Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0155

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2016.
    Evonik Degussa GmbH u AlzChem AG, anciennement AlzChem Trostberg GmbH, anciennement AlzChem Hart GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordji – Swieq tat-trab u tal-granuli tal-karbur tal-kalċju kif ukoll granuli tal-manjesju f’parti kbira taż-Żona Ekonomika Ewropea – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim ta’ swieq u skambju ta’ informazzjoni – Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa mis-sussidjarji tagħha – Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent – Preżunzjoni konfutabbli fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % – Kundizzjoni tal-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni – Ksur ta’ istruzzjoni espressa.
    Kawża C-155/14 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:446

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    16 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 81 KE — Akkordji — Swieq tat-trab u tal-granuli tal-karbur tal-kalċju kif ukoll granuli tal-manjesju f’parti kbira taż-Żona Ekonomika Ewropea — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim ta’ swieq u skambju ta’ informazzjoni — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa mis-sussidjarji tagħha — Influwenza determinanti eżerċitat mill-kumpannija parent — Preżunzjoni konfutabbli fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % — Kundizzjoni tal-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni — Ksur ta’ istruzzjoni espressa”

    Fil-Kawża C‑155/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ April 2014,

    Evonik Degussa GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja),

    AlzChem AG, li kienet AlzChem Trostberg GmbH, stabbilita fi Trostberg (il-Ġermanja),

    irrappreżentati minn C. Steinle u I. Bodenstein, Avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Evonik Degussa GmbH (iktar 'il quddiem “Degussa”) u AlzChem AG, li kienet AlzChem Trotsberg GmbH, jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Jannar 2014, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni (T‑391/09, mhux ippubblikata, iktar 'il quddiem is-“sentenza appellata, ”EU:T:2014:22), li permezz tiegħu din tal-aħħar parzjalment ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat‑22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 – Reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industrija tal-azzar u tal-gass) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernahom, b’mod sussidjarju, talba għall-bidla tal-imsemmija deċiżjoni, intiża, minn naħa, għall-annullament tal-multa imposta fuq l-appellanti jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha u, min-naħa l-oħra, għar-responsabbiltà ta’ SKW Stahl-Technik GmbH (iktar 'il quddiem “SKW”) tal-ammont sħiħ tal-multa, in solidum magħhom stess.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi s-sistema ta’ multi li jistgħu jkunu imposti mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    3

    Il-fatti li wasslu għat-tilwima ġew spjegati fil-punti 1 sa 4 tas-sentenza appellata kif ġej:

    “1

    Permezz tad-[deċiżjoni appellata], il-[Kummissjoni] kkonstatat li l-fornituri ewlenin tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju maħsuba għall-oqsma tal-azzar u tal-gass kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea minħabba li mit-22 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007 ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu. Dan kien dovut għal tqassim tas-swieq, iffissar ta’ kwoti, tqassim tal-klijenti, iffissar tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezzijiet, il-klijenti u l-volumi tal-bejgħ fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit.

    2

    Il-proċeduri nfetħu sussegwentement għat-talba ta’ immunità, fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ‘il quddiem l-’Avviż dwar l-immunità tal-2002’), ippreżentata minn Akzo Nobel NV.

    3

    Permezz tal-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni kkonstatat li Degussa u AlzChem Hart GmbH (li saret AlzChem Trostberg GmbH, sussegwentement [AlzChem]), l-appellanti kienu ipparteċipaw fil-ksur mit-22 ta’ April sat-30 ta’ Awwissu 2004. Mill-premessi 226 u 227 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] jirriżulta li ż-żewġ kumpanniji kienu nżammu responsabbli għall-ksur kontenzjuż minħabba l-parteċipazzjoni diretta fiha ta’ membri tal-persunal ta’ SKW Stahl-Technik GmbH & Co KG, li l-isem kummerċjali nbidel, mill-2005, għal [SKW]. Skont il-premessi 227, 228 u 235 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], fl-ewwel parti tal-perjodu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kontenzjuż, SKW kienet sussidjarja miżmuma 100 % mir-rikorrenti.

    4

    Permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kontenzjuż, minn naħa, multa ta’ EUR 1.04 miljun, li indikathom bħala responsabbli in solidum ma’ SKW għall-ħlas ta’ din il-multa [l-Artikolu 2(g)], u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 3.64 miljun, għall-ħlas ta’ liema kienu indikati bħala responsabbli in solidum [Artikolu 2(h)].”

    4

    Dwar il-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, li biha SKW kienet miżmuma kompletament mhux minn AlzChem u Degussa, iżda minn SKW Stahl-Metallurgy Holding (iktar 'il quddiem “SKW Holding”) u Arques Industries AG, li saret Gigaset AG, il-Kummissjoni kkonstatat li SKW, SKW Holding u Gigaset kienu pparteċipaw u/jew għandhom jinżammu responsabbli għall-ksur inkwistjoni. Permezz tal-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif emendata bis-sentenza Gigaset vs Il-Kummissjoni (T‑395/09, EU: T:2014: 23), hija imponiet multa ta’ EUR 13300000in solidum ma’ SKW u ma SKW Holding li minnha parti, jiġifieri EUR 12.3 miljun, kienet ukoll tqiegħed responsabbli ta’ Gigaset miżmuma in solidum responsabbli għall-ħlas ta’ dan l-aħħar ammont.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    5

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2009, l-appellanti talbu, primarjament, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernahom u, sussidjarjament, minn naħa, li jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom skont l-Artikolu 2(g) u (h) ta’ din id-deċiżjoni, min-naħa l-oħra, li SKW tkun responsabbli għal dawn il-multi kollha, in solidum magħhom stess.

    6

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti ppreżentaw argumentazzjoni mhux strutturata f’aggravji, li l-Qorti Ġenerali fehemhom li huma dwar, l-ewwel nett, ir-responsabbiltà tagħhom stess għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom, SKW, it-tieni nett, l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, it-tielet nett, ir-responsabbiltà in solidum ta’ SKW għall-ħlas ta’ dawn il-multi u, ir-raba’ nett, li d-deċiżjoni kontenzjuża hija kontra s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, EU:T:2011:70), dan tal-aħħar ilment ġie mqajjem fl-okkażjoni ta’ applikazzjoni organizzattiva tal-proċedura u waqt is-seduta.

    7

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment dan ir-rikors. Id-dispożittiv ta’ din is-sentenza huwa fformulat kif ġej:

    “(1)

    L-Artikolu 2(g) u (h) tad-Deċiżjoni [kontenzjuża] huwa annullat, sa fejn dan jikkonċerna lil [Degussa] u [AlzChem], filwaqt li madankollu jiġi ppreċiżat li dan l-annullament ma jaffettwax l-effett liberatorju ta’ kwalunkwe ħlas, minn waħda jew minn oħra minn dawn iż-żewġ kumpanniji, tal-multa imposta fuqhom in solidum għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(f) tal-imsemmija deċiżjoni, fir-rigward ta’ [SKW], u l-multa li ġiet imposta fuq din tal-aħħar fl-Artikolu 2(g) tal-istess deċiżjoni.

    (2)

    Għall-ksur ikkonstatat fir-rigward ta’ [Degussa] u AlzChem fl-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni [kontenzjuża], huma imposti l-multi li ġejjin:

    fuq [Degussa] u AlzChem in solidum: EUR 2.49 miljun, filwaqt li jiġi ppreċiżat li ser jitqies li [Degussa] u AlzChem ħallsu din il-multa bl-ammont identiku għal dak li ħallset [SKW] għall-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2(f) u (g) tal-istess deċiżjoni;

    fuq [Degussa], l-unika waħda responsabbli għall-ħlas ta’ din il-multa, EUR 1.24 miljun.

    (3)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    (4)

    [Degussa] u AlzChem għandhom ibatu żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom kif ukoll żewġ terzi ta’ dawk tal-[Kummissjoni]. Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż sostnuti minn [Degussa] u AlzChem.”

    8

    Minn din is-sentenza jirriżulta li l-multi imposti fuq il-kumpanniji li kienu jagħmlu parti mill-entità ekonomika miżmuma minn Degussa, kumpannija parent, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ SKW fil-ksur inkwistjoni għall-perijodu mit-22 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Awwissu 2004 huma kif ġej:

    fuq SKW: EUR 1.04 miljun, skont l-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni kontenzjuża;

    fuq Evonik Degussa u AlzChem in solidum: EUR 2.49 miljun, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali indikat ser jitqies li dawn iż-żewġ kumpanniji ħallsu din il-multa bl-ammont identiku għal dak li ħallset SKW għall-multi imposta fuqha fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-perijodi rispettivament mill-1 ta’ Settembru 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007 u mit-22 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Awwissu 2004, u;

    fuq Degussa: EUR 1.24 miljun.

    It-talbiet tal-partijiet fl-appell

    9

    Degussa u AlzChem jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha sa fejn tikkonċernahom u li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernahom;

    sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposti fuq l-appellanti skont l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kontenzjuża;

    sussidjarjament, tirriforma l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn SKW tiġi ddikjarata in solidum responsabbli tal-multi kollha kemm huma li ġew imposti fuqha;

    b’mod iktar sussidjarju, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    10

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    11

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji.

    12

    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju tar-responsabbiltà għal nuqqas. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħhom għal smigħ u l-Artikolu 296 TFUE sa fejn hija rrifjutat li tilqa’ l-argumentazzjoni tagħhom dwar li d-deċiżjoni kontenzjuża hija kontra s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑24/07, EU:T:2011:70). It-tielet aggravju tagħhom jirrigwarda l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Permess tar-raba’ aggravju tagħhom, imqajjem sussidjarjament, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege certa, kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju tagħhom, ippreżentat ukoll sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE, tad-dritt tagħhom għal smigħ u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

    13

    Fl-okkażjoni tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-appellanti rrinunzjaw għat-tieni aggravju tagħhom.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-prinċipju ta ’ responsabbilità personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju tar-responsabbiltà għal nuqqas.

    L-argumenti tal-partijiet

    14

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 70 sa 119 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw lill-Ġenerali li kisret l-Artikolu 81 KE kif ukoll il-prinċipji tar-responsabbiltà personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tar-responsabbiltà għal nuqqas, peress li ssuġġettat il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minnhom stess fuq SKW għal rekwiżiti għolja wisq, u dan wassal għal ksur tan-natura konfutabbli ta’ din il-preżunzjoni.

    15

    Minn naħa, huma jikkontestaw ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali, stabbilit fil-punti 102 u 107 tas-sentenza appellata, li tammetti l-konfutazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni minkejja li kienet sostniet li SKW kienet ipparteċipat fl-akkordju kontenzjuż bi ksur flagranti ta’ struzzjonijiet espliċiti min-naħa tagħhom, imsemmija fil-punti 91 u 201 tas-sentenza appellata, li jitolbu lill-maniġer uniku ta’ SKW li ma jikkonkludux ftehimiet ma’ kompetituri li jirrigwardaw prodotti ta’ desulfurizzazzjoni tal-ħadid fondut. Skont l-appellanti, tali sitwazzjoni turi l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq SKW.

    16

    Huma jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali talli qieset bħala irrilevanti d-dikjarazzjoni tal-maniġer kummerċjali ta’ SKW fiż-żmien tal-fatti, imsemmija fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-maniġer ta’ AlzChem ma kellux motivi sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn l-istruzzjonijiet. Madankollu, tali dikjarazzjoni tkun il-prova tal-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-awtur tal-imsemmija istruzzjoni lid-destinatarju tiegħu.

    17

    L-appellanti jsostnu barra minn hekk li, għall-finijiet tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, il-fattur determinanti huwa mhux biss il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, iżda l-eżerċizzju effettiv tagħha, li huwa kkonfermat mill-punt 62 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (T‑112/05, EU:T:2007:381). Issa, f’diversi okkażjonijiet u, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ SKW, imsemmi fil-punti 108 sa 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement kienet sodisfatta b’influwenza ipotetika bbażata fuq elementi spekulattivi u ma wrietx l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza determinanti mill-appellanti fuq din l-aħħar kumpannija.

    18

    L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali li minn evalwazzjoni fuq sitwazzjoni qabel il-perijodu tal-ksur ġibdet konklużjoni dwar dan l-istess perijodu, peress li huma allegaw li qatt ma eżerċitaw influwenza determinanti. Barra minn hekk, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali kienet limitata fl-evalwazzjoni tagħha mir-rapporti bejnhom u SKW fir-rigward tat-tqassim tal-ishma u tal-persunal amministrattiv mingħajr analiżi dwar jekk eżerċitawx effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

    19

    Min-naħa l-oħra, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikkonstata l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minnhom fuq SKW filwaqt li din tal-aħħar irnexxielha tmexxi l-attività tagħha b’mod awtonomu filwaqt li l-appellanti kienu okkupati sabiex jipproċedi li jċeduha u li l-provi jikkonfermaw l-isfiduċja ta’ din tal-aħħar lejn il-kumpanniji parent tagħha, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ N., imsemmija fil-punt 105 tas-sentenza appellata.

    20

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova fil-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, billi bbażat ruħha fuq influwenza teoretiku possibbli tal-appellanti fuq SKW u mhux fuq is-sitwazzjoni konkreta tagħha. Skont l-appellanti, huma għandhom jipproduċu l-prova mhux li huma ma setgħux jeżerċitaw, b’mod ġenerali, ebda influwenza determinanti fuq SKW, iżda biss li, fil-każ konkret, huma ma kienu eżerċitaw effettivament ebda influwenza ta’ din in-natura. Issa, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 82, 83, 88, 89, 93, 94 sa 98 u 108 sa 113 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha biss fuq l-influwenza teoretika possibbli tagħhom fuq SKW.

    21

    Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li, billi ddeduċiet minn sempliċi obbligu ta’ relazzjoni ta’ SKW ma’ AlzChem l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, il-Qorti Ġenerali għamlet żnaturament tal-provi.

    22

    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn, permezz tiegħu, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal‑provi sottomessi lilha. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    – Fuq l-ammissibbiltà

    23

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija taċċetta insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40). Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, C‑514/14 P, EU:C:2016:55, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-provi li ġew prodotti lilha, meta, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, qieset li l-obbligu li l-maniġer ta’ SKW jibgħat rapporti regolari lill-maniġer ta’ AlzChem kien indizju favur it-teżi li din tal-aħħar kienet tinfluwenza b’mod determinanti d-deċiżjonijiet tal-ewwel.

    25

    Għaldaqstant, sa fejn l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-punti ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li jinsabu fil-punti 87 u 107 tas-sentenza appellata, l-ilmenti tagħhom huma inammissibbli.

    26

    Madankollu, sa fejn l-appellanti jikkontestaw il-metodoloġija użata mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-valur probatorju tal-provi prodotti mill-appellanti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minnhom fuq SKW, sa fejn jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-dimostrazzjoni ta’ aġir ta’ sussidjarja kienet f’kontradizzjoni ċara mal-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha ma tistax tikkonfuta din il-preżunzjoni, u sa fejn huma jikkritikawha li adottat kriterju restrittiv ħafna bl-effett li tagħmel tali preżunzjoni inkonfutabbli, l-ilmenti tagħhom huma ammissibbli. Fil-fatt, il-kwistjoni, magħmula minn dawn l-ilmenti, dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx kriterju legali korrett għall-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    – Fuq il-mertu

    27

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, fid-dawl partikolarment tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, peress li f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Minn ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun iżżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, tkun teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 41).

    29

    F’tali sitwazzjoni, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipproduċi prova li l-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum, direttament jew indirettament, mill-kumpannija parent tagħha sabiex jitqies li l-imsemmija preżunzjoni hija ssodisfatta. Minn dan il-fatt, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tqis lill-kumpannija parent responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha u obbligata in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għaldaqstant, meta tkun stabbilita, u dan ma huwiex ikkontestat mill-appellanti f’dan il-każ, tali preżunzjoni timplika, ħlief għall-konfutazzjoni tagħha, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha titqies ipprovata hija ta’ bażi sabiex il-Kummissjoni tqis tal-ewwel responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkollhom għalfejn jipproduċi xi evidenza addizzjonali.

    31

    Fil-fatt, peress li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija stabbilita, hija biss din il-kumpannija parent li żżomm il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha sabiex tikkonfutaha.

    32

    Sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista, il-kumpannija parent hija obbligata, fil-kuntest ta’ rikorsi diretti kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea l-provi kollha relatati mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha stess u s-sussidjarja tagħha b’tali mod li juru li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Sabiex jiġi evalwat jekk din is-sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq jew tapplika għall-essenzjal l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u ma jkunux għaldaqstant suġġetti għal elenku eżawrjenti (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il-Kummissjoni, C‑179/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:605, punt 54).

    34

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tagħmel evalwazzjoni fuq il-fatti li seħħew fl-istess żmien tal-ksur, iżda mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq provi relatati ma’ perijodu preċedenti għalih, sakemm tista’ tistabbilixxi r-rilevanza ta’ dawn il-provi għall-perijodu tal-ksur u ma tittrasponix b’mod awtomatiku għal dan il-perijodu l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni ta’ provi preċedenti għal dan.

    35

    F’dan il-każ, minn qari globali tal-punti 100 sa 107 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

    36

    B’hekk, wara li kkonkludiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinux waslu li juru li huma ma kinux effettivament eżerċitaw, qabel l-1 ta’ Jannar 2004, influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ SKW, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, indikat li għandha tivverifika jekk konstatazzjoni simili kinitx meħtieġa fir-rigward tal-perijodu tal-ksur u, b’mod iktar ġenerali, għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004. F’dan il-kuntest, hija enfasizzat, fil-punti 106 u 107 ta’ din is-sentenza, li l-affermazzjonijiet tal-appellanti, imfakkra fil-punti 102 sa 105 tal-imsemmija sentenza, li ma huwiex la ikkontestati u lanqas validament ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, ma jistgħux juru li dawn tal-aħħar ma eżerċitawx b’mod iktar effettiv, fl-2004, tali influwenza, evalwazzjoni li taqa’, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, fil-kompetenza tagħha.

    37

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta l-Qorti Ġenerali setgħet tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2004 sabiex tiċħad l-argumentazzjoni tal-appellanti li biha hija sostniet li kkonfutat il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv influwenza determinanti minnhom stess fuq SKW.

    38

    Sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet b’mod żbaljat, b’mod partikolari fil-punti 84 sa 87, 88 u 89, 93 sa 98 u 108 sa 113, il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minnha fuq SKW billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ influwenza potenzjali jew teoretika, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq l-eżistenza ta’ influwenza potenzjali jew teoretika minnha fuq SKW, iżda kkonstatat biss li l-argumenti tagħhom ma jurux l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minnhom fuq SKW u, għaldaqstant, ma kinux biżżejjed sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalistika.

    39

    Rigward l-ilment ibbażat fuq ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tqis il-fatt li SKW pparteċipat fil-ksur ikkonċernat f’kontradizzjoni ċara mal-istruzzjonijiet espliċiti tal-appellanti, kif imsemmi fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar, kif ingħad fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tal-Unjoni għandha, meta teżamina jekk il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hijiex ikkonfutata, li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha li ġew prodotti lilha.

    40

    Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, għalkemm l-eżistenza ta’ istruzzjoni espliċita minn kumpannija parent lis-sussidjarja tagħha li ma tipparteċipax fi prattiki antikompetittivi f’suq partikolari tista’ tkun indizju qawwi tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-ewwel fuq tat-tieni, il-fatt għal din tal-aħħar li ma tkunx konformi ma’ din l-istruzzjoni ma jistax jitqies, mill-Qorti Ġenerali, kif imwettaq fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, bħala indizju li juri eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza.

    41

    Madankollu, il-fatt li din is-sussidjarja ma tikkonformax ma’ istruzzjoni mogħtija mill-kumpannija parent tagħha ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jistabbilixxi n-nuqqas ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn din tal-aħħar fuq tal-ewwel, peress li l-Qorti Ġenerali kellha l-opportunità li jiġi ċċarat li ma huwiex neċessarju li s-sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet kollha tal-kumpannija parent tagħha sabiex turi l-eżistenza ta’ influwenza determinanti, bil-kundizzjoni li l-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-istruzzjoni indirizzati ma tkunx ir-regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU: 2015: 416, punti 96 u 97).

