EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0387

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Lulju 2016.
Hilde Orleans et vs Vlaams Gewest.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (Il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Sit Natura 2000 “Estwarju tax-Schelde u tad-Durme tal-fruntiera Olandiża sa Gand” – Żvilupp ta’ żona tal-port – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett – Twettiq ta’ effetti negattivi – Żvilupp minn qabel iżda li għadu ma ġiex kompletat ta’ żona tat-tip ekwivalenti għall-parti meqruda – Kompletar wara l-evalwazzjoni – Artikolu 6(3) u (4.
Kawżi magħquda C-387/15 u C-388/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:583

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitats naturali — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Sit Natura 2000‘Estwarju tax-Schelde u tad-Durme tal-fruntiera Olandiża sa Gand’ — Żvilupp ta’ żona portwali — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett — Twettiq ta’ effetti negattivi — Żvilupp minn qabel iżda li għadu ma ġiex kompletat ta’ żona tat-tip ekwivalenti għall-parti meqruda — Kompletar wara l-evalwazzjoni — Artikolu 6(3) u (4)”

Fil-Kawżi magħquda C‑387/15 u C‑388/15,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Lulju 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2015, fil-proċeduri

Hilde Orleans,

Rudi Van Buel,

Marina Apers (C‑387/15),

u

Denis Malcorps,

Myriam Rijssens,

Guido Van De Walle (C‑388/15)

vs

Vlaamse Gewest,

fil-preżenza ta’:

Gemeentelijk Havenbedrijf Antwerpen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. Orleans, R. Van Buel, M. Apers, D. Malcorps, M. Rijssens u G. Van De Walle, minn I. Rogiers, avukat,

għal Gemeentelijk Havenbedrijf Antwerpen, minn S. Vernaillen u J. Geens, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u S. Vanrie, bħala aġenti, assistiti minn V. Tollenaere, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u C. Hermes, bħala aġenti,

wara d-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, li tiddiċiedi l-kawżi mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fl-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, H. Orleans, R Van Buel u M. Apers kif ukoll, min-naħa l-oħra, D. Malcorps, M. Rijssens u G. Van De Walle u l-Vlaams Gewest (reġjun fjamming, il-Belġju) dwar il-kontestazzjoni tal-validità tal-ordnijiet li jistabbilixxu l-pjan reġjonali ta’ implementazzjoni spazjali ta’ “Demarkazzjoni taż-żona tal-port marittimu ta’ Antwerp – Żvilupp tal-Port fuq il-bank tax-xellug(iktar ’il quddiem il-“GRUP”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-ewwel u t-tielet premessi tad-Direttiva “habitats” jipprovdu li:

“[...] l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-Komunità, kif jidher fl-Artikolu [191 TFUE]”.

[...]

“[…] l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; […] l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(e)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

“L-istat ta’ konservazzjoni” ta’ habitat naturali għandu jkun ikkunsidrat “favorevoli” meta:

il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli, u

[...]

(k)

‘sit ta’ importanza għall-Komunità’ tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’ mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’ mod sinifikanti għall-koerenza ta’ “Natura 2000” imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’ mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[...]

(l)

‘żona speċjali ta’ konservazzjoni’ tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[...]”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ “Natura 2000”. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[...]”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Annes II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

Id-dritt Belġjan

8

Punt 30 tal-Artikolu 2 tad-decreet betreffende het natuurbehoud en het natuurlijk milieu (digriet li jikkonċerna l-konservazzjoni tan-natura u l-ambjent naturali), tal‑21 ta’Ottubru 1997 (Belgisch Staatsblad, 10 ta’ Jannar 1998, p. 599), jiddefinixxi l-“ħsara sinjifikattiva għall-integrità ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni” bil-mod kif ġej:

“ħsara li twassal għall-konsegwenzi li jistgħu jitkejlu u demonstrabbli għall-integrità ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni, sa fejn jeżistu konsegwenzi li jistgħu jitkejlu u demonstrabbli għall-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi (jew tal-ispeċijiet) jew tal-habitat (tal-habitats) li għalihom iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni hija diżinjata jew għall-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi(jiet) iċċitat(i) fl-Anness III ta’ dan id-digriet, sakemm din il-ħsara sseħħ f’żona speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernata”.

9

Punt 38 tal-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet jiddeskrivi l-“integrità ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni” bħala:

“l-elementi kollha bijotiċi u abijotiċi, kif ukoll il-karatteristiċi u l-proċessi spazjali u ekoloġiċi meħtieġa għall-konservazzjoni:

a)

habitats naturali u habitats tal-ispeċi li għalihom iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni konċernata hija deżinjata u

b)

l-ispeċijiet ċċitati fl-Anness III”.

10

L-Artikolu 36b tal-imsemmi digriet jipprovdi li:

“§ 1.   Fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, tkun li tkun l-assenjazzjoni tas-sit ikkonċernat, l-awtorità amministrattiva tieħu, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li għandhom dejjem jirrispondu għall-ħtiġijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats stabbiliti fl-Anness I ta’ dan id-digriet u tal-ispeċjiet iċċitati fl-Annessi II, III u IV ta’ dan id-digriet kif ukoll l-għasafar migratorji li ma humiex imsemmija fl-Anness IV ta’ dan id-digriet, iżda li jinsabu regolarment fit-territorju tar-reġjun fjamming. Il-Gvern fjamming jista’ jordna l-modalitajiet li jikkonċernaw il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji u r-rekwiziti ekoloġiċi, kif ukoll il-proċedura ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

[...]

§ 3.   Attività sottomessa għall-awtorizzazzjoni jew pjan jew programm li, individwalment jew flimkien ma’ waħda jew diversi attivitajiet, pjanijiet jew programmi li jeżistu jew proposti, tista’ tikkawża ħsara sinjifikattiva għall-integrità ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni, għandha tiġi sottomessa għall-evalwazzjoni xierqa fir-rigward tal-effetti sinjifikattivi fuq iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni.

[...]

L-inizjatur huwa responsabbli li jistabbilixxi l-imsemmija evalwazzjoni xierqa.

[...]

§ 4.   L-awtorità responsabbli li tiddeċiedi fuq it-talba għall-awtorizzazzjoni, pjan jew programm ma tistax tagħti l-awtorizzazzjoni jew tapprova l-pjan jew programm ħlief jekk il-pjan jew programm jew l-implementazzjoni tal-attvitità ma jikkawża ebda ħsara sinjifikattiva għall-integrità taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernata. L-awtorità kompetenti trid dejjem, billi timponi kundizzjonijiet, li ma jkunx tista’ tirriżulta ebda ħsara sinjifikattiva għall-integrità ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni.

§ 5.   B’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-§4, attività sottomessa għall-awtorizzazzjoni jew pjan jew programm li, individwalment jew flimkien ma’ waħda jew diversi attivitajiet, pjanijiet jew programmi li jeżistu jew proposti, tista’ tikkawża ħsara sinjifikattiva għall-integrità ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni, tista’ biss tiġi awtorizzata jew approvata:

a)

wara li jkun deher li ma hemmx soluzzjoni alternattiva oħra inqas ta’ ħsara għall-integrità taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni u

b)

għar-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ewlenin, inklużi ordni soċjali u ekonomiku. Meta ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernat jew sit li jagħmel parti minnha huwa sit li jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma’ raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku ewlenin.

Id-deroga msemmija fis-subparagrafu preċedenti tista’ biss, barra minn hekk, tkun awtorizzata wara li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-miżuri ta’ kumpens neċessarji ittieħdu u l-miżuri attivi għall-konservazzjoni ttieħdu jew għadhom għaddejjin bil-għan li jiggarantixxu l-koerenza globali taż-żona/i speċjali ta’ konservazzjoni;

il-miżuri ta’ kumpens huma ta’ natura li jiżviluppaw attivament, fil-prinċipju, habitat tal-istess valur jew l-ambjent naturali għal dan tal-aħħar, ta’ superfiċi mill-inqas ekwivalenti.

Il-Gvern fjamming jista’ jordna l-modalitajiet li jipprovdu li għandha tiġi stabbilita evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-attività fuq l-habitats, l-habitats ta’ speċi u l-ispeċi jew l-ispeċijiet li għalihom hija ddiżinjata ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, għall-eżami ta’ alternattivi li jipproduċu inqas ħsara u fil-qasam ta’ miżuri ta’ kumpens.

Il-Gvern fjamming jevalwa l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ewlenin, inklużi ta’ natura soċjali jew ekonomiċi.

Kull deċiżjoni skont il-proċedura ta’ deroga ta’ dan il-paragrafu hija motivata.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Il-kawżi prinċipali jikkonċernaw il-GRUP, li jipprevedi li jiżviluppa parti kbira tal-port ta’ Antwerp (il-Belġju) fuq il-bank tax-xellug ta’ Scheldt.

12

Dan il-proġett jaffettwa s-sit Natura 2000 imsemmi “Estwarju tax-Schelde u tad-Durme tal-fruntiera Olandiża sa Gand” (iktar ’il quddiem is-“sit Natura 2000 ikkonċernat”), indikat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni b’mod partikolari għat-tip ta’ habitat “estwarju”.

13

Permezz ta’ ordni tas-27 ta’ April 2012, il-Gvern fjamming adotta b’mod provviżorju l-proġett ta’ GRUP, li ġie stabbilit b’mod definittiv mill-ordni tat‑30 ta’ April 2013. Dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ rikors għal sospensjoni u għal annullament quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-Istat, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2013, din il-qorti ordnat is-sospensjoni parzjali tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi ordni, b’mod partikolari fir-rigward tal-belt ta’ Beveren (il-Belġju).

14

Wara din is-suspensjoni parzjali, il-Gvern fjamming adotta, fl-24 ta’ Ottubru 2014, ordni korrettiv li jemenda l-kontenut ta’ dak tat-30 ta’ April 2013 billi jirtira u jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet sospiżi ta’ dan tal-aħħar. L-ordni tal-24 ta’ Ottubru 2014 ġie ppubblikat fil-Belgisch Staatsblad fit-28 ta’ Novembru 2014.

15

Mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta li l-GRUP li kien is-suġġett tal-ordnijiet tas‑27 ta’ April 2012 u tal-24 ta’ Ottubru 2014 jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv is-sit Natura 2000 ikkonċernat, sa fejn ix-xogħlijiet previsti ser jikkawżaw il-qerda tal-artijiet li jaqgħu taħt ċerti tipi ta’ habitat preżenti fuq dan is-sit.

16

B’mod partikolari, is-sezzjoni ta’ Doel tal-belt ta’ Beveren, li fiha jirrisjedu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u l-biċċiet ta’ art ambjentali li kienu mogħtija mill-ilma u wara li nixfu bdew jinħadmu bħala raba’għandhom iħallu spazju għaż-“żona Saefthinge”, li tinkludi l-baċir Saefthinge kif ukoll erja li tinkixef meta x-xmara tofrogħ.

17

Ġew ippreżentati rikorsi għal sospensjoni u għal annullament quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-Istat), li ċaħdet fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju l-ewwel minnhom u issa hija msejħa biex tħares lejn il-validità tal-ordnijiet tat-30 ta’ April 2013 u tal-24 ta’ Ottubru 2014.

18

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fl-opinjoni tagħha fuq l-abbozz tal-ordni tal-24 ta’ Ottubru 2014, is-sezzjoni tal-leġiżlazzjoni tar-Raad van State (kunsill tal-Istat) esprimiet dubji fuq il-kompatibbiltà tal-GRUP mal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330).

19

Madankollu, il-Gvern flammeng ikkunsidra dawn id-dubji bħala infondati. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi li ppresjedew l-għoti tas-sentenza fil-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), iż-żona l-ġdida ta’ habitat naturali għandha tiġi żviluppata biss wara l-ħsara għaż-żona eżistenti. Hija r-raġuni għalfejn, ma huwiex ċert, fil-mument meta d-deċiżjoni rigward il-proġett twaqqaf, li l-imsemmi proġett ma jippreġudikax l-integrità taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni.

20

F’dan il-każ, skont dan il-Gvern, dan il-GRUP jistabbilixxi, minn naħa, li l-iżvilupp taż-żoni affettwati jsir possibbli biss wara l-istabbiliment sostenibbli ta’ habitats u ta’ habitats tal-ispeċijiet fiż-żoni ta’ importanza ekoloġika. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni tal-imsemmi Gvern ser ikollha tikkonstata l-ġestjoni sostenibbli u effettiva tal-habitats fiż-żoni naturali, wara notifika minn qabel tal-aġenzija tan-natura u tal-foresti, u t-talba għall-permess tal-iżvilupp dwar it-twettiq tad-destinazzjoni taż-żona kkonċernata ser ikollha wkoll tinkludi din id-deċiżjoni.

21

B’hekk, skont dan l-istess gvern, fil-mument meta ser issir possibbli li wieħed jippreġudika żona eżistenti, iż-żoni ta’ importanza ekoloġika diġà ser jipparteċipaw għall-integrità tas-sit Natura 2000 ikkonċernata. L-assenjazzjoni taż-żoni ta’ importanza ekoloġika fil-GRUP għalhekk tikkostitwixxi mhux miżura ta’ kumpens, iżda wkoll miżura ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”.

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesponu, insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, li pjan jew proġett jista’ jiġi approvat biss sakemm l-evalwazzjoni xierqa turi li dan il-pjan jew dan il-proġett ma jipprġudikawx l-integrità tas-sit inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-eżami tkun twettqet b’paragun mhux mas-sitwazzjoni eżistenti tan-natura, iżda met mqabbel ma’ dik li ser tirriżulta mill-ewwel miżuri. Madankollu, skont huma, jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), li l-ħolqien ta’ żona ta’ importanza ekoloġika msejħa ta’ “natura reżistenti” għandha tidher, għall-inqas parzjalment, bħala miżura ta’ kumpens li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni xierqa.

23

Sussidjarjament, fil-każ fejn l-iżvilupp ta’ żona ta’ importanza ekoloġika ta’ “natura reżistenti” jikkostitwixxi mhux miżura ta’ kumpens, iżda żvilupp tan-natura msemmija awtonoma, dawn l-istess rikorrenti jqiesu, billi jibbażaw ruħhom dejjem fuq il-motivi tas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), li din iż-żona ma għandhiex iktar tittieħed inkunsiderazzjoni.

24

Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, it-teknika użata li tikkonsisti fl-iżvilupp, wara l-approvazzjoni tal-GRUP, ta’ żoni naturali ġodda li ser ikollhom jikkorrispondu għall-karatteristiċi tas-sit Natura 2000 kkonċernata, tikser il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” li tintegra l-prinċipju ta’ prekawzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom għalhekk jirrifjutaw li japprovaw il-pjan jew il-proġett maħsub meta huma għadhom ma akkwistawx iċ-ċertezza li dan ma huwiex ser jippreġudika l-integrità tas-sit inkwistjoni.

25

B’risposta għall-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-reġjun fjamming iqis li huwa żbaljat li dawn jitilqu mill-prinċipju li l-GRUP jippreġudika l-integrità tal-imsemmi sit. Fil-fatt, huma biss ħsarat sinjifikattivi li huma koperti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

26

Barra minn hekk, ir-reġjun fjamming jargumenta li l-istat taż-żoni kkonċernati huwa sfavorevoli, b’tali mod li l-konservazzjoni tiegħu ma hijiex għażla u li r-restawr huwa neċessità. F’dan il-każ żona ta’ importanza ekoloġika msejħa ta’ natura reżistenti hija qabelxejn imwettqa qabel ma l-iżvilupp tal-port ma jintlaħaq. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex paragunabbli għal dik li ppresediet l-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), billi, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-ħsara għaż-żona li teżisti ta’ habitat protett kienet titwettaq mingħajr ma żona tal-istess tip ma ġiet żviluppata minn qabel.

27

Il-Gemeentelijk Havenbedrijf Antwerpen (l-awtorità tal-port ta’ Antwerp, il-Belġju), intervenjenti fil-kawża prinċipali, tinsisti wkoll fuq iċ-ċirkustanza li l-GRUP ma tapplika ebda teknika ta’ mitigazzjoni jew ta’ kumpens, iżda tinkludi miżuri ta’ konservazzjoni. Hija tippreċiża li din tipprevedi l-iżvilupp taż-żoni naturali li għandhom imperattivament jiġu ġestiti qabel kull ħsara eventwali lill-habitat li jeżisti. Fil-fatt, kif indika, huwa ċert li ż-żoni ta’ habitats ġodda ser ikunu diġà żviluppati kompletament qabel ma kwalunkwe ħsara tista’ sseħħ barra dawn. Is-sekwenzar integrat fir-rekwiżiti tal-GRUP kif ukoll il-mumenti ta’ monitoraġġ u ta’ adattament ser jippermettu li jiġi ddeterminat f’kull mument l-impatt reali ta’ dan il-pjan u li jiżgura li l-perijodu intermedjarju ma jwassal għall-ebda rigressjoni ekoloġika.

28

Peress li tqis li s-soluzzjoni għaż-żewġ kawżi li bihom ġie adit jiddependu mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “habitats”, ir-Raad van State (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari li ġejja, li ġiet redatta f’termini identiċi għal kull waħda minn dawn il-kawżi:

“Il-pjan ta’ implementazzjoni tal-iżvilupp reġjonali (GRUP) jinkludi regoli tal-ippjanar li jipprevedu li l-iżvilupp ta’ żoni (allokati b’mod iktar preċiż lill-impriżi portwali u marbuta mal-passaġġi tal-ilma, ma’ park loġistiku, mal-infrastrutturi tal-passaġġi li jistgħu jitbaħħru u mal-infrastrutturi tat-toroq u tat-trasport) li fihom hemm riżorsi naturali (żona ta’ tip ta’ habitat naturali jew habitat ta’ speċi li għalihom ġiet indikata ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni/żona ta’ protezzjoni speċjali kkonċernata) li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni/żoni ta’ protezzjoni speċjali kkonċernati, huwa possibbli biss wara l-ħolqien ta’ habitat sostenibbli f’żoni ta’ importanza ekoloġika (indikati fiż-żona Natura 2000) u wara deċiżjoni tal-Gvern Fjamming, adottata wara opinjoni preliminari tal-amministrazzjoni Fjamminga kompetenti fil-qasam tal-konservazzjoni tan-natura, li tikkonstata s-suċċess tal-ħolqien sostenibbli taż-żoni ta’ importanza ekoloġika, liema deċiżjoni għandha tinstab fit-talba għal permess ta’ ppjanar dwar l-iżvilupp tal-faċilitajiet imsemmija iktar ’il fuq.

Dawn ir-regoli tal-ippjanar u l-iżvilupp pożittiv taż-żoni ta’ importanza ekoloġika li dawn jipprevedu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-eventwali effetti sinjifikattivi u/jew fl-evalwazzjoni xierqa, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jew għandu jiġi kkunsidrat li dawn jistgħu jikkostitwixxu biss “miżuri kumpensatorji” fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni ġew sodisfatti?”

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kawżi C-387/15 u C-388/15 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats” għandhom jiġu interpretati fis-sens li xi miżuri, inklużi fi pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit ta’ importanza komunitarja, li huwa maħsub, minn qabel għat-twettiq ta’ effetti negattivi fuq tip ta’ habitat naturali preżenti fuq dan, l-iżvilupp futur ta’ żona ta’ dan it-tip, iżda li l-kompletar ser iseħħ wara l-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tal-ħsara eventwalment magħmul lill-integrità tal-imsemmi sit, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni matul din l-evalwazzjoni, konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jew jekk dawn il-miżuri għandhom jiġu kkwalifikati bħala “miżuri ta’ kumpens”, fis-sens tal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu.

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk meħtieġ, ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u, b’mod partikolari, taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandhom jiġu interpretati bħala totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni intiżi minn din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan tal-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu huwa li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu 3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et., C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 52 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

33

B’hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jqassam il-miżuri fi tliet kategoriji, jiġifieri l-miżuri ta’ konservazzjoni, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-miżuri ta’ kumpens, rispettivament previsti fil-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-artikolu.

34

Fil-kawżi prinċipali,l-awtorità tal-port ta’ Antwerp u l-Gvern Belġjan iqiesu li r-regolamenti tal-ippjanar inklużi fil-GRUP jikkostitwixxu miżuri ta’ konservazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”. Dan il-gvern jikkunsidra li tali miżuri jistgħu possibbilment jaqgħu taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva “Habitats”, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali huwa kkunsidrat bħala “favorevoli”, b’mod partikolari, meta l-medda naturali tiegħu kif ukoll iż-żona li huwa jkopri f’din il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu u meta l-istruttura u l-funzjonijiet speċifiċi neċessarji għaż-żamma fit-tul tiegħu jeżistu u jistgħu jkomplu jeżistu f’ġejjieni prevedibbli.

36

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-GRUP għandu jneħħi b’mod partikolari totalità ta’ 20 ettaru ta’ pjanuri tat-tajn ta’ marea u ta’ artijiet miksija bl-ilma meta l-marea timla u mikxufa meta tofrogħ tas-sit Natura 2000 ikkonċernat.

38

Għaldaqstant għandu jiġi osservat li, minn naħa, il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula minn din il-qorti juru li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedu b’mod partikolari t-tneħħija ta’ parti ta’ dan is-sit. Minn dan isegwi li tali miżuri ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri li jiżguraw il-konservazzjoni tal-imsemmi sit.

39

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, li jippermettu li jintlaħaq l-għan essenzjali ta’ preservazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi, u li jistabbilixxu obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti f’li jiġu evitati deterjorazzjoni u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’hekk, miżura ta’ prevenzjoni hija konformi mal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva biss jekk jiġi ggarantit li hija ma tinvolvi ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet tal-istess direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni mixtieqa minnha (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “Habitats” ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Minn dan isegwi li wieħed għandu jiċċirkoskrivi l-punti ta’ liġi li jippermettu li tingħata risposta għad-domanda magħmula fl-Artikolu 6(3) u (4) ta’ din id-direttiva.

43

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinifikanti jkun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 28 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

44

L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk torganizza żewġ fażijiet. L-ewwel waħda, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 29 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

45

B’mod partikolari, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett, li ma huwiex direttament marbut ma jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit, jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi meqjus bħala li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni tal-imsemmi riskju għandu jsir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 20 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

46

It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (4) ta’ dan l-artikolu.

47

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-fatt li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit inkwantu habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jippresupponi li dan jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma fit-tul tal-karatterisitiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preservazzjoni tiegħu ġġustifika li dan is-sit jitniżżel fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 21 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari r-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 29 tas-sentenza tal-Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti minn proġett li huma intiżi li jikkompensaw l-effetti negattivi tiegħu fuq sit Natura 2000 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi proġett, previst fl-imsemmi Artikolu 6(3).

49

Ċertament, fil-kawżi prinċipali, iċ-ċirkustanzi ma humiex identiċi għal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, billi l-miżuri maħsuba f’dawn għandhom jitwettqu qabel il-ħsarat, minkejja li f’din, il-miżuri kellhom jitwettqu wara l-imsemmija ħsarat.

50

Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti fuq iċ-ċirkustanza li l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit protett ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C-399/14, EU:C:2016:10, punt 50 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq is-sit ikkonċernat għandha titwettaq skont l-imsemmi Artikolu 6(3) timplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C-399/14, EU:C:2016:10, punt 49 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, b’regola ġenerali, l-effetti pożittivi possibbli tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf ta’ superfiċji u tal-kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq sit protett, huma biss diffiċilment prevedibbli u, fi kwalunkwe każ, ser ikunu viżibbli biss fi ftit snin, (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 32).

53

Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jinkorpora ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġu evitati, b’mod effettiv, il-ħsara fuq l-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett minn dan stabbilit f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 48 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

54

L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva tirrikjedi mill-awtorità nazzjonali kompetenti li tevalwa l-implikazzjonijiet tal-proġett għas-sit ikkonċernat fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ protezzjoni mdaħħla fl-imsemmi proġett, intiżi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti ħżiena possibbli kkawżati direttament fuq dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li ma jaffettwax ħażin l-integrità tal-imsemmi sit (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 28).

55

F’dan il-każ, minn naħa, il-ħsarat għas-sit Natura 2000 kkonċernat huma ċerti, billi l-qorti tar-rinviju setgħet tikkwantifikahom. Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji li jirriżultaw mill-iżvilupp ta’ żoni ta’ importanza ekoloġika diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni u fil-wiri ta’ assenza ta’ ħsara sinjifikattiva għall-imsemmi sit minkejja li r-riżultat tal-iżvilupp ta’ dawn iż-żoni huwa inċert, billi ma jkunx tlesta.

56

Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi fil-kawżi prinċipali u dawk li ppresjedew l-għoti tas-sentenza fil-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), huma simili fis-sens li huma bbażati, fil-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, fuq premessa identika tal-benefiċċji futuri li għandhom inaqqsu l-ħsarat sinjifikattivi li saru għal dan is-sit, minkejja li l-imsemmija miżuri ta’ żvilupp ma twettqux.

57

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat, kif jitfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li l-kliem tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats” ma jinkludi ebda riferiment għal kwalunkwe kunċett ta’ “miżura ta’ mitigazzjoni”.

58

F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-effett utli tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” huwa intiż li jevita li, permezz ta’ miżuri msemmija “mitiganti”, iżda li jikkorrispondu fir-realtà għal miżuri kumpensatorji, l-awtorità nazzjonali kompetenti tevita l-proċeduri speċifiċi stabbiliti f’dan l-artikolu billi tawtorizza, skont il-paragrafu 3 tiegħu, proġetti li jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 33).

59

Minn dan isegwi li l-effetti negattivi ta’ pjan jew ta’ proġett mhux direttament marbutin jew neċessarji għall-ġestjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni u li jaffettwaw l-integrità tagħha ma taqax taħt l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva “Habitats”.

60

Fir-rigward tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, hemm lok li jitfakkar li, bħala dispożizzjoni derogatorja għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 73 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata) u jista’ japplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett jiġu analizzati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 35 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

61

Sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, l-effetti ħżiena fuq is-sit ikkonċernat għandhom jiġu identifikati bi preċiżjoni. L-għarfien tal-imsemmija effetti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva, għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami eventwali ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi fil-fatt jeħtieġ ibbilanċjar fir-rigward tad-danni kkawżati lill-imsemmi sit mill-pjan jew mill-proġett ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 57 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

62

Konformement mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000.

63

Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, f’dan il-kuntest, jagħtu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 37 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li xi miżuri, inklużi fi pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit ta’ importanza komunitarja, li huwa maħsub, minn qabel għat-twettiq ta’ effetti negattivi fuq tip ta’ habitat naturali preżenti fuq dan, l-iżvilupp futur ta’ żona ta’ dan it-tip, iżda li l-kompletar ser iseħħ wara l-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tal-ħsara eventwalment magħmula lill-integrità tal-imsemmi sit, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni matul din l-evalwazzjoni. Jekk ikun il-każ, tali miżuri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri ta’ kumpens”, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, ħlief sa fejn ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li xi miżuri, inklużi fi pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit ta’ importanza komunitarja, li huwa maħsub, minn qabel għat-twettiq ta’ effetti negattivi fuq tip ta’ habitat naturali preżenti fuq dan, l-iżvilupp futur ta’ żona ta’ dan it-tip, iżda li l-kompletar ser iseħħ wara l-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tal-ħsara eventwalment magħmula lill-integrità tal-imsemmi sit, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni matul din l-evalwazzjoni. Jekk ikun il-każ, tali miżuri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri ta’ kumpens”, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, ħlief sa fejn ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq