Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0594

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
    Simona Kornhaas vs Thomas Dithmar.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 4(1) – Determinazzjoni tal-liġi applikabbli – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-obbligu ta’ direttur ta’ kumpannija li jirrimborsa lil din tal-aħħar il-ħlasijiet imwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha – Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor – Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE – Resctrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Assenza.
    Kawża C-594/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:806

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    10 ta’ Diċembru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 4(1) — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-obbligu ta’ direttur ta’ kumpannija li jirrimborsa lil din tal-aħħar il-ħlasijiet imwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha — Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor — Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE — Restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment — Assenza”

    Fil-Kawża C‑594/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

    Simona Kornhaas

    vs

    Thomas Dithmar, fil-kwalità tiegħu ta’ kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Kornhaas Montage und Dienstleistung Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn F. Biltgen, President tal-Għaxar Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Kornhaas, minn W. Steinfeld, Avukat,

    għal Dithmar, minn C. Esser, Avukat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) kif ukoll tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Dithmar, fil-kwalità tiegħu ta’ kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Kornhaas Montage und Dienstleistung Ltd (iktar ’il quddiem il-“kumpannija debitriċi” u S. Kornhaas dwar azzjoni għar-rimbors tal-ħlasijiet li din tal-aħħar wettqet bħala direttur tal-kumpannija debitriċi wara s-seħħ tal-insolvenza tal-aħħar imsemmija kumpannija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

    “1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-[proċeduri ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

    2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu [proċeduri ta’ insolvenza] kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-[proċeduri] għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

    [...]”

    4

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprovdi:

    “1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal [proċeduri ta’ insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-“Istat tal-ftuħ tal-[proċeduri]”.

    2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

    [...]

    m)

    ir-regoli dwar in-nullità, l-annulabbilità jew in-nuqqas ta’ esekuzzjoni ta’ atti legali ta’ detriment lill-kredituri kollha.”

    Id-dritt Ġermaniż

    5

    L-Artikolu 64(1) u (2) tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung, RGBl. 1898, p. 846, iktar ’il quddiem il-“GmbHG”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti prinċipali, jipprovdi:

    “(1)   F’każ ta’ insolvenza tal-kumpannija, id-diretturi għandhom iressqu mingħajr dewmien, u sa mhux iktar tard minn tliet ġimgħat wara s-seħħ tal-insolvenza, talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Dan japplika wkoll, essenzjalment, jekk jirriżulta li l-kumpannija jkollha dejn eċċessiv.

    (2)   Id-diretturi huma obbligati li jirrimborsaw lill-kumpannija, il-ħlasijiet imwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tal-kumpannija jew wara l-konstatazzjoni ta’ dejn eċċessiv tagħha [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6

    T. Dithmar huwa l-kuratur tal-kumpannija debitriċi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa mill-Amtsgericht Erfurt (qorti kantonali ta’ Erfurt). Il-kumpannija debitriċi, li tagħha S. Kornhaas kienet direttriċi, kienet irreġistrata fil-forma kummerċjali ta’ “private company limited by shares” (iktar ’il quddiem “Limited”) fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Cardiff (Ir-Renju Unit). Fergħa tal-kumpannija debitriċi kienet stabbilita fil-Ġermanja u, abbażi ta’ dan, kienet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ miżmum mill-Amtsgericht Jena (qorti kantonali ta’ Jena). Il-kumpannija debitriċi, li kienet essenzjalment attiva f’dan l-aħħar Stat Membru, kellha bħala l-iskop soċjali tagħha, l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni u l-provvista ta’ servizzi konnessi.

    7

    Filwaqt li sostna li l-kumpannija debitriċi kienet insolventi tal-inqas mill-1 ta’ Novembru 2006 u li S. Kornhaas, bejn il-11 ta’ Diċembru 2006 u s-26 ta’ Frar 2007, kienet wettqet, a karigu ta’ din il-kumpannija, ħlasijiet fl-ammont totali ta’ EUR 110151,66, T. Dithmar ippreżenta kontra S. Kornhaas azzjoni għar-rimbors ta’ dan l-ammont abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG. Dan ir-rikors intlaqa’ mill-Landgericht Erfurt (qorti reġjoinali ta’ Erfurt). Meta ġiet adita bl-appell ta’ S. Kornhaas, l-Oberlandesgericht Jena (qorti reġjonali superjuri ta’ Jena) ikkonfermat is-sentenza tal-Landgericht Erfurt (qorti reġjonali ta’ Erfurt), filwaqt li awtorizzat ir-rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja).

    8

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-rikors ippreżentat minn T. Dithmar huwa bbażat fuq id-dritt Ġermaniż, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG li għandu l-għan, essenzjalment, li jipprevjeni t-tnaqqis tal-attivi tal-massa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u li jiżgura li dawn l-attivi jkunu disponibbli, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, bil-ħsieb tal-adempjenza ugwali tal-kredituri. Din id-dispożizzjoni, għalkemm formalment integrata f’leġiżlazzjoni marbuta mad-dritt tal-kumpanniji, taqa’, sussegwentement, taħt id-dritt tal-insolvenza u hija invokabbli fil-konfront tad-direttur ta’ Limited.

    9

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-konformità ta’ tali dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u l-effetti tagħha hija l-liġi Ġermaniża, bħala liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza. Issa, teżisti kontroversja fid-duttrina Ġermaniża fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG tistax tiġi invokata fil-konfront tad-diretturi ta’ kumpanniji stabbiliti skont id-dritt ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, iżda li jkollhom iċ-ċentru tal-interess prinċipali tagħhom fil-Ġermanja.

    10

    Skont il-Qorti tar-rinviju, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG ma tirregolax il-kundizzjoniijet li skonthom kumpannija stabbilita skont id-dritt tal-Stat ieħor tal-Unjoni tista’ tistabbilixxi s-sede amministrattiva tagħha fil-Ġermanja, iżda unikament il-konsegwenzi legali ta’ tali deċiżjoni u ta’ aġir skorrett tad-diretturi tagħha. Għaldaqstant, il-libertà ta’ stabbiliment ma hijiex affettwata.

    11

    Fi kwalunkwe każ, ir-restrizzjoni eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment li tinvolvi l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG hija ġġustifikata, peress li din tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju, li hija tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tal‑kredituri, li hija ta’ natura li tippreżerva l-massa jew li tirrikostitwixxiha u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    12

    Il-qorti tar-rinviju tosserva madankollu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi Überseering (C‑208/00, EU:C:2002:632) u Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512) tista’ tiġi interpretata wkoll fis-sens li r-rapporti interni tal-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru, iżda li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor, jaqgħu, fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, taħt id-dritt tal-kumpanniji tal-Istat ta’ kostituzzjoni. L-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG għad-diretturi tal-kumpanniji ta’ Stat Membru ieħor tista’ b’hekk tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġusitzzja) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Kawża quddiem qorti Ġermaniża kontra d-direttur ta’ “private company limited by shares” irregolata mid-dritt Ingliż jew ta’ Wales, li hija s-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvenza mibdija fil-Ġermanja skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 1346/2000, mill-amministratur (“Insolvenzverwalter”) għar-rimbors tal-ħlasijiet li saru mid-direttur qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza iżda wara [s-seħħ] tal-insolvenza tal-kumpannija, tikkonċerna il-liġi Ġermaniża applikabbli fil-qasam tal-insolvenza fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000?

    2)

    Tali kawża tikser il-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikoli 49, 54 TFUE?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    14

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, azzjoni diretta kontra d-direttur ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ingliż jew Irlandiż, li tkun taħt proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja, mibdija quddiem qorti Ġermaniża mill-kuratur ta’ din il-kumpannija u intiża, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, għar-rimbors tal-ħlasijiet imwettqa minn dan id-direttur qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, iżda wara d-data li fiha ġie stabbilit is-seħħ tal-insolvenza ta’ din il-kumpannija.

    15

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet proċedura ta’ insolvenza li tirrigwarda l-patrimonju ta’ kumpannija għandhom ġurisdizzjoni, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li jiddeċiedu dwar azzjoni tal-kuraturi fil-proċedura ta’ falliment ta’ din il-kumpannija diretta kontra d-direttur tal-imsemmija kumpannija u intiża għar-rimbors tal-ħlasijiet mwettqa wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha jew wara l-konstatazzjoni ta’ dejn eċċessiv tagħha (sentenza H, C‑295/13, EU:C:2014:2410, punt 26).

    16

    Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din id-deċiżjoni fuq il-kunsiderazzjoni li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, li skontha d-direttur ta’ kumpannija insolventi għandu jirrimborsa l-ħlasijiet li huwa wettaq għan-nom ta’ din il-kumpannija wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha, tikkostitwixxi deroga mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali, u dan minħabba l-istat ta’ insolvenza tal-imsemmija kumpannija. Minn dan hija kkonkludiet li azzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni, ippreżentatata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, taqa’ taħt azzjonijiet naxxenti direttament minn proċedura ta’ insolvenza u hija marbuta mill-qrib magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza H, C‑295/13, EU:C:2014:2410, punti 2324).

    17

    Konsegwentement, anki jekk, fis-sentenza H (C‑295/13, EU:C:2014:2410), ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari kienet tirrigwarda l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000 u l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti nazzjonali sabiex tagħti deċiżjoni fuq azzjoni bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, hija għandha madankollu tikklassifika b’mod ċar tali dispożizzjoni taħt id-dritt nazzjonali bħala li taqa’ taħt id-dritt tal-insolvenza. Minn dan jirriżulta li din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni għandha titqies bħala li taqa’ taħt il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000. Bħala tali, l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li wieħed mill-effetti tagħha jikkonsisti fl-obbligu, fejn xieraq, tad-direttur ta’ kumpannija li jirrimborsa l-ħlasijiet imwettqa għan-nom ta’ din tal-aħħar wara s-seħħ tal-insolvenza tagħha, tista’, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, tiġi applikata mill-qorti nazzjonali adita bil-proċedura ta’ insolvenza bħala liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“lex fori concursus”).

    18

    Jeħtieġ li jiżdied f’dan ir-rigward li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG għandu jinqara flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li jipprevedi, essenzjalment, li, f’każ ta’ insolvenza jew ta’ dejn eċċessiv ta’ kumpannija, il-membri tal-organu ta’ rappreżentazzjoni huma obbligati li jippreżentaw, mhux iktar tard minn tliet ġimgħat wara s-seħħ tal-insolvenza jew tad-dejn eċċessiv, talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. B’hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG tippermetti b’mod partikolari li tiġi skattata r-responsabbiltà personali tad-diretturi ta’ kumpannija insolventi jew li għandha dejn eċċessiv li jkunu naqsu milli jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza bi ksur tal-Artikolu 64(1) tal-GmbHG. Fil-fatt, ladarba tinfetaħ tali proċedura, bħala regola ġenerali ma jkunx jispetta iktar lid-direttur tal-kumpannija insolventi, iżda lill-kuratur ta’ din tal-aħħar sabiex iwettaq jew jawtorizza il-ħlasijiet għan-nom ta’ din il-kumpannija. Minn dan jirriżulta li, jekk id-diretturi ta’ kumpannija fi Stat ta’ insolvenza jikkonforma ruħu mal-obbligu stabbilit mill-Artikolu 64(1) tal-GmbHG, ma għandhiex tapplika s-sanzjoni li tinkludi essenzjalment l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG.

    19

    Issa, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-lex fori concursus għandha tiddetermina l-“kundizzjonijiet tal-ftuħ” tal-proċedura ta’ insolvenza. Bil-għan li jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, din għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet preliminari għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, fit-tieni lok, ir-regoli li jagħżlu l-persuni li huma obbligati li jitolbu l-ftuħ ta’ din il-proċedura u, fit-tielet lok, il-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dan l-obbligu. Konsegwentement, dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(1) u (2) tal-GmbHG u l-Artikolu 15a tal-InsO, li għandhom l-effett, essenzjalment li jissanzjonaw nuqqas mill-obbligu li jintalab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, għandhom jiġu kkunsidrati, ukoll minn dan l-angolu, bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    20

    Barra minn hekk, dispożizzjoni bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ għan li huwa intrinsikament marbut, mutatis mutandis, ma’ kull proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ tnaqqis possibbli tal-massa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza bil-ħsieb tal-adempjenza ugwali tal-kredituri. B’hekk, tali dispożizzjoni tidher tal-inqas assimilabbli għal regola dwar “in-non-invokabbiltà tal-atti preġudikattivi fil-konfront tal-kredituri kollha” li, skont l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000, taqa’ taħt il-lex fori concursus.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, azzjoni diretta kontra d-direttur ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ingliż jew Irlandiż, li tinsab taħt proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja, mibdija quddiem qorti Ġermaniża mill-kuratur tal-kumpannija u intiża, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, għar-rimbors tal-ħlasijiet imwettqa minn dan id-direttur qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, iżda wara li tkun ġiet stabbilita d-data tas-seħħ tal-insolvenza ta’ din il-kumpannija.

    Fuq it-tieni domanda

    22

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, fil-konfront ta’ direttur ta’ kumpannija stabbilita skont id-dritt Ingliż jew Irlandiż li tkun suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja.

    23

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, ir-rifjut, minn Stat Membru, li tiġi rrikonoxxuta l-kapaċità ġuridika ta’ kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor li fih hija jkollha s-sede statutorju tagħha peress, b’mod partikolari, li l-kumpannija ttrasferiet is-sede effettiv tagħha fit-territjorju tiegħu jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li huwa inkompatibbli, fil-prinċipju, mal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza Überseering, C‑208/00, EU:C:2002:632, punt 82).

    24

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li, sa fejn il-miżura jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-kapital minimu huma inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment, kif iggarantita mit-Trattat, dan neċessarjament jgħodd ukoll għas-sanzjonijiet marbuta mal-inosservanza ta’ dawn l-obbligi, bħar-responsabbiltà personali u in solidum tal-amministraturi, meta l-kapital ma jilħaqx l-ammont minimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew meta dan jinżel taħt, matul l-attività, taħt dan l-ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inspire Art, C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 141).

    25

    Madankollu, fir-rigward ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar la tikkonċerna r-rifjut, minn Stat Membru, li jirrikonoxxi l-kapaċità ġuridika ta’ kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor u li ttrasferiet is-sede effettiv tagħha fit-territorju tal-ewwel imsemmi Stat Membru, u lanqas ir-responsabbiltà personali tal-amministraturi meta l-kapital ta’ din il-kumpannija ma jilħaqx l-ammont minimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    26

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kapaċità ġuridika tal-kumpannija debitriċi bl-ebda mod ma hija kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG jidher li jeskludi tali kontestazzjoni, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreżumi l-eżistenza ta’ “kumpannija”.

    27

    Fit-tieni lok, ir-responsabbiltà personali tad-diretturi ta’ kumpannija abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG hija marbuta mhux mal-fatt li l-kapital ta’ din il-kumpannija ma jilħaqx l-ammont minimu previst mil-liġi Ġermaniża jew mil-leġiżlazzjoni li skontha din il-kumpannija ġiet stabbilita, iżda unikament u essenzjalment, li d-diretturi ta’ tali kumpannija wettqu ħlasijiet fi stadju li fih huma kienu obbligati, skont l-Artikolu 64(1) tal-GmbHG, li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    28

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-applikazzjoni ta’ dispożiżzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG bl-ebda mod ma tikkonċerna l-istabbiliment ta’ kumpannija fi Stat Membru partikolari u lanqas l-istabbilment ulterjuri tagħha fi Stat Membru ieħor, sa fejn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tapplika biss wara li tkun ġiet stabbilita kumpannija, fil-kuntest tal-attività tagħha u, b’mod iktar preċiż, mill-mument li fih, jew għandha tiġi kkunsidrata bħala insolventi, skont id-dritt nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, jew inkella mill-mument li fih jiġi kkonstatat li hija għandha dejn eċċessiv skont dan id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG ma tinċidix fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

    29

    F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG fil-konfront ta’ direttur ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ingliż jew Irlandiż suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, azzjoni diretta kontra d-direttur ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ingliż jew Irlandiż, li tinsab taħt proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja, mibdija quddiem qorti Ġermaniża mill-kuratur tal-kumpannija u intiża, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG, għar-rimbors tal-ħlasijiet imwettqa minn dan id-direttur qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, iżda wara li tkun ġiet stabbilita d-data tas-seħħ tal-insolvenza ta’ din il-kumpannija.

     

    2)

    L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(2) tal-GmbHG fil-konfront ta’ direttur ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ingliż jew Irlandiż suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Ġermanja.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq