EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0614

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Lulju 2016.
Proċeduri kriminali kontra Sofiyska gradska prokuratura.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari – Regola nazzjonali li tipprevedi l-astensjoni tal-qorti nazzjonali talli tkun esprimiet opinjoni provviżorja fit-talba għal deċiżjoni preliminari meta kkonstatat il-kuntest fattwali u ġuridiku – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u Artikolu 48(1).
Kawża C-614/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:514

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari — Regola nazzjonali li tipprevedi l-astensjoni tal-qorti nazzjonali talli tkun esprimiet opinjoni provviżorja fit-talba għal deċiżjoni preliminari meta kkonstatat il-kuntest fattwali u ġuridiku — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u Artikolu 48(1)”

Fil-Kawża C‑614/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Diċembru 2014, fil-proċeduri kriminali kontra

Atanas Ognyanov

fil-preżenza ta’:

Sofiyska gradska prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Toader u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, M. Berger (Relatur), E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, C. Schillemans u M. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger, R. Troosters u V. Soloveytchik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenza kriminali u l-eżekuzzjoni, fil-Bulgarija, ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija minn qorti Daniża kontra Atanas Ognyanov.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari”:

“Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

a)

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

b)

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti;

c)

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

Id-dritt Bulgaru

4

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 29 tan-Nakaztelno-protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), imħallef li, b’mod partikolari, jista’ jitqies li huwa parzjali ma jistax jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti. Skont il-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni, il-Bulgarija), l-espressjoni mill-imħallef ta’ opinjoni provviżorja fuq il-mertu ta’ kawża qabel ma tingħata deċiżjoni finali tikkostitwixxi każ partikolari ta’ parzjalità.

5

Fil-każ ta’ parzjalità, il-kulleġġ ġudikanti huwa obbligat jastjeni, u dan ifisser, l-ewwel nett, li dan il-kulleġġ ġudikanti jieqaf jeżamina l-imsemmija kawża, it-tieni nett, li din tal-aħħar tiġi assenjata mill-ġdid lil imħallfin oħra tal-qorti kkonċernata u, it-tielet nett, li l-kulleġġ ġudikanti l-ġdid magħżul jerġa’ jibda l-eżami tal-kawża inkwistjoni mill-bidu.

6

Jekk l-imħallef jonqos milli jastjeni, ikompli jeżamina l-kawża u jagħti deċiżjoni finali, din tal-aħħar tkun ivvizzjata, għaliex tkun ġiet adottata bi “ksur tal-forom proċedurali sostanzjali”. L-istanza superjuri tannulla l-imsemmija deċiżjoni u l-kawża inkwistjoni tiġi assenjata mill-ġdid lil imħallef ieħor bil-għan li tiġi eżaminata mill-ġdid.

7

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-ġurisprudenza Bulgara tadotta interpretazzjoni partikolarment stretta tal-kriterju ta’ “parzjalità”. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-verifika ta’ dan il-kriterju ssir ex officio u li anki l-iktar indikazzjoni insinjifikattiva dwar il-fatti tal-kawża inkwistjoni jew dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom twassal awtomatikament għal motiv ta’ astensjoni tal-imħallef.

8

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-espressjoni mill-imħallef ta’ opinjoni provviżorja twassal mhux biss għall-astensjoni tiegħu u għall-annullament tad-deċiżjoni finali tiegħu, iżda wkoll għat-tressiq ta’ azzjoni għal responsabbiltà kontrih minħabba nuqqas dixxiplinari. Fil-fatt, skont il-punti 2.3 u 7.4 tal-Kodeks za etichno povedenie (kodiċi nazzjonali ta’ etika), huwa pprojbit li l-imħallef jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar l-eżitu ta’ kawża li ngħata l-inkarigu li jeżamina jew li jagħti opinjoni provviżorja. Barra minn hekk, il-punt 7.3 tal-kodiċi nazzjonali ta’ etika jipprovdi li l-imħallef jista’ jesprimi ruħu dwar kwistjonijiet ġuridiċi ta’ prinċipju, iżda mingħajr ma jirreferi għall-fatti konkreti u għall-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 2012, A. Ognyanov, ċittadin Bulgaru, ġie kkundannat mir-Retten i Glostrup (qorti ta’ Glostrup, id-Danimarka) għal piena kumplessiva ta’ ħmistax-il sena priġunerija għal omiċidju volontarju u għal serq aggravat. Wara li skonta parti mill-piena ta’ priġunerija tiegħu fid-Danimarka, A. Ognyanov ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari, fl-1 ta’ Ottubru 2013, sabiex jiskonta l-kumplament tal-piena tiegħu fil-Bulgarija.

10

Permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tal-25 ta’ Novembru 2014, imressqa fil-Kawża C‑554/14, Ognyanov, li sussegwentement ġiet ikkonfermata u ssupplimentata minn żewġ talbiet, tal-15 ta’ Diċembru 2014, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) għamlet diversi domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 237, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).

11

Wara li saru l-imsemmija domandi preliminari fil-Kawża C‑554/14, Ognyanov, is-Sofiyska gradska prokuratura (uffiċċju tal-prosekutur tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li huwa parti fil-kawża prinċipali, talab, b’mod partikolari, l-astensjoni tal-kulleġġ ġudikanti tas-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) inkarigat li jeżamina din il-kawża, għar-raġuni li, meta, fil-punti 2 sa 4 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, esponiet il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-imsemmija kawża, dik il-qorti esprimiet opinjoni provviżorja dwar punti ta’ fatt u ta’ liġi qabel ma l-kawża tħalliet għad-deliberazzjoni.

12

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ta’ regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti Bulgara jastjeni meta, fit-talba għal deċiżjoni preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, ikun esprima opinjoni provviżorja fl-espożizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 47 u 48 tal-Karta [...] u dispożizzjonijiet rilevanti oħra) jekk, wara li tasal id-deċiżjoni preliminari, il-qorti li tkun bagħtet it-talba għal deċiżjoni preliminari tkompli bl-eżami tal-kawża u tagħti deċiżjoni dwar il-mertu, mingħajr ma tastjeni? Ir-raġuni għal din l-astensjoni hija l-espressjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ opinjoni provviżorja dwar il-mertu tal-kawża fit-talba għal deċiżjoni preliminari (jekk jitqies li huwa stabbilit qafas fattwali partikolari u jekk jitqies li regola legali partikolari hija applikabbli għal dan il-qafas fattwali).

Id-domanda qiegħda ssir fuq il-premessa li, fid-determinazzjoni tal-fatti u tad-dritt applikabbli għall-finijiet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ġew osservati r-regoli proċedurali kollha sabiex jitħares id-dritt tal-partijiet li jipproduċu provi u li jagħmlu sottomissjonijiet orali.

2)

Jekk, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, it-tkomplija tal-eżami tal-kawża titqies li hija konformi mad-dritt, ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni jekk:

a)

fid-deċiżjoni finali tagħha, il-qorti tar-rinviju tirripproduċi mingħajr emenda dak kollu li tkun ikkonstatat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li tirrifjuta li tiġbor provi ġodda jew li tisma’ lill-partijiet fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi? Fil-verità, il-qorti tar-rinviju tiġbor provi ġodda u tisma’ lill-partijiet biss fir-rigward tal-punti li ma ġewx ikkunsidrati li huma stabbiliti fit-talba għal deċiżjoni preliminari;

b)

il-qorti tar-rinviju tibqa’ tiġbor provi ġodda u tisma’ l-partijiet fir-rigward tal-punti rilevanti kollha, inklużi l-punti li dwarhom diġà espremiet l-opinjoni tagħha fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u, fid-deċiżjoni finali tagħha, tirripproduċi l-aħħar opinjoni tagħha, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-provi kollha miġbura u wara li tkun eżaminat l-osservazzjonijiet kollha tal-partijiet, kemm dawk magħmula qabel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm dawk magħmula wara li tasal id-deċiżjoni preliminari?

3)

Jekk, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, it-tkomplija tal-eżami tal-kawża titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tagħżel li ma tkomplix bl-eżami tal-kawża u, minflok, tastjeni, minħabba li t-tkomplija ta’ dan l-eżami jkun kuntrarju għad-dritt nazzjonali li jiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni tal-interessi tal-partijiet u tal-ġustizzja[, meta] jitqies li l-astensjoni tirriżulta:

a)

mill-fatt li l-qorti tar-rinviju espremiet opinjoni provviżorja dwar il-kawża, permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari, qabel ma tat id-deċiżjoni finali tagħha, li għalkemm huwa ċertament awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali;

b)

mill-fatt li l-qorti tar-rinviju ser tagħmel l-opinjoni tagħha definittiva permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet u mhux permezz ta’ deċiżjoni waħda (jekk jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija opinjoni mhux provviżorja iżda finali), li għalkemm huwa ċertament awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali[?]”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

14

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali interpretata b’mod li tobbliga lill-qorti tar-rinviju tastjeni mill-kawża pendenti għar-raġuni li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, hija tkun esponiet il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża.

15

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 267 TFUE, tikkostitwixxi l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea, liema proċedura, billi tistabbilixxi djalogu bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza ta’ dan id-dritt, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara l-opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawża mressqa quddiemhom (ara d-digrieti tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah, C‑144/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:565, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Marzu 2015, Andre, C‑23/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:194, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 23).

17

Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Settembru 2014, A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-għażla tal-iktar mument opportun sabiex isiru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, Sibilio, C‑157/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:148, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C‑546/14, EU:C:2016:206, punt 16).

18

Il-bżonn li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali jeżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara d-digrieti tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah, C‑144/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:565, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Marzu 2015, Andre, C‑23/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:194, punt 5 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 114).

19

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (ara d-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Talasca, C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21).

20

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li hija r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar li tiżgura li din il-possibbiltà tkun issalvagwardata, fid-dawl tal-fatt li, skont dan l-artikolu, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara d-digriet tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah, C‑144/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:565, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 116).

21

Fl-aħħar nett, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku rilevanti tista’ tikkostitwixxi raġuni għall-inammissibbiltà manifesta tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah, C‑144/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:565, punt 12; tal-4 ta’ Lulju 2012, Abdel, C‑75/12, mhux ippubblikat, EU:C:2012:412, punti 67; tad-19 ta’ Marzu 2014, Grimal, C‑550/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:177, punt 19, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Andre, C‑23/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:194, punti 89).

22

Għalhekk meta, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, qorti tar-rinviju, bħas-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija), tesponi l-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kulma tagħmel huwa li tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li qorti tar-rinviju, bħal dik ikkonċernata mill-kawża prinċipali, tippreżenta, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-kuntest fattwali u ġuridiku rilevanti tal-kawża prinċipali jissodisfa r-rekwiżit ta’ kooperazzjoni inerenti fil-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, fih innifsu, la jista’ jikser id-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali, irrikonoxxut mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u lanqas id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, iggarantit mill-Artikolu 48(1) tagħha.

24

F’dan il-każ, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tan-NPK, kif interpretat mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni), flimkien mal-punti 2.3, 7.3 u 7.4 tal-kodiċi nazzjonali ta’ etika, jirriżulta li l-preżentazzjoni minn imħallef Bulgaru, f’talba għal deċiżjoni preliminari, tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali titqies li hija l-espressjoni ta’ opinjoni provviżorja minn dan l-imħallef, li twassal mhux biss għall-astensjoni tiegħu u għall-annullament tad-deċiżjoni finali tiegħu, iżda wkoll għat-tressiq ta’ azzjoni għal responsabbiltà kontrih minħabba nuqqas dixxiplinari.

25

Minn dan isegwi li l-konsegwenza ta’ regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipperikola, b’mod partikolari, li tkun li mħallef nazzjonali jippreferi jżomm lura milli jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jevita jew li jkollu jastjeni u li jinkorri sanzjonijiet dixxiplinari jew li jippreżenta talbiet għal deċiżjoni preliminari inammissibbli. Għaldaqstant, tali regola tippreġudika l-prerogattivi mogħtija lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali interpretata b’mod li tobbliga lill-qorti tar-rinviju tastjeni mill-kawża pendenti għar-raġuni li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija tkun esponiet il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża.

Fuq it-tieni domanda

27

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara li tingħata s-sentenza fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma temendax il-konstatazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li hija tkun għamlet fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew, għall-kuntrarju, li, wara li tingħata dik is-sentenza, l-imsemmija qorti tisma’ lill-partijiet mill-ġdid u tadotta miżuri istruttorji ġodda, li jistgħu jwassluha sabiex temenda dawn il-konstatazzjonijiet.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Aritkolu 267 TFUE jeżiġi li l-qorti tar-rinviju tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Min-naħa l-oħra, la dan l-artikolu u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jeżiġu mill-qorti tar-rinviju li, wara li tingħata s-sentenza fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija temenda l-konstatazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li hija tkun għamlet fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dik il-qorti lanqas ma hija pprojbita minn kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni milli, wara li tingħata dik is-sentenza, temenda l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku rilevanti.

30

Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li la jeżiġi u lanqas jipprojbixxi li, wara li tingħata s-sentenza fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tisma’ lill-partijiet mill-ġdid u tadotta miżuri istruttorji ġodda li jistgħu jwassluha sabiex temenda l-konstatazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li hija tkun għamlet fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, bil-kundizzjoni li dik il-qorti tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq it-tielet domanda

31

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li hija tapplika regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għar-raġuni li din ir-regola tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet.

32

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-premessa, li fuqha hija bbażata din id-domanda, li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiggarantixxi lill-parti f’kawża protezzjoni ikbar tad-dritt tagħha ta’ aċċess għal qorti imparzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-fatt li qorti tar-rinviju tesponi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, fih innifsu, ma jiksirx dan id-dritt fundamentali. Konsegwentement, l-obbligu li tastjeni li l-imsemmija regola timponi fuq il-qorti tar-rinviju li tkun għamlet tali espożizzjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax jitqies li jikkontribwixxi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-imsemmi dritt.

33

Wara din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedura għal deċiżjoni preliminari torbot lill-qorti nazzjonali, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil, C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 38).

34

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-qorti nazzjonali, li għandha l-kompitu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil, C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li r-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li, jekk ikun il-każ, jemendaw ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 267 TFUE billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, l-Artikolu 29 tan-NPK kif interpretat mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni), peress li din l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 34).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti tar-rinviju tapplika regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titqies li tmur kontra dan id-dritt.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqrija fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali interpretata b’mod li tobbliga lill-qorti tar-rinviju tastjeni mill-kawża pendenti għar-raġuni li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija tkun esponiet il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li la jeżiġi u lanqas jipprojbixxi li, wara li tingħata s-sentenza fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tisma’ lill-partijiet mill-ġdid u tadotta miżuri istruttorji ġodda li jistgħu jwassluha sabiex temenda l-konstatazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li hija tkun għamlet fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, bil-kundizzjoni li dik il-qorti tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti tar-rinviju tapplika regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titqies li tmur kontra dan id-dritt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq