EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0134

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-12 ta' Frar 2015.
Raytek GmbH u Fluke Europe BV vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs.
Talba għal deċiżjoni preliminari: First-tier Tribunal (Tax Chamber) - ir-Renju Unit.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tariffa Doganali Komuni - Klassifikazzjoni tariffarja - Nomenklatura Magħquda - Kameras termali bir-raġġi infrared.
Kawża C-134/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:82

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Kameras termali bir-raġġi infrared”

Fil-Kawża C‑134/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Raytek GmbH,

Fluke Europe BV

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Raytek GmbH u Fluke Europe BV, minn I. Humby, consultant, u V. Sloane, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u L. Flynn, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 314/2011, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 86, p. 57).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati minn Raytek GmbH u Fluke Europe BV (iktar ’il quddiem, rispettivament, “Raytek” u “Fluke”) kontra deċiżjonijiet tal-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) relatati mal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kameras termali bir-raġġi infrared.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha, tal-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tat-tariffi u statistiċi jkunu inkonformità mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet jew modifiki, flimkien mal-kodiċijiet relattivi tagħha u li ssegwi s-sekwenza numerika tal-imsemmija sistema. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li kull Parti Kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ġenerali SA”) u n-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA, u li ma temendax il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

5

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), stabbilit permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li tistabbilixxi l-imsemmi Kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, approva, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega adottati mill-Kumitat tas-SA, istanza li l-organizzazzjoni tagħha hija rregolata mill-Artikolu 6 tagħha (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tas-SA”).

6

Skont in-nota ta’ spjega relatata mar-Regola Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA 3:

“[...]

Regola 3 a)

[...]

IV)

Ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti prinċipji rigorużi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk intestatura hijiex iktar speċifika minn oħra fir-rigward tal-merkanzija ppreżentata; madankollu jista’ jingħad ġeneralment:

a)

li intestatura li tindika speċifikament artikolu partikolari hija iktar speċifika milli intestatura li tinkludi familja ta’ artikoli: pereżempju, tagħmir għat-tqaxxir tal-leħja u tagħmir għall-qtugħ tax-xagħar b’mutur elettriku inkorporat huma kklassifikati fin-numru 85.10 u mhux fin-numru 84.67 (għodod b’mutur elettriku inkorporat, għall-użu fl-idejn) jew fin-numru 85.09 (apparati elettromekkaniċi b’mutur elettriku inkorporat, għall-użu domestiku).

b)

li għandha titqies li hija iktar speċifika l-intestatura li tidentifika b’mod iktar ċar l-merkanzija inkwistjoni u li tagħti deskrizzjoni iktar preċiża u iktar kompleta tagħha.

Jistgħu jiġu ċċitati bħala eżempji ta’ dan l-aħħar tip ta’ merkanzija:

1)

twapet tat-tessuti li għandhom it-trofof, rikonoxxibbli bħala intiżi għall-karozzi, li għandhom jiġu kklassifikati, mhux bħala aċċessorji ta’ vetturi bil-mutur fin-numru 87.08, iżda fin-numru 57.03 fejn huma deskritti iktar speċifikament.

2)

ħġieġ ta’ sigurtà, li jikkonsisti fi ħġieġ imwebbes jew laminat, mhux inkwadrat, iffurmat u identifikabbli għall-użu bħala windshields ta’ ajruplani li għandhom jiġu kklassifikati, mhux bħala partijiet ta’ apparati tan-numri 88.01 u 88.02 fin-numru 88.03, iżda fin-numru 70.07 fejn huma deskritti iktar speċifikament.

V)

Madankollu, meta kull waħda minn żewġ intestaturi jew iktar tirreferi għal parti waħda biss mill-materjali li jikkostitwixxu prodott imħallat jew artikolu kompost, jew għal parti waħda biss tal-artikoli fil-każ ta’ merkanzija ppreżentata f’settijiet għall-bejgħ bl-imnut, dawn l-intestaturi għandhom jitqiesu, fir-rigward ta’ dan il-prodott jew ta’ dan l-artikolu, bħala speċifiċi wkoll anki jekk waħda minnhom tagħti barra minn hekk deskrizzjoni iktar preċiża jew iktar kompleta. F’dan il-każ, il-klassifikazzjoni tal-artikoli jkun iddeterminat b’applikazzjoni tar-Regola 3 b) jew 3 c).

Regola 3 b)

VI)

Dan it-tieni metodu ta’ klassifikazzjoni (Regola 3 b) jirrigwarda biss il-każ:

1)

ta’ prodotti mħalltin;

2)

ta’ oġġetti komposti minn materjali differenti;

3)

ta’ oġġetti kkostitwiti mill-assemblaġġ ta’ artikoli differenti;

4)

ta’ merkanzija ppreżentata f’settijiet għall-bejgħ bl-imnut.

Huwa japplika biss jekk ir-Regola 3 a) hija ineffettiva.

VII)

F’dawn id-diversi każijiet, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha ssir skont il-materjal jew l-artikolu li jagħtiha n-natura essenzjali tagħha meta huwa possibbli li ssir din id-determinazzjoni.

VIII)

Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ merkanzija. Jista’, pereżempju, jirriżulta min-natura tal-materjal kostituttiv jew tal-artikoli li jikkomponuha, mill-volum tagħha, mill-kwantità tagħha, mill-piż tagħha jew mill-valur tagħha, mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostituttivi fir-rigward tal-użu tal-merkanzija.

[...]”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87

7

In-Nomenklatura Magħquda, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 284, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), tinkludi fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tagħha, sett ta’ regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali NM”). Din it-taqsima tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli [intestaturi] u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli [intestaturi] jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu [intestatura] wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

it-titlu [l-intestatura] li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[...]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli [subintestaturi] ta’ titlu [intestatura] għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

8

Fit-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, il-Kapitolu 85 huwa dwar “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Inkluża f’dan il-kapitolu, l-intestatura 8525 hija fformulata kif ġej:

“Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw”.

9

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea relatata man-noti ta’ spjega għan-NM (2011/C 137/01) tispeċifika li din l-intestatura tinkludi kameras għal imaging termali b’images infrared li jaqbdu radjazzjoni ta’ sħana u jibdluha f’immaġini li jirrapreżentaw it-temperaturi ta’ superfiċi jew oġġetti individwali f’intensitajiet differenti ta’ griż jew f’kuluri differenti, iżda li ma jistgħux ikejlu temperaturi jew jirrappreżentaw il-valuri mkejlin f’figuri.

10

Il-Kapitolu 90 tan-NM, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-istrumenti jew apparat” jinkludi b’mod partikolari l-intestaturi 9025 u 9027.

11

In-nota 3 tal-Kapitolu 90 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tan-noti 3 u 4 għat-Taqsima XVI japplikaw ukoll għal dan il-Kapitolu. In-nota 3 ta’ din it-taqsima taqra kif ġej:

“3.

Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

12

L-intestatura 9025 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“9025

Idrometri u strumenti simili li jżommu f’wiċċ l-ilma, termometri, pirometri, barometri, igrometri u psikrometri, li jirrekordjaw jew le, u kwalunkwe taħlita ta’ dawn l-istrumenti:

 

– Termometri u pirometri, mhux imħalltin ma’ strumenti oħrajn:

9025 11

– – Mimlijin b’likwidu, għal qari dirett:

[...]

 

9025 19

– – Oħrajn:

9025 19 20

– – – Elettroniċi

9025 19 80

– – – Oħrajn

[...]

[...]”

13

Fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, l-intestatura 9027 tan-NM hija fformulata u strutturata kif ġej:

“9027

Instruments et appareils pour analyses physiques ou chimiques (polarimètres, réfractomètres, spectromètres, analyseurs de gaz ou de fumées, par exemple); instruments et appareils pour essais de viscosité, de porosité, de dilatation, de tension superficielle ou similaires ou pour mesures calorimétriques, acoustiques ou photométriques (y compris les indicateurs de temps de pose); microtomes: [Strumenti u apparat għal analiżi fiżika jew kimika (pereżempju, polarimetri, rifrattometri, spettrometri, apparat għall-analiżi ta’ gass jew duħħan); strumenti u apparat għal kejl jew iċċekkjar ta’ viskożità, porożità, espansjoni, tensjoni tal-wiċċ jew bħalhom; strumenti u apparat għal kejl jew iċċekkjar ta’ kwantitajiet ta’ sħana, ħoss jew dawl (inklużi miters ta’ espożizzjoni (exposure meters)); mikrotomi:]

[...]

 

9027 30 00

– Spectromètres, spectrophotomètres et spectrographes utilisant les rayonnements optiques (UV, visibles, IR) [Spettrometri, spettrofotometri u spettrografi li jużaw radjazzjonijiet ottiċi (UV, viżibbli, IR)]

9027 50 00

– autres instruments et appareils utilisant les rayonnements optiques (UV, visibles, IR) [Strumenti u apparat ieħor li jużaw radjazzjonijiet ottiċi (UV, viżibbli, IR)]

[...]

[...]”

14

Fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din l-intestatura, il-kliem “instruments or apparatus for measuring or checking of quantities of heat” jikkorrispondu għall-kliem “instruments et appareils [...] pour mesures calorimétriques [strumenti u apparat għal kejl jew iċċekkjar ta’ kwantitajiet ta’ sħana]” li jidhru fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-imsemmija intestatura.

15

In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9027 tistabbilixxi li huma esklużi minn din tal-aħħar, b’mod partikolari, l-“idrometri, termometri, igrometri u apparat ieħor tan-Nru 9025, anki jekk għall-użu fil-laboratorju”.

16

Ir-rata tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għas-subintestatura 9025 19 20 hija ta’ 3.2 %, filwaqt li l-apparat li jaqa’ taħt is-subintestatura 9027 50 00 jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju.

Ir-Regolament Nru 314/2011

17

Ir-Regolament Nru 314/2011 daħal fis-seħħ fl-21 ta’ April 2011. Dan ir-regolament jikklassifika l-kameras termali bir-raġġi infrared taħt il-kodiċi NM 9025 19 20, bħala termometri.

18

Id-deskrizzjoni tal-apparati kkonċernati li tinsab fl-Anness tal-imsemmi regolament hija fformulata kif ġej:

“Apparat (hekk imsejaħ ‘kamera termali bir-raġġi infrared’) biex taqbad immaġini ta’ radjazzjoni infrared permezz ta’ mikrobolometru u li turi dawn l-immaġini f’kuluri li jkunu jirrappreżentaw it-temperaturi differenti, b’dimensjoni ta’ madwar 26 × 8 × 11-il ċm.

L-appart huwa magħmul minn:

lenti li tinqala’,

mikrobolometru b’riżoluzzjoni ta’ 160 × 120 pixel, kapaċi li jkejjel temperaturi minn [–] 20°C sa 250°C,

skrin tal-kulur bil-kristalli likwidi (LCD) b’riżoluzzjoni ta’ 320 × 240 pixel li jkollu skrin ta’ kejl dijagonali ta’ 7 ċm (2,5 pulzieri), u

memorja li tista’ terfa’ sa 200 immaġini fil-format JPEG.

Il-mikrobolometru, peress li huwa sensur termiku użat bħala individwatur fil-kamera, jipprovdi 19 200 pixel f’kull immaġini fejn kull pixel tirrappreżenta r-riżultat ta’ kejl ta’ temperatura.

L-immaġini tintwera f’diversi kuluri li jirrappreżentaw il-kejl ta’ diversi temperaturi, flimkien ma’ skala vertikali li turi t-temperatura fin-naħa ta’ fuq u n-naħa ta’ isfel tal-firxa magħżula ta’ temperaturi u l-firxa ta’ kuluri li jmorru minn fuq għal isfel.

L-apparat huwa wkoll kapaċi jkejjel it-temperatura ta’ punt speċifiku u juri r-riżultat fuq skala ta’ temperatura.

L-apparat jintuża għall-manutenzjoni preventiva biex isib difetti fil-kostruzzjoni jew punti fejn ikun hemm issiġillar ħażin fl-insulazzjoni u fis-sħana.”

19

Fl-imsemmi anness, il-klassifikazzjoni tal-apparati kkonċernati taħt il-kodiċi NM 9025 19 20 hija mmotivata b’dawn il-kliem:

“Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali [NM] 1 u 6 [...] u tal-kitba fil-kodiċi NM 9025, 9025 19 u 9025 19 20.

Peress li l-apparat hu kapaċi li jkejjel it-temperatura u jirrappreżenta l-valuri mkejla f’ċifri, li hija funzjoni koperta mill-intestatura 9025, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8525 bħala kamera hi eskluża (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazjoni tan-NM għall-intestatura 8525).

Peress li l-iskop tal-apparat mhux dak li jkejjel jew li jivverifika kwantitajiet ta’ sħana iżda li jsib il-livell ta’ radjazzjoni ta’ infrared (kejl ta’ temperatura), il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9027 hi eskluża.

Meta wieħed iqis il-karatteristiċi tiegħu, l-apparat għandu għalhekk jiġi kklassifikat skont il-kodiċi tan-NM 9025 19 20 bħala termometru.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Raytek u Fluke jimportaw fir-Renju Unit kameras termali bir-raġġi infrared.

21

Fir-rigward tal-proprjetajiet ta’ dawn il-kameras, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li dawn tal-aħħar huma kkostitwiti b’mod partikolari minn lenti li taqbad immaġini, li tiġbor l-enerġija infrared irradjata mill-mira u tikkonverġiha lejn individwatur infrared. Ir-radjazzjoni infrared tipproduċi rispons li jista’ jitkejjel mill-individwatur, li huwa sussegwentement ipproċessat elettronikament fil-kamera termali biex jiġi prodott termogramm, jew immaġini infrared, li fih id-diversi sfumaturi ta’ kuluri jikkorrispondu għad-distribuzzjoni tar-radjazzjoni infrared fis-superfiċi tal-mira. Din il-qorti żżid li mekkaniżmi ta’ kontroll, li jirrigwardaw varjabbli bħall-firxa tat-temperaturi, il-firxa u l-livell termali, il-firxa ta’ kuluri u l-fużjoni ta’ immaġini viżibbli u infrared, jippermettu li jitwettqu aġġustamenti elettroniċi biex tiġi ċċarata l-immaġini termali murija fuq l-iskrin.

22

Fir-rigward tal-użu tal-imsemmija kameras, il-qorti tar-rinviju tindika li huma essenzjalment intiżi li jsibu u jidentifikaw kuntatti elettriċi difettużi, tisħin żejjed ikkawżat minn eċċess ta’ elettriku, difetti fil-kostruzzjoni, difetti fl-insulazzjoni kif ukoll tnixxijiet tal-arja u tal-ilma.

23

Sussegwentement għall-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 314/2011, il-Commissioners informaw lil Raytek u Fluke, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2011, li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti li kienet inħarġet lilhom qabel, li tikkonċerna l-klassifikazzjoni tariffarja tal-apparati li huma jimportaw fl-intestatura 9027, kienet waqfet tkun valida.

24

Fil-kuntest tar-rikorsi li huma ppreżentaw kontra d-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu dawn l-ittri, Raytek u Fluke jikkontestaw il-validità tar-Regolament Nru 314/2011 fid-dawl tal-portata effettiva rispettiva tal-intestaturi tariffarji 9025 19 20 u 9027 50 00.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament [Nru 314/2011] huwa validu f’dak li jirrigwarda l-kameras termiċi [kameras termali bir-raġġi] infrared skont il-Kodiċi NM Nru 9025 19 20?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat din il-kawża lill-Għaxar Awla, iddeċidiet li din il-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet u nnotifikat lill-partijiet sabiex jattendu għal seduta li nżammet fis-6 ta’ Marzu 2014, u warajha l-proċedura orali ngħalqet.

27

L-Għaxar Awla ddeċidiet, fit-2 ta’ Ottubru 2014, li tirrinvija l-kawża msemmija iktar ’il fuq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ikbar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 60(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja din l-kawża mill-ġdid lill-Ħames Awla.

28

B’digriet tal-4 ta’ Novembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u n-notifika tal-partijiet sabiex jattendu għal seduta ġdida li nżammet fis-26 ta’ Novembru 2014.

Fuq id-domanda preliminari

29

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tan-NM, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tispeċifika l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija speċifika. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, bħall-klassifikazzjoni tal-merkanzija, ma tawtorizzahiex tibdel il-kontenut tal-intestaturi tariffarji li ġew stabbiliti abbażi tas-SA, stabbilita mill-Konvenzjoni dwar is-SA, u li l-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, impenjat ruħha li ma tibdilx il-portata tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑267/94, EU:C:1995:453, punti 19 u 20; Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, EU:C:2006:259, punt 35, kif ukoll Dinter u Europol Frost‑Food, C‑522/07 u C‑65/08, EU:C:2009:663, punt 32).

30

F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi wettqet il-klassifikazzjoni ta’ merkanzija bħal dik deskritta fil-kolonna 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 314/2011 fl-intestatura 9025 19 tan-NM minflok fl-intestatura 9027 50 tagħha, biddlitx il-kontenut ta’ dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-interess taċ-ċertezza legali u għall-faċilità ta’ verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenzi Kawasaki Motors Europe, EU:C:2006:259, punt 38; Dinter u Europol Frost-Food, EU:C:2009:663, punt 29, kif ukoll Premis Medical, C‑273/09, EU:C:2010:809, punt 42).

32

Skont id-deskrizzjoni tagħha mogħtija fil-kolonna 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 314/2011, il-merkanzija li dwarha jittratta dan ir-regolament hija “apparat (hekk imsejaħ ‘kamera termali bir-raġġi infrared’) biex taqbad immaġini ta’ radjazzjoni infrared permezz ta’ mikrobolometru u li turi dawn l-immaġini f’kuluri li jkunu jirrappreżentaw it-temperaturi differenti”. Dawn l-immaġini jinqabdu permezz ta’ mikrobolometru “kapaċi li jkejjel temperaturi minn [–] 20°C sa 250°C”, filwaqt li “kull pixel [tal-immaġini prodotta] tirrappreżenta r-riżultat ta’ kejl ta’ temperatura”, l-“immaġini tintwera f’diversi kuluri li jirrappreżentaw il-kejl ta’ diversi temperaturi, flimkien ma’ skala vertikali li turi [...] l-firxa ta’ kuluri li jmorru minn fuq għal isfel”. Fl-aħħar nett, l-“apparat huwa wkoll kapaċi jkejjel it-temperatura ta’ punt speċifiku u juri r-riżultat fuq skala ta’ temperatura”.

33

Minn din id-deskrizzjoni jirriżulta li l-apparati intiżi mir-Regolament Nru 314/2011 jaqbdu r-radjazzjoni infrared li toħroġ mill-mira u jikkostruwixxu, minn din ir-radjazzjoni, immaġini tal-mira li l-kuluri tagħha jirrappreżentaw temperaturi, li huma dedotti mir-radjazzjoni infrared maqbuda. Huma kapaċi wkoll li jkejlu t-temperatura f’punt speċifiku tal-mira, peress li dan il-kejl huwa wkoll dedott mir-radjazzjoni infrared maqbuda.

34

Għandu jiġi kkonstatat li, abbażi ta’ din id-deskrizzjoni, il-Kummissjoni setgħet tqis, kif ġie ddikjarat fil-motivazzjoni li tidher fil-kolonna 3 tal-istess Anness, li, “[p]eress li l-[imsemmi] apparat hu kapaċi li jkejjel it-temperatura u jirrappreżenta l-valuri mkejla f’ċifri, li hija funzjoni koperta mill-intestatura 9025”, u “[p]eress li l-iskop tal-apparat mhux dak li jkejjel jew li jivverifika kwantitajiet ta’ sħana iżda li jsib il-livell ta’ radjazzjoni ta’ infrared (kejl ta’ temperatura)”, huwa “għandu għalhekk jiġi kklassifikat skont il-kodiċi tan-NM 9025 19 20 bħala termometru”, billi s-subintestatura kkonċernata tikkorrispondi għat-termometri u għall-pirometri elettroniċi, mhux imħalltin ma’ strumenti oħrajn tal-istess intestatura.

35

Fir-rigward tal-intestatura 9027 tan-NM, li skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tiġi adottata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li hija tirrigwarda b’mod partikolari l-“[is]trumenti u apparat għal analiżi fiżika”, filwaqt li s-subintestatura 9027 50 00 tirrigwarda l-“[is]trumenti u apparat ieħor li jużaw radjazzjonijiet ottiċi”, fosthom ir-radjazzjoni infrared. Issa għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-apparati deskritti fl-Anness tar-Regolament Nru 314/2011 ma jippermettux il-klassifikazzjoni tagħhom f’din l-intestatura. Fil-fatt, dawn l-apparati juru r-riżultat ta’ kejl ta’ temperatura mingħajr ma jwettqu analiżi fiżika oħra li tmur lil hinn minn sempliċi kejl ta’ temperatura, proprjetà iktar speċifika diġà koperta mill-intestatura 9025 tan-NM, li għalhekk għandha tiġi adottata skont ir-regola ġenerali NM 3(a).

36

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-imsemmija apparati fl-intestatura 9025 hija kkorroborata min-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9027 li skonthom huma esklużi minn din l-intestatura tal-aħħar, b’mod partikolari, l-“idrometri, termometri, igrometri u apparat ieħor tan-Nru 9025”.

37

Minn dan jirriżulta li, permezz tal-klassifikazzjoni fis-subintestatura 9025 19 20 tan-NM tal-apparati deskritti fl-Anness tar-Regolament Nru 314/2011, il-Kummissjoni ma biddlitx il-kontenut tal-intestaturi tariffarji 9025 19 u 9027 50. Għaldaqstant, l-eżami tal-imsemmi regolament ma twassalx biex jiġi konkluż li huwa invalidu.

38

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi rrilevat li jeżistu indikazzjonijiet, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju u kif imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li dawn l-apparati jistgħu ma jikkorrispondux neċessarjament għal dawk previsti mir-Regolament Nru 314/2011.

39

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-korrispondenza bejn il-kameras termali bir-raġġi infrared importati minn Raytek u Fluke u l-apparati deskritti fir-Regolament Nru 314/2011, u, b’mod iktar partikolari, jekk il-ġbir u l-kejl tar-radjazzjoni infrared fuq is-superfiċi tal-mira kif ukoll il-wiri ta’ immaġini li tirrappreżenta d-distribuzzjoni ta’ din ir-radjazzjoni jistgħux jikkostitwixxu funzjoni prevista mill-intestatura 9027 tan-NM, li tuża r-radjazzjonijiet ottiċi, fosthom ir-radjazzjoni infrared, li tmur lil hinn minn sempliċi kejl ta’ temperatura.

40

F’dan il-każ, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, ammess mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkollhom bħala funzjoni oħra li jkejlu t-temperaturi u jistgħu, minħabba f’hekk, jintużaw bħala termometru.

41

Għaldaqstant, konformement man-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, li, bis-saħħa tar-regola ġenerali NM 1, tikkostitwixxi regola mandatorja għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija, dawn l-apparati għandhom jiġu kklassifikati bħala magni maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ jew diversi funzjonijiet differenti, alternattivi jew komplementari, skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t-totalità.

42

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 314/2011.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 314/2011, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq