Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62015CJ0183
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 10 December 2015.#TSI GmbH v Hauptzollamt Aachen.#Request for a preliminary ruling from the Finanzgericht Düsseldorf.#Reference for a preliminary ruling — Common Customs Tariff — Tariff classification — Combined Nomenclature — Sub-heading 9027 10 10 — Ultraviolet aerodynamic particle sizer spectrometers — Handheld particle counters.#Case C-183/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
TSI GmbH vs Hauptzollamt Aachen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestatura 9027 10 10 – Granulometri ajrudinamiċi ultravjola – Counters ta’ partiċelli li jistgħu jinġarru.
Kawża C-183/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
TSI GmbH vs Hauptzollamt Aachen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestatura 9027 10 10 – Granulometri ajrudinamiċi ultravjola – Counters ta’ partiċelli li jistgħu jinġarru.
Kawża C-183/15.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:808
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
10 ta’ Diċembru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Subintestatura 9027 10 10 — Granulometri ajrudinamiċi ultravjola — Counters ta’ partiċelli li jistgħu jinġarru”
Fil-Kawża C‑183/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2015, fil-proċedura
TSI GmbH
vs
Hauptzollamt Aachen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u A. Caeiros, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad‑19 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 291, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), b’mod partikolari s-subintestatura 9027 10 10 tiegħu. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TSI GmbH (iktar ’il quddiem “TSI”) u l-Hauptzollamt Aachen (uffiċċju doganali prinċipali ta’ Aachen) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ granulometri ajrudinamiċi ultravjola u counters ta’ partiċelli li jistgħu jinġarru. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
In-NM, stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u kodifikazzjoni tal-merkanzija, ippreparata mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (iktar ’il quddiem is-“SA”). Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
4 |
It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana” tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Din it-taqsima hija ppreċeduta, b’mod partikolari, min-Nota 3, skont liema: |
5 |
L-imsemmija tieni parti tinkludi wkoll it-Taqsima XVIII, intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku, arloġġi u arloġġi ta’ l-idejn, strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”, li fiha jaqa’, b’mod partikolari, il-Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku, partijiet u aċċessorji tagħhom”. Dan il-kapitolu huwa ppreċedut, b’mod partikolari, min-Nota 3, skont liema: |
6 |
Dan l-istess kapitolu huwa ppreċedut ukoll minn nota addizzjonali. Din tipprevedi:
|
7 |
L-intestatura 9027 tan-NM tipprevedi: |
8 |
Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji noti ta’ spjega għan-NM, li hija tippubblika b’mod regolari f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk ippubblikati fit‑30 ta’ Mejju 2008 (ĠU C 133, p. 1), li kienu applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jispeċifikaw, skont is-subintestatura 9027 10 10 tan-NM: “Dan is-subtitlu [subintestatura] jinkludi counters ta’ partiċelli ta’ l-arja bil-lejżer. Dawn huma mezzi elettroniċi li jiddeterminaw jew jimmonitorjaw il-kontenut ta’ trab ta’ arja ffiltrata, pereżempju, f’impjanti industrijali jew fil-qasam mediku. Il-partiċelli ta’ trab li jkun hemm f’kampjun ta’ l-arja jikkawżaw raġġ ta’ lejżer biex joħloq dawl imferrex fil-kamra ta’ kejl ta’ l-apparat li, wara li jkun konċentrat f’raġġ permezz ta’ sistema ta’ lentijiet, jinqabad minn fotodajowd u jinqaleb f’sinjal elettriku. Bl-għajnuna ta’ data ta’ referenza programmata minn qabel il-proporzjon ta’ partiċelli ta’ trab ikun determinat u r-riżultat tal-kalkolu jintwera fuq id-display diġitali ta’ l-istrument jew ikun stampat fuq printer bit-tejp estern. Permezz ta’ interface, ir-riżultat tal-kalkolu fil-forma ta’ sinjal elettriku jista’ wkoll jintbagħat permezz ta’ kejbil f’magna ta’ proċessar ta’ data awtomatika.” |
9 |
L-ODD għandha tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA. In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 90.27 tagħha, li l-formulazzjoni tagħha hija identika għal dik tal-intestatura 9027 tan-NM, tistabbilixxi: “Fost l-istrumenti u l-apparat inklużi f’din l-intestatura, hemm inklużi: [...]
Uħud minn dawn l-apparati jiffunzjonaw permezz ta’ dożaġġ volumetriku ta’ gassijiet ta’ skariku jew assorbiti minn sustanzi kimiċi adegwati, b’mod partikolari:
Dawn it-tipi ta’ apparati jistgħu barra minn hekk jiġu kkombinati. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl‑10 ta’ Awwissu 2009, TSI ppreżentat dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera għal counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr. Dan jinsab f’kontenitur, li jinkludi screen, xi interfaces u xi kontrolli kkostitwiti minn komponenti elettriċi u elettroniċi. Dan jippermetti li jiġu kkontrollati kontaminazzjonijiet minn partiċelli. Huwa mgħammar b’manku, li jippermetti li l-kontrolli kollha jiġu operati bis-saba’ l-kbir. Dan il-counter jista’ jiġi kkonfigurat u użat bil-għajnuna tal-iscreen tal-kulur tattilu. Ir-riżultati tal-analiżi ta’ kampjuni ta’ partiċelli jistgħu jittellgħu fuq l-iscreen, jitniżżlu jew jiġu pprintjati direttament. L-imsemmi counter huwa intiż li jiġi użat sabiex jinstabu sorsi ta’ tniġġis, jiġu kklassifikati ambjenti nodfa, għall-kontroll tal-issiġillar ta’ filtri jew għal riċerki. |
11 |
Peress li TSI kienet iddikjarat il-counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr fis-subintestatura 9027 50 00 tan-NM, l-uffiċċju doganali kompetenti ma talabx il-ħlas ta’ dazji doganali. |
12 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2009, TSI ppreżentat dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera għal granulometru ajrudinamiku ultravjola (iktar ’il quddiem il-“granulometru”). Dan jinsab f’kontenitur b’daħla għall-arja. Huwa għandu displej b’dijodi li jemettu d-dawl (LED), xi interfaces u xi kontrolli kkostitwiti minn komponenti elettriċi u elettroniċi. Dan il-granulometru jservi sabiex ikejjel, f’ħin reali, id-dijametru ajrudinamiku u l-intensità tal-florexxenza tal-partiċelli fl-arja, kif ukoll l-intensità tad-dawl mogħti minnhom. Tintuża sistema ottika doppja sabiex jitkejjel id-dijametru ajrudinamiku tal-partiċelli u l-intensità tad-dawl mogħti minnhom. Spettrometru ta’ partiċelli ajrudinamiku ultravjola jinnota l-proprjetajiet florexxenti tal-partiċelli. L-imsemmi granulometru jintuża sabiex jikkontrolla l-filtri u l-filtri tal-arja, għal studji ta’ tossiċità inalatorja, għas-sorveljanza tal-kwalità tal-arja ġewwa l-bini u sabiex jiġu studjati l-effetti bijoloġiċi tal-aerosols. |
13 |
Peress li TSI kienet iddikjarat il-granulometru fis-subintestatura 9027 30 00 tan-NM, l-uffiċċju doganali kompetenti ma talabx il-ħlas ta’ dazji doganali. |
14 |
Wara kontroll fuq il-post, l-uffiċċju doganali prinċipali ta’ Aachen adotta l-opinjoni li l-counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr u l-granulometru kellhom jiġu kklassifikati mhux fis-subintestaturi indikati minn TSI fid-dikjarazzjonijiet tagħha, iżda fis-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. Konsegwentement, huwa bagħat żewġ avviżi lil TSI sabiex jirkupra d-dazji doganali a posteriori. |
15 |
Peress li l-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment ma kinux suċċess, TSI ressqet rikorsi intiżi li tikseb il-klassifikazzjoni tal-counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr fis‑subintestatura 9027 50 00 tan-NM u tal-granulometru fis-subintestatura 9027 30 00 tan-NM. Skont TSI, dawn l-apparati ma jistgħux jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. Huwa impossibbli li jiġi analizzat il-gass b’tali apparati. Dawn la huma intiżi u lanqas adattati sabiex ikejlu dħaħen jew emissjonijiet tal-gass jaħarqu. Mingħajr preparazzjoni bl-għajnuna ta’ apparati oħra, l-użu tipiku għal dħaħen jew għal emissjonijiet tal-gass ikollu bħala effett li jeqred l-apparat ikkonċernat. |
16 |
TSI targumenta, barra minn hekk, li l-uffiċċju doganali prinċipali ta’ Aachen lanqas ma jista’ jinvoka insostenn tal-opinjoni tiegħu n-noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. Il-counter ta’ partiċelli tal-arja li jopera permezz ta’ laser li huwa deskritt fihom la huwa komparabbli mal-counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr u lanqas mal-granulometru. Barra minn hekk, l-imsemmija noti ta’ spjega huma inkompatibbli mat-test innifsu tas-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. |
17 |
Il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni li l-counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr u l-granulometru għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. In-nota addizzjonali tal-Kapitolu 90 tan-NM, il-punt 8 tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 90.27 tagħha kif ukoll in-noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 9027 10 10 tagħha jikkonfermaw dan. |
18 |
Il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) tosserva li l-eżitu tal-kawża li hija adita biha jiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-subintestaturi 9027 10 10, 9027 30 00 u 9027 50 00 tan-NM. |
19 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-subintestatura 9027 10 10 tan-NM, l-imsemmija qorti tirrileva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-counter ta’ partiċelli li jista’ jinġarr u l-granulometru ma humiex apparati għall-analiżi ta’ gass u li hija stess ma tiddubitax dan. |
20 |
Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk l-apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, li huma apparati għall-analiżi tad-duħħan. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li n-natura tal-kejl li huwa possibbli li jittieħed bis-saħħa tal-apparati tiddependi mill-oġġett li ser jitkejjel b’mod konkret. L-arja ambjentali (aerosol) li għandha tiġi analizzata tista’ tinkludi xi partiċelli li jirriżultaw jew minn proċess ta’ kombustjoni, jew minn proċessi mekkaniċi. L-użu li jsir b’mod konkret mill-apparat għall-kejl ma jiddependix mill-kwistjoni dwar il-forma u l-kwantità li fihom partiċelli ta’ dan it-tip huma preżenti fl-aerosol. B’hekk, aerosol jista’ jinkludi partiċelli li jirriżultaw minn proċess ta’ kombustjoni jew partiċelli li jirriżultaw minn proċessi mekkaniċi. |
21 |
Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u tal-għan tal-apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “duħħan” fis-sens tas-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. Billi tirreferi, b’mod partikolari, għan-noti ta’ spjega tan-NM dwar l-imsemmija subintestatura, dik il-qorti tqis li l-kunċett ta’ “duħħan” jista’ jkollu sens wiesa’, fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ duħħan tista’ tiddependi b’mod determinanti mill-fatt li l-partiċelli jkunu ġew iġġenerati matul kombustjoni jew konsum, anki jekk l-analiżi tal-partiċelli ma sseħħx neċessarjament immedjatament wara din il-kombustjoni jew dan il-konsum. |
22 |
Anki jekk jitqies li għandha tingħata din l-interpretazzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ “duħħan” fis-sens tas-subintestatura 9027 10 10 tan-NM, tqum sussegwentement madankollu l-kwistjoni għall-qorti tar-rinviju dwar jekk l-apparat inkwistjoni jkunx apparat għall-analiżi ta’ duħħan ukoll fil-każ meta l-apparat inkwistjoni jkejjel mhux biss partiċelli li jirriżultaw minn proċess ta’ kombustjoni, iżda wkoll partiċelli li jirriżultaw minn proċessi mekkaniċi. Dan huwa fil-fatt il-każ taż-żewġ apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi kkwantifikat sa liema punt l-utent tiegħu jkejjel b’mod konkret partiċelli li jirriżultaw minn proċess ta’ kombustjoni jew partiċelli li jirriżultaw minn proċessi mekkaniċi. |
23 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: |
Fuq id-domanda preliminari
24 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kyowa Hakko Europe, C‑344/14, EU:C:2015:615, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li n-noti ta’ spjega mħejjija, fir-rigward tan-NM, mill-Kummissjoni u, fir-rigward tas-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tal-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma għandhom saħħa legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kyowa Hakko Europe, C‑344/14, EU:C:2015:615, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex apparati għall-analiżi ta’ gass fis-sens tas-subintestatura 9027 10 tan-NM. Fir-rigward ta’ din is-subintestatura, tqum biss, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il‑kwistjoni ta’ jekk dawn l-apparati humiex apparati għall-analiżi ta’ duħħan fis-sens ta’ din l-istess subintestatura u, konsegwentement, apparati għall-analiżi ta’ duħħan elettroniku fis-sens tas-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tas-subintestatura 9027 10 tan-NM tirreferi speċifikament u esklużivament għall-“[a]pparat għal analiżi ta’ [...] duħħan”. |
28 |
Issa, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-apparati, bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jikkorrispondux għal din il-formulazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta minn din id-deċiżjoni, dawn l-apparati ma janalizzawx speċifikament u esklużivament partiċelli li jirriżultaw minn proċess ta’ kombustjoni li, min-naħa tagħhom, jaqgħu fil-kunċett ta’ “duħħan” konformement mas-sens normali ta’ dan il-kunċett fil-lingwaġġ kurrenti. Dawn l-istess apparati fil-fatt janalizzaw ukoll partiċelli li ma jaqgħux taħt l-imsemmi kunċett, jiġifieri partiċelli li jirriżultaw minn proċessi mekkaniċi. |
29 |
Meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tas-subintestatura 9027 10 tan-NM, hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li apparati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jaqgħu taħt din is-subintestatura u lanqas, konsegwentement, taħt is-subintestatura 9027 10 10 tan-NM. |
30 |
Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata min-Nota 3 tal-Kapitolu 90 tan-NM. Fil-fatt, minn din in-nota jirriżulta li l-magni maħsuba bil-għan li jaqdu żewġ funzjonijiet differenti jew iktar għandhom jiġu kklassifikati skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t-totalità. Madankollu, il-funzjoni prinċipali ta’ apparati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dik li tanalizza d-duħħan. |
31 |
Bl-istess mod, din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata min-nota addizzjonali tal-Kapitolu 90 tan-NM, mill-punt 8 tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l‑intestatura 90.27 tagħha jew min-noti ta’ spjega dwar is-subintestatura 9027 10 10 tan-NM, li l-qorti tar-rinviju ssemmi fid-deċiżjoni tagħha. |
32 |
Fil-fatt, fir-rigward tan-nota addizzjonali tal-Kapitolu 90 tan-NM u tal-punt 8 tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 90.27 tagħha, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tagħhom ma hijiex ta’ natura li tikkonferma interpretazzjoni tas-subintestaturi 9027 10 u 9027 10 10 tan-NM, li hija differenti minn dik mogħtija fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza. |
33 |
F’dak li jirrigwarda n-noti ta’ spjega dwar is-subintestatura 9027 10 10 tan-NM, għandu jiġi kkonstatat li huma jikkonċernaw mhux is-subintestatura 9027 10 tan-NM, iżda din l-ewwel subintestatura. Għaldaqstant, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-istess noti ta’ spjega huma intiżi li jinterpretaw it-terminu “[e]lettroniċi”, fis-sens tas-subintestatura 9027 10 10 tan-NM, iktar milli t-termini “[a]pparat għal analiżi ta’ [...] duħħan”, fis-sens tas-subintestatura 9027 10 tan-NM. |
34 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, in-noti ta’ spjega dwar is-subintestatura 9027 10 10 tan-NM ma jippermettux, fi kwalunkwe każ, li wieħed jasal għal interpretazzjoni ta’ din is-subintestatura li tmur kontra l-formulazzjoni tagħha. |
35 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li granulometri ajrudinamiċi ultravjola u counters ta’ partiċelli li jistgħu jinġarru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt is-subintestatura 9027 10 10 tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...], kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li granulometri ajrudinamiċi ultravjola u counters ta’ partiċelli li jistgħu jinġarru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt is-subintestatura 9027 10 10 tagħha. |
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.