    42

    Konsegwentement, huwa mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li, fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, minkejja l-istruzzjonijiet mogħtija mill-appellanti lil SKW li ma tipparteċipawx fil-ftehimiet antikompetittivi fis-swieq inkwistjoni, li dawn tal-aħħar ma kinux ipproduċew, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-prova li huma ma kinux eżerċitaw, matul il-perijodu tal-ksur, influwenza determinanti fuq SKW.

    43

    Fl-aħħar nett, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, adottat kriterju restrittiv iżżejjed li tagħmel inkonfutabbli l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    44

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika li l-fatt huwa diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja meħtieġa sabiex tikkonfuta preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jfissirx, fih innifsu, li din hija fil-fatt inkonfutabbli, speċjalment meta l-entitajiet li fir-rigward tagħhom topera din il-preżunzjoni jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipproduċu din il-prova fl-isfera tal-attivitajiet tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑9313 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Bl-istess mod, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u tal-provi kkonstatat, f’din il-kawża, li l-appellanti ma kinux ikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jistax iktar jippermetti li jitqies li din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi meta tat lil din il-preżunzjoni natura inkonfutabbli.

    46

    Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

    47

    Peress li l-ilmenti mqajma mill-appellanti ġew miċħuda u l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament, tad-dritt tal-appellanti għal smigħ kif ukoll ital-obbligu tagħha ta ’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    48

    Permezz tat-tielet aggravju, dirett kontra l-punti 287 sa 289 tas-sentenza appellata, l-appellanti argumentaw li, meta ma naqqsitx il-multa imposta, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, id-dritt tagħhom għal smigħ kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    49

    F’dan ir-rigward, huwa jsostnu li t-tnaqqis tal-multa tagħhom għandu jsir għal żewġ motivi. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kellha tiġbed il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni propja tagħha magħmula fil-punti 272 sa 275 tas-sentenza appellata, li biha l-Qorti Ġenerali kienet, fil-qafas tal-kalkolu tar-responsabbiltà in solidum globali ta’ SKW, b’mod żbaljat, ma qisitx is-somma prevista fil-punt 25 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), imsejħa “dritt ta’ dħul” u, konsegwentement, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-iffissar ta’ multi in solidum.

    50

    It-tieni nett, huma jsostnu li, kif jirriżulta mis-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, SKW Stahl-Metallurgie Holding u SKW Stahl-Metallurgie vs Il-Kummissjoni (T‑384/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:27), li tirrigwarda l-perijodu ta’ ksur mill-1 ta’ Settembru 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni ma kinitx tagħmel iktar tnaqqis skont il-komunikazzjoni dwar il-klemenza favur SKW, minħabba li t-talba għal klemenza mressqa mill-appellanti ma kinitx tgħodd għal SKW u din tal-aħħar ma kinitx għamlet talba proprja għal klemenza f’isimha u għan-nom tagħha stess. L-appellanti kkonkludew minn li, jekk il-Kummissjoni ma kinitx wettqet dawn l-iżbalji, il-multa imposta fuq SKW għall-ewwel parti tal-ksur għall-perijodu mit-22 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Awwissu 2004 kienet tkun kunsiderevolment ogħla.

    51

    Issa, meta ma naqqsitx il-multi imposti fuq l-appellanti sabiex tirrimedja l-isproporzjon illegali bejn il-multi imposti fuq l-appellanti u l-multa imposta fuq SKW skont l-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u li anki jekk, fis-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Gigaset vs Il-Kummissjoni (T‑395/09, mhux ippubblikata, EU:T 2014:23), dwar rikors kontra l-Artikolu 2(f) ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali, f’sitwazzjoni simili, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Gigaset, kumpannija parent ta’ SKW, wara ċ-ċessjoni tagħha mill-appellanti u li l-Kummissjoni żammithom responsabbli għall-aġir ta’ SKW għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-16 ta’ Jannar 2007.

    52

    F’dan ir-rigward, l-appellanti jfakkru li, fil-punt 192 tas-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Gigaset vs Il-Kummissjoni (T‑395/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:23), il-Qorti Ġenerali, wara li indikat li “t-trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet mhux ugwali ta’ [Gigaset] u ta’ SKW kellu l-effett li jimponi fuqhom multa tal-istess ammont, għalkemm għandu jkun hemm bejn l-ammonti tal-multa imposta fuq dawn iż-żewġ kumpaniji differenza ta’ EUR miljun”, iddeċidiet “sabiex tirrimedja t-trattament mhux ugwali kkonstatat għad-detriment ta’ [Gigaset]”, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li “tnaqqas b’EUR miljun l-ammont tal-multa imposta fuq [Gigaset] fid-deċiżjoni [kontenzjuża]”.

    53

    Barra minn hekk, billi ma rrispondietx għall-argumenti, li qieset bħal tardivi peress li kienu invokati għall-ewwel darba fir-replika, ibbażati, għal dan il-għan, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-appellanti jispjegaw li huma ma setgħux jinvokaw dawn l-argumenti fi stadju preċedenti tal-proċedura.

    54

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa ammissibbli peress li jmur lil hinn lil hinn mis-suġġett tal-proċedura tal-ewwel istanza u, fi kwalunkwe każ, infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    55

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li appellant huwa intitolat li jippreżenta appell billi jsostni aggravji li joriġinaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 102, kif ukoll tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 118 u 170, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Issa, huwa paċifiku li l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multi imposti fuqha, evalwazzjoni ġdida li l-Qorti Ġenerali għamlet, hekk kif jirriżulta mill-punt 269 tas-sentenza appellata, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fis-sens tal-Artikolu 261 TFUE.

    57

    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

    58

    B’hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokat mill-appellanti, għandu jiġi kkonċiljat mal-istat tad-dritt, li jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jinvoka, għal benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, Ġabra, EU:C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Għaldaqstant, sa fejn dawn invokaw għall-benefiċċju tagħhom, kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 iktar 'il fuq, illegalitajiet imwettqa fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq SKW, l-appellanti, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jibbażaw rwieħhom fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Gigaset vs Il-Kummissjoni (T‑395/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:23), sabiex jikkontesta l-ammont tal-multi li l-Qorti Ġenerali li għandhom iħallsu.

    60

    Fl-aħħar nett, u fid-dawl ta’ dan kollu, ma jistgħux jirnexxu, anki jekk preżunt li huma fondati, l-ilmenti tal-appellati bbażati fuq il-ksur, minn naħa, tad-dritt tagħhom għal smigħ u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirriżultaw min-nuqqas li jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja l-argumentazzjoni tagħhom ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    61

    Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, ineffettiv u, parzjalment, infondat.

    Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta ’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta ’ nulla poena sine lege certa, kif ukoll tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    62

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, ippreżentat sussidjarjament u dirett kemm kontra l-punt 288 tas-sentenza appellata u l-aħħar frażi tal-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma indikatax espressament li ħlas minn SKW kellu effett doppju liberatorju mhux biss mhux biss fir-rigward tagħhom, iżda wkoll fir-rigward ta’ Gigaset, u huma jżidu li din l-ommissjoni ser twassal lill-Kummissjoni li tirkupra l-multi imposti fuqhom, li jikkontestaw l-effett eżawrjenti, għall-benefiċċju ta’ Gigaset, ta’ ħlas possibbli minn SKW. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fil-każ li l-Kummissjoni ser tasal li tqis li ħlas ta’ SKW ma kienx ser ikollu effett liberatorju għall-benefiċċju tagħhom, u mhux għall-benefiċċju ta’ Gigaset, huma ma setgħux jiddeterminaw l-ammont li huma ser iħallsu b’mod definittiv u l-qorti nazzjonali li tista’ tkun adita f’dan ir-rigward ma setgħetx teskludi fuq dan il-punt.

    63

    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mhux biss kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprevali fil-qasam ta’ solidarjetà fil-ħlas ta’ multi, iżda wkoll il-prinċipju ta’ nulla poena certa sine, l-obbligu ta’ motivazzjoni li fuqhom hija bbażata, kif ukoll l-Artikolu 296 TFUE.

    64

    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ, infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel aggravju li huwa dirett kemm kontra l-punt 288 tas-sentenza appellata u l-aħħar frażi tal-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza kontra l-punt 288 tas-sentenza appellata u l-aħħar frażi tal-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta indikat li s-somom eventwalment imħallsa minn SKW bħala multi imposti fuqha fl-Artikolu 2 (f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jinteressawx biss lil-appellanti.

    66

    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tibqa’ teżisti sakemm il-qorti tiddeċiedi l-mertu. Tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal‑eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqitu (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Tali kundizzjoni ta’ ammissibbiltà hija meħtieġa kemm għall-appell fl-intier tiegħu totalità tagħha kif ukoll għal kull wieħed mill-aggravji invokati insostenn tiegħu.

    68

    F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 96 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali espressament ipprevediet, fil-punt 288 tas-sentenza tal-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tiegħu, li l-pagamenti minn SKW rigward il-multi li ġew imposti fuqha fl-fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża jkollhom effett estintiv fuq il-multi li l-appellanti ġew ikkundannati għaliha. Għalhekk, dan l-aggravju, essenzjalment, qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrikonoxxi favur terz, f’dan il-każ Gigaset, l-effett estintiv ta’ tali ħlasijiet, li għalihom l-appellanti ma jistgħu jiksbu l-ebda benefiċċju.

    69

    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fir-trattament, tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    70

    Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, ippreżentat sussidjarjament u diretti kemm kontra l-punt 288 tas-sentenza u l-aħħar frażi tal-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-trattament, id-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni b‘rabta mal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-multi imposti fuq l-appellanti, meta naqset il-parti tal-multa meqjusa mħallsa mill-appellanti f’każ ta’ ħlas minn SKW it-tnaqqis illegalment mogħti lilha skont il-komunikazzjoni dwar il-klemenza, u mingħajr wieġbet għall-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward.

    71

    F’dan is-sens, l-appellanti jsostnu li, fl-assenza tat-tnaqqis fil-multa li SKW illegalment ibbenefikat minnha skont it-talba għal klemenza li huma kienu għamlu għall-benefiċċju tagħhom biss u mhux għal dak ta’ SKW, il-proporzjon tal-multa imposta fuq l-appellanti, fl-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata – jiġifieri EUR 2.49 miljun – li għaliha l-pagamenti magħmula minn SKW kellhom effett eżawrjenti, kellhom ikunu ogħla u jilħqu EUR 3.47 miljun. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali b’hekk indirettament qieset, għad-detriment tal-appellanti, tnaqqis tal-multa illegali li minnu bbenefikat SKW.

    72

    Għaldaqstant, huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-effett liberatorju għal Degussa ta’ pagament minn SKW għal ammont ta’ EUR 3.47 miljun.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    73

    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, essenzjalment, fir-rigward tal-multa ta’ EUR 2.49 miljun li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqhom in solidum fl-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, stabbilixxiet għal ammont ta’ EUR 2.49 miljun u mhux ta’ EUR 3.47 miljun l-effett estintiv ta’ Degussa għal ħlas magħmul minn SKW bħala multi li ġew imposti fuq din tal-aħħar fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    74

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-mekkaniżmu assoċjat mal-multa imposta in solidum fuq l-appellanti mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, SKW minn issa hija diġà suġġetta, minħabba ħlasijiet li saru fir-rigward tal-multi imposti fuqha mill-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma tapplikax għall-appellanti l-multa kollu ta’ EUR 2.49 miljun li ġiet imposta fuqhom in solidum.

    75

    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, SKW ma tistax tiġi obbligata tħallas, anki parzjalment, l-ammont ta’ EUR 1.24 miljun previst fit-tieni inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 289 ta’ din is-sentenza u mit-tieni inċiż tal-punt 2 ta’ din tal-aħħar, li ma humiex ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, dan l-ammont kien impost esklużivament fuq Degussa minħabba r-ripetizzjoni tal-ksur, u għaldaqstant, ma jistax ikun affettwat mill-ħlas li jistgħu jsiru minn SKW sabiex tħallas il-multa imposta fuq din tal-aħħar.

    76

    Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

    77

    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    78

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    79

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    80

    Peress li Degussa u AlzChem tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati għall-ispejjeż, huma jbatu l-ispejjeż tagħhom u kkundannati jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Evonik Degussa GmbH u AlzChem AG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u jkunu kkundannati li jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq