Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CC0503

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2016.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:696

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

    Kawża C‑503/15

    Ramón Margarit Panicello

    vs

    Pilar Hernández Martínez

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa [segretarju ġudizzjarju tal-qorti kompetenti fil-qasam tal-vjolenza fuq in-nisa ta’ Terrassa, Spanja])

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali — Kunċett — Segretarju ġudizzjarju — Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji — Onorarji tal-avukat — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Prattiki kummerċjali żleali għall-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, il-kompatibbiltà ta’ proċedura nazzjonali għall-irkupru simplifikat ta’ onorarji tal-avukat (“azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji”) mad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ).

    2.

    Din il-kwistjoni, li tqajmet ukoll f’diversi kawżi oħrajn pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha rilevanza kbira fi Spanja billi, fil-preżent, hemm għadd kbir ta’ proċeduri għall-irkupru ta’ onorarji li ġew sospiżi sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 3 ).

    3.

    Madankollu, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindirizza din il-kwistjoni, hija għandha l-ewwel teżamina jekk is-secretario judicial (segretarju ġudizzjarju, Spanja, iktar ’il quddiem is-“secretario judicial”) adit bl-azzjoni inkwistjoni huwiex qorti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE.

    4.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma dan, il-proċedura preżenti tagħtiha l-opportunità tiżviluppa b’mod ulterjuri l-ġurisprudenza tagħha dwar ir-rekwiżiti konkreti għall-garanzija effettiva ta’ drittijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur, affermati mid-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali għal miżuri provviżorji jew proċeduri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi adita, mhux biss sabiex tieħu pożizzjoni dwar id-Direttiva 93/13, iżda wkoll dwar id-Direttiva 2005/29 dwar prattiċi kummerċjali żleali ( 4 ) kif ukoll dwar l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem imsejħa l-“Karta”).

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-Dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 93/13

    5.

    L‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   […] il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi [jitqiesu] […] [iċ-]ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt […].

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi […] provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”.

    6.

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    7.

    L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

    2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

    8.

    Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, l-Anness ta’ din id-direttiva jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti fl-anness tagħha. Il-punt 1(q) ta’ dan l-anness isemmi

    “[il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li] jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt.”

    2. Id-Direttiva 2005/29

    9.

    Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29:

    “2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.”

    10.

    L-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-“Azzjonijiet Qarrieqa” bil-mod li ġej:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

    d)

    il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz”.

    11.

    L-Artikolu 7(1) jiddefinixxi l-“Ommissjonijiet Qarrieqa” kif ġej:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.’’

    12.

    L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

    “F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

    ċ)

    il-prezz […].”

    13.

    Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/29:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

    Dawn il-mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi l-kompetituri, jistgħu:

    (a)

    jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali; u/jew

    (b)

    iġibu każijiet ta’ tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

    […]”

    14.

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat fil-proċedimenti ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 11 sabiex:

    a)

    jesiġu li l-kummerċjant iġib prova ta’ l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-rigward ta’ xi prattika kummerċjali jekk, b’kont meħud ta’ l-interess leġittimu tal-kummerċjant u ta’ kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti, tali kondizzjoni tidher ġustifikata abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari; u

    b)

    jikkunsidraw il-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova rikjesta skond il-paragrafu (a) ma tinġiebx jew titqies insuffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva.”

    B – Id-dritt Spanjol

    15.

    Billi kemm l-eżami tal-kwalità ta’ qorti tas-secretario judicial kif ukoll l-ispjegazzjoni tad-domandi preliminari, li jirreferu għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dritt Spanjol, jirrikjedu li jiġu ttrattati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Spanjol, dawn id-dispożizzjonijiet huma esposti hawn taħt.

    1. Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial

    16.

    Fil-Ktieb V tagħha, Titolu II (Artikoli 440 sa 469a) intitolat “Il-korpi tas-secretarios judiciales”, il-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (liġi organika dwar is-setgħa ġudizzjarja, iktar ’il quddiem imsejħa “LOPJ”) ( 5 ) tirregola l-istatus legali u l-kompiti tas-segretarji ġudizzjarji tal-qrati.

    17.

    Wara li tressqet it-talba li fuqha hija bbażata l-proċedura preżenti, il-LOPJ ġiet emendata permezz tal-Liġi Organika 7/2015 ( 6 ) u d-denominazzjoni “Secretarios Judiciales” saret “Letrados de la Administración de Justicia”. Konformement mad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi Organika 7/2015 u mas-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-proċedura preżenti, li jassumu applikabbiltà immedjata tal-emendi li twettqu permezz ta’ din il-liġi, iktar ’il quddiem ser jintużaw id-dispożizzjonijiet tal-LOPJ fil-verżjoni emendata tagħhom permezz tal-Liġi Organika 7/2015. Għall-finijiet ta’ ċarezza, madankollu, ser jinżamm l-isem “Secretario Judicial” għall-korp tar-rinviju ( 7 ).

    18.

    Kif speċifikat fl-Artikolu 440 tal-LOPJ, is-secretarios judiciales huma uffiċjali suġġetti għall-Ministeru tal-Ġustizzja fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. L-Artikoli 442 u 450 tal-LOPJ jistabbilixxu li l-kandidati għall-uffiċċju ta’ secretario judicial jintgħażlu u jinħatru permezz ta’ kompetizzjoni. L-Artikolu 443(2) isemmi, b’mod eżawrjenti, il-każijiet li fihom secretario judicial jitlef l-istatus tiegħu, partikolarment fil-każ ta’ kundanna ta’ responsabbiltà kriminali jew sanzjoni dixxiplinari ta; revoka. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 468c(2), moqri flimkien mal-Artikolu 468a(1) tal-LOPJ, jistabbilixxi li s-secretarios judiciales jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom biss fuq il-bażi ta’ nuqqasijiet serji ħafna elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet. Finalment, l-Artikolu 446 tal-LOPJ jirregola s-sistema ta’ astensjoni u ta’ rekuża tas-secretarios judiciales, li, fil-biċċa l-kbira, tikkorrispondi ma’ dik tal-imħallfin.

    19.

    Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 452(1) tal-LOPJ tistabbilixxi li, fl-eżerċizzju tal-uffiċċju tagħhom, is-secretarios judiciales għandhom josservaw il-prinċipji ta’ legalità u ta’ imparzjalità fil-każijiet kollha, li huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom ta’ ċertifikazzjoni b’mod awtonomu u indipendenti, u li għandhom josservaw il-ġerarkija fl-eżerċizzju tal-kompiti kollha fdati lilhom. It-tieni sentenza tal-Artikolu 452(1) tal-LOPJ tipprevedi li, bl-eċċezzjoni tal-kompetenzi ta’ ċertifikazzjoni msemmijin fl-Artikolu 451(3) tal-LOPJ, il-kompiti tas-secretarios judiciales ma jistgħux jiġu ddelegati.

    20.

    Finalment, il-punt 8 tal-Artikolu 465 tal-LOPJ jipprevedi li s-superjuri tas-secretarios judiciales ma jistgħux jagħtu struzzjonijiet lil tal-aħħar dwar proċeduri li għadhom għaddejjin u li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom:

    “Is-Secretarios de Gobierno għandhom il-kompetenzi li ġejjin:

    8.

    […] Lanqas ma jistgħu jagħtu struzzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ kawżi konkreti li fihom huwa involut secretario judicial għal finijiet ta’ awtentikazzjoni jew fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu ta’ organizzazzjoni u ta’ direzzjoni tal-proċess.”

    2. Real Decreto 1608/2005

    21.

    Id-Digriet Irjali 1608/2005 por el que se aprueba el Reglamento Orgánico del Cuerpo de Secretarios Judiciales (Digriet Irjali Nru 1608/2005 dwar l-awtorizzazzjoni tar-regolament organiku rigward is-secretarios judiciales, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 1608/2005”) ( 8 ) ukoll jirregola l-qafas ġuridiku tas-secretarios judiciales.

    22.

    L-Artikolu 16(h) u l-punt 2 tal-Artikolu 21 tad-Digriet Irjali Nru 1608/2005 jikkonfermaw mill-ġdid li s-superjuri tas-secretarios judiciales ma jistgħux jagħtu struzzjonijiet lil dawn fir-rigward ta’ proċeduri li għadhom għaddejjin, li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. L-Artikolu 16(h) tad-Digriet Irjali Nru 1608/2005 jistabbilixxi li ġej:

    “Is-Secretarios de Gobierno għandhom il-kompetenzi li ġejjin fl-ambitu konkret tal-attività tagħhom:

    h)

    […] Lanqas ma jistgħu jagħtu struzzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ kawżi konkreti li fihom huwa involut secretario judicial għal finijiet ta’ awtentikazzjoni jew fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu ta’ organizzazzjoni u ta’ direzzjoni tal-proċess.”

    23.

    Il-punt 2 tal-Artikolu 21 tad-Digriet Irjali Nru 1608/2005 jistabbilixxi:

    “Is-Secretario General de la Administración de Justicia għandu l-kompetenzi li ġejjin:

    2)

    […]

    […] Lanqas ma jista’ jagħti struzzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ kawżi konkreti li fihom huwa involut secretario judicial għal finijiet ta’ awtentikazzjoni jew fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu ta’ organizzazzjoni u ta’ direzzjoni tal-proċess.”

    24.

    Skont l-Artikolu 81(1)(a) tad-Digriet Irjali Nru 1608/2005, is-secretarios judiciales għandhom dritt individwali sabiex iżommu l-istatus ta’ uffiċjal tagħhom, jissodisfaw il-kompiti fil-fatt assenjati lill-grupp okkupazzjonali tagħhom u li jitneħħew mill-uffiċċju tagħhom biss fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

    3. Ley 1/2000 de enjuiciamento civil

    25.

    L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji kkonċernata fil-kawża prinċipali hija rregolata mil-Ley 1/2000 de Enjuiciamento Civil (Liġi 1/2000 dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili, iktar ’il quddiem il-“LEC”) ( 9 ). Bl-emendi li saru fil-LEC permezz tal-Liġi 13/2009 ( 10 ), il-kompetenza esklużiva għal din il-proċedura, li inizjalment kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-imħallfin, kienet ittrasferita lis-secretarios judiciales sabiex jitnaqqas il-piż ta’ xogħol tal-imħallfin ( 11 ). Hawnhekk ma kinux emendati d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvolġiment tal-proċedura.

    26.

    Wara li tressqet it-talba li oriġinat il-proċedura preżenti, il-LEC ġiet emendata bil-Liġi 42/2015 ( 12 ). Iżda, kif speċifikat fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi 42/2015, l-emendi li saru għal-LEC ma humiex applikabbli għal proċeduri pendenti. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-LEC hawn taħt riprodotti huma elenkati fil-verżjoni applikabbli għall-proċedura preżenti qabel ma saret l-emenda permezz tal-Liġi 42/2015 ( 13 ).

    27.

    L-Artikolu 34 tal-LEC jirregola l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-procuradores (rappreżentanti legali) u t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxu:

    “2.   […]

    Jekk il-persuna li qed tagħti l-awtorizzazzjoni tikkontesta fi ħdan it-terminu msemmi, is-secretario judicial jeżamina l-kont u l-atti proċedurali, kif ukoll id-dokumenti ppreżentati u, fi żmien għaxart ijiem, jagħti deċiżjoni motivata li tistabbilixxi s-somma li għandha titħallas lill-procurador. Din is-somma tiġi ssekwestrata jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika.

    Id-deċiżjoni motivata skont il-paragrafu preċedenti ma hija suġġetta għal ebda appell, madankollu, din bl-ebda mod ma tippreġudika s-sentenza li sussegwentement tista’ tingħata fl-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.”

    28.

    L-Artikolu 35 tal-LEC jirregola l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukati u jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Fil-konfront tal-parti li huma jirrappreżentaw, l-avukati jistgħu jitolbu l-ħlas tal-onorarji dovuti lilhom fil-kawża billi jippreżentaw fattura dettaljata, filwaqt li jiddikjaraw b’mod formali li dawn l-onorarji huma dovuti lilhom u li għadhom ma tħallsux.

    2.   Wara l-preżentata ta’ din it-talba, is-secretario judicial jistieden lid-debitur sabiex iħallas is-somma msemmija, inklużi l-ispejjeż, jew iressaq kontestazzjoni fir-rigward tal-fattura fi ħdan għaxart ijiem. Din is-somma għandha tiġi ssekwestrata jekk il-mandant la jħallas u lanqas ma jressaq kontestazzjoni.

    Jekk, f’dan it-terminu, titressaq kontestazzjoni fir-rigward tal-onorarji fuq il-bażi li dawn ma humiex dovuti, għandhom japplikaw it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 34(2).

    Jekk titressaq oppożizzjoni kontra l-onorarji fuq il-bażi li dawn huma eċċessivi, imbagħad, jekk l-avukat ma jipprovax l-eżistenza ta’ stima tal-ispejjeż bil-miktub, aċċettata mill-persuna li opponiet, fl-ewwel lok issir id-determinazzjoni skont l-Artikoli 241 et seq, u tingħata deċiżjoni motivata li biha hija ffissata s-somma dovuta. Din is-somma tiġi ssekwestrata jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika.

    Din id-deċiżjoni motivata ma hijiex suġġetta għal appell, madankollu, bl-ebda mod ma tippreġudika s-sentenza li tista’ tingħata sussegwentement fl-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.

    3.   Jekk, fit-terminu stabbilit, id-debitur tal-onorarji ma jressaqx kontestazzjoni, il-fattura tkun suġġetta għal eżekuzzjoni forzata fl-ammont tas-somma li hija tindika, flimkien mal-ispejjeż tal-irkupru.”

    29.

    L-Artikolu 206 tal-LEC huwa intitolat “Tipi ta’ deċiżjonijiet”. Il-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

    “2.   Id-deċiżjonijiet tas-secretarios judiciales huma indikati bħala ‘miżura inċidentali’ u ‘deċiżjoni motivata’.”

    30.

    L-Artikolu 207 tal-LEC, li huwa intitolat “Deċiżjonijiet definittivi. Deċiżjonijiet inkontestabbli. Saħħa ta’ res judicata”, jgħid dan li ġej:

    “1.   Deċiżjonijiet definittivi huma dawk li permezz tagħhom tintemm l-ewwel istanza u dawk li jiddeċiedu l-appelli mressqin kontra dawn id-deċiżjonijiet.

    2.   Deċiżjonijiet inkontestabbli huma dawk li ma jistgħux iktar jkunu suġġetti għal appell, għaliex dan ma jkunx previst mil-liġi jew għaliex filwaqt li dan ikun previst, ikun skada t-terminu legali stabbilit mingħajr ma jkun tressaq appell minn xi waħda mill-partijiet.

    3.   Deċiżjonijiet inkontestabbli jiksbu saħħa ta’ res judicata u l-qorti adita tkun f’kull każ marbuta bil-kontenut tagħhom.

    4.   Jekk ikunu skadew it-termini previsti għal appell kontra deċiżjoni, mingħajr ma din tkun ġiet ikkontestata, din issir inkontestabbli u tikseb is-saħħa ta’ res judicata, u l-qorti adita tkun f’kull każ marbuta bil-kontenut tagħha.”

    31.

    L-Artikolu 222 tal-LEC huwa intitolat “Awtorità ta’ res judicata” u l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “1.   L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenzi definittivi, kemm jekk jilqgħu kif ukoll jekk jiċħdu talba, teskludi, skont il-liġi, kwalunkwe proċedura sussegwenti jekk is-suġġett ikun identiku għal dak tal-proċedura li għaliha din tapplika.”

    32.

    L-Artikolu 246(1) tal-LEC, li għalih jirreferi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-LEC, jipprovdi:

    “1.   Jekk l-onorarji jiġu kkontestati minħabba li jkunu meqjusin bħala eċċessivi, l-avukat ikkonċernat jiġi kkonsultat fi żmien ħamest ijiem u, jekk dan ma jaqbilx mat-tnaqqis tal-onorarji mitlub, id-dokumenti tal-fajl u dawk li jkunu meħtieġa jiġu trażmessi lill-uffiċċju sabiex dan jipprepara rapport.”

    33.

    L-Artikolu 517 tal-LEC, intitolat “Azzjoni eżekuttiva. Titoli eżekuttivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu u fil-punt 9 tal-paragrafu 2 tiegħu:

    “1.   L-azzjoni eżekuttiva trid tkun ibbażata fuq titolu li huwa adattat għall-eżekuzzjoni.

    2.   Għall-eżekuzzjoni huma adattati biss it-titoli segwenti:

    9.

    Deċiżjonijiet proċedurali u dokumenti oħrajn li jistgħu jiġu eżegwiti skont din il-liġi jew liġi oħra.”

    34.

    L-Artikolu 552 tal-LEC huwa intitolat “Rifjut li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni. Rimedji” u l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “1.   Jekk il-qorti tikkonstata li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa skont il-liġi ma jkunux issodisfatti sabiex tordna l-eżekuzzjoni, hija għandha tagħti digriet li jirrifjuta l-eżekuzzjoni.

    Jekk il-qorti tikkonstata li waħda mill-klawżoli, li huma inklużi f’wieħed mit-titoli eżekuttivi previsti fl-Artikolu 557(1), tista’ tiġi kklassifikata bħala inġusta, din għandha tisma’ lill-partijiet fi żmien ħmistax-il ġurnata. Wara li dawn jinstemgħu, din għandha tiddeċiedi fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol, konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 561(1).”

    35.

    L-Artikolu 556 tal-LEC huwa intitolat “Oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet proċedurali jew arbitrali jew tal-ftehimiet ta’ medjazzjoni” u l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdu:

    “1.   Jekk it-titolu eżekuttiv ikun deċiżjoni proċedurali jew ta’ arbitraġġ ta’ kundanna jew ftehim ta’ medjazzjoni, l-intimat għall-eżekuzzjoni jista’, fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika tad-digriet ta’ eżekuzzjoni, jopponi l-eżekuzzjoni bil-miktub billi jinvoka l-ħlas jew l-osservanza tad-dispożittiv tas-sentenza, tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew tal-ftehim u jressaq il-prova ta’ dan bil-preżentazzjoni ta’ dokumenti.

    Dan jista’ jinvoka wkoll id-dekadenza tal-azzjoni eżekuttiva jew inkella l-ftehimiet jew tranżazzjonijiet li jkunu ġew konklużi sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni, sa fejn dawn il-ftehimiet u tranżazzjonijiet huma stipulati f’att notarili.

    2.   L-oppożizzjoni mressqa fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1 ma tissospendix l-eżekuzzjoni.”

    36.

    L-Artikolu 557 tal-LEC, intitolat “Oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ titoli eżekuttivi li ma humiex ġudizzjarji jew arbitrali”, jipprovdi fil-punt 7 tal-paragrafu 1 tiegħu u fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “1.   Jekk l-eżekuzzjoni ssir fuq il-bażi ta’ titoli previsti fil-punti 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 517(2), kif ukoll fuq il-bażi ta’ dokumenti oħra li għandhom saħħa eżekuttiva previsti fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2), l-intimat għall-eżekuzzjoni jista’ jressaq oppożizzjoni biss, fit-terminu u l-forma previsti fl-artikolu preċedenti, sa fejn jinvoka fuq waħda mir-raġunijiet segwenti:

    7.

    it-titolu jinkludi klawżoli inġusti.

    2.   Jekk titressaq l-oppożizzjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, is-secretario judicial għandu jissospendi l-eżekuzzjoni permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.”

    III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

    37.

    Fuq azzjoni ta’ P. Hernández Martínez, il-qorti ta’ Terrassa, kompetenti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa [Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa], tat deċiżjoni fil-proċedura Nru 206/2013 għas-soluzzjoni ta’ tilwima dwar kustodja. Għar-rappreżentazzjoni tagħha f’din il-proċedura, P. Hernández Martínez inkarigat lil R. Margarit Panicello bħala avukat. Konformement mal-Artikolu 35 tal-LEC, fis-27 ta’ Lulju 2015, R. Margarit Panicello ressqet azzjoni quddiem is-secretario judicial ta’ din il-qorti għall-ħlas tal-onorarji.

    38.

    Is-secretario judicial, adit b’din l-azzjoni, qajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni, billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tagħtihx il-possibbiltà jeżamina ex officio jekk il-kuntratt konkluż jinkludix klawżoli inġusti jew jekk l-avukat applikax prattiki kummerċjali żleali. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ ċertifikati jew rapporti minn esperti, ma jagħtux lok għal miżuri ta’ stħarriġ.

    39.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-secretario judicial iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bid-domandi preliminari li ġejjin:

    1.

    L-Artikoli 34, 35, 207(2)[, 207(3)] u 207(4) (Liġi 1/2000), li jirregolaw il-proċedura amministrattiva għall-irkupru ta’ onorarji mhux imħallsa (Jura de Cuentas) huma inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn jipprekludu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

    Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 34 u 35 (Liġi 1/2000) is-Secretario Judicial huwa “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

    2.

    L-Artikoli 34 u 35 (Liġi 1/2000) huma inkompatibbli mal-Artikoli 6(1) u 7(2) tad-Direttiva 93/13[…] u mal-Artikoli 6(1)(d), 11 u 12 tad-Direttiva 2005/29[…], sa fejn jipprekludu l-verifika ex officio tal-eventwali klawżoli inġusti jew prattiċi kummerċjali żleali inklużi f’kuntratti bejn avukati u persuni fiżiċi li jaġixxu b’għan barra mill-isfera tal-attività professjonali tagħhom?

    3.

    L-Artikoli 34 u 35 (Liġi 1/2000) huma inkompatibbli mal-Artikoli 6(1) u 7(2) u mal-punt 1(q) tal-Anness għad-Direttiva 93/13[…], sa fejn jipprekludu l-produzzjoni tal-prova fil-proċedura amministrattiva għall-irkupru ta’ onorarji mhux imħallsa bil-għan tar-riżoluzzjoni tat-tilwima?

    IV – Analiżi

    40.

    Għandu jiġi vverifikat jekk, fil-funzjoni li jeżerċita fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, is-secretario judicial huwiex qorti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-każ li dan huwa minnu, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiddeċiedi jekk is-secretario judicial għandux jivverifika, ex officio, il-preżenza ta’ klawżoli inġusti jew prattiki kummerċjali żleali fl-ambitu ta’ din l-azzjoni. Għaldaqstant, il-mod kif hija mfassla l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji huwa kruċjali għad-domandi kollha mressqin fit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti. Għalhekk, qabel xejn, għandha ssir deskrizzjoni ta’ din il-proċedura.

    A – L-azzjoni għall-ħlas ta ’ onorarji quddiem is-secretario judicial

    41.

    L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji prevista fl-Artikoli 34 u 35 tal-LEC tippermetti lil avukat jikseb titolu eżekuttiv għall-pretensjonijiet tal-onorarji tiegħu, mingħajr ma jsir dibattitu kontradittorju dwar dawn il-pretensjonijiet, sakemm id-debitur ma jqajjimx tali dibattitu billi jressaq kontestazzjoni. F’dan ir-rigward, il-proċedura inkwistjoni f’dan il-każ tixxiebah mal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawżi Banco Español de Crédito u Finanmadrid. Fil-fatt, din tal-aħħar tipprevedi wkoll trasferiment tal-inizjattiva proċedurali fuq l-intimat – jiġifieri inverżjoni tal-kontenzjuż – fejn huwa d-destinatarju tal-ordni ta’ ħlas li għandu jibda proċedura kontradittorja sabiex jipprekludi dan l-ordni milli jsir eżekuttiv ( 14 ).

    42.

    L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, li kienet speċifikament żviluppata għall-finijiet tal-irkupru ta’ onorarji tal-avukat dovuti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika, ma hijiex l-unika possibbiltà għal avukat sabiex jeżiġi l-onorarji tiegħu. Fil-fatt, dawn jistgħu jintalbu wkoll fi proċedura ġudizzjarja jew fi proċedura ordinarja ta’ ordni ta’ ħlas.

    43.

    L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji għandha titressaq quddiem is-secretario judicial tal-qorti li kienet adita bil-proċedura mibdija mill-avukat għall-klijent tiegħu u, bħala għan, jista’ jkollha biss l-irkupru tal-onorarji dovuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    1. Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji quddiem is-secretario judicial

    44.

    Jekk avukat jippreżenta t-talba għall-ħlas tal-onorarji tiegħu quddiem is-secretario judicial, dan għandu jivverifika jekk it-talbiet jikkorrispondux mas-servizzi professjonali mogħtija fil-proċedura ġudizzjarja u għandu jeskludi talbiet li ma jistgħux jiksbu rimbors ( 15 ). Imbagħad, dan jitlob lid-debitur sabiex iwettaq il-pagament. Fl-assenza ta’ kontestazzjoni, tiġi ordnata l-eżekuzzjoni.

    45.

    Jekk, min-naħa l-oħra, id-debitur jikkontesta t-talba bħala mhux dovuta, is-secretario judicial għandu jivverifika l-fattura, il-proċess relattiv tal-kawża u d-dokumenti ppreżentati, u finalment jadotta deċiżjoni motivata li tiffissa s-somma li għandha titħallas lill-avukat ( 16 ).

    46.

    Jekk, barra minn hekk, it-talba tiġi kkontestata bħala eċċessiva, u jekk ma teżistix stima tal-ispejjeż aċċettata, is-secretario judicial jistabbilixxi l-ammont tat-talba fil-kuntest tal-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż irregolata fl-Artikolu 241 et seq tal-LEC. Skont l-Artikolu 246 tal-LEC, huwa possibbli, fl-ambitu ta’ din il-proċedura, li jkun ikkonsultat il-kreditur u li l-Kamra tal-Avukati tkun adita bil-kwistjoni ( 17 ).

    47.

    Skont il-formulazzjoni tagħhom, l-Artikoli 34 u 35 LEC jipprevedu espressament li s-secretario judicial jadotta deċiżjoni motivata (“decreto”) għall-iffissar tal-ammont tal-onorarji dovuti. Madankollu, is-secretario judicial jieħu wkoll deċiżjoni meta jeżamina l-fattura tal-avukat, meta jeskludi, jekk ikun il-każ, talbiet li ma jistgħux jiġu rrimborsati, u meta jordna lid-debitur iħallas din il-fattura, kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-LEC, u dan id-dejn isir eżekuttiv minħabba l-assenza ta’ kontestazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 35(3) tal-LEC. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “Deċiżjoni tas-secretario judicial” jirreferi kemm għad-deċiżjoni motivata, prevista espliċitament fl-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, li hija adottata mis-secretario judicial fil-każ ta’ kontestazzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni li huwa jieħu meta jordna lid-debitur iħallas il-fattura eżaminata minnu u meta dan id-dejn isir eżekuttiv minħabba l-assenza ta’ kontestazzjoni. Għandu jiġi preżunt li din id-deċiżjoni tingħata wkoll fil-forma ta’ deċiżjoni motivata (“decreto”).

    2. Fuq l-effetti tad-deċiżjoni tas-secretario judicial

    48.

    Kif speċifikat fl-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, id-deċiżjoni li tingħata mis-secretario judicial fl-ambitu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma hija suġġetta għal ebda appell, iżda, mil-lat sostantiv, ma tippreġudikax proċedura sussegwenti. Għalhekk, dejn ta’ onorarji ffissat mis-secretario judicial jista’ jiġi emendat fi proċedura ordinarja sussegwenti. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tas-secretario judicial għandha saħħa ta’ res judicata iżda mhux l-awtorità ta’ res judicata.

    49.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 207 tal-LEC, is-saħħa ta’ res judicata tfisser biss li deċiżjoni ma tkunx kontestabbli għaliex dan ma jkunx previst mil-liġi jew inkella għaliex ikun skada t-terminu għal appell. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 222(1) tal-LEC, l-awtorità ta’ res judicata tfisser li l-kontenut tad-deċiżjoni adottata jkun vinkolanti wkoll għal proċeduri sussegwenti.

    50.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni li s-secretario judicial jieħu fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, bl-ebda mod ma tipprekludi l-eżegwibbiltà ta’ din id-deċiżjoni. Allura, kif speċifikat fl-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, id-debitur huwa obbligat iħallas is-somma ffissata mis-secretario judicial, taħt piena ta’ sekwestru.

    3. Fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-secretario judicial

    51.

    Dejjem skont in-natura tat-titolu li jista’ jkun infurzat, id-dritt Spanjol jipprovdi żewġ proċeduri ta’ eżekuzzjoni differenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni nfisha. Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet “proċedurali” jew arbitrali ( 18 ) kif ukoll ta’ ftehimiet ta’ medjazzjoni, fil-kuntest ta’ oġġezzjoni mhux sospensiva, skont l-Artikolu 556(1) u (2) tal-LEC, l-intimat jista’ jinvoka biss l-eżekuzzjoni tal-obbligu, id-dekadenza tal-azzjoni ta’ eżekuzzjoni jew it-tranżazzjoni bejn il-partijiet. Jekk, min-naħa l-oħra, la huma involuti titoli ġudizzjarji u lanqas arbitrali ( 19 ), l-Artikolu 557 tal-LEC jipprevedi possibbiltajiet ta’ oppożizzjoni sospensivi ħafna iktar sinjifikattivi, li jippermettu partikolarment li tiġi invokata l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 552(1) tal-LEC, l-imħallef adit bl-eżekuzzjoni ta’ tali titoli għandu jivverifika, ex officio, il-preżenza ta’ klawżoli inġusti ( 20 ).

    52.

    Il-kwistjoni li tikkonċerna l-attribuzzjoni, tad-deċiżjoni tas-secretario judicial fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, għal waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ma tidhirx li kienet iċċarata b’mod eżawrjenti. Il-Gvern Spanjol huwa tal-fehma li din id-deċiżjoni taqa’ taħt it-titoli msemmijin fl-Artikolu 557 tal-LEC, li la huma ġudizzjarji u lanqas arbitrali. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-imħallef tal-eżekuzzjoni għandu jeżamina, ex officio, il-preżenza ta’ klawżoli inġusti. Din l-ipoteżi hija bażi fundamentali tal-argumentazzjoni tal-Gvern Spanjol, kemm fir-rigward tal-kwalità ta’ qorti tas-secretario judicial kif ukoll fir-rigward tar-risposti għad-domandi preliminari mressqin.

    53.

    Madankollu, l-argumentazzjoni Spanjola diffiċli tiġi aċċettata. Dan għaliex, meta wieħed isegwi b’mod preċiż il-katina ta’ riferimenti tad-dispożizzjonijiet tal-LEC dwar l-eżekuzzjoni (Artikoli 517, 556 u 557 tal-LEC) jirriżulta li d-deċiżjonijiet tas-secretario judicial għandhom ikunu eżegwiti bħad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

    54.

    Il-Gvern Spanjol jibbaża l-preżunzjoni tiegħu fuq il-fatt li, għad-definizzjoni tat-titoli, li la huma ġudizzjarji u lanqas arbitrali, l-Artikolu 557 tal-LEC jirreferi għall-Artikolu 517(2) tal-LEC li, min-naħa tiegħu, jiddefinixxi t-titoli kollha li jistgħu jkunu infurzati u fil-punt 9 tiegħu jsemmi d-“deċiżjonijiet ‘proċedurali’ oħrajn u dokumenti li jistgħu jiġu eżegwiti infurzati skont din il-liġi” ( 21 ), li għalihom jappartjenu d-deċiżjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 34 u 35 tal-LEC.

    55.

    Madankollu, l-Artikolu 557(1) tal-LEC jirreferi biss għad-“dokumenti li għandhom saħħa eżekuttiva” ( 22 ) oħrajn, imsemmijin fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2) tal-LEC, iżda mhux għad-“deċiżjonijiet ‘proċedurali’” (“resoluciones procesales”) oħrajn li wkoll huma msemmijin hemmhekk. Fil-fatt, dawn jaqgħu taħt l-Artikolu 556 tal-LEC, li, skont it-test espliċitu tiegħu, jikkonċerna partikolarment l-eżekuzzjoni ta’ “deċiżjonijiet ‘proċedurali’”.

    56.

    Addizzjonalment, id-deċiżjonijiet motivati (“decretos”) adottati mis-secretario judicial fl-azzjoni għall-ħlas tal-onorarji, kif speċifikat fl-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, ma jappartjenux għad-“dokumenti li għandhom saħħa eżekuttiva”, imsemmijin fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2), iżda għad-“deċiżjonijiet ‘proċedurali’” (“resoluciones procesales”) imsemmijin hemmhekk. Dan għaliex, kif speċifikat fl-Artikolu 206(2) tal-LEC, id-deċiżjonijiet motivati (“decretos”) tas-secretario judicial jaqgħu taħt id-deċiżjonijiet (“resoluciones”) li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-korp. Għalhekk, id-deċiżjonijiet motivati (“decretos”) tas-secretario judicial, adottati fl-ambitu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, huma mingħajr dubju “deċiżjonijiet ‘proċedurali’” (“resoluciones procesales”) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 556 tal-LEC, u għalhekk għandhom jitqabblu ma’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħhom.

    57.

    Fis-seduta, minkejja li kien mistoqsi espliċitament, il-Gvern Spanjol ma kellu ebda argumenti sostanzjati biex jopponi din l-interpretazzjoni bbażata fuq it-test espliċitu tad-dispożizzjonijiet tal-LEC: fil-fatt, mingħajr ma jesprimi ruħu b’mod preċiż dwar it-test tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, għalih kien biżżejjed li jinnota, b’mod vag, “l-interpretazzjoni sistematika” ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    58.

    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dan l-argument, anki interpretazzjoni sistematika tal-LEC tikkonferma li, bħad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, id-deċiżjonijiet li ttieħdu mis-secretario judicial fl-ambitu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, bl-iskop tal-eżekuzzjoni tagħhom, ukoll huma suġġetti għas-sistema standardizzata tal-Artikolu 556 tal-LEC. Fil-fatt, il-Liġi 13/2009, li biha l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ġiet ittrasferita fil-kompetenza tas-secretarios judiciales ( 23 ), emendat ukoll it-titolu tal-Artikolu 556 tal-LEC minn “Oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jew arbitrali […]” (“Oposición a la ejecución de resoluciones judiciales o arbitrales […]”) għal “Oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ‘proċedurali’ jew arbitrali” (“Oposición a la ejecución de resoluciones procesales o arbitrales”). Kif jindika b’mod espliċitu l-preambolu tal-Liġi 13/2009, dan seħħ sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi ġodda tas-secretario judicial stabbiliti dan l-aħħar permezz ta’ din il-liġi. Għalhekk, kif jispeċifika l-preambolu tal-Liġi 13/2009, il-kunċett “deċiżjonijiet ‘proċedurali’” (“resoluciones procesales”) issa jiddeskrivi kemm id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll id-deċiżjonijiet tas-secretarios judiciales ( 24 ).

    59.

    Għall-kuntrarju tal-fehma tal-Gvern Spanjol, dawn l-argumenti juru r-rieda tal-leġiżlatur Spanjol sabiex, minbarra li jittrasferixxi fil-kompetenza tas-secretarios judiciales l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, li qabel kienet irriżervata għall-imħallfin, jieħu ħsieb ukoll li d-deċiżjonijiet li jinħarġu mis-secretarios judiciales fil-kuntest ta’ din il-proċedura jiġu eżegwiti bħad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, skont l-Artikolu 556 tal-LEC.

    60.

    Għaldaqstant, fit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, għandu jiġi preżunt li d-deċiżjonijiet mogħtija mis-secretario judicial fl-ambitu tal-azzjonijiet għall-ħlas ta’ onorarji jitqiesu ekwivalenti għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħhom. Dan ifisser li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, la huwa previst l-obbligu għall-verifika ex officio ta’ klawżoli inġusti u lanqas il-possibbiltà li titressaq oġġezzjoni sospensiva bbażata fuq il-preżenza ta’ tali klawżoli.

    B – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    61.

    Qabel ma nħares lejn id-domanda jekk l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji msemmija iktar ’il fuq hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, inizjalment ser nistħarreġ id-domanda dwar id-dritt tas-secretario judicial li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll kwistjonijiet oħra ta’ ammissibbiltà.

    1. Fuq id-dritt tas-secretario judicial li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari

    62.

    Fit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, is-secretario judicial jesprimi dubji fir-rigward tal-karatteristika tiegħu bħala qorti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE billi, mill-perspettiva formali, fi Spanja ma huwiex parti mill-ġudikatura, iżda uffiċjal fis-servizz tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Madankollu, huwa finalment jafferma d-dritt tiegħu li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Filwaqt li l-Kummissjoni hija tal-istess fehma, il-Gvern Spanjol jopponiha bil-qawwi.

    63.

    Il-kwistjoni ta’ jekk il-korp tar-rinviju huwiex qorti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE għandha tiġi evalwata purament fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ korp permezz tad-dritt nazzjonali ma hijiex determinanti. Dan japplika wkoll għall-evalwazzjoni ta’ korp mill-ġurisprudenza nazzjonali u għalhekk, fil-proċedura preżenti, mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali) msemmija mis-secretario judicial u diskussa fis-seduta, li permezz tagħha deċiżjoni adotta mis-secretario judicial fi proċedura oħra li ma hijiex dik inkwistjoni fil-każ ineżami ma hijiex ikklassifikata bħala att ġudizzjarju fis-sens tad-dritt proċedurali tat-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali).

    64.

    Mill-banda l-oħra, għall-evalwazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tal-kwalità ta’ qorti ta’ korp, huma essenzjali sensiela ta’ fatturi, bħall-kwistjoni jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 25 ).

    65.

    Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima hija pendenti quddiemhom u jekk dawn huma mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 26 ).

    66.

    Il-kwistjoni jekk entità tistax tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha tiġi deċiża abbażi ta’ kriterji li jikkonċernaw kemm il-kostituzzjoni kif ukoll il-funzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, entità nazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta twettaq funzjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li, meta teżerċita funzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva, din il-klassifikazzjoni ma tkunx tista’ tingħatalha ( 27 ).

    67.

    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk korp nazzjonali, mogħti funzjonijiet ta’ natura differenti mil-liġi, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju wkoll li jiġi vverifikat liema hija n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jkun qed jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ).

    68.

    Għalhekk, fil-każ preżenti jrid ikun ivverifikat jekk is-secretario judicial jikkwalifikax bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’mod speċjali fil-funzjoni eżerċitata minnu fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji kif speċifikat fl-Artikolu 35 tal-LEC.

    69.

    Qabelxejn, ma jeżistux problemi dwar jekk l-attività tas-secretario judicial hijiex stabbilita mil-liġi u lanqas fir-rigward tan-natura permanenti tiegħu ( 29 ). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji rregolata fl-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, ma jeżisti ebda dubju dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt mis-secretario judicial.

    70.

    Fil-każ preżenti, min-naħa l-oħra, huma dibattibbli l-indipendenza ta’ dan il-korp kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni hijiex proċedura obbligatorja u kontradittorja li fil-kuntest tagħha għandha tiġi deċiża tilwima u li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

    a) Fuq l-indipendenza tas-secretarios judiciales

    71.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ indipendenza tal-qorti għandu żewġ aspetti, wieħed estern u ieħor intern.

    72.

    F’dak li, l-ewwel nett, jirrigwarda l-aspett intern tal-indipendenza, dan huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha ( 30 ).

    73.

    L-indipendenza interna tas-secretario judicial tkun iggarantita fil-kuntest tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji meta, fil-konfront tal-avukat u l-klijent tiegħu, dan jieħu l-pożizzjoni ta’ terz imparzjali. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 452(1) tal-LOPJ tipprevedi li, f’kull każ, dan jeżerċita l-kompiti tiegħu b’mod imparzjali. Finalment, il-qafas ġuridiku li għalih is-secretario judicial huwa suġġett fir-rigward tal-astensjoni u r-rekuża jikkorrispondi, fil-biċċa l-kbira, ma’ dak tal-imħallef ( 31 ).

    74.

    F’dak li jirrigwarda l-aspett estern tal-indipendenza, dan jippreżupponi li l-korp li jkun meħtieġa jiddeċiedi għandu jkun protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza ġudizzjarja tal-membri tiegħu fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemu ( 32 ).

    75.

    Barra minn hekk, il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ kontestazzjoni u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fl-imħuħ tal-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati, fir-rigward tal-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward tal-elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li taffronta. F’dan ir-rigward, sabiex il-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-korp ta’ rinviju titqies li hija ssodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, b’mod partikolari, li l-każijiet ta’ tneħħija tal-membri ta’ dan il-korp ikunu ddeterminati espressament minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi ( 33 ).

    76.

    Fir-rigward tas-secretarios judiciales, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li dawn jinħatru b’kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandhom dritt individwali li jżommu l-istatus ta’ uffiċjal tagħhom, jissodisfaw il-kompiti fil-fatt aditi lill-grupp okkupazzjonali tagħhom, u li jitneħħew biss fil-każijiet speċifikati mil-liġi u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi ( 34 ). Finalment, dawn jistgħu jiġu eżonerati mill-uffiċċju tagħhom biss minħabba kundanni jew inkella f’każijiet ta’ mġiba serjament ħażina li huma elenkati b’mod eżawrjenti mil-liġi u ddefiniti b’mod suffiċjentement ċar ( 35 ).

    77.

    Barra minn hekk, il-kompetenza tas-secretarios judiciales għall-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma tistax tkun iddelegata lil uffiċjali oħrajn ( 36 ). Iżda d-dispożizzjonijiet applikabbli jistabbilixxu, partikolarment, li fi proċeduri, f’każijiet individwali, is-secretarios judiciales jaġixxu esklużivament b’mod korrispondenti għall-kompetenzi mogħtija lilhom, iżda mhux taħt struzzjonijiet. Għalhekk, kif jenfasizza espliċitament is-secretario judicial fid-digriet tar-rinviju tiegħu, l-istituzzjoni tagħhom bl-ebda mod ma jista’ jkollha influwenza fuq proċeduri li għadhom għaddejjin jew tagħtihom gwida fir-rigward ta’ kawżi konkreti ( 37 ). Minkejja l-istatus tagħhom bħala uffiċjali u mhux imħallfin fis-sistema nazzjonali kif ukoll is-subordinazzjoni ġenerali tagħhom għal korpi b’ġerarkija ogħla ( 38 ), is-secretarios judiciales huma, għalhekk, mingħajr ebda dubju, indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lilhom fl-ambitu ta’ azzjoni partikolari għall-ħlas ta’ onorarji.

    78.

    F’dan il-kuntest, għall-kuntrarju tal-fehma espressa mill-Gvern Spanjol fis-seduta, f’din ir-relazzjoni għandu jiġi preżunt li d-dispożizzjonijiet legali li jipprojbixxu lill-ġerarkija milli jagħtu struzzjonijiet lis-secretarios judiciales fir-rigward ta’ kawżi konkreti ( 39 ) japplikaw ukoll għall-azzjonijiet għall-ħlas ta’ onorarji. Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet isemmu biss il-kompetenzi ta’ awtentikazzjoni tas-secretario judicial kif ukoll il-kompetenzi ta’ dan il-korp sabiex jadotta deċiżjonijiet proċedurali. Madankollu, it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għadu joriġina miż-żmien qabel ma sar it-trasferiment tal-kompetenza lis-secretarios judiciales fir-rigward tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji. Għaldaqstant, ma jeżisti ebda dubju dwar il-fatt li l-prinċipju tal-libertà minn istruzzjonijiet fil-każijiet individwali għandu jiġi applikat ukoll, b’analoġija, fuq id-deċiżjonijiet li għandu jieħu s-secretario judicial fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji.

    79.

    Għalhekk, fid-dawl tal-kriterji msemmijin hawn fuq, kemm fir-rigward tal-istatus tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom fl-ambitu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, is-secretarios judiciales igawdu minn garanziji suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-kriterju tal-indipendenza.

    80.

    Għalhekk ma tistax tiġi segwita l-fehma invokata mill-Gvern Spanjol, li hija bbażata biss fuq it-test tal-Artikolu 452 tal-LOPJ, skont liema s-secretarios judiciales jaġixxu b’mod awtonomu u indipendenti biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom ta’ awtentikazzjoni, filwaqt li fil-kuntest tal-kompiti l-oħrajn tagħhom għandhom josservaw il-ġerarkija. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrimarkat li anki t-test ta’ dik id-dispożizzjoni għadu joriġina miż-żmien qabel it-trasferiment tal-kompetenza tal-qasam tal-azzjonijiet għall-ħlas ta’ onorarji lis-secretarios judiciales u għalhekk ma humiex meħudin inkunsiderazzjoni l-kompiti ġodda kważi ġudizzjarji ta’ dan il-korp.

    81.

    Minn dan kollu jirriżulta li, minkejja l-karatteristika tiegħu bħala uffiċjal tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, is-secretario judicial huwa suffiċjentement indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji sabiex jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    b) Fuq il-funzjoni tas-secretarios judiciales fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji

    82.

    Id-domanda dwar il-kwalità ta’ qorti tas-secretario judicial fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni fil-każ ineżami hija dibattibbli bejn il-partijiet fir-rigward tan-natura kontradittorja u kontenzjuża ta’ din il-proċedura, kif ukoll fir-rigward tan-natura obbligatorja tagħha u l-kwistjoni ta’ jekk din twassalx għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

    83.

    Fir-rigward tal-ewwel aspett, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tinkludi elementi kontradittorji ( 40 ). Huwa minnu li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huwa teoretikament possibbli li avukat jikseb titolu li jista’ jkun infurzat mingħajr dibattitu kontradittorju dwar it-talba tiegħu, sa fejn id-debitur ma jressaqx kontestazzjoni ( 41 ). Iżda malli titressaq kontestazzjoni mill-kontroparti, din il-proċedura ssir kontradittorja b’tali mod li, f’dan il-każ, is-secretario judicial mhux biss ikollu jivverifika t-talbiet tal-avukat, iżda jkollu wkoll jikkonsultah ( 42 ).

    84.

    Madankollu, skont il-Gvern Spanjol, l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma hija bbażata fuq l-ebda kawża li għandu jiddeċiedi s-secretario judicial. Fil-fatt, dan il-korp huwa ristrett għall-verifika tas-servizzi ta’ avukat ipprovduti u għall-iffissar tal-ammont li l-klijent għandu jħallas lill-avukat.

    85.

    Madankollu, billi fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji hemm pendenti tilwima, jiġifieri t-tilwima marbuta ma’ dejn ta’ onorarji tal-avukat li fil-fatt jew allegatament ma tħallsux, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda ( 43 ). Għalhekk, is-secretario judicial isolvi din it-tilwima permezz tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-dejn jew l-istabbiliment tal-ammont tiegħu. F’dan ir-rigward, permezz tal-kontroll tat-talba abbażi tad-dokumenti preżenti, huwa neċessarjament iwettaq ukoll evalwazzjoni tal-provi kif ukoll ċerta verifika tal-fondatezza tat-talba. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ippreġudikata mill-fatt li, fid-domandi preliminari, li għandhom jiġu ttrattati sussegwentement, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-verifika u l-produzzjoni tal-provi fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jissodisfawx il-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    86.

    Il-fatt li l-kompetenza għall-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ġiet ittrasferita lis-secretarios judiciales, sabiex l-imħallfin jittaffew minn kompiti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni prinċipali tal-eżerċizzju tal-attività ġudizzjarja, lanqas ma huwa argument kontra n-natura kontenzjuża ta’ din il-proċedura. Dan huwa iktar u iktar il-każ billi l-proċess tal-proċedura u l-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni finali fil-kuntest tat-trasferiment tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma kinux emendati ( 44 ). Huwa proprju għal din ir-raġuni li, kif jargumenta l-korp tar-rinviju, it-trasferiment lis-secretario judicial tal-kompetenza għall-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji qajjem dibattitu f’livell nazzjonali dwar l-istat tad-dritt tat-trasferiment ta’ kompetenzi kważi ġudizzjarji lil korpi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Finalment, lanqas in-natura inċidentali tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji u d-dipendenza tagħha minn proċedimenti ġudizzjarji li saru qabel ( 45 ) ma huma indikaturi li l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, li f’dan ir-rigward hija simili għall-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż li teżisti wkoll fil-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex proċedura kontradittorja għas-soluzzjoni ta’ tilwima pendenti.

    87.

    Fir-rigward tan-natura obbligatorja tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kompetenza tas-secretario judicial fil-kuntest ta’ din l-azzjoni ma tiddependix mill-kunsens tal-partijiet u li d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti għal dawn tal-aħħar ( 46 ).

    88.

    Minn naħa waħda, il-ġurisdizzjoni tas-secretarios judiciales fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji hija obbligatorja sa fejn din il-proċedura hija prevista mil-liġi u għalhekk indipendentement minn dak li ġie miftiehem mill-partijiet. Għaldaqstant, il-fatt li avukat jista’ jagħmel użu wkoll minn proċeduri oħrajn għall-irkupru tal-ħlasijiet tiegħu, ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji bħala obbligatorja: dan għaliex ladarba avukat jiftaħ tali proċedura, il-klijent ikkonċernat ser ikun awtomatikament involut fiha, mingħajr ma jkun jista’ jipprekludiha. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza Consorci Sanitari del Maresme, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet kompetenza fakultattiva bħala ġurisdizzjoni obbligatorja ( 47 ). Il-każ preżenti huwa simili f’dan ir-rigward.

    89.

    Anki jekk, kif issemma fis-seduta, dejn ta’ onorarji kontenzjuż seta’ kien kemm is-suġġett ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji kif ukoll ta’ proċedura ordinarja fl-istess waqt, u dan ma kien jiġġustifika l-ebda lis alibi pendens, din iċ-ċirkustanza ma kienet tkun l-ebda argument kontra n-natura ta’ qorti tas-secretario judicial fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji. Inkella kien ikollha tiġi ddubitata wkoll n-natura ta’ qorti, mhux ikkontestata f’dan il-każ, tal-qorti ordinarja adita bid-dejn kontenzjuż b’mod parallel għas-secretario judicial.

    90.

    Min-naħa l-oħra, lanqas l-argumenti esposti mill-Gvern Spanjol fir-rigward tal-effett tad-deċiżjoni mogħtija fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma jistgħu jqajmu dubji dwar in-natura vinkolanti jew dwar in-natura ġudizzjarja ta’ din id-deċiżjoni.

    91.

    Qabelxejn, fil-każ ineżami, in-nuqqas tal-awtorità ta’ res judicata ( 48 ) ma jistax jipprekludi n-natura ġudizzjarja tad-deċiżjoni mogħtija fl-ambitu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji. Dan għaliex, irrispettivament mill-possibbiltà tat-tqegħid f’dubju sussegwenti tagħha fi proċedura separata, id-deċiżjoni tas-secretario judicial, mingħajr dubju, għandha l-istess effett fil-konfront tal-partijiet fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji daqs deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, billi din ma tistax tkun ikkontestata, hija għandha fil-fatt is-saħħa ta’ res judicata u toħloq, għalhekk, titolu eżekuttiv awtonomu fir-rigward tad-debitur jew, fejn applikabbli, obbligu awtonomu ta’ aċċettazzjoni ta’ tnaqqis tad-dejn għall-kreditur ( 49 ). Għaldaqstant, din tirrappreżenta ċertu paragun għal deċiżjonijiet li jittieħdu fi proċeduri għal miżuri provviżorji. Dawn ukoll huma eżekuttivi immedjatament, imma xorta waħda ma jippreġudikawx deċiżjoni li tingħata sussegwentement fil-kawża prinċipali.

    92.

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżekuzzjoni nfisha, l-argument tal-Gvern Spanjol, skont liema ma hijiex id-deċiżjoni motivata tas-secretario judicial li tikkostitwixxi t-titolu li jista’ jkun infurzat, iżda l-kont tal-onorarji tal-avukat, ma huwiex rilevanti. Dan għaliex, anki f’każ ta’ ordni għall-ħlas fl-ammont mitlub inizjalment, xorta waħda hemm il-bżonn ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, sabiex il-kont ta’ avukat ikun jista’ jinbidel f’titolu li jista’ jkun infurzat.

    93.

    F’dan ir-rigward, id-diskussjoni li saret iktar ’il fuq, dwar id-dispożizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li kienet meħuda fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ( 50 ), timplika li din l-eżekuzzjoni hija suġġetta għall-istess sistema bħall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għalhekk, id-debitur huwa partikolarment imċaħħad milli jwaqqaf l-infurzar permezz ta’ eċċezzjoni sospensiva. Dan l-aspett huwa indikatur qawwi li tali deċiżjoni hija ta’ natura ġudizzjarja.

    94.

    Finalment, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ stħarriġ fir-rigward tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti jaqax fil-kompetenza tas-secretario judicial jew inkella – kif sostnut mill-Gvern Spanjol – fil-kompetenza tal-imħallef tal-eżekuzzjoni, hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ qorti tas-secretario judicial. Għaliex jekk, fid-dawl tal-proċess tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji u l-eżekuzzjoni li ssegwih, huwiex mitlub, skont id-dritt tal-Unjoni, li s-secretario judicial iwettaq stħarriġ għan-natura inġusta għandu jiġi deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari.

    95.

    Għalhekk, kollox ma’ kollox, jiena tal-fehma li s-secretario judicial huwa qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, billi jiddeċiedi, b’mod indipendenti u awtonomu, tilwima fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża u jieħu deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

    2. Fuq il-kwistjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà

    96.

    Filwaqt li l-Kummissjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex biżżejjed elementi sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari tas-secretario judicial, il-Gvern Spanjol isostni li dawn id-domandi huma irrilevanti għall-kawża prinċipali.

    a) Fuq in-natura suffiċjentement dettaljata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    97.

    Bħalma għamlet il-Kummissjoni, jeħtieġ finalment li n-natura suffiċjenti tal-informazzjoni mressqa mis-secretario judicial tiġi kkonfermata. Fil-fatt, minkejja l-iskarsezza tagħha, it-talba għal deċiżjoni preliminari mhux biss tiddeskrivi n-natura tat-tilwima li għandha tiġi deċiża u tal-proċedura kkonċernata kif ukoll il-problema tal-informazzjoni, possibbilment nieqsa, tal-klijenta dwar il-prezz, iżda wkoll il-bażijiet legali tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji kif ukoll id-dubji tas-secretario judicial dwar il-kompatibbiltà tagħha mar-regoli ta’ dritt tal-Unjoni, li l-interpretazzjoni tagħhom huwa jixtieq.

    98.

    L-oġġezzjonijiet tal-Gvern Spanjol, li fis-seduta ġew miżjudin b’ċerta verbożità, skont liema s-secretario judicial ma kienx ipprovda biżżejjed informazzjoni dwar it-tfassil preċiż tal-klawżoli miftiehma bejn l-avukat u l-klijenta tiegħu, għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda. Barra minn hekk, dawn l-oġġezzjonijiet jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni li, f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tesprimi ruħha dwar il-kompatibbiltà ta’ xi klawżoli mad-Direttiva 93/13, iżda dwar il-kompatibbiltà tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma’ din id-direttiva.

    99.

    Għalhekk, l-ispjegazzjonijiet tas-secretario judicial dwar il-qafas legali u fattwali tal-kawża prinċipali huma suffiċjenti għal risposta utli għad-domandi li tressqu. Lil hinn minn dan, dawn verament taw lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet, kif juri wkoll il-kontenut tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    100.

    Barra minn hekk, anki jekk l-argumenti preċedenti huma bbażati fuq riċerki intensivi, dawn sempliċement ikkonfermaw l-argumenti fil-qosor tas-secretario judicial. Kieku l-Gvern Spanjol ma żerax dubji, fl-aħħar mill-aħħar, infondati dwar l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn ir-riċerki kienu jkunu superfluwi.

    b) Fuq ir-rilevanza tad-domandi preliminari għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali

    101.

    Il-Gvern Spanjol jargumenta li fil-kawża prinċipali la hija deċiżiva l-interpretazzjoni tad-Direttivi 93/13 u 2005/29, u lanqas l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    i) Fuq ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali

    102.

    Fir-rigward, qabelxejn, tad-Direttiva 93/13, il-Gvern Spanjol huwa tal-fehma li d-domandi mressqin huma irrilevanti għad-deċiżjoni li għandu jieħu s-secretario judicial. Dan għaliex ma huwiex il-kompitu ta’ dan il-korp li jivverifika l-preżenza ta’ klawżoli inġusti, iżda tal-imħallef adit bl-eżekuzzjoni sussegwentement.

    103.

    Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

    104.

    Minn naħa waħda, kif sostnut iktar ’il fuq ( 51 ), bl-ebda mod ma ntwera li l-imħallef adit bl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-secretario judicial għandu jivverifika ex officio l-preżenza ta’ klawżoli inġusti.

    105.

    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 93/13 hija applikabbli għal regoli ta’ dritt li jikkonċernaw is-setgħat tal-qorti nazzjonali għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ( 52 ). Għaldaqstant, l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji quddiem is-secretario judicial taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Id-domanda dwar jekk jinsabx f’idejn dan il-korp jew f’idejn l-imħallef adit bl-eżekuzzjoni sussegwentement li jivverifika, ex officio, il-preżenza ta’ klawżoli inġusti, tista’, għaldaqstant, tkun importanti fir-rigward tal-konformità tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji mad-Direttiva 93/13. Madankollu, din il-kwistjoni għandha tkun mistħarrġa fil-kuntest tal-verifika materjali tad-domandi preliminari mressqin, u mhux fil-kuntest tal-verifika tal-preżunzjoni ta’ rilevanza u, għalhekk, tal-ammissibbiltà tagħhom.

    ii) Fuq ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali

    106.

    F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2005/29, skont il-fehma tal-Gvern Spanjol, din ma tipprevedix li l-imħallfin nazzjonali għandhom jivverifikaw ex officio prattiċi kummerċjali żleali, iżda sempliċement tippreskrivi lill-Istati Membri sabiex jipprevedu miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra tali prattiki.

    107.

    Madankollu, b’din l-argumentazzjoni, il-Gvern Spanjol ukoll ma jiħux inkunsiderazzjoni l-linja ta’ separazzjoni bejn l-ammissibbiltà u l-analiżi sostantiva tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan għaliex il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2005/29 tirrikjedix lill-qrati nazzjonali jivverifikaw, ex officio, il-preżenza ta’ prattiki kummerċjali żleali, tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva nfisha u mhux l-importanza tagħha għall-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hijiex neċessarja l-interpretazzjoni ta’ att fil-kuntest ta’ domanda preliminari, ma hijiex ikkonċernata l-interpretazzjoni ta’ dan l-att, iżda l-kwistjoni, prinċipalment, dwar jekk tali interpretazzjoni hijiex neċessarja għall-evalwazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tas-sitwazzjoni inkwistjoni.

    108.

    Fir-rigward ta’ dan, fid-deċiżjoni ta’ rinviju tiegħu, is-secretario judicial jinnota, b’mod espliċitu, li ma jidhirx li R. Margarit Panicello informa lil P. Hernández Martínez minn qabel dwar l-ispejjeż tas-servizzi tiegħu. Għaldaqstant, kif ikompli jargumenta, is-secretario judicial jinsab imħasseb dwar il-fatt li P. Hernández Martínez ġiet mitluba tħallas somma relattivament għolja, mingħajr ma jista’ jiġi vverifikat jekk in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-prezz jikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali.

    109.

    Barra minn hekk, id-Direttiva 2005/29 għal prattiki kummerċjali inġusti ta’ operaturi tas-suq fil-konfront ta’ konsumaturi tapplika qabel, matul u wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali bbażata fuq kwalunkwe servizz ( 53 ). Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, kuntratt bejn avukat u l-klijenta tiegħu dwar il-provvista ta’ servizzi legali għandu jkun ikkunsidrat bħala tranżazzjoni kummerċjali bbażata fuq servizz fis-sens tad-Direttiva 2005/29 ( 54 ).

    110.

    Għalhekk, li kieku s-secretario judicial kellu jikkonstata li R. Margarit Panicello verament ma kienx informa lill-klijenta tiegħu dwar il-prezz tas-servizz tiegħu, u li dan wassal lil din għal deċiżjoni dwar tranżazzjoni li ma kinitx tieħu f’ċirkustanzi oħra, allura n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-prezz ikollu jkun ikklassifikat bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29 ( 55 ).

    111.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li huwa ċar li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 ma tinsab fl-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li din ma hijiex deċiżiva għaliha ( 56 ).

    iii) Fuq ir-rilevanza tal-Artikolu 47 tal-Karta għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali

    112.

    Skont il-Gvern Spanjol, konformement mal-Artikolu 51 tal-Karta, l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, billi ma teżisti l-ebda regolazzjoni stipulata mid-dritt tal-Unjoni dwar l-irkupru ta’ onorarji mill-avukati. Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta ma hijiex deċiżiva għall-kawża prinċipali.

    113.

    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

    114.

    Fil-fatt, mis-sentenza Åkerberg Fransson, jirriżulta li, ladarba leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li hija tirrikjedi sabiex tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din ir-regolazzjoni mad-drittijiet fundamentali ( 57 ).

    115.

    F’dan il-każ, ma huwiex dibattibbli li d-dispożizzjonijiet, li jirregolaw il-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, billi l-kuntratt ikkonċernat fil-kawża prinċipali kien konkluż bejn avukat u konsumatriċi u, għaldaqstant, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ( 58 ). Barra minn hekk, id-Direttiva hija applikabbli għal regoli tad-dritt li jikkonċernaw is-setgħat tal-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ( 59 ).

    116.

    Lil hinn minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti nazzjonali għandha tosserva ( 60 ).

    117.

    Għalhekk, il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13 fir-rigward tal-kompetenzi ta’ verifika tal-imħallef nazzjonali għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    118.

    Għalhekk, bħala riżultat, id-domandi preliminari huma rilevanti għall-kawża prinċipali.

    3. Konklużjoni intermedjarja

    119.

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija ammissibbli u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondiha.

    C – Fuq id-domandi preliminari

    120.

    Sussegwentement, fl-ewwel lok, ser nindirizza l-ewwel parti tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari, li jikkonċernaw il-kompatibbiltà tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji mad-Direttivi 93/13 u 2005/29 flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Imbagħad ser nittratta t-tielet domanda preliminari, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, is-setgħat tas-secretario judicial biex jipproduċi provi fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13.

    1. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel u fuq it-tieni domanda preliminari

    a) Fuq ir-rekwiżiti għas-setgħat ta’ stħarriġ tal-qrati nazzjonali fil-qasam tad-Direttiva 93/13 u l-applikabbiltà tagħhom għad-Direttiva 2005/29

    121.

    Billi l-inugwaljanza bejn il-konsumaturi u l-operaturi tas-suq tista’ tkun ibbilanċjata biss permezz ta’ intervent pożittiv ta’ terz, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi permezz tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali jridu jivverifikaw, ex officio, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ( 61 ).

    122.

    Sa fejn wieħed jista’ jiddetermina, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx deċiżjoni jekk tali obbligu jeżistix ukoll fil-qasam tad-Direttiva 2005/29 u li, għalhekk, l-imħallef nazzjonali huwa obbligat jivverifika, ex officio, il-preżenza ta’ prattiki kummerċjali żleali.

    123.

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma, li l-ġurisprudenza f’dan ir-rigward dwar id-Direttiva 93/13 tista’ tiġi estiża għad-Direttiva 2005/29. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol joġġezzjona għal tali estensjoni, billi l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 2005/29 ma jobbligawx lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, b’mod ġenerali, stħarriġ mill-qorti ex officio ta’ prattiki kummerċjali żleali, iżda li jipprevedu miżuri speċjali għall-ġlieda kontra tali prattiki kummerċjali.

    124.

    Madankollu, fil-kawża preżenti, il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà ġenerali tal-prinċipji żviluppati għad-Direttiva 93/13 dwar l-istħarriġ ex officio tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti mill-qrati nazzjonali għad-Direttiva 2005/29 hija superfluwa.

    125.

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mis-secretario judicial, f’sitwazzjoni bħal dik mogħtija fil-kawża prinċipali, il-preżenza potenzjali ta’ prattika kummerċjali żleali, li tikkonsisti min-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-prezz, ma hijiex rilevanti fiha nfisha, iżda biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt konkluż bejn l-avukat u l-klijenta tiegħu.

    126.

    F’dan il-kuntest, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ prattika kummerċjali tikkostitwixxi indikatur fost ħafna li fuqu tista’ tkun ibbażata l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, billi, kif speċifikat fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżola hija evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jakkumpanjaw il-konklużjoni tal-kuntratt. Dan ma huwiex ippreġudikat mill-fatt li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali ma hijiex adattata sabiex tiġġustifika, awtomatikament, u b’mod indipendenti, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, billi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi li din id-direttiva “hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt” ( 62 ).

    127.

    Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik tal-każ ineżami, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu sabiex, waqt il-verifika tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-preżenza potenzjali ta’ prattiki kummerċjali żleali u, għaldaqstant, id-Direttiva 2005/29.

    128.

    Minn dan għandu jiġi konkluż li l-prinċipji żviluppati fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 rigward in-neċessità ta’ verifika ex officio tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti, għandhom jiġu applikati għad-Direttiva 2005/29, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, b’tali mod li n-natura inġusta tiġi neċessarjament evalwata fis-sens tad-Direttiva 93/13 fid-dawl ta’ eżami ta’ prattiki kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

    129.

    Dan ma huwiex ikkonfutat mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ma tikkonċernax l-adegwatezza bejn il-prezz u s-servizzi li jingħataw inkambju. Madankollu, dan japplika biss sa fejn dawn il-klawżoli jkunu tfasslu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.

    130.

    Għalhekk, huwa minnu li f’sitwazzjoni bħal dik preżenti huwa pjuttost possibbli li klawżola kuntrattwali, għall-evalwazzjoni ta’ liema tista’ tkun rilevanti l-informazzjoni dwar il-prezz li hija nieqsa, tikkonċerna l-adegwatezza tal-prezz fir-rigward tas-servizz ipprovdut. Madankollu, il-klawżola kkonċernata, f’tali każ, probabbilment iktar u iktar ma tkunx imfassla f’lingwaġġ sempliċi u ċar, b’tali mod li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix l-evalwazzjoni tal-kontenut tagħha mill-qorti nazzjonali ( 63 ).

    b) Fuq il-kompatibbiltà tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji mad-Direttiva 93/13 flimkien mad-Direttiva 2005/29 kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta

    131.

    F’konformità mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari kif ukoll it-tieni domanda preliminari għandhom jinftiehmu b’tali mod li s-secretario judicial jixtieq isir jaf jekk id-Direttiva 93/13 moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/29 u mal-Artikolu 47 tal-Karta tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, li ma tippermettix lill-korp adit għal deċiżjoni sabiex jivverifika, ex officio, il-preżenza ta’ klawżoli inġusti jew prattiki kummerċjali żleali.

    132.

    Id-Direttiva 93/13 moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/29 kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tipprekludi proċedura li tagħmilha possibbli lil operatur ta’ negozju biex jikseb l-eżekuzzjoni ta’ dejn fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma tkun ivverifikata, ex officio, il-preżenza ta’ klawżoli inġusti jew prattiki kummerċjali żleali fi stadju tal-proċedura li twassal għall-eżekuzzjoni. Jekk il-proċedura tkun maqsuma f’żewġ fażijiet fejn, fl-ewwel fażi jinkiseb it-titolu li jista’ jiġi infurzat, u, fit-tieni fażi, isseħħ l-eżekuzzjoni proprja, stħarriġ tan-natura inġusta u ta’ prattiki kummerċjali żleali jkun meħtieġ li jsir tal-inqas f’waħda minn dawn iż-żewġ fażijiet ( 64 ).

    133.

    Fl-ewwel lok, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju tista’ tingħata l-impressjoni li kien ikun suffiċjenti li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda tas-Secretario Judicial: id-Direttiva 93/13 b’rabta mad-Direttiva 2005/29 kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tippreġudika l-impossibbiltà ta’ verifika tan-natura inġusta u ta’ prattiċi kummerċjali leali permezz tas-Secretario Judicial adit bl-implementazzjoni tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji biss jekk lanqas l-imħallef li huwa sussegwentement adit bl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-Secretario Judicial ma għandu s-setgħa jwettaq tali verifika. Din ir-risposta tkun tikkorrispondi mal-pożizzjoni rrappreżentata mill-Gvern Spanjol fil-proċedura preżenti.

    134.

    Madankollu, tali risposta għandha tiġi miċħuda.

    135.

    Fil-fatt, jekk wieħed iqis il-proċedura għall-adozzjoni u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li kienet meħuda fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji fit-totalità tagħha, ikun jidher ċar li ma huwiex xieraq li l-istħarriġ tan-natura inġusta u ta’ prattiki kummerċjali żleali jiġi rrilokat għall-fażi tal-eżekuzzjoni ( 65 ). Fil-fatt, dan ikun ifisser li konsumatur jiġi mitlub iħallas, fil-proċedura prinċipali, intiża għall-adozzjoni tat-titolu eżekuttiv, taħt theddida ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, dejn potenzjalment ibbażat fuq klawżoli inġusti jew prattiki kummerċjali żleali.

    136.

    Għalhekk, spostament tal-istħarriġ tan-natura inġusta u ta’ prattiki kummerċjali żleali fuq l-istadju tal-eżekuzzjoni għandu jiġi rrifjutat kemm minħabba raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura kif ukoll għal finijiet tal-implementazzjoni effettiva tar-regoli mogħtija mid-dritt tal-Unjoni kkonċernati. Fil-fatt, permezz ta’ tali spostament ikun jeżisti l-perikolu li ma għandux jiġi injorat li, minħabba l-awtorità naturali tad-deċiżjoni tas-secretario judicial, id-debitur iwettaq il-pagament malli jirċievi din id-deċiżjoni, mingħajr ma tkun neċessarja proċedura ta’ eżekuzzjoni sussegwenti. Dan għaliex, fiha nfisha, il-preżenza ta’ deċiżjoni li tista’ tkun infurzata diġà teżerċita pressjoni li ma għandhiex tkun issottovalutata fuq il-konsumatur sabiex jilħaq l-(allegati) obbligi finanzjarji tiegħu, ladarba l-proċedura għall-adozzjoni tat-titolu eżekuttiv ikun imfassal, kif fil-każ preżenti, bħala proċedura kontenzjuża intiża għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Lil hinn minn dan, kif il-Kummissjoni enfasizzat korrettament fis-seduta, l-oppożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni bl-ebda mod ma għandha titqabbel mal-possibbiltà li tkun ikkontestata d-deċiżjoni tas-secretario judicial. Dan japplika iktar u iktar meta, f’dan il-każ, kif sostnut iktar ’il fuq ( 66 ), tali azzjoni fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma jkollhiex effett sospensiv.

    137.

    Għalhekk, il-fatt li l-istħarriġ tan-natura inġusta u ta’ prattiċi kummerċjali żleali ma jkunx previst fil-kuntest tal-proċedura quddiem is-secretario judicial, iżda fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, jiffavorixxi il-ħlas ta’ djun ittrasformati f’titoli eżekuttivi fil-kuntest tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, iżda li jistgħu potenzjalment ikunu inġusti jew żleali. Tali soluzzjoni tkun evidentement kuntrarja għall-protezzjoni tal-konsumatur mitluba mid-Direttiva 93/13 moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/29 u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

    138.

    Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb kif ġej għall-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari u għat-tieni domanda preliminari: id-Direttiva 93/13 moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/29 u mal-Artikolu 47 tal-Karta għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li, bis-saħħa tagħha, il-korp adit bl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma jistax jivverifika, ex officio, in-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt bejn avukat u konsumatur jew il-preżenza ta’ prattiki kummerċjali żleali.

    2. Fuq it-tielet domanda preliminari

    139.

    Bit-tielet domanda preliminari tiegħu, is-secretario judicial jixtieq isir jaf jekk ir-regoli dwar l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jiksrux id-Direttiva 93/13, billi dawn jirrestrinġu s-setgħat ta’ dan il-korp fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova u, għaldaqstant, id-dritt tal-konsumatur għall-amministrazzjoni tal-provi.

    140.

    Fl-ewwel lok jitqajjmu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, billi s-secretario judicial iressaq kunsiderazzjonijiet dwar il-fatt li s-setgħat ristretti tal-investigazzjoni tiegħu fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jistgħu jipprekludu l-eżami ta’ elementi bħall-eventwalità ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet kuntrattwali, pagamenti parzjali tal-onorarji li diġà twettqu jew il-prassi ordinarja waqt il-ħlas ta’ ammonti tal-onorarji li ma għandhom l-ebda rabta mal-preżenza ta’ klawżoli inġusti. Madankollu, wieħed jista’ jifhem id-domanda tas-secretario judicial anki b’tali mod li dan jixtieq isir jaf jekk ir-restrizzjonijiet matul il-produzzjoni tal-provi fl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jipprekludux l-effettività tad-Direttiva 93/13.

    141.

    Il-kompitu tal-qrati nazzjonali għall-implementazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma huwiex ristrett għas-sempliċi setgħa li jieħdu deċiżjoni dwar in-natura inġusta eventwali ta’ klawżoli kuntrattwali, iżda jkopri, barra minn hekk, l-obbligu li din il-kwistjoni tkun ivverifikata ex officio ( 67 ). Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom rwol attiv għall-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tad-Direttiva 93/13. Lil hinn minn dan, mir-rekwiżiti stipulati mid-dritt tal-Unjoni dwar l-effettività tal-istħarriġ mill-qorti fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Direttiva 93/13, jirriżulta, b’mod ġenerali, li d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali ma jistgħux jagħmlu impossibbli jew itaqqlu eċċessivament l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi minn din id-direttiva ( 68 ).

    142.

    Għaldaqstant, sitwazzjoni li fiha qorti jkollha indikazzjonijiet tan-natura inġusta ta’ klawżoli, iżda ma tkunx tista’ teżaminahom minħabba s-setgħat ta’ stħarriġ ristretti tagħha, hija ovvjament problematika ( 69 ).

    143.

    F’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet tal-LEC dwar l-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jirriżulta li s-secretario judicial ma jqisx biss il-proċess tal-proċedura ġudizzjarja, li għaliha l-ħlas tal-kreditu ta’ onorarji jkun mitlub, iżda wkoll il-fattura tal-avukat kif ukoll dokumenti addizzjonali bħalma hija stima tal-ispejjeż jew kuntratt għall-verifika tat-talba. Barra minn hekk, jekk id-dejn jiġi kkontestat bħala eċċessiv, is-secretario judicial għandu jikkonsulta lill-avukat u, f’każ li dan jirrifjuta tnaqqis għall-ammont pretiż, jgħaddi l-proċess lill-Kamra tal-Avukati ( 70 ). Normalment, dawn is-setgħat ta’ investigazzjoni għandhom ikunu suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata u evalwata l-preżenza ta’ klawżoli inġusti.

    144.

    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, fil-każ ta’ kuntratt konkluż biss b’mod orali, jistgħu jkunu neċessarji setgħat ta’ investigazzjoni iktar estensivi, bħal partikolarment il-possibbiltà li jinstemgħu x-xhieda, sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-preżenza ta’ klawżoli inġusti. Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-LEC, madankollu, jistgħu jiġu interpretati b’tali mod li huwa konformi għad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza li saret f’dan ir-rigward mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja, li s-setgħat tal-verifika tas-secretario judicial imorru lil hinn mill-verifika tal-provi dokumentarji f’każijiet iġġustifikati u, għaldaqstant, jistgħu jinkludu wkoll is-smigħ tax-xhieda.

    145.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti produzzjoni tal-prova suffiċjenti għall-istħarriġ effettiv tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tivverifika dan.

    V – Konklużjoni

    146.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi tas-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa:

    1)

    Fil-kuntest tal-proċedura rregolata mill-Artikoli 34 u 35 tal-Liġi Nru 1/2000, is-secretario judicial għandu jitqies bħala qorti jew tribunal li jista’ jressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-Artikolu 47 tal-Karta għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li, bis-saħħa tagħha, il-korp adit bl-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ma jistax jivverifika, ex officio, in-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt bejn avukat u konsumatur jew il-preżenza ta’ prattiki kummerċjali żleali.

    3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti produzzjoni tal-prova suffiċjenti għall-istħarriġ effettiv tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tivverifika dan.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011.

    ( 3 ) Ara d-dikjarazzjonijiet tal-korp tar-rinviju fil-Kawża C‑269/16, preżentement sospiża, skont liema quddiemu huma pendenti iktar minn 50 proċedura għall-irkupru ta’ onorarji, li huwa ssospenda sakemm tittieħed deċiżjoni fil-proċedura preżenti.

    ( 4 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p. 22), kif irrettifikata fil-25 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 253, p. 18).

    ( 5 ) Ley Orgánica 6/1985, de 1 de julio, del Poder Judicial, BOE 157 tat-2 ta’ Lulju 1985.

    ( 6 ) Ley Orgánica 7/2015, de 21 de julio, por la que se modifica la Ley Orgánica 6/1985, de 1 de julio, del Poder Judicial, BOE 174 tat-22 ta’ Lulju 2015, bid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2015.

    ( 7 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi nnotat li, sakemm jista’ jiġi ddeterminat, ma saru ebda emendi permezz tal-Liġi Organika 7/2015 għad-dispożizzjonijiet tal-LOPJ rilevanti għall-proċedura preżenti, li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ qorti tas-secretario judicial jew fuq l-għoti ta’ risposta għad-domandi preliminari.

    ( 8 ) BOE 17 tal-20 ta’ Jannar 2006.

    ( 9 ) BOE 7 tat-8 ta’ Jannar 2000.

    ( 10 ) Ley 13/2009 de reforma de la legislación procesal para la implantación de la nueva Oficina judicial (Liġi 13/2009 dwar ir-riforma tar-regoli ta’ proċedura għall-istabbiliment tal-uffiċċju ġudizzjarju ġdid), BOE 266 tal-4 ta’ Novembru 2009.

    ( 11 ) Ara l-preambolu tal-Liġi 13/2009 dwar ir-riforma tar-regoli ta’ proċedura għall-istabbiliment tal-uffiċċju ġudizzjarju ġdid.

    ( 12 ) Ley 42/2015, de 5 de octubre, de reforma de la Ley 1/2000, de 7 de enero, de Enjuiciamiento Civil, BOE 239 tas-6 ta’ Ottubru 2015.

    ( 13 ) Għandu jiġi nnotat li, sakemm jista’ jiġi ddeterminat, ma saru l-ebda emendi permezz ta’ din il-liġi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-LEC li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ qorti tas-secretario judicial jew fuq ir-risposti għad-domandi preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iktar ’il quddiem, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 16, 17, 20 u 42, isir riferiment għal xi emendi li xorta waħda huma notevoli. Dan huwa utli b’ħarsa lejn żewġ proċeduri addizzjonali għal deċiżjoni preliminari (Kawżi C‑609/15 u C‑269/16), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fil-preżent sospiżi, li wkoll jikkonċernaw il-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji u li, sakemm jista’ jiġi ddeterminat, diġà jaqgħu taħt il-qafas tal-LEC fil-verżjoni emendata permezz tal-Liġi 42/2015.

    ( 14 ) Ara d-deskrizzjoni fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, Ġabra, EU:C:2015:746, punti 2746): madankollu, b’differenza mill-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, f’każ ta’ proċedura tal-ordni ta’ ħlas, il-kontestazzjoni tiftaħ proċedura ordinarja. Ara, b’mod ġenerali, dwar proċeduri ssimplifikati għall-irkupru ta’ djun, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:74, punti 23 sa 25, 5051).

    ( 15 ) Kif speċifikat fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola, tal-25 ta’ Marzu 1993, fil-kawża 110/1993, BOE 100 tas-27 ta’ April 1993.

    ( 16 ) Barra minn hekk, fil-verżjoni tal-LEC, kif emendata permezz tal-Liġi 42/2015, huwa previst li, qabel ma tingħata d-deċiżjoni, is-secretario judicial għandu jinforma u jikkonsulta lill-kreditur dwar il-kontestazzjoni: ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tal-LEC kif emendata bil-Liġi 42/2015.

    ( 17 ) Barra minn hekk, il-verżjoni tal-LEC kif emendata permezz tal-Liġi 42/2015 tistabbilixxi li s-secretario judicial għandu jagħti l-possibbiltà lill-avukat sabiex jieħu pożizzjoni u jaċċetta tnaqqis tal-onorarji tiegħu qabel ma tinbeda l-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż prevista fl-Artikolu 241 et seq tal-LEC: ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-LEC kif emendata bil-Liġi 42/2015.

    ( 18 ) “Resoluciones procesales o arbitrales”.

    ( 19 ) “Títulos no judiciales ni arbitrales”.

    ( 20 ) Filwaqt li l-verżjoni tal-LEC applikabbli hawnhekk titkellem biss dwar “il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti” (“Cuando el tribunal apreciare que alguna de las cláusulas incluidas en un título ejecutivo […] pueda ser calificada como abusiva”), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 552(1) tal-LEC, kif emendata permezz tal-Liġi 42/2015, jipprevedi, b’mod espliċitu, obbligu għall-verifika ex officio (“El tribunal examinará de oficio si alguna de las cláusulas incluidas en un título ejecutivo […] puede ser calificada como abusiva”).

    ( 21 ) “Las demás resoluciones procesales y documentos que, por disposición de esta […] ley, lleven aparejada ejecución”.

    ( 22 ) “Otros documentos con fuerza ejecutiva a que se refiere el número 9.o del apartado 2 del artículo 517”.

    ( 23 ) Ara l-punt 23 iktar ’il fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

    ( 24 ) “[C]on el objeto de unificar la terminología y adaptarla a las nuevas competencias del Secretario judicial, se utiliza la expresión ‚resoluciones procesales‘, para englobar tanto las resoluciones judiciales […] como las del Secretario judicial […]”.

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Digriet tat-12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin (C-497/08, EU:C:2010:5, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata); sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, Belov (C-394/11, EU:C:2013:48, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou (C‑363/11, EU:C:2012:825, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata); għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura li fiha taġixxi bħala awtorità amministrattiva, qorti nazzjonali ma għandhiex il-karatteristika ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ara d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin (C‑497/08, EU:C:2010:5) għal Amtsgericht (il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħatra ta’ likwidatur.

    ( 28 ) Ara sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara l-Artikoli 440 sa 469 tal-LOPJ (iktar ’il fuq, punti 16 et seq) u Real Decreto 1608/2005 (iktar ’il fuq, punti 21 et seq). Barra minn hekk, dwar il-permanenza tas-secretarios judiciales, ara partikolarment ukoll l-Artikolu 81(1)(a) tar-Real Decreto 1608/2005 (iktar ’il fuq, punt 24).

    ( 30 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra, EU:C:2006:587, punt 52) u tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C‑517/09, Ġabra, EU:C:2010:821, punt 40); simili s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson (C‑407/98, Ġabra, EU:C:2000:367, punti 34 sa 37) u d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C‑109/07, Ġabra, EU:C:2008:274, punt 24).

    ( 31 ) Ara l-Artikolu 446 tal-LOPJ (iktar ’il fuq, punt 18).

    ( 32 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra, EU:C:2006:587, punti 5051), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C‑517/09, Ġabra, EU:C:2010:821, punt 39), kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C‑109/07, Ġabra, EU:C:2008:274, punt 23); ara, fl-istess sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson (C‑407/98, Ġabra, EU:C:2000:367, punt 34).

    ( 33 ) Digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C‑109/07, Ġabra, EU:C:2008:274, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata); sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, HID u BA (C‑175/11, Ġabra, EU:C:2013:45, punt 97).

    ( 34 ) Ara l-Artikoli 442 u 450 LOPJ kif ukoll l-Artikolu 81(1)(a) tar-Real Decreto 1608/2005 (iktar ’il fuq, punti 18 u 24).

    ( 35 ) Ara l-Artikolu 443(2) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 468c(2) flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 468 a(1) tal-LOPJ (iktar ’il fuq, punt 18).

    ( 36 ) Ara l-Artikolu 452(1) tal-LOPJ (iktar ’il fuq, punt 19).

    ( 37 ) Ara l-Artikolu 465(8) tal-LOPJ (iktar ’il fuq, punt 20) kif ukoll l-Artikolu 16(h) u l-Artikolu 21(2) tar-Real Decreto 1608/2005 (iktar ’il fuq, punti 22 u 23).

    ( 38 ) Ara l-Artikolu 440 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 452(1) tal-LOPJ (iktar ’il fuq, punti 18 u 19).

    ( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.

    ( 40 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ proċedura kontradittorja ma huwiex kriterju assolut għall-konstatazzjoni tal-kwalità ta’ qorti ta’ korp fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE; ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch-Consult (C‑54/96, Ġabra, EU:C:1997:413, punt 31), tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, Ġabra, EU:C:2008:723, punt 63 u Nru 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza), u tal-31 ta’ Jannar 2013, HID u BA (C‑175/11, Ġabra, EU:C:2013:45, punt 88).

    ( 41 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 41 u 44.

    ( 42 ) Fil-verżjoni tal-LEC applikabbli fil-każ ineżami, tali smigħ huwa previst f’każ ta’ kontestazzjoni bbażata fuq l-eċċessività tat-talbiet li għalihom ma teżistix stima tal-ispejjeż aċċettata. Konformement mal-LEC, fil-verżjoni emendata tagħha permezz tal-Liġi 42/2015, is-smigħ tal-avukat huwa neċessarju saħansitra f’kull każ ta’ kontestazzjoni (ara l-punt 46 iktar ’il fuq kif ukoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 16 u 17).

    ( 43 ) Għalhekk, il-paragun ippreżentat mill-Gvern Spanjol għal każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat il-kwalità ta’ qorti lill-korp tar-rinviju għaliex dan aġixxa bħala awtorità amministrattiva u ma kellu jiddeċiedi l-ebda tilwima għandu jiġi miċħud; ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Lutz et (C-182/00, Ġabra, EU:C:2002:19, punti 13 sa 14).

    ( 44 ) Ara l-punt 25.

    ( 45 ) Ara l-punt 43, iktar ’il fuq.

    ( 46 ) Ara, dwar dawn il-kriterji, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, Ġabra, EU:C:2015:664, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, Ġabra, EU:C:2015:664, punti 23 sa 25).

    ( 48 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 sa 50.

    ( 49 ) F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tas-secretario judicial fl-ambitu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tiddistingwi ruħha minn deċiżjonijiet oħrajn ikkonċernati fil-kuntest ta’ talbiet oħrajn għal deċiżjoni preliminari, fejn in-nuqqas ta’ saħħa ta’ res judicata tagħhom wassal, fost raġunijiet oħra, għan-negazzjoni tal-kwalità ta’ qorti tal-korp tar-rinviju; ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou (C‑363/11, Ġabra, EU:C:2012:825, punt 27); ara wkoll id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, Emmeci (C‑427/13, EU:C:2014:2121, punt 30).

    ( 50 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 53 sa 59.

    ( 51 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 51 sa 60.

    ( 52 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank (C‑280/13, Ġabra, EU:C:2014:279, punti 38 sa 40).

    ( 53 ) Ara l-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) sa (d) tad-Direttiva 2005/29.

    ( 54 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, Ġabra, EU:C:2015:14 C‑537/13, punti 24 u 35).

    ( 55 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, Ġabra, EU:C:2012:144, punt 41).

    ( 56 ) F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni preżenti tiddistingwi ruħha minn dik fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:349, punti 85-87), li fiha ma kienx hemm indikazzjoni tal-preżenza ta’ prattika kummerċjali żleali.

    ( 57 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, Ġabra, ECLI:EU:C:2013:105, punt 19).

    ( 58 ) Ara l-punt 109 iktar ’il fuq.

    ( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank (C‑280/13, Ġabra, EU:C:2014:279, punti 38-40).

    ( 60 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril Garcia (C‑169/14, Ġabra, EU:C:2014:2099, punt 35); digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril Garcia (C‑539/14, Ġabra, EU:C:2015:508, punt 36).

    ( 61 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:349, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, Ġabra, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 62 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, Ġabra, EU:C:2012:144, punti 42-44); għal spjegazzjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Pereničová u Perenič (C‑453/10, Ġabra, EU:C:2011:788, punti 82-85, 88 et seq [91] u 111).

    ( 63 ) Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, Ġabra, EU:C:2010:309, punt 32); ara, fl-istess sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, Ġabra, EU:C:2010:685, punti 7377), kif ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, Ġabra, EU:C:2012:144, punt 43). Għal diskussjoni komprensiva ta’ din il-kwistjoni ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Pereničová u Perenič (C‑453/10, Ġabra, EU:C:2011:788, punti 115 sa 119).

    ( 64 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:349, punt 57 u Nru 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza), fid-dawl tas-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, Ġabra, EU:C:2016:98, punt 55 u dispożittiv ta’ din is-sentenza). Fl-isfond tal-proċeduri kkonċernati f’dawn iż-żewġ kawżi għandu jiġi nnotat li l-proċedura għall-ordni ta’ ħlas li fil-mument tal-proċedura fil-kawża Banco Español de Crédito kienet għadha taqa’ fil-kompetenza ta’ qorti, kienet ittrasferita lis-secretario judicial fil-mument tal-kawża Finanmadrid; ara s-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, Ġabra, EU:C:2016:98, punti 3738). Fuq il-każ speċifiku u mhux applikabbli għas-sitwazzjoni preżenti f’dan il-każ, ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, Ġabra, EU:C:2015:637, punti 47 sa 49, 59, 6465).

    ( 65 ) Fuq dan is-suġġett, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, Ġabra, EU:C:2015:746, punti 53 et seq.).

    ( 66 ) Ara punt 60 iktar ’il fuq.

    ( 67 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:349, punt 43).

    ( 68 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:349, punt 46).

    ( 69 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija obbligata timplementa miżuri ta’ investigazzjoni ex officio, sabiex tikkonstata jekk klawżola taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, fil-każ li dan huwa kkonfermat, għandha tevalwa ex officio jekk tali klawżola hijiex possibbilment inġusta; ara sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Pénzügyi Lízing (C‑137/08, Ġabra, ECLI:EU:C:2010:659, punt 56 u punt 3 tad-dispożittiv), tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, Ġabra, EU:C:2012:349, punt 44), u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, Ġabra, ECLI:EU:C:2013:88, punt 24).

    ( 70 ) Sa mill-emendi li twettqu permezz tal-Liġi 42/2015, iżda li għadhom mhux applikabbli, l-avukat għandu jiġi kkonsultat fi kwalunkwe każ ta’ kontestazzjoni, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.

    Fuq