Membru li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra u kif ukoll il-miżuri msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. Taqa’ wkoll taħt dan il-kunċett kull miżura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, EU:C:2009:66, punt 37).

37

F’dan ir-rigward, sakemm leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz tal-prodotti tat-tabakk, bħal dik inkluża fil-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa, ma tikkonċernax il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, iżda tikkonċerna biss il-modalitajiet li bihom dawn jistgħu jinbigħu, din il-leġiżlazzjoni għandha titqies li tikkonċerna l-modalitajiet ta’ bejgħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft, C-531/07, EU:C:2009:276, punt 20).

38

Dwar il-kwistjoni ta’ jekk tali leġiżlazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet esposti fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 7(2a), li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, tapplika għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali.

39

Min-naħa l-oħra, sa fejn din ma tikkonċernax id-determinazzjoni mill-importaturi ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-prezz indikat fuq din il-bolla u sa fejn dawn l-importaturi jibqgħu liberi li jistabbilixxu dan il-prezz, din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li timpedixxi l-aċċess għas-suq Belġjan ta’ prodotti tat-tabakk li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jew li taffettwah iktar milli taffettwa lil dak tal-prodotti tat-tabakk nazzjonali.

40

Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni pprojbita mill-Artikolu 34 TFUE.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-importatur.

Fuq it-tielet domanda

42

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

43

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 101 TFUE jikkonċerna biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li joħorġu mill-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, jimponi fuq dawn tal-aħħar li ma jadottawx jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C-184/13 sa C-187/13, C-194/13, C-195/13 u C-208/13, EU:C:2014:2147, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Ikun hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għal intervent ta’ interess ekonomiku (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C-184/13 sa C-187/13, C-194/13, C-195/13 u C-208/13, EU:C:2014:2147, punt 29).

45

Madankollu, leġiżlazzjoni li ma hijiex intiża li timponi l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn fornituri u bejjiegħa bl-imnut jew aġir ieħor bħal dak previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, iżda, għall-kuntrarju, tagħti lill-awtoritajiet pubbliċi r-responsabbiltà li jistabbilixxu l-prezzijiet tal-bejgħ lill-konsumatur ma tmurx kontra din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1985, Cullet u Chambre syndicale des réparateurs automobiles et détaillants de produits pétroliers, 231/83, EU:C:1985:29, punti 1718). Bl-istess mod, la timponi u lanqas ma tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet antikompetittivi leġiżlazzjoni li tistipula projbizzjoni li hija suffiċjenti fiha nfisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1991, Ohra Schadeverzekeringen, C-245/91, EU:C:1993:887, punt 11).

46

Kif ikkonstatat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa għandha l-effett li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut, għall-bejgħ lill-konsumatur ta’ prodotti tat-tabakk, prezz tal-bejgħ, jiġifieri dak li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti. Tali leġiżlazzjoni la timponi u lanqas ma tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn fornituri u bejjiegħa bl-imnut, iżda hija suffiċjenti fiha nfisha sa fejn hija għandha direttament l-effett li tistabbilixxi l-prezz operat mill-bejjiegħa bl-imnut. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-adozzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) tal-liġi dwar il-protezzjoni tas-saħħa kienet ippreċeduta minn ftehim li jirrigwarda prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti fis-settur tal-prodotti tat-tabakk.

47

Barra minn hekk, il-punt 1 tal-Artikolu 7(2a) ma jiddelegax lil operaturi privati r-responsabbiltà li jistabbilixxu l-prezz operat mill-bejjiegħa bl-imnut jew li jieħdu deċiżjonijiet oħra ta’ intervent ta’ interess ekonomiku.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax iċċaħħad l-effett utli tal-Artikolu 101(1) TFUE.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-produttur jew l-importatur.

 

2)

L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit mill-importatur.

 

3)

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi pezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq