EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0016

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-14 ta’ Settembru 2016.
María Elena Pérez López vs Servicio Madrileño de Salud (Comunidad de Madrid).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 3 sa 5 – Kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi fil-qasam tas-saħħa pubblika – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi – Sanzjonijiet – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg – Dritt għal allowance.
Kawża C-16/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:679

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

14 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżoli 3 sa 5 — Kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi fil-qasam tas-saħħa pubblika — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi — Sanzjonijiet — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg — Dritt għal allowance”

Fil-Kawża C‑16/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

María Elena Pérez López

vs

Servicio Madrileño de Salud (Comunidad de Madrid),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pérez López, minn L. García Botella, u E. Pérez López, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u J. Guillem Carrau, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-klawżoli 3 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn María Elena Pérez López u s-Servicio Madrileño de Salud, Comunidad de Madrid (servizz tas-saħħa ta’ Madrid, Spanja) dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni tagħha ta’ impjieg li kellha l-forma ta’ ħatriet suċċessivi bħala membru tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 1999/70 huwa li “jġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”.

4

Il-punti 7 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas jipprovdu kif ġej:

“6.

Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal żmien indefinit [indeterminat] huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;

7.

Billi l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat] ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;

8.

Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta’ l-impjieg [karatteristiku] f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema”.

5

Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa waħda, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

6

Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien dterminat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

7

Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem “ħaddiem għal terminu fiss” ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta; l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta' l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem “ħaddiem kumparabbli permanenti” ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

8

Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tagħha tipprovdi:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’ għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva”.

9

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi fil-punt 1:

“Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet [ta’ impjieg];

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet [ta’ impjieg].”

Id-dritt Spanjol

10

L-Artikolu 9 tal-Ley estatal 55/2003 del Estatuto Marco del personal estatutario de los servicios de salud (liġi 55/2003 dwar ir-regolamenti qafas tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa), tas-16 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 301, tas-17 ta’ Diċembru 2003, p. 44742, iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti qafas”), jipprevedi:

“1.   Għal raġunijiet ta’ neċessità, ta’ urġenza jew għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, is-servizzi tas-saħħa jistgħu jaħtru l-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal temporanju.

Il-ħatriet ta’ persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal jista’ jkollhom natura interim, okkażjonali jew ta’ sostitutuzzjoni.

2.   Il-ħatra interim hija użata sabiex timtela temporanjament pożizzjoni vakanti fiċ-ċentri jew servizzi tas-saħħa, meta jkun meħtieġ li jkunu okkupati funzjonijiet korrispondenti.

It-tmiem ta’ funzjonijiet tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal interim iseħħ meta jkun hemm il-ħatra ta’ persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal permanenti, permezz ta’ proċedura legali jew regolatorja prevista, għall-pożizzjoni okkupata, kif ukoll meta din il-pożizzjoni tkun abolita.

3.   Il-ħatra ta’ natura okkażjonali hija użata fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta din il-ħatra tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi determinati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja;

b)

meta hija neċessarja sabiex tiżgura l-funzjonament permanenti u kontinwa taċ-ċentri tas-saħħa;

c)

għall-provvista ta’ servizzi komplimentari sabiex jikkumpensaw għat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali.

Il-waqfien tal-funzjonijiet tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali li jseħħ bħala riżultat tat-twettiq tal-kawża jew tal-iskadenza tat-terminu ddeterminat espressament fil-ħatra, kif ukoll meta l-funzjonijiet li mmotivawh f’dak iż-żmien ġew aboliti.

Jekk iseħħu iktar minn żewġ ħatriet għall-provvista tal-istess servizzi għal perijodu kumulattiv ta’ 12-il xahar jew iktar, fuq perijodu ta’ sentejn, hemm lok li jiġu eżaminati l-kawżi ta’ dawn il-ħatriet sabiex jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk hemmx lok li tinħoloq pożizzjoni strutturali fil-gruppi taċ-ċentru.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 15(3) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/1995 (test imfassal mill-ġdid tar-regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, li jirriżulta mid-digriet leġiżlattiv irjali 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema”), “il-kuntratti temporanji konklużi bi ksur tal-liġi huma preżunti konklużi għal żmien indeterminat”.

12

Konformement mal-Artikolu 3 tar-Real Decreto 2720/1998 por el que se desarrolla el artículo 15 del Estatuto de los Trabajadores en materia de contratos de duración determinada (digriet irjali 2720/1998, li jeżegixxi l-Artikolu 15 tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema fil-qasam ta’ kuntratti għal żmien determinat), tat-18 ta’ Diċembru 1998 (BOE no7, tat-8 ta’ Jannar 1999, p. 568), il-kuntratt ta’ xogħol okkażjonali, inkluż fil-grupp ta’ kuntratti għal żmien determinat, huwa maħsub sabiex jissodisfa bżonn okkażjonali.

13

L-Artikolu 49(1)(c) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema jipprevedi li, meta l-kuntratt ta’ xogħol jintemm, ħlief f’każijiet ta’ kuntratti ta’ interidad u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat li jirċievi allowance f’ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi għall-perċezzjoni ta’ tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz.

Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

M.E. Pérez López kienet irreklutata fost il-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali bħala infermiera fl-isptar universitarju ta’ Madrid għall-perijodu mill-5 ta’ Frar sal-31 ta’ Lulju 2009. Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti qafas, il-ħatra indikata bħala kawża li tiġġustifika “l-provvista ta’ servizzi determinati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja” u l-impjieg kienet deskritta bħala l-“eżerċizzju tal-attività tagħha f’dan l-isptar sabiex ikun żgurat is-servizz tas-saħħa”.

15

Wara dan l-ewwel kuntratt ta’ xogħol, il-ħatra ta’ M. E. Pérez López kienet imġedda għal seba’ darbiet, permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet, sitta jew disa’ xhur, ifformulati kull darba b’mod identiku, hekk li l-provvista ta’ xogħol ta’ M.E Pérez López kienet mingħajr interruzzjoni matul il-perijodu mill‑5 ta’ Frar 2009 sal-31 ta’ Marzu 2013.

16

Waqt l-aħħar wieħed mill-kuntratti ta’ impjieg msemmija iktar 'il fuq, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Marzu 2013, il-Consejería de Economia y Hacienda tal-Comunidad de Madrid (ministeru reġjonali tal-ekonomija u tal-finanzi ta’ Madrid, Spanja) ħareġ id-digriet tat-28 ta’ Jannar 2013 li jimponi, bil-għan li jitnaqqas l-infiq pubbliku, it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tal-persunal okkażjonali fid-data tat-tmiem tal-ħatra kif ukoll il-likwidazzjoni tal-bilanċ korrispondenti għall-perijodu tas-servizzi pprovduti, inkluż il-każ meta, sussegwentement, ħatra ġdida hija diġà prevista għall-istess ħaddiem.

17

Skont l-imsemmi digriet, M. E. Perez López kienet infurmata, fit-8 ta’ Marzu 2013, bit-tmiem tar-relazzjonijiet ta’ impjieg li jorbtuha mas-servizz tas-saħħa ta’ Madrid, b’effett mill-31 ta’ Marzu 2013. Fil-21 ta’ Marzu 2013, l-amministrazzjoni, madankollu, ikkomunikatilha l-ħatra ġdida tagħha, identika għal dawk preċedenti u mingħajr interruzzjoni bejniethom, għall-perijodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2013.

18

Fit-30 ta’ April 2013, M. E. Perez López ippreżentat rikors ġerarkiku amministrattiv kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg kif ukoll kontra l-ħatra ġdida tagħha bħala persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali. Ladarba skada t-terminu legali għall-konsiderazzjoni tar-rikors ġerarkiku bħala miċħud minħabba s-silenzju tal-amministrazzjoni kompetenti, hija ppreżentat, fit-13 ta’ Settembru 2013, rikors ġudizzjarju quddiem il-Juzgado de la Contencioso-Administrativo no4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid, Spanja), li insostenn tiegħu hija sostniet, essenzjalment, li l-ħatriet suċċessivi tagħha ma kellhomx l-għan li jissodisfaw ħtieġa okkażjonali jew straordinarja tas-servizzi tas-saħħa, iżda kienu jikkorrispondu, fir-realtà, għal attività permanenti. Għaldaqstant, is-suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat konklużi magħha tikkostitwixxi ksur tal-liġi u kellha twassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħha.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 9 tar-Regolamenti qafas, ma fiha ebda miżuri li jillimitaw b’mod effettiv l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Fil-fatt, għalkemm tul massimu tar-relazzjoni ta’ impjieg tal-persunal okkażjonali huwa aċċettat, hija l-amministrazzjoni li għandha tevalwa liberament ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat kif ukoll l-opportunità li toħloq pożizzjoni permanenti li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizzi tas-saħħa. Issa, fil-każ li tali pożizzjoni kienet inħolqot, is-sitwazzjoni inċerta tal-ħaddiema tibqa’, peress li l-amministrazzjoni jkollha l-possibbiltà li timla dawn il-pożizzjonijiet bir-reklutaġġ ta’ persunal temporanju interim, mingħajr limitazzjonijiet dwar it-tul jew in-numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat ta’ dawn il-ħaddiema.

20

Il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas. Hija tirrileva li l-persunal taħt ir-regolamenti okkażjonali tas-servizzi tas-saħħa suġġett għar-Regolamenti qafas u l-impjegati marbuta b’kuntratt ta’ xogħol okkażjonali, li huwa rregolat mir-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, jikkostitwixxu relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat komparabbli. Issa, b’mod differenti mid-disposizzjonijiet applikabbli għall-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali, ir-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema mhux biss jirrikonoxxu lill-ħaddiema għal żmien determinat il-benefiċċju ta’ allowance ekwivalenti għal tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ provvsta ta’ servizz jew frazzjoni inqas, iżda jinkludu wkoll klawżola ta’ garanzija favur l-istabbiltà tal-impjieg li tikkonsisti f’li jkun preżunt bħala għal żmien indeterminat il-kuntratti temporanji konklużi bi ksur tal-liġi.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de la Contencioso-Administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 9(3) tal-Liġi 55/2003, tas-16 ta’ Diċembru, dwar ir-regolamenti qafas tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa suġġett għal regolamenti tal-persunal imur kontra l-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (1), tat-28 ta’ Ġunju 1999, u għalhekk huwa inapplikabbli għaliex jiffavorixxi l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ ħatriet suċċessivi bħala persunal okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal sa fejn:

a)

la jiffissa t-tul massimu totali għall-ħatriet suċċessivi bħala persunal okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal u lanqas numru massimu ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-ħatriet;

b)

iħalli għad-diskrezzjoni libera tal-amministrazzjoni d-deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet strutturali, meta jkun hemm iktar minn żewġ ħatriet għall-provvista tal-istess servizzi għal perijodu kkumulat ta’ 12-il xahar jew iktar fuq perijodu ta’ sentejn;

c)

jippermetti li jsiru ħatriet ta’ persunal okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal mingħajr ma jimponi espliċitament li d-deċiżjonijiet ta’ ħatra għandhom jindikaw il-kawża konkreta u oġġettiva ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja li tiġġustifika dawn il-ħatriet?

2)

Sa fejn l-Artikolu 11(7) tad-digriet tal-Consejería de Economía y Hacienda de la Comunidad de Madrid [ministeru reġjonali tal-ekonomija u l-finazji ta’ Madrid], tat-28 ta’ Jannar 2013, jipprevedi li “fid-data tat-tmiem tal-ħatra, f’kull każ, għandu jkun hemm tmiem tal-impjieg u l-likwidazzjoni ta’ kull salarju dovut fir-rigward tal-perijodu tas-servizzi pprovduti, anki fil-każijiet fejn sussegwentement ikun hemm ħatra ġdida tal-istess persuna”, għalhekk, irrispettivament mill-fatt ta’ jekk kienx hemm il-kawża konkreta u oġġettiva li ġġustifikat il-ħatra, kif tipprevedi l-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas, imur kontra l-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, u għaldaqstant huwa inapplikabbli?

3)

L-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tal-Liġi 55/2003, tas-16 ta’ Diċembru, dwar ir-regolamenti qafas tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa suġġett għal regolamenti tal-persunal, li tgħid li meta jkun hemm iktar minn żewġ ħatriet għall-provvista tal-istess servizzi għal perijodu kkumulat ta’ 12-il xahar jew iktar fuq perijodu ta’ sentejn, għandha tinħoloq pożizzjoni ta’ natura strutturali fi ħdan il-persunal taċ-ċentru, li għalhekk twassal sabiex il-ħaddiem okkażjonali jiġi maħtur bħala ħaddiem interim, hija konformi mal-għan imfittex mill-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999?

4)

Il-fatt li l-persunal temporanju okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal jingħata l-istess remunerazzjoni bħal dik prevista għall-ħaddiema impjegati abbażi ta’ kuntratti tax-xogħol [ta’ impjieg] okkażjonali huwa konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni rrikonoxxut mill-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma kunsiderevolment identiċi, għaliex ma jkunx jagħmel sens li ħaddiema bl-istess kwalifika, li jipprovdu servizzi fl-istess impriża (servizzi tas-saħħa f’Madrid), li jeżerċitaw l-istess funzjoni u li jaqdu ħtieġa okkażjonali identika jiġu ttrattati b’mod differenti meta tintemm ir-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, fl-assenza ta’ raġuni evidenti li tipprojbixxi li jsir paragun bejn il-kuntratti għal żmien determinat sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet diskriminatorji?”

22

Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2015, din it-talba ġiet miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

23

Permess tal-ewwel u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku tas-saħħa, jitqies bħala ġustifikat minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħom sabiex jiżguraw ċerti provvisti ta’ servizzi determinati ta’ natura temporanja okkażjonali jew temporanja u li l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fid-deċiżjoni ta’ ħolqien ta’ pożizzjonijiet strutturali li jtemmu r-reklutaġġ tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas

24

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’ peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]” skont il-Ftehim qafas, mogħtija fil-klawżola 3(1) tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta u tkun liema tkun il-klassifikazzjoni tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56; tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 38; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punti 28 u 29, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 67).

25

Sa fejn il-ftehim qafas ma jeskludi l-ebda settur partikolari, ħaddiem bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa impjegat bħala infermier li jagħmel parti mill-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali tas-servizz tas-saħħa pubblika, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas.

Fuq l-interpretazzjoni tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas

26

Fir-rigward tal-intepretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li din il-klawżola għandha bħala għan li timplementa wieħed mill-għanijiet segwiti minn dan tal-aħħar, jiġifieri li joħloq qafas għall-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jipprevedi bħala minimu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni intiżi li tiġi evitata l-inċertezza tas-sitwazzjoni tal-impjegati (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 63; tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 73; tas-26 ta’ Jananr 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 25; tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 41; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 54, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et , C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 72).

27

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi Ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-bżonnijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 62; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 55, u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 73).

28

Għaldaqstant, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni abbużiva ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat, bl-adozzjoni ta’ miżura jew miżuri elenkati fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg u n-numru ta’ drabi li dawn jistgħu jiġġeddu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 74; tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 26; tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 42, tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 56, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 74).

29

L-Istati Membri għandhom f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jirrikorru għal waħda jew iktar mill-miżuri msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola jew għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑18/13, EU:C:2014:2401, punt 75).

30

B’hekk, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li tħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 60, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 76).

31

Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 77).

32

Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, madankollu dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 78).

33

Għalhekk, meta jkun seħħ użu abbużiv suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema biex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79).

34

Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, billi dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mill-klawżola 5 tal-ftehim qafas humiex issodisfatti permezz tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 81).

35

Għaldaqstant hija, bħala prinċipju, il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 82).

36

Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderiġi lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 83).

37

Huwa f’dan il-kuntest li hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa jistgħux jikkostitwixxu miżuri stabbiliti fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, u, iktar speċifikament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat.

38

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ “raġuni oġġettiva”, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività speċifika u, għalhekk, ta’ natura li, f’dan il-kuntest partikolari, tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 27, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 45).

39

Għall-kuntrarju, dispożizzjoni nazzjonali li kulma tagħmel huwa li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ regola leġiżlattiva jew regolament, l-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti hekk kif ippreċiżati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 28, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 46).

40

Fil-fatt, tali dispożizzjoni purament formali ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Din id-dispożizzjoni għalhekk tinvolvi riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effett utli tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 98 u 100 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 29, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 47).

41

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tiddetermina b’mod preċiż il-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi jistgħu jiġu konklużi. Fil-fatt, l-użu ta’ tali kuntratti huwa permess, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti qafas, skont il-każijiet, meta jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi determinati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, meta huwa neċessarju li jiżgura t-tħaddim permanenti u kontinwu taċ-ċentri tas-saħħa jew sabiex jingħataw servizzi addizzjonali li jikkumpensaw it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali.

42

Din id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li, jekk iktar minn żewġ ħatriet iseħħu għall-provvista tal-istess servizzi għal tul kumulattiv ta’ tnax-il xahar jew iktar, fuq perijodu ta’ sentejn, l-amministrazzjoni kompetenti teżamina l-kawżi ta’ dawn il-ħatriet u tiddeċiedi jekk għandhiex toħloq pożizzjoni strutturali addizzjonali.

43

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix awtorizzazzjoni ġenerali u astratta sabiex jintużaw kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, iżda tillimita l-użu ta’ dawn il-kuntratti sabiex jintlaħqu, essenzjalment, bżonnijiet provviżorji.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sostituzzjoni temporanja ta’ ħaddiem sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet provviżorji tal-persuna li timpjega f’termini ta’ persunal tista’, bħala prinċipju, tikkostitiwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) ta’ dan il-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 101 u 102; tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 30, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 91).

45

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f’amministrazzjoni li jkollha persunal sostanzjali, bħas-settur tas-saħħa pubblika, huwa inevitabbli li jkunu neċessarji sostituzzjonijiet temporanji minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà ta’ membri tal-persunal li jkunu ħarġu bil-leave tal-mard, leave tal-maternità, leave tal-ġenituri jew oħrajn. Is-sostituzzjoni temporanja ta’ ħaddiema f’dawn iċ-ċirkustanzi tista’ tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, li tiġġustifika kemm iż-żmien tal-kuntratti konklużi mas-supplenti kif ukoll it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti skont il-bżonn, bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-ftehim qafas f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 31, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 92).

46

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li jiġu organizzati s-servizzi tas-saħħa sabiex ikun żgurat bilanċ kostanti bejn l-għadd ta’ membri tal-persunal tal-kura tas-saħħa u l-għadd ta’ pazjenti hija tal-amministrazzjoni pubblika u jiddependi minn għadd kbir ta’ fatturi li jistgħu jirriflettu ħtieġa partikolari għal flessibbiltà li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hija tali, f’dan is-settur speċifiku, li tiġġustifika oġġettivament, fid-dawl tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, l-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

47

Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi ammess li kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat jistgħu jiġġeddu bl-għan li jitwettqu b’mod permanenti u li jdumu fiż-żmien, kompiti fis-servizzi tas-saħħa jagħmlu parti mill-attività normali tal-persunal ordinarju tal-isptar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 58).

48

Fil-fatt, it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja, iżda permanenti u li jdumu fiż-żmien ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas sa fejn tali użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat dan il-Ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, filwaqt li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punti 36 u 37, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 100).

49

L-osservanza tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas tirrikjedi għalhekk li jkun jista’ jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat huwa intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiġix użata, fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 101).

50

F’dan ir-rigward, mis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipli, kif deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-ħatriet suċċessivi ta’ M. E. Pérez López sabiex jiġu żgurati s-servizzi tas-saħħa tal-isptar ma jidhrux li jaqgħu taħt sempliċi bżonnijiet provviżorji tal-persuna li timpjega.

51

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-kopertura ta’ pożizzjonijiet fil-settur tas-servizzi tas-saħħa permezz ta’ ħatriet tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal temporanju bħala “problema endemika” u li tqis li madwar 25 % tal-50 000 pożizzjoni tal-persunal mediku u tas-saħħa tar-reġjun ta’ Madrid huma okkupati mill-persunal irreklutat fil-kuntest ta’ ħatriet ta’ natura okkażjonali għal żmien medju ta’ ħames sa sitt snin, iżda li xi wħud jeċċedu ħmistax-il sena ta’ provvisti ininterrotti ta’ servizzi.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku tas-saħħa, jitqies bħala ġġustifikat minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid sabiex jiżguraw provvisti ta’ servizzi determinati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, filwaqt li, fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet huma permanenti u fit-tul.

53

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-amministrazzjoni meta jirrigwarda li jinħolqu pożizzjonijiet strutturali, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ tali modalità, li tippermetti l-ħolqien ta’ pożizzjoni fissa, bħal dik li tikkonsisti f’li kuntratt għal żmien determinat jinbidel f’relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat, tista’ tikkostiwixxi rimedju effettiv kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti temporanji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 170).

54

Issa, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tiġdid ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat sabiex jiġi ssostitwit persunal fl-istennija tal-assenjazzjoni ta’ pożizzjonijiet strutturali maħluqa tista’ tkun, bħal prinċipju, iġġustifikata minn raġuni oġġettiva, l-applikazzjoni konkreta ta’ din ir-raġuni għandha, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-attività kkonċernata u tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 99)

55

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fiha ebda obbligu għall-awtorità kompetenti sabiex toħloq pożizzjonijiet strutturali addizzjonali sabiex jintemm ir-reklutaġġ tal-persunal suġġett għar-regolamenti tal-persunal okkażjonali. Madankollu, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-pożizzjonijiet strutturali maħluqa ser ikunu jimtlew bil-ħatra ta’ persunal interim “temporanju”, mingħajr ma teżisti għalihom limitazzjoni fuq it-tul ta’ kuntratti interim lanqas fuq in-numru ta’ tiġdidiet tagħhom, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema inċerta issir, fir-realtà, permanenti. Issa, tali leġiżlazzjoni hija tali li tippermetti, bi ksur tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat sabiex ikopru bżonnijiet li huma ta’ natura permanenti u fit-tul, filwaqt li mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hemm defiċit strutturali ta’ pożizzjonijiet ta’ persunal permanenti fl-Istat Membru kkonċernat.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tielet domanda magħmula li l-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat sabiex:

it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku tas-saħħa, jitqies bħala ġġustifikat minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni li dawn il-kuntratti huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħhom sabiex jiżguraw provvisti ta’ servizzi ddeterminati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, filwaqt li fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet huma permanenti u fit-tul;

ma hemm l-ebda obbligu għall-awtorità relevanti sabiex jinħolqu pożizzjonijiet strutturali li jtemmu r-reklutaġġ tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali u li huwa permess lilu li jimla l-pożizzjonijiet strutturali maħluqa mir-reklutaġġ ta’ persunal “temporanju”, b’tali mod li s-sitwazzjoni inċerta tal-ħaddiema tkompli, filwaqt li l-Istat ikkonċernat ikollu defiċit strutturali ta’ pożizzjonijiet ta’ persunal permanenti f’dan il-qasam.

Fuq it-tieni domanda

57

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali tintemm fid-data prevista mill-kuntratt għal żmien determinat u li jkun hemm ħlas tal-bilanċ ta’ kwalunkwe ħlas dovut, bla ħsara għal ħatra ġdida eventwali.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat u ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat. Fil-fatt, dan il-Ftehim qafas huwa biss intiż, billi jistabbilixxi prinċipji ġenerali u kundizzjonijiet minimi, li jistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u jipprevjeni l-abbużi li jirriżultawe mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 48).

59

Jibqa’ l-fatt li s-setgħa mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kontenut tar-regoli nazzjonali tagħhom ma tistax twassal sal-punt li dawn ikunu jistgħu jippreġudikaw l-għan jew l-effett utli tal-Ftehim qafas (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143C‑393/11, punt 49).

60

Issa, l-għan segwit mill-klawżola 5 tal-ftehim qafas, li jikkonsisti f’li jillimita l-użi suċċessivi tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, ikun imċaħħad minn kull kontenut jekk biss in-natura ġdida ta’ relazzjoni ta’ impjieg taħt id-dritt nazzjonali waħedha tista’ tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens ta’ din il-klawżola, b’tali mod li tippermetti tiġdid ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

61

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li r-relazzjoni kuntrattwali tintemm fid-data prevista mill-kuntratt għal żmien determinat u li jkun hemm il-ħlas tal-bilanċ ta’ kwalunkwe ħlas dovut, bla ħsara għal ħatra ġdida eventwali, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tkunx tali li tikkontesta l-għan jew l-effett utli tal-ftehim qafas, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

Fuq ir-raba ’ domanda

62

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta kwalunkwe allowance ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol lill-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali filwaqt li tali allowance madankollu jingħata lill-ħaddiema komparabbli impjegati fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ impjieg okkażjonali.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi, fil-punt 1, projbizzjoni li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

64

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F'dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat u inkorporati fil-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema permanenti li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (digrieti tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino, C‑20/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:677, punt 56; tat-22 ta’ Ġunju 2011, Vino, C‑161/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:420, punt 28, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Rivas Montes, C‑178/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:150, punt 43).

66

Madankollu, eventwali differenza fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li hija bbażata mhux fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ impjieg, iżda fuq in-natura tar-regolamenti jew kuntrattwali tagħha, ma taqax fil-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit minn dan il-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino, C‑20/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:677, punt 57, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Rivas Montes, C‑178/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:150, punti 44 u 45).

67

Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-ħaddiema irreklutati taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u li jagħmlu xogħol komparabbli jieħdu allowance ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, filwaqt li dan l-allowance huwa miċħud lill-persunal suġġett għal regolamenti okkażjonali, li din id-differenza fit-trattament tista’ taqa’ fil-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-istess jum, De Diego Porras, punti 37 u 38).

68

Issa, sa fejn ebda element mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma juri li hemm kien hemm, fil-kawża prinċipali, differenza fit-trattament bejn il-persunal suġġett għal regolamenti okkażjonali u l-persunal għal żmien indeterminat, id-differenza fit-trattament li hija s-suġġett tar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni (digrieti tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino, C‑20/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:677, punt 64; tat-22 ta’ Ġunju 2011, Vino, C‑161/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:420, punt 30, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Rivas Montes, C‑178/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:150, punt 52). Barra minn hekk, din id-differenza fit-trattamment taqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali, li l-interpretazzjoni tagħha għandha ssir esklużivament mill-qorti nazzjonali (digrieti tat-22 ta’ Ġunju 2011, Vino, C‑161/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:420, punt 35, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Rivas Montes, C‑178/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:150, punt 53).

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisidizzjoni sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda magħmula.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat sabiex:

it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku tas-saħħa, jitqies bħala ġġustifikat minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni li dawn il-kuntratti huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħhom sabiex jiżguraw provvisti ta’ servizzi ddeterminati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, filwaqt li fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet huma permanenti u fit-tul;

ma hemm l-ebda obbligu għall-awtorità relevanti sabiex jinħolqu pożizzjonijiet strutturali li jtemmu r-reklutaġġ tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali u li huwa permess lilu li jimla l-pożizzjonijiet strutturali maħluqa mir-reklutaġġ ta’ persunal “temporanju”, b’tali mod li s-sitwazzjoni inċerta tal-ħaddiema tkompli, filwaqt li l-Istat ikkonċernat ikollu defiċit strutturali ta’ pożizzjonijiet ta’ persunal permanenti f’dan il-qasam.

 

2)

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat] li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi intepretata fis-sens li ma tipprekudix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li r-relazzjoni kuntrattwali tintemm fid-data prevista mill-kuntratt għal żmien determinat u li jkun hemm il-ħlas tal-bilanċ ta’ kwalunkwe ħlas dovut, bla ħsara għal ħatra ġdida eventwali, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tkunx tali li tikkontesta l-għan jew l-effett utli ta’ dan il-ftehim qafas, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

 

3)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisidizzjoni sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid, Spanja).

 

Firem


( *1 ) :Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq