EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0402

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015.
Viamar – Elliniki Aftokiniton kai Genikon Epicheiriseon AE vs Elliniko Dimosio.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Efeteio Athinon.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Dispożizzjonijiet fiskali – Taxxi interni – Dazji doganali ta’ natura fiskali – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti – Formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri – Artikolu 30 TFUE – Artikolu 110 TFUE – Direttiva 92/12/KEE – Artikolu 3(3) – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(3) – Assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali – Effett dirett – Ġbir ta’ taxxa fuq il-vetturi bil-mutur fil-mument tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru – Taxxa marbuta mar-reġistrazzjoni u mat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni eventwali tal-vettura – Rifjut ta’ rimbors tat-taxxa fil-każ ta’ assenza ta’ reġistrazzjoni tal-vettura.
Kawża C-402/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:830

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Dazji doganali ta’ natura fiskali — Taxxi li għandhom effett ekwivalenti — Formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri — Artikolu 30 TFUE — Artikolu 110 TFUE — Direttiva 92/12/KEE — Artikolu 3(3) — Direttiva 2008/118/KE — Artikolu 1(3) — Assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali — Effett dirett — Ġbir ta’ taxxa fuq il-vetturi bil-mutur fil-mument tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru — Taxxa marbuta mar-reġistrazzjoni u mat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni eventwali tal-vettura — Rifjut ta’ rimbors tat-taxxa fil-każ ta’ assenza ta’ reġistrazzjoni tal-vettura”

Fil-Kawża C‑402/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Efeteio Athinon (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Viamar – Elliniki Aftokiniton kai Genikon Epicheiriseon AE

vs

Elliniko Dimosio,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur), C. G. Fernlund u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Viamar – Elliniki Aftokiniton kai Genikon Epicheiriseon AE, minn D. Christodoulou, S. Panagopoulou, u K. Christodoulou, dikigoroi,

għall-gvern Grieg, minn G. Skiani u V. Stroumpouli kif ukoll minn A. Spyropoulos, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, p. 12).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Viamar – Elliniki Aftokiniton kai Genikon Epicheiriseon AE (iktar ’il quddiem “Viamar”) u l-Elliniko Dimosio (L‑Istat Grieg), irrappreżentat mid-direttur tal-uffiċċju doganali ta’ Ateni (Telonio Athinon, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju doganali”), dwar ir-rifjut indirizzat lil Viamar li jirrimborsaha t-taxxi ta’ reġistrazzjoni li hija ħallset wara l-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju Grieg.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179):

“1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

żjut minerali,

alkoħol u xorb alkoħoliku,

tabakk maħdum.

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma mposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b’dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati membri.

[...]”

4

Id-Direttiva 92/12 tħassret mid-Direttiva 2008/118 b’effett mill-1 ta’ April 2010.

5

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2008/118 tipprovdi:

6

Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi fuq:

a)

prodotti minbarra prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;

b)

il-forniment ta’ servizzi, inklużi dawk relatati ma’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, li ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ jew fatturat.

Madankollu, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-impożizzjoni ta’ tali taxxi ma tistax tirriżulta f’formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri.”

Id-dritt Elleniku

7

L-Artikolu 32(1) tal-Liġi Nru 2960/2001 dwar il-kodiċi nazzjonali doganali (FEK A’ 265, iktar ’il quddiem il-“kodiċi doganali”), li, skont l-Artikolu 131 tal-istess kodiċi, japplika b’analoġija għall-piżijiet għall-vetturi Komunitarji, jipprovdi:

“L-ammonti miġbura b’mod indebitu mill-uffiċċji doganali għandhom jiġu rrimborsati mingħajr interessi lill-benefiċjarju bil-kundizzjoni li, fi żmien tliet snin mid-data tal-konstatazzjoni tagħhom, il-benefiċjarju jressaq talba għal dan l-għan quddiem l-awtorità doganali kompetenti, u magħha jannetti d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni meħtieġa.”

8

L-Artikolu 121(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-vetturi għat-trasport ta’ passiġġieri tal-klassi tariffarja 87.03 tan-Nomenklatura magħquda (Regolament tal-Kunsill [(KEE) Nru 2658/87], tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382)]) huma suġġetti għal taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-valur taxxabbli tagħhom iddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126 tal-[kodiċi] preżenti u tal-Artikolu 4 tal-liġi Nru 1573/1985 (FEK°A’ 201), kif inhuma fis-seħħ.”

9

Skont l-Artikolu 128 tal-kodiċi doganali:

“1.   It-taxxa ta’ reġistrazzjoni hija dovuta:

 

għall-vetturi komunitarji u dawk li joriġinaw minn pajjiżi terzi, fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju nazzjonali;

 

għall-vetturi prodotti fit-territorju nazzjonali, meta l-produzzjoni tagħhom tintemm;

[...]

2.   It-taxxa ta’ reġistrazzjoni tkun dovuta u għandha titallas qabel it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi, u għall-vetturi msemmija fl-Artikoli 121, 122 [...] ta’ dan il-kodiċi li jiġu ttrasportati jew mibgħuta minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea (UE), sa mhux iktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara dak li fih jitnissel l-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa [...].”

10

L-Artikolu 130 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“[...]

2.   Għall-finijiet tal-konstatazzjoni u tal-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, [...] għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni speċjali quddiem l-awtorità doganali kompetenti qabel id-data li fiha t-taxxa ssir dovuta u, fi kwalunkwe każ, qabel il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni għaċ-ċirkulazzjoni.

[...]

5.   Wara l-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tal-piżijiet l-oħra [...] l-awtorità doganali kompetenti għandha toħroġ riċevuta ta’ ġbir u ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew ta’ sdoganament tal-vettura.

[...]”

11

L-Artikolu 141(1) tal-kodiċi doganali jipprovdi:

“Kull riferiment, fid-dispożizzjonijiet applikabbli u fl-atti amministrattivi adottati abbażi tagħhom, għal dazju tas-sisa għal vettura bil-mutur jew għal taxxa speċjali addizzjonali unika, għandu jinftiehem bħala li issa jirreferi għat-taxxa ta’ reġistrazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, matul il-perijodu mis-sena 2009 sas-sena 2012, Viamar importat fil-Greċja 85 vettura bil-mutur ġdida għat-trasport ta’ passiġġieri mmanifatturati fir-Repubblika Ċeka.

13

Mal-wasla ta’ dawn il-vetturi fil-port ta’ Piraeus (il-Greċja) u matul it-tqegħid tagħhom fid-depożitu fiskali sat-twettiq tal-isdoganament tagħhom, Viamar stabbilixxiet u ddepożitat quddiem l-awtorità doganali kompetenti d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 130 tal-kodiċi doganali u ħallset it-taxxa ta’ reġistrazzjoni li tikkorrispondi għal kull waħda minn dawn il-85 vettura, jiġifieri s-somma totali ta’ EUR 141498.89.

14

Dawn il-vetturi ma nbigħux fil-Greċja u ġew esportati mill-ġdid fil-Belġju, fejn inbiegħu u tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni wara l-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni f’dan l-aħħar Stat Membru. Għaldaqstant Viamar ippreżentat talba quddiem l-uffiċċju doganali intiża sabiex tikseb ir-rimbors tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallsa fil-Greċja, għar-raġuni li l-vetturi bil-mutur inkwistjoni ma kinux ġew irreġistrati f’dan l-Istat, u lanqas ma nħarġulhom pjanċa tan-numru ta’ vettura f’dan l-Istat.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2012, l-uffiċċju doganali, billi qies li din it-taxxa kienet inġabret ġustament u li, għaldaqstant, kien impossibbli li wieħed japplika l-Artikolu 32 tal-kodiċi doganali għall-finijiet tal-ksib ta’ rimbors tagħha, ċaħad din it-talba. Fis-26 ta’ Ottubru 2012, Viamar ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Ateni).

16

Quddiem din il-qorti Viamar sostniet li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali, kuntrarjament għall-Artikolu 30 TFUE. Fil-fehma tagħha, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din it-taxxa hija taxxa interna fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, sabiex tkun konformi ma’ dan l-artikolu, din ikollha tapplika kemm għall-prodotti nazzjonali kif ukoll għall-prodotti importati, fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom u b’riżultat tal-istess fatt taxxabbli. Madankollu, Viamar tqis li l-ġbir ta’ din it-taxxa, bħall-kundizzjoni tat-twettiq tal-importazzjoni ta’ vettura bil-mutur, jikkostitwixxi formalità inerenti għall-qsim ta’ fruntiera u, għaldaqstant, restrizzjoni illeċita għall-moviment liberu tal-merkanzija. Minħabba f’hekk, l-obbligu li titħallas l-imsemmija taxxa, li jitnissel fid-data ta’ dħul ta’ vettura bil-mutur fi ħdan l-Istat Membru, ikun kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni hija taxxa ta’ natura fiskali. Għaldaqstant ikun jaqbel li din tiġi eżaminata jew fid-dawl tal‑Artikolu 30 TFUE bħala taxxa ta’ effett ekwivalenti għal dak ta’ dazju doganali, jew inkella fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE, bħala taxxa interna.

18

Madankollu hija tirrileva li l-Artikolu 30 TFUE japplika biss għat-taxxi li jolqtu l-merkanzija minħabba l-qsim tal-fruntieri. F’dan ir-rigward hija tindika li l-fatt taxxabbli tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex il-qsim tal-fruntiera Ellenika minn vetturi bil-mutur, iżda l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fil-Greċja bl-għan li jintużaw fin-netwerk ta’ toroq, li l-imsemmija taxxa tinġabar b’applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u li hija taqa’ taħt is-sistema ġenerali ta’ taxxi interni. Għaldaqstant, quddiemna ma għandniex dazju doganali fuq l-importazzjoni u lanqas taxxa b’effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE.

19

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxi ta’ reġistrazzjoni huma meqjusa bħala taxxi interni fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE. Madankollu, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni, li tolqot il-vetturi bil-mutur ġodda, ma taqax taħt il-projbizzjonijiet stipulati f’dan l-aħħar artikolu, sa fejn hija ma għandhiex effett diskriminatorju jew effett protettiv, peress li, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, allegatament ebda vettura bil-mutur ma kienet ġiet immanifatturata fil-Greċja.

20

Barra minn hekk, din il-qorti tindika li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 ma ġiex traspost fid-dritt Elleniku. Konswegwentement hija tistaqsi dwar jekk din id-dispożizzjoni għandhiex effett dirett u jekk individwu jistax jinvoka direttament l-obbligu, impost minn din tal-aħħar fuq l-Istati Membri, li jipprojbixxu taxxa li twassal għal formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri.

21

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li skonthom iċ-ċertifikat ta’ tranżitu doganali tal-vetturi bil-mutur tal-Unjoni importati fit-terrritorju Grieg jinħareġ wara l-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, li l-obbligu għall-ħlas tagħha jitnissel fil-mument tad-dħul ta’ dawn il-vetturi fit-territorju nazzjonali, humiex konformi mal-moviment liberu tal-merkanzija.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-Dioikitiko Efeteio Athinon (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Ateni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva [2008/118] huwa ġuridikament suffiċjenti u perfett/mingħajr kundizzjonijiet u ċar biżżejjed b’tali mod li, filwaqt li din id-dispożizzjoni speċifika [tal-imsemmija direttiva] ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru/tal-Istat Elleniku, hija għandha effett dirett u tista’ tiġi invokata minn individwu li jislet drittijiet minnha quddiem il-qrati nazzjonali u li dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni?

2)

Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130(5) tal-[kodiċi doganali], moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 128(1) tal-istess kodiċi, li jipprovdu li għandu jinħareġ ċertifikat ta’ tranżitu doganali tal-vetturi [bil-mutur tal-Unjoni] importati fit-territorju Grieg wara l-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, li l-obbligu ta’ ħlas tagħha jibda fil-mument tad-dħul ta’ dawn il-vetturi fit-territorju nazzjonali, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(c) tat-Trattat KEE, li jistabbilixxu t-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi prodott effett dirett li jippermetti lill-individwi sabiex jinvokawh quddiem qorti nazzjonali f’kawża li jkollhom kontra Stat Membru.

24

Preliminarjament għandu jitfakkar li l-perijodu ta’ importazzjoni tal-vetturi bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna s-snin 2009 sa 2012. Għaldaqstant, id-Direttiva 92/12 kienet applikabbli għal parti minn dawn l-importazzjonijiet, billi din tħassret mid-Direttiva 2008/118 biss b’effett mill-1 ta’ April 2010. Billi l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 kienet, essenzjalment, identika għal dik tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jgħoddu wkoll għall-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

25

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jidhru li, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, huma mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra l-Istat Membru meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha (ara s-sentenza Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 ma ġiex traspost fid-dritt Elleniku. Bl-istess mod, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma juri li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 kien is-suġġett ta’ tali traspożizzjoni.

27

Min-naħa l-oħra għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 huwa ta’ natura inkondizzjonali u suffiċjentement preċiża sa fejn, mingħajr ma jipprevedi kundizzjonijiet u mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali, huwa jobbliga lill-Istati Membri, fi kliem mhux ekwivoku, jiżguraw li, meta huma jiġbru taxxi fuq prodotti li ma humiex dawk suġġetti għas-sisa kif ukoll fuq il-provvista ta’ servizzi, tali ġbir ma jwassalx għal formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri fil-kuntest tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

28

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi prodott effett dirett li jippermetti lill-individwi jinvokawh quddiem qorti nazzjonali f’kawża li jkollhom kontra Stat Membru.

Fuq it-tieni domanda

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun din tal-aħħar li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza Brasserie Bouquet, C‑285/14, EU:C:2015:353, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/118. Madankollu, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-importazzjonijiet tal-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew bejn is-snin 2009 u 2012, jiġifieri kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva fl-1 ta’ April 2010, id-Direttiva 92/12 hija wkoll applikabbli ratione temporis għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

31

Mill-imsemmija talba barra minn hekk jirriżulta li l-kawża prinċipali tikkonċerna r-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jirrimborsaw it-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallsa minn Viamar għall-vetturi bil-mutur li hija importat fil-Greċja, iżda li, mingħajr ma ġew irreġistrati hemmhekk u lanqas ma tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni, ġew esportati mill-ġdid lejn Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum sabiex tissolva din it-tilwima hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali prattika tal-awtoritajiet nazzjonali.

32

F’dawn il-kundizzjonijiet għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE kif ukoll l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prattika ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura mal-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma tiġix irrimborsata, filwaqt li l-vetturi kkonċernati, li qatt ma ġew irreġistrati f’dan l-Istat Membru, ġew esportati mill-ġdid lejn Stat Membru ieħor.

33

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilta tal-qorti tal-Ġustizzja, taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura minn Stat Membru matul ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur bl-għan li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tiegħu la tikkostitwixxi dazju doganali u lanqas taxxa ta’ effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE. Fil-fatt, tali taxxa hija taxxa interna u għaldaqstant għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE (sentenza Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesponi li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prevista fl-Artikoli 121(1) u 128 tal-kodiċi doganali, tinġabar minħabba l-ewwel reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur fil-Greċja bl-għan li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali u mhux minħabba l-qsim tal-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju, taxxa, bħat-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala taxxa inerna fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE u, bħala tali, ma tikkostitwixxix taxxa ta’ effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE. Is-sempliċi fatt li tali taxxa għandha titħallas qabel il-mument tar-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-Istat Membru kkonċernat ma għandux rilevanza f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punti 2324).

36

Fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan ma jistax jiġi invokat kontra taxxi interni li jolqtu prodotti importati, fl-assenza ta’ produzzjoni nazzjonali simili jew kompetitriċi. B’mod partikolari, dan ma jippermettix li wieħed jiċċensura n-natura eċċessiva tal-livell ta’ tassazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu għal prodotti partikolari fl-assenza ta’ kwalunkwe effett diskriminatorju jew effett protettiv (sentenzi Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑47/88, EU:C:1990:449, punt 10, u De Danske Bilimportører, C‑383/01, EU:C:2003:352, punt 38).

37

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li fil-Greċja ma teżistix produzzjoni nazzjonali ta’ vetturi bil-mutur u li d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi doganali li jikkonċernaw it-taxxa ta’ reġistrazzjoni ma jagħmlux distinzjoni bejn il-vetturi bil-mutur skont l-oriġini tagħhom jew skont in-nazzjonalità tal-proprjetarji tagħhom. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa tali li jista’, konswegwentement, inaqqas in-numru ta’ vetturi bil-mutur ġodda importati u rreġistrati fil-Greċja u għaldaqstant jaffettwa, minħabba l-effett protettiv tiegħu, il-moviment liberu ta’ din il-merkanzija bejn dan l-Istat Membru u l-Istati Membri l-oħra.

38

Konsegwentement, sa fejn taxxa bħat-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinġabar minħabba l-ewwel reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur fil-Greċja bl-għan li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali, l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix tali taxxa.

39

F’dak li jikkonċerna d-Direttivi 92/12 u 2008/118, għandu jiġi rrilevat li l-vetturi bil-mutur ma jagħmlux parti mill-kategoriji ta’ prodotti suġġetti għas-sisa fl-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 u, għalhekk, ma jaqgħux taħt is-sistema tas-sisa armonizzata. Minkejja li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jintroduċu jew li jżommu taxxi li jolqtu tali prodotti, madankollu huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam b’rispett tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punti 4143 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’mod partikolari, l-Istati Membri f’dan ir-rigward għandhom jirrispettaw mhux biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 110 tiegħu, iżda wkoll dawk imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 u fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118, b’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jipprojbixxu, hekk kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, li l-ġbir ta’ taxxa jwassal għal formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri fil-kuntest tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punti 4244).

41

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi doganali, li skonthom iċ-ċertifikat ta’ tranżitu doganali għal vetturi importati fl-Istat Membru kkonċernat jinħareġ biss wara l-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni li l-obbligu ta’ ħlas tagħha jitnissel fil-mument tad-dħul ta’ dawn il-vetturi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fihomx tali formalitajiet.

42

F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Grieg jenfasizza li l-formalitajiet kollha relatati mal-intaxxar u mal-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni previsti mill-kodiċi doganali huma marbuta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu din it-taxxa u, permezz tal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ tranżitu doganali wara l-ġbir tat-taxxa, huma intiżi li jiżguraw il-ħlas tas-somma li tikkorrispondi għall-imsemmija taxxa, minn naħa, u li jiffaċilitaw, fil-każ ta’ kontroll ulterjuri, il-verifika tal-ħlas effettiv ta’ din it-taxxa, min-naħa l-oħra. L-istess jgħodd għall-obbligu tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni speċjali fis-sens tal-Artikolu 130(2) tal-kodiċi doganali, billi dan tal-aħħar huwa marbut b’mod partikolari mad-determinazzjoni ulterjuri tal-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u huwa intiż li jinforma lill-awtoritajiet doganali bid-dħul tal-vetturi fit-territorju nazzjonali.

43

Madankollu, il-kawża prinċipali tikkonċerna prattika ta’ Stat Membru, li permezz tagħha taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura mal-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li joriġinaw minn Stati membri oħra ma tiġix irrimborsata, filwaqt li l-vetturi kkonċernati, li qatt ma ġew irreġistrati f’dan l-Istat Membru, ġew esportati mill-ġdid lejn Stat Membru ieħor.

44

F’dan ir-rigward għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li kull piż pekunjarju, impost b’mod unilaterali, jissejjaħ kif jissejjaħ u jkun xi jkun il-mod kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam il-fruntiera, meta dan ma huwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa b’effetti ekwivalenti fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE (ara s-sentenzi Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652, punti 3839, kif ukoll Brzeziński,C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, minkejja li taxxa ta’ reġistrazzjoni, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-prinċipju jkollha bħala fatt taxxabbli r-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur fi Stat Membru u, għaldaqstant, tikkostitwixxi taxxa interna fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, hija titlef din il-klassifikazzjoni li kieku kellha tinġabar u ma tiġix irrimborsata meta l-vetturi importati minn Stati Membri oħra qatt ma jkunu ġew irreġistrati fl-imsemmi Stat Membru. F’tali ipoteżi, fil-verità din tinġabar minħabba s-sempliċi fatt li jkun sar qsim tal-fruntiera ta’ Stat Membru u għaldaqstant tkun tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti pprojbita mill-Artikolu 30 TFUE.

46

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 30 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi prattika ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura mal-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma tiġix irrimborsata, filwaqt li l-vetturi kkonċernati, li qatt ma ġew irreġistrati f’dan l-Istat Membru, ikunu ġew esportati mill-ġdid lejn Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi prodott effett dirett li jippermetti lill-individwi jinvokawh quddiem qorti nazzjonali f’kawża li jkollhom kontra Stat Membru.

 

2)

L-Artikolu 30 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi prattika ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura mal-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma tiġix irrimborsata, filwaqt li l-vetturi kkonċernati, li qatt ma ġew irreġistrati f’dan l-Istat Membru, ikunu ġew esportati mill-ġdid lejn Stat Membru ieħor.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Fuq