EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0114

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2015.
Theodora Hendrika Bouman vs Rijksdienst voor Pensioenen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Arbeidshof te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt — Artikolu 46a(3)(ċ) — Likwidazzjoni ta’ benefiċċji — Regoli nazzjonali antikumulu — Deroga — Kunċett ta’ ʽassigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwataʼ — Pensjoni nazzjonali skont skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja — Possibbiltà li tintalab dispensa mill-affiljazzjoni matul ċertu perijodu — Portata taċ-ċertifikazzjoni redatta mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor — Regolament (KE) Nru 574/72 — Artikolu 47.
Kawża C-114/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:81

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt — Artikolu 46a(3)(ċ) — Likwidazzjoni ta’ benefiċċji — Regoli nazzjonali antikumulu — Deroga — Kunċett ta’ ‘assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata’ — Pensjoni nazzjonali skont skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja — Possibbiltà li tintalab dispensa mill-affiljazzjoni matul ċertu perijodu — Portata taċ-ċertifikazzjoni redatta mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor — Regolament (KE) Nru 574/72 — Artikolu 47”

Fil-Kawża C‑114/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeidshof te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Theodora Hendrika Bouman

vs

Rijksdienst voor Pensioenen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Bouman, minn W. van Ophuizen, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn T. Jansen, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46b(3)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Bouman u r-Rijksdienst voor Pensioenen (Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet, iktar ’il quddiem ir-“Rijksdienst”) dwar ir-reviżjoni, matul l-2009, ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, tal-10 ta’ Lulju 1969, li tagħti lil T. Bouman pensjoni tas-superstiti u intiża li tikseb ir-rimbors tal-benefiċċji mħallsa indebitament.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli li jikkonċernaw s-sigurtà [l-assigurazzjoni] voluntarja jew is-sigurtà [l‑assigurazzjoni] b’għażla kontinwata”, jaqra kif ġej:

“1.   L-Artikoli 13 sa 14d ma għandhomx jgħoddu għal assikurazzjoni volontarja jew assikurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja sakemm, fir-rigward ta’ waħda mill-friegħi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 4, fi kwalunkwe Stat Membru, ma tkunx [tkun] teżisti skema ta’ l-assikurazzjoni volontarja biss.

2.   Fejn l-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tinvolvi t-tennija [l-kumulu] ta’ l-assigurazzjoni:

fuq skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja u skema waħda jew iktar ta’ assigurazzjoni volontarja jew b’għażla ssoktata, il-persuna interessata għandha tkun soġġetta esklussivament għall-iskemi ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

fuq żewġ skemi jew iktar ta’ assigurazzjoni volontarja jew b’għażla ssoktata, il-persuna interessata tista’ tingħaqad biss ma’ l-assigurazzjoni volontarja jew b’għażla ssoktata li tkun għażlet.

3.   Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ invalidità, xjuħija u mwiet (pensjonijiet), il-persuna interessata tista’ tidħol fi skema ta’ assigurazzjoni volontarja ta’ Stat Membru, saħansitra jekk tkun soġġetta bil-fors għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, safejn u sakemm din it-tennija tkun aċċettata espliċitament jew impliċitament fl-Istat Membru ta’ l-ewwel.”

4

L-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71, intitloat “Regoli ġenerali dwar klawżoli ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija applikabbli għall-benefiċċji fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) [kumulu] ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip ikollhom it-tifsira segwenti: l-irkib (overlapping) [il-kumulu] tal-benefiċċji rigward l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti kkalkulat jew ipprovdut abażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza mwettqa minn waieħed u l-istess persuna.

2.   Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) ta’ benefiċċji ta’ tipi differenti tfisser kull irkib (overlapping) ta’ benefiċċji li ma jistgħux ikunu meqjusa ta’ l-istess tip fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 1.

3.   Ir-regoli segwenti jkunu applikabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u t-tneħħija stipulati mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-każ ta’ irkib (overlapping) ta’ benefiċċju fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija jew is-superstiti ma’ benefiċċju ta’ l-istess tip jew benefiċċju ta’ tip differenti jew ma’ dħul ieħor:

a)

għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ dħul ieħor akkwistat fi Stat Membru ieħor biss fejn il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tipprovdi għat-teħid inkonsiderazzjoni ta’ benefiċċji jew dħul akkwistat barra l-pajjiż;

b)

għandha tittieħed konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji li se jingħataw minn Stat Membru ieħor qabel it-tnaqqis tat-taxxi, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u taxxi u tnaqqis individwali ieħor;

ċ)

m’għandha tittieħed ebda konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li jingħataw abażi ta’ assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata;

d)

Fejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija huma applikabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tirċievi benefiċċji ta’ tip simili jew differenti pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra jew dħul ieħor akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, il-benefiċċju pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru jista’ jkun imnaqqas biss fil-limiti ta’ l-ammont tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjoni jew id-dħul akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.”

5

L-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1248/92, tat-30 ta’ April 1992 (ĠU L 136, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), jipprovdi:

“Kalkolu tal-ammonti dovuti korrispondenti għall-perjodi ta’ assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni kontinwata fakultattiva.

L-istituzzjoni ta’ kull Stat Membru għandha tikkalkula, konformement mal-leġiżlazzjoni li hija tapplika, l-ammont dovut li jikkorrispondi għall-perijodi ta’ assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni kontinwata fakultattiva li, taħt l-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli ta’ Stat Membru ieħor li jirrelataw mal-waqfien, riduzzjoni jew sospensjoni.” [traduzzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt Belġjan

6

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-iskema tal-pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti ta’ ħaddiema migranti (Koninklijk besluit van 21 december 1967 tot vaststelling van het algemeen reglement betreffende het rust- en overlevingspensioen voor werknemers, Belgisch Staatsblad, 16 ta’ Jannar 1968, p. 441), jipprovdi:

“Fejn il-konjugi superstiti huwa intitolat, minn naħa, għall-pensjoni tas-superstiti skont l-iskema tal-pensjoni tal-impjegati u, min-naħa l-oħra, għal waħda jew iktar pensjonijiet tal-irtirar jew għal kwalunkwe benefiċċju ekwivalenti abbażi tal-iskema tal-pensjoni tal-impjegati jew abbażi ta’ waħda jew iktar skemi tal-pensjoni oħra, il-pensjoni tas-superstiti tista’ tiġi akkumulata mal-imsemmija pensjonijiet tal-irtirar biss sas-somma ta’ 110 % tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li kienet tiġi mogħtija lill-konjuġi superstiti għall-karriera ta’ xogħol kompleta.”

Id-dritt Olandiż

7

Il-Liġi li tistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-pensjonijiet tax-xjuħija (Algemene Ouderdomswet, Stb. 1956, Nru 281, iktar ’il quddiem l-“AOW”) tipprevedi l-assigurazzjoni obbligatorja, b’mod partikolari, għaċ-ċittadini kollha li jirrisjedu fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li għadhom ma laħqux l-età ta’ 65 sena. F’dan ir-rigward, kontribuzzjoni soċjali mhux marbuta mad-dħul għandha titħallas. Din ir-regola bażika, madankollu, f’numru limitat ta’ każijiet, għandha eċċezzjonijiet u l-persuna affiljata tista’ jitlob dispensa mill-obbligu ta’ assigurazzjoni.

8

B’hekk, l-Artikolu 22 tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Diċembru 1998 dwar it-tnaqqis u l-estensjoni taċ-ċirku ta’ persuni assigurati koperti minn assigurazzjonijiet soċjali (Besluit beperking en uitbreiding kring verzekerden volksverzekeringen, Stb. 1998, Nru 746, iktar ’il quddiem id-“Digriet Olandiż”), jipprovdi:

“Kemm-il darba ma tkunx qegħda taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi u li hija intitolata għal benefiċċju skont skema barranija legali jew extralegali tas-sigurtà soċjali barra mill-pajjiż, jew skont skema ta’ xi organizzazzjoni internazzjonali, għandha tiġi ddispensata, fuq talba tagħha, mill-Uffiċċju nazzjonali tal-assikurazzjoni soċjali, milli tkun irreġistra mal-assigurazzjoni, skont il-Liġi li tistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-pensjonijiet tax-xjuħija [Algemene Ouderdomswet], il-Liġi dwar l-assigurazzjoni ġeneralizzata tas-superstiti [Algemene nabestaandenwet] u l-Liġi ġenerali fuq l-allokazzjonijiet familjari [Algemene kinderbijslagwet], sakemm:

a)

hija intitolata, b’mod permanenti u esklużiv, għal benefiċċju li jissemma fil-parti introduttiva ta’ din id-dispożizzjoni u l-ammont mensili ta’ dan il-benefiċċju huwa għall-inqas ta’ 70 % tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Liġi dwar is-salarju minimu u l-ħlas minimu għal vaganzi [Wet minimumloon en minimumvakantiebijslag]; jew

b)

hija intitolata, minbarra l-benefiċċju msemmi taħt a), għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali Olandiża u li l-ammont totali mensili ta’ dan il-benefiċċju u tal-benefiċċji legali jew extra legali barrani tal-organizzazzjoni internazzjonali huma mill-inqas 70 % tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Liġi dwar is-salarju minimu u l-ħlas minimu għal vaganzi u li l-benefiċċju barrani jew il-benefiċċju tal-organizzazzjoni internazzjonali huwa ogħla jew daqs il-benefiċċju Olandiż.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

T. Bouman, imwielda fit-2 ta’ Ġunju 1942, hija ċittadina Olandiża li rrisjediet fil-Pajjiż l-Baxxi sat-23 ta’ Ġunju 1957 u, wara din id-data, kienet irrisjediet fil-Belġju sat-3 ta’ Frar 1974.

10

Peress li kienet miżżewġa lil ċittadin Belġjan li miet fit-3 ta’ Awwissu 1968, hija tirċievi pensjoni tas-superstiti Belġjana mill-1 ta’ Settembru 1969 li ngħatatilha abbażi ta’ deċiżjoni tar-Rijksdienst, tal-10 ta’ Lulju 1969.

11

Wara dan, T. Bouman qatt ma kellha dħul tagħha li ġej minn xi attività professjonali.

12

Wara li marret lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi fl-1974, T. Bouman ħallset il-kontribuzzjonijiet sabiex tikkostitwixxi favur tagħha, pensjoni tax-xjuħija Olandiża skont l-AOW (iktar ’il quddiem il-“pensjoni skont l-AOW”).

13

Għall-aħħar erba’ snin ta’ qabel l-età tal-pensjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Awwissu 2003, T. Bouman talbet u kisbet, abbażi tal-Artikolu 22 tad-Digriet Olandiż, dispensa mill-affiljazzjoni taħt l-AOW. Għalhekk hija waqfet tħallas il-kontribuzzjonijiet taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Olandiża, bil-konsegwenza li l-kostituzzjoni tal-pensjoni tagħha taħt l-AOW ma kinitx kompluta.

14

Il-pensjoni li ilha tirċievi skont l-AOW, mill-1 ta’ Ġunju 2007, meta laħqet l-età tal-pensjoni, ma hijiex kompluta.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2009, ir-Rijksdienst informa lil T. Bouman bid-deċiżjoni tiegħu li jnaqqas, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2007, il-pensjoni tas-superstiti tagħha skont l-AOW u li jibda kawża għall-irkupru tal-indebitu fuq din l-aħħar pensjoni għal ammont ta’ EUR 2 271.81.

16

Fl-4 ta’ Mejju 2009, T. Bouman b’rikors kontra din id-deċiżjoni adixxiet l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen (Qorti tax-Xogħol ta’ Antwerpen).

17

Is-Sociale Verzekeringsbank (Uffiċċju nazzjonali tal-assigurazzjoni soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”) ġie adit, bħala awtorità kompetenti, sabiex jiddetermina jekk il-benefiċċju ta’ T. Bouman jitħallasx abbażi ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

18

Permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Lulju 2009 u tal-15 ta’ Ġunju 2010, is-SVB indika li l-assigurazzjoni tal-AOW hija, fil-prinċipju, assigurazzjoni obbligatorja u li l-kwistjoni ma hijiex waħda ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata ħlief f’żewġ ipoteżijiet. L-ewwel nett, meta r-regolarizzazzjoni tal-perijodi mhux assigurati fil-passat tintalab f’terminu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel assigurazzjoni obbligatorja jew, it-tieni nett, meta l-kontinwazzjoni volontarja tal-assigurazzjoni tintalab fis-sena ta’ wara t-tmiem tal-assigurazzjoni obbligatorja. Fiż-żewġ każijiet, huwa indispensabbli li titressaq talba indirizzata lis-SVB u ma hemmx dubju, skont is-SVB, li T. Bouman qatt ma rrikorriet għal din il-possibbiltà ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

19

Minn dan is-SVB jikkonkludi li l-pensjoni tal-AOW tal-persuna kkonċernata bl-ebda mod ma tirriżulta minn xi perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja, iżda hija għal kollox ikkostitwita minn perijodi ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

20

Peress li l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen ċaħdet ir-rikors fil-mertu permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, T. Bouman ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem l-Arbeidshof te Antwerpen (Qorti tax-Xogħol ta’ Anwerpen).

21

Din il-qorti, peress li bbażat ruħha fuq is-sentenza Knoch (C‑102/91, EU:C:1992:303, punt 53) hija tal-fehma li għandha tivverifika dak li ġie ċċertifikat mis-SVB. Peress li għandha d-dubji tagħha dwar il-konformità tal-pożizzjoni tas-SVB mal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, hija tqis li hija kompetenti sabiex teżamina din il-kwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domanda preliminari li ġejja lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“Il-parti tal-benefiċċju [taħt l-]AOW mogħtija lil resident Olandiż, li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu dan ir-resident Olandiż jista’ jirrinunzja fuq sempliċi talba għall-affiljazzjoni fl-iskema Olandiża u għaldaqstant l-obbligu li jagħmel il-kontribuzzjoni dovuta, u effettivament talab li jirrinunzja għal perijodu limitat, għandha tiġi mqabbla ma’ benefiċċju mħallas taħt assigurazzjoni kontinwa fakultattiva fis-sens tal-Artikolu 46a(3)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 b’tali mod li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tar-regola antikumulu li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 li tistabbilixxi regolament ġenerali tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti tal-ħaddiema impjegati?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

23

F’din il-kawża, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni qed tintalab minn qorti ta’ Stat Membru li għandha dubju dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-pożizzjoni espressa f’dokument redatt mis-SVB, li jiddikjara li l-pensjoni tal-AOW ta’ T. Bouman ma tirriżulta minn ebda perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja, iżda hija fl-intier tagħha kkostitwita minn perijodi ta’ assigurazzjoni vinkolanti.

24

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor humiex marbuta b’tali ċertifikat redatt skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 574/72, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li ssemmi l-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettqa bħala impjegat taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma tikkostitwixxix prova inkonfutabbli fir-rigward tal-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor lanqas fir-rigward tal-qrati ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Knoch, EU:C:1992:303, punt 54, kif ukoll Adanez-Vega, C‑372/02, EU:C:2004:705, punti 36 u 48).

25

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, peress li l-awtoritajiet Belġjani għandhom iqisu l-perijodi tal-assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża, biex ikunu jistgħu jiddeterminaw il-firxa tad-drittijiet ta’ T. Bouman, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli antikumulu Belġjani, il-Qorti Belġjana tar-rinviju tista’ tistħarreġ il-kontenut taċ-ċertifikat maħruġ mis-SVB mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-konformità tiegħu mar-regoli rilevanti previsti bir-Regolament Nru 1408/71.

26

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata għall-motiv li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħarġu, ċertifikat redatt skont id-dispożizzjonijiet tal-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli”, jiġifieri ċ-ċertifikat E 101, jorbot lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali u lill-qrati tal-Istat Membru li fih jiġu kkollokati l-ħaddiema kkonċernati, sa fejn hija tiddikjara l-affiljazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema fl-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża tagħhom, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 55, kif ukoll Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punti 26 u 31).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ tali dokument amministrattiv, sa fejn jirrigwarda ċ-ċertifikazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom inħareġ (ara s-sentenza Herbosch Kiere, EU:C:2006:69, punt 32), hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ċertezza legali, tali soluzzjoni ma tistax tkun applikabbli awtomatikament għal ċertifikat bħal dik redatt mis-SVB fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, meta l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiddeterminaw id-drittijiet ta’ persuna kkonċernata li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, huma għandhom il-possibbiltà li jistħarrġu l-elementi rilevanti kollha li jirriżultaw mid-dokumenti redatti mill-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikat tal-Istat Membru ta’ oriġini.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari bħal dik fil-kawża prinċipali, li hija intiża għall-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antikumulu.

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-parti tal-benefiċċju li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu l-persuna kkonċernata kienet intitolata għal dispensa mill-affiljazzjoni mal-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, fil-każ li tali affiljazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, taffettwa l-estensjoni tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali.

30

Għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” ma huwiex speċifikat la fl-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

31

F’dan il-kuntest, id-determinazzjoni tas-sinjifikat u tal-portata ta’ dawn it-termini għandu jiġi stabbilit, skont ġurisprudenza stabbilita, billi jittieħed kont kemm tat-termini tad-dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni kkonċernata, kemm tal-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, BLV Wohn- und Gewerbebau, C‑395/11, EU:C:2012:799, punt 25, kif ukoll Lundberg, C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 18) kif ukoll tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lundberg, EU:C:2013:631, punt 19) u, f’dan il-każ, l-oriġini tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135).

32

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk it-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew assigurazzjoni b’għażla kontinwata” juri diverġenzi, dawn fi kwalunkwe każ juru l-intenzjoni li jkopru kull tip ta’ assigurazzjoni li għandha element volontarju (sentenza Liégeois, 93/76, EU:C:1977:50, punti 12 sa 14).

33

Dwar il-kuntest tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 1408/71 kien jimplementa sistema ta’ koordinazzjoni ta’ sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u kien jistabbilixxi, fit-Titolu II tiegħu, regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dawn ir-regoli mhux biss kellhom l-għan li jipprekludu li l-persuni kkonċernati, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom, jibqgħu mingħajr protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, iżda wkoll kienu intiżi li l-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi prekluż li iktar minn sistema waħda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tkun applikabbli jew li jiġu preklużi kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw (ara s-sentenza I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1408/71, din is-sistema ta’ koordinazzjoni ma hijiex applikabbli fil-qasam ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, sakemm, fir-rigward tal-fergħa kkonċernata, fi Stat Membru tkun teżisti skema tal-assikurazzjoni volontarja biss.

35

Barra min hekk, huwa paċifiku li dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 huma applikabbli biss sa fejn id-dispożizzjonijiet speċjali għall-kategoriji differenti ta’ benefiċċji, li jifformaw it-Titolu III ta’ dan ir-regolament, ma fihomx deroga (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Aubin, 227/81, EU:C:1982:209, punt 11).

36

Issa, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali minħabba li l-pensjonanti huma suġġetti għal arranġamenti speċjali taħt it-Titolu III, Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Xjuħija u mwiet (pensjonijiet)”, li taħtu jaqa’ l-Artikolu 46a. B’hekk, l-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi l-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata tal-applikazzjoni tar-regoli antikumulu fil-każ fejn dawn huma pprovduti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

37

Kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-persuna li tkun iċċaqalqet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li għażlet li tikkontribwixxi għal assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, sabiex tikkostitwixxi favur tagħha pensjoni tax-xjuħija fi Stat Membru ieħor, li żżomm id-drittijiet tagħha li jirriżultaw minn dan. Dan il-permess għaldaqstant ifisser li hemm żewġ miżuri differenti iżda komplementari. Fi kliem ieħor, f’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa waħda, rattab il-prinċipju li leġiżlazzjoni waħda biss għandha tapplika f’sitwazzjoni partikolari u, min-naħa l-oħra, ippermetta li l-benefiċċji miksuba fi Stat Membru minn persuna abbażi ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata ma jkunux suġġetti għar-regoli antikumulu li jnaqqsu l-allowance li hija tirċievi minn Stat Membru ieħor.

38

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament Nru 1408/71 li huwa dak li jiżgura, kif it-tieni u r-raba’ premessi tiegħu jipprovdu, il-moviment liberu ta’ ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-Unjoni, filwaqt li jirrispetta l‑karatteristiċi proprji tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mill-għaxar premessi tiegħu, dan ir-regolament iħaddan bħala prinċipju l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema skont id‑diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għandu l-għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll li ma jiġux ippenalizzati dawk fosthom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall‑moviment liberu (sentenza Tomaszewska, C‑440/09, EU:C:2011:114, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE li huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u, b’mod partikolari, jimplika li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għall-allowances ta’ sigurtà soċjali u lanqas isostnu tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba li dawn eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat FUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bosmann, C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 29, kif ukoll Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 46).

40

Bl-istess mod, l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali li dan ir-regolament jinvolvi, jaqgħu fl-ambitu tal-moviment liberu tal-persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom (sentenzi Bosmann, EU:C:2008:290, punt 30, kif ukoll Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 47).

41

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 46a(3)(ċ) ta’ dan ir-regolament għandu, konsegwentement, jiġi interpretat b’mod li jeskludi l-possibbiltà li l-ħaddiem jiġi, minħabba s-sistema tar-regoli nazzjonali dwar l-antikumulu, imċaħħad mill-benefiċċju tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa b’mod volontarju taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

42

Għaldaqstant, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-kuntest tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll tal-għan tiegħu, l-imsemmi kunċett ta’ “assigurazzjoni volontarja jew b’għażla kontinwata” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex il-persuna kkonċernata ma tiġix imċaħħda mill-benefiċċju ta’ kwalunkwe perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata mwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-oriġini tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, kif l-Avukat Ġenerali kkonstata fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, jargumenta wkoll favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew b’għażla kontinwata”.

44

L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Il-kalkolu tal-benefiċċji fil-każ tat-tennija tal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni”, jipprevedi li għall-għanijiet tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antikumulu fil-kuntest tal-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 1408/71, l-ammonti tal-benefiċċji li jikkorrispondu mal-perijodi ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

45

Fis-sentenza Schaap (176/78, EU:C:1979:112, punti 10 u 11), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 574/72, għalkemm jinsab taħt l-imsemmi titolu, għandu jiġi applikat għal kull każ li jaqa’ fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 1408/71, hekk li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tqis l-ammonti ta’ benefiċċju li jikkorrispondu għall-perijodi mwettqa taħt assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

46

Kif jirriżulta mill-emenda proposta għall-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 574/72, ippreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [COM(89) 370 finali, p. 23], ir-restrizzjoni pprovduta mill-inserzjoni tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 kienet intiża sabiex timplementa l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

47

Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “assigurazzjoni volontarja jew b’għażla kontinwata” hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiffaċilita l-aċċess għall-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata billi timponi fuq Stat Membru t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn meħtieġ, bħallikieku dawn kienu perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat, ladarba l-leġiżlazzjoni tiegħu tissuġġetta l-ammissjoni għall-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni.

48

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi kunċett ikopri t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni li għandhom element volontarju, kemm jekk hemm jew le l-kontinwazzjoni ta’ relazzjoni ta’ assigurazzjoni stabbilita preċedentement (sentenzi Liégeois, EU:C:1977:50, punti 12 sa 14, kif ukoll Hartmann Troiani, 368/87, EU:C:1989:206, punt 12).

49

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-proċess, il-pensjoni tal-AOW tirriżulta, fil-prinċipju, minn skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja li T. Bouman kienet affiljata magħha awtomatikament mar-ritorn tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-1974. Għall-erba’ snin qabel ma rtirat, T. Bouman madankollu kisbet u talbet dispensa ta’ affiljazzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Digriet Olandiż.

50

Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk tali assigurazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “b’għażla kontinwata” fis-sens tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, għandhiex tiġi interpretata b’mod wiesa’.

51

Kuntrarjament għal dak li kkonkluda l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-fatt biss li l-affiljazzjoni ta’ T. Boumann kienet awtomatika, iżda li tista’ tingħata dispensa fuq talba tal-persuna kkonċernata, ma għandhiex il-konsegwenza neċessarja li hija ma tistax titqies li hija assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li n-natura fakultattiva tal-affiljazzjoni fl-iskema tal-assigurazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tirriżulta kemm mill-fatt li l-persuna kkonċernata għandha titlob l-affiljazzjoni tagħha fl-iskema tal-assigurazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-assigurazzjoni, kif ukoll mill-fatt li għandha d-dritt li tikseb dispensa mill-affiljazzjoni. Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jimplikaw għażla min-naħa tal-assigurat u huma xhieda tal-fatt li l-affiljazzjoni, jekk tkompli, tibqa’ fakultattiva.

53

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet magħmula minn T. Bouman matul il-perijodu li fih hija kellha d-dritt li titlob eżenzjoni mill-affiljazzjoni abbażi tal-Artikolu 22 tad-Digriet Olandiż żgurawlu protezzjoni soċjali komplementari li wkoll affettwa l-ammont tal-pensjoni tagħha tal-AOW.

54

Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-parti tal-benefiċċju li hija bbażata fuq il-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata kellha, fil-prinċipju, id-dritt għal dispensa mill-affiljazzjoni, iżda ma eżerċitatx din l-għażla, taqa’ fil-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” taħt l-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, jekk il-kontinwazzjoni tas-sħubija matul il-perijodu inkwistjoni jipproduċi effetti fuq il-perijodi ta’ affiljazzjoni u b’hekk fuq l-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija fil-futur tal-persuna kkonċernata.

55

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imqajjem mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu. Skont dan tal-aħħar, l-imsemmi kunċett huwa intiż li jkopri biss il-perijodi ta’ eżenzjoni sabiex jitnaqqsu jew jimtlew lakuni fil-kostituzzjoni tal-pensjoni tax-xjuħija u t-tneħħija ta’ affiljazzjoni jkollha l-konsegwenza d-dispensa ta’ kontribuzzjonijiet tipproduċi l-effett kuntrarju peress li toħloq tali lakuni hekk li l-kontinwazzjoni volontarja ta’ affiljazzjoni obbligatorja ma tista’ qatt tkun relatata ma’ dispensa.

56

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas mill-istruttura tal-imsemmi regolament ma jirriżulta li “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha l-għan biss li tirrimedja l-lakuni fil-kostituzzjoni ta’ pensjoni.

57

Barra minn hekk, l-għan sottostanti ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li l-persuna kkonċernata ma tiġix imċaħħda mill-benefiċċju tal-perijodu kollu ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jipprekludi tali interpretazzjoni limitata tal-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” li tieħu inkunsiderazzjoni biss għan fost oħrajn li jistgħu jiġu segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

58

Huwa importanti li wieħed jinnota li dan il-kunċett jista’ jkopri d-dritt tal-persuna kkonċernata li tiddeċiedi li tkompli jew tinterrompi l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għal ċerti perijodi, sal-punt li din l-għażla tipproduċi effetti fuq l-estensjoni tal-benefiċċju soċjali fil-ġejjieni.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-parti tal-benefiċċju li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu l-persuna kkonċernata kienet intitolata għal dispensa mill-affiljazzjoni mal-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, fil-każ li tali affiljazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, taffettwa l-estensjoni tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 46b(3)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-parti tal-benefiċċju li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu l-persuna kkonċernata kienet intitolata għal dispensa mill-affiljazzjoni mal-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, fil-każ li tali affiljazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, taffettwa l-estensjoni tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq