EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0532

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Mejju 2016.
Toorank Productions BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestatura tariffarja 2206 – Intestatura tariffarja 2208 – Xarbiet alkoħoliċi miksuba minn fermentazzjoni segwita b’purifikazzjoni – Żieda ta’ addittivi max-xarbiet alkoħoliċi miksuba minn fermentazzjoni segwita b’purifikazzjoni – Xarbiet li tilfu l-proprjetajiet ta’ xarbiet li jaqgħu taħt l-intestatura tariffarja 2206.
Kawżi magħquda C-532/14 u C-533/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:337

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura tariffarja 2206 — Intestatura tariffarja 2208 — Xarbiet alkoħoliċi miksuba minn fermentazzjoni segwita b’purifikazzjoni — Żieda ta’ addittivi max-xarbiet alkoħoliċi miksuba minn fermentazzjoni segwita b’purifikazzjoni — Xarbiet li tilfu l-proprjetajiet ta’ xarbiet li jaqgħu taħt l-intestatura tariffarja 2206”

Fil-Kawżi magħquda C‑532/14 u C‑533/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjonijiet tal-24 ta’ Ottubru 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-24 ta’ Novembru 2014, fil-proċeduri

Toorank Productions BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Toorank Productions BV, minn G. van Slooten, belastingadviseur,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Nasopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU 2005, L 286, p. 1), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU 2007, L 286, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn Toorank Productions BV u l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarju tal-istat għall-finanzi) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ xarbiet alkoħoliċi.

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija konvenzjoni internazzjonali, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi tagħha, mingħajr żieda u mingħajr emenda, kif ukoll il-kodiċijiet marbuta magħhom, u li ssegwi l-ordni numerika tal-imsemmija sistema. Kull Parti Kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tas-sezzjonijiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma temendax il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

5

L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

6

L-intestatura 22.06 tas-SA hija fformulata kif ġej: “Xorb ieħor iffermentat (bħala eżempju, sidru, perry, mead); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat u xorb mhux alkoħoliku, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”. In-nota ta’ spjega tas-SA dwar din l-intestatura tgħid, fit-tieni paragrafu tagħha, dan li ġej:

“Dawn ix-xarbiet kollha jistgħu jkunu effervexxenti naturalment jew miżjuda b’mod artifiċjali bid-dijossidu karboniku. Jibqgħu ikklassifikati taħt din l-intestatura jekk jiġu miżjuda bl-alkoħol jew jekk il-kontenut alkoħoliku tagħhom ikun żdied permezz ta’ fermentazzjoni oħra, sakemm iżommu n-natura ta’ prodotti kklassifikati taħt din l-intestatura.”

7

L-intestatura 22.08 tas-SA hija fformulata kif ġej: “Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż”. In-nota ta’ spjega tas-SA dwar din l-intestatura tipprevedi:

“Din l-intestatura tkopri, minn naħa, u jkun xi jkun il-livell alkoħoliku:

[...]

B)

Likuri, li huma xarbiet spiritużi miżjuda biz-zokkor, għasel u ħlewwiet naturali oħra u estratti jew essenzi (pereżempju, xarbiet spiritużi miksuba jew permezz ta’ distillazzjoni jew inkella permezz ta’ taħlita ta’ alkoħol etiliku jew ta’ spirti distillati ma’ wieħed jew iżjed mill-prodotti li ġejjin: frott, fjuri jew partijiet minn pjanti, estratti, essenzi, żjut essenzjali jew meraq, anki jekk ikun ġej minn konċentrati). Fost dawn il-prodotti, jistgħu jissemmew likuri li fihom kristalli taz-zokkor, likuri abbażi tal-meraq tal-frott, likuri abbażi tal-bajd, likuri abbażi ta’ ħxejjex, berries u ħwawar, likuri tat-tè, taċ-ċikkulata, tal-ħalib u tal-għasel.

[...]”

In-NM

8

In-NM hija bbażata fuq is-SA u, bl-eċċezzjoni tas-seba’ u t-tmien numri li joħolqu subdiviżjonijiet u li huma partikolari għan-NM, in-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt numri.

9

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazji doganali, kif din il-verżjoni tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

10

Il-formulazzjoni tal-intestaturi 2206 u 2208 u r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM li jinsabu fis-Sezzjoni A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tagħha huma, fil-verżjonijiet tan-NM li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1719/2005 u mir-Regolament Nru 1214/2007, identiċi.

11

L-imsemmija sezzjoni tipprevedi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu [intestatura] wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

[...]

b)

Taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.

[...]”

12

L-intestaturi 2206 u 2208 tan-NM jirriproduċu l-formulazzjoni tal-intestaturi 22.06 u 22.08 tas-SA.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C532/14

13

Toorank Productions ressqet, quddiem id-direttorati tat-taxxa, talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti fir-rigward ta’ xarba msejħa “Petrikov Creamy Green” u talbithom jikklassifikawha taħt is-subintestatura 2206 00 59 tan-NM. Permezz ta’ deċiżjoni kkonfermata wara azzjoni amministrattiva, dawn id-direttorati kklassifikaw l-imsemmija xarba taħt is-subintestatura tariffarja 2208 70 10 tan-NM.

14

L-imsemmija xarba hija prodotta billi xarba ffermentata, imsejħa “Ferm Fruit”, tiġi mħallta b’alkoħol iddistillat, ġulepp taz-zokkor, ħalib xkumat, xaħam veġetali u aromi. Hija għandha qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 13.4 % u mill-inqas 51 % tal-alkoħol li fiha jinkiseb minn fermentazzjoni. Ferm Fruit, li għandha qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 16 %, hija ppreparata abbażi ta’ alkoħol li jinkiseb mill-fermentazzjoni ta’ frott li sussegwentement huwa ppurifikat permezz ta’ filtrazzjoni. Ir-riħa, il-kulur u t-togħma tagħha huma newtrali. Użata għall-produzzjoni ta’ prodotti finali, Ferm Fruit hija tajba wkoll, fiha nnifisha, għall-konsum mill-bniedem.

15

Adita b’rikors ta’ Toorank Productions kontra d-deċiżjoni tad-direttorati tat-taxxa, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat din tal-aħħar billi qieset li Petrikov Creamy Green kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 2206 00 59 tan-NM.

16

Adita bl-appell ippreżentat mis-segretarju tal-istat għall-finanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) qieset li Petrikov Creamy Green kellha tiġi kklassifikata bħala likur, li jaqa’ taħt is-subintestatura 2208 70 10 tan-NM, u dan minħabba l-livell għoli ta’ zokkor li jinsab fiha, iż-żieda ta’ alkoħol iddistillat, ta’ aromi u ta’ bażi ta’ krema kif ukoll il-kulur aħdar tagħha.

17

Toorank Productions ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

18

L-imsemmija qorti tosserva, minn naħa, li l-intestatura 2206 tan-NM tinkludi wkoll taħlit ta’ xarbiet iffermentati u ta’ xarbiet mhux alkoħoliċi u li, skont in-nota ta’ spjega tas-SA, dwar l-intestatura 22.06 tas-SA, tali xarbiet jibqgħu kklassifikati taħt din l-intestatura anki jekk dawn ikunu ġew miżjuda b’alkoħol jew jekk il-kontenut alkoħoliku tagħhom ikun żdied permezz ta’ fermentazzjoni oħra, sakemm iżommu n-natura ta’ prodotti kklassifikati taħt din l-intestatura. Min-naħa l-oħra, l-intestatura 2208 tan-NM tkopri likuri li l-qawwa alkoħolika bil-volum tagħhom hija ġeneralment iktar minn 13.4 %. Issa, iż-żieda ta’ alkoħol iddistillat ma’ xarba li taqa’ taħt l-intestatura 2206 tan-NM ma għandhiex bħala konsegwenza li din tiġi eskluża awtomatikament minnha. Madankollu, jekk il-kwantitajiet ta’ alkoħol iffermentat u ta’ alkoħol iddistillat fi prodott bħal Petrikov Creamy Green ma humiex determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott u li x-xarba li magħha żdied l-alkoħol iddistillat għandha l-proprjetajiet u l-karatteristiċi ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM, l-imsemmi prodott għandu jiġi kklassifikat, skont din il-qorti, taħt l-imsemmija intestatura.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand (C‑150/08, EU:C:2009:294). B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk din is-sentenza, b’mod partikolari l-punt 35 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kwantità miżjuda ta’ alkoħol iddistillat, ikkalkolata kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ kontenut alkoħoliku, hijiex l-element li jiddetermina l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2208 tan-NM, irrispettivament mill-karatteristiċi u l-proprjetajiet eventwali l-oħra tal-prodott ikkunsidrat, jew jekk għandux, f’kull każ, jiġi vverifikat jekk il-karatteristiċi organolettiċi kif ukoll l-użu intiż tal-prodott, jikkorrispondux għal dawk ta’ xarbiet ikklassifikati taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-intestatura tan-NM 2206 għandha tiġi interpretata fis-sens li jeħtieġ li tiġi kklassifikata taħtha xarba b’livell ta’ alkoħol ta’ 13,4 % li hija prodotta permezz ta’ taħlita ta’ xarba (bażika) alkoħolika ppurifikata msemmija ‘Ferm Fruit’ – miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffiegħ – ta’ zokkor, ta’ togħmiet [aromi], ta’ koloranti, ta’ aġenti tal-palat [li jtejbu t-togħma], ta’ aġenti li jgħaqqdu, ta’ aġenti li jikkonservaw u ta’ alkoħol ddistillat, fejn dan tal-aħħar ma jirrappreżentax, f’termini ta’ volum u ta’ perċentwal, iktar minn 49 % tal-alkoħol preżenti fix-xarba, filwaqt li 51 % minn din tal-aħħar huwa alkoħol provenjenti mill-fermentazzjoni?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, is-subintestatura NM 2208 70 għandha tiġi interpretata fis-sens li tali xarba għandha tiġi kklassifikata taħtha bħala likur?”

Il-Kawża C533/14

21

Toorank Productions irċeviet valutazzjoni addizzjonali dwar id-dazji tas-sisa mitluba wara r-rilaxx mill-maħżen tat-taxxa tagħha ta’ diversi xarbiet alkoħoliċi, matul il-perijodu bejn l-1 u l-31 ta’ Ottubru 2008. Din il-valutazzjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tad-direttorati tat-taxxa adottata wara azzjoni amministrattiva.

22

Il-prodotti li għalihom ingħata d-dazju tas-sisa huma, minn naħa, Ferm Fruit u, min-naħa l-oħra, ix-xarbiet prodotti abbażi ta’ Ferm Fruit li magħhom jiżdiedu diversi ingredjenti (iktar ’il quddiem ix-“xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit”).

23

Ferm Fruit hija xarba li l-qawwa alkoħolika bil-volum tagħha hija ta’ 16 %. Litru ta’ dan il-prodott huwa magħmul minn 275 ml ta’ ġulepp taz-zokkor, 711 ml ta’ ilma mingħajr minerali, 10 ml ta’ konċentrat tat-tuffieħ u 4 ml ta’ minerali u vitamini. Wara li dawn l-ingredjenti jiġu mħallta, it-taħlita tiġi ppasturizzata u magħha tiġi miżjuda l-ħmira tal-inbid, li tikkawża l-fermentazzjoni tat-taħlita. Il-likwidu miksub b’dan il-mod huwa ppurifikat bis-saħħa ta’ diversi tekniki ta’ filtrazzjoni permezz ta’ ultrafiltrazzjoni, l-użu ta’ filtru ta’ kiezelguhr, mikrofiltrazzjoni u l-użu ta’ filtru tal-karbonju. Huwa ma fihx alkoħol iddistillat u ma kien suġġett għal ebda proċess intiż sabiex tiżdied il-konċentrazzjoni tal-alkoħol li fih. Ir-riħa, il-kulur u t-togħma tiegħu huma newtrali. Billi huwa tajjeb għall-konsum mill-bniedem, huwa ma huwiex esklużivament intiż għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra.

24

Ix-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit huma xarbiet ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 14 % li huma prodotti billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu u/jew sustanzi ta’ konservazzjoni, kif wkoll, fil-każ ta’ waħda minnhom, krema. L-alkoħol li jinsab f’dawn ix-xarbiet jinkiseb esklużivament permezz ta’ fermentazzjoni mingħajr ma jiżdied l-alkoħol iddistillat. L-imsemmija xarbiet huma magħmula minn 80 % sa 90 % ta’ Ferm Fruit.

25

Fid-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, id-direttorati tat-taxxa qiesu li Ferm Fruit u x-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

26

Toorank Productions ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank te Breda (qorti ta’ Breda, il-Pajjiżi l-Baxxi) li annullat id-deċiżjoni u naqqset l-ammont tal-valutazzjoni addizzjonali.

27

Adita minn Toorank Productions u mis-segretarju tal-istat għall-finanzi, il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonfermat id-deċiżjoni tar-Rechtbank te Breda (qorti ta’ Breda), filwaqt li qieset li Ferm Fruit kienet taqa’ taħt l-intestatura 2206 tan-NM u li x-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit kienu jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

28

Toorank Productions ippreżentat appell fil-kassazzjoni u s-segretarju tal-istat għall-finanzi ppreżenta appell inċidentali quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

29

Il-qorti tar-rinviju tqis li Ferm Fruit setgħet tiġi kklassifikata kemm taħt l-intestatura 2206 tan-NM sa fejn l-alkoħol li fiha jinkiseb permezz ta’ fermentazzjoni kif ukoll taħt l-intestatura 2208 tan-NM sa fejn, minħabba li ma għandhiex kulur, riħa u lanqas togħma, hija tixbah, permezz tal-proprjetajiet organolettiċi tagħha, prodott alkoħoliku miksub mid-distillazzjoni. Madankollu, jidher li n-noti ta’ spjega tas-SA jeskludu minn din l-aħħar intestatura x-xarbiet miksuba permezz ta’ fermentazzjoni.

30

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li mis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Paderborner Brauerei Haus Cramer (C‑196/10, EU:C:2011:487), jirriżulta li l-prodotti miksuba minn proċess ta’ fermentazzjoni, u wara ultrafiltrazzjoni, jistgħu jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM, peress li jkunu kisbu l-proprjetajiet tal-prodotti li jaqgħu taħt din l-intestatura.

31

Għal dak li jirrigwarda x-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ fejn Ferm Fruit ikollha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM, din ma tkunx tista’ taqa taħt l-intestatura 2208 tan-NM. Mill-formulazzjoni tal-intestatura 2208 tan-NM u min-noti ta’ spjega dwar din l-aħħar intestatura l-qorti tar-rinviju tiddeduċi li din l-intestatura tinkludi biss xarbiet, inklużi likuri, li fihom l-alkoħol iddistillat. Hija tosserva wkoll li x-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit għandhom qawwa alkoħolika bil-volum relattivament baxxa, ta’ 14 %, meta mqabbla ma’ dik, ġeneralment għolja, ta’ likuri u ta’ xarbiet spiritużi oħra. Madankollu, billi x-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit tilfu l-proprjetajiet ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 2206 tan-NM, il-qorti tar-rinviju tammetti li l-klassifikazzjoni ta’ dawn ix-xarbiet f’din l-aħħar intestatura hija dubjuża.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-intestatura NM 2206 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha tiġi kklassifikata fiha x-xarba bl-isem ‘Ferm Fruit’, li tinkiseb permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffiegħ, li sservi wkoll bħala xarba ta’ bażi fil-manifattura ta’ xi xarbiet oħra, li għandha qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 16 % u għandha – bl-effett ta’ purifikazzjoni (b’mod partikolari permezz ta’ ultrafiltrazzjoni) – kulur, riħa u togħma newtrali, u li magħha ma jiġix miżjud alkoħol iddistillat? F’każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, l-intestatura NM 2208 għandha tiġi interpretata fis-sens li tali xarba għandha tiġi kklassifikata fiha?

2)

L-intestatura NM 2206 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha tiġi kklassifikata fiha xarba li għandha qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 14 % li tiġi mmanifatturata billi x-xarba (ta’ bażi) msemmija fid-domanda 1 titħallat biz-zokkor, b’sustanza aromatika, b’sustanza koloranti, ħwawar [sustanzi li jtejbu t-togħma], b’aġenti li jorbtu [jgħaqqdu] u bi priżervanti [sustanzi ta’ konservazzjoni], u li ma fihiex alkoħol iddistillat? F’każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, l-intestatura NM 2208 għandha tiġi interpretata fis-sens li tali xarba għandha tiġi kklassifikata fiha?”

33

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-7 ta’ Jannar 2013, il-Kawżi C‑532/14 u C‑533/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

34

Qabelxejn, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fl-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi ta’ din il-merkanzija, kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Amazon EU, C‑58/14, EU:C:2015:385, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Sussegwentement, huwa paċifiku li l-użu intiż ta’ prodotti jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sakemm dan ikun inerenti għall-imsemmija prodotti, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet tagħhom (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Nutricia, C‑267/13, EU:C:2014:277, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-użu intiż tal-prodott huwa kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni tista’ ssir abbażi biss tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Skoma-Lux, C‑339/09, EU:C:2010:781, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fl-aħħar nett, in-noti ta’ spjega redatti, għal dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jirrigwarda s-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma għandhom setgħa legali vinkolanti (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C533/14

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑533/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li xarba, bħal Ferm Fruit, miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ, intiża għall-konsum fil-forma pura tagħha jew sabiex isservi bħala ingredjent bażiku ta’ xarbiet oħra, b’kulur, riħa u togħma newtrali bħala riżultat ta’ purifikazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ ultrafiltrazzjoni, u li l-qawwa alkoħolika bil-volum tagħha hija, mingħajr ma jiżdied l-alkoħol iddistillat, ta’ 16 % taqa’ taħt l-intestatura 2206 ta’ din in-nomenklatura jew jekk għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din ix-xarba taqa’ taħt l-intestatura 2208 tal-imsemmija nomenklatura.

38

Għandu jitfakkar, minn naħa, li min-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 22.06 tas-SA, li hija identika għall-intestatura 2206 tan-NM, jirriżulta li l-prodotti miksuba permezz ta’ fermentazzjoni jibqgħu kklassifikati fl-imsemmija pożizzjoni sakemm iżommu l-karatteristiċi ta’ prodotti kklassifikati f’din il-pożizzjoni, jiġifieri dawk ta’ xarbiet iffermentati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand, C‑150/08, EU:C:2009:294, punt 26, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2010, Skoma-Lux, C‑339/09, EU:C:2010:781, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għandu jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li l-prodotti miksuba mhux esklużivament permezz ta’ fermentazzjoni, iżda wkoll bi proċess ta’ purifikazzjoni li għandu l-konsegwenza li dawn il-prodotti jitilfu l-proprjetajiet u l-karatteristiċi ta’ xarbiet iffermentati u jiksbu dawk tal-alkoħol etiliku, li huwa kklassifikat taħt l-intestatura 2208 tan-NM, jaqgħu taħt din l-aħħar intestatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Paderborner Brauerei Haus Cramer, C‑196/10, EU:C:2011:487, punt 37).

40

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Ferm Fruit, li l-kontenut alkoħoliku tagħha huwa ta’ 16 %, tinkiseb permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ sabiex wara tiġi suġġetta għal diversi proċeduri ta’ filtrazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-karatteristiċi u l-proprjetajiet ta’ Ferm Fruit, jirriżulta wkoll mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li din għandha kulur, riħa u togħma newtrali u tixbah, għalhekk, prodott alkoħoliku li jinkiseb mid-distillazzjoni.

41

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni ta’ prodott tiddependi, prinċipalment, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tiegħu.

42

Sussegwentement, mill-formulazzjoni tal-intestatura 2208 tan-NM jirriżulta, l-ewwel nett, li din tinkludi kemm ix-xarbiet kif ukoll il-prodotti intermedji li jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra, it-tieni nett, li, għal dak li jirrigwarda l-kontenut alkoħoliku, l-uniku kriterju previst huwa l-qawwa alkoħolika bil-volum massima ta’ 80 % u, it-tielet nett, li ma hemmx stabbilit kriterju dwar il-metodu ta’ produzzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt din l-intestatura.

43

Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li prodott miksub permezz ta’ fermentazzjoni, u wara permezz ta’ proċess ta’ purifikazzjoni, jaqa’ taħt l-intestatura 2208 tan-NM, sa fejn huwa jkun tilef il-proprjetajiet tax-xarbiet iffermentati li jaqgħu taħt il-pożizzjoni 2206 tan-NM u jkun kiseb dawk tal-alkoħol etiliku li jaqa’ taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

44

Konsegwentement, peress li Ferm Fruit kisbet, wara l-proċessi varji ta’ purifikazzjoni, il-proprjetajiet oġġettivi tal-alkoħol etiliku li jaqa’ taħt l-intestatura 2208 tan-NM, jiġifieri kulur, riħa u togħma newtrali, hija taqa’ taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑533/14 hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li xarba, bħal Ferm Fruit, miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ, intiża għall-konsum fil-forma pura tagħha jew sabiex isservi bħala ingredjent bażiku ta’ xarbiet oħra, b’kulur, riħa u togħma newtrali bħala riżultat ta’ purifikazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ ultrafiltrazzjoni, u li l-qawwa alkoħolika bil-volum tagħha hija, mingħajr ma jiżdied l-alkoħol iddistillat, ta’ 16 % taqa’ taħt l-intestatura 2208 ta’ din in-nomenklatura.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C533/14

46

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li xarbiet ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 14 %, li huma prodotti billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu u sustanzi ta’ konservazzjoni, kif wkoll, fil-każ ta’ waħda minnhom, krema, u li ma fihomx alkoħol iddistillat, jaqgħu taħt l-intestatura 2206 jew jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija xarbiet jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

47

Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑533/14 jirriżulta li Ferm Fruit, li taqa’ taħt l-intestatura 2208 tan-NM, tiġi miżjuda b’ċertu numru ta’ addittivi, bħal zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu u sustanzi ta’ konservazzjoni, kif wkoll, fil-każ ta’ wieħed minn dawn il-prodotti, krema.

48

Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tan-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 22.08 tas-SA, li hija identika għall-intestatura 2208 tan-NM, jirriżulta li din tinkludi prodotti li fihom addittivi differenti, bħal, pereżempju, zokkor u aromi.

49

Konsegwentement, ix-xarbiet abbażi ta’ Ferm Fruit, li magħhom jiġu miżjuda, b’mod partikolari, zokkor u aromi, għandhom il-karatteristiċi oġġettivi ta’ likur u jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

50

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14 hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li xarbiet ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 14 %, li huma prodotti billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu u sustanzi ta’ konservazzjoni, kif wkoll, fil-każ ta’ waħda minnhom, krema, u li ma fihomx alkoħol iddistillat, jaqgħu taħt l-intestatura 2208 ta’ din in-nomenklatura.

Fuq id-domanda preliminari fil-Kawża C‑532/14

51

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li xarba ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 13.4 %, li hija prodotta billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu, sustanzi ta’ konservazzjoni u alkoħol iddistillat, fejn dan tal-aħħar ma jirrappreżentax, f’termini ta’ volum u ta’ perċentwali, iktar minn 49 % tal-alkoħol preżenti f’din ix-xarba, filwaqt li l-51 % li jifdal jirriżulta minn proċess ta’ fermentazzjoni, taqa’ taħt l-intestatura 2206 ta’ din in-nomenklatura jew jekk din tal-aħħar għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija xarba taqa’ taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

52

Għandu jiġi osservat, qabelxejn, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija qorti tqis li x-xarba inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑532/14 għandha l-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

53

Madankollu, l-istess qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand (C‑150/08, EU:C:2009:294), għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ xarbiet li huma prodotti billi xarba bażika ffermentata tiġi miżjuda b’sustanzi oħra.

54

Iktar preċiżament, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk dawn humiex kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti kollha sabiex xarba titqies li taqa’ taħt l-intestatura NM 2208 jew jekk għandhiex tingħata iktar importanza lill-kwantitajiet rispettivi ta’ alkoħol iddistillat milli lill-karatteristiċi u lill-proprjetajiet oġġettivi oħra tal-prodotti.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 35 tas-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand (C‑150/08, EU:C:2009:294), indikat b’mod ċar li, għad-determinazzjoni tan-natura essenzjali, fis-sens tar-regola 3(b) tan-NM, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi. Barra minn hekk, hija evalwat il-kontribut tal-alkoħol iddistillat li jinsab fil-prodotti inkwistjoni f’termini ta’ volum u ta’ kontenut alkoħoliku ta’ dawn il-prodotti. Sussegwentement, fil-punti 36 u 37 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-karatteristiċi organolettiċi tal-imsemmija prodotti kif ukoll, fil-punt 38, l-użu intiż tagħhom, billi waslet, fil-punt 39, għal soluzzjoni li tirriżulta minn evalwazzjoni globali ta’ dawn it-tliet kriterji.

56

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-importanza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 35 tas-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand (C‑150/08, EU:C:2009:294), lill-fatt li l-proporzjon ta’ alkoħol iddistillat kien ikbar minn dak ta’ alkoħol iffermentat kienet dovuta għaċ-ċirkustanza li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-qawwa alkoħolika bil-volum tal-prodotti inkwistjoni kienet tirriżulta ħafna iktar mill-alkoħol iddistillat milli mill-alkoħol iffermentat li dawn il-prodotti kien fihom.

57

Minn dan jirriżulta li l-proporzjon ikbar ta’ tip wieħed ta’ alkoħol meta mqabbel ma’ tip ieħor ta’ alkoħol jikkostitwixxi biss kriterju wieħed fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni, skont ir-regola 3(b) tan-NM, tas-sustanza li tagħti lill-prodott ikkunsidrat n-natura essenzjali tiegħu.

58

Issa, għandu jiġi osservat li, għad-differenza tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand (C‑150/08, EU:C:2009:294), ir-regola 3(b) tan-NM ma tirregolax il-klassifikazzjoni tax-xarba inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klassifikazzjoni tax-xarba Petrikov Creamy Green hija bbażata fuq il-kriterju tal-proprjetajiet u tal-karatteristiċi organolettiċi ta’ din ix-xarba.

59

Konsegwentement, sa fejn tali xarba ma għandhiex il-proprjetajiet u l-karatteristiċi organolettiċi ta’ xarbiet li jaqgħu taħt l-intestatura 2206 tan-NM, iżda dawk ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM, hija taqa’ taħt din l-aħħar intestatura.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda fil-Kawża C‑532/14 hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li xarba ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 13.4 %, li hija prodotta billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu, sustanzi ta’ konservazzjoni u alkoħol iddistillat, fejn dan tal-aħħar ma jirrappreżentax, f’termini ta’ volum u ta’ perċentwali, iktar minn 49 % tal-alkoħol preżenti f’din ix-xarba, filwaqt li l-51 % li jifdal jirriżulta minn proċess ta’ fermentazzjoni, taqa’ taħt l-intestatura 2208 ta’ din in-nomenklatura.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

 

1)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li xarba, bħal Ferm Fruit, miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ, intiża għall-konsum fil-forma pura tagħha jew sabiex isservi bħala ingredjent bażiku ta’ xarbiet oħra, b’kulur, riħa u togħma newtrali bħala riżultat ta’ purifikazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ ultrafiltrazzjoni, u li l-qawwa alkoħolika bil-volum tagħha hija, mingħajr ma jiżdied l-alkoħol iddistillat, ta’ 16 % taqa’ taħt l-intestatura 2208 ta’ din in-nomenklatura.

 

2)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1719/2005 u mir-Regolament Nru 1214/2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li xarbiet ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 14 %, li huma prodotti billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu u sustanzi ta’ konservazzjoni, kif wkoll, fil-każ ta’ waħda minnhom, krema, u li ma fihomx alkoħol iddistillat, jaqgħu taħt l-intestatura 2208 ta’ din in-nomenklatura.

 

3)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1719/2005 u mir-Regolament Nru 1214/2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li xarba ta’ qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 13.4 %, li hija prodotta billi Ferm Fruit tiġi miżjuda b’zokkor, aromi, koloranti, sustanzi li jtejbu t-togħma, sustanzi li jgħaqqdu, sustanzi ta’ konservazzjoni u alkoħol iddistillat, fejn dan tal-aħħar ma jirrappreżentax, f’termini ta’ volum u ta’ perċentwali, iktar minn 49 % tal-alkoħol preżenti f’din ix-xarba, filwaqt li l-51 % li jifdal jirriżulta minn proċess ta’ fermentazzjoni, taqa’ taħt l-intestatura 2208 ta’ din in-nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq